Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI I - TITOLU IV - ISTITUZZJONIJIET U KORPI TA' L-UNJONI - KAPITOLU I - IL-QAFAS ISTITUZZJONALI - Artikolu I-20
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0019 - 0019
Artikolu 1-20 Il-Parlament Ewropew 1. Il-Parlament Ewropew għandu, flimkien mal-Kunsill, jeżerċita funzjonijiet leġislattivi u ta' budget. Għandu jeżerċita funzjonijiet ta' kontroll politiku u ta' konsultazzjoni skond il-kondizzjonijiet previsti fil-Kostituzzjoni. Għandu jeleġġi l-President tal-Kummissjoni. 2. Il-Parlament Ewropew għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti taċ-ċittadini ta' l-Unjoni. In-numru tagħhom ma jistax jaqbeż is-seba' mija u ħamsin fin-numru. Ir-rappreżentanza taċ-ċittadini hi garantita b'mod proporzjonali digressiv, b'limitu minimu ta' sitt membri għal kull Stat Membru. L-ebda Stat Membru m'għandu jingħata iktar minn sitta u disgħin siġġu. Il-Kunsill Ewropew għandu jadotta b'mod unanimu, fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew u bil-kunsens tiegħu, deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi l-komposizzjoni tal-Parlament Ewropew, li tirrispetta l-prinċipji previsti fl-ewwel subparagrafu. 3. Il-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti b'mandat ta' ħames snin b'vot dirett universali liberu u sigriet. 4. Il-Parlament Ewropew għandu jeleġġi l-President u l-uffiċjali tiegħu minn fost il-membri tiegħu. --------------------------------------------------