European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6878

28.11.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Tranżizzjoni ġusta biex jiġi żgurat futur sostenibbli għas-sistemi agroalimentari tal-UE

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2024/6878)

Relatur:

Kerli ATS

Korelatur:

Florian MARIN

Konsulent

Tomaso FERRANDO (għar-relatur)

 

 

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

18.1.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

3.9.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

19.9.2024

Sessjoni plenarja Nru

590

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

136/0/9

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis li t-tranżizzjoni ġusta tas-sistemi agroalimentari trid tindirizza l-aspett soċjali, ambjentali u ekonomiku b’mod koerenti, kif ukoll tadotta approċċ olistiku, koordinat u integrat. It-tranżizzjoni ġusta għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta’ ġustizzja distributtiva, rikonoxximent, parteċipazzjoni, ambizzjoni ambjentali u klimatika, id-drittijiet tal-bniedem u “li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”.

1.2.

Il-KESE jqis li huma meħtieġa politiki pubbliċi integrati biex jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-bdiewa, is-sajjieda u l-ħaddiema fis-settur tal-ikel fuq skala żgħira, ikunu fil-qalba tat-tranżizzjoni ġusta. Il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u ekoloġika jridu jiggwidaw l-iżvilupp ta’ sistemi tal-ikel sostenibbli, u jiżguraw distribuzzjoni ġusta tal-kostijiet, tar-riżorsi u tal-benefiċċji, u jappoġġjaw id-dritt għall-ikel u għan-nutrizzjoni.

1.3.

Il-KESE jipproponi li l-ġustizzja parteċipattiva tiġi integrata fl-aspetti kollha tat-tranżizzjoni ġusta tas-sistemi agroalimentari. Din l-integrazzjoni għandha tiżgura proċessi bbilanċjati ta’ informazzjoni u konsultazzjoni li jqisu r-realtajiet tal-atturi vulnerabbli tul il-ktajjen tal-prodotti agroalimentari. Għandha tenfasizza wkoll id-disponibbiltà ta’ informazzjoni, trasparenza, edukazzjoni, u tiġdid u titjib tal-ħiliet, u għandha l-għan li tibni l-kapaċitajiet fil-livelli kollha tas-sistemi tal-ikel għall-partijiet ikkonċernati kollha.

1.4.

Il-KESE jipproponi li t-tranżizzjoni ġusta għandha tkopri l-protezzjoni, ir-rispett u t-twettiq tad-drittijiet tal-ħaddiema kollha, inkluż bit-tisħiħ u l-appoġġ tal-mekkaniżmi ta’ kundizzjonalità soċjali bħal dak li jinsab fil-Politika Agrikola Komuni (PAK), iżda wkoll billi jiġi żgurat li l-bdiewa jiġġeneraw introjtu għall-għajxien sabiex ikunu jistgħu jipprovdu wkoll introjtu għall-għajxien lill-ħaddiema tagħhom.

1.5.

Sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti ta’ trasformazzjoni strutturali tas-sistemi tal-ikel tal-UE, il-KESE jirrakkomanda:

—

li jiġi adottat approċċ sistemiku għal-liġi u l-governanza tas-sistemi tal-ikel tal-UE li jmur lil hinn mill-produzzjoni agrikola u jaderixxi mal-prinċipji tal-ġustizzja diskussi hawn taħt;

—

li ssir ħidma biex jiġi introdott l-introjtu għall-għajxien u tal-pagi għall-għajxien madwar l-UE kollha, kif ukoll tul il-ktajjen alimentari mhux tal-UE li jitimgħu lill-UE, u l-promozzjoni, f’konformità mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u sottonazzjonali, ta’ forom ta’ appoġġ finanzjarju u stabbilizzazzjoni tal-prezzijiet li jiggarantixxu l-aċċessibbiltà u d-dritt għall-ikel għaċ-ċittadini u għall-konsumaturi;

—

li jiġu implimentati politiki li jiffaċilitaw l-aċċess għall-art għal ġenerazzjonijiet ġodda ta’ bdiewa u produtturi fuq skala żgħira, it-treġġigħ lura tal-konċentrazzjoni tal-art bil-promozzjoni tad-distribuzzjoni ekwa tal-art, u li jiġu allinjati l-politiki tal-art mal-Linji Gwida Volontarji dwar il-Pussess tal-Art tal-FAO (1);

—

li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fil-PAK bħala kruċjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta, waqt li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jirċievu appoġġ ekwu sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti fis-settur agrikolu tal-UE;

—

li jiġu introdotti regolamenti biex jiġu limitati l-ispekulazzjoni u l-finanzjalizzazzjoni fis-sistemi tal-ikel, il-promozzjoni tat-trasparenza fis-swieq tal-komoditajiet tal-ikel, u l-istabbiliment ta’ strumenti finanzjarji li jappoġġjaw prattiki sostenibbli tul is-sistemi kollha tal-ikel;

—

li jsir investiment fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ prattiki u teknoloġiji sostenibbli, kif ukoll li jiġu rikonoxxuti l-implikazzjonijiet f’termini ta’ distribuzzjoni u rikonoxximent ta’ forom ta’ produzzjoni, distribuzzjoni u konsum li ilhom jeżistu, il-promozzjoni tal-innovazzjoni fil-prattika, u l-għoti ta’ taħriġ u riżorsi lill-bdiewa, lill-imprendituri fis-settur tal-ikel, u l-ħaddiema tas-settur tal-ikel biex jappoġġjaw l-adozzjoni ta’ prattiki sostenibbli;

—

li jiġu adottati standards aktar ambizzjużi u obbligatorji għall-akkwist tal-ikel sostenibbli u ġust, u l-użu ta’ programmi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u l-ikel bħala għodod biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni ġusta lejn sistemi tal-ikel soċjalment, ekonomikament u ambjentalment sostenibbli;

—

li tiġi rikonoxxuta l-importanza tax-xogħol riproduttiv u tal-kura fis-sistema kollha tal-ikel, u ċ-ċirkolarità tan-nisa u taż-żgħażagħ fis-sistemi agroalimentari attwali u futuri;

—

li jiġu appoġġjati prattiki li jippromovu l-bijodiversità u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali, u li jiġu implimentati politiki li jinkoraġġixxu l-integrazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema fis-sistemi agroalimentari;

—

li jiġi stabbilit Fond għal Tranżizzjoni Ġusta Agroalimentari biex jappoġġja lill-intrapriżi agroalimentari żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll Osservatorju tat-Tranżizzjoni tal-Ikel Ġust, bħala parti mill-proposta għall-istabbiliment ta’ Osservatorju ta’ Tranżizzjoni Ġusta (2).

—

li tiġi integrata perspettiva globali għat-tranżizzjoni ġusta tal-UE fis-sistemi agroalimentari li tallinja l-impenji ta’ governanza lokali, reġjonali, internazzjonali u globali mal-objettivi tad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-klima, u l-prinċipji tal-ġustizzja u s-sostenibbiltà fis-sistemi globali tal-ikel;

—

li jiġu żviluppati kampanji ta’ sensibilizzazzjoni pubblika għall-promozzjoni tal-konsum ta’ ikel lokali, tajjeb għas-saħħa u prodott b’mod sostenibbli, u li jiġu implimentati programmi edukattivi fl-iskejjel biex it-tfal jiġu mgħallma dwar l-importanza ta’ sistemi tal-ikel sostenibbli u drawwiet tal-ikel tajbin għas-saħħa.

2.   Il-ħtieġa ta’ tranżizzjoni olistika u ġusta għas-sistemi agroalimentari tal-UE

2.1.

Is-sistemi tal-ikel tal-UE jinsabu f’salib it-toroq bejn il-ħafna sfidi li qed jiffaċċja r-reġjun. It-telf ta’ impjiegi minħabba xejriet u ġeografija tal-produzzjoni li qed jinbidlu, it-tfaqqir tal-familji, l-iperinflazzjoni, ir-riallokazzjoni tan-nefqa pubblika (3) mis-servizzi soċjali lejn is-servizzi militari u tad-difiża (4), iż-żieda fil-mard mhux komunikabbli marbuta mal-kost aktar baxx ta’ dieti ħżiena għas-saħħa (5), it-tibdil fil-klima u l-avvenimenti estremi tat-temp, il-qlib għal ekonomiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju (6) u t-telfien tal-bijodiversità huma ftit biss mill-kwistjonijiet ta’ natura soċjali, ambjentali u ekonomika li jaffettwaw is-sistemi tal-ikel u f’xi każijiet huma direttament marbuta mal-mod li bih joperaw u huma strutturati.

2.2.

Waqt li l-katina tal-provvista tal-ikel tal-UE wriet reżiljenza konsiderevoli, u żammet l-aċċess għall-ikel madwar ir-reġjun anke f’kundizzjonijiet diffiċli bħall-pandemija tal-COVID-19, il-kriżi tal-prezzijiet tal-komoditajiet u tal-enerġija, it-tensjonijiet ġeopolitiċi u l-kriżijiet klimatiċi, dawn l-avvenimenti enfasizzaw ukoll vulnerabbiltajiet sinifikanti.

2.3.

Il-KESE jilqa’ l-isforzi li qed isiru favur l-inklużjoni ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mas-sistema tal-ikel kemm fid-diskussjonijiet Ewropej kif ukoll f’dawk globali, waqt li jissottolinja s-sinifikat ta’ approċċ komprensiv lejn in-nies, l-annimali u l-ekosistemi. Madankollu, il-KESE jieħu nota tas-sospensjoni tal-proċess leġiżlattiv relatat mal-Liġi Qafas dwar is-Sistemi tal-Ikel Sostenibbli (7), u jistieden lill-Kummissjoni futura tniedi mill-ġdid id-dibattitu skont il-prinċipji diskussi f’din l-Opinjoni.

2.4.

Barra minn hekk, il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ trasformazzjoni urġenti u strutturali tas-sistemi agrikoli u alimentari tal-UE li tmur lil hinn minn dak li qed isir bħalissa, u li hija allinjata mal-obbligi internazzjonali u Ewropej f’termini tal-ambjent, il-klima, u l-kuntratt soċjali. Il-KESE jipproponi li jitqiegħdu s-sisien għas-sistemi agroalimentari tal-UE li joperaw fil-limiti planetarji u soċjali (8) u li huma kapaċi jagħtu riżultati għaċ-ċittadini, għall-pjaneta u għall-ġenerazzjonijiet futuri.

2.5.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-bdiewa, is-sajjieda, il-ħaddiema fil-qasam tal-ikel, u l-SMEs jirrappreżentaw is-sinsla tas-sistemi tal-ikel tal-UE, u ta’ spiss isibu ruħhom f’pożizzjonijiet diffiċli minħabba ż-żieda fl-inugwaljanza fis-setturi tagħhom (9), il-mod li bih il-politiki pubbliċi għandhom it-tendenza li jkollhom impatti rigressivi li jaffettwaw l-aktar l-atturi iżgħar, u minħabba l-prezzijiet aktar baxxi u l-esponiment għall-kompetizzjoni globali li żiedet il-fraġilitajiet, il-biżgħat u r-rabja. Fis-settur agrikolu, dan wassal għal żieda fl-isfidi tas-saħħa mentali f’diversi reġjuni rurali tal-UE, b’diversi studji li jenfasizzaw il-ħtieġa urġenti ta’ appoġġ komprensiv għas-saħħa mentali (10).

2.6.

Għalhekk, it-tranżizzjoni ġusta għandha tkun ibbażata fuq il-protezzjoni, ir-rispett u l-issodisfar tad-drittijiet kollha tal-ħaddiema. Dan jinkludi t-tisħiħ u t-titjib tal-mekkaniżmi ta’ kundizzjonalità soċjali, pereżempju dawk li jinsabu fil-PAK, u l-appoġġ għall-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri. Barra minn hekk, huwa kruċjali li l-bdiewa jirċievu prezzijiet adegwati għall-prodotti tagħhom, u b’hekk ikunu jistgħu jħallsu lill-ħaddiema tagħhom paga adegwata. Barra minn hekk, il-politiki u r-regolamenti dwar il-migrazzjoni jridu jitfasslu b’tali mod li jipprevjenu lill-organizzazzjonijiet kriminali milli jisfruttaw il-bnedmin u jiżguraw li l-produtturi ma jnaqqsux il-kostijiet tal-produzzjoni għad-detriment tad-drittijiet tal-ħaddiema (11).

2.7.

Barra minn hekk, il-KESE jirrikonoxxi l-fatt li viżjoni għal futur sostenibbli trid tħares b’mod sistematiku lejn is-sistemi tal-ikel tagħna kollha, lejn il-mod kif inhuma mibnija mill-aspett soċjali, ambjentali u ekonomiku, u lejn l-implikazzjonijiet tagħhom. Il-politiki pubbliċi integrati u l-interventi transsettorjali għandhom għalhekk jiżguraw li l-bdiewa, is-sajjieda, il-ħaddiema fil-qasam tal-ikel, u l-SMEs ikunu fiċ-ċentru, iżda għandhom dejjem ikunu inkorporati fil-kuntest usa’ tas-sistemi tal-ikel li huma parti minnhom, flimkien ma’ atturi kummerċjali, konsumaturi, annimali u proċessi ekoloġiċi oħrajn.

2.8.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu identifikati prinċipji gwida ċari li jistgħu jappoġġjaw lill-atturi kollha tas-sistema tal-ikel, lil dawk li jfasslu l-politika u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-bini ta’ futur sostenibbli għas-sistemi agroalimentari tal-UE. Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li jiġi implimentat perkors għal tranżizzjoni ġusta ddedikat għas-sistemi agroalimentari tal-UE li huwa ispirat mill-prinċipji ta’ ġustizzja soċjali u ekoloġika u influwenzat mill-vokabularju u mill-obbligi minquxa fid-dritt li jirrigwarda d-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (12).

2.9.

Perkors ta’ tranżizzjoni ġusta jirrikjedi li dawk li jfasslu l-politika jindirizzaw l-aspetti soċjali u ambjentali mill-aspett kuntestwali, li jadottaw politiki koerenti fl-oqsma kollha tal-politika, u li jindirizzaw kwistjonijiet strutturali li jistgħu jimpedixxu l-konsolidazzjoni ta’ sistemi tal-ikel sostenibbli.

2.10.

Il-KESE jafferma li approċċ ta’ politika olistiku, ikkoordinat u integrat favur tranżizzjoni ġusta għas-sistemi agroalimentari tal-UE għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji tad-distribuzzjoni, ir-rikonoxximent, il-parteċipazzjoni, l-ambizzjoni ambjentali u klimatika, il-ġustizzja kosmopolitana, l-isfidi demografiċi (bħat-tixjiħ tal-popolazzjoni u n-nuqqas ta’ ħaddiema), il-koerenza u d-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari d-dritt għall-ikel u n-nutrizzjoni.

3.   Ġustizzja distributtiva

3.1.

Il-KESE jqis li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġustizzja distributtiva għat-tranżizzjoni agroalimentari tfisser l-introduzzjoni ta’ politiki u miżuri pubbliċi li jindirizzaw id-disparitajiet u l-inugwaljanzi attwali u futuri fis-sistemi tal-ikel, u li fl-istess ħin jissaħħu d-drittijiet tax-xogħol, jiġu ggarantiti dieti tajbin għas-saħħa u aċċessibbli għal kulħadd, jissaħħu l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-operaturi u jiġi promoss il-benesseri tal-annimali. Fil-qalba tal-prinċipju hemm ir-rikonoxximent li t-tranżizzjoni inevitabbilment se tirrikjedi riżorsi, iżda li dawn għandhom jinkisbu bl-implimentazzjoni ta’ miżuri progressivi, u li l-kostijiet u l-benefiċċji li jirriżultaw minn politiki u deċiżjonijiet politiċi futuri għandhom jiġu distribwiti b’mod ekwu.

3.2.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-Istati Membri li jmexxu l-UE fl-implimentazzjoni ta’ politiki adegwati li jistgħu jreġġgħu lura l-intensifikazzjoni tal-konċentrazzjoni tal-art (13) u li jipprovdu aċċess għall-art għal ġenerazzjonijiet ġodda ta’ bdiewa u produtturi fuq skala żgħira. Il-KESE jappoġġja lill-Parlament Ewropew, li, f’rapport mibdi minnu stess tal-2017, afferma d-dritt fundamentali għall-aċċess għall-art u ppromova l-allinjament tal-politiki Ewropej dwar l-art mal-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, kif deskritt mill-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija.

3.3.

L-appoġġ pubbliku jrid jimxi id f’id mar-rikonoxximent tal-fatt li huma disponibbli riżorsi fis-sistemi tal-ikel tal-UE, iżda li huma mqassma b’mod mhux uniformi u mhux ugwali. Mill-għalqa sal-platt, il-kontroll u l-estrazzjoni finanzjarja (14) minn korporazzjonijiet tal-ikel multinazzjonali u s-settur finanzjarju globali għandhom impatti sinifikanti fuq il-ktajjen tal-provvista, u jiddevjaw profitti sostanzjali lil hinn minn produtturi primarji u ħaddiema tul il-katina kollha, u jippromovu sistemi tal-ikel li jagħtu prijorità lir-redditi finanzjarji fuq ir-rispett lejn il-limiti planetarji kif ukoll dawk umani. Dan iwassal biex il-bdiewa żgħar u ta’ daqs medju u l-ħaddiema fil-qasam tal-ikel jispiċċaw b’redditi minimi, iżda għandu wkoll impatt fuq il-prezzijiet u jaggrava l-kwistjoni tal-aċċessibbiltà tal-ikel, speċjalment fost dawk il-persuni li huma l-pilastri tas-sistemi tal-ikel tal-UE (15).

3.4.

Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex iħaddnu l-prinċipji tal-ġustizzja distributtiva, sabiex l-ewwel nett jindirizzaw l-ispekulazzjoni u l-finanzjalizzazzjoni bħala modi ewlenin li bihom jiġu estratti r-riżorsi mis-sistemi tal-ikel għad-detriment tal-konsumaturi, il-produtturi, il-ħaddiema u s-sostenibbiltà ambjentali (16). L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom isibu soluzzjoni biex jindirizzaw prattiki spekulattivi dwar komoditajiet tal-ikel u forom oħra ta’ finanzjalizzazzjoni u prattiki ta’ investiment imwettqa minn atturi tal-UE li ma humiex allinjati mal-prinċipji tal-UE, id-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi internazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Barra minn hekk, l-UE għandha ssaħħaħ u tippromovi inizjattivi ta’ aċċess għas-suq dirett, bħall-appoġġ għall-kooperattivi agrikoli u l-bejgħ dirett lill-konsumaturi, biex tgħin lill-bdiewa jiksbu introjtu għall-għajxien (17) u jnaqqsu l-kostijiet intermedjarji.

3.5.

Il-KESE jemmen li l-indirizzar tal-inugwaljanzi fil-PAK huwa kruċjali sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jirċievu appoġġ ekwu sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti fis-settur agrikolu tal-UE.

3.6.

Trid tingħata attenzjoni għal-livelli għoljin ta’ konċentrazzjoni fis-sistemi tal-ikel tal-UE, li jirriżultaw f’setgħa ta’ negozjar mhux uniformi u f’distribuzzjoni mhux ugwali tar-riżorsi. Ir-riskju huwa li d-deċiżjonijiet ta’ politika, bħal-linji gwida l-ġodda dwar il-ftehimiet orizzontali, jistgħu jiffavorixxu l-koordinazzjoni bejn l-intrapriżi oligopolistiċi aktar milli jindirizzaw kwistjonijiet ta’ konċentrazzjoni attwali. Il-konċentrazzjoni fil-livell tal-inputs agrikoli, tal-materjal ġenomiku, tal-art, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni għandha tkun prijorità għall-Kummissjoni Ewropea.

3.7.

Pereżempju, is-suq globali tal-fertilizzanti, b’valur ta’ USD 200 biljun, huwa ddominat minn ftit kumpaniji, li jikkontrollaw aktar minn 30 % tal-produzzjoni tal-fertilizzanti tan-nitroġenu. Is-saħħa fis-suq tagħhom tippermettilhom jinfluwenzaw il-prezzijiet u jżidu l-profitti billi jgħaddu l-kostijiet dejjem jiżdiedu lill-konsumaturi. Lil hinn mill-Ewropa, fl-2021 u fl-2022 il-pajjiżi tal-G20 nefqu USD 21,8 biljun aktar fuq l-importazzjonijiet tal-fertilizzanti milli fl-2020, u huwa mbassar li l-kumpaniji ewlenin tal-fertilizzanti jaqilgħu profitti li jqarrbu l-USD 84 biljun fl-istess perjodu ta’ żmien (18). Dan ix-xenarju, bħall-konċentrazzjoni fil-livell taż-żrieragħ u tat-teknoloġiji agrikoli, jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-politiki pubbliċi tal-UE jippromovu tnaqqis fid-dipendenza tal-bdiewa minn dawn l-inputs u għal appoġġ finanzjarju pubbliku adegwat għall-bidla lejn forom ta’ produzzjoni aktar sostenibbli (19).

L-istituzzjonijiet tal-UE ilhom jirrikonoxxu li l-konċentrazzjoni tal-poter bejn l-għalqa u l-platt għandha rwol fid-distribuzzjoni inugwali tal-valur ekonomiku li jiġi prodott fis-sistemi tal-ikel u l-marġinalizzazzjoni tal-produtturi primarji (20). Skont il-Kummissjoni Ewropea, minkejja li aktar minn 95 % tal-atturi fl-industrija tal-ikel u s-setturi tal-bejgħ bl-imnut huma intrapriżi mikro jew żgħar, għadd żgħir ta’ kumpaniji kbar li jaġixxu bħala xerrejja huma predominanti fis-suq (21). Studju aktar dettaljat tal-2021 miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Setgħa tas-Suq fl-Industrija tal-Ikel fi Stati Membri Magħżula (22) jenfasizza t-tensjoni bejn il-fatt li ditti iżgħar jiddominaw is-setturi tal-manifattura, tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-bejgħ bl-imnut f’termini tas-sehem tagħhom fi-għadd totali ta’ kumpaniji iżda ditti kbar jiddominaw kull wieħed mit-tliet setturi f’termini tas-sehem tagħhom tal-fatturat totali. (23) Skont dokumenti tal-UE u kontributi minn fi ħdan il-KESE, il-manifattura u l-bejgħ bl-ingrossa jidhru li jixirqilhom attenzjoni partikolari, meta wieħed iqis il-livell ta’ konċentrazzjoni tagħhom. Dan jista’ jkollu implikazzjonijiet fuq il-katina alimentari kollha u d-distribuzzjoni tad-dħul u l-opportunitajiet, peress li d-ditti li jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fis-suq jistgħu jaffettwaw mhux biss il-prezz u l-kwantità tal-prodotti nnegozjati iżda wkoll aspetti differenti tat-termini kuntrattwali li jirregolaw ir-relazzjoni tagħhom.

3.8.

Il-ġustizzja distributtiva tfisser li l-kost tat-tranżizzjoni jiġġarrab minn dawk li bbenefikaw l-aktar u li għandhom l-aktar riżorsi. B’mod simili għas-settur tal-enerġija, it-tranżizzjoni ġusta tal-ikel fis-sistemi agroalimentari għandha tiġi appoġġjata minn fond pubbliku; madankollu, dan għandu jiġi ffinanzjat minn taxxi miġbura minn profitti żejda fuq il-bejgħ tal-ikel, prattiki spekulattivi u l-kumpens għal esternalitajiet soċjali u ambjentali (24). Dan għandu jkun maħsub għall-bdiewa żgħar u ta’ daqs medju, waqt li jappoġġja l-kapaċità tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni, l-iskambju ta’ għarfien u innovazzjoni ibbażati fuq il-bdiewa, l-appoġġ għal kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati u dinjitużi, kif ukoll il-protezzjoni soċjali; u l-ilħuq tal-għanijiet ambjentali u klimatiċi tal-UE.

3.9.

L-indirizzar tal-konċentrazzjoni eċċessiva u tal-iżbilanċi tal-poter iridu jkunu objettivi ewlenin ta’ tranżizzjoni ġusta. Dan jista’ jinkiseb mill-awtoritajiet tal-UE u nazzjonali billi jissaħħaħ il-mod kif l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti, jiffavorixxu ċ-ċirkolazzjoni tal-aqwa prattiki leġiżlattivi fost l-Istati Membri (25), jindirizzaw setgħa ta’ negozjar superjuri permezz ta’ prattiki tal-liġi tal-kompetizzjoni (26) u jiġu adattati r-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE u dawk nazzjonali. L-akkwist pubbliku għandu jintuża bħala għodda ta’ politika li ssegwi diversi objettivi ambjentali, soċjoekonomiċi u marbuta mas-saħħa (27) li jallinjaw mal-prinċipji tat-tranżizzjoni ġusta u l-ħolqien ta’ sistemi tal-ikel sostenibbli. F’dan il-kuntest, il-ġustizzja distributtiva tkun tirrikjedi li tingħata attenzjoni partikolari lill-użu tal-akkwist pubbliku biex jiġi ffaċilitat l-aċċess ta’ produtturi iżgħar u produtturi li jadottaw l-ogħla standards f’termini ta’ prattiki ekoloġiċi, tax-xogħol u tal-annimali.

3.10.

Il-ġustizzja distributtiva tirrikjedi li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jipparteċipaw b’mod attiv fis-sistemi tal-ikel lokali biex jiggarantixxu li l-canteens pubbliċi jipprovdu ikliet tajbin għas-saħħa, nutrittivi, adegwati mill-aspett kulturali u mingħajr skart, u biex jiżguraw li dawn is-servizzi, speċjalment fir-rigward tal-canteens fl-iskejjel pubbliċi, ikunu aċċessibbli universalment u ffinanzjati b’mod adegwat. Il-KESE jitlob lill-UE tħaffef l-adozzjoni ta’ standards aktar ambizzjużi u obbligatorji għall-akkwist tal-ikel sostenibbli u ġust kif diskuss fit-tħejjija tal-Liġi Qafas dwar is-Sistemi tal-Ikel Sostenibbli. Huwa jenfasizza wkoll li l-canteens fl-iskejjel pubbliċi joperaw f’salib it-toroq bejn id-dritt għall-edukazzjoni, id-dritt għall-ikel u t-tranżizzjoni ġusta lejn sistemi tal-ikel sostenibbli (28). Minħabba din ir-raġuni, dawn għandhom jingħataw prijorità mill-Istati Membri kollha u jiġu appoġġjati mill-UE b’intensifikazzjoni u bl-espansjoni tal-iskema eżistenti tal-frott, il-ħaxix u l-ħalib, li hija stess għandha tkun konformi mal-prinċipji tal-ġustizzja.

3.11.

Il-KESE jirrikonoxxi li kwalunkwe diskussjoni dwar tranżizzjoni ġusta tal-ikel trid tikkonferma l-interdipendenza kumplessa bejn il-benesseri tal-bniedem u tal-annimali fis-sistema tal-ikel, tadotta approċċ “Saħħa Waħda” (29) u tinkludi b’mod inerenti kunsiderazzjoni komprensiva tal-benesseri tal-annimali. Għalhekk nappellaw għat-tisħiħ tal-oqfsa regolatorji attwali biex jissaħħu l-istandards tal-benesseri tal-annimali, jitħarsu l-prinċipji etiċi, u jinżammu responsabbli dawk li jonqsu milli jilħquhom. Barra minn hekk, huwa kruċjali li jiġu inkorporati l-perspettivi u l-esperjenzi tal-bdiewa li għandhom rwol vitali fiż-żamma tal-benesseri tal-annimali fil-prattika (30).

3.12.

Il-ġustizzja distributtiva għandha tmexxi wkoll l-introduzzjoni u l-promozzjoni tal-innovazzjoni teknoloġika fil-livelli kollha tas-sistemi tal-ikel tagħna. Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jivvalutaw l-introduzzjoni tal-innovazzjoni permezz tal-prinċipji tat-tranżizzjoni ġusta u l-prekawzjoni, sabiex jiġi żgurat li dawn ma jaggravawx l-inugwaljanzi, il-konċentrazzjonijiet u d-distribuzzjoni mhux uniformi tal-valur u l-opportunitajiet eżistenti, u biex jiżguraw li jkunu b’tali mod li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.

4.   Rikonoxximent u ġustizzja parteċipattiva

4.1.

Il-KESE jirrikonoxxi l-kumplessità tas-sistemi tal-ikel tal-UE, u jenfasizza l-ħtieġa ta’ proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet inklużivi u ekwi li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati kollha – il-bdiewa, il-konsumaturi, dawk li jfasslu l-politika, u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-settur tal-ikel – fit-tiswir tagħhom. Il-KESE jirrikonoxxi li ma hemmx biss sistema tal-ikel tal-UE waħda, għalkemm is-sistema industrijali tal-ikel qed iżżid il-preżenza tagħha. Madankollu, l-UE għadha kkaratterizzata minn modi differenti ta’ organizzazzjoni tas-sistemi agroalimentari, u l-KESE diġà talab biex is-sistemi tal-ikel tal-UE jkunu saħansitra aktar diversifikati fl-aspetti kollha tagħhom (31). B’mod partikolari, hemm sistemi tal-ikel li huma strutturati skont il-kollaborazzjoni u s-solidarjetà, u li jippromovu l-ilħuq ta’ objettivi soċjalment u ekoloġikament ġusti waqt li jiggarantixxu remunerazzjoni ġusta għall-persuni kollha involuti tul il-katina tal-ikel.

4.2.

Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu r-rikonoxximent u l-apprezzament ta’ prodotti lokali u tajbin għas-saħħa, li b’hekk tiġi stabbilita l-fiduċja u l-identità li huma kruċjali għall-wirt kulturali, u t-tisħiħ tar-relazzjoni bejn il-produttur u l-konsumatur. B’rabta ma’ dan, l-espressjonijiet tal-ekonomija ta’ solidarjetà, is-soċjetà tal-benesseri, l-iskemi agrikoli appoġġjati mill-komunità, kemm il-kooperattivi tal-ħaddiema kif ukoll tal-konsumaturi, l-infrastrutturi rurali/urbani, u l-inizjattivi ta’ żvilupp rurali li joħolqu opportunitajiet ta’ impjieg u jtejbu l-istandards tal-għajxien (32) għandhom jirċievu attenzjoni partikolari mill-awtoritajiet pubbliċi u jkunu appoġġjati b’mod attiv. L-adozzjoni ta’ oqfsa ta’ politika li jippromovu u jespandu forom sostenibbli ta’ agrikoltura, bħall-agroekoloġija u l-biedja organika, hija vitali għal sistemi agroalimentari sostenibbli u ġusti, għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih (33), u għall-kisba tas-sigurtà tal-ikel għal kulħadd (34).

4.3.

Il-KESE jirrikonoxxi l-livelli differenti ta’ viżibbiltà u setgħa fost diversi kostitwenti, li jeħtieġu miżuri proattivi biex jitnaqqas dan id-distakk fl-identifikazzjoni tal-perkorsi, il-politiki, u l-passi futuri. Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex iwasslu aktar l-ilħna ta’ dawk li spiss ma jinstemgħux u biex iqisu l-aspetti interġenerazzjonali u d-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri. Ir-rwoli ewlenin jinkludu ż-żgħażagħ, in-nisa fis-sistemi tal-ikel, il-ħaddiema staġjonali u migranti, il-pjattaformi u l-ħaddiema prekarji, il-bdiewa nisa, u dawk f’kura mhux imħallsa u x-xogħol riproduttiv. Barra minn hekk, l-anzjani, il-migranti, dawk f’kundizzjonijiet finanzjarji emarġinati, u ż-żgħażagħ huma partikolarment vulnerabbli għall-faqar u n-nuqqas ta’ sigurtà alimentari, b’mod partikolari matul kriżijiet ekonomiċi. Strateġija komprensiva għal futur tajjeb għas-saħħa u sistemi tal-ikel soċjalment u ambjentalment ġusti jridu jirrikonoxxu dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi. Din l-istrateġija għandha tinkludi programmi edukattivi adegwati u servizzi universali, komplementari, tajbin għas-saħħa, soċjalment ġusti, u sostenibbli tal-canteens tal-iskejjel.

4.4.

Hija kruċjali bidla fundamentali fil-mod kif l-għarfien jiġi prodott, imfassal u mqassam sabiex titħaffef it-tranżizzjoni ġusta tas-sistemi agroalimentari. Din il-bidla għandha tagħti prijorità lill-ħolqien ta’ networks ta’ għarfien miftuħa u aċċessibbli li jappoġġjaw prattiki u innovazzjoni sostenibbli fis-sistemi tal-ikel, li hija ta’ benefiċċju b’mod partikolari għall-atturi tas-sistema agroalimentari. Hemm bżonn li jitqies mill-ġdid il-qafas attwali tal-proprjetà intellettwali, speċjalment fir-rigward taż-żrieragħ u l-pjanti, u fejn l-innovazzjoni hija ffinanzjata minn riżorsi pubbliċi.

4.5.

Il-KESE jirrikonoxxi d-diversi appelli biex jiġu introdotti u normalizzati forom ġodda ta’ bijoteknoloġija, organiżmi ġenetikament modifikati u tekniki ġenomiċi ġodda. Madankollu, il-prinċipji tar-rikonoxximent u l-parteċipazzjoni, flimkien mal-ġustizzja distributtiva, għandhom jitqiesu, u jingħata ġieħ lill-eżistenza ta’ multipliċità ta’ soluzzjonijiet oħra li l-bdiewa fuq skala żgħira u l-komunitajiet qed jipproponu għall-produzzjoni tal-ikel sostenibbli, li jistgħu jiġu skreditati u abbandunati fil-każ li dawn is-soluzzjonijiet teknoloġiċi juru li huma “soluzzjoni maġika” għall-futur tas-sistemi agroalimentari tal-UE.

4.6.

Fir-rigward tal-ġustizzja parteċipattiva, il-KESE ilu jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ approċċ mifrux mas-soċjetà kollha, inklużi għodod aktar parteċipattivi, biex jiġi żgurat li s-soċjetà ċivili tkun tista’ tinvolvi ruħha aktar fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar is-sostenibbiltà. Din il-kostruzzjoni konġunta tista’ tinkiseb permezz ta’ Kunsill Ewropew għall-Politika dwar l-Ikel, li l-KESE jirrakkomanda bil-qawwa (35) u bil-promozzjoni tal-istabbiliment ta’ kunsilli lokali, reġjonali u nazzjonali tal-politika tal-ikel li jirrappreżentaw id-diversi vuċijiet u jagħtu spazji partikolari lil dawk li jinstemgħu l-inqas.

4.7.

Il-ġustizzja parteċipattiva trid timxi id f’id mal-introduzzjoni ta’ spazji regolatorji, ta’ politika u ta’ monitoraġġ li jolqtu l-oqsma differenti li jikkonċernaw is-sistemi tal-ikel tal-UE. Osservatorju tat-Tranżizzjoni Ġusta (36) għas-sistemi tal-ikel tal-UE, mibni fuq l-Osservatorju Rurali eżistenti (37), kif ukoll DĠ tal-Ikel ġdid b’kompetenzi trażversali jirrappreżenta passi sinifikanti ’l quddiem f’din id-direzzjoni.

4.8.

Il-KESE jirrikonoxxi t-tentattiv tal-Kummissjoni li tniedi djalogu marbut mal-agrikoltura, iżda jqis li tali spazju għandu jintuża biex wieħed imur lil hinn mill-agrikoltura u jiġi stabbilit qafas ta’ djalogu reali u effettiv li jiggarantixxi proċess ta’ informazzjoni u konsultazzjoni bbilanċjat li jqis ir-realtà tal-atturi vulnerabbli eżatt tul il-ktajjen tal-prodotti agroalimentari. Barra minn hekk, il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu kkonsolidati d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv, b’mod partikolari billi jissaħħaħ ir-rwol tal-unions, sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu kemm fil-garanzija tar-rappreżentanza kif ukoll fl-iżgurar ta’ kundizzjoni tax-xogħol deċenti għall-ħaddiema kollha fis-sistemi agroalimentari kollha.

4.9.

Il-ġustizzja parteċipattiva tkun tirrikjedi d-disponibbiltà tal-informazzjoni, it-trasparenza u l-edukazzjoni, speċjalment għaċ-ċittadini u l-konsumaturi, ir-responsabbiltà tal-atturi pubbliċi u privati, u l-bini tal-kapaċitajiet fil-livelli kollha tas-sistemi tal-ikel u għall-partijiet ikkonċernati kollha tiegħu. Għal dak l-għan, il-KESE jenfasizza l-importanza li jsir investiment fl-iżvilupp tal-ħiliet, inklużi inizjattivi ta’ titjib u tiġdid tal-ħiliet, bħala komponenti kruċjali tal-iżvilupp tal-forza tax-xogħol. Hija meħtieġa narrattiva ġdida biex tingħata spinta lill-aċċettazzjoni soċjali tal-proċess trasformattiv flimkien mal-iżgurar tal-prevedibbiltà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-bdiewa u tal-ħaddiema fis-settur agroalimentari. Għandhom isiru sforzi sinifikanti sabiex jiġi garantit li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal ambjenti tal-ikel fejn ikunu magħrufa, disponibbli u aċċessibbli għażliet tal-ikel sostenibbli u ġusti; dan jirrikjedi politiki li jmorru lil hinn mit-tikkettar ta’ quddiem u ta’ wara fuq l-imballaġġ kif ukoll il-forniment ta’ programmi edukattivi u kapaċità finanzjarja adegwata.

5.   Ġustizzja kosmopolitana, koerenza u drittijiet tal-bniedem

5.1.

L-UE hija waħda mill-akbar importaturi ta’ prodotti agroalimentari u waħda mill-akbar esportaturi. Il-ġustizzja kosmopolitana tirrikjedi li l-UE taħdem għal tranżizzjoni li ma tkunx biss għall-UE, iżda għall-pajjiżi u l-imsieħha kollha li se jiġu affettwati mill-għażliet adottati fil-livell tal-UE u mill-Istati Membri. Dan il-prinċipju huwa minqux fit-Trattati, fir-rekwiżit għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, iżda huwa derivat bl-istess mod mis-sottoskrizzjoni tal-UE għal ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-klima.

5.2.

Fil-qalba tat-tranżizzjoni ġusta ta’ natura kosmopolitana huwa imperattiv li jiġu evalwati mill-ġdid il-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment, waqt li jiġi żgurat li l-UE tikkontribwixxi għall-bini b’suċċess ta’ sistemi tal-ikel ġusti, ekwi u sostenibbli madwar id-dinja, b’mod partikolari fin-Nofsinhar Globali. Sforz koerenti għandu jirrikonoxxi l-istandards għoljin tal-produzzjoni u l-kostijiet assoċjati mġarrba mill-bdiewa tal-UE, li jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-produzzjoni tal-UE fis-suq uniku. Fl-istess ħin, għandha tindirizza wkoll ir-rwol li għandha l-PAK fl-appoġġ lill-bdiewa tal-UE u l-kompetittività ta’ xi prodotti tal-UE f’pajjiżi terzi (38). Hija meħtieġa applikazzjoni bir-reqqa tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti fir-rigward ta’ prattiki inġusti mġarrba minn atturi fil-qasam tal-ikel barra mill-UE, kif ukoll rieżami komprensiv tal-PAK li jqis il-perspettivi globali.

5.3.

Il-KESE jafferma li l-politika kummerċjali Ewropea għandha tinkorpora u tippromovi b’mod attiv il-valuri tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-impenji tagħha f’dawk li huma d-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi internazzjonali ambjentali, klimatiċi u tal-bijodiversità li l-Istati Membri assumew. Dan ifisser li l-politika kummerċjali tal-UE għandha trawwem il-bini ta’ sistemi tal-ikel li huma ekwi, etiċi u demokratiċi, u li jmorru lil hinn mill-ideoloġija prevalenti tal-kummerċ ħieles ta’ prezzijiet baxxi u swieq tal-komoditajiet kompetittivi ħafna li huma kkontestati mill-produtturi kemm fl-UE kif ukoll barra minnha.

5.4.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-UE qed issegwi politika ta’ “awtonomija strateġika miftuħa” li tingrana l-pożizzjoni unika tagħha biex tistabbilixxi standards globali. Billi tistabbilixxi parametri referenzjarji għoljin għall-kwalità, is-sikurezza u s-sostenibbiltà tal-ikel, l-UE tista’ ċertament issaħħaħ is-suq uniku tagħha, iżda wkoll tippromovi l-valuri ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem fil-ktajjen tal-provvista tagħha. Madankollu, il-KESE jirrimarka li l-prinċipji tal-ġustizzja għandhom jinfurmaw bl-istess mod id-deċiżjonijiet kollha dwar il-kummerċ u d-diplomazija dwar il-klima.

5.5.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-adozzjoni ta’ miżuri kummerċjali tkun dejjem appoġġjata minn analiżi tal-impatt soċjoekonomiku tagħhom fuq il-persuni u r-reġjuni mhux tal-UE, u li tiġi garantita inklużjoni suffiċjenti tal-ilħna, ir-reġjuni u l-perspettivi lokali meta jiġu adottati standards, fruntieri, tassazzjoni u forom oħra ta’ miżuri kummerċjali unilaterali.

5.6.

Bl-istess mod, il-KESE jisħaq fuq il-fatt li tranżizzjoni ġusta tirrikjedi li l-UE tirrikonoxxi r-responsabbiltà storika tagħha fil-promozzjoni tal-integrazzjoni ta’ pajjiżi mhux tal-UE fil-ktajjen alimentari globali permezz ta’ ftehimiet ta’ sħubija ekonomika, ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, trattati bilaterali fuq l-investiment u l-pożizzjonijiet adottati fil-livell multilaterali. L-UE għandu jkollha wkoll ir-responsabbiltà li tadotta politiki adegwati ta’ żvilupp u kooperazzjoni li jistgħu jirrimedjaw l-implikazzjonijiet negattivi ta’ miżuri unilaterali, waqt li jiffaċilitaw il-konsolidazzjoni ta’ sistemi tal-ikel reġjonali, ġusti u sostenibbli mad-dinja kollha.

5.7.

Il-KESE jilqa’ l-iżvilupp ta’ perspettiva strateġikament integrata u globali għat-tranżizzjoni ġusta tal-UE fis-sistemi agroalimentari li tallinja l-impenji ta’ governanza lokali, reġjonali, internazzjonali u globali mal-objettivi tad-drittijiet tal-bniedem, ambjentali u klimatiċi, u l-prinċipji tal-ġustizzja u s-sostenibbiltà fis-sistemi globali tal-ikel. Dan jista’ jkun ibbażat fuq:

—

il-promozzjoni tas-sovranità tal-ikel u tas-sistemi tal-ikel reġjonali, filwaqt li jiġi żgurat li l-politiki tal-UE ma jkollhomx effetti detrimentali;

—

il-promozzjoni tar-ratifika u l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bdiewa u Persuni Oħra li Jaħdmu f’Żoni Rurali;

—

il-promozzjoni tar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida Volontarji dwar il-Pussess tal-Art tal-FAO.

6.   Investiment fit-tranżizzjoni ġusta

6.1.

Meta jitqies il-piż asimetriku, it-tranżizzjoni ġusta trid tiġi indirizzata bħala politika ta’ investiment u bħala tranżizzjoni li tappoġġja l-investiment ekoloġiku u tirrikjedi koerenza bejn sorsi ta’ finanzjament differenti, inklużi l-PAK u l-FSE. Il-baġit tal-PAK għandu l-limiti tiegħu meta jiġi biex jappoġġja b’mod uniku l-miri ambizzjużi stabbiliti għall-ilħuq tal-għanijiet klimatiċi. Għalhekk huwa essenzjali li wieħed iħares lil hinn mill-fondi tal-PAK biex tiġi żgurata produzzjoni agroalimentari sostenibbli.

6.2.

Il-KESE jipproponi li jiġi stabbilit Fond għal Tranżizzjoni Ġusta Agroalimentari, orjentat lejn atturi fuq skala żgħira attivi fis-sistemi agroalimentari, sħubijiet pubbliċi-privati, kompetenzi u kundizzjonijiet tax-xogħol, biż-żgħażagħ, in-nisa, id-drittijiet tal-bniedem u l-prattiki sostenibbli fiċ-ċentru tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, u b’approċċ li jinvolvi l-finanzjament tal-katina kollha, u mhux biss parti minnha. Il-fondi jridu jkunu disponibbli wkoll biex jiffaċilitaw il-konsolidazzjoni u l-proliferazzjoni tal-SMEs fis-sistema alimentari kollha biex jippromovu ktajjen alimentari ġusti, aċċessibbli, qosra u sostenibbli.

6.3.

Flimkien mal-istabbiliment ta’ fond, għandhom jiġu introdotti inċentivi fiskali bħal VAT imnaqqsa biex jiffavorixxu prodotti agroalimentari fuq skala żgħira u sostenibbli flimkien ma’ forom oħra ta’ appoġġ pubbliku għal skemi b’saħħithom u sostenibbli bejn il-produtturi u l-konsumaturi, bħall-kollettiv Sécurité Sociale de l’Alimentation. Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-PAK futura tkun punt tat-tluq għat-tranżizzjoni ġusta.

Brussell, id-19 ta’ Settembru 2024.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)   https://www.fao.org/tenure/voluntary-guidelines/en/.

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp tal-qafas ta’ politika tal-UE għal tranżizzjoni ġusta: il-passi meħtieġa” (ĠU C, C/2024/1576, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1576/oj).

(3)   https://www.euractiv.com/section/economy-jobs/news/eurogroup-says-new-fiscal-rules-will-require-public-spending-cuts/.

(4)   https://eda.europa.eu/news-and-events/news/2023/11/30/record-high-european-defence-spending-boosted-by-procurement-of-new-equipment.

(5)   Orhan R., Paric M., u Czabanowska K., Lessons Learnt from the EU Response to NCDs: A Content Analysis on Building Resilient Post-COVID Health Systems (Tagħlimiet meħuda mir-rispons tal-UE għall-mard mhux komunikabbli: Analiżi tal-kontenut dwar il-bini ta’ sistemi tas-saħħa reżiljenti wara l-COVID) (mhux disponibbli bil-Malti). Healthcare (Basel) 2021.

(6)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Niżguraw il-futur tagħna — Il-mira klimatika Ewropea għall-2040 u l-perkors għan-newtralità klimatika sal-2050 aħna u nibnu soċjetà sostenibbli, prospera u ġusta (COM(2024) 63 final) (ĠU C, C/2024/4667, 9.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4667/oj).

(7)   https://www.europarl.europa.eu/legislative-train/spotlight-JD%2023-24/file-sustainable-eu-food-system.

(8)  Raworth, R., Doughnut Economics.

(9)   Piketty, T., Les paysans apparaissent comme la plus inégale des professions en France actuellement, Le Monde (Jidher li l-ħidma agrikola hija l-professjoni bl-ikbar inugwaljanzi fi Franza bħalissa).

(10)  In-network tal-PAK tal-UE, Grupp Tematiku dwar l-Appoġġ għas-Saħħa Mentali tal-Bdiewa u l-Komunitajiet tal-Biedja.

(11)   Human suffering in Italy’s Agricultural Value Chain (It-tbatija tal-bniedem fil-Katina tal-Valur Agrikola tal-Italja) 3-4, 2018.

(12)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp tal-qafas ta’ politika tal-UE għal tranżizzjoni ġusta: il-passi meħtieġa” (ĠU C, C/2024/1576, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1576/oj); Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tranżizzjoni lejn ġejjieni Ewropew aktar sostenibbli — strateġija għall-2050” (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 44) u Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ħadd ma jitħalla jibqa’ lura meta tiġi implimentata l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030” (ĠU C 47, 11.2.2020, p. 30).

(13)  Skont il-EUROSTAT, il-konċentrazzjoni tal-art fl-UE qed tinbidel peress li l-għadd ta’ farms fl-UE naqas b’madwar 37 % fil-perjodu relattivament qasir bejn l-2005 u l-2020. Dan kien jikkorrispondi għat-telf ta’ 5,3 miljun farm madwar l-Istati Membri, li l-maġġoranza l-kbira tagħhom (madwar 87 %) kienu farms żgħar ta’ daqs iżgħar minn 5 ha.

(14)  Privatizzazzjoni tal-valur prodott fis-settur tal-ikel.

(15)  Parti mit-tranżizzjoni ġusta għandha tkun dik li jiġu pprovduti aktar trasparenza u informazzjoni fir-rigward tal-istruttura tas-sistemi tal-ikel tal-UE. Dokument tal-2021 mill-OECD bit-titolu “Konċentrazzjoni u saħħa tas-suq fil-katina alimentari” (Concentration and market power in the food chain) juża l-istudju tal-2014 mill-Kummissjoni Ewropea, L-Indirizzar ta’ Prattiki Kummerċjali Żleali (PKŻ) fil-Katina ta’ Provvista Alimentari bejn in-Negozji, COM(2014) 472 final.

(16)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel: ir-rwol tal-ispekulazzjoni u proposti konkreti għal azzjoni minħabba l-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna” (ĠU C 100, 16.3.2023, p. 51).

(17)   https://www.weforum.org/agenda/2024/04/ilo-living-wage-explained/.

(18)  L-Istitut għall-Politika tal-Agrikoltura u l-Kummerċ, Fertiliser Crisis Cost G20 Almost USD 22 Billion While Fertiliser Companies Set to Make a USD 84 Billion in Profits (Il-kriżi tal-fertilizzanti tiswa lill-G20 kważi USD 22 biljun u l-kumpaniji tal-fertilizzanti kellhom jagħmlu profitt ta’ USD 84 biljun).

(19)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sigurtà alimentari u sistemi tal-ikel sostenibbli” (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 72).

(20)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sigurtà alimentari u sistemi tal-ikel sostenibbli” (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 72).

(21)  Kummissjoni tal-UE, il-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE kontra prattiki kummerċjali inġusti fil-katina alimentari, it-23 ta’ April 2024, https://agriculture.ec.europa.eu/news/commission-delivers-report-implementation-eu-rules-against-unfair-trading-practices-food-supply-2024-04-23_en (mhux disponibbli bil-Malti).

(22)  Kjersti Nes, Liesbeth Colen u Pavel Ciaian, Market Power in Food Industry in Selected Member States, European Union (Setgħa tas-suq fl-industrija tal-ikel f’xi Stati Membri), Unjoni Ewropea: JRC, 2021.

(23)  Kjersti Nes, Liesbeth Colen u Pavel Ciaian, Market Power in Food Industry in Selected Member States, European Union (Setgħa tas-suq fl-industrija tal-ikel f’xi Stati Membri), Unjoni Ewropea: JRC, 2021.

(24)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel: ir-rwol tal-ispekulazzjoni u proposti konkreti għal azzjoni minħabba l-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna” (ĠU C 100, 16.3.2023, p. 51).

(25)  Kummissjoni Ewropea, L-implimentazzjoni tal-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali inġusti biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa u tal-operaturi fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari – Sitwazzjoni attwali, SWD 2004 (106) (mhux disponibbli bil-Malti).

(26)  Lianos I. u Lombardi C., Superior Bargaining Power and the Global Food Value Chain: The Wuthering Heights of Holistic Competition Law?, CLES Research Paper Series, ISBN 978-1-910801-08-6.

(27)   M. Stein, M. Mariani, R. Caranta and Y. Polychronakis, Sustainable Food Procurement, Routledge, 2024.

(28)   T. Ferrando, From Marginalization to integration: universal, free and sustainable meals in Italian school canteens as an expression of the right to education and the right to food (Mill-emarġinazzjoni sal-integrazzjoni: ikliet universali, mingħajr ħlas u sostenibbli fil-canteens tal-iskejjel Taljani bħala espressjoni tad-dritt għall-edukazzjoni u d-dritt għall-ikel).

(29)  FAO, (2020), “One Health” (Saħħa Waħda).

(30)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 (COM(2023) 770 final – 2023/0448 (COD)) (ĠU C, C/2024/4670, 9.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4670/oj).

(31)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sigurtà alimentari u sistemi tal-ikel sostenibbli” (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 72).

(32)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Lejn strateġija olistika dwar l-iżvilupp rurali/urban sostenibbli” (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 49); Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tranżizzjoni diġitali u tal-enerġija fiż-żoni rurali” (ĠU C 486, 21.12.2022, p. 59).

(33)   IPCC, Food Security, Special Report on Climate Change and Land (Is-Sigurtà tal-Ikel, Rapport Speċjali dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Art), IPCC, 2023.

(34)   HLPE, Food Security and Nutrition (Sigurtà Alimentari u Nutrizzjoni) Building a Global Narrative Towards 2030, FAO, Rome, 2020.

(35)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sigurtà alimentari u sistemi tal-ikel sostenibbli” (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 72).

(36)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp tal-qafas ta’ politika tal-UE għal tranżizzjoni ġusta: il-passi meħtieġa” (ĠU C, C/2024/1576, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1576/oj).

(37)   Osservatorju Rurali.

(38)   https://gret.org/publication/pac-quelle-coherence-avec-le-developpement-des-agricultures-paysannes-du-sud/.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6878/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)