SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
28 ta’ April 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 549/2013 – Sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea – Punt 20.15 tal-Anness A – Kontroll eżerċitat minn istituzzjoni tal-kontijiet nazzjonali fuq awtoritajiet ta’ organizzazzjoni tal-istabbilimenti edukattivi kkostitwiti fil-forma ta’ istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru – Stabbilimenti edukattivi li jgawdu minn finanzjament pubbliku u minn libertà ta’ tagħlim iggarantita mill-Kostituzzjoni – It-tieni sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A – Kunċett ta’ ‘intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività’ – Portata – L-ewwel sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A – Inċiż (b) tal-punt 2.39, inċiż (b) tal-punt 20.15, u inċiż (h) tal-punt 20.309 tal-Anness A – Kunċett ta’ ‘regolazzjoni eċċessiva’ – Portata”
Fil-Kawża C‑277/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ April 2021, fil-proċedura
Secrétariat général de l’enseignement catholique ASBL (SeGEC) et
vs
Institut des comptes nationaux (ICN),
Banque nationale de Belgique,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Ilešič u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Secrétariat général de l’enseignement catholique ASBL (SeGEC) et, minn D. Renders u E. Gonthier, avukati, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc u T. Materne, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 20.15 u l-inċiż (h) tal-punt 20.309 tal-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 174, p. 1). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-secrétariat général de l’enseignement catholique ASBL (SeGEC) u sitt assoċjazzjonijiet oħra mingħajr skop ta’ lukru attivi fis-settur tat-tagħlim fil-Belġju (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“assoċjazzjonijiet inkwistjoni”) u l-Institut des comptes nationaux (iktar ’il quddiem l-“ICN”) u l-Banque nationale de Belgique dwar il-klassifikazzjoni, mill-ICN, tal-assoċjazzjonijiet inkwistjoni fis-settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, sotto-settur tal-amministrazzjoni tal-Istati federali, skont is-sistema Ewropea tal-kontijiet 2010, stabbilita bir-Regolament Nru 549/2013 (iktar ’il quddiem is-“SEK 2010”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 1 u 3 tar-Regolament Nru 549/2013 huma fformulati kif ġej:
[…]
|
|
4 |
L-Anness A ta’ dan ir-regolament, dwar il-metodoloġija tas-SEK 2010, jinkludi l-Kapitolu 1, intitolat “Karatteristiċi Ġenerali u Prinċipji Bażiċi”, li fih hemm il-punti 1.01, 1.19, 1.34, sa 1.36 u 1.57 ta’ dan l-anness. Dawn il-punti jistipulaw:
[…]
Tabella 1.1
[…]
|
|
5 |
Fil-Kapitolu 2, intitolat “Unitajiet u Ragruppamenti ta’ Unitajiet”, tal-imsemmi anness, il-punti 2.12, 2.39, 2.113 u 2.130 tiegħu huma fformulati kif ġej:
[…]
[…] Gvern Ġenerali (S.13) […]
[NPISH] (S.15) […]
[…]” |
|
6 |
Il-Kapitolu 3 tal-istess anness jinkludi l-punt 3.31 li huwa fformulat kif ġej:
Definizzjoni: Istituzzjoni privata mingħajr skop ta’ qligħ (NPI) hija definita bħala entità legali jew soċjali li taġixxi għall-iskop tal-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi li l-istatus tagħha ma jippermettix li tkun sors ta’ introjtu, profitt jew qligħ finanzjarju ieħor għall-unitajiet li jistabbilixxuha, jikkontrollawha jew jiffinanzjawha. Meta l-attivitajiet produttivi tagħhom jiġġenerew eċċessi, tali eċċessi ma jistgħux jiġu approprjati minn unitajiet istituzzjonali oħrajn. […] NPI privata tiġi kklassifikata fis-settur NPISH jekk tkun produttur mhux tas-suq, ħlief meta tkun ikkontrollata mill-gvern. Meta NPI privata tkun ikkontrollata mill-gvern, din tiġi kklassifikata fis-settur tal-gvern ġenerali. […]” |
|
7 |
Fil-Kapitolu 20, intitolat “Il-Kontijiet tal-Gvern”, tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 hemm il-punti 20.05, 20.13, 20.15, 20.18, 20.29, 20.306, 20.309 u 20.310 tiegħu li huma fformulati kif ġej:
[…] NPIs klassifikati fis-settur tal-gvern ġenerali
[…]
[…] Kontroll pubbliku
[…] It-test tas-suq/mhux tas-suq
[…]
[…] Kontroll tas-settur pubbliku
|
Id-dritt Belġjan
|
8 |
L-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni jiddisponi: “§ 1. It-tagħlim huwa liberu; kull miżura preventiva għandha tkun ipprojbita; ir-repressjoni tar-reati hija rregolata biss bil-liġi jew bid-digriet. Il-Komunità għandha tiżgura l-għażla libera tal-ġenituri. Il-Komunità għandha torganizza tagħlim li huwa newtrali. In-newtralità timplika b’mod partikolari l-osservanza tal-perċezzjonijiet filosofiċi, ideoloġiċi jew reliġjużi tal-ġenituri u tal-istudenti. L-iskejjel organizzati mill-awtoritajiet pubbliċi għandhom joffru, sat-tmiem tal-obbligu skolastiku, l-għażla bejn l-edukazzjoni ta’ waħda mir-reliġjonijiet irrikonoxxuti u dik tal-morali mhux konfessjonali. § 2. Jekk komunità, bħala awtorità organizzattiva, trid tiddelega kompetenzi lil korp awtonomu wieħed jew iktar, hija tkun tista’ tagħmel dan biss permezz ta’ digriet adottat b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti espressi. § 3. Kulħadd għandu dritt għat-tagħlim bir-rispett tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali. L-aċċess għat-tagħlim huwa bla ħlas sat-tmiem tal-obbligu skolastiku. L-istudenti kollha suġġetti għall-obbligu skolastiku għandhom dritt, fuq responsabbiltà tal-komunità, għal edukazzjoni morali jew reliġjuża. § 4. L-istudenti kollha, ġenituri, membri tal-persunal u stabbilimenti edukattivi għandhom ikunu ugwali quddiem il-liġi jew id-digriet. Il-liġi u d-digriet jieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi oġġettivi, b’mod partikolari l-karatteristiċi speċifiċi għal kull awtorità organizzattiva, li jiġġustifikaw trattament xieraq. § 5. L-organizzazzjoni, ir-rikonoxximent jew is-sussidju tat-tagħlim mill-komunità huma rregolati mil-liġi jew mid-digriet.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
9 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jsegwi li, fil-Belġju, il-Kostituzzjoni tipprevedi, sa mill-promulgazzjoni tagħha fl‑1831, il-prinċipju tal-libertà tat-tagħlim. L-organizzazzjoni tat-tagħlim matern, primarju, sekondarju u superjuri mhux universitarja kienet is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddistingwi bejn l-istabbilimenti edukattivi li jaqgħu, minn naħa, taħt it-“tagħlim uffiċjali”, ikkostitwit min-netwerk ta’ skejjel organizzati mill-Istat, il-provinċji tal-muniċipalitajiet, l-assoċjazzjonijiet ta’ muniċipalitajiet jew minn kull persuna rregolata mid-dritt pubbliku u, min-naħa l-oħra, it-“tagħlim liberu ssussidjat”, konfessjonali u mhux konfessjonali, ikkostitwit min-netwerk ta’ skejjel issussidjati mill-entità federali kompetenti, f’dan il-każ il-Komunità Franċiża, iżda organizzati minn persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat. L-assoċjazzjonijiet inkwistjoni jaqgħu taħt in-netwerk tat-tagħlim liberu ssussidjat u huma federazzjoni li tirrappreżenta awtoritajiet ta’ organizzazzjoni tat-tagħlim Kattoliku, federazzjoni li tiġbor fi ħdanha awtoritajiet ta’ organizzazzjoni tat-tagħlim liberu mhux konfessjonali u ħames awtoritajiet ta’ organizzazzjoni ta’ stabbilimenti edukattivi ħielsa issussidjati ta’ natura konfessjonali, rispettivament. |
|
10 |
Fil-Belġju, l-ICN huwa inkarigat li jiġbor l-informazzjoni statistika meħtieġa abbażi tas-SEK 2010 u li jikklassifika, f’dan is-sens, id-diversi atturi ekonomiċi skont is-setturi, fil-kategoriji ddefiniti bir-Regolament Nru 549/2013, bis-setturi prinċipali jkunu l-familji, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, il-kumpanniji (finanzjarji u mhux finanzjarji), in-NPISH u l-bqija tad-dinja. |
|
11 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-ICN qies li l-assoċjazzjonijiet inkwistjoni huma “unitajiet istituzzjonali distinti”, fis-sens tal-punt 2.12 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, li huma kkontrollati mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, b’mod iktar speċifiku mill-Komunità Franċiża. Konsegwentement, l-ICN qies li l-awtoritajiet ta’ organizzazzjoni, bħala unitajiet mhux tas-suq, kellhom jiġu kklassifikati fis-settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi ta’ livell reġjonali (settur S.1312, fis-sens tal-inċiż (b) tal-punt 2.113 tal-Anness A tal-imsemmi regolament). L-ICN ippreċiża b’mod partikolari li l-kontroll pubbliku, fis-sens tas-SEK 2010, tal-istabbilimenti edukattivi liberi ssussidjati huwa stabbilit b’mod partikolari sa fejn l-attività ta’ tagħlim hija kompletament jew kważi kompletament iffinanzjata mis-settur pubbliku u fejn dan il-finanzjament huwa suġġett għall-osservanza ta’ regoli regolamentari. |
|
12 |
Fl‑14 ta’ Ġunju 2018, l-assoċjazzjonijiet inkwistjoni adixxew lill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), b’rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni. Huma jikkontestaw b’mod partikolari l-evalwazzjoni mill-ICN skont liema huma kkontrollati mill-Komunità Franċiża u jqisu li, bħala NPISH, huma ġew ikklassifikati b’mod żbaljat fis-settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. |
|
13 |
Il-qorti tar-rinviju tindika, qabelxejn, li l-awtoritajiet ta’ organizzazzjoni tal-istabbilimenti edukattivi liberi ssussidjati, li ħadu l-forma ġuridika ta’ assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, jistgħu jitqiesu bħala NPI, fis-sens tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, u li l-assoċjazzjonijiet inkwistjoni ma jaqblux mal-ICN fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kontroll pubbliku”, fis-sens ta’ dan l-anness, peress li d-deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2018 tqiegħed, f’dan ir-rigward, l-enfasi fuq tlieta mill-ħames indikaturi ta’ kontroll li huma msemmija fil-punt 20.15 tiegħu, jiġifieri l-livell ta’ finanzjament, id-“dispożizzjonijiet oħra tal-istrument ta’ aġevolazzjoni” u l-espożizzjoni għar-riskji. |
|
14 |
Sussegwentement, din il-qorti tqis li, minkejja li t-tagħlim liberu ssussidjat huwa prinċipalment iffinanzjat mill-Komunità Franċiża, jew minn amministrazzjoni pubblika, il-kriterju tal-finanzjament ma jippermettix madankollu waħdu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ kontroll pubbliku fuq NPI meta din tal-aħħar tibqa’ kapaċi tiddetermina, b’mod sinjifikattiv, il-politika tagħha jew il-programm tagħha. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti, billi tibbaża ruħha fuq il-punt 77 tas-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, FIG u FISE (C‑612/17 u C‑613/17, EU:C:2019:705), hija tal-fehma li l-kwistjoni tal-kontroll ta’ NPI minn amministrazzjoni pubblika ma tistax tirreferi għall-kwistjoni dwar jekk l-amministrazzjoni pubblika teżerċitax influwenza determinanti fuq il-ġestjoni jew il-kapaċità deċiżjonali tal-unità istituzzjonali inkwistjoni, liema għandha, mid-definizzjoni tagħha stess, awtonomija sħiħa fil-qasam, iżda hija intiża sabiex tiddetermina jekk din l-amministrazzjoni hijiex f’pożizzjoni, minkejja l-eżistenza ta’ tali awtonomija, li tmexxi u li teżerċita forom ta’ restrizzjoni fuq din l-unità istituzzjonali fil-kuntest tad-definizzjoni u tat-twettiq stess tal-għanijiet tagħha, tal-attivitajiet tagħha u tal-orjentamenti strateġiċi tagħha. |
|
15 |
Fl-aħħar nett, skont il-qorti tar-rinviju, id-deċiżjoni tal-ICN li tikklassifika l-awtoritajiet ta’ organizzazzjoni tal-istabbilimenti edukattivi liberi ssussidjati fis-settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi hija bbażata essenzjalment fuq id-diversi obbligi imposti fuqhom sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-finanzjament mogħti mill-Komunità Franċiża. Issa, dawn l-obbligi għandhom jiġu analizzati fid-dawl tal-indikatur ta’ kontroll previst fl-inċiż (h) tal-punt 20.309 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, dwar il-“kontroll permezz ta’ regolazzjoni eċċessiva”. F’dan il-każ, madankollu, skont din il-qorti, għalkemm id-diversi elementi mressqa mill-ICN juru li l-attività tal-assoċjazzjonijiet inkwistjoni hija suġġetta għal leġiżlazzjoni nazzjonali importanti, huwa madankollu diffiċli li din tiġi kklassifikata bħala “eċċessiva”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet f’dan is-sens fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa bl-għan li tikseb kjarifiki dwar dan is-suġġett li l-imsemmija qorti tagħmel l-ewwel domanda preliminari. |
|
16 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-kuntest tat-tieni domanda tagħha, dwar il-portata tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 li jipprevedi, essenzjalment, fl-ewwel sentenza tiegħu, li l-kontroll ta’ amministrazzjoni pubblika fuq NPI huwa ddefinit bħala s-setgħa għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm tagħha, iżda li jipprevedi, fit-tieni sentenza tiegħu, li s-sempliċi intervent pubbliku fil-forma ta’ leġiżlazzjoni ġenerali li tapplika għall-unitajiet kollha fl-istess qasam ta’ attività ma huwiex rilevanti sabiex jiġi deċiż li din l-amministrazzjoni teżerċita l-kontroll tagħha fuq unità individwali. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li d-deċiżjoni tal-ICN hija bbażata wkoll fuq iċ-ċirkustanza li s-sistema legali applikabbli għall-persunal tat-tagħlim liberu ssussidjat hija simili għall-istatut li għalih huwa suġġett il-persunal tat-tagħlim uffiċjali, li min-naħa tiegħu huwa simili għall-istatut tas-servizz pubbliku. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk l-“istatut” applikabbli għall-persunal tat-tagħlim liberu ssussidjat jistax jitqies bħala “regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività”. Fl-affermattiv, skont il-“kriterju negattiv” stabbilit fit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, ikollu jitqies li l-eżistenza ta’ dan l-“istatut” ma hijiex rilevanti sabiex jitqies li l-amministrazzjoni pubblika “teżerċita l-kontroll tagħha fuq unità istituzzjonali”. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li għalkemm l-“istess attività”, fis-sens ta’ din it-tieni sentenza, hija l-qasam tat-tagħlim innifsu, ikollu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minkejja l-apparenza bejn iż-żewġ sistemi legali rispettivament applikabbli għaż-żewġ kategoriji ta’ persunal inkwistjoni, ċertu numru ta’ regoli nazzjonali japplikaw biss għall-persunal tat-tagħlim liberu ssussidjat, mingħajr madankollu ma jkunu speċifiċi għal kull waħda mill-“unitajiet individwali” tagħha li jikkostitwixxu d-diversi awtoritajiet ta’ organizzazzjoni. |
|
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
18 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-inċiż (h) tal-punt 20.309 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “regolazzjoni eċċessiva” leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda n-NPI attivi fil-qasam tat-tagħlim li, filwaqt li huma ssussidjati mill-amministrazzjoni pubblika nazzjonali kompetenti, jibbenefikaw minn libertà ta’ tagħlim iggarantita mill-Kostituzzjoni, meta din il-leġiżlazzjoni tagħti lill-imsemmija amministrazzjoni l-kompitu jew id-dritt li:
|
|
19 |
Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-portata ta’ dawn l-obbligi li huma suġġetti għalihom l-awtoritajiet ta’ organizzazzjoni tat-tagħlim liberu ssussidjat skont il-leġiżlazzjoni Belġjana u sabiex tiddeċiedi jekk dawn għandhomx jitqiesu bħala “eċċessivi” sal-punt li jiddettaw jew jorbtu, fil-fatt, il-politika ġenerali jew il-programm tal-unitajiet tal-qasam ta’ attività kkonċernat fid-dawl tal-kriterji u indikaturi meħtieġa skont is-SEK 2010. |
|
20 |
B’dan il-mod, it-talba tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward hija intiża, fir-realtà, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fir-rigward tal-portata tal-influwenza eżerċitata mill-Komunità Franċiża fil-qasam tal-attività tat-tagħlim issussidjat. |
|
21 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali u hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll li tiddetermina l-portata eżatta tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Schenker, C‑655/18, EU:C:2020:157, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
22 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda tintalab tipprovdi risposta utli lill-qorti nazzjonali, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li saru quddiemha, li huma tali li jippermettu lill-qorti nazzjonali tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Fonds du Logement de la Région de Bruxelles-Capitale, C‑632/18, EU:C:2019:833, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
F’dan il-każ, għandu jitfakkar, preliminarjament, li mill-premessi 1 u 3 kif ukoll mill-punti 1.01 u 1.19 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 isegwi li s-SEK 2010 tistabbilixxi qafas ta’ referenza intiż, għall-bżonnijiet kemm taċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll tal-Unjoni nnifisha, għat-tfassil tal-kontijiet tal-Istati Membri. Dan it-tfassil għandu jsir abbażi ta’ prinċipji uniċi u li ma jistgħux jiġu interpretati b’modi differenti, b’tali mod li jippermetti li jinkisbu riżultati paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, FIG u FISE, C‑612/17 u C‑613/17, EU:C:2019:705, punt 32). |
|
24 |
Għall-finijiet ta’ kontabbiltà tas-SEK 2010, kull unità istituzzjonali, iddefinita, essenzjalment, fil-punti 1.57 u 2.12 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 bħala entità ekonomika kkaratterizzata minn awtonomija deċiżjonali fl-eżerċizzju tal-funzjoni prinċipali tagħha, għandha tkun relatata ma’ wieħed mis-sitt setturi prinċipali identifikati fil-punt 1.34 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, jiġifieri mal-unitajiet domestiċi, mal-amministrazzjonijiet pubbliċi, mal-kumpanniji finanzjarji, mal-kumpanniji mhux finanzjarji, man-NPISH jew mal-bqija tad-dinja (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, FIG u FISE, C‑612/17 u C‑613/17, EU:C:2019:705, punt 33). |
|
25 |
Fit-tilwima fil-kawża prinċipali, l-assoċjazzjonijiet inkwistjoni jikkostitwixxu kull waħda minnhom “unità istituzzjonali”, fis-sens tal-punti 1.57 u 2.12 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013. Għalkemm huma ma jikkontestawx il-klassifikazzjoni tagħhom, mill-qorti tar-rinviju, fil-kategorija ta’ “NPI mhux tas-suq”, fis-sens tal-punti 3.31 u 20.29 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, jeżistu, min-naħa l-oħra, diverġenzi bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-assoċjazzjonijiet inkwistjoni humiex ikkontrollati jew le minn amministrazzjoni pubblika. |
|
26 |
Fl-affermattiv, in-NPI, bħala produttur mhux tas-suq, ser tiġi kklassifikata fis-settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, filwaqt li, fin-negattiv, hija ser tiġi kklassifikata fost in-NPISH. Din il-metodoloġija ta’ klassifikazzjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-qari flimkien tal-punti 1.35, 2.130, 3.31, 20.05 u 20.13 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, FIG u FISE, C‑612/17 u C‑613/17, EU:C:2019:705, punt 34). |
|
27 |
Il-kunċett ġenerali ta’ “kontroll” huwa ddefinit b’mod simili fil-punti 1.36, 20.15, 20.18, 20.306 u 20.309 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 bħala li jkopri s-setgħa jew il-kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali, l-istrateġija jew il-programm ta’ unità jew ta’ entità. Il-punt 20.309 ta’ dan l-anness, li jaqa’ taħt il-parti tal-Kapitolu 20 tiegħu ddedikat għas-settur pubbliku, li jagħmlu parti minnu b’mod partikolari l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-unitajiet jew entitajiet li huma jikkontrollaw, isemmi disa’ indikaturi ta’ kontroll ġenerali li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk unità residenti tistax titqies li hija kkontrollata minn amministrazzjoni pubblika għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha fis-settur pubbliku, fid-dawl tal-fatt li, skont il-punt 20.310 tal-imsemmi anness, uħud minn dawn l-indikaturi jistgħu ma jkunux rilevanti skont il-każ (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, FIG u FISE, C‑612/17 u C‑613/17, EU:C:2019:705, punt 35). |
|
28 |
Il-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-kwistjoni tal-kontroll tan-NPI mill-amministrazzjonijiet pubbliċi u jistabbilixxi ħames indikaturi ta’ kontroll li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk NPI hijiex taħt kontroll pubbliku. Dawn il-ħames indikaturi huma rriprodotti wkoll fil-punt 2.39 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 b’xi varjazzjonijiet ta’ tfassil skont il-verżjonijiet lingwistiċi. Għandu jitqies li, fid-dawl tal-fatt li huma jittrattaw l-istess kwistjoni u jsegwu l-istess għan, jiġifieri li jiġu speċifikati l-indikaturi ta’ kontroll applikabbli għan-NPI, il-punti 2.39 u 20.15 ta’ dan l-anness għandhom, minkejja dawn il-varjazzjonijiet ta’ tfassil, jiġu interpretati b’mod reċiproku u jitqiesu bħala li jifformaw l-istess dispożizzjoni unika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, FIG u FISE, C‑612/17 u C‑613/17, EU:C:2019:705, punt 37). |
|
29 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn il-punt 20.309 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kontroll” għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-limiti tas-settur pubbliku b’mod ġenerali u sa fejn id-dispożizzjoni unika tal-punti 2.39 u 20.15 ta’ dan l-anness tiddefinixxi dan l-istess kunċett sabiex in-NPI li jaqgħu taħt is-settur pubbliku jiġu distinti minn dawk li ma jaqgħux taħtu, dawn iż-żewġ definizzjonijiet għandhom ukoll l-istess għan u għalhekk jistgħu japplikaw, fir-rigward tan-NPI, għall-istess entitajiet. Għaldaqstant, għandu jitqies li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma komplementari u, għalhekk, għandhom jiġu applikati flimkien u b’mod armonizzat sabiex jiġi ddeterminat jekk unità taqax taħt is-settur pubbliku jew taħt is-settur privat u, għaldaqstant, fir-rigward ta’ NPI, jekk din taqax taħt is-settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, konformement mad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-punti 3.31 u 20.13 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, jew inkella jekk din tikkostitwixxix NPISH (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, FIG u FISE, C‑612/17 u C‑613/17, EU:C:2019:705, punt 38). |
|
30 |
F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-assoċjazzjonijiet inkwistjoni humiex ikkontrollati minn amministrazzjoni pubblika, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li enfasizzat il-fatt li l-kriterju tal-finanzjament ma jippermettix, waħdu, li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ kontroll, għażlet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar biss l-interpretazzjoni tal-inċiż (h) tal-punt 20.309 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 u dwar il-kwistjoni jekk id-drittijiet u l-kompiti kollha li l-leġiżlatur nazzjonali attribwixxa lill-Komunità Franċiża għandhomx jitqiesu bħala “kontroll permezz ta’ regolazzjoni eċċessiva”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
31 |
Skont din tal-aħħar, “[m]eta r-regolazzjoni hija tant stretta li tiddetta effettivament il-politika ġenerali tan-negozju, din hija forma ta’ kontroll”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-imsemmija dispożizzjoni tidħol fil-kuntest tal-indikatur ta’ kontroll dwar “id-dispożizzjonijiet tal-istrumenti abilitanti [l-attribuzzjoni tal-kompetenzi ġuridiċi]” jew id-“dispożizzjonijiet oħra tal-istrument ta’ aġevolazzjoni bħall-obbligi fl-istatut tal-NPI”, imsemmi rispettivament fl-inċiż (b) tal-punt 2.39 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 u fl-inċiż (b) tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, sa fejn l-imsemmi indikatur jikkorrispondi għad-diversi eżempji msemmija fl-inċiżi (a) sa (ċ) u (g) sa (i) tal-punt 20.309 ta’ dan l-anness (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, FIG u FISE, C‑612/17 u C‑613/17, EU:C:2019:705, punt 64). |
|
32 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-inċiż (h) tal-punt 20.309 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 isegwi li intervent regolatorju li, indipendentement min-natura ġenerali jew iddettaljata tiegħu, ikun pjuttost intrużiv sabiex jiddetermina, de facto, il-politika ġenerali jew il-programm ta’ unità, jew anki tal-unitajiet kollha, tal-istess qasam ta’ attività jista’ jikkostitwixxi indizju ta’ kontroll (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, FIG u FISE, C‑612/17 u C‑613/17, EU:C:2019:705, punt 48). |
|
33 |
Għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ “kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm” ta’ NPI, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, ġie ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jirrigwarda l-kapaċità ta’ amministrazzjoni pubblika li teżerċita b’mod sostenibbli u permanenti influwenza reali u sostanzjali fuq id-definizzjoni u t-twettiq stess tal-għanijiet tan-NPI, tal-attivitajiet tagħha u tal-aspetti operattivi tagħhom kif ukoll tal-orjentazzjonijiet strateġiċi u tal-linji gwida li n-NPI għandha l-intenzjoni li ssegwi fl-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, FIG u FISE, C‑612/17 u C‑613/17, EU:C:2019:705, punt 90). |
|
34 |
Issa, fid-dawl tal-komplementarjetà tad-dispożizzjonijiet tal-punti 20.15 u 20.309 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, enfasizzata fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, din l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 għandha, kif issostni ġustament il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tapplika wkoll, b’analoġija, għall-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-inċiż (h) tal-punt 20.309 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, li tipprevedi li “[m]eta r-regolazzjoni hija tant stretta li tiddetta effettivament il-politika ġenerali tan-negozju, din hija forma ta’ kontroll”. |
|
35 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li l-inċiż (h) tal-punt 20.309 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, moqri flimkien mal-inċiż (b) tal-punt 2.39 u l-inċiż (b) tal-punt 20.15 tal-imsemmi anness, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda lin-NPI attivi fil-qasam tat-tagħlim li, filwaqt li huma ssussidjati mill-amministrazzjoni pubblika nazzjonali kompetenti, jibbenefikaw minn libertà ta’ tagħlim iggarantita mill-Kostituzzjoni, għandha tiġi kklassifikata bħala “eċċessiva” fis-sens ta’ dan l-inċiż (h) tal-punt 20.309 tal-Anness A meta l-kompiti u d-drittijiet li din il-leġiżlazzjoni tagħti lill-imsemmija amministrazzjoni huma intrużivi biżżejjed sabiex jiddeterminaw, fil-fatt, il-politika ġenerali jew il-programm tal-istabbilimenti edukattivi kkonċernati billi tippermetti li tiġi eżerċitata b’mod sostenibbli u permanenti influwenza reali u sostanzjali fuq id-definizzjoni u t-twettiq innifsu tal-għanijiet ta’ dawn l-unitajiet, l-attivitajiet tagħhom u l-aspetti operattivi tagħhom kif ukoll orjentazzjonijiet strateġiċi u linji gwida li l-imsemmija unitajiet bi ħsiebhom isegwu fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom. |
|
36 |
Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha għarfien dirett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li għandha twettaq, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali u legali rilevanti kollha, il-verifiki neċessarji sabiex jiġi ddeterminat jekk is-setgħat li għandha l-Komunità Franċiża fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet inkwistjoni permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, humiex intrużivi biżżejjed sabiex jiddeterminaw, fil-fatt, il-politika ġenerali jew il-programm tal-assoċjazzjonijiet inkwistjoni, b’mod partikolari għaliex din l-amministrazzjoni hija fdata bid-definizzjoni tal-programmi kif ukoll il-kontenut tal-korsijiet u, għaldaqstant, id-definizzjoni tal-għanijiet tat-tagħlim, jew inkella, jekk l-effett ta’ dawn is-setgħat huwiex limitat, bħalma jargumentaw l-assoċjazzjonijiet inkwistjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, għal sempliċi kontroll eżerċitat a posteriori, nieqes minn effett determinanti fuq il-politika ġenerali jew il-programm skolari jew akkademiku, sa fejn din ma tirrigwardax il-kontenut konkret ta’ tagħlim li madankollu jkun jagħti lok għal ċertifikat li juri li wieħed ikun spiċċa sena skolastika jew akkademika b’suċċess. |
|
37 |
Madankollu u fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq evalwazzjoni tal-indikaturi kollha, inkluż l-indikatur relatat mal-livell ta’ finanzjament, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li din l-evalwazzjoni timplika min-natura tagħha, konformement mal-aħħar sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, li hija “ġudizzjarja” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru2019, FIG u FISE, C‑612/17 u C‑613/17, EU:C:2019:705, punti 87 u 88). Fil-fatt, konformement mal-punt 20.310 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, kull każ ta’ klassifikazzjoni għandu jiġi eżaminat individwalment u dawn l-indikaturi kollha jistgħu ma jkunux rilevanti f’ċerti każijiet, filwaqt li, f’każijiet oħra, diversi indikaturi, meħuda separatament, jistgħu jindikaw flimkien l-eżistenza ta’ kontroll. L-aħħar sentenza tal-punt 2.39 u s-sitt sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tal-imsemmi regolament jistabbilixxu l-istess prinċipju li jipprovdi li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, hija l-verifika ta’ indikaturi meħuda flimkien li tista’ turi l-eżistenza ta’ kontroll. |
|
38 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-inċiż (h) tal-punt 20.309 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, moqri flimkien mal-inċiż (b) tal-punt 2.39 u l-inċiż (b) tal-punt 20.15 ta’ dan l-anness, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “regolazzjoni eċċessiva” leġiżlazzjoni nazzjonali dwar in-NPI attivi fil-qasam tat-tagħlim li, filwaqt li huma ssussidjati mill-amministrazzjoni pubblika nazzjonali kompetenti, jibbenefikaw minn libertà ta’ tagħlim iggarantita mill-Kostituzzjoni, meta din il-leġiżlazzjoni tagħti lill-imsemmija amministrazzjoni l-kompitu jew id-dritt li:
sakemm dawn il-kompiti u drittijiet ikunu suffiċjentement intrużivi sabiex jiddeterminaw, fil-fatt, il-politika ġenerali jew il-programm tan-NPI kkonċernati billi jippermettu li tiġi eżerċitata b’mod sostenibbli u permanenti influwenza reali u sostanzjali fuq id-definizzjoni u t-twettiq stess tal-għanijiet ta’ dawn in-NPI, l-attivitajiet tagħhom u l-aspetti operattivi tagħhom kif ukoll orjentazzjonijiet strateġiċi u l-linji gwida li l-imsemmija NPI beħsiebhom isegwu fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq it-tieni domanda
|
39 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività” leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi sistema legali applikabbli biss għall-membri tal-persunal tan-NPI attivi fil-qasam tat-tagħlim li huma s-suġġett ta’ finanzjament minn amministrazzjoni pubblika. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kull intervent ta’ unità tas-settur pubbliku li jistabbilixxi jew japplika leġiżlazzjoni intiża li tissuġġetta mingħajr distinzjoni u b’mod uniformi l-unitajiet kollha tal-qasam ta’ attività kkonċernat għal regoli globali, wiesgħa u astratti jew għal orjentazzjonijiet ġenerali, mingħajr ma tali leġiżlazzjoni tkun tista’, min-natura tagħha jew min-natura partikolarment “eċċessiva” tagħha, fis-sens tal-inċiż (h) tal-punt 20.309 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, tiddetta, fil-fatt, il-politika ġenerali jew il-programm tal-unitajiet tal-qasam ta’ attività kkonċernat (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, FIG u FISE, C‑612/17 u C‑613/17, EU:C:2019:705, punt 54). |
|
41 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li t-tieni sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, li tipprovdi li “[l]-intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività, mhuwiex rilevanti waqt id-deċiżjoni dwar jekk il-gvern għandux kontroll fuq unità individwali” hija intiża li tneħħi mill-kunċett ta’ “kontroll”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kull intervent ta’ unità tas-settur pubbliku li għandu l-għan li jistabbilixxi jew japplika leġiżlazzjoni intiża li tissuġġetta mingħajr distinzjoni u b’mod uniformi l-unitajiet kollha tal-qasam ta’ attività kkonċernat għal regoli globali, wiesgħa u astratti jew għal orjentazzjonijiet ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, FIG u FISE, C‑612/17 u C‑613/17, EU:C:2019:705, punti 42 u 43). |
|
42 |
F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-“istatut” jipprevedi regoli speċifiċi, applikabbli għall-membri tal-persunal ta’ istituzzjonijiet attivi fil-qasam tat-tagħlim li huma s-suġġett ta’ finanzjament minn amministrazzjoni pubblika. Fil-fatt, kif indikat ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-leġiżlazzjoni li tapplika għall-istabbilimenti edukattivi liberi ssussidjati, inkluż l-“istatut” applikabbli għall-membri tal-persunal, ma tapplikax għall-iskejjel privati li ma jirċevux finanzjament mill-Komunità Franċiża. Bl-istess mod, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-assoċjazzjonijiet inkwistjoni rrilevaw li “l-istandard inkwistjoni” huwa applikabbli biss għall-persunal li l-impjieg tiegħu huwa ssussidjat. Il-qorti tar-rinviju, min-naħa tagħha, tippreċiża li “[m]inkejja li l-qasam tal-attività inkwistjoni huwa t-tagħlim innifsu, għandu jiġi kkonstatat li ċerti regoli dekretali japplikaw biss għall-persunal tat-tagħlim liberu ssussidjat”. |
|
43 |
Issa, f’dan il-każ, il-qasam ta’ attività tat-tagħlim liberu ssussidjat ma jistax jitqies bħala qasam ta’ attività distint minn dak tat-tagħlim pubbliku jew tal-edukazzjoni b’mod ġenerali fil-Belġju. Minn dan isegwi li r-regoli speċifiċi li jikkostitwixxu “statut” applikabbli biss għall-membri tal-persunal tal-istabbilimenti edukattivi liberi ssussidjati ma jirrigwardawx, konsegwentement, il-qasam kollu tal-attività tat-tagħlim, iżda biss il-parti tiegħu kkostitwita min-network libera ssussidjata. Għaldaqstant, peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tapplikax għall-unitajiet kollha li jaqgħu taħt l-istess qasam ta’ attività, jiġifieri t-tagħlim, l-“istatut” ma jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “regolamenti ġenerali”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013. |
|
44 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma taqax taħt il-kunċett ta’ “regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività” leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi sistema legali applikabbli biss għall-membri tal-persunal tan-NPI attivi fil-qasam tat-tagħlim li huma s-suġġett ta’ finanzjament minn amministrazzjoni pubblika. |
Fuq l-ispejjeż
|
45 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.