SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

19 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika agrikola komuni – Skemi ta’ appoġġ dirett – Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 –Applikazzjoni għal għajnuna relatata mal-annimali –Artikolu 53(4) – Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ miżuri ta’ appoġġ akkoppjat għall-bhejjem tal-ifrat – Regolament (KE) Nru 1760/2000 – Artikolu 7 – Reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-ifrat – Deċiżjoni 2001/672/KE – Artikolu 2(2) u (4) – Ċaqliq ta’ bhejjem tal-ifrat lejn mergħat tas-sajf f’żoni muntanjużi – Komunikazzjoni tardiva – Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 – Punti 2, 15, 16 u 18 tat‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) – Artikolu 30(4)(c) – Annimal determinat – Tnaqqis tal-appoġġ akkoppjat – Artikolu 15(1) – Artikolu 34 – Sanzjonijiet amministrattivi – Senjalazzjoni ta’ ommissjoni ta’ reġistrazzjoni”

Fil-Kawża C‑350/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ġunju 2023, fil-proċedura

Vorstand für den Geschäftsbereich II der Agrarmarkt Austria

fil-preżenza ta’:

T F,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukata Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Vorstand für den Geschäftsbereich II der Agrarmarkt Austria, minn M. E. Huber, bħala aġent,

–

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, M. Kopetzki u C. Pesendorfer, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Aquilina u A. C. Becker, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tas‑6 ta’ Ġunju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’:

–

l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal‑bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal‑prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU 2000, L 204, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 653/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Mejju 2014 (ĠU 2014, L 189, p. 33) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1760/2000”).

–

l-Artikolu 2(2) u (4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/672/KE tal‑20 ta’ Awwissu 2001 li tistabbilixxi regoli speċjali applikabbli għall-movimenti ta’ annimali bovini [bhejjem tal‑ifrat] meta mqegħda jirgħu fis-sajf fl-oqsma tal-muntanji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 341), kif emendata bid-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2010/300/UE tal‑25 ta’ Mejju 2010 (ĠU 2010, L 127, p. 19) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2001/672”);

–

l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l‑Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1), kif emendat bir‑Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1784 tad‑9 ta’ Lulju 2018 (ĠU 2018, L 293, p. 1) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Delegat Nru 639/2014”), u

–

il-punt (2)(a) u l-punt (18)(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1), l‑Artikolu 15(1), l-Artikolu 30(4)(c) u l-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l‑irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall‑pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l‑kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48), kif emendat bir‑Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/723 tas‑16 ta’ Frar 2017 (ĠU 2016, L 107, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 227, p. 5) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Delegat Nru 640/2014”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn T F u l-Vorstand für den Geschäftsbereich II der Agrarmarkt Austria (l-Uffiċċju tas-Settur ta’ Attività II tal-Uffiċċju Awstrijak ta’ Sorveljanza tas-Swieq Agrikoli, l-Awstrija), li huwa l-persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li taġixxi, b’mod partikolari, bħala aġenzija tal-ħlas fl-Awstrija (iktar ’il quddiem l‑“AMA”), dwar, minn naħa, ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħti lil T F appoġġ marbut mal-annimali għal ċerti bhejjem tal-ifrat minħabba l‑komunikazzjoni tardiva, magħmula minn T F, taċ-ċaqliq ta’ dawn il‑bhejjem tal-ifrat lejn mergħat f’żoni muntanjużi u, min-naħa l-oħra, minħabba l-impożizzjoni mill-AMA fuq T F ta’ sanzjoni minħabba din il‑komunikazzjoni tardiva.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir-Regolament Nru 1760/2000

3

Il-premessi 4 sa 7 u 14 tar-Regolament 1760/2000 jgħidu dan li ġej:

“(4)

Wara l-instabilità fis-suq tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti mill‑laħam taċ-ċanga kkawżata mill-kriżi ta’ l-enċefaloġija sponġiforma bovina, it-titjib fit-trasparenza tal-kondizzjonijiet għall-produzzjoni u l‑marketing tal-prodotti fil-kwistjoni, b’mod partikolari rigward it‑traċċabbiltà, eżerċitat influwenza pożittiva fuq il-konsum tal-laħam taċ-ċanga. Sabiex tibqa’ tinżamm u tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur fil-laħam taċ-ċanga u għalbiex ikun evitat illi dawn jiġu mqarrqa, huwa meħtieġ illi jiġi żviluppat il-qafas li fih ikun magħmul disponibbli t‑tagħrif għall-konsumaturi bit-tikkettjar suffiċenti u ċar tal-prodott.

(5)

Għal dan l-iskop huwa essenzjali li tiġi stabbilita, min-naħa l‑waħda, sistema effiċenti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal‑bhejjem tal-fart fl-istadju tal-produzzjoni u li tiġi stabbilita, min‑naħa l-oħra, sistema speċifika Komunitàrja ta’ tikkettjar fis-settur tal-laħam taċ-ċanga bbażata fuq kriterji oġġettivi fl-istadju tal‑marketing.

(6)

Bis-saħħa tal-garanziji pprovduti permezz ta’ dan it-titjib, iridu jinkisbu wkoll ċerti ħtiġijiet ta’ interess pubbliku, b’mod partikulari l‑protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-bhejjem.

(7)

B’riżultat, il-fiduċja tal-konsumatur fil-kwalità tal-laħam taċ‑ċanga u l-prodotti mill-laħam taċ-ċanga tittejjeb, jiġi ppreservat livell aktar għoli tas-saħħa pubblika u l-istabbiltà fit-tul tas-suq tal‑laħam taċ-ċanga tkun irrinfurzata.

[…]

(14)

Għall-għan tat-traċċar bil-ħeffa u preċiż tal-bhejjem għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kontroll ta’ l-iskemi Komunitarji ta’ l-għajnuna, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jistabbilixxi bażi ta’ informazzjoni kkomputerizzata li tirreġistra l-identità tal-bhejjem, l‑impriżi kollha fit-territorju tiegħu u ċ-ċaqliq tal-bhejjem, skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 97/12/KE tas‑17 ta’ Marzu 1997 li temenda u taġġorna d-Direttiva 64/432/KEE dwar il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ tal-bhejjem tal-fart u l‑ħnieżer ġewwa l-Komunità [12], li tiċċara l-ħtiġijiet tas-saħħa dwar din il-bażi ta’ informazzjoni.”

4

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1760/2000, li jidher fit-Titolu I ta’ dan ir-regolament, intitolat “L‑identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart” jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

a)

il-mezzi ta’ identifikazzjoni biex jiġu identifikati l-annimali individwalment;

b)

il-ħażniet ta’ l-informazzjoni kkomputerizzata;

ċ)

il-passaporti tal-bhejjem;

d)

ir-reġistri individwali miżmuma fuq kull impriża.”

5

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jgħid:

“1.   Bl-eċċezzjoni tat-trasportaturi, kull min iżomm il-bhejjem għandu:

–

iżomm reġistru aġġornat,

–

jirrapporta [jikkomunika] lill-awtorità kompetenti l-movimenti kollha lejn u mill-istabbiliment u t-twelid u l-imwiet kollha tal-annimali tal‑istabbiliment, flimkien mad-dati ta’ dawn l-avvenimenti, f’perjodu massimu ffissat mill-Istat Membru kkonċernat; dak il‑perjodu massimu għandu jkun ta’ mill-inqas tlett ijiem u ma jisboqx sebat ijiem wara li sseħħ waħda minn dawk il-ġrajjiet; l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni [Ewropea] biex jestendu l-perjodu massimu ta’ sebat ijiem.

Sabiex tqis id-diffikultajiet prattiċi f’każijiet eċċezzjonali, il‑Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati bi qbil mal-Artikolu 22b biex tiddetermina ċ-ċirkostanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu massimu ta’ sebat ijiem stipulat fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu, flimkien mat-tul massimu ta’ dik l‑estensjoni, li m’għandhiex taqbeż l‑14-il jum wara l-perjodu ta’ sebat ijiem imsemmi fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu.

2.   Sabiex tiżgura t-traċċabilità adegwata u effettiva tal-annimali bovini [bhejjem tal-ifrat] meta jinħarġu għar-ragħi staġjonali, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22b dwar l-Istati Membri jew parti tal-Istati Membri fejn għandhom japplikaw regoli speċjali għar-ragħi staġjonali, inklużi l-perjodu ta’ żmien, l‑obbligi speċifiċi tal-indokraturi, u r-regoli dwar ir-reġistrazzjoni tal‑istabbiliment u r-reġistrazzjoni tal-movimenti ta’ dawn l-annimali bovini, inklużi l-miżuri tranżitorji għall-introduzzjoni tagħhom.

[…]”

Id-Deċiżjoni 2001/672

6

Id-Deċiżjoni 2001/672 tħassret bir-Regolament Delegat tal‑Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat‑28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t‑traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 2019, 5.12.2019, p. 115). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2001/672 għadha applikabbli għal din tal-aħħar.

7

Il-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2001/672 kienet ifformulata kif ġej:

“Ir-regoli speċjali għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li huwa possibbli li jkun magħruf il-lok ta’ kwalunkwe annimal bovin [bhima tal-ifrat] fi kwalunkwe żmien.”

8

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni kien jipprovdi:

“Din id-Deċiżjoni hija applikabbli lill-movimenti ta’ l-annimali bovini [bhejjem tal-ifrat] fl-Istati Membri jew parti mill-Istati Membri msemmija fl-Anness minn żammiet differenti għal mergħat allokati f’oqsma tal-muntanji sabiex jirgħu fil-perijodu [15] ta’ April sal‑15 ta’ Ottubru.”

9

L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni kien jgħid:

“1. Kull mergħa msemmija f’Artikolu 1 għandha tingħata kodiċi ta’ reġistrazzjoni speċifika li għandha tkun reġistrata fil-bażi ta’ data għall-annimali bovini [bhejjem tal-ifrat].

2.   Il-persuna responsabbli għall-mergħat tistabbilixxi lista ta’ annimali bovini soġġetti għal moviment imsemmija f’Artikolu 1. Din il-lista għandu jkollha fiha mill-inqas:

–

il-kodiċi ta’ reġistrazzjoni tal-mergħa,

u għal kull annimal bovin:

–

in-numru individwali ta’ indentifikazzjoni,

–

in-numru ta’ identifikazzjni taż-żamma ta’ oriġini,

–

id-data tal-wasla tal-mergħa,

–

id-data stmata tat-tluq mill-mergħa.

[…]

4.   L-informazzjoni li tinsab fil-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi riportata [kkomunikata] lill-awtorità kompetenti skont l‑Artikolu 7(1) tar-[Regolament Nru 1760/2000] fil‑15-il jum wara d‑data ta’ meta l-annimali kienu ttieħdu fil-mergħa.

[…]”

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013

10

L-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir‑Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83), intitolat “Pagamenti mhux dovuti u pieni amministrattivi”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Fejn jinstab li benefiċjarju ma jkunx konformi mal-impenji tal‑kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħrajn relatati mal‑kondizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew appoġġ, kif previst fil‑leġislazzjoni agrikola settorjali, l-għajnuna ma għandhiex titħallas jew għandha tiġi rtirata kollha jew parzjalment u, fejn ikun rilevanti, id‑drittijiet għal pagamenti korrispondenti kif imsemmijin fl-Artikolu 21 tar-Regolament [(UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608 u r-rettifika ĠU 2016, L 130, p. 7] ma għandhomx jiġu allokati jew għandhom jiġu rtirati.

[…]

2.   Barra minn hekk, fejn il-leġislazzjoni agrikola settorjali tipprevedi hekk, l-Istati Membri għandhom jimponu wkoll pieni amministrattivi, […]”

11

L-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Applikazzjoni tal-pieni amministrattivi”, jipprevedi, fit-tieni subparagrafu tal‑paragrafu 6 tiegħu:

“Il-pieni amministrattivi msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu proporzjonati u gradwati skont il-gravità, id-daqs, it-tul ta’ żmien u r‑riokkorrenza tan-nuqqas ta’ konformità kkonċernata.”

Ir-Regolament Nru 1307/2013

12

Ir-Regolament Nru 1307/2013, kif emendat bir‑Regolament (UE) 2019/288 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Frar 2019 (ĠU 2019, L 53, p. 14) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 1307/2013”), jinkludi t-Titolu IV, intitolat “Appoġġ akkoppjat”, li fih il-Kapitolu I, intitolat “Appoġġ akkoppjat volontarju”, li jinkludi l-Artikolu 52, intitolat “Regoli ġenerali”, li jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ akkoppjat lill-bdiewa skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu (f’dan il-Kapitolu msejjaħ ‘appoġġ akkoppjat’).

[…]

6.   L-appoġġ akkoppjat huwa skema li tillimita l-produzzjoni li għandha tieħu l-forma ta’ pagament annwali ibbażat fuq żoni u rendimenti fissi jew fuq numru fiss ta’ annimali u għandu jirrispetta l-limiti massimi finanzjarji li għandhom jiġu determinati mill-Istati Membri għal kull miżura u nnotifikati [kkomunikati] lill-Kummissjoni.

[…]

9.   Biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti u mmirat tal-fondi tal-Unjoni u biex jiġi evitat finanzjament doppju taħt strumenti ta’ appoġġ simili, il‑Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta l-atti ddelegati skont l‑Artikolu 70 li jistipulaw:

a)

il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ appoġġ akkoppjat;

[…]”

Ir-Regolament Delegat Nru 639/2014

13

Il-premessa 74 tar-Regolament Nru 639/2014 tgħid dan li ġej:

“B’mod iktar partikolari fir-rigward tal-appoġġ akkoppjat volontarju, hemm bżonn li jiġi speċifikat iktar il-kontenut tal-informazzjoni li trid tiġi notifikata [kkomunikata] mill-Istati Membri sabiex tkun żgurata l‑applikazzjoni korretta tar-regoli dwar dak l-appoġġ u biex it-tali notifiki jsiru effiċjenti, b’tali mod li l-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika li l-Istati Membri jirrispettaw ir-rekwiżiti dwar il-konsistenza u n‑nonkumulazzjoni tal-appoġġ kif ukoll il-perċentwali massimi tal‑livelli massimi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 53 tar-Regolament [Nru 1307/2013] u l-ammonti totali relatati meta jitfasslu l-miżuri ta’ appoġġ.”

14

L-Artikolu 53 tar-Regolament delegat (UE) Nru 639/2014, intitolat “Kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ”, jipprevedi:

“1. L-Istati Membri għandhom jistipulaw kriterji tal-eliġibbiltà għall‑miżuri tal-appoġġ akkoppjat f’konformità mal-qafas stipulat fir‑Regolament [Nru 1307/2013] u mal-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

4.   Fejn il-miżura ta’ appoġġ akkoppjat tikkonċerna annimali bovini [bhejjem tal-ifrat] u/jew ovini u kaprini, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu, bħala kundizzjoni għall-eliġibbiltà għall-appoġġ, ir‑rekwiżiti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali stipulati fir-[Regolament Nru 1760/2000] jew fir-Regolament (KE) Nru 21/2004 [tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall‑identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU 2004, L 5, p. 8)).

Madankollu, mingħajr preġudizzju għal kundizzjonijiet oħra ta’ eliġibbiltà, annimal għandu jitqies ukoll eliġibbli għall-appoġġ meta r‑rekwiżiti tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni msemmijin fl-ewwel sottoparagrafu jiġu ssodisfati sa data li għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru u li ma għandhiex tkun iktar tard:

(a)

mill-ewwel jum tal-perjodu taż-żamma tal-annimal, meta jiġi applikat perjodu taż-żamma;

minn data magħżula abbażi ta’ kriterji oġġettivi u konsistenti mal‑miżura korrispondenti nnotifikata [kkomunikata] skont l-Anness I, meta ma jiġi applikat l-ebda perjodu taż-żamma.

Sal‑15 ta’ Settembru 2015, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dati msemmija fit-tieni sottoparagrafu.”

Ir-Regolament Delegat Nru 640/2014

15

Ir-Regolament Delegat Nru 640/2014 tħassar bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1172 tal‑4 ta’ Mejju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir‑rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll fil‑politika agrikola komuni u l‑applikazzjoni u l-kalkolu ta’ penali amministrattivi għall‑kundizzjonalità (ĠU L 2022, 8.7.2022, p. 12). Fid‑dawl tad-data tal-fatti relatati mal-kawża prinċipali, ir-Regolament Delegat Nru 640/2014 huwa madankollu applikabbli għal din il-kawża.

16

Il-premessi 1, 2, 27, 28, 30 u 31 tar-Regolament Nru 640/2014 jipprovdu dan li ġej:

“(1)

[…] Ir-Regolament [Nru 1306/2013] jagħti s-setgħa lill‑Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati u atti ta’ implimentazzjoni. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-sistema fil-qafas legali l‑ġdid, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta’ dawn l-atti. […]

(2)

B’mod partikolari, għandhom jiġu stabbiliti regoli biex jiġu ssupplimentati ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament [Nru 1306/2013] b’rabta mal-funzjonament tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (‘is-sistema integrata’), il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew għat‑talbiet għal pagamenti, il-kundizzjonijiet għar-rifjut totali jew parzjali tal-għajnuna u l-irtirar totali jew parzjali ta’ għajnuna jew appoġġ mhux dovuti u d-determinazzjon tal-penali amministrattivi li jindirizzaw in-nuqqas ta’ konformità relatata mal-kundizzjonijiet biex wieħed jirċievi appoġġ taħt miżuri stabbiliti mir-Regolament [Nru 1307/2013] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill […]

[…]

(27)

Il-penali amministrattivi applikabbli għall-iskemi ta’ għajnuna relatati mal-annimali u l-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali għandhom jiġu stabbiliti filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tad-deterrenza u l‑proporzjonalità kif ukoll il-problemi speċifiċi relatati maċ-ċirkostanzi naturali. […]

(28)

Sa fejn huma kkonċernati l-applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt l‑iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew it-talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali, in-nuqqasijiet ta’ konformità jwasslu għall-ineliġibbiltà tal-annimal ikkonċernat. Tnaqqis varju għandu jiġi stipulat sa mill-ewwel annimal li jinstab b’nuqqas ta’ konformità iżda, irrispettivament mil-livell ta’ tnaqqis, għandu jkun hemm penali amministrattiva inqas ħarxa meta tliet annimali jew inqas jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, is‑severità tal-penali amministrattivi għandha tiddependi fuq il‑perċentwal tal-annimali li jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità.

[…]

(30)

Għandha tiġi applikata l-possibbiltà li jsiru korrezzjonijiet mingħajr penali amministrattivi previsti għall-applikazzjoni għall‑għajnuna u l-applikazzjoni għall-ħlas ukoll għad-data mhux eżatta li tinsab fid-database kompjuterizzata għall-annimali bovini [bhejjem tal-ifrat] ddikjarati li għalihom dawk il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità jikkostitwixxu ksur ta’ kriterju ta’ eliġibbiltà, sakemm il‑benefiċjarju ma jkunx ġie infurmat bl-intenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu verifika fuq il-post jew l-awtorità ma tkunx diġà infurmat lill-benefiċjarju dwar każijiet.

(31)

Rifjuti u rtirar tal-appoġġ u penali amministrattivi għandhom jiġu stabbiliti għal miżuri ta’ għajnuna għall-iżvilupp rurali wara li jiġi kkunsidrat il-prinċipji ta’ dissważjoni u proporzjonalità. Ir-rifjut u l‑irtirar tal-appoġġ għandhom ikunu kklassifikati abbażi tas-severità, il‑firxa, it-tul ta’ żmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità li jkun instab. Rifjut u rtirar tal-appoġġ u penali amministrattivi għandhom, fir‑rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji u obbligi oħrajn, iqisu l‑karatteristiċi partikolari tad-diversi miżuri ta’ appoġġ. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità serju jew fil-każ li l-benefiċjarju jkun ipprovda evidenza falza sabiex ikun jista’ jirċievi l-appoġġ, l-appoġġ għandu jkun irrifjutat u tiġi imposta penali amministrattiva. Il-penali amministrattivi għandhom jaslu sal-esklużjoni sħiħa minn miżura waħda jew iktar ta’ appoġġ [jew tipi ta’ operazzjonijiet] għal perjodu speċifikat.”

17

L-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“[…]

Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2) ‘nuqqas ta’ konformità’ tfisser:

a)

għall-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji jew obbligi oħra relatati mal‑kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew l-appoġġ imsemmi fl‑Artikolu 67(2) tar-Regolament [Nru 1306/2013] kwalunkwe nuqqas ta’ ħarsien ta’ dawn il‑kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħra; jew

[…]

(9)

‘bażi tad-dejta [database] kompjuterizzata għall-annimali’ tfisser il‑bażi tad‑dejta kompjuterizzata li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(b) u fl‑Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew ir‑reġistru ċentrali jew il-bażi tad-dejta kompjuterizzata msemmija fl‑Artikolu 3(1)(d), l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 tar-Regolament [Nru 21/2004];

[…]

(13)

‘skema ta’ għajnuna għall-annimali’ tfisser miżura ta’ appoġġ akkoppjat u volontarju prevista fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar‑Regolament [Nru 1307/2013] fejn il-pagament annwali li għandu jingħata fi ħdan limiti kwantitattivi ddefiniti huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali;

[…]

(15)

applikazzjoni ta’ għajnuna għall-bhejjem” tfisser l-applikazzjonijiet għall-pagamenti tal-għajnuna fejn il-pagament annwali li għandu jingħata fi ħdan limiti kwantitattivi ddefiniti huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali taħt l-appoġġ akkoppjat u volontarju previst fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament [Nru 1307/2013];

(16)

‘annimali ddikjarati’ tfisser l-annimali soġġetti għal għajnuna għall-bhejjem taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew soġġetti għal talba għall-pagament għal miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali;

(17)

‘annimal potenzjalment eliġibbli’ tfisser annimal li a priori jista’ potenzjalment jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà biex jirċievi l-għajnuna taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew appoġġ taħt miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali fis-sena tat-talba inkwistjoni;

(18)

‘annimal determinat’ tfisser:

a)

għal skema ta’ għajnuna għall-annimali, annimal li fil-każ tiegħu jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stipulati fir-regoli għall‑għoti tal-għajnuna; jew

b)

għal miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali, annimal identifikat permezz ta’ verifiki amministrattivi jew verifiki fuq il-post;

[…]”

18

It-Titolu II tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, intitolat “Is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll”, jinkludi l-Kapitolu IV, intitolat “Kalkolu tal-għajnuna u tal-penali amministrattivi relatati mal-iskemi ta’ pagamenti diretti u miżuri għall-iżvilupp rurali fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata”, li fih jinsab l-Artikoli 15 sa 34 ta’ dan ir-regolament delegat.

19

L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament delegat, intitolat “Eċċezzjonijiet mill‑applikazzjoni tal-penali amministrattivi”, jipprovdi:

“1.   Il-penali amministrattivi previsti f’dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal-parti tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament li dwarhom il-benefiċjarju jinforma lill-awtorità kompetenti bil-miktub li l-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall‑pagament hija inkorretta jew saret inkorretta minn meta ġiet ippreżentata, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ġie infurmat bl‑intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post u li l‑awtorità ma tkunx diġà infurmat lill-benefiċjarju b’xi nuqqasijiet ta’ konformità fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament.

2.   L-informazzjoni mogħtija mill-benefiċjarju kif imsemmija fil‑paragrafu 1 għandu jkollha l-effett li l-applikazzjoni għall-għajnuna tiġi aġġustata għas-sitwazzjoni attwali.”

20

L-Artikolu 30 tal-istess regolament delegat, intitolat “Bażi tal-kalkolu”, jgħid:

“[…]

2.   L-annimali preżenti fl-impriża agrikola għandhom jiġu kkunsidrati biss bħala stabbiliti jekk ikunu identifikati fl-applikazzjoni għall‑għajnuna jew fit-talba għall-pagament. […]

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31, jekk l-għadd ta’ annimali ddikjarati f’applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament jaqbeż dak stabbilit bħala riżultat ta’ kontrolli amministrattivi jew verifiki fuq il-post, l-għajnuna jew l-appoġġ għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-annimali stabbiliti.”

4.   Fejn jinstabu każi ta’ irregolaritajiet fir-rigward tas-sistema għall‑identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni għall-annimali bovini [bhejjem tal‑ifrat], għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

[…]

c)

meta n-nuqqas ta’ konformità li jinstab jirrigwarda entrati żbaljati fir‑reġistru, fil-passaporti tal-bhejjem jew fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali, iżda ma jkunx rilevanti għall-verifika tar-rispett tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għajr dawk imsemmija fl‑Artikolu 53(4) tar-Regolament [Delegat Nru 639/2014] fil‑qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ ikkonċernati, l‑annimal ikkonċernat għandu jitqies biss bħala mhux stabbilit jekk jinstabu entrati żbaljati bħal dawn f’minn tal-inqas żewġ verifiki f’perjodu ta’ 24 xahar. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-annimali kkonċernati għandhom jitqiesu bħala mhux stabbiliti wara l-ewwel sejba.

L-entrati fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini [bhejjem tal-ifrat], ovini u kaprini u n-notifiki [komunikazzjonijiet] li jintbagħtulha jistgħu jiġu aġġustati fi kwalunkwe ħin f’każijiet ta’ żbalji evidenti rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti.”;

[…]”

21

Skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, intitolat “Penali amministrattivi fir-rigward ta’ annimali ddikjarati fil-qafas tal‑iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew tal-miżuri ta’ appoġġ marbuta mal-annimali”:

“1.   Meta, fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-għajnuna fil-qafas ta’ skema ta’ għajnuna għall-annimali jew fir-rigward ta’ talba għall‑pagament fil-qafas ta’ miżura ta’ appoġġ marbuta mal-annimali jew ta’ tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ tali miżura ta’ appoġġ, tinstab differenza bejn l-għadd ta’ annimali ddikjarati u dak stabbilit skont l‑Artikolu 30(3), l-ammont totali ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ li jkun intitolat għalih il-benefiċjarju fil-qafas ta’ dik l-iskema ta’ għajnuna jew ta’ dik il-miżura ta’ appoġġ jew ta’ tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ tali miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitnaqqas bil‑perċentwal li jrid jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jekk ma jinstabux iżjed minn tliet annimali b’nuqqas ta’ konformità.

2.   Jekk jinstabu aktar minn tliet annimali b’nuqqas ta’ konformità, l‑ammont totali ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ li jkun intitolat għalih il‑benefiċjarju fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ jew tat-tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ tali miżura ta’ appoġġ, imsemmija fil-paragrafu 1 għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitnaqqas:

a)

bil-perċentwal li jrid jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3, jekk ma jkunx iżjed minn 10 %;

b)

bid-doppju tal-perċentwal li jrid jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3, jekk ikun iżjed minn 10 % iżda ma jkunx iżjed minn 20 %.

[…]

Jekk il-perċentwal stabbilit skont il-paragrafu 3 ikun iżjed minn 50 %, l‑ebda għajnuna jew appoġġ li għalihom kieku l-benefiċjarju jkun intitolat skont l-Artikolu 30(3) ma għandhom jingħataw fil-qafas tal‑iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ jew tat-tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ din il-miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali ta’ ammont li jkun daqs l-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-għadd ta’ annimali ddikjarati u l-għadd ta’ annimali stabbiliti skont l-Artikolu 30(3). […].

3.   Sabiex jiġu stabbiliti l-perċentwali msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l‑għadd ta’ annimali ddikjarati fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna għall‑annimali jew tal-miżura ta’ appoġġ jew tat-tip ta’ operazzjoni marbuta mal-annimali u li jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità għandu jiġi diviż bl-għadd ta’ annimali li jkun ġie stabbilit għal dik l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew għal dik il-miżura ta’ appoġġ jew tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ miżura ta’ appoġġ bħal dik fir-rigward tal‑applikazzjoni għall-għajnuna jew tat-talba għall-pagament jew tat-tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ miżura ta’ appoġġ bħal dik għas-sena tat‑talba kkonċernata.

[…]”

22

L-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament delegat, intitolat “Emendi u adattamenti tad-data fil-bażi ta’ data kompjuterizzata dwar l‑annimali”, jipprevedi:

“Fir-rigward tal-annimali ddikjarati, l-Artikolu 15 għandu japplika għal żbalji u għal ommissjonijiet b’rabta mal-entrati fil-bażi tad-data kompjuterizzata għall-annimali li jsiru mill-waqt meta tiġi ppreżentata l‑applikazzjoni għall-għajnuna jew it-talba għall-pagament.”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014

23

L-Artikolu 21 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas‑17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69), intitolat “Rekwiżiti marbutin mal-applikazzjoni għall-għajnuna relatata mal‑bhejjem u mat-talbiet għall-ħlas fil-kuntest ta’ miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali”, jipprevedi:

“1.   Applikazzjoni għall-għajnuna relatata mal-bhejjem kif iddefinita fil‑punt (15) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament [Delegat Nru 640/2014] jew talba għall-ħlas fil‑kuntest ta’ miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali kif iddefinita fil‑punt (14) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dak ir‑Regolament għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà għall-għajnuna u/jew għall-appoġġ, u b’mod partikulari:

[…]

c)

l-għadd ta’ annimali ta’ kull tip li għalihom tkun qed titressaq applikazzjoni għall-għajnuna relatata mal-bhejjem jew talba għall-ħlas u, għall-annimali bovini [bhejjem tal-ifrat], il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali;

[…]

4.   L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu proċeduri li bihom id-dejta li tinsab fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata tal-annimali tista’ tintuża għall‑għanijiet tal-applikazzjoni għall-għajnuna relatata mal-bhejjem jew tat-talba għall-ħlas, dejjem jekk il-bażi tad-dejta kompjuterizzata tal-annimali toffri l-livell ta’ garanzija u implimentazzjoni meħtieġ għall-ġestjoni t-tajba tal-iskemi ta’ għajnuna jew tal-miżuri ta’ appoġġ ikkonċernati fil-livell tal-annimali individwali.

Il-proċeduri msemmijin fl-ewwel sottoparagrafu jistgħu jkunu magħmulin minn sistema li biha benefiċjarju jista’ japplika għal għajnuna u/jew għal appoġġ għall-annimali kollha li, f’data stabbilita mill-Istat Membru jew matul perjodu stabbilit minnu, jkunu jikkwalifikaw għall-għajnuna u/jew għall-appoġġ abbażi tad-dejta li jkun hemm fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata tal-annimali.

[…]”

Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1393

24

Il-verżjoni tal-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali tirriżulta mill-emenda magħmula bir-Regolament Delegat (UE) 2016/1393 tal-Kummissjoni tal‑4 ta’ Mejju 2016 li jemenda r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall‑iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2016 L 225, p. 41).

25

Il-premessa 11 tad-Deċiżjoni 2016/1393 hija fformulata kif ġej:

“L-Artikolu 53(4) tar-Regolament [Delegat Nru 639/2014] jistipula li l-Istati Membri jridu jiddefinixxu r-rekwiżit tal‑identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat bħala kundizzjoni ta’ eliġibbiltà, f’konformità mar-Regolament [Nru 1760/2000]. L-għan li ssir referenza għal dak ir-Regolament bħala kundizzjoni sistematika ta’ eliġibbiltà huwa li tiġi żgurata identifikazzjoni mingħajr ambigwità tal-annimali eliġibbli għall‑għajnuna jew għall-appoġġ. F’dan ir-rigward, fl-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament [Delegat Nru 640/2014] għandu jiġi ċċarat li l‑entrati żbaljati fir-reġistru, fil-passaporti tal-annimali u/jew fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali bovini [bhejjem tal-ifrat] ta’ elementi bħal pereżempju s-sess, ir-razza, il-kulur jew id-data għandhom jitqiesu bħala nuqqas ta’ konformità wara l-ewwel sejba jekk it-tagħrif ikun essenzjali għall-valutazzjoni tal-eliġibbiltà tal-annimali fil-qafas tal‑iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ ikkonċernati. Inkella, l-annimal ikkonċernat għandu jitqies bħala mhux stabbilit jekk jinstabu entrati żbaljati bħal dawn f’minn tal-inqas żewġ verifiki f’perjodu ta’ 24 xahar.”

Id‑dritt nazzjonali

Il-Marktordnungsgesetz 2007

26

L-Artikolu 8 tal-Marktordnungsgesetz 2007 (il-Liġi tal‑2007 dwar l-Organizzazzjoni tas-Suq) (BGBl. I, Nru 55/2007 fil-verżjoni tal-BGBl. I, 46/2018), intitolat “Ħlasijiet diretti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-ħlasijiet ta’ pagamenti diretti skont l-Artikolu 1(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 […] għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji li ġejjin:

[…]

6.   Għar-ragħa fuq il-muntanji jingħata appoġġ akkoppjat b’mod konformi mal-Artikolu 8f skont l-Artikolu 52 tar-Regolament [Nru 1307/2013]. Skont l-Artikolu 53(1) [ta’ dan ir-regolament], ir‑riżorsi disponibbli għall-pagament akkoppjat huma stabbiliti għal 2.1 % tal-limitu massimu nazzjonali.

[…]”

27

L-Artikolu 8f tal-Liġi tal‑2007 dwar l-Organizzazzjoni tas-Suq, intitolat “Appoġġ akkoppjat volontarju”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-appoġġ akkoppjat previst fil-punt 6 tal-Artikolu 8(1) għandu jingħata għal bhejjem tal-ifrat, ovini u kaprini għal kull unità mċaqalqa ta’ bhejjem adulti […] li jikkonsmaw għalf oħxon […]”

Id-Direktzahlungs-Verordnung 2015

28

L-Artikolu 13 tad‑Direktzahlungs-Verordnung 2015 (ir-Regolament tal‑2015 dwar il‑pagamenti diretti) (BGBl. II, 368/2014, fil-verżjoni tal-BGBl. II, Nr. 57/2018), intitolat “Appoġġ akkoppjat volontarju”, jipprevedi:

“1.   L-appoġġ akkoppjat volontarju jista’ jingħata biss għal bhejjem tal‑ifrat, ovini u kaprini mċaqalqa lejn mergħat f’żoni muntanjużi li ġew identifikati u rreġistrati skont ir-Regolament [Nru 1760/2000] […]. Madankollu, bhima titqies ukoll eliġibbli għall-appoġġ jekk l‑informazzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1) tar‑Regolament [Nru 1760/2000] tkun ġiet ikkomunikata fl-ewwel jum li fih il-bhima rispettiva tkun ġiet imċaqalqa lejn mergħa tal‑muntanji.

2.   Il-bdiewa għandhom japplikaw għal appoġġ akkoppjat volontarju billi jissottomettu l-‘applikazzjoni multipla: żoni’ u l-lista ta’ bhejjem imċaqalqa lejn mergħa f’żoni muntanjużi skont l-Artikolu 22(5) tal‑[Horizontale GAP-Verordnung (ir-‘Regolament Orizzontali tal‑PAK’)] kif ukoll għall-bhejjem tal-ifrat, flimkien mal-informazzjoni mid-database elettronika għall-bhejjem tal-ifrat fir-rigward tal‑komunikazzjonijiet tal-mergħa f’żoni muntanjużi/ir-ragħa skont l‑Artikolu 2 tad-[Deċiżjoni 2001/672].

3.   L-għadd rilevanti li għandu jitqies għall-għoti ta’ appoġġ akkoppjat volontarju għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-bhejjem imċaqalqa lejn mergħa f’żoni muntanjużi tal-bidwi rispettiv sad-data finali tal‑15 ta’ Lulju.

4.   Il-bhejjem għandhom jiġu mċaqalqa lejn mergħa f’żoni muntanjużi għal mill-inqas 60 jum. Il-perijodu taċ-ċaqliq lejn mergħa f’żoni muntanjużi għandu jibda fid-data taċ-ċaqliq [tal-bhejjem iddestinati li jirgħu], iżda mhux iktar minn ħmistax il jum qabel ma ssir il‑komunikazzjoni taċ-ċaqliq lejn mergħat f’żoni muntanjużi/mergħat għall-bhejjem tal-ifrat jew il-lista ta’ ragħha f’żoni muntanjużi […]”

Il-Horizontale GAP-Verordnung

29

L-Artikolu 21 tal-Horizontale GAP-Verordnung (ir-Regolament Orizzontali tal-PAK) (BGBl. II, 100/2015, fil-verżjoni tal-BGBl. II, 165/2020), intitolat “Sottomissjoni”, jipprevedi, fil‑paragrafi 1 u 1b tiegħu:

“(1)   L-applikazzjoni unika (l-applikazzjoni multipla: żoni) imsemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament [Delegat Nru 640/2014] għandha tiġi sottomessa sa mhux iktar mill‑15 ta’ Mejju ta’ kull sena ta’ applikazzjoni rispettiva skont l-Artikolu 3(1).

[…]

(1b)   Fir-rigward tas-sena tal-applikazzjoni tal‑2020, b’deroga mill‑paragrafu 1, l-applikazzjoni unika għandha tiġi sottomessa sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Ġunju 2020. Għas-sena tal-applikazzjoni tal‑2020, l-emendi msemmija fl-Artikolu 15(1) tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014] jistgħu jiġu kkomunikati sat‑30 ta’ Ġunju 2020.”

[…]”

30

L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Applikazzjoni unika”, jipprovdi:

“(1)   L-applikazzjoni unika għandha ssir mil-bdiewa kollha li japplikaw għal pagamenti diretti jew […] b’mod konformi mar-regoli skont l‑Artikolu 21. […]

[…]

(5)   Fil-każ ta’ ċaqliq ta’ bhejjem lejn mergħat lejn żoni muntanjużi u mergħat komuni, il-lista ta’ ragħha f’żoni muntanjużi għandha tiġi ppreżentata sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Lulju tas-sena li fiha ssir l‑applikazzjoni.”

Ir-Rinderkennzeichnungs-Verordnung 2008

31

Skont l-Artikolu 6 tar-Rinderkennzeichnungs-Verordnung 2008 (ir‑Regolament tal‑2008 dwar l-Identifikazzjoni tal-Bhejjem tal-Ifrat) (BGBl. II, 201/2008, fil-verżjoni tal-BGBl. II, 285/2019):

“1.   Għandhom jiġu kkomunikati, f’terminu ta’ sebat ijiem:

[…]

2.   Il-movimenti ta’ bhejjem bejn l-azjendi agrikoli ta’ bdiewa li jinsabu f’muniċipalitajiet differenti bl-indikazzjoni tad-data addizzjonali meħtieġa għall-passaport tal-bhima.

(1a) Il-komunikazzjoni tas-segwenti għandha ssir fi żmien 15-il jum:

iċ-ċaqliq lejn mergħat f’żoni muntanjużi jew mergħat jekk ikun hemm taħlit ta’ bhejjem tal-ifrat ta’ diversi bdiewa,

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

32

Fl‑2020, T F ippreżenta applikazzjoni unika għal appoġġ għaż‑żoni li permezz tagħha huwa talab b’mod partikolari l-għoti ta’ appoġġ akkoppjat għal bhejjem tal-ifrat imċaqalqa lejn il-mergħat tas-sajf.

33

Fit‑28 ta’ Mejju 2020, T F ittrasferixxa erba’ bhejjem tal-ifrat lejn il-mergħat, liema trasferiment ġie kkomunikat lill-AMA fl‑1 ta’ Ġunju 2020, jiġifieri fit-terminu ta’ ħmistax-il jum previst fil-punt 1 tal‑Artikolu 6(1) tar-Regolament tal‑2008 dwar l-identifikazzjoni tal-bhejjem tal‑ifrat. Huwa kkomunika wkoll, fit-terminu mogħti, it-twelid ta’ bhima tal-ifrat imwieled fil-mergħat fl‑1 ta’ Lulju 2020.

34

Min-naħa l-oħra, kien biss fil‑15 ta’ Ġunju 2020 li T F ikkomunika lill‑AMA li tnax-il bhima tal-ifrat ieħor kienu diġà ġew imċaqalqa lejn il-mergħat fid‑9 ta’ Mejju 2020, ma’ bhejjem tal-ifrat ta’ persuni oħra li jrabbu. Din il-komunikazzjoni tardiva kienet tippreċiża n-numri individwali ta’ identifikazzjoni tat-tnax-il annimal imċaqlaq u tal‑impriża agrikola ta’ T F, kif ukoll id-data prevista għat-tluq ta’ dawn l-annimali mill-mergħat, jiġifieri l‑31 ta’ Ottubru 2020.

35

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Jannar 2021, l-AMA tat lil T F pagamenti diretti għas-sena 2020 li jammontaw għal EUR 17 086.71. Dawn il-pagamenti kienu jinkludu primjum bażiku, primjum ta’ ekoloġizzazzjoni u appoġġ akkoppjat ta’ EUR 119.44.

36

Fir-rigward ta’ dan l-appoġġ akkoppjat, l-AMA madankollu enfasizzat li, għalkemm il-kundizzjoni dwar it-tul tar-ragħa ta’ 60 jum kienet ġiet osservata għall-annimali kollha li ċ-ċaqliq tagħhom kien ġie kkomunikati minn T F, komunikazzjoni fit‑terminu stabbilit mill-Istat Membru, konformement mal‑Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1760/2000, taċ-ċaqliq tal‑annimali lejn il-mergħat kienet saret biss għal ħamsa mill-imsemmija annimali. Min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni saret biss wara l‑iskadenza ta’ dan it-terminu f’dak li jirrigwarda t-tnax-il bhima tal‑ifrat l-oħra mċaqalqa fid‑9 ta’ Mejju 2020. Dan in-numru ta’ annimali kellu għalhekk, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, jiġi pparagunat mal-annimali tal-ifrat li għalihom il-kundizzjonijiet għall-għoti tal‑għajnuna kienu ssodisfatti. Minn dan irriżulta tnaqqis ta’ 100 % tal‑għajnuna, b’mod li ebda appoġġ akkoppjat ma seta’ jingħata f’dan ir-rigward għall‑2020. Barra minn hekk, l-AMA qieset li, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(2) tar‑Regolament Delegat Nru 640/2014, kien hemm lok li fuq T F tiġi imposta sanzjoni addizzjonali għall-ammont ta’ EUR 235.60, li kellha tinżamm fuq il-pagamenti li kellhom ikunu dovuti lilu għat-tliet snin kalendarji sussegwenti.

37

Permezz ta’ rikors ippreżentat fid‑9 ta’ Frar 2021 quddiem il‑Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l‑Awstrija), T F ikkontesta deċiżjoni adottata mill-AMA fl-intier tagħha.

38

Permezz ta’ sentenza mogħtija fis‑16 ta’ Novembru 2021, il‑Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) laqgħet ir-rikors. Hija annullat kemm it-tnaqqis tal-appoġġ akkoppjat kif ukoll is-sanzjoni amministrattiva u imponiet fuq l-AMA li twettaq kalkolu ġdid u li tadotta deċiżjoni ġdida dwar it-talba għal għajnuna ta’ T F.

39

Din il-qorti qieset li l-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ ċaqliq ta’ annimali fi żmien xieraq setgħu, ċertament, iwasslu għal tnaqqis tal-appoġġ akkoppjat kif ukoll għal sanzjoni skont l-Artikolu 31 tar‑Regolament Delegat Nru 640/2014. Madankollu, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament delegat, li jipprovdi li sanzjoni ma tapplikax jekk il-benefiċjarju jindika bil‑miktub, lill-awtorità kompetenti, li l-applikazzjoni għal għajnuna tkun inkorretta jew li tkun saret hekk wara li tkun ġiet ippreżentata. Issa, din l-aħħar dispożizzjoni hija applikabbli f’dan il-każ, peress li komunikazzjoni tardiva għandha titqies li tikkostitwixxi wkoll tali senjalazzjoni bil-miktub. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità kien jimmilita wkoll favur din l-interpretazzjoni.

40

L-AMA ppreżentat rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l‑Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju.

41

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tesponi, fl-ewwel lok, li, permezz tal-Artikolu 13(2) u (3) tar-Regolament tal‑2015 dwar il‑pagamenti diretti, il-leġiżlatur Awstrijak għamel użu mill-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri, permezz tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, li tintuża l-informazzjoni li tinsab fid-database kompjuterizzata għall-annimali għall-finijiet tat-trattament ta’ kull applikazzjoni għal għajnuna jew għal pagamenti għall-annimali. L-applikazzjoni għal appoġġ akkoppjat ippreżentata minn bidwi ssir għalhekk f’diversi stadji, konformement mal‑Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament.

42

Għalhekk, fil-kuntest ta’ applikazzjoni unika għal għajnuna marbuta ma-żona, li kellha tiġi ppreżentata qabel il‑15 ta’ Ġunju 2020, konformement mal-Artikolu 21(1) u (1b) tar-Regolament Orizzontali dwar il-PAK, tali bidwi qabel kollox isostni l-prinċipju ta’ appoġġ akkoppjat. L-applikazzjoni kkonkretizzata ssir permezz tal‑komunikazzjoni tal-moviment tal-bhejjem lejn il-mergħat tas-sajf, li tinkludi l-informazzjoni msemmija fl‑Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2001/672, li għandha ssir f’terminu ta’ 15‑il jum mill-moviment tal-annimali, skont l-Artikolu 6(1a) tar‑Regolament dwar l-identifikazzjoni tal-bhejjem tal-ifrat u l‑Artikolu 2(2) u (4) tad-Deċiżjoni 2001/672.

43

Il-komunikazzjonijiet jiġu rreġistrati fid-database elettronika nazzjonali dwar l-bhejjem tal-ifrat li sussegwentement tippermetti li jiġi ddeterminat in-numru ta’ bhejjem tal-ifrat li jkunu ċċaqalqu fis-sajf fid‑data tal‑15 ta’ Lulju, li hija, skont l-Artikolu 13(3) tar‑Regolament tal‑2015 dwar il-pagamenti diretti, id-data ta’ riferiment għall-kalkolu tan-numru ta’ annimali rilevanti. Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-reġistrazzjonijiet f’din id-database li l-appoġġ akkoppjat volontarju li għalih il-persuna li trabbi għandha dritt tiġi kkalkolata.

44

Fil-kawża li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju, il-komunikazzjoni saret fil‑15 ta’ Ġunju 2020. B’hekk, fid-data ta’ riferiment rilevanti għad-determinazzjoni tan‑numru ta’ annimali, li kienet, konformement mal-Artikolu 13(3) tar‑Regolament tal‑2015 dwar il-pagamenti diretti, il‑15 ta’ Lulju 2020, kellu jkun hemm għalhekk komunikazzjoni dwar dawn it-tnax-il bhima tal-ifrat u reġistrazzjoni tagħhom fid-database kompjuterizzata għall‑annimali.

45

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, f’dan il-każ, l-obbligu ta’ komunikazzjoni fil-ħmistax-il jum wara ċ-ċaqliq ta’ dawn l-annimali tal-ifrat, li jirriżulta mill-Artikolu 2(2) u (4) tad-Deċiżjoni 2001/672, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1760/2000, jew tal‑Artikolu 6(1a) tar-Regolament dwar l-identifikazzjoni tal-bhejjem tal-ifrat ma ġiex osservat peress li l-imsemmija annimali ġew imċaqalqa fid‑9 ta’ Mejju 2020.

46

Hija tirrileva, madankollu, li, bis-saħħa tal-Artikolu 30(4)(c) tar‑Regolament Delegat Nru 640/2014, meta l-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati jikkonċernaw entrati żbaljati fid-database kompjuterizzata għall-annimali, iżda jkunu irrilevanti għall-verifika tal‑osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, l‑annimal ikkonċernat jitqies li ma huwiex determinat, fis-sens tal‑punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, ħlief jekk dawn l-entrati żbaljati jiġu kkonstatati matul żewġ kontrolli tal-inqas fuq perijodu ta’ 24 xahar.

47

Skont il-qorti tar-rinviju, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk komunikazzjoni tardiva, bħal dik inkwistjoni fil-kawża li għandha quddiemha, tistax titqies li hija entrata żbaljata fid-database kompjuterizzata għall-annimali, li ma hijiex determinanti għall-kundizzjonijiet l-oħra għall-għoti tal-għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014.

48

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, jekk l-ewwel domanda kellha tingħata risposta negattiva u li għalhekk ma jkunx hemm lok li jingħata l-appoġġ akkoppjat għat-tnax-il bhima tal-ifrat ta’ T F imċaqalqa lejn il-mergħat fid‑9 ta’ Mejju 2020, tqum il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok li jiġu imposti s-sanzjonijiet amministrattivi previsti fil-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament delegat.

49

F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jipprevedi b’mod partikolari, bħala eċċezzjoni għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi previsti fil-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament delegat, li dawn is-sanzjonijiet ma japplikawx fir‑rigward tal-parti tat-talba għal għajnuna li l-benefiċjarju jkun indika bil-miktub lill-awtorità kompetenti bħala inkorretta, bil-kundizzjoni li l‑benefiċjarju ma jkunx ġie avżat li din l-awtorità kellha l‑intenzjoni li twettaq verifika fuq il-post u ma jkunx diġà ġie informat mill-imsemmija awtorità bil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati fit-talba tiegħu għal għajnuna jew għal pagament.

50

Ċertament, skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament delegat jirrigwarda biss l-ineżattezza tat-talba għal għajnuna nnifisha, u mhux każ ta’ nuqqas ta’ konformità fil-qasam tal-identifikazzjoni u tar‑reġistrazzjoni tal-annimali. Madankollu, l-Artikolu 34 tal-istess regolament delegat jestendi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-iżbalji u l-ommissjonijiet li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni fid-database kompjuterizzata, u b’hekk jagħti l-possibbiltà lill-persuni li jrabbu l‑annimali li jikkoreġu, fuq inizjattiva tagħhom stess, in-nuqqasijiet tagħhom qabel ma l-awtorità kompetenti tintervjeni billi tħabbar kontroll fuq il-post jew billi tikkomunika n-nuqqas ta’ konformità, u b’hekk jiġu evitati sanzjonijiet amministrattivi.

51

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikoli 15 u 34 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jidhru li għandhom l-għan li jiffavorixxu lil min irabbi li, mingħajr ma jkun imġiegħel, jikkoreġi aġir żbaljat, li ma jippermettilux jikseb l-appoġġ għall-annimali kkonċernati iżda tevitalu sanzjonijiet amministrattivi. Fil-fatt, ma hemmx raġuni għaliex komunikazzjoni tardiva, bħal dik inkwistjoni fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, twassal għal konsegwenzi iktar gravi minn dawk li jirriżultaw minn komunikazzjoni inkorretta jew minn nuqqas ta’ komunikazzjoni li twassal għal entrata żbaljata jew inkompleta fid-database nazzjonali. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità tas‑sanzjonijiet, imfakkar fl-Artikolu 77(6) tar-Regolament Nru 1306/2013, jista’ wkoll jimmilita favur l-applikazzjoni tal-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 fil-każ ta’ tali komunikazzjoni tardiva.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Fil-każ ta’ applikazzjoni għal appoġġ għall-annimali fis-sens tat‑tieni subparagrafu tal‑punt 15 tal-Artikolu 2(1) tar-[Regolament Delegat Nru 640/2014] introdotta għas-sena 2020 għall-għoti ta’ appoġġ akkoppjat, li għaliha tintuża fis-sens tal-Artikolu 21(4) tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014], l-informazzjoni fid-database elettronika għall-bhejjem tal-ifrat, tikkostitwixxi, fil-każ ta’ applikazzjoni ppreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 15-il jum wara li l-annimali (baqar) ikunu ġew imċaqalqa lejn mergħa, skont […]l‑Artikolu 2(2) [u (4)] tad-Deċiżjoni [2001/672], moqri flimkien mal‑Artikolu 7(2) tar-Regolament [Nru 1760/2000], entrata żbaljata fid‑database elettronika għall-bhejjem tal-ifrat, konformement mal‑Artikolu 30(4)(c) tar-[Regolament Delegat Nru 639/2014], li ma hijiex deċiżiva għall-verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet tal‑eliġibbiltà, bl-eċċezzjoni tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 53(4) tar‑Regolament [Delegat Nru 639/2014], taħt l-iskema ta’ appoġġ jew miżura ta’ appoġġ inkwistjoni, sabiex l-annimali kkonċernati jitqiesu mhux determinati biss jekk din l-entrata żbaljata tiġi osservata matul mill-inqas żewġ kontrolli f’perijodu ta’ [24] xahar?

2.

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

Is-sanzjonijiet amministrattivi previsti fil-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat [Nru] 640/2014 japplikaw fis-sens tal-Artikoli 15(1) u 34 tar‑Regolament Delegat 640/2014 għall-applikazzjoni għal appoġġ akkoppjat imsemmija fl-ewwel domanda, meta l-bidwi jkun indirizza lill-awtorità kompetenti komunikazzjoni bil-miktub skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2001/672, moqri flimkien mal‑Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament [Nru] 1760/2000, dwar iċ-ċaqliq ta’ annimali għall-mergħa, bil-komunikazzjoni tindika d-dewmien fir‑rigward tat-terminu ta’ 15-il jum taħt dawn id-dispożizzjonijiet, sakemm l-awtorità kompetenti ma tkunx informat minn qabel lill‑applikant bl-intenzjoni li twettaq kontroll fuq il-post u ma tkunx informatu diġà dwar ksur fir-rigward tal-applikazzjoni għal għajnuna?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

53

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2(a) u l-punt 18(a) tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 2(1), kif ukoll l-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li komunikazzjoni taċ-ċaqliq tal-bhejjem tal-ifrat lejn il-mergħat tas-sajf li jinsabu fiż-żoni muntanjużi li ma tosservax it-terminu stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat, konformement mal-Artikolu 2(2) u (4), id‑deċiżjoni 2001/672, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) tar‑Regolament Nru 1760/2000, tista’ titqies li tkun entrata żbaljata fid‑database kompjuterizzata għall-annimali li ma tkunx rilevanti għall‑verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ din l-applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, b’tali mod li dawn il-bhejjem jistgħu għalhekk jitqiesu li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “annimal determinat”, fis-sens tal-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament delegat.

54

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li din id-domanda tirrigwarda applikazzjoni għal għajnuna marbuta mal-annimali, fis-sens tal-punt 2(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, jiġifieri applikazzjoni għal għajnuna fil-każ fejn il‑pagament annwali li għandu jingħata, f’limiti kwantitattivi ddefiniti, ikun ibbażat fuq numru fiss ta’ annimali fil-kuntest tal-appoġġ akkoppjat volontarju previst fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament Nru 1307/2013, li saret sabiex wieħed jibbenefika minn skema ta’ għajnuna marbuta mal-annimali, fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 13 tat‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, jiġifieri tali miżura ta’ appoġġ akkoppjat volontarja. Iktar preċiżament, din hija applikazzjoni għal appoġġ akkoppjat fir-rigward ta’ bhejjem tal-ifrat li jiġu mċaqalqa lejn mergħat tas-sajf li jinsabu f’żoni muntanjużi.

55

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għall‑komunikazzjoni taċ-ċaqliq tal-bhejjem tal-ifrat lejn dawn il-mergħat, tintuża, konformement mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, id-database kompjuterizzata għall‑annimali msemmija fil-punt 9 tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014.

56

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-osservanza tat-terminu previst għall‑komunikazzjoni tal-moviment ta’ bhejjem lejn il-mergħat tas-sajf li jinsabu f’żoni muntanjużi għandux jitqies li huwa kundizzjoni applikabbli għall-għoti tal-għajnuna, fis-sens tal-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014.

57

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal u Futrifer Indústrias Ferroviárias, C‑66/22, EU:C:2023:1016, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Mill-formulazzjoni tal-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar‑Regolament Delegat Nru 640/2014 jirriżulta li l-frażi “annimal determinat” tfisser, fil‑kuntest ta’ skema ta’ għajnuna marbuta mal-annimali, annimal li għalih il-kundizzjonijiet kollha applikabbli għall-għoti ta’ għajnuna jiġu ssodisfatti.

59

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 jeżiġi mill-Istati Membri li huma jiddefinixxu, bħala kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-miżuri ta’ appoġġ akkoppjat għall-bhejjem tal-ifrat, ir-rekwiżiti fil‑qasam tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-annimali previsti mir-Regolament Nru 1760/2000. Dawn ir-rekwiżiti jinsabu fl-Artikoli 1 et seq. tat-Titolu I ta’ dan ir-regolament, intitolat “Identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ annimali bovini [bhejjem tal-ifrat]”.

60

It-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 1760/2000 kien jipprevedi, fil-verżjoni inizjali tiegħu, li kull sid tal-bhejjem għandu jissenjala lill-awtorità kompetenti, f’terminu massimu ffissat mill-Istat Membru kkonċernat li jmur minn tlieta sa sebat ijiem, il-movimenti kollha ta’ annimali lejn u mill-ażjenda, kif ukoll it‑twelid u l-imwiet kollha tal-annimali tal-ażjenda, flimkien mad-dati ta’ dawn l-avvenimenti. Madankollu, din id-dispożizzjoni kienet tindika li, fuq talba ta’ Stat Membru, u konformement mal-proċedura indikata fl-Artikolu 23(2) ta’ dan ir‑regolament, il-Kummissjoni tista’ tiddetermina ċ-ċirkustanzi li fihom l‑Istati Membri jkunu jistgħu jestendu t-terminu massimu u jipprevedu regoli speċifiċi applikabbli għall-movimenti tal-bhejjem tal-ifrat meta jinħarġu għall-mergħa tas-sajf f’varji żoni muntanjużi.

61

Wara l-emendi li saru fl-imsemmi regolament permezz tar-Regolament Nru 653/2014, din il‑possibbiltà kienet prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1760/2000, li bis-saħħa tiegħu, sabiex tiġi żgurata traċċabbiltà adegwata u effettiva tal-bhejjem tal-ifrat imċaqalqa għall-mergħa staġjonali, il-Kummissjoni setgħet tadotta atti ddelegati fir-rigward b’mod partikolari tar-regoli dwar ir-reġistrazzjoni tal-movimenti ta’ dawn il‑bhejjem tal-ifrat.

62

Huwa abbażi tat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 1760/2000, fil-verżjoni inizjali tiegħu, li l‑Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/672, li l-Artikolu 2(2) tagħha jipprevedi li l-persuna responsabbli għall-mergħat għandha tistabbilixxi lista ta’ bhejjem tal-ifrat li jistgħu jiċċaqalqu lejn mergħat tas-sajf li jinsabu f’żoni muntanjużi, li għandha tinkludi b’mod partikolari n‑numru ta’ identifikazzjoni individwali ta’ kull bhima tal-ifrat. Bis-saħħa tal‑Artikolu 2(4) ta’ din id-deċiżjoni, l-informazzjoni li tinsab f’din il‑lista għandha tiġi kkomunikata lill-awtorità kompetenti konformement mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 mhux iktar tard minn 15‑il jum wara d-data ta’ meta l-annimali jaslu fil‑mergħa.

63

Kemm it-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 1760/2000, u kemm l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672 huma fformulati f’termini imperattivi li jiddeskrivu b’mod dettaljat il-portata tal-obbligu tal-komunikazzjoni għal minn irabbi l‑annimali u jiddefinixxu bi preċiżjoni t-terminu impost fuq dawn il‑persuni sabiex iwettqu l-imsemmi obbligu (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins, C‑45/05, EU:C:2007:296, punt 36).

64

Barra minn hekk, l-aħħar parti tat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 7(1), kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1760/2000 jiddeterminaw b’mod preċiż il-modalitajiet ta’ proroga ta’ dan it-terminu. Issa, l-indikazzjoni preċiża ta’ dawn il-modalitajiet tkun bla effett utli jekk dawk li jżommu l-annimali jkunu ħielsa milli josservaw dan it-terminu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins, C‑45/05, EU:C:2007:296, punt 37).

65

Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2) u (4) tad‑Deċiżjoni 2001/672 u minn dik tat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1760/2000 jirriżulta li kull min iżomm l-annimali huwa marbut li josserva t-terminu mogħti sabiex jikkomunika l-moviment ta’ bhima tal-ifrat fid-destinazzjoni jew provenjenti mill-ażjenda tiegħu sabiex jikseb l-appoġġ akkoppjat mitlub u li, għaldaqstant, l-osservanza ta’ dan it-terminu għandha titqies li hija kundizzjoni applikabbli għall-għoti tal-għajnuna, fis-sens tal-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014.

66

Ċertament, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(4) tar‑Regolament Delegat Nru 639/2014 jirriżulta li, bla ħsara għal kundizzjonijiet oħra ta’ eliġibbiltà, annimal għandu jitqies ukoll eliġibbli għall-appoġġ meta r-rekwiżiti tal-identifikazzjoni u tar‑reġistrazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 53(4) jiġu ssodisfatti f’data ffissata mill-Istat Membru, fil-limiti stabbiliti f’dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(4).

67

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li bis-saħħa tal‑Artikolu 13 tar-Regolament tal‑2015 dwar il-Pagamenti Diretti, annimal jista’ jkun eliġibbli għall-għajnuna, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 meta l-informazzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1760/2000 tkun ġiet ikkomunikata fl-ewwel jum fil-mergħat tal‑annimal ikkonċernat. Madankollu, fid-dawl tal-fatti kif deskritti fid‑deċiżjoni tar-rinviju, din id-dispożizzjoni ma tidhirx li hija rilevanti f’dan il-każ, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar‑rinviju.

68

L-interpretazzjoni tal-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 li tirriżulta mill-punt 65 ta’ din is-sentenza hija kkonfermata mill-kuntest li fih tidħol din id‑dispożizzjoni.

69

Fil-fatt, mill-punt 2(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) kif ukoll mill‑premessi 2, 28 u 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jirriżulta li l-frażi “nuqqas ta’ konformità” tintuża, f’dan ir-regolament delegat, sabiex tiddeskrivi b’mod partikolari s-sitwazzjoni li fiha l‑kriterji ta’ eliġibbiltà ma jkunux issodisfatti. Skont l-Artikolu 30(4)(c) ta’ dan ir-regolament delegat, l-entrati żbaljati fir-reġistru, il‑passaporti għall-annimali jew id-database kompjuterizzata għall‑annimali jikkostitwixxu każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. Issa, il-premessa 11 tar-Regolament Delegat 2016/1393, li ssemmi din id-dispożizzjoni, tiċċita espliċitament l-entrata żbaljata relatata mad‑data, fost l-eżempji ta’ entrati żbaljati.

70

L-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 65 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata wkoll mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1760/2000 u mid-Deċiżjoni 2001/672.

71

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1760/2000, hekk kif jirriżulta mill-premessi 4 sa 7 tiegħu, ifittex li tissaħħaħ il‑fiduċja tal-konsumatur fil-laħam taċ-ċanga u l-prodotti mil-laħam taċ‑ċanga, li jinżamm livell iktar għoli tas-saħħa pubblika u li tissaħħaħ l‑istabbiltà fit-tul tas-suq tal-laħam taċ-ċanga (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins, C‑45/05, EU:C:2007:296, punt 40).

72

Sabiex dawn l-għanijiet ikunu jistgħu jintlaħqu, huwa indispensabbli li s-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-ifrat tkun totalment effettiva u affidabbli dejjem, biex, b’mod partikolari, tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jindividwaw malajr kemm jista’ jkun, fil-każ ta’ epiżootomija, il-provenjenza ta’ annimal u li jittieħdu immedjatament il-miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju għas‑saħħa pubblika. Issa, dan ma jkunx il-każ jekk dak li jżomm l‑annimali ma jkunx ikkomunika ċ-ċaqliq tal-bhejjem tal-ifrat tiegħu fid‑database kompjuterizzat fit-terminu previst fit-tieni inċiż tal‑Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1760/2000 (sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins, C‑45/05, EU:C:2007:296, punt 41).

73

Barra minn hekk, mill-premessa 74 tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 essenzjalment jirriżulta li, fir-rigward b’mod partikolari tal-appoġġ akkoppjat volontarju, ir-rekwiżiti ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-annimali previsti fir-Regolament Nru 1760/2000 huma intiżi wkoll li jippermettu lill-Kummissjoni tivverifika li l-Istati Membri jkunu qiegħdin josservaw ir-rekwiżiti dwar il-koerenza u n-nuqqas ta’ kumulu tal-appoġġ, kif ukoll il-perċentwali massimi tal-limiti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1307/2013 u l-ammonti totali relatati matul it-tħejjija tal-miżuri ta’ appoġġ.

74

Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2001/672 għandhom ukoll bħala għan, konformement mal-premessa 3 tagħha, li “jippermettu li jkun magħruf il-post fejn jinsab kull annimal tal-ifrat”.

75

Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ komunikazzjoni, previst fl-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672, moqri flimkien mat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 1760/2000, jikkostitwixxi każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-identifikazzjoni u mar-reġistrazzjoni previsti minn dan ir-regolament, b’tali mod li, bħala prinċipju, l-annimali kkonċernati ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “annimal determinat”, fis-sens tal-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar‑Regolament Delegat Nru 640/2014.

76

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-fatt li ssir komunikazzjoni tardiva ta’ ċaqliq ta’ annimali jikkostitwixxix każ ta’ nuqqas ta’ konformità li huwa irrilevanti għall-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014. F’dan ir-rigward, jirriżulta, ċertament, minn din id‑dispożizzjoni li, meta l-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ikkonstatat jirrigwarda entrati żbaljati fir-reġistru, fil-passaporti tal-annimali jew fid-database kompjuterizzata għall-annimali, iżda ma jkunx rilevanti għall-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ ikkonċernat, l-annimal inkwistjoni għandu jitqies biss li jkun mhux stabbilit jekk jinstabu entrati żbaljati bħal dawn f’minn tal-inqas żewġ verifiki f’perjodu ta’ 24 xahar. Fil-każijiet l-oħra kollha, l‑annimali kkonċernati għandhom jitqiesu bħala mhux determinati wara l-ewwel sejba.

77

Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li mill‑formulazzjoni stess tal-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità li jkunu irrilevanti għall-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà “għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014”. Minn dan isegwi li l-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkostitwiti minn ksur tar-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni u r‑reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-ifrat, previsti fl-Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 1760/2000, li jissemmew fl-Artikolu 53(4) tar‑Regolament Delegat Nru 639/2014, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-imsemmi Artikolu 30(4)(c) tar‑Regolament Delegat Nru 640/2014.

78

It-tieni nett, u kif spjegat l-Avukata Ġenerali fil-punti 52 sa 56 tal‑konklużjonijiet tagħha, il-fatt li ma ssirx il-komunikazzjoni meħtieġa fit-terminu stabbilit, billi tiddaħħal id-data inkwistjoni fid-database kompjuterizzata għall-annimali, ma jistax jiġi assimilat ma’ “reġistrazzjoni mhux eżatta” f’din id-database, fis-sens tal‑Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014. Fil-fatt, komunikazzjoni tardiva telimina biss għall-futur nuqqas li, fid-dawl tar‑rekwiżit ta’ traċċabbiltà permanenti tal-post fejn jinsab l-annimal ikkonċernat, fir-realtà ma jkunx jista’ tiġi rrettifikata b’mod retroattiv.

79

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-premessa 2 tar-Regolament Delegat Nru 2015/1383 tal-Kummissjoni, tat‑28 ta’ Mejju 2015, li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 fir-rigward tal‑kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà marbuta mar-rekwiżiti għall‑identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali għall-appoġġ akkoppjat previst fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 (ĠU 2015, L 214, p. 1), li tgħid li mill-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 jirriżulta li, “ladarba r-rekwiżiti għall-identifikazzjoni u r‑reġistrazzjoni tal-annimali [previsti, b’mod partikolari, fir-Regolament Nru 1760/2000] ma jiġux sodisfatti, l-annimali kkonċernati għandhom jieqfu definittivament milli jkunu eliġibbli għall-appoġġ akkoppjat volontarju, anki jekk il-lakuni inkwistjoni jiġu kkoreġuti sussegwentement”.

80

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 2(a) u l-punt 18(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) kif ukoll l-Artikolu 30(4)(c) tar‑Regolament Delegat Nru 640/2014 għandhom jiġu interpretati fis‑sens li komunikazzjoni taċ-ċaqliq tal-bhejjem tal-ifrat lejn mergħat tas-sajf li jinsabu f’żoni muntanjużi, li ma tosservax it-terminu stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat, konformement mal-Artikolu 2(2) u (4) tad-Deċiżjoni 2001/672, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) tar‑Regolament Nru 1760/2000, ma tistax titqies li hija entrata żbaljata fid-database kompjuterizzata għall-annimali li hija irrilevanti għall‑verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ din l-applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, b’tali mod li dawn l-annimali ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “annimal determinat”, fis-sens tal-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament delegat.

Fuq it‑tieni domanda

81

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, magħmula fl-ipoteżi fejn l-ewwel domanda għandha tingħatalha risposta negattiva u li għalhekk ma jkunx hemmx lok li jingħata l-appoġġ akkoppjat għall-bhejjem tal‑ifrat li għalihom it-terminu ta’ komunikazzjoni previst fl‑Artikolu 2(2) u (4) tad-Deċiżjoni 2001/672, moqri flimkien mal‑Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1760/2000, ma jiġix osservat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikolu 15(1) u l-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li s-sanzjonijiet amministrattivi previsti fl‑Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament delegat għandhom ukoll jiġu applikati fil-każ fejn il-komunikazzjoni taċ-ċaqliq tal-bhejjem tal-ifrat lejn il-mergħat tas-sajf, permezz tal-inklużjoni tad-data inkwistjoni fid-database kompjuterizzata għall-annimali, tkun twettqet tardivament iżda fejn il-benefiċjarju ma jkunx kienx ġie avżat li l‑awtorità kompetenti kien ser ikollha l-intenzjoni li twettaq verifika fuq il-post u ma jkunx diġà ġie informat minn din l-awtorità bil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatat minn din tal-aħħar.

82

Mill-Artikolu 31(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jirriżulta li sanzjonijiet amministrattivi jiġu applikati meta tiġi kkonstatata differenza bejn in-numru ta’ annimali ddikjarati u n-numru ta’ annimali determinati, jiġifieri meta jkun hemm każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. F’dan il-każ, mir-risposta għall-ewwel domanda preliminari jirriżulta li l-komunikazzjoni tardiva taċ-ċaqliq tal-bhejjem tal-ifrat lejn il-mergħat tas-sajf li jinsabu f’żoni muntanjużi tikkostitwixxi każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

83

Bis-saħħa tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(2) ta’ dan ir‑regolament delegat, jekk id-differenza bejn in-numru ta’ annimali ddikjarati u n-numru ta’ annimali determinati, ikkalkolati skont l‑Artikolu 31(3) tal-imsemmi regolament delegat, taqbeż 50 %, kif jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, l-għajnuna jew l-appoġġ li l-benefiċjarju kien intitolat għalih skont l-Artikolu 30(3) tal-istess regolament delegat ma għandhiex tingħata skont l-iskema ta’ għajnuna jew il-miżura ta’ appoġġ jew it-tip ta’ operazzjoni relatata ma’ din il-miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba inkwistjoni. Barra minn hekk, jiġi impost fuqu sanzjoni addizzjonali ta’ ammont ekwivalenti għal dak li jikkorrispondi mad-differenza bejn in‑numru ta’ annimali ddikjarati fl-applikazzjoni għal għajnuna u n‑numru ta’ annimali determinati, konformement ma’ dan l-Artikolu 30(3).

84

Minn dan isegwi li, f’tali każ, l-bidwi li japplika għall-appoġġ akkoppjat mhux biss jitlef id-dritt għal dan is-sostenn iżda barra minn hekk tiġi imposta fuqu sanzjoni amministrattiva.

85

Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, is-sanzjonijiet amministrattivi ma japplikawx fir-rigward tal-parti tal-applikazzjoni għal għajnuna jew tat-talba għal pagament li l‑benefiċjarju jkun indika bil-miktub lill-awtorità kompetenti bħala inkorretta jew li tkun saret inkorretta minn meta tkun ġiet ippreżentata l‑applikazzjoni, bil-kundizzjoni li l-benefiċjarju ma jkunx ġie avżat li din l‑awtorità kellha l-intenzjoni li twettaq verifika fuq il-post u ma jkunx diġà ġie informat mill-imsemmija awtorità bil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati fit-talba tiegħu għal għajnuna jew għal pagament.

86

B’differenza mill-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, dan l-Artikolu 15(1) ma jeskludix ċerti każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

87

Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament delegat, fir-rigward tal-annimali ddikjarati, l-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament delegat għandu japplika għal żbalji u għal ommissjonijiet b’rabta mal-entrati fid-database kompjuterizzata għall-annimali li jsiru mill-waqt meta tiġi ppreżentata l‑applikazzjoni għall-għajnuna jew it-talba għall-pagament.

88

Mill-fatti esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li jirriżulta li t-tnax-il annimal tal-ifrat li l-moviment tagħhom lejn il-mergħat tas-sajf li kienu jinsabu f’żoni muntanjużi ġie kkomunikat tard, kienu diġà ġew identifikati fit-talba għall-għoti ta’ appoġġ akkoppjat u kienu għalhekk “annimali ddikjarati” fis-sens tal-punt 16 tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014.

89

Barra minn hekk, mill-indikazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-komunikazzjoni taċ-ċaqliq tal-bhejjem tal-ifrat inkwistjoni lejn mergħat tas-sajf li jinsabu f’żoni muntanjużi kienet issir permezz tal‑inklużjoni ta’ din l-informazzjoni fid-database kompjuterizzata għall-annimali.

90

Minn dan isegwi li, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil‑punt 74 tal-konklużjonijiet tagħha, skont l-Artikolu 34 tar‑Regolament Delegat Nru 640/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament delegat, ebda sanzjoni amministrattiva ma tista’ tiġi imposta minħabba s-sempliċi fatt li l-komunikazzjoni meħtieġa tkun saret tard, bil-kundizzjoni, madankollu, li, kif tipprevedi din l-aħħar dispożizzjoni, il-benefiċjarju ma jkunx ġie avżat li l-awtorità kompetenti kellha l-intenzjoni li twettaq kontroll fuq il-post u ma kienx diġà ġie informat minn din l-awtorità bil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati minn din tal-aħħar.

91

Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija adatta sabiex tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1760/2000 li, kif ġie rrilevat fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, jiddependu minn traċċabbiltà effikaċi tal-annimali inkwistjoni. Fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva fil-każ ta’ komunikazzjoni tardiva, tal-istess ammont bħal dak li jkun dovut li kieku l-komunikazzjoni bl-ebda mod ma tkun saret, tista’ tneħħi kull inċentiv sabiex issir tali komunikazzjoni tardiva.

92

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sanzjonijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament delegat ma jistgħux jiġu applikati fil-każ fejn il-komunikazzjoni taċ‑ċaqliq tal-bhejjem tal-ifrat lejn il-mergħat tas-sajf, permezz tal‑entrata tad-data inkwistjoni fid-database kompjuterizzata għall‑annimali, tkun saret tard iżda fejn il-benefiċjarju ma jkunx ġie avżat li l-awtorità kompetenti kellha l-intenzjoni twettaq verifika fuq il‑post u ma jkunx diġà ġie informat minn din l-awtorità bil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati minn din tal-aħħar.

Fuq l‑ispejjeż

93

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 2(a) u l-punt 18(a) tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 2(1), kif ukoll l-Artikolu 30(4)(c) tar‑Regolament Delegat Nru 640/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l‑irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall‑pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l‑kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48), kif emendat bir‑Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/723 tas‑16 ta’ Frar 2017,

għandhom jiġu interpretati fis sens li:

komunikazzjoni taċ-ċaqliq tal-bhejjem tal-ifrat lejn mergħat tas-sajf li jinsabu f’żoni muntanjużi, li ma tosservax it-terminu stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat, konformement mal‑Artikolu 2(2) u (4) tad-Deċiżjoni 2001/672, tal‑20 ta’ Awwissu 2001 li tistabbilixxi regoli speċjali applikabbli għall‑movimenti ta’ annimali bovini [bhejjem tal‑ifrat] meta mqegħda jirgħu fis-sajf fl-oqsma tal-muntanji, kif emendata bid-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2010/300/UE tal‑25 ta’ Mejju 2010, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) tar‑Regolament Nru 1760/2000, tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal‑bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal‑laħam taċ-ċanga u tal‑prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 653/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Mejju 2014, ma tistax titqies li hija entrata żbaljata fid-database kompjuterizzata għall‑annimali li hija irrilevanti għall-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ din l-applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, b’tali mod li dawn l-annimali ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “annimal determinat”, fis-sens tal-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir‑regolament delegat.

 

2)

L-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, kif emendat bir-Regolament Delegat Nru 2017/723

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

s-sanzjonijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 31 ta’ dan ir‑regolament delegat ma jistgħux jiġu applikati fil-każ fejn il‑komunikazzjoni taċ‑ċaqliq tal-bhejjem tal-ifrat lejn il-mergħat tas-sajf, permezz tal‑entrata tad-data inkwistjoni fid-database kompjuterizzata għall‑annimali, tkun saret tard iżda fejn il-benefiċjarju ma jkunx ġie avżat li l‑awtorità kompetenti kellha l-intenzjoni twettaq verifika fuq il‑post u ma jkunx diġà ġie informat minn din l-awtorità bil‑każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati minn din tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.