European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/5775

6.11.2026

Notifika ta’ Bidu ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja rigward importazzjonijiet ta’ ċerti sustanzi kimiċi tar-reżina tal-polietilentereftalat

(C/2026/5775)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba mingħand l-Istati Membri biex tibda investigazzjoni ta’ salvagwardja. L-analiżi tal-informazzjoni pprovduta fit-talba, żvelat li l-importazzjonijiet ta’ ċerti sustanzi kimiċi tar-reżina tal-polietilentereftalat (PET) żdiedu b’mod sinifikanti, u dan juri li hemm biżżejjed evidenza li dawn ix-xejriet fl-importazzjonijiet jidhru li jitolbu miżuri ta’ salvagwardja. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda investigazzjoni ta’ salvagwardja bis-saħħa tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

1.   PRODOTT TAĦT INVESTIGAZZJONI

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni jikkonsisti fis-segmenti li ġejjin:

—

Polietilentereftalat (PET) b’numru ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3907 61 00 .

—

Aċidu tereftaliku (TA) u l-imluħa tiegħu, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2917 36 00 .

—

Glikol etileniku (etandiol), imsejjaħ ukoll monoetilenglikol (MEG), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2905 31 00 .

—

Aċidu isoftaliku purifikat (PIA) (normalment klassifikat taħt in-numru KE: 204-506-4, and in-Numru CAS: 121-91-5), bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2917 39 85 (Kodiċi TARIC 2917 39 85 70).

L-MEG, it-TA u l-PIA jintużaw l-aktar fil-produzzjoni tal-PET. Il-PET jintuża l-aktar fil-produzzjoni ta’ mballaġġ, speċjalment il-fliexken. F’konformità mad-deskrizzjoni tal-kodiċi NM 3907 61 00 , l-ambitu tal-investigazzjoni tinkludi PET verġni, PET riċiklat u Polietilentereftalat glikol (PET-G) (3).

2.   ŻIEDA FL-IMPORTAZZJONIJIET U D-DANNU

L-analiżi tal-informazzjoni pprovduta fit-talba tindika li l-importazzjonijiet totali ta’ sustanzi kimiċi tar-reżina tal-PET żdiedu minn 2,12 miljun tunnellata fl-2021 għal 2,70 miljun tunnellata fl-2025, li jikkorrispondi għal żieda ta’ 27 % matul dan il-perjodu. Fl-istess perjodu, il-proporzjon tal-importazzjonijiet meta mqabbel mal-konsum żdied minn 27 % fl-2021 għal 40 % fl-2025, żieda ta’ 52 %, filwaqt li l-proporzjon tal-importazzjonijiet meta mqabbel mal-produzzjoni tal-Unjoni żdied minn 30 % fl-2021 għal 62 % fl-2025, li hija żieda ta’ 105 %.

Iż-żieda fl-importazzjonijiet tidher li hija r-riżultat ta’ żviluppi mhux previsti bħaż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni f’pajjiżi terzi u r-riskju li jirriżulta ta’ żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni. Il-kapaċità ta’ riżerva eżistenti stmata ta’ madwar 67.84 miljun tunnellata madwar id-dinja taqbeż il-konsum tal-Unjoni b’917 % u x’aktarx li tikkawża dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni, anki jekk parti biss minnha tiġi diretta mill-ġdid lejn is-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-aċċess għal ħafna swieq qiegħed jingħalaq bħala riżultat tal-miżuri għad-difiża tal-kummerċ adottati minn numru ta’ pajjiżi terzi f’dawn l-aħħar snin.

Hemm ukoll biżżejjed evidenza li turi li l-volumi ta’ dawn l-importazzjonijiet ikkawżaw jew qegħdin jheddu li jikkawżaw indeboliment ġenerali sinifikanti tal-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, abbażi tal-indikaturi ekonomiċi speċifikati fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2015/478 u fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/755. B’mod partikolari, din l-evidenza turi li l-importazzjonijiet tal-prodott kkonċernat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq is-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni. Dan tefa’ pressjoni sinifikanti fuq il-volumi ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, li wassal għal livell negattiv jew baxx ta’ profitt. L-industrija tal-Unjoni tibqa’ vulnerabbli għal żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet, li x’aktarx li tkun imminenti, b’mod partikolari minħabba l-kapaċità żejda ġenerali fis-suq globali. L-investigazzjoni se teżamina s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, abbażi wkoll tal-iżviluppi l-aktar reċenti, bħal kwalunkwe devjazzjoni tal-kummerċ li tirriżulta mill-għeluq tas-swieq ta’ pajjiżi terzi minħabba miżuri għad-difiża tal-kummerċ.

3.   PROĊEDURA

Ladarba ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda b’dan tibda investigazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk, bħala riżultat ta’ żviluppi mhux previsti, il-prodott ikkonċernat huwiex qiegħed jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet tant akbar u/jew skont termini jew kundizzjonijiet tali li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni.

3.1.   Tweġibiet għall-kwestjonarju u sottomissjonijiet bil-miktub minn partijiet interessati

Sabiex tikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni, il-Kummissjoni se tiġbor it-tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand il-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi, l-importaturi u l-utenti tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni. Il-kwestjonarji se jiġu ppubblikati fil-jum tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u s-Sigurtà Ekonomika. Il-kwestjonarji mimlija jridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha inklużi l-produtturi esportaturi, l-importaturi, l-utenti tal-prodott ikkonċernat, l-assoċjazzjonijiet tagħhom u r-rappreżentanzi ta’ pajjiżi terzi huma mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub, jissottomettu informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Is-sottomissjonijiet bil-miktub f’format liberu jridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, preferibbilment bil-posta elettronika, minnufih iżda normalment mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Kull sottomissjoni ta’ fehmiet u informazzjoni wara dawn l-iskadenzi jistgħu jiġu injorati.

3.2.   Struzzjonijiet biex isiru sottomissjonijiet bil-miktub, biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni li tingħata lill-Kummissjoni għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jissottomettu informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni li tkun soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensittivi” (4). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/755, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties”. Dawk is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni sottomessa b’mod kunfidenzjali u jridu jaslu għand il-Kummissjoni fl-istess ħin tal-verżjoni “Sensitive”.

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tagħtix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jagħmlu s-sottomissjonijiet kollha u t-talba tagħhom permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi d-dokumenti skenjati ta’ prokuri. Il-partijiet interessati, meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, ikunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fis-sit tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u s-Sigurtà Ekonomika: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u għandhom jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bi TRON.tdi, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u għas-Sigurtà Ekonomika

Directorate G, Unit G5

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi

Indirizz tal-posta elettronika: TRADE-SAFEGUARD-PET@ec.europa.eu

3.3.   Seduti

Bis-saħħa tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755, il-partijiet interessati kollha jistgħu japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fi żmien 21 jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.   SPEZZJONI TAL-INFORMAZZJONI

Il-partijiet interessati li jkunu esprimew il-fehmiet tagħhom jew issottomettew informazzjoni jew talbu li jinstemgħu f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755, u r-rappreżentanti tal-pajjiżi esportaturi jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw kull informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni b’rabta mal-investigazzjoni għajr dokumenti interni mħejjija mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, dment li dik l-informazzjoni tkun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom u ma tkunx kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/478 jew l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/755, u li tkun qiegħda tintuża mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni. Il-partijiet interessati li ppreżentaw ruħhom jistgħu jikkomunikaw fehmiethom dwar l-informazzjoni inkwistjoni lill-Kummissjoni u dawk il-fehmiet jistgħu jitqiesu meta jkunu sostnuti b’biżżejjed evidenza.

5.   NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti taż-żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti konklużjonijiet abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755. Meta jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

6.   UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

L-Uffiċjal tas-Smigħ jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Smigħ jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kull talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu intervent mill-Uffiċjal tas-Smigħ. Fil-prinċipju, dawn l-interventi għandhom ikunu limitati għall-kwistjonijiet li jkunu nqalgħu matul il-proċediment attwali.

Talba għal intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Fil-prinċipju, il-perjodu ta’ żmien stabbilit fit-Taqsima 3.1 ta’ din in-Notifika għas-sottomissjonijiet lill-Kummissjoni japplika mutatis mutandis għal talbiet għal intervent lill-Uffiċjal tas-Smigħ. Fejn talbiet bħal dawn jiġu sottomessi barra l-perjodi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Smigħ jista’ jeżamina wkoll ir-raġunijiet għaliex dawn waslu tard, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-interessi tal-amministrazzjoni tajba u t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit tad-DĠ Kummerċ u s-Sigurtà Ekonomika: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en.

7.   SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

Jekk il-Kummissjoni tiddetermina li l-miżuri huma meħtieġa, il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolamenti (UE) 2015/478 u (UE) 2015/755 rispettivament, mhux aktar tard minn disa’ xhur mid-data tal-bidu, sakemm ma jkunux jeżistu ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, f’liema każ dak il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi mtawwal b’perjodu massimu ta’ xahrejn. Jekk il-limitu ta’ żmien jittawwal, il-Kummissjoni se tippubblika Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li fiha tistipula kemm se ddum l-estensjoni u sommarju tar-raġunijiet.

8.   PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

Kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika: https://europa.eu/!vr4g9W.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33).

(3)  Noti ta’ spjegazzjoni man-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea, C/2025/6087, tal-10 ta’ Novembru 2025 (ĠU C, C/2025/6087, 10.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6087/oj).

(4)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/478, l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/755 u l-Artikolu 3.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji. Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, ĠU L295, 21.11.2018, p.39.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/5775/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)