DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali illegalment imneħħija mit-territorju ta' Stat Membru (Riformulazzjoni) /* SWD/2013/0188 final */
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL
TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-ritorn ta' oġġetti
kulturali illegalment imneħħija mit-territorju ta' Stat Membru
(Riformulazzjoni) 1. Definizzjoni tal-problema Id-Direttiva 93/7/KEE
tal-15 ta' Marzu 1993 fuq ir-ritorn ta' oġġetti ta'
kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta' Stat Membru[1] hija maħsuba sabiex
tiggarantixxi r-ritorn ta' ċerti teżori nazzjonali li
tneħħew illegalment mit-territorju ta' Stat Membru mill-1 ta' Jannar 1993. L-awtoritajiet nazzjonali responsabbli
għad-Direttiva (minn issa 'l quddiem "awtoritajiet
ċentrali") iqisu lil din id-Direttiva bħala strument
meħtieġ għall-protezzjoni tal-wirt nazzjonali. Madankollu, dawn
l-awtoritajiet jikkritikaw l-effikaċja limitata tad-Direttiva fir-rigward
tal-ksib tar-ritorn ta' ċerti oġġetti kulturali kklassifikati
bħala "patrimonju nazzjonali ta' valur artistiku, storiku jew
arkeoloġiku" skont il-liġi jew il-proċeduri amministrattivi
nazzjonali fil-kuntest tat-tifsira tal-Artikolu 36 tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn issa 'l quddiem "teżori
nazzjonali"). Il-valutazzjoni tal-impatt tidentifika tliet
kawżi prinċipali: 1. il-kundizzjonijiet imposti
fuq l-oġġetti kklassifikati bħala "teżori
nazzjonali" sabiex dawn jiġu rritornati, jiġifieri li jkunu
jappartjenu wkoll għal waħda mill-15-il kategorija msemmija fl-Anness
(fosthom l-oġġetti arkeoloġiċi, stampi, pitturi,
inċiżjonijiet jew arkivji) u li jaqbżu l-livell limitu tal-età
minima (ta' 50, 75 jew 100 sena) u/jew livell limitu minimu finanzjarju
(valur ta' EUR 15 000, EUR 30 000, EUR 50 000 jew
EUR 150 000). 2. il-perjodu qasir ta' sena
għall-proċeduri ta' ritorn. 3. il-kost tal-kumpens
lill-possessur. Id-Direttiva tipprevedi li l-qorti tagħti kumpens
lill-possessur jekk hu jkun aġixxa bid-diliġenza meħtieġa
matul l-akkwist tal-oġġett. Matul l-applikazzjoni fl-Istati Membri,
l-għoti tal-kumpens (u/jew l-ammont tiegħu) jista' jkun
suġġett għal deċiżjonijiet differenti
f'ċirkostanzi simili. Din id-dispożizzjoni tkun sors ta' ambigwità u
tista' tagħmel ir-ritorn tal-oġġett aktar diffiċli, jew
saħansitra impossibbli għal ċerti Stati Membri. Fid-dawl tad-diffikultajiet li jaffrontaw meta
jirritornaw l-oġġetti, l-awtoritajiet nazzjonali spiss ikollhom
bżonn jirrikorru għall-mekkaniżmi previsti mill-Konvenzjoni
internazzjonali tal-UNESCO tal-1970 dwar il-miżuri li għandhom
jittieħdu sabiex jiġu pprojbiti u pprevenuti l-importazzjoni, l-esportazzjoni
u t-trasferiment illegali tas-sjieda tal-oġġetti kulturali u/jew
għal dawk tal-Konvenzjoni ta' UNIDROIT tal-1995 dwar l-oġġetti
kulturali misruqa jew esportati illegalment[2]. 2. Analiżi tas-sussidjarjetà L-Artikolu 114
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jippermetti li
l-Unjoni tadotta miżuri sabiex tiffaċilita l-funzjonament tas-suq
intern tal-oġġetti, fosthom l-oġġetti kulturali. Mod kif
il-funzjonament tas-suq jiġi ffaċilitat huwa dak li jiġu
stabbiliti regoli dwar ir-ritorn tal-oġġetti. Madankollu l-Unjoni
Ewropea mhijiex kompetenti biex tiddefinixxi t-teżori nazzjonali jew biex
tiddetermina t-tipi ta' qrati nazzjonali kompetenti li għandhom jiġu
nnotifikati bir-ritorn. Minħabba li
kull azzjoni individwali ta' ritorn li ssir mill-Istati Membri tista' tiġi
affettwata mir-regoli nazzjonali differenti, il-ħolqien ta' suq intern
kien akkumpanjat mill-adozzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE. Id-dimensjoni transfruntiera
tal-ħruġ illegali tal-oġġetti kulturali tfisser li l-UE tinsab
f'qagħda aħjar biex tieħu azzjoni fir-rigward ta' dawn l-aspetti
u tippermetti r-ritorn ta' oġġetti li jkunu nħarġu
illegalment u li jkunu f'territorju ta' Stat Membru. Matul il-konsultazzjoni
pubblika, il-maġġoranza prinċipali tal-awtoritajiet ċentrali
u r-rappreżentanti tas-settur pubbliku esprimew l-appoġġ
tagħhom għall-azzjoni tal-UE biex titjieb is-sistema ta' ritorn
tal-oġġetti kklassifikati bħala "teżori
nazzjonali". Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza
taċ-ċittadini u tal-operaturi privati ma jqisux li huwa
neċessarju li jirrikorru għal azzjoni tal-UE biex ikun garantit
ir-ritorn tal-oġġetti kulturali kklassifikati bħala
"teżori nazzjonali". 3. Għanijiet L-għan ġenerali ta' din
l-inizjattiva huwa dak li tikkontribwixxi għall-protezzjoni
tal-oġġetti kulturali fil-kuntest tas-suq intern. L-għan
speċifiku huwa dak li tippermetti lill-Istati Membri jiksbu r-ritorn
tal-oġġetti kulturali kklassifikati bħala "teżori
nazzjonali" li jkunu nħarġu illegalment mit-territorju
tagħhom mill-1993 'il quddiem. L-għanijiet operazzjonali ta' din
l-inizjattiva huma dawk li żżid l-għadd ta' azzjonijiet ta'
ritorn tal-oġġetti kklassifikati bħala "teżori
nazzjonali" u li jonqos il-kost ta' dan ir-ritorn. Dawn l-għanijiet huma konformi
mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-13 u
l-14 ta' Diċembru 2011 li jirrakomandaw li l-Kummissjoni
tipprovdi l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri sabiex
jipproteġu b'mod effikaċi l-oġġetti kulturali bil-għan
li jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-kummerċ illegali u, fejn
xieraq, jippromwovu miżuri addizzjonali. 4. Għażliet Possibbli L-għażliet strateġiċi
ġew żviluppati abbażi tal-preżunzjonijiet stabbiliti hawn
taħt: ·
iċ-ċirkulazzjoni ħielsa
tal-oġġetti kulturali tikkostitwixxi prinċipju fundamentali
rikonoxxut mit-Trattat (TFUE). Dan it-Trattat jirrikonoxxi wkoll id-dritt
tal-Istati Membri li jillimitaw din il-libertà sabiex jipproteġu
l-oġġetti kulturali kklassifikati bħala "teżori
nazzjonali"; ·
id-definizzjoni ta' dak li jkopri l-kunċett
ta' "teżor nazzjonali", kif ukoll il-miżuri ta' protezzjoni
marbuta jibqgħu prerogattiva għal kull Stat Membru; ·
huwa biss l-Istat Membru li huwa intitolat li jibda
l-proċedura ta' ritorn irrispettivament min-natura tas-sjieda
tal-oġġett (pubblika jew privata); ·
id-Direttiva mhijiex marbuta ma' aspetti li
jikkonċernaw is-sjieda tal-oġġett li għalih tkun saret
talba ta' ritorn u għalhekk hija konformi mal-Artikolu 345 tat-TFUE. Ir-rapport ma analizzax l-għażliet
li ma jaqgħux taħt il-kompetenzi tal-UE jew li mhumiex konformi
mar-regoli tat-Trattat (TFUE). Minbarra x-xenarju ta' referenza "status
quo" (għażla 1), ġew eżaminati
l-għażliet li ġejjin[3]: Għażla 2: Il-promozzjoni
tal-użu ta' għodda komuni bejn l-awtoritajiet ċentrali Il-Kummissjoni tipproponi l-użu ta'
għodda informatika biex ittejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva u
d-djalogu bejn l-awtoritajiet ċentrali. Għażla 3: Ir-reviżjoni
tad-Direttiva 93/7/KEE Id-Direttiva 93/7/KEE, kif emendata
bid-Direttivi 96/100/KE u 2001/38/KE, tiġi riveduta sabiex i)
testendi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha għall-oġġetti
kollha kklassifikati bħala "teżori nazzjonali" mill-Istati
Membri; ii) testendi l-perjodi limitati għall-proċeduri ta' ritorn u
sabiex jiġi vverifikat jekk l-oġġett misjub huwiex
oġġett kulturali, u iii) tallinja l-kundizzjonijiet b'rabta mal-kumpens
tal-possessur. Għażla 4:
It-tħeġġiġ tar-ratifika u l-implimentazzjoni, min-naħa
tal-Istati Membri, tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-1970 dwar l-oġġetti
kulturali Il-Kummissjoni tniedi kampanja ta'
informazzjoni bil-għan li tqajjem kuxjenza, fl-Istati Membri, favur
ir-ratifika jew ukoll l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-1970[4]. 5. valutazzjoni tal-impatt Fil-prinċipju, l-ebda għażla
deskritta hawn fuq ma għandha effett fuq il-ħolqien
tax-xogħlijiet, l-ambjent, il-kompetittività jew il-Karta tad-Drittijiet
Fundamentali. Dawn l-għażliet għandhom impatt
fuq il-protezzjoni tal-wirt kulturali nazzjonali minħabba li
l-eżistenza ta' mekkaniżmi effikaċi ta' ritorn hija kundizzjoni
importanti għal tali protezzjoni. L-għażliet 1, 2 u 3 għandhom
ukoll impatt fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għax
jikkontribwixxu għar-rikonċiljazzjoni tal-moviment ħieles
tal-oġġetti kulturali mal-protezzjoni tat-teżori nazzjonali.
L-għażla 3 x'aktarx tħalli impatt fuq ċerti partijiet
interessati fis-suq tal-arti, bħall-bejjiegħa tal-antikwarjat jew
il-postijiet ta' rkant, li l-maġġoranza tagħhom huma
intrapriżi żgħar u medji. L-analiżi tal-għażliet hija,
b'mod partikolari, ta' natura kwalitattiva. 5.1. Għażla 1: Xenarju
ta' referenza "status quo" Din l-għażla tfisser li ma
tittiħidx azzjoni dwar talbiet mill-awtoritajiet ċentrali sabiex
id-Direttiva ssir strument aktar effikaċi għar-ritorn ta' kwalunkwe
oġġett ikklassifikat bħala "teżor nazzjonali". It-tweġibiet għall-konsultazzjoni
pubblika juru li 61.02 % ta' dawk li wieġbu mis-settur privat huma
tal-fehma li d-Direttiva tipprovdi tweġiba xierqa
għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tar-ritorn
tat-teżori nazzjonali. Min-naħa l-oħra, 20.83 % biss
tar-rappreżentanti tas-settur pubbliku huma tal-istess fehma. Il-Kummissjoni ma għandhiex informazzjoni
ġenerali dwar il-kostijiet operazzjonali marbuta mal-applikazzjoni
tad-Direttiva. Il-kost amministrattiv marbut mat-tfassil tar-rapport dwar
l-infurzar tad-Direttiva kull tliet snin huwa stmat li hu ta'
EUR 55 000, li jirrappreżenta kost annwali ta' madwar
EUR 18 000[5].
5.2. Għażla 2:
Il-promozzjoni tal-użu ta' għodda komuni bejn l-awtoritajiet
ċentrali F'evalwazzjonijiet preċedenti
tad-Direttiva, l-awtoritajiet ċentrali nnutaw titjib proressiv iżda
dawn l-awtoritajiet jirrappurtaw li l-kuntatti tagħhom huma ftit li xejn
strutturati, u dan partikolarment minħabba nuqqas ta' sistema ta'
konsultazzjoni komuni u ostakoli lingwistiċi. Din l-għażla tinvolvi l-użu
tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (minn hawn 'il quddiem
"IMI") sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni
amministrattiva u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet
ċentrali. Din l-għodda ġiet żviluppata mill-Kummissjoni,
hija aċċessibbli onlajn u ma teħtieġx l-istallazzjoni ta'
softwer. Hija applikazzjoni sigura u multilingwi li tippermetti l-iskambju
rapidu ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Tinkludi sistema ta'
notifiki elettroniċi, formoli standard fil-lingwi kollha, lista ta'
mistoqsijiet/tweġibiet tradotti minn qabel, għodda tat-traduzzjoni
awtomatika inkorporata fis-sistema u mekkaniżmu
għall-monitoraġġ tat-talbiet sottomessi. L-użu tal-IMI jkun jeħtieġ
l-iżvilupp ta' modulu ad hoc adattat għall-bżonnijiet tad-Direttiva.
Għodda tali għandha tiffaċilita
l-applikazzjoni tad-Direttiva u tħalli impatt pożittiv fuq
l-għadd ta' azzjonijiet ta' ritorn, b'mod partikolari dawk organizzati fuq
bażi amikevoli. Matul il-konsultazzjoni pubblika, terz
tar-rappreżentanti tas-settur pubbliku kkunsidra li t-tisħiħ
tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-konsultazzjoni kienet l-aqwa soluzzjoni
sabiex jiġi ffaċilitat ir-ritorn tat-teżori nazzjonali.
Madankollu, 61.02 % tar-rappreżentanti tas-settur privat kienu
tal-fehma li s-sitwazzjoni eżistenti ma għandhiex tinbidel u li ma
kienx hemm il-bżonn ta' tisħiħ fil-kooperazzjoni
għar-ritorn tat-teżori nazzjonali. Il-kostijiet tal-iżvilupp ta' modulu ad
hoc, u tal-użu u ż-żamma tas-sistema IMI jkunu koperti
bil-baġit tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tkun ukoll responsabbli
għall-organizzazzjoni tas-sessjonijiet ta' taħriġ
meħtieġa għat-tnedija tal-modulu u għas-suċċess
fit-tul. Il-kostijiet marbuta mal-operazzjonijiet IMI,
inkluż il-kost tar-riżorsi umani (l-utenti IMI fil-livell nazzjonali
għandhom, fil-prinċipju, ikunu wkoll dawk li diġà qiegħdin
jieħdu ħsieb dan id-dossier), it-taħriġ għall-utenti
differenti, il-promozzjoni u l-assistenza teknika, kif ukoll l-amministrazzjoni
tas-sistema fil-livell nazzjonali jkunu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà
tal-Istat Membru. Permezz tas-sistema IMI, il-kost amministrattiv marbut
mal-obbligu li kull tliet snin jiġi stabbilit rapport nazzjonali dwar
l-applikazzjoni tad-Direttiva jista' jitnaqqas għal EUR 27 500 kull tliet
snin; il-kost annwali amministrattiv jkun dak ta' madwar EUR 9 000. 5.3. Għażla 3:
Reviżjoni tad-Direttiva 93/7/KEE Din l-għażla għandha
l-għan li tirrevedi d-dispożittiv attwali, u fl-istess ħin
tikkonsolida d-Direttiva 93/7/KEE, kif emendata
bid-Direttivi 96/100/KE u 2001/38/KE. Fil-prinċipju din l-għażla
tista' ssolvi l-kawżi prinċipali tan-nuqqas ta' effikaċja
tad-Direttiva sabiex jinkiseb ir-ritorn tat-teżori nazzjonali. Tipprovdi
qafas għat-talbiet ripetuti tal-awtoritajiet ċentrali u tkun konformi
mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni, ta' Diċembru 2011,
sabiex tippromwovi miżuri addizzjonali u b'hekk tipproteġi b'mod
effikaċi l-oġġetti kulturali. Mill-konsultazzjoni pubblika jidher ċar
li l-maġġoranza ta' dawk li wieġbu mis-settur pubbliku huma
tal-fehma li għandha tittieħed azzjoni sabiex jinkiseb l-għan
ta' ritorn b'suċċess tat-teżori nazzjonali permezz
tar-reviżjoni tad-Direttiva, bħala inizjattiva iżolata jew billi
r-reviżjoni tiġi kkumbinata ma' soluzzjonijiet oħrajn,
bħat-titjib tal-kooperazzjoni amministrattiva. Min-naħa l-oħra,
22.03 % biss tat-tweġibiet tas-settur privat kienu favur
reviżjoni tad-Direttiva. 5.3.1. L-estensjoni tal-kamp ta'
applikazzjoni tad-Direttiva L-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni
tad-Direttiva għall-oġġetti kulturali kollha kklassifikati
bħala "teżori nazzjonali", mingħajr ma jirrikorru
għal kategoriji komuni, għal limiti finanzjarji u/jew tal-età,
għandu jkollha impatt pożittiv ħafna fuq il-protezzjoni tal-wirt
tal-Istati Membri. Modifika tali tippermetti li l-Istati Membri jitolbu
r-ritorn ta' kwalunkwe oġġett kulturali kklassifikat bħala
"teżor nazzjonali" li jkun tneħħa illegalment
mit-territorju tagħhom mill-1993 'il quddiem. Il-biża' li l-eliminazzjoni tal-limiti
u/jew tal-kategoriji tal-oġġetti jista' jkollha impatt fuq
l-għadd ta' talbiet għal ritorn ma għandha bl-ebda mod tkun
raġuni biex ikun hemm oppożizzjoni għall-emenda, għaliex
iż-żieda fl-għadd ta' azzjonijiet ta' ritorn hija waħda
mill-għanijiet ta' din l-inizjattiva. Il-maġġoranza tal-awtoritajiet
ċentrali jaqblu fuq il-ħtieġa li jiġi estiż il-kamp
ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Jekk l-idea li jitnaqqsu l-limiti finanzjarji
kellha appoġġ ġenerali, dik tar-reviżjoni tal-limiti
tal-età, taż-żieda tal-kategoriji jew tat-tħassir tal-Anness
kellhom rispons ferm anqas tajjeb. Matul il-konsultazzjoni pubblika[6], ir-rappreżentanti tas-settur
pubbliku esprimew il-fehma tagħhom kif ġej: i) 25 % kienu favur
it-tnaqqis tal-limiti finanzjarju, ii) 50 % riedu jħassru l-limiti
tal-età u iii) 25 % appoġġaw it-tħassir tal-anness. 5.3.2. Żieda fil-perjodi
limitati ta' żmien sabiex jinbdew il-proċeduri ta' ritorn u
għall-verifika tal-oġġett Iż-żieda ta' dawn il-perjodi
limitati ta' żmien jirriflettu l-kumplessità tar-relazzjonijiet
transfruntiera, mingħajr ma jitwarrab l-obbligu ta' diliġenza li
għandu l-Istat tat-talba. Dawn l-emendi jippermettu li l-Istat tat-talba
jaġixxi fl-aħjar kundizzjonijiet u, minħabba dan, ikollu aktar
opportunitajiet sabiex jikseb ir-ritorn tal-oġġett ikkonċernat. Emendi bħal dawn għalhekk
iħallu impatt pożittiv fuq l-għadd ta' proċeduri ta' ritorn
li jistgħu jitwettqu b'suċċess. Minbarra dan, l-eżistenza
ta' kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-proċeduri ta' ritorn
ikollhom effett dissważiv fuq il-possessur tal-oġġett, li jista'
jirriżulta f'żieda fl-arranġamenti għal ritorn amikevoli. Maġġoranza kbira ħafna
tal-awtoritajiet ċentrali kif ukoll 80 % tar-rappreżentanti
tas-settur pubbliku li ġew mistoqsija dan matul il-konsultazzjoni
pubblika, kienu favur iż-żieda fil-perjodi ta' żmien limitati. 5.3.3. Allinjament
tal-kundizzjonijiet għall-kumpens Sabiex jiġi evitat l-għoti ta'
kumpens lil ċerti possessuri li jaġixxu in mala fede jew li
juru nuqqas ta' diliġenza, huwa meħtieġ li tiġi emendata
d-Direttiva sabiex i) jiġu indikati kriterji komuni ta' interpretazzjoni
għat-tifsira ta' "diliġenza meħtieġa"
min-naħa tal-possessur, u ii) ikun speċifikat li l-possessur irid
jagħti prova li uża diliġenza tali meta akkwista
l-oġġett. L-eżistenza ta' kriterji komuni
tiffaċilita l-valutazzjoni taċ-ċirkustanzi min-naħa
tal-qrati nazzjonali. Minbarra dan, il-fatt li jkun hemm l-oneru tal-provi,
jinkoraġġixxi lill-partijiet interessati tas-suq sabiex dejjem
jagħmlu l-verifiki utli fir-rigward tal-oriġini tal-oġġett,
meta jkunu qed jagħmlu akkwist. Dan jiskoraġġixxi l-kummerċ
tal-oġġetti b'oriġini dubjuża. Dawn l-emendi jkollhom effett pożittiv
ħafna fuq l-għadd ta' azzjonijiet ta' ritorn u fuq il-prevenzjoni u
l-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tal-oġġetti kulturali,
b'mod partikolari f'dawk l-Istati li l-aktar isofru mill-effetti ta' traffikar
illegali. Il-maġġoranza tal-awtoritajiet
ċentrali jqisu li huwa neċessarju li jallinjaw il-kriterji
għad-definizzjoni tat-terminu "diliġenza
meħtieġa" min-naħa tal-possessur; min-naħa
l-oħra, hija biss minoranza li tixtieq li d-Direttiva tispeċifika li
l-possessur għandu l-oneru ta' provi sħiħ għal tali
diliġenza. Matul il-konsultazzjoni pubblika, 40 % tas-settur pubbliku
li kien favur reviżjoni tad-Direttiva xtaq ukoll li jiġu stabbiliti
kriterji komuni għad-definizzjoni ta' diliġenza meħtieġa.
Madankollu, ma kienx meqjus neċessarju li fid-Direttiva jkun hemm
speċifikat min għandu l-oneru tal-provi għad-diliġenza
meħtieġa. Il-kostijiet tal-implimentazzjoni ta' din
l-għażla jkunu essenzjalment dawk relatati mat-traspożizzjoni
tad-Direttiva l-ġdida fil-liġijiet nazzjonali. Il-kost amministrattiv marbut mat-tfassil ta'
rapport dwar l-infurzar tad-Direttiva jitnaqqas għal EUR 11 000
kull sena bħala riżultat tal-estensjoni tal-intervall, bejn
it-tfassil ta' kull rapport, għal ħames snin. 5.4. Għażla 4:
It-tħeġġiġ tar-ratifika u l-implimentazzjoni, min-naħa
tal-Istati Membri, tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-1970 Il-Kummissjoni tniedi kampanja ta'
informazzjoni u li tqajjem kuxjenza mmirata lejn dawk l-Istati Membri li
għadhom ma ffirmawx u/jew integrawx il-Konvenzjoni fil-liġi
nazzjonali tagħhom. L-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni
min-naħa tal-Istati Membri kollha żżid mekkaniżmu
komplimentari ta' rikors għas-sistema stabbilita mid-Direttiva li
tiggarantixxi: i) definizzjoni aktar wiesgħa tal-oġġetti
kulturali li għandhom jiġu rritornati; ii) aktar żmien biex
jintalab ir-ritorn, u iii) kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet
nazzjonali. Din l-għażla jkollha effett
pożittiv fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali,
għax il-Konvenzjoni tipprovdi għal mekkaniżmi li jaffrontaw dan,
b'mod partikolari l-ħolqien ta' servizzi nazzjonali speċjali jew l-obbligu
li l-bejjiegħa tal-arti jżommu reġistru b'rabta mal-oriġini
tal-oġġetti. Madankollu, huwa diffiċli li jiġi previst meta
se jsiru tali ratifiki u/jew l-adozzjoni tal-liġijiet nazzjonali biex
tiġi implimentata l-Konvenzjoni. Din l-għażla ma ssolvix il-problemi
kollha marbuta mar-ritorn tal-oġġetti kklassifikati bħala
"teżori nazzjonali" għaliex il-Konvenzjoni tippermetti
lill-Istati Membri jirkupraw l-oġġetti kulturali li ġew
esportati illegalment biss meta tali azzjoni tkun kompatibbli mal-liġi
tal-Istat fejn ikun jinsab l-oġġett. Fir-rigward tal-kumpens
lill-possessur, il-Konvenzjoni tipprevedi li l-Istat tat-talba jħallas
kumpens lil kwalunkwe persuna li tkun akkwistat l-oġġett in bona
fede jew li tkun is-sid legali tiegħu. Matul il-konsultazzjoni
pubblika, 16 % tal-parteċipanti tas-settur pubbliku u 27 %
tal-parteċipanti tas-settur privat iddikjaraw li huma favur din
l-għażla li fiha jiżdied l-għadd ta' azzjonijiet ta' ritorn
tat-teżori nazzjonali. Skont l-informazzjoni disponibbli, il-kost
minimu ta' kampanja ta' informazzjoni u li tqajjem kuxjenza fl-Istati Membri
kollha huwa dak ta' bejn EUR 500 000 sa 1 miljun. L-obbligu li jitfassal tali rapport dwar
l-applikazzjoni tad-Direttiva jwassal sabiex il-kost amministrattiv ta' tali
għażla jkun jaqbel max-xenarju ta' referenza. 6. Tqabbil tal-għażliet It-tabella komparattiva li ġejja turi
l-impatti kwalitattivi tal-għażliet differenti fil-qosor: Tabella
komparattiva tal-għażliet || Għażla 1 Status quo || Għażla 2 Il-promozzjoni tal-użu ta' għodda komuni bejn l-awtoritajiet ċentrali || Għażla 3 Reviżjoni tad-Direttiva 93/7/KEE || Għażla 4 It-tħeġġiġ tar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-UNESCO, min-naħa tal-Istati Membri Jiżdied l-għadd ta' azzjonijiet ta' ritorn || 0 || + || ++ || + Tnaqqis fil-kostijiet tar-ritorn || 0 || + || ++ || 0 Effikaċja || 0 || + || ++ || + Effiċjenza || 0 || + || ++ || - Konsistenza mal-politiki l-oħrajn tal-Unjoni || 0 || + || ++ || + NB: Nota :
pożittiva ħafna (++) ; pożittiva (+) ; newtrali (0);
negattiva (-). ·
L-għażla 1 li tirrappreżenta
s-sitwazzjoni legali attwali għandha tiġi rrifjutata. Fil-fatt,
l-evalwazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE uriet l-effikaċja limitata
tagħha fil-konfront tal-ksib tar-ritorn ta' oġġetti
kklassifikati bħala "teżori nazzjonali". ·
L-għażla 2 iżżid b'mod
effikaċi l-għadd ta' azzjonijiet ta' ritorn, b'mod partikolari dawk
li jsiru amikevolment, permezz ta' infurzar imsaħħaħ
tad-Direttiva. Din l-għażla hija daqstant
ieħor effiċjenti minħabba li l-maġġoranza
tal-kostijiet tas-sistema ta' informazzjoni tas-suq intern ikunu koperti
mill-baġit tal-Unjoni. Din l-għażla tkun konsistenti mal-istrateġija
mmirata lejn it-titjib tat-tmexxija tas-suq intern billi ssaħħaħ
il-kooperazzjoni amministrattiva u tkun konsistenti wkoll mar-rakkomandazzjoni
tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tat-13 u
l-14 ta' Diċembru 2011, sabiex jiġu adottati
l-miżuri biex tkun appoġġjata l-azzjoni tal-Istati Membri favur
il-protezzjoni tal-wirt tagħhom. Din l-għażla tikkontribwixxi
għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv b'50 % minħabba li
tiffaċilita l-ġbir tad-dejta meħtieġa biex jitfasslu
r-rapporti dwar l-infurzar tad-Direttiva, li jirrappreżenta tnaqqis
annwali ta' madwar EUR 9 000 meta mqabbel ma' EUR 18 000
tax-xenarju ta' referenza. ·
L-għażla 3 tidher l-aktar waħda
effikaċi biex iżżid l-għadd ta' azzjonijiet ta' ritorn u
tnaqqas il-kostijiet tagħhom. Id-Direttiva għandha tiġi emendata
sabiex testendi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha
għall-oġġetti kollha kklassifikati bħala "teżori
nazzjonali", li jwassal għat-tneħħija tal-obbligu ta'
appartenenza għal waħda mill-kategoriji fl-Anness, għal
kollezzjonijiet pubbliċi jew għal inventarji tal-istituzzjonijiet
ekkleżjastiċi. Minbarra dan, l-Istat Membru tat-talba jista' jitlob
ir-ritorn f'kundizzjonijiet aktar favorevoli u għandu jħallas kumpens
biss lill-possessuri li jagħtu prova li aġixxew bid-diliġenza meħtieġa
meta akkwistaw l-oġġett. Din l-għażla, imbagħad,
ikollha impatt partikolarment pożittiv fuq l-Istati Membri li l-wirt
tagħhom ikun l-aktar milqut mill-kummerċ illegali. Din l-għażla tkun ukoll kompletament
konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ta'
Diċembru 2011 u mal-konklużjonijiet miksuba
mill-evalwazzjonijiet tad-Direttiva. Barra minn dan, ir-reviżjoni tkun ukoll
opportunità li tissimplifika l-liġi tal-UE f'dan il-qasam permezz ta'
riformulazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE, kif emendata
bid-Direttivi 96/100/KE u 2001/38/KE. Preferenza għal din l-għażla
twassal, fil-prinċipju, għal kostijiet marbuta
mat-traspożizzjoni tad-Direttiva l-ġdida, u b'hekk tagħmilha
aktar effiċjenti meta mqabbla mal-għanijiet maħsuba. L-estensjoni tal-intervalli tar-rapporti dwar
l-infurzar tad-Direttiva għal ħames snin inaqqas il-kost
amministrattiv b'madwar EUR 7 000 fis-sena, jiġifieri
d-differenza bejn EUR 18 000 u EUR 11 000. ·
l-għażla 4 effettivament
iżżid l-għadd ta' azzjonijiet ta' ritorn iżda jkollha
effett newtru fuq il-kost ta' dawn l-azzjonijiet. Din l-għażla tkun konformi
mar-rakomandazzjoni ta' Diċembru 2011, min-naħa tal-Kunsill
tal-Unjoni lill-Istati Membri, sabiex jikkunsidraw ir-ratifika tal-Konvenzjoni
flimkien ma' aktar kooperazzjoni mal-UNESCO fil-prevenzjoni tal-kummerċ
illegali tal-oġġetti kulturali. Il-kostijiet stmati tat-tnedija tal-kampanja
jidhru għoljin wisq meta mqabbla mal-inċertezza tal-ksib
tal-għanijiet. Fil-fatt, ir-ratifika u/jew l-implimentazzjoni
tal-Konvenzjoni min-naħa tal-Istati Membri jiddependu mill-bona fede
ta' kull Stat Membru. Minbarra dan, l-impatt ta' din l-għażla fuq
it-tnaqqis tal-kostijiet, prinċipalment dawk marbuta mal-kumpens
għall-possessur u mal-piż amministrattiv, għandu jkun
wieħed newtrali. Fid-dawl tal-analiżi komparattiva ta' hawn
fuq, qed jiġi ssuġġerit li l-approċċ li jittieħed
jiġbor flimkien iż-żewġ għażliet
strateġiċi li joffru l-aktar impatt pożittiv sabiex jiżdied
l-għadd ta' azzjonijiet ta' ritorn u jitnaqqsu l-kostijiet relatati: ·
Għażla 3: Reviżjoni
tad-Direttiva 93/7/KEE sabiex jiġi estiż il-kamp ta'
applikazzjoni għall-oġġetti kollha kklassifikati bħala
"teżori nazzjonali", estensjoni tal-perjodi limitati ta'
żmien għall-verifika u l-perjodu limitat ta' żmien biex jinbdew
il-proċeduri ta' ritorn, u l-allinjament tal-kundizzjonijiet
għall-kumpens tal-possessur. ·
Għażla 2: Promozzjoni tal-użu ta'
sistema ta' informazzjoni tas-suq intern bejn l-awtoritajiet ċentrali sabiex
tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni amministrattiva u l-konsultazzjoni
matul l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Din l-għażla għandha tibni fuq
l-invit tal-Kunsill tal-Unjoni, ta' Diċembru 2011 biex, fejn xieraq,
jiġu adottati miżuri supplimentari u fuq it-talbiet tal-awtoritajiet
ċentrali. Minbarra dan, terz tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet u
l-korpi pubbliċi esprimew il-preferenza tagħhom għal
approċċ ikkumbinat matul il-konsultazzjoni pubblika. L-approċċ ikkumbinat għandu
jippermetti li jonqsu aktar il-kostijiet amministrattivi marbuta mat-tfassil
tar-rapport dwar l-infurzar tad-Direttiva għal EUR 5 500 fis-sena,
meta mqabbel ma' kost amministrattiv annwali ta' EUR 18 000
fix-xenarju ta' referenza. 7. Monitoraġġ u evalwazzjoni L-approċċ ippreferut
(l-għażliet 2 u 3 ikkumbinati flimkien) se jiġi applikat
permezz ta' proposta għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE, li
għandha tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont
il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. L-organizzazzjoni ta' sistema
għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tad-Direttiva l-ġdida
għandha, l-ewwel nett, tinvolvi verifika tal-konformità tal-miżuri
nazzjonali ta' traspożizzjoni, li għandhom jitwettqu
mill-Kummissjoni. Dan il-monitoraġġ għandu jiġi akkumpanjat
minn rapport ta' evalwazzjoni dwar l-infurzar tad-Direttiva l-ġdida wara
l-ewwel ħames snin ta' applikazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tfassal
dan ir-rapport abbażi ta' rapporti ta' applikazzjoni fuq ħames snin
tal-Istati Membri u tibagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u
lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. L-evalwazzjoni tal-effikaċja
tad-Direttiva riveduta għandha tkun imkejla abbażi ta' għadd ta'
indikaturi, inkluż l-għadd ta' proċeduri ta' ritorn li tressqu
quddiem il-qrati nazzjonali, il-każijiet ta' ritorn ordnati permezz ta'
deċiżjoni tal-qorti u wara negozjati amikevoli, jew
il-monitoraġġ ta' talbiet għal kooperazzjoni amministrattiva
bejn l-awtoritajiet ċentrali. [1] Id-Direttiva 93/7/KEE tal-Kunsill,
tal-15 ta' Marzu 1993 fuq ir-ritorn ta’ oġġetti ta’
kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru, ĠU
L 74, 27.3.1993, p. 74, emendata permezz tad-Direttiva 96/100/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 1997,
ĠU L 60, 1.3.1997, p. 59, u permezz
tad-Direttiva 2001/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-5 ta' Ġunju 2001, ĠU L 187, 10.7.2001,
p. 43. [2] Dawn il-Konvenzjonijiet ma ġewx irratifikati
mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni: il-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-1970
ġiet irratifikata minn 22 Stat Membru u dik tal-UNIDROIT tal-1995
minn 13-il Stat Membru. [3] Għażliet oħra bħal : i) ir-ratifika min-naħa tal-Unjoni
tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-1970 u dik ta' UNIDROIT tal-1995; ii) id-definizzjoni ta' strateġija
tal-Unjoni li għandha bħala għan ir-ratifika, min-naħa
tal-Istati Membri kollha tal-Konvenzjoni ta' UNIDROIT, iii) is-sostituzzjoni
tad-Direttiva 93/7/KEE permezz ta' Regolament u iv) it-tħassir
tad-Direttiva 93/7/KEE, twarrbu sa mill-ewwel stadji ta'
eżaminazzjoni tas-soluzzjonijiet differenti possibbli minħabba
raġunijiet ta' fattibilità. [4] Is-sit tal-UNESCO jinkludi informazzjoni ddettaljata
dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-1970 għat-22 Stat
Membru u l-miżuri li ttieħdu għall-ġlieda kontra
t-traffikar illegali http://www.unesco.org/new/fr/culture/themes/movable-heritage-and-museums/illicit-traffic-of-cultural-property/1970-convention/examination-of-national-reports/#c280797 [5] http://adminburden.sg.cec.eu.int/calculator.aspx [6] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/internal-
market-for-products/cultural-goods/results_public_consultation_cultural_goods_en.htm