15.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 130/15


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 442/2013

tas-7 ta’ Mejju 2013

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi provdut li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM kif indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa, maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhijiex skont dan ir-Regolament, tista’ tkompli tkun invokata għal perjodu ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1

(2)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Pejst, artab omoġenju mingħajr frak, b’riħa pikkanti u togħma predominentement mielħa, pikkanti (“Shiro miso”).

Il-prodott jikkonsisti fi (% skont il-piż):

—

ful tas-sojja

43;

—

ross;

43;

—

melħ

12;

—

ilma

2.

Il-pejst huwa miksub mill-fermentazzjoni (Koji mould) minn taħlita ta’ fażola tas-sojja fuq il-fwar u ross fuq il-fwar.

Togħmiet differenti jiżviluppaw matul il-fermentazzjoni u l-prodott jintuża bħala ingredjent tradizzjonali f’dixxijiet Ġappuniżi.

2103 90 90

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kodiċijiet NM 2103 , 2103 90  u 2103 90 90 .

Il-prodott huwa miżjud ma’ dixxijiet sabiex jagħtihom it-togħma, jista’ jintuża f’varjetà wiesgħa ta’ ikel u jilħaq il-karatteristiċi ta’ kondimenti mħalltin u ħwawar imħalltin bl-intestatura 2103 .

Il-prodott huwa preparazzjoni li żżid it-togħma ġo dixx iżda mhux maħsub biex jittiekel waħdu. Il-klassifikazzjoni skont l-intestatura 2008 hija għalhekk eskluża (ara wkoll in-Nota ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 2103 , (A), it-tielet paragrafu).

Billi d-deskrizzjoni tal-intestatura 2103 hija aktar speċifika, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 2106 bħala preparazzjonijiet tal-ikel mhux speċifikati jew inklużi band’oħra hija eskluża.

Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 2103 90 90 , bħala kondimenti mħallta u taħwirr imħallta.