European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1561

30.7.2025

REGOLAMENT (UE) 2025/1561 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Lulju 2025

li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1542 fir-rigward tal-obbligi tal-operaturi ekonomiċi li jikkonċernaw il-politiki ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jimponi obbligi ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji fuq l-operaturi ekonomiċi li jkopru l-akkwist, l-ipproċessar u n-negozjar tal-kobalt, tal-grafit naturali, tal-litju u tan-nikil użati għall-manifattura tal-batteriji. Dawk l-obbligi ta’ diliġenza dovuta għandhom jiġu applikati mit-18 ta’ Awwissu 2025.

(2)

Fi żmien meta x-xenarju ġeopolitiku qed ikompli jinbidel, jeħtieġ li jingħelbu diversi sfidi, inkluż fir-rigward tal-akkwist tal-materja prima. B’riżultat ta’ dan, il-manifatturi tal-batteriji jeħtieġu ż-żmien biex janalizzaw u, fejn meħtieġ, jaġġustaw il-ktajjen ta’ provvista tagħhom.

(3)

L-obbligi ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji stipulati fir-Regolament (UE) 2023/1542 jinkludu rekwiżiti li jkopru l-verifika minn partijiet terzi minn korpi notifikati. Madankollu, il-ħatra ta’ tali korpi notifikati qed tieħu aktar żmien milli mistenni. L-iskemi ta’ diliġenza dovuta rikonoxxuti mill-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/1542 jiffaċilitaw il-ħidma tal-operaturi ekonomiċi u tal-korpi notifikati. Madankollu, l-iskemi ta’ diliġenza dovuta li jindirizzaw il-materja prima preżenti fil-batteriji għad iridu jiġu żviluppati u implimentati aktar, u sussegwentement jgħaddu mill-proċess ta’ rikonoxximent tal-ekwivalenza tagħhom mill-Kummissjoni.

(4)

Sabiex jingħata biżżejjed żmien għan-notifika tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u sabiex l-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu batteriji fis-suq ikunu f’pożizzjoni li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom, id-data tal-applikazzjoni tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji stipulata fir-Regolament (UE) 2023/1542 jenħtieġ li tiġi posposta b’sentejn.

(5)

Id-Direttiva (UE) 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi regoli u obbligi sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji jidentifikaw u jindirizzaw l-impatti negattivi reali u potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq l-ambjent fl-operazzjonijiet tal-kumpanija stess, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom u, meta relatati mal-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, l-operazzjonijiet tas-sħab kummerċjali tagħhom.

(6)

Il-Kummissjoni għandha tippubblika, f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/1542, linji gwida fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta tal-batteriji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2024/1760, linji gwida fir-rigward tal-gwida u tal-aħjar prattiki dwar kif titwettaq id-diliġenza dovuta. Minħabba li l-konsistenza bejn ir-Regolament (UE) 2023/1542 u d-Direttiva (UE) 2024/1760 hija importanti għall-kumpaniji fil-katina tal-provvista tal-batteriji, jenħtieġ li d-dati rispettivi għall-pubblikazzjoni u d-disponibbiltà ta’ dawk il-linji gwida jiġu armonizzati.

(7)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jikkontribwixxi għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern, filwaqt li jipprevjeni u jnaqqas l-impatti negattivi tal-batteriji u tal-iskart ta’ batteriji fuq l-ambjent u li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(8)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2023/1542 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(9)

Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni u biex tiġi pprovduta ċertezza legali mill-iktar fis possibli, jitqies li huwa xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l- Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(10)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2023/1542

L-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) 2023/1542 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, id-data “Mit-18 ta’ Awwissu 2025” hija sostitwita b’“Mit-18 ta’ Awwissu 2027”;

(b)

fil-paragrafu 5, id-data “Sat-18 ta’ Frar 2025” hija sostitwita b’“Sas-26 ta’ Lulju 2026”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)  Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2025.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1542/oj).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar id-diliġenza dovuta korporattiva dwar is-sostenibbiltà u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u r-Regolament (UE) 2023/2859 (ĠU L, 2024/1760, 5.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1760/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1561/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)