SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
21 ta’ Novembru 2024 ( *1 )
“Appell – Politika kummerċjali komuni – Miżuri intiżi li jiżguraw l-eżerċizzju mill-Unjoni Ewropea tad-drittijiet mogħtija lilha mir-regoli tal-kummerċ internazzjonali – Regolament (UE) Nru 654/2014 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 – Unjoni doganali – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Deċiżjonijiet marbuta ma’ informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini (BOI) adottati minn awtoritajiet doganali nazzjonali – Regolament Delegat (UE) 2015/2446 – Determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali ta’ ċerti muturi Harley‑Davidson – Kunċett ta’ ‘operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ta’ ħidma li ma humiex ekonomikament iġġustifikati’ – Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-revoka ta’ deċiżjonijiet marbuta ma’ BOI – Delega tas-setgħa – Aspettattivi leġittimi – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Dritt għal smigħ”
Fil-Kawża C‑297/23 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil‑11 ta’ Mejju 2023,
Harley-Davidson Europe Ltd, stabbilita f’Oxford (ir-Renju Unit),
Neovia Logistics Services International NV, stabbilita f’Vilvorde (il-Belġju),
irrappreżentati minn E. Righini, avvocato, u S. Völcker, Rechtsanwalt,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Clotuche‑Duvieusart, M. Kocjan u F. Moro, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tat‑Tielet Awla, S. Rodin, N. Jääskinen u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Mejju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, Harley‑Davidson Europe Ltd u Neovia Logistics Services International NV jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Marzu 2023, Harley‑Davidson Europe u Neovia Logistics Services International vs Il‑Kummissjoni (T‑324/21, iktar ’il quddiem is-sentenza appellataEU:T:2023:101), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/563 tal‑31 ta’ Marzu 2021 dwar il-validità ta’ ċerti deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini (ĠU 2021, L 119, p. 117) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”), indirizzata lir-Renju tal-Belġju. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt internazzjonali
|
2 |
L-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar ir-Regoli ta’ l-Oriġini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11 Vol. 21, p. 231) li jinsab l-Anness 1A tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82), jipprovdi: “Sakemm jitlesta l-programm tax-xogħol ta’ l-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ l-oriġini ddikjarat fil-parti IV, il-Membri għandhom jiżguraw li: […]
[…]” |
Id‑dritt tal‑Unjoni
Il‑leġiżlazzjoni fil‑qasam doganali
– Il‑Kodiċi Doganali tal‑Komunità
|
3 |
L-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”), kien ifformulat kif ġej: “Kull ipproċessar jew xogħol li fir-rigward tiegħu jiġi stabbilit, jew li fir-rigward tiegħu il-fatti kif konfermati jiġġustifikaw il-preżunzjoni, li l-għan uniku tiegħu kien li jaħrab mid-dispożizzjonijiet applikabbli fil-Komunità [Ewropea] għal merkanzija minn pajjiżi speċifiċi taħt l-ebda ċirkostanza m’għandu jitqies li jagħti lill-merkanzija hekk prodotta l-oriġini tal-pajjiż fejn jitwettaq […].” |
– Il‑Kodiċi Doganali tal‑Unjoni
|
4 |
Il-premessi 9 u 55 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”), jiddikjaraw:
[…]
|
|
5 |
L-Artikolu 33 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi: “1. L-awtoritajiet doganali għandhom, wara applikazzjoni, jieħdu […] deċiżjonijiet marbutin mal-informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini [(iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet BOI”)]. […] 3. Id-deċiżjonijiet […] BOI għandhom ikunu validi għal perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha d-deċiżjoni ssir effettiva. […]” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 34(11) tal-imsemmi kodiċi: “Il-Kummissjoni [Ewropea] tista’ tadotta deċiżjonijiet li permezz tagħhom titlob li Stati Membri jirrevokaw deċiżjonijiet […] BOI, sabiex tiżgura l-klassifikazzjoni tariffarja jew id-determinazzjoni tal-oriġini korretti u uniformi tal-merkanzija.” |
|
7 |
L-Artikolu 59 ta’ dan l-istess kodiċi jipprovdi: “L-Artikoli 60 u 61 jistabbilixxu r-regoli għad-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija għall-għanijiet tal-applikazzjoni ta’ dan li ġej:
|
|
8 |
L-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jipprevedi: “1. Merkanzija ottenuta kollha kemm hi f’pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies bħala li toriġina minn dak il-pajjiż jew territorju. 2. Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies li toriġina fil-pajjiż jew territorju fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali, ekonomikament ġustifikat, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.” |
|
9 |
L-Artikolu 62 ta’ dan il-kodiċi jiddikjara: “Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati […] li jistabbilixxu r-regoli li abbażi tagħhom il-merkanzija, li d-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tagħha hi meħtieġa għall-applikazzjoni tal-miżuri tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 59, tkun ikkunsidrata bħala ottenuta kollha kemm hi f’pajjiż jew f’territorju wieħed jew li għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali, ekonomikament ġustifikat, tagħha, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura f’pajjiż jew territorju, skont l-Artikolu 60.” |
– Regolament Delegat (UE) 2015/2446
|
10 |
Skont il-premessa 21 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, fil-ĠU 2017, L 101, p. 164, fil-ĠU 2018, L 75, p. 41, u fil-ĠU 2021, L 382, p. 60): “Sabiex tiġi evitata l-manipulazzjoni tal-oriġini ta’ merkanzija importata bil-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali, f’ċerti każijiet l-aħħar ipproċessar jew xogħol sostanzjali għandu jitqies li ma jkunx ekonomikament ġustifikat.” |
|
11 |
L-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446, intitolat “Operati ta’ pproċessar jew ta’ ħidma li mhumiex iġġustifikati ekonomikament (Artikolu 60(2) tal-Kodiċi [Doganali tal-Unjoni])”, kien ifformulat kif ġej: “Kull operat ta’ pproċessar jew ta’ ħidma mwettqa f’pajjiż jew territorju ieħor għandu jitqies mhux iġġustifikat ekonomikament jekk jiġi stabbilit, abbażi tal-fatti disponibbli, li l-iskop tat-tali operat kien li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 59 tal-Kodiċi [Doganali tal-Unjoni]. […] Għal oġġetti mhux koperti mill-Anness 22–01, fejn l-aħħar xogħol jew ipproċessar jitqies li mhux ġustifikat ekonomikament, il-merkanzija għandha titqies li għaddiet mill-aħħar ipproċessar jew xogħol sostanzjali u ekonomikament ġustifikat, li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura, fil-pajjiż jew territorju fejn oriġina l-parti l-kbira tal-materjali.” |
Il‑leġiżlazzjoni dwar il‑politika kummerċjali komuni
– Ir‑Regolament (UE) Nru 654/2014
|
12 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU 2014, L 189, p. 50, u r-rettifika fil-ĠU 2015, L 243, p. 14). “Dan ir-Regolament japplika: […]
[…]” |
|
13 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 654/2014 jipprevedi: “1. Fejn hija meħtieġa azzjoni biex tissalvagwardja l-interessi tal-Unjoni fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw il-miżuri xierqa ta’ politika kummerċjali. […] 2. L-atti ta’ implementazzjoni adottati skont il-paragrafu 1 għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
– Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/724
|
14 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/724 tas‑16 ta’ Mejju 2018 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU 2018, L 122, p. 14), huwa fformulat kif ġej: “Il-Kummissjoni għandha, immedjatament u f’kull każ, mhux aktar tard mit‑18 ta’ Mejju 2018, tagħti avviż bil-miktub lill-Kunsill tad-WTO għall-Kummerċ fil-Merkanzija, li fin-nuqqas ta’ diżapprovazzjoni mill-Kunsill għall-Kummerċ fil-Merkanzija, l-Unjoni tissospendi, mill‑20 ta’ Ġunju 2018, l-applikazzjoni għall-kummerċ tal-Istati Uniti ta’ konċessjonijiet ta’ dazji tal-importazzjoni skont [il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT)] tal-1994 fir-rigward tal-prodotti elenkati fl-Anness I u fl-Anness II, b’tali mod li tippermetti l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti.” |
– Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886
|
15 |
Konformement mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/886 tal‑20 ta’ Ġunju 2018 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/724 (ĠU 2018, L 158, p. 5), l-Unjoni tapplika dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, fosthom il-muturi b’magna tal-kombustjoni interna bil-pistuni b’ċilindrata ta’ iktar minn 800 cm3. Mill-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/886 jirriżulta li dawn il-prodotti huma suġġetti, minbarra għar-rata tad-dazju konvenzjonali ta’ 6 % tad-dazji doganali addizzjonali, għal rata ta’ 25 % fl-ewwel stadju mit‑22 ta’ Ġunju 2018, u sussegwentement għal dazji doganali addizzjonali oħra għal rata ta’ 25 % fit-tieni stadju, l-iktar tard, essenzjalment, mill‑1 ta’ Ġunju 2021. |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
16 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 20 sa 38 tas-sentenza appellata. Għall-ħtiġijiet ta’ din il-kawża, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
17 |
F’Ġunju 2018, il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika impona dazji doganali addizzjonali ta’ 25 % u ta’ 10 % fuq, rispettivament, l-importazzjonijiet ta’ azzar u l-importazzjonijiet ta’ aluminju li joriġinaw mill-Unjoni, bil-għan li tiġi ffavorita u titkabbar il-produzzjoni nazzjonali ta’ dawn il-prodotti. Bi tweġiba għall-introduzzjoni ta’ dawn id-dazji doganali addizzjonali, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/886 li kien jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti, inklużi l-muturi b’magna tal-kombustjoni interna bil-pistuni b’ċilindrata ta’ iktar minn 800 cm3. |
|
18 |
Harley-Davidson Inc., impriża Amerikana speċjalizzata fil-kostruzzjoni ta’ muturi, saret taf b’dawn l-aħħar dazji doganali addizzjonali wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
19 |
Fil‑25 ta’ Ġunju 2018, Harley-Davidson issottomettiet lis-Securities and Exchange Commssion (il-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Kambju, l-Istati Uniti) rapport fuq formola intitolata “Form 8‑K Current Report” (iktar ’il quddiem il-“Formola 8‑K”), intiż sabiex jinforma lill-azzjonisti tagħha dwar l-applikazzjoni tad-dazji doganali addizzjonali adottati mill-Unjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/886, kif ukoll il-konsegwenzi tagħhom fuq l-attività tagħha. |
|
20 |
Fil-Formola 8-K, Harley-Davidson indikat, b’mod partikolari, dan li ġej: “L-Unjoni Ewropea adottat dazji doganali fuq diversi prodotti mmanifatturati fl-Istati Uniti, fosthom il-muturi Harley-Davidson. Dawn id-dazji, li daħlu fis-seħħ fit-22 ta’ Ġunju 2018, ġew imposti bi tweġiba għad-dazji doganali li l-Istati Uniti imponew fuq l-azzar u l-aluminju esportat mill-[Unjoni] lejn l-Istati Uniti. Konsegwentement, id-dazji doganali tal-[Unjoni] fuq il-muturi Harley-Davidson esportati mill-Istati Uniti għaddew minn 6 % għal 31 %. Harley-Davidson tqis li dawn id-dazji doganali ser iwasslu għal spiża addizzjonali ta’ madwar 2200 [dollaru Amerikan (USD)] għal kull mutur esportat mill-Istati Uniti lejn [l-Unjoni]. […] Sabiex tindirizza l-ispiża sostanzjali ta’ dan il-piż tariffarju fuq żmien twil, Harley-Davidson ser timplimenta pjan intiż sabiex iċċaqlaq il-produzzjoni ta’ muturi intiżi għall-[Unjoni] mill-Istati Uniti lejn il-faċilitajiet internazzjonali tagħha sabiex tevita l-piż tariffarju. Harley-Davidson tipprevedi li ż-żieda tal-produzzjoni fl-impjanti internazzjonali ser teħtieġ investimenti addizzjonali u tista’ tieħu tal-inqas minn 9 sa 18‑il xahar sabiex tintlaħaq kompletament”. |
|
21 |
Wara l-pubblikazzjoni tal-Formola 8-K, Harley-Davidson għażlet l-impjant tagħha tat-Tajlandja bħala sit ta’ produzzjoni ta’ wħud mill-muturi tagħha intiżi għas-suq tal-Unjoni. |
|
22 |
Harley-Davidson xtaqet tikseb assigurazzjonijiet fir-rigward tad-determinazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ dawn il-muturi. Għalhekk, Harley-Davidson u Neovia Logistics Services International, intermedjarja li tipprovdilha servizzi ta’ assistenza loġistika lil Harley-Davidson fil-kuntest tal-operazzjonijiet tagħha ta’ importazzjoni ta’ muturi fl-Unjoni via l-Belġju, issottomettew flimkien, fil‑25 ta’ Jannar 2019, l-ewwel żewġ applikazzjonijiet formali għal deċiżjonijiet BOI, rigward żewġ familji ta’ muturi, quddiem l-awtoritajiet doganali Belġjani. Tliet applikazzjonijiet oħra għal deċiżjonijiet BOI, rigward tliet familji oħra ta’ muturi, ġew sottomessi sussegwentement. |
|
23 |
Fil‑31 ta’ Jannar 2019, l-awtoritajiet Belġjani pparteċipaw f’laqgħa mal-Kummissjoni dwar l-ewwel żewġ applikazzjonijiet għal deċiżjonijiet BOI. Fi tmiem din il-laqgħa, il-Kummissjoni tat opinjoni formali li skontha, minħabba informazzjoni li kienet tinsab fil-Formola 8‑K, il-kriterju tal-ġustifikazzjoni ekonomika, fis-sens tal‑Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446, seta’ ma ġiex issodisfatt. Minkejja t-talbiet tal-awtoritajiet Belġjani, il-Kummissjoni, madankollu, qatt ma tat opinjoni formali rigward l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għall-fatti tal-każ. |
|
24 |
Fl‑24 ta’ Ġunju 2019, b’applikazzjoni tal-Artikolu 33(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, l-awtoritajiet doganali Belġjani adottaw żewġ deċiżjonijiet BOI, li permezz tagħhom huma rrikonoxxew u ċċertifikaw li ż-żewġ familji ta’ muturi msemmija fl-ewwel żewġ applikazzjonijiet għal deċiżjonijiet BOI, imsemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, kienu joriġinaw mit-Taljandja. It-tliet applikazzjonijiet għal deċiżjonijiet BOI l-oħra, imsemmija wkoll fil-punt 22 ta’ din is-sentenza kienu, ulterjorment, is-suġġett tal-istess trattament minn dawn l-awtoritajiet. L-ewwel żewġ deċiżjonijiet BOI ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni mill-imsemmija awtoritajiet fil‑21 ta’ Awwissu 2019. |
|
25 |
Fil‑5 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Belġjani bl-intenzjoni tagħha li titlob ir-revoka tal-ewwel żewġ deċiżjonijiet BOI. Fit‑13 ta’ Novembru 2020, l-awtoritajiet Belġjani wieġbu lill-Kummissjoni li huma kienu qegħdin jopponu għal tali talba ta’ revoka. Fit‑23 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni nediet proċedura formali intiża għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
26 |
Fil‑5 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ssottomettiet l-abbozz ta’ deċiżjoni kontenzjuża lid-delegazzjonijiet nazzjonali kollha tal-Kumitat dwar il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, taqsima “Oriġini”, fil-kuntest ta’ proċedura konsultattiva bil-miktub. Erba’ Stati Membri bagħtu osservazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni kontenzjuża u opponew l-opinjoni espressa mill-Kummissjoni f’dan l-abbozz. Fid‑29 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni bagħtet nota ta’ sinteżi lill-Kumitat dwar il-Kodiċi Doganali, taqsima “Oriġini”, li fiha hija indikat li t‑23 Stat Membru li ma kinux ħadu pożizzjoni kienu, taċitament, urew il-qbil tagħhom mal-abbozz ta’ deċiżjoni kontenzjuża. |
|
27 |
Fil‑31 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li hija kkomunikat lir-Renju tal-Belġju fis‑6 ta’ April 2021 u li ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-għada, fejn titlob lill-awtoritajiet Belġjani jirrevokaw l-ewwel żewġ deċiżjonijiet BOI. |
|
28 |
Fil-premessi 6, 7 u 9 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni indikat:
[…]
|
|
29 |
Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-awtoritajiet Belġjani, permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ April 2021 indirizzata lil Neovia Logistics Services International, informaw lir-rikorrenti li kienu rrevokaw il-ħames deċiżjonijiet BOI adottati fir-rigward tal-importazzjoni fl-Unjoni tal-muturi mmanifatturati fit-Tajlandja minn Harley-Davidson. |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
|
30 |
Permezz tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, Harley‑Davidson Europe u Neovia Logistics talbu, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
31 |
Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti qajmu sitt motivi ta’ annullament ibbażati:
|
|
32 |
Permezz tas-sentenza appellata, wara li ċaħdet is-sitt motivi għal annullament, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi rikors fl-intier tiegħu. |
It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell
|
33 |
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
34 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l‑appell
|
35 |
Insostenn tal-appell, l-appellanti jqajmu tliet aggravji, ibbażati, l-ewwel, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446, it-tieni, imressaq sussidjarjament, fuq il-qbiż tal-limiti tad-delega li tinsab fl-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u, it-tielet, fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba. |
Fuq l‑ewwel aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal‑Artikolu 33 tar‑Regolament Delegat 2015/2446
L‑argumenti tal‑partijiet
|
36 |
L-ewwel aggravju, li huwa maqsum fi tliet partijiet, jirrigwarda l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446. |
|
37 |
Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali marret kontra l-għan u l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
38 |
L-għan tal-imsemmija dispożizzjoni huwa li jiġi ppreċiżat il-kontenut tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li jiddefinixxi l-oriġini ta’ prodott skont kriterju fattwali intiż li jidentifika l-aħħar pajjiż jew territorju li fih inġieb valur miżjud sinjifikattiv. Il-Qorti Ġenerali allegatament ittrasformat dan il-kriterju oġġettiv fi kriterju suġġettiv, billi ppermettiet lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ġerarkika ta’ elementi suġġettivi. |
|
39 |
Dan premess, l-Artikolu 25 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, li kien jistrieħ fuq kriterju suġġettiv, tħassar minħabba problemi sistemiċi u diffikultajiet ta’ implimentazzjoni li kien iġib miegħu. Skont l-appellanti, dan il-kriterju kien fattur ta’ nuqqas ta’ ċertezza legali u kien f’kontradizzjoni mal-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar ir-Regoli tal-Oriġini, li jipprojbixxi li dawn jintużaw bħala strumenti intiżi li jiffavorixxu t-twettiq tal-għanijiet fil-qasam kummerċjali jew li jipprevedu kundizzjonijiet mhux marbuta mal-manifattura jew mal-operazzjonijiet ta’ pproċessar. |
|
40 |
L-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446, kif interpretat fis-sentenza appellata, jintroduċi preżunzjoni, li l-konfutazzjoni tagħha hija estremament diffiċli, li, fl-ipoteżi fejn rilokazzjoni tikkoinċidi mal-adozzjoni ta’ miżura ta’ politika kummerċjali, l-evażjoni ta’ din il-miżura jikkostitwixxi r-raġuni prinċipali ta’ din ir-rilokazzjoni, mingħajr kunsiderazzjoni għall-ġustifikazzjonijiet ekonomiċi tagħha. |
|
41 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan, indikat fil-premessa 21 tar-Regolament Delegat 2015/2446, li tiġi evitata kull “manipulazzjoni” tal-oriġini tal-merkanzija importata bl-iskop li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali, l-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament delegat jista’ jitqies bħala klawżola antievażjoni, li, bħal fil-qasam fiskali jew ta’ dazji antidumping, għandha tiġi interpretata b’mod strett. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss rilokazzjonijiet li manifestament ma jkunux jagħmlu sens fl-assenza tal-miżuri ta’ politika kummerċjali inkwistjoni, l-istess bħall-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, u r-rettifika fil-ĠU L, 2023/90208). |
|
42 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 b’tali mod li kull reazzjoni ta’ impriża għal miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni tikkostitwixxi, b’mod kważi inkonfutabbli, ksur ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
43 |
Minflok ma ddeterminat jekk ir-rilokazzjoni kellhiex raġuni raġonevoli mhux marbuta mal-evażjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali awtorizzat, fil-prattika, lill-Kummissjoni tiddefinixxi mill-ġdid il-pajjiż ta’ oriġini b’mod li dan jikkorrispondi mal-għanijiet ta’ dawn il-miżuri. Hija imponiet lir-rikorrenti fl-ewwel istanza l-oneru li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446, filwaqt li operatur ekonomiku huwa liberu li jiddetermina l-politika kummerċjali tiegħu nnifsu skont kunsiderazzjonijiet ta’ effikaċja kummerċjali, bħal meta, pereżempju, huwa jeżerċita d-dritt tiegħu, li ġie rrikonoxxut fil-punt 73 tas-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121), li jfassal l-attività tiegħu b’mod li jillimita d-dejn fiskali tiegħu. |
|
44 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 ma jirrestrinġix il-libertà ta’ intrapriża, filwaqt li l-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenza appellata tillimita indebitament il-libertà tal-impriżi li jagħżlu l-post ta’ produzzjoni tagħhom. Il-fatt li, skont ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, mudelli ġodda ta’ muturi, li l-kostruzzjoni tagħhom saret biss fit-Tajlandja, għandhom jitqiesu li joriġinaw fl-Istati Uniti jikkostitwixxi limitazzjoni addizzjonali ta’ din il-libertà. |
|
45 |
Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jiddikjaraw li s-sentenza appellata fiha żball ta’ liġi fir-rigward tal-livell ta’ prova li għandha tilħaq il-Kummissjoni biex tqiegħed fuq l-operatur ekonomiku l-oneru li juri li r-rilokazzjoni tal-attività tiegħu hija ekonomikament iġġustifikata. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi kkunsidrat li koinċidenza fiż-żmien bejn l-adozzjoni ta’ miżura ta’ politika kummerċjali u r-rilokazzjoni hija suffiċjenti biex tiġi stabbilita l-preżunzjoni li din tal-aħħar ma hijiex ekonomikament iġġustifikata. Bir-raġunament tagħha, hija interpretat b’mod żbaljat il-punt 29 tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Brother International (C‑26/88, EU:C:1989:637). |
|
46 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod selettiv il-kunċett ta’ “fatti disponibbli” fis-sens tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446, billi straħet biss fuq il-Formola 8‑K biex tqiegħed l-oneru tal-prova fuq ir-rikorrenti fl-ewwel istanza. Peress li din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Qorti Ġenerali teżamina l-elementi fattwali kollha disponibbli, din tal-aħħar, billi baqgħet lura milli tieħu inkunsiderazzjoni provi prodotti wara l-pubblikazzjoni ta’ din il-formola, żnaturat dawn il-provi u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-provi eżistenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li l-Qorti Ġenerali wettqet żball peress li, għalkemm l-adozzjoni tal-miżura ta’ politika kummerċjali inkwistjoni ċertament kienet il-kaġun tar-rilokazzjoni, din ir-rilokazzjoni ma kellhiex neċessarjament bħala skop prinċipali jew dominanti li tevita din il-miżura. |
|
47 |
Il-Kummissjoni tqis li l-argumenti żviluppati fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, dwar iż-żnaturament tal-provi, huma inammissibbli minħabba li l-appellanti ma spjegawx preċiżament liema huma l-iżbalji ta’ analiżi tal-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, dan l-ewwel aggravju huwa infondat. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
48 |
Permezz tal-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kriterju previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446, li bis-saħħa tiegħu kull operazzjoni ta’ pproċessar jew ta’ ħidma mwettqa f’pajjiż ieħor jew territorju ieħor huwa meqjus li ma huwiex ekonomikament iġġustifikat “jekk jiġi stabbilit, abbażi tal-fatti disponibbli, li l-iskop tat-tali operat kien li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 59 tal-Kodiċi [Doganali tal-Unjoni]”, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ. |
|
49 |
Fl-ewwel lok, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat l-espressjoni “l-iskop tat-tali operat kien li tiġi evitata”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li t-terminu “skop” jintuża fis-singular f’din l-espressjoni, fis-sens li, għalkemm l-għażla li l-produzzjoni tiġi rrilokata jista’ ma jkollhiex bħala uniku skop li tiġi evitata miżura ta’ politika kummerċjali, dan l-iskop għandu madankollu jkun determinanti. Fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li, jekk, fuq il-bażi tal-elementi fattwali disponibbli, jidher li l-iskop prinċipali jew dominanti ta’ rilokazzjoni kien li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni, allura din ir-rilokazzjoni għandha titqies li ma tistax tkun, bħala prinċipju, ekonomikament iġġustifikata. |
|
50 |
Dan premess, din l-interpretazzjoni ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi. B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda biss rilokazzjonijiet li manifestament ma fihom ebda sens fl-assenza tal-miżuri ta’ politika kummerċjali inkwistjoni. |
|
51 |
L-ewwel nett, sa fejn l-appellanti jinvokaw, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121), li fil-punt 73 tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, li operatur ekonomiku huwa awtorizzat ifassal l-attività tiegħu b’mod li jillimita d-dejn fiskali tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li, anki li kieku kellu jitqies li din is-sentenza tista’ tiġi applikata b’analoġija għas-sitwazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, l-argument tal-appellanti jistrieħ fuq interpretazzjoni parzjali tagħha. |
|
52 |
Fil-fatt, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat lill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 interpretazzjoni analoga għal dik mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud fil-punti 75 u 86 tas-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121), jiġifieri li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva tirrikjedi b’mod partikolari li mill-elementi oġġettivi kollha jirriżulta li l-operazzjonijiet inkwistjoni jkollhom bħala għan essenzjali l-kisba ta’ vantaġġ fiskali. |
|
53 |
It-tieni nett, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li l-kriterju deċiżiv biex dan l-Artikolu 33 jiġi applikat huwa l-iskop prinċipali jew dominanti ta’ operazzjoni, hija neċessarja biex jiġi żgurat l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din tkun kunsiderevolment nieqsa mill-effikaċja tagħha li kieku kellha tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax minħabba s-sempliċi fatt li, minbarra l-iskop prinċipali jew dominanti li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni, rilokazzjoni jkollha wkoll skopijiet oħra ta’ natura sekondarja. |
|
54 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446, li essenzjalment tikkonferma dik mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, tippreġudika l-libertà ta’ intrapriża tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li dawn jikkritikaw il-punt 184 ta’ din is-sentenza, ifformulat fil-kuntest tat-tweġiba tal-Qorti Ġenerali għall-argument analogu invokat quddiemha. Min-naħa l-oħra, l-appellanti, fl-appell tagħhom, ma jirreferux għall-punt 183 tal-imsemmija sentenza, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali kkonstatat li huma ma ppreċiżawx l-elementi fattwali tali li juru li d-deċiżjoni kontenzjuża llimitat b’mod sproporzjonat id-dritt ta’ proprjetà tagħhom jew il-libertà ta’ intrapriża tagħhom. |
|
55 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-punt 184 tas-sentenza appellata, hawnhekk il-Qorti Ġenerali affermat, ulterjorment, li limitazzjoni possibbli tad-dritt ta’ proprjetà jew tal-libertà ta’ intrapriża tal-appellanti, jekk jitqies ukoll li ġiet stabbilita, ma tkunx il-konsegwenza tad-deċiżjoni kontenzjuża iżda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/886, li introduċa d-dazji doganali addizzjonali. |
|
56 |
Għalhekk, l-argument tal-appellanti dwar allegat ksur tal-libertà ta’ intrapriża tagħhom huwa ineffettiv. |
|
57 |
Ir-raba’ nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, mill-premessa 21 tar-Regolament Delegat 2015/2446, li tindika li jeħtieġ li tiġi evitata kull “manipulazzjoni” tal-oriġini tal-merkanzija importata bl-iskop li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali, ma jistax jiġi dedott li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament delegat għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda biss ir-rilokazzjonijiet li manifestament ma jkunux jagħmlu sens fl-assenza tal-miżuri ta’ politika kummerċjali inkwistjoni, bħalma huwa l-każ għall-“evażjoni” ta’ dazji antidumping, iddefinita fl-Artikolu 13 tar-Regolament 2016/1036. |
|
58 |
Qabel kollox, ma jista’ jinsilet ebda tagħlim minn din l-aħħar dispożizzjoni fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 peress li din tirrigwarda suġġett ieħor u hija redatta b’termini differenti ħafna minn dawk ta’ dan l-Artikolu 33 li la jinkludi t-terminu “evażjoni” u lanqas id-definizzjoni ddettaljata li l-Artikolu 13 tar-Regolament 2016/1036 jagħti lil dan it-terminu. |
|
59 |
Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-espressjoni “l-manipulazzjoni”, li tinsab fil-premessa 21 ta’ dan ir-regolament delegat, tista’ tkopri firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet volontarji li jwasslu sabiex tinbidel l-oriġini tal-merkanzija importata. Mill-kliem innifsu ta’ din il-premessa jirriżulta li, minn fost dawn l-azzjonijiet, dawk li għandhom jiġu evitati huma dawk imwettqa bl-iskop li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali. Dan premess, ir-riferiment għal dan l-għan, li barra minn hekk ma fihx indikazzjoni tan-natura esklużiva tiegħu, ikun superfluwu u ma jkollux effett utli kieku t-terminu “manipulazzjoni” kellu jiġi interpretat fis-sens li diġà jirreferi, bħala tali, biss għall-azzjonijiet li ma għandhomx skop ieħor għajr li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni bħal dawk li jirriżultaw mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/886. |
|
60 |
Fl-aħħar nett, peress li t-terminu “manipulazzjoni” li ma jinsabx fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446, dan ma jistax, fi kwalunkwe każ, jippermetti li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod li jkun inkompatibbli mal-formulazzjoni u mal-istruttura tagħha. Dan premess, l-interpretazzjoni proposta mill-appellanti mhux biss ma ssib ebda sostenn fil-formulazzjoni u l-istruttura tal-imsemmija dispożizzjoni, iżda tippreġudika wkoll l-effett utli tagħha, kif ġie osservat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza. |
|
61 |
Mill-punti preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball fil-punti 58 u 62 tas-sentenza appellata billi ddeċidiet li l-kriterju deċiżiv biex jiġi applikat l-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 huwa l-iskop prinċipali jew dominanti tal-operazzjoni inkwistjoni. |
|
62 |
Fit-tieni lok, fuq il-bażi ta’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li, meta, fuq il-bażi tal-elementi fattwali disponibbli, jidher li l-iskop prinċipali jew dominanti ta’ rilokazzjoni kien li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni, huwa l-operatur ekonomiku kkonċernat li għandu jipproduċi l-prova li l-iskop prinċipali jew dominanti ta’ din ir-rilokazzjoni ma kienx, fil-mument meta ngħatat id-deċiżjoni li tikkonċernah, li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ tali miżuri. Skont il-Qorti Ġenerali, tali prova hija distinta mit-tfittxija a posteriori ta’ ġustifikazzjoni ekonomika jew tar-razzjonalità ekonomika tal-imsemmija rilokazzjoni. |
|
63 |
Permezz ta’ dan ir-raġunament, il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma stabbilixxiet preżunzjoni inkonfutabbli jew, minn tal-inqas, li l-konfutazzjoni tagħha hija estremament diffiċli. Għall-kuntrarju, hija sempliċement siltet il-konsegwenzi mill-fatt li l-iskop prinċipali jew dominanti tal-operazzjoni inkwistjoni għandu jkun jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, jiġifieri l-elementi fattwali disponibbli. |
|
64 |
Fil-fatt, mill-formulazzjoni ċara tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija applikabbli biss meta l-elementi fattwali disponibbli jkunu ta’ natura li jistabbilixxu li l-iskop tal-aġir tal-impriża kkonċernata kien li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-miżura ta’ politika kummerċjali inkwistjoni. Għaldaqstant huwa biss fl-ipoteżi fejn dan effettivament ikun il-każ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, iqisu li din l-operazzjoni ma hijiex ekonomikament iġġustifikata. |
|
65 |
Dan premess, f’tali ipoteżi, jew ma jkunux jeżistu elementi fattwali ta’ natura li jistabbilixxu li skop ieħor huwa l-iskop prinċipali jew dominanti tal-imsemmija operazzjoni, f’liema każ ikollu bilfors jiġi applikat tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446, jew inkella tali elementi fattwali jkunu jeżistu iżda dawn ma jkunux għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. F’dan il-kuntest, ikun iġġustifikat li l-impriża kkonċernata, li tkun l-iktar waħda kapaċi, jew saħansitra l-unika waħda, li jkollha tali elementi għad-dispożizzjoni, li tipprovdihom lill-awtoritajiet kompetenti. |
|
66 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 ma jiddefinixxi ebda karatteristika partikolari li l-elementi fattwali “disponibbli” għandhom ikollhom, b’mod partikolari mill-perspettiva ta’ żmien. Għalhekk, ma huwiex eskluż li elementi fattwali jsiru “disponibbli” wara d-deċiżjoni li titwettaq l-operazzjoni inkwistjoni, jew saħansitra wara t-twettiq ta’ din l-operazzjoni. Madankollu, l-iskop prinċipali jew dominanti tal-imsemmija operazzjoni jista’ jiġi identifikat biss, l-iktar tard, fil-mument meta din l-operazzjoni tkun ġiet deċiża, kif jikkonferma l-użu tal-passat fl-espressjoni “l-iskop […] kien li tiġi evitata l-applikazzjoni”. Barra minn hekk huwa impossibbli li din id-deċiżjoni ġiet influwenzata minn kunsiderazzjonijiet li huma sussegwenti għaliha. |
|
67 |
Fit-tielet lok, kuntrarjament għall-argument tal-appellanti, mir-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li l-Kummissjoni tista’ tipproċedi għal evalwazzjoni suġġettiva tal-iskopijiet ta’ operazzjoni jew li tippreżumi l-importanza rispettiva ta’ dawn l-iskopijiet. |
|
68 |
Huwa minnu li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 jimponi li jiġi identifikat element suġġettiv, jiġifieri l-intenzjoni li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ politika kummerċjali. Madankollu, din id-dispożizzjoni hija intiża li tistabbilixxi l-iskop prinċipali jew dominanti tal-operazzjoni eżaminata b’mod oġġettiv, billi tibbaża ruħha fuq l-elementi fattwali disponibbli. Għalhekk, kif ġie indikat fil-punt 75 tas-sentenza appellata, il-konstatazzjoni tan-natura determinanti tal-intenzjoni li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ politika kummerċjali għandha tistrieħ fuq provi oġġettivi. |
|
69 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 fih differenzi fundamentali meta mqabbel mal-Artikolu 25 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, li, b’riferiment għall-operazzjoni inkwistjoni, kien juża l-espressjoni “l-għan uniku tiegħu kien li jaħrab mid-dispożizzjonijiet applikabbli” u kien jipprevedi l-possibbiltà li tintuża preżunzjoni bil-ħsieb li jiġi stabbilit tali għan jew skop. Għalhekk, ma teżisti ebda inkompatibbiltà bejn is-sentenza appellata u r-rieda tal-leġiżlatur li jħassar din l-aħħar dispożizzjoni. |
|
70 |
Mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-inkompatibbiltà, invokata mill-appellanti, tal-Artikolu 25 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità mal-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar ir-Regoli tal-Oriġini ma tistax tiġi kkunsidrata bħala rilevanti sabiex tiġi evalwata l-interpretazzjoni mogħtija lill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 fis-sentenza appellata. Fil-fatt, dan l-argument tal-appellanti huwa bbażat fuq il-premessa li l-Qorti Ġenerali biddlet fi kriterju suġġettiv il-kriterju oġġettiv li jinsab f’dan l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33. Dan premess, kif ġie kkonstatat fil-punti 67 u 68 ta’ din is-sentenza, din il-premessa hija żbaljata. |
|
71 |
Fid-dawl tal-punti preċedenti, jeħtieġ li jiġu miċħuda l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju. |
|
72 |
It-tielet parti tal-ewwel aggravju jirrigwarda s-sistema probatorja stabbilita fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata. Fil-punt 79, il-Qorti Ġenerali kkonstatat koinċidenza fiż-żmien bejn id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/886, li introduċa dazji doganali addizzjonali, u t-tħabbira tal-operazzjoni ta’ rilokazzjoni inkwistjoni. B’riferiment għall-punt 29 tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Brother International (C‑26/88, EU:C:1989:637), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li tali koinċidenza fiż-żmien hija tali li tiġġustifika l-preżunzjoni li rilokazzjoni għandha bħala skop li tevita l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali. |
|
73 |
Fl-ewwel sentenza tal-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li minn dan il-punt 29 jirriżulta li, fil-preżenza ta’ tali koinċidenza fiż-żmien, huwa l-operatur ekonomiku kkonċernat li għandu jipproduċi l-prova ta’ motiv raġonevoli, minbarra dak li jevita l-konsegwenzi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għat-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ manifattura fil-pajjiż fejn il-produzzjoni ġiet irrilokata. |
|
74 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata ma jmorrux kontra s-sens tal-punt 29 tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Brother International (C‑26/88, EU:C:1989:637), invokata mir-rikorrenti fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dan il-punt 29, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ koinċidenza fiż-żmien bejn id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni rilevanti u t-trasferiment tal-assemblaġġ tal-komponenti ta’ prodott, huwa l-operatur ekonomiku kkonċernat li għandu jipproduċi l-prova ta’ motiv raġonevoli għal dan it-trasferiment sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni li l-imsemmi trasferiment twettaq bl-iskop li jiġu evitati l-konsegwenzi li jirriżultaw minn din il-leġiżlazzjoni. |
|
75 |
Huwa minnu li dan il-punt 29 jinkludi interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 802/68 tas‑27 ta’ Ġunju 1968 dwar id-definizzjoni komuni tal-kunċett tal-oriġini tal-merkanzija (ĠU 1968, L 148, p. 1). Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 25 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, li, kif indikat fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, huwa kkaratterizzat minn differenzi fundamentali, meta mqabbel mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446, peress li kien jipprevedi espressament il-possibbiltà li wieħed jirrikorri għal preżunzjoni. |
|
76 |
Madankollu, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma huwiex ivvizzjat bi żball peress li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 jirrikjedi li jiġi stabbilit, fuq il-bażi ta’ elementi fattwali disponibbli, l-iskop tal-operazzjoni, li jeħtieġ li jiġi interpretat bħala l-iskop prinċipali jew dominanti, hekk kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 58 u 62 tas-sentenza appellata. |
|
77 |
Dan premess, fil-punt 70 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali effettivament ibbażat ruħha fuq l-elementi fattwali disponibbli, billi semmiet kemm l-iskop tar-rilokazzjoni, minn Harley‑Davidson, tal-produzzjoni tagħha, indikata minnha fil-Formola 8‑K, kif ukoll il-koinċidenza fiż-żmien bejn id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/886 u t-tħabbir ta’ din l-operazzjoni ta’ rilokazzjoni. |
|
78 |
B’hekk, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod partikolari li, billi fil-Formola 8-K hija indikat biss li kienet tixtieq, billi tirriloka l-produzzjoni tagħha, “tevita l-piż tariffarju” li jirriżulta mid-dħul fis-seħħ tad-dazji doganali addizzjonali, Harley-Davidson kellha bħala skop prinċipali jew dominanti li tevita l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ politika kummerċjali. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li mis-suġġett u mill-kontenut tal-Formola 8‑K jirriżulta b’mod ċar li din, datata 25 ta’ Ġunju 2018, ġiet ippubblikata b’reazzjoni immedjata għall-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/886, ħamest ijiem biss wara l-imsemmija pubblikazzjoni u tlett ijiem wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni. |
|
79 |
Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma tikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446, tikkunsidra li ġie stabbilit prima facie li r-rilokazzjoni inkwistjoni kellha bħala skop li tevita l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ politika kummerċjali. Għalhekk huwa l-operatur ekonomiku kkonċernat li għandu jipproduċi l-prova ta’ motiv raġonevoli differenti li kien juri li l-iskop prinċipali jew dominanti tal-operazzjoni ma kienx jirrifletti dan l-għan. |
|
80 |
Fir-rigward tal-allegat żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti jitolbu, fil-verità, evalwazzjoni ġdida tal-provi, mingħajr ma jindikaw b’mod suffiċjentement preċiż l-iżnaturament li bih hija akkużata l-Qorti Ġenerali u mingħajr ma juru l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tagħhom, wassluha twettaq dan l-iżnaturament. Tali kontestazzjoni hija, għaldaqstant, inammissibbli fl-istadju tal-appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Severstal u NLMK vs Il‑Kummissjoni, C‑747/21 P u C‑748/21 P, EU:C:2023:459, punt 52). |
|
81 |
Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, jirriżulta li għandha tiġi miċħuda wkoll it-tielet parti tal-ewwel aggravju u, għalhekk, li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq it‑tieni aggravju, ibbażat fuq qbiż tal‑limiti tad‑delega li tinsab fl‑Artikolu 62 tal‑Kodiċi Doganali tal‑Unjoni
L‑argumenti tal‑partijiet
|
82 |
Permezz tat-tieni aggravju, imressaq sussidjarjament, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali billi jsostnu li wettqet żball ta’ liġi, kif jidher fil-punti 86 sa 90 tas-sentenza appellata. L-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446, kif interpretat fis-sentenza appellata, jikser l-Artikolu 290 TFUE billi jimmodifika ċerti elementi essenzjali tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. |
|
83 |
Din l-interpretazzjoni tissostitwixxi l-kriterju oġġettiv previst f’dan l-Artikolu 60(2) ibbażat fuq il-ġustifikazzjoni ekonomika tal-operazzjoni, permezz ta’ kriterju suġġettiv, ibbażat fuq l-intenzjoni tal-operatur ekonomiku. L-imsemmija interpretazzjoni tfisser li tkun qiegħda ssir l-ammissjoni li l-Kummissjoni għamlet għażla politika li tmur kontra l-għażla politika tal-leġiżlatur li, billi ħassar l-Artikolu 25 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kien qiegħed jirrinunzja għal dan il-kriterju suġġettiv. L-istess interpretazzjoni tippreġudika l-ġerarkija tan-normi u ċ-ċertezza legali billi toħloq liġi differenti fl-att delegat meta mqabbel mal-att leġiżlattiv. |
|
84 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
85 |
It-tieni aggravju huwa intiż biex tiġi kkonstatata l-illegalità tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 kif interpretat mill-Qorti Ġenerali. |
|
86 |
Peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala invalidi meta jistgħu jirċievu interpretazzjoni li tiżgura l-konformità tagħhom mar-regoli ta’ dritt superjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Ligue des droits humains (Verifika tal-ipproċessar tad-data mill-awtorità superviżorja),C‑333/22, EU:C:2023:874, punt 57), dan l-aggravju ma jistax jinftiehem fis-sens li jikkontesta, essenzjalment, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446. |
|
87 |
Għalhekk, l-argument tal-appellanti tibda mill-premessa li l-Qorti Ġenerali interpretat l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 fis-sens li fih kriterju suġġettiv. Dan premess, kif indikat fil-punti 67 u 68 ta’ din is-sentenza, din il-premessa hija żbaljata. |
|
88 |
Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq it‑tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tad‑drittijiet għal amministrazzjoni tajba
L‑argumenti tal‑partijiet
|
89 |
It-tielet aggravju fih żewġ partijiet. |
|
90 |
Permezz tal-ewwel parti, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punti 166 sa 169 tas-sentenza appellata, li l-ksur mill-Kummissjoni tad-dritt għal smigħ ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Mill-punt 46 tas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Feralpi vs Il‑Kummissjoni (C‑85/15 P, EU:C:2017:709), u mill-punt 56 tas-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il‑Kummissjoni vs United Parcel Service (C‑265/17 P, EU:C:2019:23), jirriżulta li dan id-dritt jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali sostanzjali. Il-punt deċiżiv huwa dak dwar jekk l-impriża kkonċernata setgħetx kellha opportunità, anki ridotta, li tiżgura aħjar id-difiża tagħha. |
|
91 |
Dan il-kriterju huwa ssodisfatt f’dan il-każ peress li kien possibbli għall-appellanti li jinvokaw bosta provi fattwali, prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, tal-fatt li r-rilokazzjoni kienet ekonomikament iġġustifikata. Jeħtieġ ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-qlib tal-oneru tal-prova minħabba l-preżunzjoni stabbilita fl-applikazzjoni tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446. |
|
92 |
Anki li kieku l-applikazzjoni t-tajba f’dan il-każ tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 tkun tiddependi biss minn punti ta’ liġi, liema fatt huwa kkontestat mill-appellanti fid-dawl tal-punti 64 u 72 tas-sentenza appellata, id-dritt li jitressqu argumenti legali jagħmel parti mid-dritt għal smigħ, b’mod partikolari fid-dawl tad-differenzi fl-opinjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Belġjani u tar-rifjut ta’ din l-istituzzjoni li tipprovdi opinjoni formali dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446. |
|
93 |
Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali kif ukoll id-dritt għal amministrazzjoni tajba. |
|
94 |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali injorat, fil-punti 145 sa 147 tas-sentenza appellata, il-punti 10 sa 12 tas-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il‑Kummissjoni (14/81, EU:C:1982:76), u l-punti 35 sa 38 tas-sentenza tas‑17 ta’ April 1997, de Compte vs Il‑Parlament (C‑90/95 P, EU:C:1997:198), li minnhom jirriżulta li l-inkompatibbiltà ta’ att legali mad-dritt tal-Unjoni ma tikkostitwixxix ostakolu assolut għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi. F’dan ir-rigward, il-punt deċiżiv huwa dak dwar jekk dan l-att jagħtix vantaġġ lil individwu. |
|
95 |
F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet BOI ħolqu aspettattivi leġittimi li fuq il-bażi tagħhom deċiżjonijiet kummerċjali maġġuri, b’effetti fit-tul, ġew adottati. Għalhekk, id-deċiżjoni kontenzjuża missha ġiet adottata f’terminu raġonevoli. Peress li d-deċiżjonijiet BOI huma validi għal tliet snin bis-saħħa tal-Artikolu 33(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ir-revoka tagħhom madwar sentejn wara l-adozzjoni tagħhom manifestament tippreġudika l-prinċipju ta’ ċertezza legali u toħloq preġudizzju għall-appellanti. Barra minn hekk, l-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446 ma jistax jiġi kkategorizzat bħala “preċiż” inkwantu tali kategorizzazzjoni tkun f’kontradizzjoni man-natura inedita tar-revoka ta’ deċiżjoni BOI mill-Kummissjoni. |
|
96 |
Fit-tieni lok, l-analiżi dwar it-tul tal-proċedura segwita mill-Kummissjoni, li tinsab fil-punti 175 u 176 tas-sentenza appellata, ma fihiex bażi legali. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali missha ħadet inkunsiderazzjoni l-importanza tal-kawża għall-persuna kkonċernata. Il-perijodu rilevanti huwa dak inkluż bejn, minn naħa, il‑31 ta’ Jannar 2019, data tal-ewwel diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Belġjani, jew, sussidjarjament, l‑24 ta’ Ġunju 2019, data ta’ adozzjoni tal-ewwel żewġ deċiżjonijiet BOI mill-awtoritajiet Belġjani, u, min-naħa l-oħra, is‑7 ta’ April 2021, data ta’ pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. It-tul tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, ta’ 21 jew ta’ 26 xahar, ma huwiex iġġustifikat fir-rigward tan-natura allegatament evidenti tal-illegalità tad-deċiżjonijiet BOI. Fi kwalunkwe każ, tali tul imur sew lil hinn minn dak li huwa aċċettabbli. |
|
97 |
Il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedi li wieħed jaġixxi f’terminu raġonevoli jimponi, irrispettivament minn jekk dan id-dewmien tax lok jew le għal ksur tad-drittijiet tad-difiża, li jiġu annullati kemm is-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kontenzjuża ġaladarba l-Kummissjoni hija prekluża milli taġixxi tardivament. |
|
98 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
99 |
L-ewwel parti tat-tielet aggravju tirrigwarda l-punti 166 sa 169 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali, filwaqt li rrikonoxxiet li l-Kummissjoni kienet naqset mill-obbligu tagħha li tisma’ lir-rikorrenti fl-ewwel istanza qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, iddeċidiet li din l-irregolarità ma kinitx suffiċjenti biżżejjed biex twassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Billi għamlet hekk, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali applikat kriterji differenti minn dawk li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
100 |
F’dan ir-rigward, fil-punt 162 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha, sabiex il-ksur tad-dritt għal smigħ ikun jista’ jwassal għall-annullament tal-att inkwistjoni, għandha teżisti possibbiltà li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Zhejiang Jiuli Hi-Tech Metals vs Il‑Kummissjoni, C‑718/20 P, EU:C:2022:362, punt 49). Dan il-kriterju jitfakkar ukoll, essenzjalment, fil-punt 167 tas-sentenza appellata. |
|
101 |
Billi rreferiet, b’analoġija, għall-punt 98 tas-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni (C‑308/04 P, EU:C:2006:433), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll, fil-punt 162 tas-sentenza appellata, li hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi l-prova, billi tippreżenta elementi konkreti jew minn tal-inqas argumenti jew indizji suffiċjentement affidabbli u preċiżi, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni setgħet kienet differenti, b’tali mod li preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża jkun jista’ jiġi identifikat konkretament. |
|
102 |
Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali identifikat korrettament il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rilevanti fir-rigward tad-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kontriha miżura individwali li tkun ser taffettwaha b’mod sfavorevoli, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. |
|
103 |
Fil-fatt, minn naħa, il-punt 46 tas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Feralpi vs Il‑Kummissjoni (C‑85/15 P, EU:C:2017:709), invokat mill-appellanti, jirreferi għal dritt għal smigħ hekk kif previst fil-kuntest speċifiku tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-[Artikoli 101 sa 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81). |
|
104 |
Min-naħa l-oħra, sabiex jinkiseb l-annullament ta’ att ikkontestat fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, hija l-persuna li tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha li għandha turi li teżisti possibbiltà li l-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan l-att setgħet wasslet għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għalkemm ma jistax jiġi impost fuq il-persuna li tinvoka tali irregolarità li turi li, fl-assenza tagħha, l-att ikkonċernat kien ikollu kontenut iktar favorevoli għall-interessi tagħha, din xorta waħda għandha tipprova, b’mod konkret, li tali ipoteżi ma hijiex għalkollox eskluża (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punt 170 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
105 |
Fid-dawl ta’ dan il-kriterju, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi, wara li kkonstatat, fil-punt 166 tas-sentenza appellata, ksur tad-drittijiet għal smigħ tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, ikkunsidrat, fil-punti 167 sa 170, li l-provi fattwali li r-rilokazzjoni kienet “ekonomikament iġġustifikata” minħabba l-vantaġġi ta’ effikaċja ekonomika mistennija ma kinux tali li joħolqu possibbiltà li l-proċedura amministrattiva tkun tista’ twassal għal riżultat differenti. |
|
106 |
Fil-fatt, f’dan ir-rigward jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li, fil-punt 170 ta’ dik is-sentenza, li ma jissemmiex direttament minn dan l-appell u li jirreferi għall-punti 65 u 66 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma produċewx elementi konkreti quddiemha li jistgħu juru li r-rilokazzjoni inkwistjoni kienet iġġustifikata prinċipalment minħabba kunsiderazzjonijiet estranei għall-introduzzjoni tad-dazji doganali addizzjonali previsti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/886. |
|
107 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandu jiġi miċħud. |
|
108 |
It-tieni parti tat-tielet aggravju jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u tal-ksur tad-dritt tal-appellanti għal amministrazzjoni tajba dovut għat-tul tal-proċedura segwita mill-Kummissjoni. |
|
109 |
Fl-ewwel lok, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, mingħajr ma dan ġie kkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell, li deċiżjoni BOI, adottata skont l-Artikolu 33 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ma għandhiex bħala għan u ma jistax ikollha bħala effett li tiggarantixxi definittivament lill-operatur ekonomiku li l-oriġini tal-merkanzija li għaliha tirreferi din id-deċiżjoni ma tiġix sussegwentement immodifikata, peress li, bis-saħħa tal-Artikolu 34(11) ta’ dan il-kodiċi, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjonijiet li jitolbu lill-Istati Membri jirrevokaw deċiżjonijiet BOI sabiex jiġu ggarantiti klassifikazzjoni tariffarja jew determinazzjoni tal-oriġini korretti u uniformi tal-merkanzija. |
|
110 |
Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 33 u tal-Artikolu 34(11) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li barra minn hekk ma ġietx ikkritikata mill-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-appell. Din l-interpretazzjoni tikkostitwixxi bażi suffiċjenti biex jiġi miċħud l-argument tal-ewwel istanza dwar il-ksur tal-prinċipju tar-rispett tal-aspettattivi leġittimi. Konsegwentement, kif tosserva l-Avukata Ġenerali fil-punt 105 tal-Konklużjonijiet tagħha, ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali, fil-punti 145 sa 147 tas-sentenza appellata, ċaħdet dan l-argument huma ta’ natura superfluwa meta mqabbel ma’ dawk li jinsabu fil-punti 144 ta’ dik is-sentenza. Il-kritika tal-appellanti dwar il-punti 145 sa 147 tal-imsemmija sentenza għandha, għalhekk, tiġi miċħuda bħala ineffettiva. |
|
111 |
Fit-tieni lok, fil-punt 164 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret, billi straħet fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li n-natura raġonevoli tat-terminu tal-proċedura għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull kawża. Filwaqt li huwa minnu li l-eżitu tat-tilwima għall-persuna kkonċernata jagħmel parti minn dawn iċ-ċirkustanzi, madankollu din hija biss ċirkustanza fost oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Klein vs Il‑Kummissjoni, C‑430/20 P, EU:C:2022:377, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata), li għandha tiġi evalwata bħala element fattwali mill-Qorti Ġenerali. |
|
112 |
Barra minn hekk, in-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċedura ma tistax tiġi ffissata b’riferiment għal limitu massimu preċiż, iddeterminat b’mod astratt (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Klein vs Il‑Kummissjoni, C‑430/20 P, EU:C:2022:377, punt 86). L-istess jgħodd għad-determinazzjoni tal-punt inizjali għall-kalkolu ta’ dan it-tul, fl-assenza, bħal f’dan il-każ, ta’ indikazzjonijiet preċiżi fid-dispożizzjonijiet applikabbli. |
|
113 |
F’dan il-kuntest, l-argumenti tal-appellanti jkunu jistgħu jintlaqgħu biss jekk jiġi stabbilit li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti. Dan premess, l-appellanti ma jinvokawx tali żnaturament, iżda, essenzjalment, jitolbu sempliċement evalwazzjoni ġdida tal-fatti, liema evalwazzjoni ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, Anglo Austrian AAB vs BĊE u Far‑East, C‑579/22 P, EU:C:2024:731, punt 147 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
114 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda wkoll. Għalhekk, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
|
115 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, sa fejn ma ntlaqa’ ebda wieħed mill-aggravji, l-appell għandu jiġi miċħud. |
Fuq l‑ispejjeż
|
116 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
|
117 |
Konformement mal-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
118 |
Peress li l-appellati tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż tal-appell, skont it-talbiet tal-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.