SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja)

10 ta’ Settembru 2025 ( *1 )

“Ambjent – Regolament Delegat (UE) 2022/1214 – Tassonomija – Attivitajiet ekonomiċi tagħhom relatati mal-gass fossili u l-enerġija nukleari – Inklużjoni f’attivitajiet ekonomiċi sostenibbli – Investimenti – Kontribut għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju f’konformità mal-mira ta’ 1.5 C tal-Ftehim ta’ Pariġi – Mira ta’ emissjonijiet żero netti minn issa sal-2050 – Kontribut tal-programm għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih – Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (UE) 2020/852 – Kunċett ta’ ‘attività b’livell baxx ta’ karbonju’ – Ħsara sinjifikattiva għall-għanijiet ambjentali – Riskji relatati ma’ aċċidenti serji tar-reattur – Riskji ta’ skart radjuattiv ta’ intensità għolja – Riskji ta’ nixfa u perikli klimatiċi – Prinċipju ta’ prekawzjoni – Kriterji tekniċi ta’ skrinjar – Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Artikolu 290 TFUE – Kunċett ta’ ‘elementi essenzjali’ ta’ att leġiżlattiv – Provi xjentifiċi – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑625/22,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn M. Klamert u F. Koppensteiner, bħala aġenti, assistiti minn S. Lünenbürger, K. Reiter u M. Kottmann, avukati,

rikorrent,

sostnuta minn

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn A. Germeaux u T. Schell, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Ladenburger, R. Tricot, G. von Rintelen, C. Auvret u B. De Meester, bħala aġenti,

konvenut,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata minn T. Mitova u S. Ognianova Ruseva, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn J. Vláčil, u L. Dvořáková, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn T. Stéhelin, B. Fodda u M. de Lisi, bħala aġenti,

minn

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, M. Rzotkiewicz u K. Rudzińska, bħala aġenti,

minn

Ir-Rumanija, irrappreżentata minn E. Gane, M. Chicu u O.-C. Ichim, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tas-Slovenja, irrappreżentata minn A. Grum u B. Jovin Hrastnik, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tas-Slovakkja, irrappreżentata minn E. Larišová, bħala aġent,

u minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Leppo, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja),

komposta minn M. van der Woude, President, S. Papasavvas, Viċi President, A. Marcoulli, J. Costeira, O. Porchia, M. Kancheva, U. Öberg, G. De Baere, T. Pynnä, J. Laitenberger, G. Steinfatt, D. Petrlík, P. Zilgalvis (Relatur), E. Tichy-Fisslberger, L. Spangsberg Grønfeldt, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑10 ta’ Settembru 2024 u r-risposta tal-Kummissjoni ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Settembru 2024,

wara s-seduta tal‑21 u tat‑22 ta’ Ottubru 2024, li matulha ġew ippreżentati osservazzjonijiet mir-Repubblika tal-Awstrija dwar din ir-risposta,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-Repubblika tal-Awstrija titlob l-annullament tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1214 tad‑9 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi f’ċerti setturi tal-enerġija u r-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 fir-rigward ta’ divulgazzjonijiet pubbliċi speċifiċi għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi (ĠU 2022, L 188, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”)

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Fit‑18 ta’ Ġunju 2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament (UE) 2020/852, dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU 2020, L 198, p. 13, rettifika fil-ĠU 2022, L 156, p. 159) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar it-Tassonomija”).

3

Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament dwar it-Tassonomija jistabbilixxi l-kriterji biex jiġi determinat jekk attività ekonomika tikkwalifikax bħala ambjentalment sostenibbli għall-finijiet tal-istabbiliment tal-grad ta’ sostenibbiltà ambjentali ta’ investiment. Skont il-premessa 3 tiegħu, dan ir-regolament jikkostitwixxi pass essenzjali sabiex il-flussi finanzjarji jiġu diretti lejn attivitajiet sostenibbli sabiex tinkiseb Unjoni Ewropea klimatikament newtrali sal-2050.

4

Għal dan l-għan, ir-Regolament dwar it-Tassonomija jistabbilixxi, kif jirriżulta mill-premessi 6 u 12 tiegħu, sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata għal attivitajiet sostenibbli, li tarmonizza fil-livell tal-Unjoni l-kriterji biex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika hijiex ambjentalment sostenibbli, li tagħti lill-investituri u lil operaturi ekonomiċi oħra fehim kondiviż tal-attivitajiet ekonomiċi li huma ambjentalment sostenibbli.

5

Fl‑4 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139 tal‑4 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika tikkwalifika bħala attività li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dik l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-għanijiet ambjentali l-oħra (ĠU 2021, L 442, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 178, p. 10).

6

Fid‑9 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat, li għandu b’mod partikolari l-għan li jistabbilixxi kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġu inklużi ċerti attivitajiet tas-setturi tal-enerġija nukleari u tal-gass fossili fil-kategorija tal-attivitajiet meqjusa li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima abbażi tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, u fil-kategorija tal-attivitajiet meqjusa bħala li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima, abbażi tal-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem il-“kriterji tekniċi ta’ skrinjar”).

It-talbiet tal-partijiet

7

Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla r-Regolament ikkontestat;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

8

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Bulgarija, mir-Repubblika Ċeka, mir-Repubblika Franċiża, mill-Ungerija, mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Rumanija, mir-Repubblika tas-Slovenja, mir-Repubblika Slovakka u mir-Repubblika tal-Finlandja, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors; u

–

tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

Id-dritt

9

Insostenn tar-rikors, ir-Repubblika tal-Awstrija tqajjem sittax-il motiv.

10

Minn naħa, l-ewwel tmien motivi jikkonċernaw l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mas-settur tal-enerġija nukleari.

11

B’mod partikolari, l-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tar-regoli proċedurali tar-Regolament dwar it-Tassonomija u tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU 2021, L 243, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Ewropea dwar il-Klima”).

12

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(2) u tal-Artikolu 19(1)(f) u (g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

13

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 17 tal-Artikolu 19(1)(f) u (g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

14

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija fid-dawl tad-diversi kriterji tekniċi ta’ skrinjar, tal-Artikolu 19(1)(f) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

15

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11 tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

16

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(k) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

17

Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-iskop kif ukoll l-effett utli tar-Regolament dwar it-Tassonomija minħabba r-riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq.

18

It-tmien motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 290 TFUE.

19

Min-naħa l-oħra, it-tmien motivi l-oħra jikkonċernaw l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mas-settur tal-gass fossili.

20

B’mod partikolari, id-disa’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament dwar it-Tassonomija u tal-Artikolu 6(4) tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima.

21

Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(2) u tal-Artikolu 19(1)(f) u (g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

22

Il-ħdax-il motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika stabbilit fl-Artikolu 19(1)(a) u (j) tar-Regolament dwar it-Tassonomija u tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet.

23

It-tnax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 17 u tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

24

It-tlettax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11 tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

25

L-erbatax-il motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(i) tar-Regolament dwar it-Tassonomija sa fejn l-inklużjoni tal-attivitajiet relatati mal-gass fossili fit-tassonomija tinvolvi riskju ta’ ħolqien ta’ assi mhux rekuperabbli.

26

Il-ħmistax-il motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(k) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

27

Is-sittax-il motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-għan u tal-effett utli tar-Regolament dwar it-Tassonomija minħabba r-riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq.

28

Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina, preliminarjament, l-ewwel u d-disa’ motiv, meħuda flimkien. Fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari, il-Qorti Ġenerali ser teżamina t-tmien u t-tieni motiv, sussegwentement it-tielet u r-raba’ motiv, meħuda flimkien, u, fl-aħħar nett, il-ħames, is-sitt u s-seba’ motiv.

29

Fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mas-settur tal-gass fossili, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li l-ewwel teżamina l-għaxar motiv, imbagħad il-ħdax-il sas-sittax-il motiv.

Osservazzjonijiet preliminari fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju

30

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li l-motivi huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tar-Regolament dwar it-Tassonomija, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita stħarriġ ġudizzjarju komplet.

31

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

32

Għandu jitfakkar li, meta istituzzjoni tal-Unjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ evalwazzjonijiet kumplessi, l-istħarriġ ġudizzjarju li l-qorti tal-Unjoni għandha teżerċita fuq il-fondatezza ta’ att adottat fl-eżerċizzju ta’ tali setgħa ma għandux iwassalha sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-istituzzjoni inkwistjoni bl-evalwazzjoni tagħha stess, iżda huwa intiż sabiex jiġi vverifikat li dan l-att ma huwiex ibbażat fuq fatti materjalment ineżatti u li ma huwa vvizzjat minn ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais,C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ setgħa delegata skont it-tifsira tal-Artikolu 290 TFUE, il-Kummissjoni għandha, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa meta tintalab, b’mod partikolari, twettaq evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan ir-rigward, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fil-fatt, meta istituzzjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, hija ta’ importanza fundamentali l-osservanza tal-garanziji proċedurali, li fosthom hemm l-obbligu tagħha li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ liġi, il-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ sħiħ, li jinkludi l-interpretazzjoni li għandha ssir ta’ dispożizzjonijiet legali abbażi ta’ elementi oġġettivi kif ukoll il-verifika dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni humiex issodisfatti jew le (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2024, Sveza Verkhnyaya Sinyachikha et vs Il‑Kummissjoni, T‑2/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:615, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata)

37

Barra minn hekk, fir-rigward tal-eżami li tagħmel il-qorti tal-Unjoni dwar l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja att ta’ istituzzjoni, għandu jiġi ppreċiżat li, sabiex jiġi stabbilit jekk dik l-istituzzjoni wettqitx żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti, li huwa ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tal-att imsemmi, il-provi mressqa mir-rikorrent għandhom ikunu biżżejjed sabiex l-evalwazzjoni tal-fatti sostnuti fl-att inkwistjoni jitqiesu implawżibbli (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Lubrizol France vs Il‑Kunsill, C‑223/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:442, punt 39; tas‑7 ta’ Mejju 2020, BTB Holding Investments u Duferco Participations Holding vs Il-Kummissjoni, C‑148/19 P, EU:C:2020:354, punt 72, u tas‑17 ta’ Mejju 2018, Bayer CropScience et vs Il‑Kummissjoni, T‑429/13 u T‑451/13, EU:T:2018:280, punt 145).

38

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-motivi invokati mir-Repubblika tal-Awstrija.

Fuq l-ewwel u d-disa’ motiv, ibbażati fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet proċedurali li jinsabu fir-Regolament dwar it-Tassonomija u tal-Artikolu 6(4) tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima

39

Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, issostni, essenzjalment, li r-Regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tad-dispożizzjonijiet proċedurali previsti mir-Regolament dwar it-Tassonomija għall-adozzjoni ta’ att delegat, b’mod partikolari dawk dwar l-istabbiliment tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, u mill-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU 2016, L 123, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Interistituzzjonali”), kif ukoll bi ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(4) tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima.

40

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Bulgarija, mir-Repubblika Ċeka, mir-Repubblika Franċiża, mill-Ungerija, mir-Repubblika tal-Polonja, u mir-Rumanija, tikkontesta dan l-argument.

41

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, il-Kummissjoni għandha tiġbor l-għarfien espert kollu neċessarju, qabel l-adozzjoni u matul it-tħejjija tal-atti delegati, inkluż permezz tal-konsultazzjoni tal-Grupp ta’ Esperti eżistenti tal-Istati Membri dwar il-Finanzjament Sostenibbli (iktar ’il quddiem il-“Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri”) imsemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

42

Barra minn hekk, skont din id-dispożizzjoni, qabel l-adozzjoni ta’ att delegat, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’konformità mal-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali.

43

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-Artikolu 10(4) u l-Artikolu 11(4) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, qabel l-adozzjoni ta’ att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Pjattaforma dwar Finanzi Sostenibbli (iktar ’il quddiem il-“pjattaforma”) imsemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament dwar it-Tassonomija fir-rigward tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar.

44

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, il-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar ir-rilevanza tal-kriterji tekniċi ta’ eżami u dwar l-approċċ meħud mill-pjattaforma fir-rigward tal-iżvilupp ta’ dawn il-kriterji.

45

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2139, il-Grupp ta’ Esperti Tekniċi dwar il-Finanzi Sostenibbli (iktar ’il quddiem it-“TEG”), li nħoloq mill-Kummissjoni sabiex jgħinha tfassal it-tassonomija, għamel rakkomandazzjonijiet dwar il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar relatati mal-attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu sostanzjalment għaż-żewġ għanijiet ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 9(a) u (b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. It-TEG ippubblika żewġ verżjonijiet provviżorji tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rapporti tiegħu ta’ Diċembru 2018 u ta’ Ġunju 2019. Kull wieħed minn dawn iż-żewġ rapporti kien is-suġġett ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi. Ir-rapport finali tat-TEG ġie ppubblikat f’Marzu 2020, flimkien ma’ anness tekniku.

46

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppubblikat l-analiżi tal-impatt fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2139 f’Marzu 2020, li dwarha setgħu jiġu fformulati osservazzjonijiet sal-aħħar tax-xahar ta’ April 2020 il-possibbiltà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet. Barra minn hekk, l-abbozz tar-Regolament Delegat 2021/2139 ġie ppubblikat fuq is-sit internet “Tfassil aħjar tal-liġijiet” għal perijodu ta’ riċezzjoni tar-ritorni ta’ erba’ ġimgħat (mill‑20 ta’ Novembru sat‑18 ta’ Diċembru 2020), ġie evalwat mill-pjattaforma f’Diċembru 2020 u ġie ppreżentat lill-esperti tal-Istati Membri matul diversi laqgħat tal-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri bejn Diċembru 2020 u Marzu 2021. Fl‑4 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat l-evalwazzjonital-impatt fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2139 (SWD (2021) 152 final).

47

Barra minn hekk, fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, matul is-sajf tal-2020, id-Direttorat Ġenerali “Stabbiltà finanzjarja, servizzi finanzjarji u Unjoni tas-Swieq Kapitali” (FISMA) tal-Kummissjoni talab liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (iktar ’il quddiem il-“JRC”) iwettaq xogħlijiet tekniċi iktar fil-fond fuq il-kriterju, imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, li jgħid li, sabiex titqies bħala ambjentalment sostenibbli, l-attività ekonomika ma għandhiex “tagħm[el] ħsara sinifikanti” lil wieħed mill-għanijiet ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem il-“kriterju DNSH”) għall-enerġija nukleari, kif kien irrakkomanda t-TEG. Il-JRC eżamina l-evalwazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija nukleari skont il-kriterju DNSH filwaqt li qies l-effetti taċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-enerġija nukleari fuq l-impatti ambjentali attwali u potenzjali għall-għanijiet kollha. Fid‑19 ta’ Marzu 2021, huwa stabbilixxa rapport dwar ir-riżultati tal-eżami komplet (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-JRC”), u l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ Regolament ikkontestat tiġbor fil-qosor il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport.

48

Wara r-rapport tal-JRC, il-grupp ta’ esperti msemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom ta, fit‑28 ta’ Ġunju 2021, opinjoni favorevoli għar-rapport tal-JRC, kif huwa indikat fl-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tar-Regolament ikkontestat. Il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Sanitarji, Ambjentali u Emerġenti (iktar ’il quddiem is-“SCHEER”) ta wkoll opinjoni, fid‑29 ta’ Ġunju 2021, dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-JRC.

49

Fl-ewwel lok, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Ftehim Interistituzzjonali, b’mod partikolari fil-punti 4 et seq. tal-anness tiegħu, l-abbozz ta’ Regolament ikkontestat intbagħat tardivament, b’mod intempestiv (fil‑31 ta’ Diċembru 2021 filgħaxija), u ġie akkumpanjat minn terminu għal tweġiba qasir wisq (li kien jiskadi inizjalment fit‑12 ta’ Jannar 2022, imbagħad, wara estensjoni qasira, fil‑21 ta’ Jannar 2022). Għaldaqstant, l-Istati Membri ma kellhomx terminu suffiċjenti sabiex jippreparaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 4 tal-Anness tal-Ftehim Interistituzzjonali, l-esperti tal-Istati Membri għandhom jiġu kkonsultati fi żmien xieraq dwar kull abbozz ta’ att delegat imħejji mis-servizzi tal-Kummissjoni.

51

Barra minn hekk, fil‑31 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet l-abbozz ta’ Regolament ikkontestat lill-pjattaforma u lill-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri.

52

Il-pjattaforma ppubblikat ir-rispons finali tagħha fuq is-sit internet tagħha fl‑24 ta’ Jannar 2022.

53

Fl‑10 ta’ Jannar 2022, inżammet laqgħa tal-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri, li matulha l-Istati Membri setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-abbozz tar-Regolament ikkontestat.

54

Il-grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri ngħata sas‑26 ta’ Jannar 2022 sabiex jifformulaw l-osservazzjonijiet dwar ir-reazzjonijiet tal-pjattaforma.

55

Fid-dawl tal-fatt li l-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari u l-attivitajiet marbuta mal-gass fossili kienu diġà s-suġġett ta’ analiżijiet preliminari fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2139, u li l-kwistjoni tal-effett ta’ dawn l-attivitajiet fuq l-ambjent hija s-suġġett ta’ diversi perizji eżistenti, bħar-rapport tal-JRC u l-opinjoni tal-grupp ta’ esperti, tat-28 ta’ Ġunju 2021, imsemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom, ma hijiex kompletament ġdida, għandu jiġi kkonstatat li t-terminu ta’ 12-il jum, estiż għal 21 jum, li l-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri u l-Pjattaforma kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-abbozz ta’ att delegat kien jikkostitwixxi perijodu suffiċjenti sabiex jifformulaw osservazzjonijiet.

56

Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, minn naħa, l-esperti kellhom għarfien minn qabel tas-suġġett, sa fejn huma kienu diġà fformulaw osservazzjonijiet, waqt laqgħa ta’ Mejju 2020, dwar ir-rakkomandazzjonijiet tat-TEG imsemmija fil-punt 45 iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, la l-pjattaforma u lanqas il-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri ma kkunsidraw li t-terminu estiż kien insuffiċjenti.

57

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li bagħtet l-abbozz ta’ Regolament ikkontestat fil‑31 ta’ Diċembru 2021, u dan iktar u iktar peress li t-terminu mogħti lill-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri u lill-pjattaforma sabiex jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-abbozz ta’ att delegat ġie estiż sal‑21 ta’ Jannar 2022.

58

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-Istati Membri ġew ikkonsultati fi żmien xieraq dwar l-abbozz ta’ Regolament ikkontestat, konformement mal-punt 4 tal-Anness tal-Ftehim Interistituzzjonali.

59

Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġi kkritikata li fl-istess ħin bagħtet l-abbozz ta’ Regolament ikkontestat lill-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri u lill-pjattaforma, peress li l-Kummissjoni tat lill-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri l-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-rispons tal-pjattaforma. F’dan ir-rigward, il-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri ngħata terminu sas‑26 ta’ Jannar 2022 sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-reazzjoni tal-pjattaforma, li kienet ġiet ippubblikata fuq is-sit internet tagħha fl‑24 ta’ Jannar 2022, jiġifieri jumejn qabel.

60

Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li ma kienx hemm laqgħa mal-esperti tal-Istati Membri, filwaqt li l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ opinjoni bil-miktub ma kinux issodisfatti sa fejn ir-Regolament ikkontestat ma kienx jinkludi emenda tar-Regolament Delegat 2021/2139, iżda “żieda” li tirrigwarda kwistjonijiet kompletament ġodda, b’mod partikolari d-definizzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi kif ukoll id-determinazzjoni ta’ kriterji u ta’ limiti kompletament ġodda, li jeħtieġu konsultazzjoni ġdida mal-Istati Membri.

61

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li saret laqgħa virtwali fl-10 ta’ Jannar 2022, b’tali mod li effettivament saret laqgħa mal-esperti tal-Istati Membri dwar l-attivitajiet koperti mir-Regolament ikkontestat. Barra minn hekk, il-Ftehim Interistituzzjonali ma jipprekludix li l-esperti jiġu kkonsultati permezz ta’ proċedura bil-miktub.

62

Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli ddefinixxiet il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar mingħajr ma żgurat konsultazzjoni ġdida tal-pubbliku u analiżi tal-impatt wara l-analiżijiet addizzjonali mwettqa fir-rapport tal-JRC.

63

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali, il-Kummissjoni ser twettaq analiżi tal-impatt tal-atti delegati tagħha li x’aktarx ikollhom impatt ekonomiku, ambjentali jew soċjali sinifikanti, u se twettaq konsultazzjonijiet kemm jista’ jkun wiesgħa.

64

Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li obbligu li titwettaq analiżi tal-impatt tar-regolamenti delegati fiċ-ċirkustanzi kollha ma jirriżultax mill-formulazzjoni tal-punti 12 sa 15 tal-Ftehim Interistituzzjonali. (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punti 82 sa 85, u tal‑5 ta’ Lulju 2023, TIB Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑639/20, mhux ippubblikata, EU:T:2023:374, punt 206).

65

Barra minn hekk, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali, il-Kummissjoni timpenja ruħha li tiġbor l-għarfien espert kollu meħtieġ qabel l-adozzjoni ta’ atti delegati, inkluż permezz tal-konsultazzjoni mal-esperti tal-Istati Membri u permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi.

66

Il-punt 6 tal-Anness tal-Ftehim Interistituzzjonali jindika min-naħa tiegħu li l-preparazzjoni u t-tfassil tal-atti delegati jistgħu wkoll jagħtu lok għal konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, b’tali mod li l-Kummissjoni ma hijiex fi kwalunkwe każ obbligata twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi.

67

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 45 u 46 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-impatt fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2139 u t-TEG adotta żewġ rapporti dwar il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar relatati mal-attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu sostanzjalment għaż-żewġ għanijiet ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 9(a) u (b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Din l-analiżi tal-impatt u l-imsemmija rapporti kienu s-suġġett ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni tal-impatt u dawn il-konsultazzjonijiet mal-pubbliku twettqu meta diġà kien previst li jiġu stabbiliti kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-attivitajiet ekonomiċi relatati mal-enerġija nukleari.

68

Barra minn hekk, l-analiżi tal-impatt fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2139 [SWD (2021) 152 final] kienet tindika, fil-paġna 23, li, fir-rigward tal-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari, l-għażla kienet tikkonsisti fit-tkomplija tax-xogħlijiet tekniċi fuq il-kriterju DNSH.

69

Kif jirriżulta mill-premessa 3 tar-Regolament ikkontestat, l-istabbiliment ta’ kriterji tekniċi ta’ skrinjar għal dawn l-attivitajiet ġie sussegwentement pospost fl-istennija ta’ perizja fil-fond.

70

Issa, ir-rapporti ta’ esperti u l-konsultazzjonijiet tal-pubbliku, imwettqa fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2139, kienu diġà jinkludu l-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari, b’tali mod li r-Regolament ikkontestat jagħmel parti mill-kontinwità tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, huma wasslu lill-Kummissjoni sabiex twettaq analiżijiet addizzjonali fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

71

L-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari kienu ġew analizzati wkoll fl-anness tekniku tar-rapport finali tat-TEG li serva bħala bażi, kemm għat-tfassil tar-Regolament Delegat 2021/2139 kif ukoll tar-Regolament ikkontestat.

72

Għalhekk, fid-dawl tal-elementi mfakkra fil-punti 45 sa 48 iktar ’il fuq, mill-istadji proċedurali differenti li wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2139, u sussegwentement għal dik tar-Regolament ikkontestat, jirriżulta li dan tal-aħħar jaqa’ taħt il-kontinwità tal-ewwel wieħed. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2139, it-TEG kien ħa inkunsiderazzjoni l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari u kien irrakkomanda t-twettiq ta’ studji oħra, li twettqu fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

73

Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet validament tibbaża ruħha fuq il-perizji mwettqa fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2139 għall-finijiet tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, sa fejn, mhux biss iż-żewġ regolamenti delegati għandhom l-għan li jikkompletaw ir-Regolament dwar it-Tassonomija, iżda wkoll il-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni tagħhom jikkomplementaw lil xulxin f’dak li jirrigwarda l-eżami tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari. Għalhekk, b’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, għall-finijiet tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq l-analiżi tal-impatt u l-konsultazzjoni tal-pubbliku mwettqa għall-finijiet tal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2139, mingħajr ma tkun obbligata twettaq analiżi tal-impatt u konsultazzjoni tal-pubbliku addizzjonali u speċifiċi wara l-analiżi addizzjonali mwettqa fir-rapport tal-JRC, sa fejn l-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari kienu diġà s-suġġett ta’ analiżi tal-impatt u ta’ konsultazzjoni tal-pubbliku.

74

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li ma kienx neċessarju li titwettaq analiżi tal-impatt u konsultazzjoni tal-pubbliku addizzjonali u speċifiċi wara l-analiżi komplementari tal-osservanza tal-kriterju DNSH mill-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari mwettqa fir-rapport tal-JRC.

75

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument ifformulat fil-punt 30 tan-nota ta’ intervent tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li l-assenza ta’ konsultazzjoni ġdida tal-pubbliku tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU 2005, L 124, p. 4), għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 ta’ dan l-istess statut, it-talbiet tar-rikors għal intervent jista’ jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali fil-kawża. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 142(3) tar-Regoli tal-Proċedura l-Qorti Ġenerali, l-intervenjent jaċċetta l-kawża fl-istat li tkun tinsab fih fil-mument tal-intervent tiegħu.

76

Għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li intervenjent jippreżenta argumenti ġodda jew differenti minn dawk tal-parti li hija ssostni, għax inkella l-intervent tiegħu jkun limitat għal repetizzjoni tal-argumenti mressqa fir-rikors, ma jistax jiġi aċċettat li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettulu jemenda jew jiddeforma il-kuntest tal-kawża ddefinit mir-rikors billi jitqajmu motivi ġodda (sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2021, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), T‑612/17, EU:T:2021:763, punt 192, u tat‑2 ta’ Ottubru 2024, ACE vs Il‑Kunsill, T‑828/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:672, punt 44).

77

Peress li r-Repubblika tal-Awstrija ma invokatx motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, dan l-argument huwa għalhekk inammissibbli.

78

Fil-ħames lok, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, issostni li l-limiti ta’ 270 gramma (g) tal-ekwivalenti CO2 (Co2eq) għall-kilowatt fis-siegħa (kWh) u tal-medja annwali ta’ 550 kilogramma (kg) ta’ CO2eq għal kilowatt (kW) fuq 20 snin stabbiliti għall-klassifikazzjoni tal-gass fossili bħala attività tranżitorja fis-sens tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija ma kienu s-suġġett ta’ ebda analiżi tal-impatt jew ta’ ebda konsultazzjoni pubblika.

79

Madankollu, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 46 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-impatt fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2139 u t-TEG adotta żewġ rapporti. Din l-analiżi tal-impatt u l-imsemmija rapporti kienu s-suġġett ta’ konsultazzjonijiet mal-pubbliku u twettqu meta diġà kien previst li jiġu stabbiliti kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili.

80

Issa, ir-rapporti ta’ esperti u l-konsultazzjonijiet tal-pubbliku, imwettqa fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2139, kienu diġà jinkludu l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili. Barra minn hekk, huma wasslu lill-Kummissjoni sabiex twettaq analiżijiet addizzjonali fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat. Barra minn hekk, il-analiżi tal-impatt fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2139 (SWD (2021) 152 final) kienet issemmi, fil-paġna 146, in-neċessità ta’ xogħlijiet addizzjonali għall-attivitajiet marbuta mal-gass fossili.

81

Barra minn hekk, l-attivitajiet ekonomiċi relatati mal-gass fossili kienu ġew analizzati fl-anness tekniku tar-rapport finali tat-TEG.

82

Sa fejn is-settur tal-gass fossili kien is-suġġett tal-fażi preparatorja tar-Regolament Delegat 2021/2139, u minħabba l-kontinwità bejn dan ir-regolament u r-Regolament ikkontestat, imfakkra fil-punt 72 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma wettqitx analiżi tal-impatt ġdida jew konsultazzjoni pubblika ġdida dwar dan is-settur.

83

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li ma kienx neċessarju li titwettaq analiżi tal-impatt u konsultazzjoni tal-pubbliku addizzjonali u speċifiċi dwar il-limiti ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kW.

84

Fis-sitt lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-Regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tal-Artikolu 6(4) tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, peress li l-Kummissjoni la wettqet evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tiegħu mal-għan ta’ newtralità klimatika msemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi u mal-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni għall-2030 u għall-2040 qabel l-adozzjoni tagħha, u lanqas ippubblikat ir-riżultati jew irrilevat ir-raġunijiet għal tali evalwazzjoni.

85

Għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 6(4) tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-konsistenza ta’ kwalunkwe abbozz ta’ miżura jew proposta leġiżlattiva, inklużi l-proposti baġitarji, mal-għan tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) u l-miri klimatiċi tal-Unjoni għall-2030 u l-2040 qabel ma dawn jiġu adottati, u għandha tinkludi dik l-evalwazzjoni fi kwalunkwe analiżi tal-impatt li takkumpanja dawn il-miżuri jew dawn il-proposti, u tagħmel ir-riżultati ta’ dik il-evalwazzjoni disponibbli pubblikament meta dawn jiġu adottati. Il-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll jekk dawk l-abbozzi ta’ miżuri jew proposti leġiżlattivi, inklużi l-proposti baġitarji, jiggarantixxux it-titjib tal-adattament skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija liġi.

86

L-Artikolu 6(4) tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima ma jipprevedix forma speċifika għall-evalwazzjoni li hija tipprevedi. Għalhekk, l-għan ewlieni ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi żgurat li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni infurmata dwar il-konsistenza ta’ abbozz ta’ miżura mal-għanijiet tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima.

87

Issa, l-osservanza ta’ dan l-għan essenzjali tista’ tiġi żgurata permezz tal-verifika, mill-Kummissjoni, li r-rekwiżiti speċifiċi tar-Regolament dwar it-Tassonomija, b’mod partikolari tal-Artikolu 10 tiegħu, li jirregola l-kontribuzzjoni sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, jittieħdu inkunsiderazzjoni.

88

Fil-fatt, l-Artikolu 2(1) tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, li jiddefinixxi l-għan tan-newtralità klimatika, jaqra kif ġej:

“L-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra madwar l-Unjoni rregolati mil-liġi tal-Unjoni għandhom jiġu bbilanċjati fi ħdan l-Unjoni sa mhux iktar tard mill-2050, biex b’hekk l-emissjonijiet netti jitnaqqsu għal żero sa dik id-data, u l-Unjoni għandu jkollha l-għan li sussegwentement tikseb emissjonijiet negattivi.”

89

Il-premessa 24 tar-Regolament dwar it-Tassonomija tipprevedi, min-naħa tagħha, li attività ekonomika li ssegwi l-għan ambjentali ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima għandha tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-istabbilizzazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem il-“GS”) billi tevita jew tnaqqas dawn l-emissjonijiet jew billi ssaħħaħ l-assorbimenti tal-GS.

90

L-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jispeċifika wkoll li attività għandha titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima meta tippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, inkluż billi telimina gradwalment l-emissjonijiet ta’ GS.

91

Minn dan isegwi li l-għan tan-newtralità klimatika tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima huwa simili għall-għan ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima implimentat mir-Regolament dwar it-Tassonomija, sa fejn dawn iż-żewġ atti huma mmirati lejn it-tnaqqis jew it-tneħħija tal-emissjonijiet ta’ GS.

92

Issa, l-analiżi tal-impatt tar-Regolament Delegat 2021/2139 u l-analiżijiet xjentifiċi tal-kontribut tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari u mal-gass fossili għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalih, kif ukoll l-analiżi xjentifika tal-osservanza tal-kriterju DNSH minn dawn l-attivitajiet, imwettqa bl-għan tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat sabiex jitkejjel il-kontribut potenzjali ta’ dawn l-attivitajiet għall-għan ta’ tnaqqis jew ta’ tneħħija tal-GS, kienu jippermettu lill-Kummissjoni, mingħajr ma tkun neċessarja analiżi addizzjonali, tevalwa l-kompatibbiltà tar-Regolament ikkontestat mal-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-klima għall-2030 u għall-2040 f’konformità mal-Artikolu 6(4) tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima.

93

Konsegwentement, l-ewwel u d-disa’ motivi għandhom jiġu miċħuda.

Fuq it-tieni sat-tmien motivi, dwar l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mas-settur tal-enerġija nukleari

94

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament ikkontestat jikkonċerna tliet tipi ta’ attivitajiet ekonomiċi fis-settur nukleari:

–

il-fażijiet prekummerċjali tat-teknoloġiji avvanzati għall-produzzjoni tal-enerġija minn proċessi nukleari b’minimu ta’ skart miċ-ċiklu tal-karburant (it-Taqsimiet 4.26 ġodda tal-Annessi I u II tar-Regolament Delegat 2021/2139, inklużi fl-imsemmija annessi mir-Regolament ikkontestat);

–

il-kostruzzjoni u t-tħaddim sikur ta’ impjanti nukleari ġodda għall-produzzjoni tal-elettriku jew tas-sħana, inkluż għall-produzzjoni tal-idroġenu, bl-użu tal-aħjar teknoloġiji disponibbli (it-Taqsimiet 4.27 ġodda tal-Annessi I u II tar-Regolament Delegat 2021/2139, inklużi fl-imsemmija annessi mir-Regolament ikkontestat);

–

il-produzzjoni tal-elettriku mill-enerġija nukleari f’impjanti eżistenti (it-Taqsimiet 4.28 ġodda tal-Annessi I u II tar-Regolament Delegat 2021/2139, inklużi fl-imsemmija annessi permezz tar-Regolament ikkontestat) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“attivitajiet ekonomiċi relatati mal-enerġija nukleari”).

95

Għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet ikklassifikati bħala li jaqgħu taħt investiment sostenibbli, l-Anness I tar-Regolament ikkontestat jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar li jippermettu li jiġu ddeterminati, minn naħa, il-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u, min-naħa l-oħra, jekk l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinjifikattiva lil kwalunkwe wieħed mill-għanijiet ambjentali l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament dwar it-Tassonomija. L-Anness II tar-Regolament ikkontestat jistabbilixxi, min-naħa tiegħu, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar li jippermettu li jiġu ddeterminati, minn naħa, il-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima u, min-naħa l-oħra, jekk l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinjifikattiva lil kwalunkwe wieħed mill-għanijiet ambjentali l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 290 TFUE

96

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li r-Regolament ikkontestat jikser il-kundizzjoni ta’ delega dwar l-“elementi essenzjali” fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, sa fejn dan jinterpreta r-Regolament dwar it-Tassonomija fis-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla miftuħa l-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari bħala attivitajiet sostenibbli u f’dan ir-rigward applika s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni.

97

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, essenzjalment, l-għan tar-Regolament ikkontestat jaqa’ taħt l-elementi essenzjali tar-Regolament dwar it-Tassonomija minħabba n-natura politika u kontroversjali tal-inklużjoni tal-enerġija nukleari fit-tassonomija, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, li jeskludi l-enerġija nukleari mill-attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jitqiesu li jikkontribwixxu sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, mill-bażi legali tar-Regolament dwar it-Tassonomija li tikkonċerna s-suq intern u mhux it-Trattat Euratom, u mill-indħil tar-Regolament ikkontestat fid-dritt għall-proprjetà, għal-libertà professjonali u għal-libertà tal-intrapriża.

98

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Bulgarija, mir-Repubblika Ċeka, mir-Repubblika Franċiża, mill-Ungerija, mir-Rumanija u mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta dan l-argument.

99

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Awstrija ma qajmitx eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 290 TFUE mir-Regolament dwar it-Tassonomija, kif ikkonfermat waqt is-seduta. Il-legalità tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1(3) u mill-Artikolu 10(3) tal-imsemmi regolament għalhekk ma hijiex ikkontestata mir-Repubblika tal-Awstrija.

100

Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 290(1) TFUE jirriżulta li att leġiżlattiv jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi b’portata ġenerali li jikkompletaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv.

101

Il-possibbiltà li jiġu ddelegati s-setgħat prevista fl-Artikolu 290 TFUE hija intiża sabiex tippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni li jikkonċentra fuq l-elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni kif ukoll fuq l-elementi mhux essenzjali li dwarhom iqis li huwa opportun li jilleġiżla filwaqt li jagħti lill-Kummissjoni l-kompitu li “tikkompleta” ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv adottat jew ulterjorment li “tbiddel” tali elementi fil-qafas ta’ delega mogħtija (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

Minn dan isegwi li r-regoli essenzjali tal-qasam ikkonċernat għandhom jiġu stabbiliti fil-leġiżlazzjoni bażika u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ delega (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103

F’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk, kif tallega r-Repubblika tal-Awstrija, il-kwistjoni dwar jekk l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari jissodisfawx il-kundizzjonijiet tar-Regolament dwar it-Tassonomija u jistgħux, għaldaqstant, jiġu kklassifikati bħala attivitajiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10(2) tiegħu, tikkostitwixxix element essenzjali ta’ dan ir-regolament li għalhekk ma setax ikun is-suġġett ta’ att delegat.

104

L-elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni bażika huma dawk li l-adozzjoni tagħhom teħtieġ li jsiru għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet innifishom tal-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 65), sa fejn din timplika bbilanċjar tal-interessi diverġenti inkwistjoni abbażi ta’ evalwazzjonijiet multipli, jew dawk li l-adozzjoni tagħhom tippermetti ndħil fid-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati ta’ importanza tali li jkun neċessarju l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑696/15 P, EU:C:2017:595, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

L-identifikazzjoni tal-elementi ta’ qasam li għandhom jiġu kklassifikati bħala essenzjali għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi li jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju u timponi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet tal-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, DK Recycling und Roheisen vs Il‑Kummissjoni, C‑540/14 P, EU:C:2016:469, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106

F’dan ir-rigward, l-ewwel, mill-Artikolu 1 tiegħu jirriżulta li r-Regolament dwar it-Tassonomija għandu l-għan li jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika titqiesx li hija ambjentalment sostenibbli, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell ta’ sostenibbiltà ambjentali ta’ investiment.

107

Konformement mal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, attività ekonomika għandha titqies li hija ambjentalment sostenibbli jekk tissodisfa l-“kriterji għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli” previsti fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri jekk tikkontribwixxi sostanzjalment għal wieħed jew iktar mill-għanijiet ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, ma tikkawżax dannu sinjifikattiv lil ebda wieħed minn dawn l-għanijiet, tiġi eżerċitata b’osservanza tal-garanziji minimi previsti fl-Artikolu 18 tal-istess regolament u tkun konformi mal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti mill-Kummissjoni konformement, b’mod partikolari, mal-Artikolu 10(3) u mal-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament.

108

It-tieni nett, mill-Artikolu 10(3)(a) u mill-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jiddelegaw lill-Kummissjoni l-kompitu li tikkompleta l-paragrafi 1 u 2 ta’ dawn l-artikoli billi tistabbilixxi kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika partikolari titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalih.

109

Mill-Artikolu 10(3)(b) u mill-Artikolu 11(3)(b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jirriżulta wkoll li dawn id-dispożizzjonijiet jiddelegaw lill-Kummissjoni l-kompitu li tikkompleta l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament billi tistabbilixxi, għal kull għan ambjentali rilevanti, kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex tiddetermina jekk attività ekonomika, li għaliha ġew stabbiliti l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar iċċitati iktar ’il fuq, tikkawżax ħsara sinjifikattiva lil wieħed jew iktar minn dawn l-għanijiet ambjentali.

110

Barra minn hekk, l-Artikolu 10(5) u l-Artikolu 11(5) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jimponu fuq il-Kummissjoni, meta teżerċita din is-setgħa delegata, li tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament.

111

Fost dawn ir-rekwiżiti, l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jindika li l-kriterji tekniċi ta’ eżami jidentifikaw il-kontribuzzjonijiet potenzjali għall-għan ambjentali kkunsidrat li huma l-iktar rilevanti, billi josservaw il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti kemm fuq żmien qasir kif ukoll fit-tul ta’ attività ekonomika partikolari.

112

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li l-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw fjuwil fossili solidi ma jikkwalifikawx bħala attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli.

113

Barra minn hekk, fil-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika jimplika li l-leġiżlazzjoni kkonċernata għandha tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-persuni b’mod ġeneriku, sabiex ma tipprivileġġax l-użu ta’ teknoloġija għad-detriment ta’ oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Austro-Mechana, C‑433/20, EU:C:2022:217, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar it-Tassonomija kriterji ta’ sostenibbiltà ambjentali li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika titqiesx bħala ambjentalment sostenibbli, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell ta’ sostenibbiltà ambjentali ta’ investiment, mingħajr ma tingħata preferenza lil teknoloġija għad-detriment ta’ oħra u bl-esklużjoni biss tal-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-elettriku li jużaw fjuwil fossili solidi. B’hekk, il-leġiżlatur ħalla lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tikkompleta r-Regolament dwar it-Tassonomija billi tistabbilixxi kriterji tekniċi ta’ eżami sabiex tadatta għall-innovazzjonijiet futuri billi tippermetti li l-qafas regolatorju ma jkunx statiku u jkun jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-progress ambjentali u ekonomiku. Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-Regolament dwar it-Tassonomija ma jiffukax fuq it-tipi ta’ attivitajiet, iżda fuq l-għanijiet ambjentali u l-kriterji ġenerali sabiex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika partikolari għandhiex titqies bħala sostenibbli, b’tali mod li, bl-eċċezzjoni tal-fjuwil fossili espressament esklużi, kull attività tista’ potenzjalment tkun ikkonċernata minn dan ir-regolament, skont il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika (Artikolu 19(3) tar-Regolament dwar it-Tassonomija).

115

Minn dan jirriżulta li l-kriterji ta’ sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet ekonomiċi ġew iddefiniti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar it-Tassonomija u li dan il-leġiżlatur ħalla miftuħa l-possibbiltà li jiġu ddefiniti t-tipi kollha ta’ attivitajiet li jissodisfaw dawn il-kriterji bħala sostenibbli bl-eċċezzjoni tal-fjuwil fossili espressament esklużi.

116

Fil-fatt, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tar-Regolament dwar it-Tassonomija, l-elementi essenzjali tiegħu jikkonsistu, b’mod partikolari, fid-definizzjoni tal-għanijiet ambjentali, tal-kriterji ta’ sostenibbiltà ambjentali previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar it-Tassonomija u tar-rekwiżiti applikabbli għall-kriterji tekniċi ta’ skrinjar. Issa, il-Kummissjoni stabbilixxiet, permezz tar-Regolament ikkontestat, kriterji tekniċi ta’ skrinjar li, min-naħa tagħhom, ma jaqgħux taħt tali elementi tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

117

Bl-istess mod, billi ħalla l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tiddetermina kriterji tekniċi ta’ skrinjar għat-tipi kollha ta’ attivitajiet li jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà, bl-eċċezzjoni ta’ attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku li jużaw fjuwil fossili solidi, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel l-għażliet ta’ politika li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà proprja tiegħu fir-rigward tal-elementi essenzjali tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

118

Minn dan jirriżulta li d-determinazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi bħala tali, kif ukoll l-istabbiliment tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għal kull attività ekonomika li timplimenta l-kriterji ta’ sostenibbiltà, ma jaqgħux, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, taħt l-elementi essenzjali tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

119

Minn dan isegwi li, sa fejn il-Kummissjoni stabbilixxiet, permezz tar-Regolament ikkontestat, kriterji tekniċi ta’ skrinjar, hija ma daħlitx fuq l-elementi essenzjali tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

120

Barra minn hekk, dan l-approċċ magħżul mil-leġiżlatur jippreżenta wkoll il-mertu li jippermetti lill-Kummissjoni tadatta l-kriterji ta’ skrinjar tekniku għall-evoluzzjoni tat-teknoloġiji. Barra minn hekk, il-leġiżlatur ma jistax jiġi obbligat jelenka t-teknoloġiji kollha eżistenti jew previsti, sa fejn dan ma jippermettix li l-leġiżlazzjoni tkun valida għall-futur u tagħmilha teknoloġikament obsoleta, peress li ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni n-natura inevitabbli u mixtieqa tal-innovazzjoni teknoloġika.

121

Il-fatt, imressaq mir-Repubblika tal-Awstrija, li l-inklużjoni tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari taqa’ taħt aspett politiku, kontroversjali bejn l-Istati Membri, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta din il-konklużjoni, peress li l-leġiżlatur ma għażilx li jeskludi din l-attività, b’differenza għal dak li għamel fir-rigward tal-produzzjoni ta’ elettriku li juża fjuwil fossili solidi. Fi kwalunkwe każ, l-aspett politiku u kontroversjali tal-inklużjoni tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari ma huwiex rilevanti fid-dawl tal-Artikolu 290 TFUE, li jirriżerva għall-atti leġiżlattivi l-elementi essenzjali ta’ qasam, u mhux l-elementi politiċi u kontroversjali tiegħu.

122

L-istess japplika għall-argument li l-leġiżlatur għamel lista eżawrjenti, fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, peress li dan jirriżulta minn qari żbaljat ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmija dispożizzjoni ma telenkax b’mod eżawrjenti l-attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, iżda s-sitwazzjonijiet li fihom attività ekonomika “tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-istabbilizzazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tal-[GS] fl-atmosfera f’livell li jipprevjeni interferenza antropoġenika perikoluża fis-sistema tal-klima” sabiex tkun tista’ titqies li tagħti kontribuzzjoni sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Min-naħa l-oħra, il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu 10 jipprevedi wkoll sitwazzjonijiet oħra li fihom attività ekonomika tista’ titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

123

Fir-rigward tal-argument li l-bażi legali tar-Regolament dwar it-Tassonomija kellha tkun l-Artikolu 203 tat-Trattat Euratom li kieku l-leġiżlatur iddeċieda li l-enerġija nukleari kellha tiġi inkluża fit-tassonomija, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Awstrija ma tqajjimx eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ dan ir-regolament ibbażata b’mod partikolari fuq żball dwar il-bażi legali. Barra minn hekk, il-fatt li r-Regolament dwar it-Tassonomija ma huwiex ibbażat fuq it-Trattat Euratom huwa spjegat mill-għan tiegħu li jirrigwarda mhux biss l-enerġija nukleari, iżda wkoll attivitajiet ekonomiċi oħra. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, dan l-argument ma huwiex ta’ natura li juri li d-determinazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari bħala li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għalih taqa’ taħt l-aspetti essenzjali tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

124

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li l-inklużjoni tal-enerġija nukleari fit-tassonomija permezz tar-Regolament ikkontestat tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għall-proprjetà (Artikolu 17 tal-Karta), fil-libertà professjonali (Artikolu 15 tal-Karta) u fil-libertà ta’ intrapriża (Artikolu 16 tal-Karta) tal-impriżi (finanzjarji), b’tali mod li taqa’ taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni, għandu jitfakkar li, ċertament, l-intervent tal-leġiżlatur huwa neċessarju, skont il-ġurisprudenza, meta l-att adottat jippermetti ndħil fid-drittijiet fundamentali ta’ importanza partikolari. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 77).

125

Madankollu, għandu jitfakkar li r-Repubblika tal-Awstrija ma qajmitx eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament dwar it-Tassonomija, ibbażata b’mod partikolari fuq l-assenza ta’ esklużjoni tal-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tistax issostni li s-sempliċi definizzjoni tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari hija biżżejjed, waħedha, sabiex tikkaratterizza ndħil partikolarment sinjifikattiv fid-drittijiet fundamentali, peress li hija sempliċement tallega konsegwenzi importanti tal-imsemmija definizzjoni fuq id-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 15, 16 u 17 tal-Karta, mingħajr ma tipproduċi elementi ta’ natura li juru tali ksur.

126

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jitqies li, sa fejn jiddelegaw lill-Kummissjoni l-kompetenza sabiex tadotta regolament delegat bl-għan li jikkompleta l-Artikolu 10(1) u (2) u l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament ġew adottati bi ksur tal-Artikolu 290 TFUE.

127

Minn dan jirriżulta li t-tmien motiv huwa miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(2) u tal-Artikolu 19(1)(f) u (g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

128

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-Regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, peress li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari u, sussidjarjament, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma humiex issodisfatti.

129

It-tieni motiv jinqasam fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari, it-tieni waħda, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament u, it-tielet waħda, fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(f) tal-imsemmi regolament kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

– Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari

130

Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, issostni, essenzjalment, li l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija ma huwiex applikabbli għall-attivitajiet ekonomiċi b’livell baxx ta’ karbonju, bħall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari, peress li jikkonċerna biss l-attivitajiet ekonomiċi b’intensità qawwija ta’ karbonju msejħa ta’ “transizzjoni”.

131

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Bulgarija, mir-Repubblika Ċeka, mir-Repubblika Franċiża, mill-Ungerija, mir-Rumanija, mir-Repubblika tas-Slovenja, mir-Repubblika Slovakka u mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta dan l-argument.

132

Għandu jitfakkar li, fir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kkonkludiet li ċerti attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari jikkontribwixxu sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għalhekk setgħu jitqiesu bħala attivitajiet ta’ “transizzjoni” skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

133

Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija:

“Għall-finijiet tal-paragrafu 1 [ta’ dan l-artikolu], attività ekonomika li għaliha ma hemm l-ebda alternattiva teknoloġikament u ekonomikament vijabbli b’livell baxx ta’ karbonju għandha tikkwalifika bħala li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fejn din tappoġġa t-transizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima konsistentement ma’ perkors li jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali, inkluż bit-tneħħija gradwali tal-emissjonijiet ta’ [GS], b’mod partikolari emissjonijiet minn fjuwil fossili solidi, u fejn dik l-attività:

(a)

ikollha livelli ta’ emissjonijiet ta’ [GS] li jikkorrispondu għall-aħjar prestazzjoni fis-settur jew fl-industrija;

(b)

ma tfixkilx l-iżvilupp u l-użu ta’ alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju; u

(c)

ma twassalx għal intrappolament ta’ assi b’livell għoli ta’ karbonju, meta titqies il-ħajja ekonomika ta’ dawk l-assi.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu u għall-istabbiliment ta’ kriterji tekniċi ta’ skrinjar skont l-Artikolu 19, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kontribut potenzjali u l-fattibbiltà tat-teknoloġiji eżistenti rilevanti kollha.”

134

Barra minn hekk, il-premessa 24 tar-Regolament dwar it-Tassonomija tispeċifika li attività ekonomika li ssegwi l-għan ambjentali ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima għandha tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-istabbilizzazzjoni tal-emissjonijiet ta’ GS billi tevita jew tnaqqas dawn l-emissjonijiet jew billi ssaħħaħ l-assorbimenti tal-GS.

135

Il-premessa 41 tar-Regolament dwar it-Tassonomija tindika wkoll dan li ġej:

“Meta tistabbilixxi u taġġorna l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-objettiv ambjentali ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu kont ta’, u tipprovdi inċentivi għal, it-transizzjoni kurrenti u meħtieġa lejn ekonomija newtrali għall-klima f’konformità mal-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament. Minbarra l-użu tal-enerġija newtrali għall-klima u aktar investimenti f’attivitajiet u setturi ekonomiċi li diġà għandhom livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, it-transizzjoni tirrikjedi tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet ta’ [GS] f’attivitajiet u setturi ekonomiċi oħra fejn m’hemmx alternattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju teknoloġikament u ekonomikament vijabbli. Dawk l-attivitajiet ekonomiċi ta’ transizzjoni jenħtieġ li jikkwalifikaw bħala li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jekk l-emissjonijiet tagħhom ta’ [GS] jkunu sostanzjalment aktar baxxi mill-medja tas-settur jew tal-industrija, ma jfixklux l-iżvilupp u l-użu ta’ alternattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u ma jwasslux għal intrappolament ta’ assi inkompatibbli mal-objettiv tan-newtralità klimatika, b’qies tal-ħajja ekonomika ta’ dawk l-assi. Il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għal tali attivitajiet ekonomiċi ta’ transizzjoni jenħtieġ li jiżguraw li dawk l-attivitajiet ta’ transizzjoni jkollhom perkors kredibbli lejn in-newtralità klimatika, u jenħtieġ li jiġu aġġustati kif meħtieġ f’intervalli regolari.”

136

Permezz tal-argument tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija huwa applikabbli biss għall-attivitajiet b’intensità qawwija ta’ karbonju u mhux għall-attivitajiet diġà b’livell baxx ta’ karbonju, bħalma huma l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari. Tali argument jimplika li għandha tingħata interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

137

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih hija taqa’ kif ukoll l-għanijiet u l-finalità tal-att li minnu hija tagħmel parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2024, Illumina u Grail vs Il‑Kummissjoni, C‑611/22 P u C‑625/22 P, EU:C:2024:677, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

138

Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Hija ssostni, l-ewwel, li din id-dispożizzjoni tkopri biss l-attivitajiet ekonomiċi li għalihom “ma hemm l-ebda alternattiva teknoloġikament […] vijabbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju” u li “tappoġġa t-transizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima”. Minn dan hija tiddeduċi li din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss l-attivitajiet li ma humiex huma stess b’livell baxx ta’ karbonju, iżda li madankollu jistgħu jintużaw għal perijodu tranżitorju limitat, fl-assenza ta’ soluzzjonijiet oħra vijabbli b’livell baxx ta’ karbonju.

139

F’dan ir-rigward, għandu, ċertament, jiġi kkonstatat li r-riferiment, fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, għal attività ekonomika li għaliha ma teżistix alternattiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li tista’ titwettaq fuq il-livell teknoloġiku u ekonomiku jista’ jiġi interpretat bħala li jkopri l-attivitajiet li ma humiex b’livell baxx ta’ karbonju.

140

Madankollu, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonimija ma jirrigwardax “attivitajiet li ma humiex b’livell baxx ta’ karbonju”, kif jidher li qiegħda tippretendi r-Repubblika tal-Awstrija, iżda “attivitajiet li għalihom ma hemm l-ebda alternattiva teknoloġikament u ekonomikament vijabbli ta’ livell baxx ta’ karbonju”, b’tali mod li tista’ tiġi interpretata wkoll bħala li tkopri attivitajiet li huma b’livell baxx ta’ karbonju. Għalhekk, l-interpretazzjoni letterali invokata mir-Repubblika tal-Awstrija ma hijiex ikkorroborata mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

141

It-tieni nett, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, l-Artikolu 10(2)(a) sa (c) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jikkonferma l-interpretazzjoni tiegħu sa fejn jipprevedi li, sabiex taqa’ taħt l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament, attività ekonomika għandu jkollha livelli ta’ emissjonijiet ta’ GS li jikkorrispondu għall-aħjar prestazzjonijiet tas-settur jew tal-industrija. Din id-dispożizzjoni tapplika għalhekk il-kriterju msejjaħ tal-“ewwel fil-klassi”, fis-sens li tippermetti li tiġi kklassifikata bħala kontribuzzjoni sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima attivitajiet ekonomiċi li, fl-istat attwali tat-teknika, huma, ċertament, b’intensità qawwija ta’ karbonju, iżda jikkorrispondu madankollu għall-aħjar prestazzjonijiet tas-settur jew tal-industrija, fl-assenza ta’ kwalunkwe alternattiva teknika u ekonomika b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li tkun prattikabbli.

142

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jirreferi għal attività ekonomika li “[j]kollha livelli ta’ emissjonijiet ta’ [GS] li jikkorrispondu għall-aħjar prestazzjoni fis-settur jew fl-industrija;”.

143

Madankollu, ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, ma jippreżupponix li l-attività ekonomika inkwistjoni hija intensiva fil-karbonju u ma tistax tiġi ssodisfatta minn attivitajiet b’livell baxx ta’ karbonju.

144

Fil-fatt, mid-definizzjoni tagħha stess, attività ekonomika b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju f’settur jew f’industrija partikolari jista’ jkollha livelli ta’ emissjonijiet ta’ GS li jikkorrispondu għall-aħjar prestazzjonijiet ta’ dan is-settur jew ta’ din l-industrija.

145

L-istess japplika għar-rekwiżit li l-attività ekonomika inkwistjoni “ma tfixkilx l-iżvilupp jew l-użu ta’ alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju”, previst fl-Artikolu 10(2)(b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, u għar-rekwiżit li l-attività inkwistjoni “ma tfixkilx l-iżvilupp u l-użu ta’ alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju”, fid-dawl tal-ħajja ekonomika ta’ dawn l-assi, previst fl-Artikolu 10(2)(c) ta’ dan ir-regolament.

146

Fil-fatt, minn naħa, l-investiment f’attività ekonomika b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju ma jostakolax l-iżvilupp u l-użu ta’ alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju, iżda, għall-kuntrarju, jista’ jiffavorixxi l-iżvilupp u l-użu ta’ soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ karbonju. Min-naħa l-oħra, l-investiment f’tali attività ma jwassalx għal esklużjoni tal-assi intensivi fil-karbonju, peress li jikkonċerna assi b’livell baxx ta’ karbonju.

147

Għalhekk, iż-żewġ rekwiżiti jistgħu jiġu ssodisfatti wkoll kemm permezz ta’ attivitajiet ekonomiċi intensivi fil-karbonju kif ukoll permezz ta’ attivitajiet b’livell baxx ta’ karbonju.

148

Għalhekk, mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(2)(a) sa (c) tar-Regolament dwar it-Tassonomija ma jistax jiġi dedott li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għall-attivitajiet b’livell baxx ta’ karbonju u tirrigwarda biss l-attivitajiet b’intensità qawwija ta’ karbonju.

149

Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni sistematika tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Hija tqis li, peress li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari ma humiex inklużi fil-lista tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala attivitajiet b’livell baxx ta’ karbonju li għandhom jiġu inklużi fit-tassonomija. Barra minn hekk, l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament għandu jitqies bħala deroga ta’ interpretazzjoni stretta mill-katalogu stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament u jkopri biss l-attivitajiet b’intensità qawwija ta’ karbonju.

150

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-fatt, għal attività partikolari, li ma jiġux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija ma jistax jipprekludi lil din l-attività milli tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament. Għall-kuntrarju, kif tindika l-formulazzjoni, “għall-finijiet tal-paragrafu 1”, li tinsab fil-bidu tal-paragrafu 2, dan tal-aħħar jipprevedi preċiżament kundizzjonijiet alternattivi għal dawk tal-paragrafu 1 għall-attivitajiet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu.

151

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li l-premessa 41 tar-Regolament dwar it-Tassonomija tikkonferma l-interpretazzjoni tagħha billi tipprevedi, essenzjalment, li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar applikabbli għall-attivitajiet ekonomiċi tranżitorji għandhom jiżguraw li dawn “jkollhom perkors kredibbli lejn in-newtralità klimatika”. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, tali żvilupp huwa possibbli biss għall-attivitajiet li ma humiex diġà b’livell baxx ta’ karbonju.

152

Madankollu, ir-rekwiżit li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-attivitajiet ekonomiċi tranżitorji jenħtieġ li jiżguraw li jkollhom perkors kredibbli li twassal għan-newtralità klimatika jista’ jikkonċerna wkoll attivitajiet b’livell baxx ta’ karbonju billi jirrikjedi li l-attivitajiet inkwistjoni jkollhom it-tendenza li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ GS.

153

Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni sistematika invokata mir-Repubblika tal-Awstrija ma tipprekludix li l-enerġija nukleari titqies bħala attività b’livell baxx ta’ karbonju li taqa’ taħt Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Barra minn hekk, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija għandu preċiżament l-għan li jieħu inkunsiderazzjoni attivitajiet ekonomiċi li jiffavorixxu t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, anki jekk dawn ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-Artikolu 10(2) tal-imsemmi regolament ikunu ssodisfatti.

154

Barra minn hekk, mill-premessa 41 tar-Regolament dwar it-Tassonomija jirriżulta li l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament għandu l-għan li jiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, filwaqt li juża sorsi ta’ enerġija li ma għandhomx impatt fuq il-klima u attivitajiet ekonomiċi tranżitorji oħra. Għalhekk, ma jistax jitqies li l-enerġiji mingħajr effetti fuq il-klima, intiżi li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, huma biss dawk imsemmija fl-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament.

155

Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li mix-xogħol preparatorju tar-Regolament dwar it-Tassonomija jirriżulta li l-leġiżlatur iddeċieda, billi rtira r-riferiment għall-enerġija mingħajr effett fuq il-klima tal-Artikolu 10(1)(a) ta’ dan ir-regolament sabiex jillimita din id-dispożizzjoni għall-enerġija rinnovabbli, li l-enerġija nukleari ma tinsabx fit-tassonomija fost il-metodi ta’ produzzjoni ta’ enerġija li jagħtu kontribut sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

156

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-assenza ta’ riferiment għall-enerġija mingħajr effett fuq il-klima fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija ma turix li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jeskludi s-sorsi tal-enerġija mingħajr effett fuq il-klima mir-Regolament dwar it-Tassonomija, iżda biss li jeskludi dan it-tip ta’ attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li ma jippreġudikax il-possibbiltà li tali attivitajiet jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

157

Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-attivitajiet ekonomiċi li għalihom din tal-aħħar ma tistax tistabbilixxi kriterji tekniċi ta’ skrinjar huma espressament imsemmija fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Issa, li kieku l-leġiżlatur ried jeskludi l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, huwa kien isemmi dawn l-attivitajiet fl-Artikolu 19(3) ta’ dan ir-regolament. A contrario, l-assenza ta’ riferiment għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari f’din id-dispożizzjoni turi li l-intenzjoni tal-leġiżlatur ma kinitx li jeskludi dawn l-attivitajiet mill-kategorija ta’ attivitajiet ambjentalment sostenibbli.

158

Fir-raba’ lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Hija ssostni li l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament huwa intiż li jorjenta mill-ġdid il-flussi ta’ finanzjament lejn l-attivitajiet ekonomiċi bl-inqas intensità ta’ karbonju possibbli, fl-assenza totali ta’ alternattivi b’intensità ta’ karbonju żero jew baxxa li jkunu teknoloġikament u ekonomikament vijabbli, u li jippromwovi għalhekk it-teknoloġiji b’intensità qawwija ta’ karbonju “tal-ewwel klassi”. Peress li l-enerġija nukleari, b’livell baxx ta’ karbonju, ma tikkostitwixxix tali attività, il-fatt li din titqies bħala attività tranżitorja fis-sens tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jċaħħad mill-effett utli tagħhom id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament intiżi sabiex jippromwovu t-teknoloġiji b’intensità qawwija ta’ karbonju.

159

Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, minn interpretazzjoni teleoloġika u sistematika tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, moqri flimkien mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u mal-premessi 24 u 41 tal-imsemmi regolament, jirriżulta li l-attivitajiet imsejħa “tranżitorji”, fis-sens tal-Artikolu 19(1)(h)(ii) tal-imsemmi regolament, jirrigwardaw attivitajiet li, peress li ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, jevitaw jew inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għalhekk isegwu b’mod tranżitorju l-għan ambjentali ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Għalhekk, fid-dawl ta’ dan l-għan, l-attivitajiet tranżitorji jistgħu jinkludu attivitajiet li ma humiex b’livell baxx ta’ karbonju u li għalihom ma jeżistux alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju li huma fattibbli fuq il-livell teknoloġiku u ekonomiku, iżda wkoll, u a fortiori, attivitajiet b’livell baxx ta’ karbonju li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu. Interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2) tal-imsemmi regolament bħala li tista’ tikkonċerna biss attivitajiet b’intensità qawwija ta’ karbonju tmur kontra dan l-għan tal-imsemmi regolament.

160

Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija tikkonferma li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata għal attivitajiet b’livell baxx ta’ karbonju, bħal attivitajiet ekonomiċi relatati mal-enerġija nukleari.

161

Fil-ħames lok, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, billi qieset, fir-Regolament ikkontestat, l-assenza ta’ disponibbiltà “fi kwantità suffiċjenti” ta’ alternattivi tal-enerġija nukleari b’livell baxx ta’ karbonju “titkopra d-domanda għall-enerġija b’mod kontinwu u affidabbli”, il-Kummissjoni wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, peress li dan ir-regolament ma għandux bħala għan is-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija, iżda l-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi bħala ambjentalment sostenibbli għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell ta’ sostenibbiltà ambjentali ta’ investiment.

162

Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li mill-premessa 6 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari huma attivitajiet b’livell baxx ta’ karbonju, iżda li ma jikkostitwixxux enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli fis-sens tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija u li lanqas ma jaqgħu taħt kategoriji oħra ta’ attivitajiet ekonomiċi msemmija fid-dispożizzjonijiet (b) sa (i) tal-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament.

163

Il-Kummissjoni qieset ukoll, fil-premessa 6 tar-Regolament ikkontestat, li, sa fejn il-produzzjoni ta’ enerġija nukleari hija qrib ta’ emissjonijiet żero ta’ gassijiet serra u sa fejn ma jeżistux alternattivi oħra b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li jistgħu jitwettqu fil-livell teknoloġiku u ekonomiku fi kwantità suffiċjenti sabiex tiġi koperta d-domanda għall-enerġija b’mod kontinwu u affidabbli, l-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari kienu jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u kellhom jiġu kklassifikati bħala attivitajiet imsejħa “tranżitorji”, imsemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

164

Issa, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 194(1) TFUE jipprevedi li, fil-kuntest tal-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern u filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li jitħares u jittejjeb l-ambjent, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija għandha tkun intiża, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, li tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija, li tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni, li tippromwovi l-effikaċja enerġetika u l-ekonomiji tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp tal-enerġiji ġodda u li jiġġeddu, u li tippromwovi l-interkonnessjoni tan-networks tal-enerġija.

165

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, imsemmi fl-Artikolu 194 TFUE, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri, fil-kuntest tal-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern u, b’mod partikolari, ta’ dak tal-gass naturali, billi jiżgura s-sigurtà tal-provvista enerġetika fl-Unjoni, li jimplika mhux biss li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, meta dawn iseħħu, iżda wkoll li jiġu adottati miżuri intiżi li jipprevjenu s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja, C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punt 69).

166

Minn dan jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tadotta l-miżuri intiżi sabiex jistabbilixxu jew jiżguraw il-funzjonament tas-suq intern, bħar-Regolament ikkontestat, li jimplimenta r-Regolament dwar it-Tassonomija li l-bażi legali tiegħu hija l-Artikolu 114 TFUE, hija għandha tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni.

167

It-tieni nett, ir-Regolament dwar it-Tassonomija għandu l-għan li jrawwem it-tranżizzjoni lejn ekonomija sikura, newtrali għall-klima, reżiljenti għat-tibdil fil-klima, aktar effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 4 ta’ dan ir-regolament.

168

Madankollu, dan l-għan jiġi kompromess jekk l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija meqjusa bħala li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima ma jippermettix provvista suffiċjenti tal-enerġija sabiex tiġi koperta d-domanda għall-enerġija.

169

It-tielet nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jirreferi għall-ineżistenza ta’ alternattiva b’livell baxx ta’ karbonju “teknoloġikament u ekonomikament vijabbli”. Issa, billi kkundizzjona l-eżistenza ta’ alternattivi għall-vijabbiltà teknoloġika u ekonomika tagħhom, il-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza l-prattikabbiltà u d-disponibbiltà ta’ dawn is-soluzzjonijiet, jiġifieri l-ħtieġa imperattiva ta’ sigurtà tal-provvisti u s-sodisfazzjon tal-bżonnijiet tal-enerġija tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni għandha għalhekk tiġi interpretata bħala li tirreferi għal attivitajiet tranżitorji li għalihom ma jeżistux alternattivi realistiċi u prattikabbli li jippermettu lill-Unjoni tkompli tkopri l-bżonnijiet tal-enerġija tagħha.

170

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jippermettux li jintwera li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija billi applikat din id-dispożizzjoni għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari.

171

Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv hija infondata.

– Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata, sussidjarjament, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija

172

Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, issostni, essenzjalment, li r-Regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, sa fejn l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni.

173

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Bulgarija, mir-Repubblika Ċeka, mir-Repubblika Franċiża, mill-Ungerija, mir-Rumanija, mir-Repubblika Slovakka u mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta dan l-argument.

174

Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-inklużjoni tal-enerġija nukleari fit-tassonomija tmur kontra l-kundizzjoni li ma għandux ikun hemm alternattiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li tista’ tinkiseb fil-livell teknoloġiku u ekonomiku, peress li diġà jeżistu tali alternattivi tal-enerġija nukleari fil-forma ta’ enerġija rinnovabbli li huma preferibbli mill-enerġija nukleari.

175

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni wkoll li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija billi qieset li l-alternattivi tal-enerġija nukleari b’livell baxx ta’ karbonju għadhom ma humiex suffiċjentement disponibbli, peress li din id-dispożizzjoni ma hijiex limitata għal alternattivi suffiċjentement disponibbli.

176

Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija tibbaża ruħha fuq ir-risposta tal-pjattaforma li fiha din tikkonstata l-“eżistenza evidenti” ta’ metodi oħra ta’ produzzjoni ta’ enerġija disponibbli u fattibbli kif ukoll fuq il-fatt li l-assenza ta’ użu tal-enerġija nukleari mill-maġġoranza tal-Istati Membri turi li jeżistu alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju, kif ikkonstata l-Bundesamt für Sicherheit in der nuklearen Entsorgung (l-Uffiċċju Federali għas-Sigurtà tar-Rimi ta’ Skart Nukleari, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“BASE”) fl-opinjoni teknika tiegħu, li fiha jqis li l-enerġiji rinnovabbli huma disponibbli fuq il-livell teknoloġiku u huma iktar vantaġġużi fuq il-livell ekonomiku.

177

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 164 sa 169 iktar ’il fuq, il-kundizzjoni li ma għandhiex teżisti alternattiva b’livell baxx ta’ karbonju li tista’ titwettaq fuq il-livell teknoloġiku u ekonomiku għandha tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit ta’ sigurtà tal-provvisti.

178

Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet ġenerali tal-pjattaforma u tal-BASE li għalihom tirreferi r-Repubblika tal-Awstrija ma humiex biżżejjed sabiex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li, matul perijodu tranżitorju, l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-assenza ta’ alternattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li jistgħu jitwettqu fil-livell teknoloġiku u ekonomiku fi kwantità suffiċjenti sabiex tiġi koperta d-domanda għall-enerġija b’mod kontinwu u affidabbli (ara l-premessa 6 tar-Regolament ikkontestat). Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Awstrija ma turix li l-alternattivi bl-użu tal-enerġiji rinnovabbli huma fattibbli fuq il-livell teknoloġiku u ekonomiku u, b’mod partikolari, li huwa possibbli li d-domanda għall-enerġija tiġi koperta biss minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

179

Għaldaqstant, dan l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija ma jippermettix li jintwera li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta wettqet din il-konstatazzjoni.

180

Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li r-Regolament ikkontestat ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, peress li din id-dispożizzjoni tippreżupponi li attività ekonomika tista’ titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima biss jekk tiffavorixxi t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima kompatibbli ma’ profil ta’ evoluzzjoni intiż li jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1.5°C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, konformement mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU 2016, L 282, p. 4)

181

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Regolament ikkontestat jikser l-għanijiet klimatiċi tal-Ftehim ta’ Pariġi, peress li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar jqisu l-attivitajiet eżerċitati fis-settur tal-enerġija nukleari bħala li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, filwaqt li dawn jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra biss fil-futur imbiegħed u li dawn ma jistgħux jikkontribwixxu għall-għan ta’ newtralità klimatika sal-2030 jew l-2050. B’mod partikolari, l-imsemmija kriterji jippermettu lill-impjanti tal-enerġija l-ġodda li jkunu rċevew permess ta’ kostruzzjoni sal-2045 u lill-impjanti eżistenti li ġew emendati sal-2040 li jiġu allinjati mat-tassonomija filwaqt li ser ikun tard wisq sabiex jikkontribwixxu għall-għan ta’ newtralità klimatika.

182

Għandu jitfakkar, qabelxejn, li, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, “attività ekonomika għandha titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima meta tippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima kompatibbli ma’ evoluzzjoni li tillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 °C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali […]”.

183

L-Artikolu 2(5) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jiddefinixxi l-“mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima” bħala l-proċess sabiex “titrażżan iż-żieda tat-temperatura medja globali biex tinżamm ferm inqas minn 2 °C u t-twettiq ta’ sforzi biex tiġi limitata għal 1.5 °C iktar mil-livelli preindustrijali, kif stabbilit fil-Ftehim ta’ Pariġi”.

184

Il-premessa 3 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, filwaqt li tirreferi wkoll għall-Ftehim ta’ Pariġi, tiddikjara li dan ir-regolament “jirrappreżenta pass ewlieni lejn l-objettiv li l-Unjoni ssir newtrali għall-klima sal-2050”.

185

Ir-Regolament dwar it-Tassonomija għalhekk għandu preċiżament l-għan, kif jindikaw il-premessa 3 u l-Artikolu 10(2) tiegħu, li jiżgura t-twettiq tal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi li huma inkorporati fid-dispożizzjonijiet tiegħu.

186

Barra minn hekk, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha, il-Liġi Ewropea dwar il-Klima tistabbilixxi “jistabbilixxi objettiv vinkolanti ta’ newtralità klimatika sal-2050 fl-Unjoni sabiex jinkiseb l-għan fit-tul dwar it-temperatura stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Pariġi”, li għalih isir riferiment fil-premessa 6 tar-Regolament ikkontestat.

187

Barra minn hekk, il-Ftehim ta’ Pariġi jorbot lill-Unjoni, peress li ġie approvat, f’isem l-Unjoni, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal‑5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU 2016 L 282, p. 1). Għaldaqstant, dan il-ftehim jipprevali fuq l-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni u dawn tal-aħħar għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tiegħu. Minn dan isegwi li r-Regolament dwar it-Tassonomija għandu jiġi interpretat, sa fejn ikun possibbli, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi. (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2024, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2024:172, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Ottubru 2024, PT Pelita Agung Agrindustri u PT Permata Hijau Palm Ojau vs Il‑Kummissjoni, C‑112/23 P, EU:C:2024:899, punt 38).

188

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 31(3)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969, għandu, b’mod partikolari, jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat u fl-istess ħin bħall-kuntest tiegħu, kull ftehim sussegwenti li jsir bejn il-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-trattat jew tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu, u ta’ kull prassi sussegwenti segwita fl-applikazzjoni ta’ dan it-trattat li permezz tagħha jiġi stabbilit il-ftehim tal-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-trattat. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tirrileva li ma kienx ipprojbit u lanqas inabitwali, fid-dritt internazzjonali, li tiġi prevista l-possibbiltà għall-partijiet fi ftehim internazzjonali li jippreċiżaw, hekk kif tiżviluppa r-rieda komuni tagħhom dwar il-portata ta’ dan il-ftehim żviluppat, l-interpretazzjoni tagħhom. Tali preċiżazzjonijiet jistgħu jsiru mill-partijiet stess jew minn korp stabbilit mill-partijiet u li għandu setgħa deċiżjonali li torbothom. Tali atti interpretattivi għandhom, f’dan il-każ, l-effetti legali li jirriżultaw mill-Artikolu 31(3)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Scuola europea di Varese,C‑431/22, EU:C:2023:1021, punt 76; ara wkoll, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/17 (Ftehim ECG UE-Kanada), tat‑30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punti 233 u 234).

189

Fir-rigward tal-Ftehim ta’ Pariġi, waqt il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-ħames sessjoni tiegħu, li nżammet fl-Emirati Għarab Magħquda (COP 28), fid-Deċiżjoni 1/CMA.5, intitolata “Riżultati tal-ewwel bilanċ dinji”, Parti II, punt 28 (e), il-Partijiet enfasizzaw “il-ħtieġa li titnaqqas b’mod sinjifikattiv, malajr u fit-tul l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’konformità mat-trajettorji li jwasslu għal żieda fit-temperatura ta’ 1.5 °C” u impenjaw ruħhom “li jikkontribwixxu għall-isforzi globali”, bħall-“aċċellerazzjoni tal-adozzjoni ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero u baxxi, inkluża […] l-enerġija nukleari”.

190

Għaldaqstant, interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija konformi mal-Ftehim ta’ Pariġi, kif interpretat huwa stess mill-Partijiet waqt il-COP 28 konformement mal-Artikolu 31(3)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, donnha tikkonferma li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari jistgħu jikkostitwixxu attivitajiet li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima billi jiffavorixxu t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima kompatibbli ma’ profil ta’ evoluzzjoni intiż li jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 °C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali.

191

Għandu jiġi ppreċiżat li, waqt is-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-partijiet kellhom l-opportunità li jiddeċiedu dwar it-tagħlim li jista’ jinsilet minn tali interpretazzjoni konformi mal-Ftehim ta’ Pariġi.

192

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, li l-legalità tiegħu ma hijiex ikkontestata, jirriżulta li dawn l-għanijiet klimatiċi huma ssodisfatti meta l-attività ekonomika inkwistjoni tiffavorixxi t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima permezz b’mod partikolari tat-tneħħija tal-emissjonijiet ta’ GS. Għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni indikat, fil-premessa 6 tar-Regolament ikkontestat, abbażi tal-opinjonijiet miġbura matul il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dan ir-regolament, li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari kienu b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, li l-produzzjoni ta’ enerġija nukleari kienet qrib emissjonijiet ta’ GS u li l-kontribuzzjoni sostanzjali potenzjali tal-enerġija nukleari għall-għanijiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kienet murija b’mod ċar u wiesa’.

193

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tipproduċix provi insostenn tal-affermazzjonijiet tagħha li l-kostruzzjoni u l-operat ta’ impjanti nukleari ġodda abbażi ta’ permessi ta’ bini maħruġa bejn l-2023 u l-2045 ma jistgħux jikkontribwixxu għall-għan ta’ newtralità karbonika fl-2050, iżda biss f’futur imbiegħed. Fil-fatt, hija tillimita ruħha li ssemmi l-affermazzjoni tal-pjattaforma li l-impjanti nukleari ġodda li rċevew permess ta’ bini sal-2045 jistgħu jiġu allinjati mat-tassonomija anki jekk isiru operattivi tard wisq biex jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

194

Madankollu, l-enerġija nukleari għandha valuri baxxi ħafna ta’ emissjonijiet ta’ GS, u għalhekk tista’ tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima billi tillimita l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija intensivi fil-karbonju.

195

Barra minn hekk, l-allegazzjoni li dawn l-attivitajiet jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GS biss fil-futur imbiegħed u mhux sal-2050, anki jekk jitqies li hija stabbilita, ma hijiex ta’ natura li turi li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li l-allegat nuqqas ta’ effettività ta’ att ma jistax iwassal għall-illegalità tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

196

Ir-Repubblika tal-Awstrija żżid li r-Regolament ikkontestat imur kontra l-Artikolu 1(2) u l-premessa 16 tad-Deċiżjoni(UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 (ĠU 2022, L 114, p. 22), li permezz tagħhom l-Unjoni għandha tagħmel ħilitha sabiex twettaq tranżizzjoni ekoloġika u tibbaża l-ekonomija tagħha fuq l-enerġiji rinnovabbli, peress li l-promozzjoni fit-tul tal-impjanti tal-enerġija nukleari, li tirriżulta mir-Regolament ikkontestat, hija dijametrikament opposta għal dan l-għan.

197

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-enerġija nukleari hija attività tranżitorja fis-sens tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

198

Għalhekk, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jikkumplimentaw l-azzjonijiet tal-Unjoni għall-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli.

199

Għaldaqstant, ma jistax jitqies li r-Regolament ikkontestat imur kontra d-Deċiżjoni 2022/591, mingħajr ma huwa neċessarju li wieħed jistaqsi dwar il-portata tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni.

200

L-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija dwar l-assenza ta’ appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima f’konformità mal-mira ta’ 1.5 °C għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

201

Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li l-inklużjoni tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari fit-tassonomija tmur kontra l-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija sa fejn l-enerġija nukleari ma għandhiex livelli ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jikkorrispondu għall-aħjar prestazzjonijiet tas-settur jew tal-industrija fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri tas-settur tal-produzzjoni tal-enerġija, b’mod partikolari meta mqabbla mal-enerġija idrawlika u mal-enerġija eolika.

202

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Awstrija tinterpreta b’mod żbaljat ir-Regolament dwar it-Tassonomija, peress li l-kundizzjoni li attività għandu jkollha livelli ta’ emissjonijiet ta’ GS li jikkorrispondu għall-aħjar prestazzjonijiet tas-settur jew tal-industrija ma tistax tiġi interpretata fis-sens li din għandha tkun l-iktar attività baxxa fl-emissjonijiet tas-settur jew tal-industrija kkonċernata.

203

Fil-fatt, mill-premessa 41 tar-Regolament dwar it-Tassonomija jirriżulta li l-attivitajiet ekonomiċi tranżitorji għandhom jitqiesu li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima b’mod partikolari jekk l-emissjonijiet tagħhom ta’ GS jkunu ferm inqas mill-medja tas-settur jew tal-industrija.

204

Għaldaqstant, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jippermettux li jintwera li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari setgħu jitqiesu, taħt ċerti kundizzjonijiet, bħala li jikkorrispondu għall-aħjar prestazzjonijiet tas-settur jew tal-industrija fis-sens tal-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

205

Fir-raba’ lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li r-Regolament ikkontestat huwa inkompatibbli mal-Artikolu 10(2)(b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, peress li l-investimenti fl-enerġija nukleari jostakolaw l-iżvilupp ta’ alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju.

206

Ir-Repubblika tal-Awstrija tallega, essenzjalment, li diversi studji juru li l-enerġija nukleari u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma humiex komplementari, iżda jippreġudikaw lil xulxin, u li r-Regolament ikkontestat b’hekk iddevja r-riżorsi finanzjarji tal-installazzjoni għal żmien qasir ta’ enerġija rinnovabbli.

207

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-premessa 6 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni qieset li, billi tiżgura li jiġu koperti l-bżonnijiet bażiċi tal-enerġija, l-enerġija nukleari kienet tiffaċilita l-użu ta’ sorsi rinnovabbli intermittenti u ma kinitx tostakola l-iżvilupp tagħhom.

208

Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-Regolament Delegat 2021/2139 jistabbilixxi kriterji tekniċi ta’ skrinjar li jkopru diversi setturi u attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u ta’ adattament għalih, fosthom attivitajiet marbuta mal-enerġija rinnovabbli.

209

Għaldaqstant, ma jistax jitqies li r-Regolament ikkontestat, li ma jistax jitqies indipendentement mir-regolamenti delegati l-oħra adottati abbażi tar-Regolament dwar it-Tassonomija, jistabbilixxi prijorità favur investimenti fl-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari meta mqabbla mal-investimenti marbuta mal-enerġija rinnovabbli.

210

Din l-interpretazzjoni tar-Regolament ikkontestat hija konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, li jipprovdi li kull Stat Membru għandu d-dritt jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-użu tar-riżorsi tal-enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punti 48 u 80).

211

Barra minn hekk, permezz tal-argument tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li l-enerġija nukleari ma hijiex flessibbli, b’tali mod li ż-żieda fil-parti tal-enerġija rinnovabbli taggrava l-mudell ekonomiku tal-impjanti nukleari billi tnaqqas it-tul tal-użu tagħhom. Issa, għandu jiġi kkonstatat li din hija affermazzjoni ġenerali li r-rilevanza tagħha tista’ tvarja skont, minn naħa, l-għażla ta’ kull Stat Membru, imfakkra fil-punt 210 iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà għall-impjanti nukleari li jaġġustaw il-funzjonament tagħhom sabiex jissodisfaw l-iżvilupp tad-domanda u tal-offerta, kif sostnew il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża].

212

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni pproduċiet ukoll studju li jqiegħed f’dubju l-konstatazzjoni magħmula fl-istudji pprovduti mir-Repubblika tal-Awstrija. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita sew, hemm lok li jiġi rrikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ studji xjentifiċi, kif ukoll l-għażla tal-istudji li għandhom jieħdu preċedenza fuq l-oħrajn, u dan indipendentement mill-kronoloġija tagħhom (sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Deza vs Il‑Kummissjoni, T‑400/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:712, punt 95, u tal‑5 ta’ Lulju 2023, TIB Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑639/20, mhux ippubblikata, EU:T:2023:374, punt 34).

213

Għaldaqstant, il-provi prodotti mir-Repubblika tal-Awstrija ma humiex suffiċjenti sabiex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari jiffaċilitaw l-użu ta’ sorsi rinnovabbli intermittenti u ma jostakolawx l-iżvilupp tagħhom.

214

Għaldaqstant, huma ma jurux li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari jiffaċilitaw l-użu ta’ sorsi rinnovabbli intermittenti u ma jostakolawx l-iżvilupp tagħhom.

215

Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkritika wkoll lill-Kummissjoni li ma wettqitx eżami f’dan ir-rigward, b’tali mod li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

216

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jiksbu konjizzjoni tal-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C-450/17 P, EU:C:2019:372, punti 85 u 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

217

Issa, kif jirriżulta mill-premessa 6 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt l-evalwazzjoni tagħha li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari jiffaċilitaw l-użu ta’ sorsi rinnovabbli intermittenti u ma jostakolawx l-iżvilupp tagħhom. Fil-fatt, minn din il-premessa jirriżulta li, billi tiżgura l-kopertura tal-bżonnijiet enerġetiċi bażiċi, l-enerġija nukleari tiffaċilita l-użu ta’ sorsi rinnovabbli intermittenti u, għaldaqstant, ma tostakolax l-iżvilupp tagħhom.

218

Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġi kkritikata li ma wettqitx eżami f’dan ir-rigward, peress li l-evalwazzjoni msemmija fil-premessa 6 tar-Regolament ikkontestat turi li hija eżaminat din il-kwistjoni.

219

Fil-ħames lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-inklużjoni tal-enerġija nukleari fit-tassonomija tikser il-projbizzjoni tal-effetti ta’ esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 10(2)(c) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Peress li l-enerġija nukleari twassal għal effetti ta’ esklużjoni kunsiderevoli, fid-dawl tal-ispejjeż ta’ investiment sostanzjali tagħha, tal-importanza tat-termini ta’ kostruzzjoni u tat-tul ta’ funzjonament tal-impjanti, l-enerġija nukleari tippreġudika l-iżvilupp ta’ enerġiji rinnovabbli iktar vantaġġużi u żżid il-probabbiltà li t-teknoloġiji b’intensità qawwija ta’ karbonju jintużaw sakemm jibdew joperaw impjanti nukleari ġodda.

220

Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija tibbaża ruħha fuq ir-risposta tal-pjattaforma, li fiha din tindika, minn naħa, li l-esklużjoni ta’ assi fl-attivitajiet b’intensità qawwija ta’ karbonju tista’ sseħħ (“may occur”) jekk it-tnaqqis tal-GS mistenni huwiex bil-mod wisq jew tardiv wisq u, min-naħa l-oħra, li jeżisti riskju ta’ esklużjoni minħabba ż-żmien meħtieġ sabiex jinbnew impjanti tal-enerġija nukleari u minħabba t-tul li matulu dawn jibqgħu operattivi.

221

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 10(2)(c) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jirrikjedi li l-attività ekonomika ma twassalx għal esklużjoni ta’ assi intensivi fil-karbonju, fid-dawl tal-ħajja ekonomika ta’ dawn l-assi.

222

Minn dan isegwi li l-Artikolu 10(2)(c) tar-Regolament dwar it-Tassonomija għandu l-għan li jevita esklużjoni, jiġifieri l-perpetwazzjoni, ta’ assi b’intensità għolja ta’ karbonju u għandu l-għan li jiżgura li, skont il-premessa 41 ta’ dak ir-Regolament, l-attivitajiet ekonomiċi ma jwasslux għal esklużjoni ta’ assi inkompatibbli mal-għan tan-newtralità klimatika.

223

Madankollu, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tispjegax kif l-attivi tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari huma emittenti kbar ta’ GS, b’tali mod li l-argument tagħha ma huwiex sostnut.

224

Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet li jinsabu fir-risposta tal-pjattaforma mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija huma fformulati bil-kundizzjonal jew ma humiex sostnuti, b’tali mod li ma humiex suffiċjenti sabiex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni.

225

L-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija għalhekk ma jippermettux li jintwera li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari kienu jissodisfaw il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 10(2)(c) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

226

Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkritika wkoll lill-Kummissjoni, essenzjalment, li ma wettqitx eżami tal-effetti ta’ esklużjoni tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari, li huma kunsiderevoli u li jippreġudikaw l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli filwaqt li jagħmlu neċessarja l-produzzjoni ta’ enerġija mill-faħam u mill-gass, b’tali mod li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat minn motivazzjoni insuffiċjenti.

227

Madankollu, peress li r-riskju ta’ effett ta’ esklużjoni ta’ assi b’intensità qawwija ta’ karbonju ma jeżistix għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari, li ma jinvolvux assi b’intensità qawwija ta’ karbonju, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma wettqitx eżami tal-effetti ta’ esklużjoni ta’ dawn l-assi jew li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

228

Fis-sitt lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-ksur tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jwassal ukoll għall-ksur tal-Artikolu 19(1)(g) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi l-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċiklu tal-ħajja, inklużi elementi misluta minn analiżijiet eżistenti taċ-ċiklu tal-ħajja. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-perijodi twal ta’ ppjanar, ta’ awtorizzazzjoni u ta’ operat tal-impjanti nukleari u lanqas, konsegwentement, taċ-ċiklu tal-ħajja kollu, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ostakolu għall-alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju u tal-effetti ta’ esklużjoni.

229

Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-Repubblika tal-Awstrija llimitat ruħha li tirreferi għall-argumenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li dawn l-argumenti tal-aħħar ġew miċħuda, l-argument li l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni jwassal ukoll għall-ksur tal-Artikolu 19(1)(g) ta’ dan ir-regolament għandu wkoll jiġi miċħud.

230

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-Repubblika tal-Awstrija ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

231

Konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni motiv hija infondata.

– Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata, sussidjarjament, fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija u tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

232

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku previsti mir-Regolament ikkontestat huma vvizzjati bi ksur tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, peress li ma humiex ibbażati fuq elementi xjentifiċi konklużivi u fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, u ma jippermettux li jiġi vverifikat jekk l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari humiex konformi mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

233

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Bulgarija, mir-Repubblika Ċeka, mill-Ungerija, mir-Rumanija u mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta dan l-argument.

234

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, il-kriterji ta’ skrinjar tekniku stabbiliti skont l-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-regolament għandhom ikunu bbażati fuq elementi xjentifiċi konklużivi u l-prinċipju ta’ prekawzjoni, stabbilit fl-Artikolu 191 TFUE.

235

F’dan il-każ, l-ewwel nett, mill-premessa 6 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-evalwazzjoni xjentifika tat-TEG u fuq l-evalwazzjoni xjentifika li tinsab fir-rapport tal-JRC. Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 48 iktar ’il fuq, hija bbażat ruħha wkoll fuq l-opinjonijiet tal-grupp ta’ esperti msemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom u tas-SCHEER. Barra minn hekk, fl-anness tekniku tar-rapport finali tiegħu tad‑9 ta’ Marzu 2020, it-TEG sostna li “d-data dwar il-kontribut potenzjali sostanzjali tal-enerġija nukleari għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima [kienet] abbundanti u mingħajr ekwivoċi” billi rreferiet għal diversi studji xjentifiċi.

236

Insostenn tal-argument tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija sempliċement tiċċita tliet studji fir-rigward tal-fatt li l-enerġija nukleari u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jippreġudikaw lil xulxin u ma humiex komplementari, mingħajr ma tispjega kif il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ddefiniti għall-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari jwasslu għal esklużjoni tal-assi b’intensità qawwija ta’ karbonju.

237

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rrikonoxxut lill-Kummissjoni fl-għażla u fl-evalwazzjoni tal-istudji xjentifiċi, imfakkra fil-punt 212 iktar ’il fuq, ir-Repubblika tal-Awstrija ma turix, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tibbaża ruħha fuq elementi xjentifiċi konklużivi.

238

Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, is-sempliċi fatt li analiżi tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ kontestazzjonijiet fil-letteratura xjentifika ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkontestata din l-analiżi.

239

It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, lanqas ma jista’ jitqies li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat b’“lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet” fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tliet setturi ekonomiċi rilevanti marbuta mal-enerġija nukleari jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

240

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-obbligu li jiġu mmotivati deċiżjonjiet jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni peress li din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. (ara s-sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Dumitrescu et vs Il‑Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja, C‑567/22 P sa C‑570/22 P, EU:C:2024:336, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argumenti tagħha dwar il-“lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet”, ir-Repubblika tal-Awstrija essenzjalment tikkontesta l-motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat u mhux il-fondatezza tiegħu, peress li dan huwa wkoll il-każ tal-ilmenti l-oħra mressqa insostenn tar-rikors li jikkonċernaw tali lakuni.

241

Sussegwentement, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 216 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-issodisfar tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija huwa mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt fil-premessa 6 tar-Regolament ikkontestat, kif ukoll fl-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament Delegat 2021/2139, li jagħmlu riferiment għall-opinjonijiet tal-esperti kkonsultati mill-Kummissjoni.

242

It-tielet nett, peress li r-Repubblika tal-Awstrija ma tissostanzjax l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni b’argumenti speċifiċi fil-kuntest ta’ din il-parti tat-tieni motiv, u peress li hija sempliċement issemmi dan il-prinċipju, hemm lok li jitqies li dan l-ilment huwa inammissibbli skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, ADDE vs Il‑Parlament, T‑48/17, EU:T:2019:780, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

243

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tat-tieni motiv hija miċħuda u, għaldaqstant, it-tieni motiv huwa miċħud kollu kemm hu.

Fuq it-tielet u r-raba’ motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 17 tal-Artikolu 19(1)(f) u (g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

244

Insostenn tat-tielet u tar-raba’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tafferma, essenzjalment, li, billi inkluda l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari fl-attivitajiet tranżitorji u billi stabbilixxa l-kriterji ta’ skrinjar tekniku għal dawn l-attivitajiet, ir-Regolament ikkontestat kiser il-kriterju DNSH, jiġifieri l-kriterju li l-attività ekonomika kkonċernata ma għandhiex tikkawża dannu sinjifikattiv lil wieħed mill-għanijiet ambjentali mfittxija mir-Regolament dwar it-Tassonomija, previst fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, u fl-Artikolu 19(1)(f) u (g) tal-imsemmi regolament kif ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

245

L-Artikolu 17(1) tal-imsemmija regoli jipprevedi dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 3, b’kunsiderazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u tas-servizzi pprovduti minn attività ekonomika, inkluża evidenza minn valutazzjonijiet eżistenti taċ-ċiklu tal-ħajja, dik l-attività ekonomika għandha titqies li tagħmel ħsara sinifikanti:

(a)

lill-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, fejn dik l-attività twassal għal emissjonijiet sinifikanti ta’ [GS];

(b)

lill-adattament għat-tibdil fil-klima, fejn dik l-attività twassal għal impatt aktar negattiv fuq il-klima attwali u l-klima mistennija fil-futur, fuq l-attività stess jew fuq persuni, natura jew assi;

(c)

lill-użu sostenibbli u l-protezzjoni ta’ riżorsi tal-ilma u tal-baħar, fejn dik l-attività tkun ta’ detriment:

i)

għall-istatus tajjeb jew għall-potenzjal ekoloġiku tajjeb ta’ korpi tal-ilma, inklużi ilma tal-wiċċ u ilma ta’ taħt l-art; jew

(ii)

għall-istatus ambjentali tajjeb tal-ilmijiet marini;

(d)

lill-ekonomija ċirkolari, inklużi l-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, fejn:

i)

dik l-attività twassal għal ineffiċjenzi sinifikanti fl-użu tal-materjali jew fl-użu dirett jew indirett ta’ riżorsi naturali bħal sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli, materja prima, ilma u art f’wieħed jew aktar stadji taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti, inkluż f’termini ta’ durabbiltà, riparabbiltà, kapaċità ta’ titjib fil-kwalità, kapaċità ta’ użu mill-ġdid jew riċiklabbiltà ta’ prodotti;

(ii)

dik l-attività twassal għal żieda sinifikanti fil-ġenerazzjoni, fl-inċinerazzjoni jew fir-rimi tal-iskart, bl-eċċezzjoni tal-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż mhux riċiklabbli; jew

(iii)

ir-rimi fit-tul tal-iskart jista’ jikkawża ħsara sinifikanti u fit-tul lill-ambjent;

(e)

lill-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, fejn dik l-attività twassal għal żieda sinifikanti fl-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa fl-arja, fl-ilma jew fl-art, meta mqabbla mas-sitwazzjoni qabel ma tkun bdiet din l-attività; jew

(f)

lill-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi, fejn dik l-attività tkun:

(i)

detrimentali b’mod sinifikanti għall-kundizzjoni tajba u r-reżiljenza tal-ekosistemi; jew

(ii)

detrimentali għall-istat ta’ konservazzjoni ta’ ħabitats u speċijiet, inklużi dawk ta’ interess għall-Unjoni.”

246

L-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jipprevedi, min-naħa tiegħu, li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament:

“(a)

jidentifikaw l-aktar kontributi potenzjali rilevanti għall-għan ambjentali partikolari filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, filwaqt li jitqiesu kemm l-impatt fuq perijodu qasir kif ukoll dak fit-tul ta’ attività ekonomika partikolari;

(b)

jispeċifikaw ir-rekwiżiti minimi li jridu jiġu ssodisfati biex tiġi evitata ħsara sinifikanti lil kwalunkwe wieħed mill-għanijiet ambjentali rilevanti, filwaqt li jitqiesu kemm l-impatt fuq perijodu qasir kif ukoll dak fit-tul ta’ attività ekonomika partikolari;

(c)

ikunu kwantitattivi u kemm jista’ jkun jinkludu limiti, u b’mod ieħor ikunu kwalitattivi;

(d)

fejn xieraq, jibnu fuq l-iskemi tal-Unjoni ta’ tikkettar u ċertifikazzjoni, fuq metodoloġiji tal-Unjoni għall-evalwazzjoni tal-impronta ambjentali, u fuq is-sistemi tal-Unjoni ta’ klassifikazzjoni statistika, u jieħdu kont ta’ kull leġislazzjoni eżistenti rilevanti tal-Unjoni;

(e)

fejn ikun fattibbli, jużaw indikaturi ta’ sostenibbiltà kif imsemmi fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament[…] 2019/2088;

(f)

ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika konklużiva u jaderixxu mal-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 191 tat-TFUE;

(g)

jieħdu kont taċ-ċiklu tal-ħajja, inkluża l-evidenza mill-evalwazzjonijiet eżistenti taċ-ċiklu tal-ħajja, billi jikkunsidraw kemm l-impatt ambjentali tal-attività ekonomika stess kif ukoll l-impatt ambjentali tal-prodotti u s-servizzi pprovduti minn dik l-attività ekonomika, partikolarment billi jitqiesu l-produzzjoni, l-użu u t-tmiem tal-ħajja ta’ dawk il-prodotti u servizzi;

(h)

jieħdu kont tan-natura u l-iskala tal-attività ekonomika, inkluż:

(i)

jekk hijiex attività ta’ faċilitazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 16; jew

(ii)

jekk hijiex attività ta’ transizzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 10(2);

(i)

jieħdu kont tal-impatt potenzjali fuq is-suq tat-transizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli, inkluż ir-riskju li ċerti assi ma jibqgħux użabbli bħala riżultat ta’ tali transizzjoni, kif ukoll ir-riskju li jinħolqu inċentivi inkonsistenti għall-investiment b’mod sostenibbli;

(j)

ikopru l-attivitajiet ekonomiċi rilevanti kollha f’settur speċifiku u jiżguraw li dawk l-attivitajiet ikunu trattati b’mod ugwali jekk jikkontribwixxu b’mod ugwali għall-għanijiet ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq; u

(k)

ikunu faċli biex jintużaw u jitfasslu b’mod li jiffaċilita l-verifika tal-konformità magħhom[…]”

247

B’mod preliminari, għandu jitfakkar ukoll li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mill-Artikolu 11, mill-Artikolu 168(1), mill-Artikolu 169(1) u (2) u mill-Artikolu 191(1) u (2) TFUE, u li jobbliga lill-awtoritajiet ikkonċernati jieħdu, fil-kuntest speċifiku tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilhom mil-leġiżlazzjoni rilevanti, miżuri adegwati sabiex jiġu evitati ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, għas-sigurtà u għall-ambjent filwaqt li jagħtu iktar preċedenza lir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn l-interessi meta mqabbla mal-interessi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, BASF Agro et vs Il‑Kummissjoni, T‑584/13, EU:T:2018:279, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

248

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jippermetti lill-istituzzjonijiet, meta jkun hemm inċertezzi xjentifiċi rigward l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, li jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jkunu kompletament stabbiliti jew li l-effetti avversi għas-saħħa jimmaterjalizzaw irwieħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, BASF Agro et vs Il‑Kummissjoni, T‑584/13, EU:T:2018:279, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

249

L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni ma hijiex limitata għal każijiet fejn l-eżistenza ta’ riskju tkun inċerta, iżda tista’ tintervjeni wkoll fil-każ fejn l-eżistenza ta’ riskju tkun ċerta u fejn il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk dan ir-riskju huwiex aċċettabbli jew le, jew saħansitra għandhiex tevalwa b’liema mod għandhom jiġu indirizzati fil-kuntest tal-ġestjoni tar-riskju (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Bayer CropScience et vs Il‑Kummissjoni, T‑429/13 u T‑451/13, EU:T:2018:280, punt 340).

250

Fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni minn istituzzjoni ta’ miżuri xierqa sabiex jiġu evitati ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, tista’ ssir distinzjoni bejn tliet stadji suċċessivi: l-ewwel, l-identifikazzjoni tal-effetti potenzjalment negattivi li jirriżultaw minn fenomenu, it-tieni nett, l-evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent li huma marbuta ma’ dan il-fenomenu u, it-tielet nett, meta r-riskji potenzjali identifikati jaqbżu l-limitu ta’ dak li huwa aċċettabbli għas-soċjetà, il-ġestjoni tar-riskju permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni xierqa (sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2018, BASF Agro et vs Il‑Kummissjoni, T‑584/13, EU:T:2018:279, punt 60, u tal‑21 ta’ Frar 2024, PAN Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑536/22, taħt appell, EU:T:2024:98, punt 74).

251

L-evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa pubblika, għas-sigurtà u għall-ambjent tikkonsisti, għall-istituzzjoni li jkollha taffaċċja effetti potenzjalment negattivi li jirriżultaw minn fenomenu, fl-evalwazzjoni b’mod xjentifiku tal-imsemmija riskji u fil-fatt li jiġi stabbilit jekk dawn jaqbżux il-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà. Għaldaqstant, sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jwettqu evalwazzjoni tar-riskji, jeħtiġilhom, minn naħa, li jkollhom evalwazzjoni xjentifika tar-riskji u, min-naħa l-oħra, li jiddeterminaw il-livell ta’ riskju meqjus inaċċettabbli għas-soċjetà (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, BASF Agro et vs Il‑Kummissjoni, T-584/13, EU:T:2018:279, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

252

Bħala proċess xjentifiku, l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji għandha tiġi fdata mill-istituzzjoni lil esperti xjentifiċi. (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, BASF Agro et vs Il‑Kummissjoni, T‑584/13, EU:T:2018:279, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

253

Huma l-istituzzjonijiet responsabbli mill-għażla politika li tikkostitwixxi l-iffissar ta’ livell ta’ protezzjoni xierqa għas-soċjetà li għandhom, filwaqt li josservaw id-dispożizzjonijiet applikabbli, jiddeterminaw il-livell ta’ riskju meqjus bħala inaċċettabbli għal tali soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, BASF Agro et vs Il‑Kummissjoni, T‑584/13, EU:T:2018:279, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

254

Fid-determinazzjoni tal-livell ta’ riskju meqjus inaċċettabbli għas-soċjetà, l-istituzzjonijiet huma marbuta bl-obbligi tagħhom li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà u tal-ambjent. Dan il-livell għoli ta’ protezzjoni ma għandux neċessarjament ikun teknikament l-ogħla possibbli. Barra minn hekk, dawn l-istituzzjonijiet ma jistgħux jadottaw approċċ purament ipotetiku tar-riskju u jorjentaw id-deċiżjonijiet tagħhom għal-livell ta’ riskju żero (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, BASF Agro et vs Il‑Kummissjoni, T‑584/13, EU:T:2018:279, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

255

Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li hemm lok li tiġi rrikonoxxuta lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa, meta hija tadotta, miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji. Fil-fatt, dan il-qasam min-naħa tiegħu jimplika, b’mod partikolari, għażliet politiċi, kif ukoll evalwazzjonijiet kumplessi. Hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura deċiża f’dan il-qasam li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et, C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 49).

256

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jippermetti lill-istituzzjonijiet, meta jkun hemm inċertezzi xjentifiċi rigward l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, li jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jkunu kompletament stabbiliti jew li l-effetti avversi għas-saħħa jimmaterjalizzaw rwieħhom

257

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni tippreżupponi evalwazzjoni xjentifika tar-riskji, id-determinazzjoni ta’ livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli u l-adozzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ miżuri ta’ protezzjoni xierqa.

258

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għall-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija.

– Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju u l-ħames ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-livell ta’ protezzjoni

259

Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, issostni, essenzjalment, li l-għan ta’ sostenibbiltà ambjentali mfittex mir-Regolament dwar it-Tassonomija u l-prinċipju ta’ prekawzjoni jimmilitaw favur livell iktar baxx ta’ riskju aċċettabbli skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament u għalhekk, meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nukleari tradizzjonali, favur livell ta’ protezzjoni ogħla. Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tiddeduċi minn dan li l-kriterji ta’ eżami tekniċi ma humiex suffiċjenti, peress li dawn il-kriterji spiss jirreferu għal-leġiżlazzjonijiet adottati skont it-Trattat Euratom jew għall-atti legali ta’ applikazzjoni ġenerali tal-Unjoni.

260

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Bulgarija, mir-Repubblika Ċeka, mir-Repubblika Franċiża, mill-Ungerija, mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Repubblika Slovakka u mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta dan l-argument.

261

Għandu jitfakkar li, fid-definizzjoni tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, b’mod partikolari dawk relatati mal-kriterju DNSH, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prekawzjoni skont l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

262

Madankollu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, bħala tali, ma jiddefinixxix livell ta’ protezzjoni speċifika, iżda jikkostitwixxi metodu li jippermetti lill-istituzzjonijiet kompetenti jieħdu miżuri ta’ protezzjoni minkejja l-eżistenza ta’ dubji xjentifiċi dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, BASF Agro et vs Il‑Kummissjoni, T‑584/13, EU:T:2018:279, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

263

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li l-għan tas-sostenibbiltà ambjentali tar-Regolament dwar it-Tassonomija jimmilita favur interpretazzjoni eżiġenti tal-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 40 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, “attività ekonomija ma tikkwalifikax bħala ambjentalment sostenibbli jekk tikkawża aktar ħsara lill-ambjent mill-benefiċċji li ġġib magħha” u li l-“kriterji tekniċi ta’ skrinjar jidentifikaw ir-rekwiżiti minimi meħtieġa biex tiġi evitata ħsara sinifikanti għal objettivi oħra, inkluż billi jibnu fuq kwalunkwe rekwiżit minimu stabbilit skont il-liġi tal-Unjoni”.

264

Għandu jiġi kkonstatat li din is-silta tal-premessa 40 tar-Regolament dwar it-Tassonomija tikkonferma li l-leġiżlatur qies li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku setgħu jilħqu l-għan ta’ sostenibbiltà ambjentali u jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ prekawzjoni billi jirreferu għall-osservanza tar-rekwiżiti minimi previsti fil-leġiżlazzjoni rilevanti.

265

Barra minn hekk, din l-intenzjoni tal-leġiżlatur hija kkonfermata mill-Artikolu 19(1)(d) tar-Regolament dwar it-Tassonomija li jeżiġi li, meta tistabbilixxi l-kriterji ta’ skrinjar tekniku, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni “kull leġislazzjoni eżistenti rilevanti tal-Unjoni”, u mill-premessi 43 u 44 ta’ dan ir-regolament.

266

Barra minn hekk, jekk ma jimponix dan, ir-Regolament dwar it-Tassonomija ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tistabbilixxi kriterji iktar protettivi, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi li jirriżultaw minn regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni.

267

Madankollu, ir-Repubblika tal-Awstrija mhux qiegħda turi li, fir-rigward tal-kriterju DNSH, ir-Regolament ikkontestat sempliċement irrepeta r-rekwiżiti li jirriżultaw minn regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni. Hija tammetti wkoll, fil-punt 145 tar-rikors, li ġew stabbiliti kriterji addizzjonali.

268

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi deċiż li l-Kummissjoni, fir-Regolament ikkontestat, kisret l-għan ta’ sostenibbiltà ambjentali, l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, l-Artikolu 19(1)(f) tal-imsemmi regolament jew ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni billi rreferiet għall-osservanza tar-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

269

Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tielet motiv, l-ewwel parti tar-raba’ motiv u l-ħames ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv huma infondati.

– Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija

270

Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, issostni, essenzjalment, li l-inklużjoni tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari fir-Regolament ikkontestat tirriżulta minn ksur tar-rekwiżiti ta’ prova li jirriżultaw mill-Artikolu 17 mill-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. B’mod partikolari, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, l-ewwel nett, li l-konstatazzjoni tal-konformità tal-enerġija nukleari mal-kriterju DNSH kienet ibbażata fuq konstatazzjoni tal-JRC li l-“analiżijiet ma żvelawx evidenza xjentifika li l-enerġija nukleari hija iktar ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mit-teknoloġiji l-oħra ta’ produzzjoni tal-elettriku diġà inklużi fit-tassonomija bħala attivitajiet li jiffavorixxu l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima”. Hawnhekk hemm approċċ komparattiv tal-enerġija nukleari mal-enerġiji l-oħra, li ma huwiex previst mill-imsemmi Artikolu 17. It-tieni nett, fil-kuntest tal-verifika tal-osservanza tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-assenza ta’ prova xjentifika ta’ dannu sinjifikattiv ma tikkostitwixxix kriterju rilevanti, li huwa importanti biss il-kwistjoni dwar jekk kull dubju raġonevoli ta’ tali dannu setax jiġi eskluż. It-tielet nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta s-saħħa probatorja tar-rapport tal-JRC minħabba li huwa defiċjenti u inkomplet, u għandu kontradizzjonijiet fundamentali ma’ studji xjentifiċi oħra, u li l-JRC jikkostitwixxi korp intern tal-Kummissjoni. Hija tikkontesta wkoll ir-rapport tal-JRC billi tibbaża ruħha fuq il-kritika li tinsab fl-opinjoni tas-SCHEER.

271

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, tikkontesta dan l-argument.

272

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-approċċ tal-JRC, ikkritikat mir-Repubblika tal-Awstrija, kien jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tar-riżultat tar-riċerki diġà mwettqa qabel l-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2139 fir-rigward ta’ attivitajiet oħra. Kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, tali approċċ huwa konformi mal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, imfakkar fil-punt 112 iktar ’il fuq, u jippermetti evalwazzjoni tar-riskji koerenti ma’ dik li saret għal dawn l-attivitajiet l-oħra.

273

Fit-tieni lok, il-kritika ta’ żball fl-evalwazzjoni tal-livell ta’ prova applikabbli, sa fejn ir-rapport tal-JRC huwa bbażat fuq assenza ta’ provi xjentifiċi ta’ dannu sinjifikattiv iktar milli fuq l-assenza ta’ kull dubju raġonevoli dwar l-eżistenza ta’ dannu materjali, lanqas ma tista’ tintlaqa’.

274

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ prekawzjoni ma jimponix li jiġi eskluż kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-eżistenza ta’ ħsara lill-ambjent, għaliex dan iwassal sabiex jiġi impost fuq il-Kummissjoni livell ta’ riskju żero, li jmur kontra l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punt 145).

275

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kriterju meħud inkunsiderazzjoni huwa konformi mal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, li jimponi biss fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tibbaża ruħha fuq elementi xjentifiċi konklużivi.

276

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kritiki l-oħra dwar ir-rapport tal-JRC, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 212 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dak li jirrigwarda kemm l-għażla tal-istudji xjentifiċi kif ukoll l-evalwazzjoni tagħhom. Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija ma turix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbażat ruħha fuq l-imsemmi rapport.

277

B’hekk, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Awstrija tagħmel riferiment globali għall-opinjoni teknika tal-BASE fuq ir-rapport tal-JRC, l-opinjoni kuntrarja fi ħdan il-grupp ta’ esperti msemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom, u għar-“referenzi differenti ċċitati fil-motivi l-oħra”. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi lill-partijiet billi tipprova tfittex l-elementi rilevanti fid-dokumenti li huma jirreferu għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Siberia Oriental vs CPVO (Siberia), T‑737/18, EU:T:2020:289, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-assenza ta’ identifikazzjoni suffiċjentement preċiża tal-elementi li jistgħu jsostnu l-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija, dawn għalhekk ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

278

It-tieni nett, fir-rigward tar-riferiment għall-analiżi tas-SCHEER, għandu jiġi rrilevat li dan ma għandux is-sens li tattribwixxilu r-Repubblika tal-Awstrija. Għalkemm is-SCHEER, ċertament, enfasizza li huwa tal-fehma li d-dipendenza fuq qafas regolatorju operattiv ma hijiex dejjem suffiċjenti, huwa madankollu kkonkluda li huwa “globalment konformi mal-konklużjoni tal-JRC” li l-attivitajiet ta’ operat tal-impjanti tal-enerġija nukleari ma jirrappreżentawx dannu inevitabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, bil-kundizzjoni li l-attivitajiet industrijali assoċjati jissodisfaw il-kriterji tekniċi xierqa ta’ skrinjar.

279

It-tielet nett, fi kwalunkwe każ, mis-sempliċi fatt li r-rapport tal-JRC ġie kkritikat fuq ċerti punti mis-SCHEER ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq elementi mhux konklużivi bi ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Fil-fatt, fid-dawl tat-tħassib espress mis-SCHEER, dwar l-insuffiċjenza tal-qafas regolatorju operattiv, il-Kummissjoni inkludiet fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat kriterji addizzjonali, li jmorru lil hinn mil-livell stabbilit mir-regoli eżistenti tad-dritt tal-Unjoni.

280

Ir-raba’ nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkunsidra li r-rapport tal-JRC ma jistax jiġi kkunsidrat bħala iktar probatorju minn studji xjentifiċi oħra, sa fejn dan huwa korp intern tal-Kummissjoni u mhux korp indipendenti.

281

Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija ma tissostanzjax l-allegazzjoni tagħha li r-rapport tal-JRC ġie kkunsidrat bħala iktar probatorju minn studji oħra li joriġinaw minn esperti xjentifikament irrikonoxxuti.

282

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija la tallega u lanqas turi li l-evalwazzjonijiet mir-rapport tal-JRC ma jistgħux jitqiesu bħala elementi xjentifiċi konklużivi fis-sens tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

283

Għaldaqstant, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jippermettux li jintwera li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżiti ta’ prova li jirriżultaw mill-Artikolu 17 mill-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

284

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tielet motiv hija infondata.

– Fuq l-ilmenti l-oħra tat-tielet parti tat-tielet motiv u t-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ għarfien tar-riskji ta’ inċidenti gravi tar-reattur

285

Fil-kuntest tat-tielet parti tat-tielet motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, issostni li l-inklużjoni tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari fit-tassonomija hija bbażata fuq nuqqas ta’ għarfien tar-riskji ta’ inċident gravi tar-reattur u għalhekk tikkawża dannu sinjifikattiv lill-għanijiet ambjentali, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(c), (e) u (f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, dwar il-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-ambjent kif ukoll il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li ma huwiex possibbli li jiġu esklużi l-konsegwenzi li l-inċidenti serji tar-reatturi jista’ jkollhom fuq dawn l-għanijiet ambjentali. Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkunsidra wkoll li l-analiżi u l-motivi tar-Regolament ikkontestat fihom lakuni f’dan ir-rigward. Hija tafferma wkoll li l-Kummissjoni ma tistax issostni li l-leġiżlatur iddelegalha s-setgħa li tiddetermina r-riskju aċċettabbli għas-soċjetà u li l-Kummissjoni ma għandha ebda marġni ta’ manuvra fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

286

Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat ma jippermettux li jiġi eskluż, billi jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet u għall-istandards ta’ sigurtà nukleari eżistenti, l-okkorrenza ta’ dannu sinjifikattiv ikkawżat mir-riskju ta’ inċidenti serji ta’ reattur għall-għanijiet ambjentali msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 17(1)(c), (e) u (f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija (protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar, prevenzjoni u tnaqqis tat-tniġġis, protezzjoni u restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi). Sa fejn il-kriterji ta’ skrinjar tekniku xi drabi jipprevedu kriterji addizzjonali, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li dawn huma vagi jew li jittrasferixxu illegalment il-kompetenza regolatorja lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali.

287

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, mir-Repubblika Franċiża, mill-Ungerija, mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Rumanija, mir-Repubblika tas-Slovenja u mir-Repubblika Slovakka, tikkontesta dan l-argument.

288

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-osservanza tal-kriterju DNSH ma tistax tiġi vverifikata in abstracto, iżda fid-dawl tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti fir-Regolament ikkontestat.

289

L-ewwel, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jipprevedi li attività ekonomika għandha titqies li hija ambjentalment sostenibbli, b’mod partikolari, jekk din l-attività ekonomika ma tikkawżax ħsara sinjifikattiva lil wieħed mill-għanijiet ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, konformement mal-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament.

290

B’mod partikolari, mill-Artikolu 17(1)(c), (e) u (f) u mill-premessi 34 u 40 tar-Regolament dwar it-Tassonomija jirriżulta li, sabiex titqies bħala ambjentalment sostenibbli, attività ekonomika partikolari ma għandhiex tikkawża ħsara sinjifikattiva lil wieħed mill-għanijiet ambjentali ddefiniti fir-Regolament dwar it-Tassonomija, jiġifieri dannu li jaqbeż il-kontribuzzjoni ta’ din l-attività għal għan ambjentali.

291

Barra minn hekk, il-kriterji ta’ skrinjar tekniku ddefiniti għal kull attività għandhom jippermettu li jiġi żgurat li din l-attività ma tikkawżax dannu sinjifikattiv lil wieħed mill-għanijiet ambjentali ddefiniti fir-Regolament dwar it-Tassonomija.

292

Għal dan l-għan, kif jirriżulta mill-punti 263 sa 265 iktar ’il fuq, il-kriterji ta’ skrinjar tekniku għandhom jiddefinixxu r-rekwiżiti minimi neċessarji b’mod partikolari billi jibbażaw ruħhom fuq kull rekwiżit minimu stabbilit skont id-dritt tal-Unjoni, li jinkludi b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal‑25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-impjanti nukleari (ĠU 2009, L 172, p. 18), mingħajr ma jkunu preklużi milli jmorru lil hinn mill-imsemmija rekwiżiti.

293

Barra minn hekk, ir-riferiment għal dannu sinjifikattiv jimplika li l-osservanza tal-kriterju DNSH hija intiża li tipprekludi danni kkaratterizzati minn ċerta gravità li jmorru lil hinn mill-kontribuzzjoni tal-attività kkonċernata għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

294

Dan ir-riferiment jimplika wkoll, meta d-dannu sinjifikattiv għall-ambjent previst jirriżulta minn riskju ta’ inċident, li dan ir-riskju jippreżenta ċertu grad ta’ probabbiltà.

295

Sabiex tingħata risposta għall-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk dawn humiex ta’ natura li juru li, billi inkludiet l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari fit-tassonomija, il-Kummissjoni injorat ir-riskju ta’ inċident gravi ta’ reattur u kkawżat għalhekk dannu sinjifikattiv għall-għanijiet ambjentali identifikati mir-Repubblika tal-Awstrija u jekk, billi stabbilixxiet il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar intiżi sabiex jipprevjenu dan ir-riskju, il-Kummissjoni ddefinixxietx ir-rekwiżiti minimi neċessarji sabiex jiġi evitat dannu sinjifikattiv għal dawn l-għanijiet.

296

It-tieni nett, huwa paċifiku bejn il-partijiet li, għalkemm il-gravità tal-konsegwenzi ta’ inċident eventwali ta’ reattur tippreżenta livell baxx ta’ inċertezza, il-probabbiltà li jseħħ tali inċident tippreżenta livell għoli ta’ inċertezza. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 248 iktar ’il fuq, huwa fid-dawl ta’ din l-inċertezza dwar il-probabbiltà li jseħħ inċident gravi ta’ reattur li l-prinċipju ta’ prekawzjoni huwa intiż li japplika.

297

F’dan ir-rigward, ġie deċiż li l-adozzjoni ta’ miżura preventiva jew, bil-kontra, l-irtirar jew il-flessibbiltà tagħha ma għandhomx ikunu suġġetti għall-prova ta’ nuqqas ta’ kull riskju, peress li tali prova hija, b’mod ġenerali, impossibbli li tiġi prodotta mill-aspett xjentifiku peress li livell ta’ riskju żero ma jeżistix fil-prattika (sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 140; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Solvay Pharmaceuticals vs Il‑Kunsill, T‑392/02, EU:T:2003:277, punt 130).

298

Huwa importanti, f’dan il-każ, li l-esperti xjentifiċi jagħmlu evalwazzjoni xjentifika tar-riskji minkejja l-inċertezza xjentifika li fadal, b’mod li l-awtorità pubblika kompetenti jkollha informazzjoni affidabbli u solida biżżejjed sabiex tkun tista’ tifhem il-portata kollha tal-kwistjoni xjentifika mressqa u sabiex tiddetermina l-politika tagħha b’mod informat (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2011, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑257/07, EU:T:2011:444, punt 77; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punti 160 sa 163, u tal‑11 ta’ Settembru 2002, Alpharma vs Il‑Kunsill, T‑70/99, EU:T:2002:210, punti 173 sa 176).

299

Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 255 iktar ’il fuq, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija jistgħux juru li l-inklużjoni tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari u d-determinazzjoni tal-kriterji ta’ eżami tekniċi kinux manifestament żbaljati fir-rigward tar-riskju ta’ inċident gravi ta’ reattur.

300

Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tibbaża ruħha fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2000) 1 final, tat‑2 ta’ Frar 2000, fuq l-użu tal-prinċipju ta’ prekawzjoni sabiex issostni li evalwazzjoni tar-riskji fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni ma tistax tkun ibbażata biss fuq il-probabbiltà li jseħħ avveniment, iżda għandha tintegra wkoll il-gravità tal-konsegwenzi tiegħu, li huma eċċezzjonali għall-inċidenti tar-reattur.

301

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ konsegwenzi gravi għall-bniedem u għall-ambjent u tad-danni identifikati mir-Repubblika tal-Awstrija tiddependi neċessarjament mill-probabbiltà li jseħħ inċident gravi ta’ reattur.

302

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2000) 1 final, tat‑2 ta’ Frar 2000, dwar l-użu tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, sa fejn din il-komunikazzjoni tipprevedi wkoll it-teħid inkunsiderazzjoni tal-probabbiltà li jseħħ riskju sabiex jiġi evalwat dan ir-riskju.

303

L-evalwazzjoni tar-riskju ta’ inċident gravi tippreżupponi għalhekk li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-probabbiltà żgħira li jseħħ dan ir-riskju, irrikonoxxuta mir-Repubblika tal-Awstrija fil-punt 98 tar-rikors, kif ukoll il-gravità kunsiderevoli tal-konsegwenzi eventwali ta’ tali inċident.

304

Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li r-rapport tal-JRC ma huwiex biżżejjed sa fejn huwa jitlaq mill-prinċipju li l-probabbiltà ta’ inċident gravi ipotetiku tar-reattur li jikkawża l-mewt ta’ 30000 persuna hija estremament baxxa filwaqt li studju statistiku iktar reċenti [Wheatley/Sovacool/Sornet, Reassessing the safety of nuclear power (“Rivalutazzjoni tas-sigurtà tal-enerġija nukleari”), Energy Research Social Science 15 (2016), p. 96 et seq., b’mod partikolari p. 99], mhux imsemmija mil-JRC, issostni, minn naħa, li minkejja t-titjib kollu tal-istandards ta’ sigurtà, il-probabbiltà li inċident gravi ta’ reattur ser iseħħ kull 60 sa 150 sena hija ta’ 50 % u, min-naħa l-oħra, li, jekk il-portata tal-konsegwenzi tittieħed inkunsiderazzjoni, ir-riskju soċjali aggregat tal-enerġija nukleari jibqa’ għoli. Minn dan hija tiddeduċi li għad hemm inċertezzi kbar.

305

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-probabbiltajiet ta’ aċċident tar-reattur, fir-rapport tiegħu l-JRC ikkunsidra dan li ġej:

“Inċidenti serji ta’ fużjoni tal-qalba tar-reattur seħħew f’impjanti nukleari u l-pubbliku huwa konxju sew mill-konsegwenzi tat-tliet inċidenti kbar, jiġifieri Three Mile Island (1979, USA), Chernobyl (1986, Unjoni Sovjetika) u Fukushima (2011, il-Ġappun). L-impjanti nukleari involuti f’dawn l-inċidenti kienu ta’ tipi differenti u ċ-ċirkustanzi li wasslu għal dawn l-avvenimenti kienu wkoll differenti ħafna. Inċidenti serji huma avvenimenti bi probabbiltà estremament baxxa iżda b’konsegwenzi potenzjalment serji u ma jistgħux jiġu esklużi b’ċertezza ta’ 100 %.”

306

Il-JRC ikkunsidra wkoll li inċident gravi f’impjant nukleari ta’ ġenerazzjoni III kien avveniment improbabbli ħafna.

307

Issa, il-fatt li din il-probabbiltà hija kkontestata mill-istudju prodott mir-Repubblika tal-Awstrija ma huwiex biżżejjed, bħala tali, sabiex jikkaratterizza żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 212 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ studji xjentifiċi.

308

Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li x-xenarju deskritt fl-istudju ċċitat mir-Repubblika tal-Awstrija jitlaq mill-ipoteżi, mhux paragunabbli ma’ dik prevista fir-rapport tal-JRC, li tgħid li 388 reattur huma operattivi u ma seħħ ebda titjib wara l-inċident ta’ Fukushima.

309

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ma turix li l-Kummissjoni eċċediet il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fid-determinazzjoni tal-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà.

310

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija tilmenta li r-rapport tal-JRC jagħmel riferiment għal paraguni mar-riskju ta’ ħsara tad-diga u mal-vittmi tat-tniġġis atmosferiku, tat-tipjip jew tat-traffiku fit-toroq, u li ma jittrattax il-konsegwenzi fit-tul tal-inċidenti tar-reattur fuq il-ħajja umana.

311

Madankollu, kif jirriżulta mir-rapport tal-JRC, dawn il-paraguni huma intiżi sabiex iqiegħdu ċ-ċifra tan-numru ta’ vittmi f’perspettiva ma’ attivitajiet umani oħra sabiex jenfasizzaw id-differenzi fil-perċezzjoni tar-riskji. Barra minn hekk, il-JRC iċċara li huwa diffiċli li jitkejlu l-konsegwenzi fit-tul fuq il-ħajja tal-bniedem, filwaqt li rrikonoxxa l-importanza tagħhom.

312

Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkritika wkoll ir-rapport tal-JRC li ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-konsegwenzi fuq l-ambjent, filwaqt li dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Ir-rapport tal-JRC b’hekk naqas milli jeżamina aspetti deċiżivi, jiġifieri l-eżami tal-impatt ambjentali tal-inċidenti tar-reattur bħal dak ta’ Fukushima.

313

Madankollu, f’dan ir-rigward, fil-paġni 105 u 121 tar-rapport tiegħu, il-JRC irrefera għar-rapport tal-Kumitat Xjentifiku tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Effetti tar-Radjazzjoni Atomika [“Levels and effects of radiation exposure due to the accident at the Fukushima Daiichi Nuclear Power Station: implications of information published since the UNSCEAR 2013 Report” (Il-Livelli u effetti ta’ espożizzjoni għar-radjazzjoni minħabba l-inċident tal-impjant nukleari ta’ Fukushima Daiichi: implikazzjonijiet tal-informazzjoni ppubblikata mir-rapport tal-UNSCEAR tal-2013), Sources, Effects and Risks of Ionizing Radiation, UNSCEAR 2020 Report, 2021, Vol. II, Anness B), fejn l-effetti tal-inċident ta’ Fukushima fuq l-ambjent huma diskussi, u li ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tagħha.

314

Ir-rapport tal-JRC ma jistax għalhekk jitqies bħala nieqes f’dan ir-rigward.

315

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari huma suġġetti għal regolamentazzjoni stretta fid-dritt tal-Unjoni, intiża sabiex tnaqqas il-probabbiltà ta’ inċidenti serji ta’ reattur u l-gravità ta’ tali inċidenti għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

316

F’dan ir-rigward, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar jirreferu b’mod espliċitu għar-regoli kollha tal-Unjoni dwar is-sikurezza nukleari, kif ukoll għall-gwida internazzjonali l-aktar reċenti mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) u l-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent (WENRA).

317

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tifformulax argumenti iktar speċifiċi intiżi li juru li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari huma ta’ ħsara għall-istatus ekoloġiku tajjeb tal-korpi tal-ilma jew tal-ilmijiet marini, iwasslu għal żieda notevoli fl-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa fl-ilma, fl-arja jew fl-art, jew jikkawżaw ħsara lill-istat tajjeb u lir-reżiljenza tal-ekosistemi jew lill-istat ta’ konservazzjoni tal-habitats jew tal-ispeċi, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(c), (e) u (f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

318

Għaldaqstant, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jippermettux li jintwera li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li, fil-kuntest tar-regoli ta’ sigurtà nukleari tal-Unjoni msemmija fir-Regolament ikkontestat, il-kriterju DNSH kien osservat u, b’mod partikolari, li ma kienx ġie stabbilit li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari kienu dannużi għall-istat ekoloġiku tajjeb tal-korpi tal-ilma jew tal-ilmijiet tal-baħar, kienu jwasslu għal żieda notevoli fl-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa fl-ilma, fl-arja jew fil-ħamrija, jew kienu ta’ ħsara għall-istat tajjeb u għar-reżiljenza tal-ekosistemi jew għall-istatus ta’ konservazzjoni tal-habitats jew tal-ispeċi fis-sens tal-Artikolu 17(1)(c), (e) u (f) ir-Regolament dwar it-Tassonomija.

319

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegati “lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet”, kif ukoll tal-kritiki fformulati fir-rigward tar-rapport tal-JRC, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li dan ir-rapport kellu jevalwa l-ħsara lill-għanijiet ambjentali minn inċidenti gravi tar-reatturi u l-konsegwenzi tagħhom fuq is-saħħa, b’mod partikolari billi jieħu inkunsiderazzjoni l-istudji kritiċi attwali tal-probabbiltajiet ta’ inċident, sa fejn dawn huma aspetti deċiżivi fil-kuntest tal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Minn dan ir-Repubblika tal-Awstrija tiddeduċi li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

320

B’mod partikolari, billi tibbaża ruħha fuq ir-rapport ta’ SCHEER, ir-Repubblika tal-Awstrija takkuża lil-JRC li ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-effetti tar-raġġi radjuattivi fuq l-ambjent fil-każ ta’ rilaxx ta’ dożi għoljin ta’ tali radjazzjoni wara inċident ta’ reattur.

321

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif tenfasizza r-Repubblika tal-Awstrija fil-punt 100 tar-rikors, il-JRC irrikonoxxa espressament fir-rapport tiegħu li inċident gravi ta’ reattur iwassal għal konsegwenzi gravi għall-bniedem u għall-ambjent.

322

Ir-rapport tal-JRC ma jistax għalhekk jitqies bħala żbaljat jew inkomplet f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi ta’ inċident gravi tar-reattur fuq l-ambjent.

323

Barra minn hekk, il-fatt li l-JRC ma ddeterminax grad ta’ probabbiltà ta’ inċident ta’ reattur identiku għal dak evalwat fl-istudji ċċitati mir-Repubblika tal-Awstrija ma huwiex biżżejjed sabiex juri li dan ir-rapport huwa inkomplet jew żbaljat.

324

Minn dan isegwi li ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rapport li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni kien insuffiċjenti jew żbaljat f’dan ir-rigward.

325

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 7 tar-Regolament ikkontestat, u mir-riferiment magħmul għal din il-premessa għar-rapport tal-JRC, li għalhekk jagħmel parti mill-motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 216 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt l-evalwazzjoni tagħha li l-enerġija nukleari ma kinitx tikkawża dannu sinjifikattiv għall-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija fir-rigward tar-riskji ta’ inċidenti serji tar-reattur. F’dan ir-rigward, l-affermazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija li tgħid li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat b’“lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet” sa fejn ir-rapport tal-JRC evalwa l-konsegwenzi tal-inċidenti serji tar-reattur billi ffoka l-analiżi tiegħu fuq l-imwiet umani, u billi eskluda konsegwenzi diretti u indiretti oħra li huma iktar diffiċli li jiġu evalwati, b’mod partikolari l-konsegwenzi fuq l-ambjent, għandha tiġi miċħuda għar-raġuni indikata fil-punt 313 iktar ’il fuq.

326

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija baqgħet ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li bbażat ruħha fuq l-istandards ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent tal-Unjoni, li huma intiżi għal livell għoli ta’ protezzjoni, kien jippermetti li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(1)(ċ), (e) u (f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija u, għalhekk, li teskludi danni sinjifikattivi għall-għanijiet ambjentali fis-sens ta’ dan l-Artikolu 17.

327

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija tiċċita, bħala eżempju, il-kriterji ta’ skrinjar tekniku applikabbli għall-fażijiet prekummerċjali tat-teknoloġiji avvanzati, li jipprevedu b’mod partikolari li l-proġett għandu jkun ġie nnotifikat lill-Kummissjoni u li din għandha tkun tat l-opinjoni tagħha dwarha sabiex il-kriterji ta’ skrinjar tekniku jiġu sussegwentement “irregolati b’mod sodisfaċenti”. Hija tqis li dan ir-rekwiżit huwa vag wisq.

328

Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, dan il-kriterju ta’ skrinjar tekniku ma jistax jiġi evalwat indipendentement mill-kriterji ta’ eżami l-oħra kollha. Għall-kuntrarju, huwa intiż preċiżament sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-osservanza tal-kriterji kollha ta’ skrinjar tekniku, b’tali mod li ma jistax jitqies li huwa vag wisq.

329

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija tindika li, għall-impjanti l-ġodda, il-kriterju ta’ evalwazzjoni speċifikament rilevanti għar-riskji ta’ inċidenti huwa ddefinit f’dawn it-termini, fil-punt 4.27 tat-Taqsima 2 fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat: “Għall-finijiet tal-proġett, għandha tintuża l-aħjar teknoloġija disponibbli u, mill-2025, għandu jintuża karburant b’tolleranza għall-aċċidenti[;] it-teknoloġija għandha tiġi ċċertifikata u approvata mill-awtorità nazzjonali tas-sigurtà”. Hija tqis li din il-formulazzjoni ma tippermettix li tiġi eskluża l-okkorrenza ta’ ħsara sinjifikattiva lill-għanijiet ambjentali.

330

L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-kunċett tal-“aħjar teknoloġija disponibbli” ma huwiex iddefinit, b’tali mod li huwa vag wisq.

331

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li l-kriterju tal-aħjar teknoloġija disponibbli għandu l-mertu li jippermetti li jiġu inklużi żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi ġodda skont l-approċċ tal-ftuħ teknoloġiku. Għalhekk, konformement mal-punt 5 tat-Taqsima 4.27 li tinsab fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat, mill-2025 u mill-inqas kull għaxar snin, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-parametri tekniċi li jikkorrispondu għall-aħjar teknoloġija disponibbli.

332

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, il-kunċett tal-“aħjar teknoloġija disponibbli” huwa ddefinit fis-sentenza introduttiva tat-Taqsima 4.27 li tinsab fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat bħala t-teknoloġiji li huma kompletament konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/71 u li josservaw b’mod sħiħ il-parametri tekniċi l-iktar reċenti tal-istandards tal-AIEA kif ukoll l-għanijiet ta’ sigurtà u l-livelli ta’ referenza tal-WENRA.

333

It-tieni, fir-rigward tal-kundizzjoni l-oħra, dwar l-użu obbligatorju ta’ karburant b’tolleranza għall-inċidenti (iktar ’il quddiem l-“ATF”) mill-2025, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat b’kontradizzjoni intrinsika, sa fejn l-ATF hija meħtieġa biss għall-impjanti il-ġodda u għall-impjanti antiki mill-2025, iżda mhux għall-impjanti prekummerċjali (Taqsima 4.26 li tinsab fl-Annessi I u II tar-Regolament ikkontestat). Għalhekk, sa fejn il-Kummissjoni tammetti li l-ATF hija imposta għall-impjanti il-ġodda, sabiex jiġu evitati danni sinjifikattivi li jirriżultaw minn inċidenti nukleari, hija għandha wkoll teżiġi dan l-istess fjuwil għall-impjanti l-antiki qabel l-2025 u għall-impjanti prekummerċjali.

334

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li dan il-kriterju ma huwiex previst għall-attività ekonomika msemmija fit-Taqsima 4.26 li tinsab fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat ma huwiex kontradittorju. Fil-fatt, sa fejn din it-taqsima tikkonċerna l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp mhux kummerċjali (“prekummerċjali”) ta’ impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku innovattivi, li għandhom l-għan li jesploraw teknoloġiji li għadhom mhux magħrufa, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li ma timponix rekwiżiti dwar l-użu tal-fjuwil.

335

It-tielet nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza li l-kunċett ta’ ATF huwa vag wisq, sa fejn l-ATF qegħdin jiġu żviluppati u peress li ma jeżistux kriterji jew standards aċċettati fil-livell internazzjonali jew tal-Unjoni sabiex jiġu ddefiniti. Fl-assenza ta’ definizzjoni tal-ATF, ma jkunx possibbli li wieħed jifhem teknikament ir-rilevanza tas-sigurtà tagħhom, u dan iktar u iktar peress li lanqas ma jeżistu indikazzjonijiet dwar eventwali kriterji minimi tal-ATF u lanqas, bħala regola ġenerali, kunsens dwar id-definizzjoni tal-ATF fil-livell nazzjonali, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi previst jekk humiex ser ikunu disponibbli sal-2025 u jekk humiex iċċertifikati u awtorizzati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Barra minn hekk, il-kriterji ta’ evalwazzjoni jitħallew għall-evalwazzjoni tal-Istati Membri u l-użu ta’ tali fjuwil jista’ biss inaqqas ir-riskju ta’ rilaxx ta’ radjuattività f’każ ta’ inċident, u mhux ineħħih, minkejja l-formulazzjoni qarrieqa ta’ fjuwil “b’tolleranza għall-aċċidenti”.

336

Madankollu, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni li l-kriterju tal-ATF huwa vag, peress li, kif issostni l-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “ATF” jirreferi għal kategorija ta’ fjuwil magħrufa fl-oqsma speċjalizzati.

337

Ir-raba’ nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija li jiġu identifikati b’mod definittiv riskji ta’ sigurtà u li tiġi rikjesta l-eliminazzjoni tagħhom għall-futur (permezz tal-użu tal-ATF), filwaqt li tiġi ammessa minn issa klassifikazzjoni bħala ambjentalment sostenibbli fis-sens ta’ dan ir-regolament.

338

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, il-Kummissjoni setgħet tipprevedi perijodi tranżitorji f’att iddelegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2023, Landesbank Baden-Württemberg vs SRB, T‑389/21, EU:T:2023:827, punti 231 sa 233). Għalhekk, sa fejn il-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-istabbiliment tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, hija setgħet tipprevedi li dan ir-rekwiżit japplika biss fl-2025 sabiex tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-operaturi ekonomiċi ż-żmien neċessarju sabiex jadattaw ruħhom għal dan il-kriterju, u dan iktar u iktar peress li ebda ATF ma kien għadu ġie awtorizzat. Konsegwentement, hija ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

339

Il-ħames, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-Regolament dwar it-Tassonomija u l-missjoni fdata lill-Kummissjoni li tiddefinixxi kriterji tekniċi ta’ skrinjar ma jippermettulhiex li tinkariga lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex japprovaw u jiċċertifikaw l-ATF, mingħajr ma tiddefinixxi standards uniformi fil-livell tal-Unjoni, peress li d-dispożizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 10(2), fl-Artikolu 11(3) u fl-Artikolu 23 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ regolamenti ddelegati, ma jippermettux li d-definizzjoni tal-kriterji ta’ ċertifikazzjoni tiġi ttrasferita lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza.

340

Dan l-ilment ibbażat fuq ir-riferiment għall-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni u tal-awtorizzazzjoni għandu jiġi miċħud, sa fejn ir-Regolament ikkontestat sempliċement japplika r-regoli ta’ kompetenza fis-seħħ f’dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni tal-fjuwil.

341

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-impjanti qodma, ir-Repubblika tal-Awstrija tfakkar li l-kriterju ta’ skrinjar tekniku rilevanti għar-riskji ta’ inċidenti huwa ddefinit kif ġej: “[I] il-proġett immodernizzat għandu jimplimenta kull titjib raġonevolment possibbli fis-sigurtà u, mill-2025, juża [l-ATF; it-teknoloġija hija ċċertifikata u approvata mill-awtorità nazzjonali tas-sigurtà”.

342

Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkritika, minn naħa, il-fatt li r-rekwiżiti ta’ sigurtà huma mnaqqsa għall-impjanti il-qodma meta mqabbla mal-impjanti il-ġodda sa fejn, għall-impjanti l-qodma, huwa previst biss li “l-proġett immodernizzat jimplimenta kull titjib raġonevolment possibbli tas-sigurtà” u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ma jindirizzawx il-kundizzjonijiet ta’ installazzjoni ta’ impjant eżistenti, li huma importanti mill-perspettiva tat-tibdil fil-klima. Minn dan ir-Repubblika tal-Awstrija tiddeduċi li, għall-impjanti qodma, il-kriterji ta’ evalwazzjoni teknika huma dgħajfa u ma jippermettux li jiġi evitat dannu sinjifikattiv.

343

F’dan ir-rigward, u għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 263 sa 265 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku għandhom jiddefinixxu r-rekwiżiti minimi neċessarji sabiex jiġi evitat dannu sinjifikattiv għal għanijiet oħra, b’mod partikolari billi jibbażaw ruħhom fuq kull rekwiżit minimu stabbilit skont id-dritt tal-Unjoni. Issa, sa fejn il-kriterju ta’ “kull titjib fis-sikurezza raġonevolment prattiku”, fil-kuntest tal-produzzjoni tal-elettriku mill-enerġija nukleari f’impjanti eżistenti, huwa diġà meħtieġ mill-Artikolu 6(c) u mill-Artikolu 8a(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal‑25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2014/87/Euratom tat‑8 ta’ Lulju 2014 (ĠU 2014, L 219, p. 42), l-użu ta’ dan l-istess kriterju fil-punt 2 tat-Taqsima 4.28 li jinsab fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat ma jistax jitqies li jmur kontra l-Artikolu 17(1)(c), (e) u (f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

344

Minn dan lanqas ma jista’ jiġi dedott li, għall-impjanti qodma, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ma jippermettux li tiġi evitata ħsara sinjifikattiva, sa fejn dan il-kriterju jimponi l-istess rekwiżit bħad-Direttiva 2009/71.

345

Konsegwentement, l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija ma jippermettux li jintwera li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat jippermettu li jiġi eskluż, billi tirreferi għad-dispożizzjonijiet u għall-istandards ta’ sigurtà eżistenti, l-okkorrenza ta’ dannu sinjifikattiv għall-għanijiet ambjentali kkawżat mir-riskju ta’ inċidenti gravi tar-reattur.

346

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tat-tielet motiv u t-tieni parti tar-raba’ motiv huma infondati.

– Fuq ir-raba’ parti tat-tielet motiv u t-tielet parti tar-raba’ motiv, ibbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tar-riskji marbuta mal-iskart radjuattiv ta’ livell għoli

347

Fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tielet motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, issostni li l-inklużjoni tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari fit-tassonomija hija bbażata fuq nuqqas ta’ għarfien tar-riskji li jirriżultaw mill-iskart radjuattiv ta’ livell għoli li jippreġudikaw serjament l-għanijiet ambjentali msemmija fl-Artikolu 17(1)(c), (d), (e) u (f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni wkoll li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat minn “insuffiċjenza ta’ analiżi” u ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

348

Fil-kuntest tat-tielet parti tar-raba’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat ma humiex biżżejjed sabiex jipprekludu li r-rimi finali ta’ skart radjuattiv ta’ livell għoli jikkawża dannu sinjifikattiv lill-għanijiet ambjentali msemmija fl-Artikolu 17(1)(c), (d), (e) u (f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

349

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, mir-Repubblika Franċiża, mill-Ungerija, mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Rumanija, mir-Repubblika Slovakka u mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta dan l-argument.

350

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, fid-dawl taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u tas-servizzi pprovduti minn attività ekonomika, inklużi elementi fattwali minn valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja eżistenti, din l-attività ekonomika titqies li tikkawża ħsara sinjifikattiva lill-ekonomija ċirkolari, inkluż il-prevenzjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ, meta:

“(i)

dik l-attività twassal għal ineffiċjenzi sinifikanti fl-użu tal-materjali jew fl-użu dirett jew indirett ta’ riżorsi naturali bħal sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli, materja prima, ilma u art f’wieħed jew aktar stadji taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti, inkluż f’termini ta’ durabbiltà, riparabbiltà, kapaċità ta’ titjib fil-kwalità, kapaċità ta’ użu mill-ġdid jew riċiklabbiltà ta’ prodotti;

(ii)

dik l-attività twassal għal żieda sinifikanti fil-ġenerazzjoni, fl-inċinerazzjoni jew fir-rimi tal-iskart, bl-eċċezzjoni tal-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż mhux riċiklabbli; jew

(iii)

ir-rimi fit-tul tal-iskart jista’ jikkawża ħsara sinifikanti u fit-tul lill-ambjent”.

351

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-kompatibbiltà tal-attivitajiet ekonomiċi relatati mal-enerġija nukleari mal-kriterju DNSH għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti sabiex jiġi rrimedjat ir-riskju marbut mal-iskart radjuattiv.

352

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, wara li ddeskriva u analizza b’mod partikolari l-proġetti avvanzati ta’ żvilupp ta’ depożiti ġeoloġiċi profondi (iktar ’il quddiem id-“DGP”) fl-Isvezja, fil-Finlandja u fi Franza, il-JRC ikkonkluda fir-rapport tiegħu dan li ġej:

“Hemm kunsens wiesa’ fi ħdan il-komunità xjentifika dwar il-fatt li l-ħżin ġeoloġiku profond huwa l-iktar soluzzjoni sikura fit-tul għall-fjuwil nukleari użat u għall-iskart radjuattiv ħafna. Id-DGP huma bbażati fuq taħlita ta’ diversi ostakli li tinkludi kemm ostakli artifiċjali kif ukoll dawk naturali. Il-funzjonament sikur tal-faċilitajiet tal-ħżin ġeoloġiku għandu jiġi żgurat permezz ta’ sistemi tekniċi u kontrolli operazzjonali attivi. Il-faċilitajiet tal-ħżin għandhom ikunu ddisinjati biex ikunu passivi sikuri wara l-għeluq. Id-DGP huma mfassla biex jiżguraw li r-rilaxx radjuattiv potenzjali li se jseħħ fil-futur imbiegħed ikun ferm iktar baxx mil-limitu massimu ta’ doża awtorizzat stabbilit mil-leġiżlazzjoni rilevanti, li min-naħa tagħha jkollha ordnijiet ta’ kobor iktar baxxi mil-livelli ta’ doża ta’ sfond naturali, u li jiżguraw li ma ssir l-ebda ħsara sinjifikattiva lill-bnedmin permezz tal-ħażna. Bħalissa ma hemm l-ebda DGP operazzjonali, iżda wara erba’ deċennji ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku, il-kostruzzjoni u l-operar ta’ diversi depożiti huma ppjanati matul id-deċennju attwali.”

353

Fl-ewwel lok, wara li indikat li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari inklużi fir-Regolament ikkontestat jiġġeneraw kwantitajiet kunsiderevoli ta’ skart radjuattiv ta’ livell għoli li t-tul tat-tnaqqis tiegħu għal livell aċċettabbli tar-radjotossiċità jista’ jkun ta’ mijiet ta’ eluf ta’ snin, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li ma huwiex eskluż li l-użu ikbar tal-kapaċitajiet ta’ ħażna temporanja jista’ jippreġudika serjament l-ambjent, peress li l-użu tagħhom lil hinn mit-tul inizjalment previst iqajjem problemi ta’ sigurtà li għadhom ma ġewx solvuti, kif ikkonstata l-JRC fir-rapport tiegħu. Hija ssostni wkoll, essenzjalment, li, anki fil-każ ta’ disponibbiltà suffiċjenti ta’ DGP, il-ħażna ta’ skart radjuattiv ta’ livell għoli xorta waħda tista’ tikkawża ħsara sinjifikattiva lill-ambjent.

354

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad‑19 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv (ĠU 2011, L 199, p. 48) tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, qafas intiż sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni responsabbli u sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv sabiex jiġi evitat li jiġu imposti piżijiet eċċessivi fuq ġenerazzjonijiet futuri. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(2) tagħha, hija għandha tiżgura li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri nazzjonali xierqa sabiex jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza fil-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv sabiex jipproteġu lill-ħaddiema u lill-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jirriżultaw mir-radjazzjoni jonizzanti.

355

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat, li japplikaw għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari, jirreferu għad-Direttiva 2011/70.

356

B’mod partikolari, għandu jitfakkar, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li, għall-miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima previsti fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat, dan tal-aħħar jimponi fil-punt 1(e) u (f) kriterji ta’ skrinjar tekniku dwar il-kontribuzzjoni sostanzjali tat-Taqsimiet 4.26, 4.27 u 4.28 tal-Anness I, li jinsabu fir-Regolament ikkontestat, li l-Istat Membru għandu, minn naħa, faċilitajiet ta’ rimi finali operattivi għall-iskart radjuattiv kollu ta’ livell baxx ħafna, baxx u medju, jiġifieri għal iktar minn 99 % tal-iskart radjuattiv, u, min-naħa l-oħra, pjan dokumentat li jindika fid-dettall il-passi li jippermettu li sal-2050 ikun hemm faċilità għar-rimi ta’ skart radjuattiv ta’ livell għoli.

357

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li skontu, ma huwiex eskluż li l-użu ikbar tal-kapaċitajiet ta’ ħażna temporanja jista’ jikkawża ħsara serja lill-ambjent ma jistax juri żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, peress li r-Regolament ikkontestat jipprevedi miżuri intiżi speċifikament sabiex isolvu l-problemi marbuta mar-riskji għall-ambjent imressqa mir-Repubblika tal-Awstrija.

358

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkritika r-rapport tal-JRC, sa fejn dan ma analizzax iktar il-fehmiet diverġenti dwar in-natura suffiċjenti tat-teknoloġija tad-DGP, filwaqt li d-data empirika żżid id-dubji dwar is-sostenibbiltà ekoloġika tagħhom. Hija ssostni wkoll li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn huwa bbażat fuq ir-rapport tal-JRC filwaqt li minn dan ir-rapport ma jirriżultax li ma hemm l-ebda dubju, fuq il-livell xjentifiku, li r-rimi finali tal-iskart radjuattiv ta’ livell għoli ma huwiex ser jippreġudika sostanzjalment l-għanijiet ambjentali msemmija fl-Artikolu 17(1)(ċ), (d), (e) u (f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Ir-Repubblika tal-Awstrija tqis ukoll li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ma jistgħux jirrimedjaw id-dannu sinjifikattiv marbut mal-iskart nukleari, peress li ma jistgħu jiggarantixxu ebda sigurtà.

359

Madankollu, ma jistax jiġi mistenni mill-Kummissjoni li hija tibbaża ruħha fuq elementi xjentifiċi li ma joħolqu ebda dubju, għaliex dan iwassal sabiex jiġi impost fuqha livell ta’ riskju żero li jmur kontra l-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punti 144 sa 147).

360

Għaldaqstant, dawn l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jistgħux jipprovaw li l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-assenza ta’ dannu sinjifikattiv għall-ambjent minħabba l-ġestjoni tal-iskart marbut mal-enerġija nukleari hija vvizzjata bi żball manifest.

361

Sussidjarjament, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma analizzatx f’iktar dettall ir-riskji li jirriżultaw min-nuqqas ta’ kapaċitajiet suffiċjenti tad-DGP u talli ma eżaminatx l-opinjonijiet tal-esperti li jqisu li t-teknoloġija attwalment disponibbli ma hijiex biżżejjed sabiex teskludi d-danni għall-ambjent. Dan l-argument jista’ jiġi interpretat bħala li jikkritika lill-Kummissjoni li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u li kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi naqset mid-dmir tagħha ta’ diliġenza.

362

Madankollu, mir-rapport tal-JRC jirriżulta li jeżisti kunsens xjentifiku wiesa’ fuq il-fatt li d-DGP huma s-soluzzjoni l-iktar sigura, fit-tul, għall-ġestjoni tal-fjuwil u tal-iskart radjuattiv ta’ livell għoli Barra minn hekk, il-grupp ta’ esperti msemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom qabel mal-JRC fuq dan il-punt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni, u lanqas ma naqset mid-dmir tagħha ta’ diliġenza meta ma eżaminatx opinjonijiet oħra ta’ esperti.

363

Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha, kif jirriżulta mill-premessa 7 tar-Regolament ikkontestat, fuq ir-rapport tal-JRC, li jikkonstata, fit-Taqsima 5.2.5 li d-DGP jirrappreżentaw l-iktar soluzzjoni sikura. Kif jirriżulta mit-Taqsima 5.3 tal-imsemmi rapport, din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq numru kbir ta’ referenzi bibljografiċi. Ir-Repubblika tal-Awstrija ma tistax għalhekk tilmenta li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li teżamina b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha.

364

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li, minkejja dawn ir-riskji u dawn l-opinjonijiet ta’ esperti, huwa ggarantit li l-iskart radjuattiv ta’ livell għoli ma jikkawżax, fit-tul, danni sinjifikattivi għall-ambjent.

365

Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 7 tar-Regolament ikkontestat, li fih isir riferiment għar-rapport tal-JRC, u li għalhekk jagħmel parti mill-motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 216 iktar ’il fuq, u min-naħa l-oħra, għall-evalwazzjoni li skontha l-enerġija nukleari ma kinitx tikkawża dannu sinjifikattiv għall-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 17(1), tar-Regolament dwar it-Tassonomija, inkunsiderazzjoni tas-soluzzjonijiet eżistenti u futuri għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, hija mmotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

366

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, għandu jitfakkar li, skont il-paragrafi introduttivi tat-Taqsimiet 4.26 sa 4.29 li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat, attività ekonomika hija attività bħal dik imsemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, peress li tissodisfa l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ddefiniti fl-imsemmija taqsimiet.

367

Fost il-kriterji ġenerali dwar il-kontribuzzjoni sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-kriterju DNSH, il-kriterju stabbilit fil-punt 1(f) tat-Taqsimiet 4.26 sa 4.28 li jinsab fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat huwa fformulat kif ġej:

“Il-proġett relatat mal-attività ekonomika (‘il-proġett’) ikun jinsab fi Stat Membru li jikkonforma ma’ dan kollu li ġej:

[…]

(f)

l-Istat Membru jkollu pjan dokumentat bil-passi ddettaljati biex jopera sal-2050 faċilità tar-rimi għall-iskart radjuattiv ta’ livell għoli li jiddeskrivi dan kollu li ġej:

(i)

il-kunċetti jew il-pjanijiet u s-soluzzjonijiet tekniċi għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv mill-ġenerazzjoni sar-rimi;

(ii)

il-kunċetti jew il-pjanijiet għall-perjodu ta’ wara l-għeluq ta’ ħajjet il-faċilità tar-rimi, inkluż il-perjodu li matulu jseħħu l-kontrolli xierqa u l-mezzi li għandhom jintużaw biex l-għarfien ta’ dik il-faċilità jiġi ppreservat fuq terminu itwal;

(iii)

ir-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni tal-pjan u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex jiġi mmonitorjat il-progress tiegħu;

(iv)

l-evalwazzjonijiet tal-ispejjeż u l-iskemi ta’ finanzjament.

Għall-finijiet tal-punt (f), l-Istati Membri jistgħu jużaw pjanijiet imfassla bħala parti mill-programm nazzjonali kif meħtieġ mill-Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva [2011/70].”

368

L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku previsti fil-punt 1(f) tat-Taqsimiet 4.26 sa 4.29 li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat huma limitati għal riferiment għall-kuntest ġuridiku ġenerali applikabbli, fi kwalunkwe każ, skont id-Direttiva 2011/70, li sal-lum ma ppermettietx li jiġu solvuti l-problemi marbuta mal-iskart radjuattiv ta’ attività għolja. Barra minn hekk, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, billi sempliċement tissuġġetta għal “pjan” ta’ tqegħid fis-servizz ta’ faċilità ta’ ħażna definittiva “sal-2050” il-klassifikazzjoni tal-enerġija nukleari bħala sostenibbli fuq il-livell ambjentali, il-Kummissjoni ma tbiddel xejn mill-fatt li disponibbiltà suffiċjentement prevedibbli ta’ DGP ma hijiex iggarantita. Barra minn hekk, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar huma fformulati b’mod flessibbli wisq u impreċiż sabiex jiġi ggarantit, fil-futur prevedibbli, it-tqegħid fis-servizz ta’ faċilitajiet ta’ ħażna definittiva u sabiex jiġu eliminati r-riskji ta’ sigurtà u l-inċertezzi indotti.

369

Għandu jiġi rrilevat li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku previsti fil-punt 1(f) tat-Taqsimiet 4.26 sa 4.29 li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat jimponu miżuri intiżi sabiex jippermettu l-istabbiliment ta’ soluzzjonijiet ta’ ħażna ta’ skart radjuattiv ta’ attività għolja sal-2050.

370

Kif issostni l-Kummissjoni, il-pjan ta’ ħażna definittiva huwa meħtieġ mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ikkontestat.

371

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 14 tar-Regolament ikkontestat, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar fir-rigward tal-iskart radjuattiv ta’ livell għoli huma intiżi, bħad-Direttiva 2011/70, sabiex jippermettu l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet realistiċi ta’ trattament ta’ dan it-tip ta’ skart.

372

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 23 tad-Direttiva 2011/70, filwaqt li jżommu r-responsabbiltà għall-linji ta’ politika rispettivi tagħhom fil-qasam tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv baxx, medju jew għoli, tagħhom, għandhom jinkludu l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-għażliet tar-rimi fil-linji ta’ politika nazzjonali tagħhom. Huwa ppreċiżat, fl-imsemmija premessa, li, peress li l-proċess ta’ stabbiliment ta’ faċilitajiet ta’ ħżin ser ikun mifrux fuq diversi deċennji, ħafna programmi jirrikonoxxu l-ħtieġa li jibqgħu flessibbli u adattabbli, b’mod partikolari sabiex jiġi inkorporat għarfien ġdid dwar il-kundizzjonijiet tas-sit jew l-evoluzzjoni possibbli tas-sistemi ta’ ħżin.

373

F’dan il-kuntest, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jistgħux juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-istabbiliment ta’ soluzzjoni ta’ ħażna għall-iskart radjuattiv ta’ livell għoli sal-2050 kien jippermetti li jiġi eskluż dannu sinjifikattiv għall-għanijiet ambjentali.

374

Fil-fatt, sal-2050, il-Kummissjoni ma tħallix lill-Istati liberi li jippjanaw it-tranżizzjoni lejn id-DGP, iżda tobbligahom ifasslu pjanijiet li jistgħu jkunu l-istess bħall-programmi msemmija mid-Direttiva 2011/70. Issa, kif jipprevedi l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/70, dawn il-programmi għandhom kontenut preċiż u, skont l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, huma jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ perijodu tranżitorju sal-istabbiliment tal-ispazji ta’ ħażna ma toħloqx riskju għall-ambjent.

375

Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li dan l-approċċ jikkorrispondi għall-approċċ diġà segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva 2011/70, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta għażlet approċċ simili għal dak tal-leġiżlatur.

376

It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tafferma li l-kriterju dwar “pjan dokumentat li jindika fid-dettall l-istadji li jippermettu li jkun hemm faċilità ta’ ħażna sal-2050”, previst fil-punt 1(f) tat-Taqsima 4.28 li jinsab fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat, japplika biss għall-“proġetti awtorizzati wara l-2025”, b’tali mod li tali pjan ma huwiex meħtieġ għall-impjanti l-antiki. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li din id-deroga ma hijiex iġġustifikata. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li din id-deroga ma hijiex iġġustifikata. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni tqis li pjan ta’ mmaniġġar tal-iskart huwa neċessarju għall-impjanti nukleari sabiex jiġi eskluż kull dannu sinjifikattiv fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, dan għandu a fortiori jkun il-każ għall-impjanti eżistenti, tkun xi tkun id-data ta’ awtorizzazzjoni tal-proġetti kkonċernati.

377

Il-Kummissjoni tinnota li d-data tad-dħul fis-seħħ fl-2025 ġiet introdotta sabiex l-Istati Membri jkollhom iż-żmien meħtieġ biex jadottaw il-pjan dettaljat iddokumentat, sabiex jiġi evitat li sadanittant l-ebda proġett ta’ modernizzazzjoni ma jkun jista’ jitqies bħala allinjat mat-tassonomija, sabiex jintlaħaq l-għan tar-Regolament dwar it-Tassonomija li jiġi evitat nuqqas ta’ azzjoni jew azzjonijiet tardivi.

378

Għandu jitfakkar li l-impjanti preċedenti għall-2025 jibqgħu suġġetti għall-obbligi l-oħra li jirriżultaw mill-punt 1(a) sa (e) tat-Taqsima 4.28 li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat. B’hekk, il-Kummissjoni, billi warrbet kriterju li kellu l-effett li jeskludi l-imsemmija impjanti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar it-Tassonomija, u għalhekk li tillimita l-inċentiv li jsiru proġetti ta’ modernizzazzjoni tal-impjanti attwali, aġixxiet konformement mal-għan tal-imsemmi regolament li jiġi evitat in-nuqqas ta’ azzjoni jew l-azzjonijiet tardivi. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

379

Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li l-kriterju ta’ “pjan dokumentat b’passi ddettaljati biex jopera sal-2050 faċilità tar-rimi”, previst fil-punt 1(f) tat-Taqsima 4.28 li jinsab fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat, japplika biss parzjalment għall-impjanti l-antiki, jiġifieri għall-“proġetti awtorizzati wara l-2025”.

380

It-tielet nett, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, anki jekk jitqies li kapaċitajiet suffiċjenti tad-DGP huma disponibbli f’ħin xieraq, ma jistax jiġi eskluż li l-ħżin finali tal-iskart radjuattiv ta’ attività għolja fid-DGP jista’ jkollu effetti negattivi sinjifikattivi fit-tul fuq l-ambjent fis-sens tal-Artikolu 17(1)(d)(iii) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Barra minn hekk, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ma jinkludu ebda dispożizzjoni li tista’ tirrimedja din is-sitwazzjoni.

381

Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 14 tar-Regolament ikkontestat, id-DGP jirrappreżentaw l-għażla l-iktar sikura u l-iktar sostenibbli attwalment. Issa, ir-Repubblika tal-Awstrija ma rnexxilhiex tikkontradixxi din il-konstatazzjoni.

382

Barra minn hekk, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat jirreferu għad-Direttiva 2011/70. Issa, kif jirriżulta mill-punti 263 sa 265 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur qies li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku setgħu jilħqu l-għan ta’ sostenibbiltà ambjentali u jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ prekawzjoni billi jirreferu għall-osservanza tar-rekwiżiti minimi previsti fil-leġiżlazzjoni rilevanti.

383

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jistgħux jipprovaw li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li r-rimi finali ta’ skart radjuattiv ta’ livell għoli f’DGP seta’ jipprekludi li jseħħu danni sinjifikattivi għall-għanijiet ambjentali.

384

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ parti tat-tielet motiv u t-tielet parti tar-raba’ aggravju ma humiex fondati.

– Fuq ir-raba’ parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji marbuta mal-operat normali tal-impjanti nukleari

385

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, anki f’perijodu ta’ operat normali, l-impjanti nukleari jarmu radjazzjonijiet li, anki f’doża żgħira, iżidu r-riskji ta’ kanċer u li, fi kwalunkwe każ, l-effetti tagħhom ma humiex iddokumentati sew u ma ġewx eżaminati fir-rapporti kkunsidrati mill-Kummissjoni. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, minn dan jirriżulta ksur tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija u tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

386

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

387

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rapport tal-JRC jinkludi analiżi fil-fond tal-effetti tar-radjuattività, fit-Taqsimiet 3.4 u 4.3 tiegħu.

388

B’mod partikolari, mir-rapport tal-JRC jirriżulta li l-espożizzjoni annwali medja tal-pubbliku marbuta ma’ effetti imputabbli għall-produzzjoni tal-elettriku mill-enerġija nukleari hija ta’ madwar 0.2 mikrosievert (μSv), jiġifieri erba’ darbiet inqas mid-doża annwali medja li toriġina mill-isfond naturali ta’ radjazzjoni.

389

Issa, ir-Repubblika tal-Awstrija ma turix li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq dan ir-rapport ma humiex plawżibbli, sa fejn hija sempliċement tiċċita studju sabiex tallega li l-effetti tar-radjazzjoni f’doża baxxa ma humiex iddokumentati tajjeb.

390

Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-acquis tal-Euratom jistabbilixxi rekwiżiti stretti għall-protezzjoni mir-radjazzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 2(b) tat-Trattat huwa previst l-istabbiliment ta’ standards uniformi tas-sikurezza biex tiġi protetta s-saħħa tal-popolazzjoni u tal-ħaddiema u l-Artikolu 30 tat-Trattat jiddefinixxi l-“istandards bażiċi” relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku inġenerali u tal-ħaddiema kontra l-perikoli li jirriżultaw mir-radjazzjonijiet jonizzanti. F’dan il-kuntest, id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal‑5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU 2014, Vol. 13, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 72, p. 69 u fil-ĠU 2019, L 152, p. 128) tistabbilixxi standards bażiċi uniformi għall-protezzjoni tas-saħħa ta’ persuni suġġetti għal espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol jew għal finijiet mediċi jew għal espożizzjoni tal-pubbliku kontra perikli li jirriżultaw minn radjazzjoni jonizzanti.

391

Issa, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti mir-Regolament ikkontestat dwar l-attivitajiet nukleari jirreferu espressament għal din id-direttiva.

392

Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija ma jurux li l-Kummissjoni ma bbażatx l-evalwazzjoni tagħha tar-riskji ta’ radjazzjoni f’doża baxxa waqt it-tħaddim normali tal-impjanti nukleari fuq elementi xjentifiċi konklużivi.

393

Għal dawn ir-raġunijiet, ir-raba’ parti tar-raba’ motiv hija infondata.

– Fuq il-ħames parti tat-tielet motiv u l-ħames parti tar-raba’ motiv, ibbażati fuq il-preġudizzju għall-għan ta’ adattament għat-tibdil fil-klima

394

Fil-kuntest tal-ħames parti tat-tielet motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-Regolament ikkontestat jikser il-kriterju DNSH fid-dawl tal-għan ta’ adattament għat-tibdil fil-klima msemmi fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, peress li, essenzjalment, il-frekwenza u t-tul tal-perijodi ta’ nixfa żdiedu b’mod sinjifikattiv matul l-aħħar 20 sena minħabba t-tibdil fil-klima u huwa aċċettat li l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima għandhom u ser ikollhom dejjem iktar effetti negattivi fuq l-enerġija nukleari.

395

Fil-kuntest tal-ħames parti tar-raba’ motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li r-Regolament ikkontestat imur kontra l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, sa fejn, minn naħa, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar huma insuffiċjenti u ma jippermettux li jiġu esklużi b’ċertezza r-riskji speċifiċi marbuta mal-bżonnijiet ta’ ilma għat-tkessiħ u, min-naħa l-oħra, ma humiex ibbażati fuq elementi xjentifiċi konklużivi.

396

B’mod partikolari, ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza li l-bżonnijiet importanti tal-ilma tal-impjanti nukleari jwasslu għal ħsarat fil-perijodu ta’ mewġa ta’ sħana jew ta’ nixfa, li juri li l-attività taggrava wkoll l-effetti negattivi attwali u mistennija tal-klima fuqha stess, peress li l-kontinwità tal-operazzjonijiet ma għadhiex iggarantita f’tali kundizzjonijiet.

397

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, mir-Repubblika tal-Polonja u mir-Rumanija, tikkontesta dan l-argument.

398

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, attività titqies li tikkawża dannu sinjifikattiv għall-adattament għat-tibdil fil-klima meta din l-attività twassal għal żieda fl-impatti negattivi tal-klima attwali u tal-evoluzzjoni mistennija tagħha fuqha stess jew fuq il-popolazzjoni, in-natura jew il-beni.

399

Sabiex tiġi evitata tali ħsara, ir-Regolament ikkontestat jipprevedi, fl-Annessi I u II, taħt it-titolu “L-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar”, il-kriterji ta’ skrinjar tekniku dwar il-prinċipju li ma ssirx ħsara materjali li tikkonċerna r-riżorsi idroloġiċi u marini, li skonthom:

“Ir-riskji ta’ degradazzjoni ambjentali relatati mal-preservazzjoni tal-kwalità tal-ilma u mal-prevenzjoni tal-istress idriku huma identifikati u indirizzati, f’konformità ma’ pjan ta’ ġestjoni tal-użu u tal-protezzjoni tal-ilma, żviluppat f’konsultazzjoni mal-partijiet konċernati rilevanti.

Sabiex jiġu limitati l-anomaliji termali assoċjati mar-rilaxx tas-sħana mormija, l-operaturi ta’ impjanti nukleari interni jużaw it-tkessiħ idriku b’ċirkwit miftuħ billi jieħdu l-ilma minn xmara jew għadira għandhom jikkontrollaw:

(a)

it-temperatura massima tal-korp idriku riċeventi wara li jitħallat, u

(b)

id-differenza massima fit-temperatura bejn l-ilma tat-tkessiħ mormi u l-korp idriku riċeventi.

Il-kontroll tat-temperatura jiġi implimentat skont il-kundizzjonijiet tal-liċenzja individwali għal operazzjonijiet speċifiċi, fejn applikabbli, jew skont il-valuri ta’ limitu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni [jew għall-valuri limitu previsti mill-qafas regolatorju tal-Unjoni].”.

400

Issa, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tikkontestax il-kapaċità ta’ dawn il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar li jiggarantixxu li l-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari ma jwasslux għal żieda fl-effetti negattivi tal-klima attwali u tal-evoluzzjoni mistennija tagħha fuq huma stess jew fuq il-popolazzjoni, in-natura jew il-beni fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, u, b’mod partikolari, ma jżidux ir-riskji ta’ nixfa. Fil-fatt, hija ssostni li l-imsemmija kriterji ma jippermettux li jiġu esklużi b’ċertezza r-riskji speċifiċi marbuta mal-bżonnijiet ta’ ilma għat-tkessiħ.

401

Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat, essenzjalment, fuq l-allegazzjoni li l-enerġija nukleari titlef parti mill-utilità tagħha f’xenarju ta’ nixfiet iktar frekwenti u iktar akuti, għandu jiġi rrilevat li dan huwa ta’ natura wisq spekulattiva sabiex ikun jista’ juri l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. Fil-fatt, għalkemm l-okkorrenza ta’ tali nixfiet tista’ titqies li taqa’ taħt il-kunsens xjentifiku, il-portata tal-effetti eventwali tagħhom fuq il-funzjonament stess tal-impjanti nukleari fiż-żoni ġeografiċi kollha tal-Unjoni taqa’, min-naħa tagħha, taħt sempliċi konġettura.

402

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-affermazzjoni li l-attivitajiet nukleari jikkawżaw ħsara sinjifikattiva lill-għan tal-adattament għat-tibdil fil-klima għandha tiġi miċħuda.

403

Fil-fatt, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar huma intiżi, kif previst fl-Artikolu 10(3)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, sabiex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika partikolari titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Kif jirriżulta mill-Artikolu 10(3)(b) tal-imsemmi regolament, dawn il-kriterji għandhom ukoll l-għan li jiddeterminaw, għal kull għan ambjentali rilevanti, jekk attività ekonomika li għaliha jkunu ġew stabbiliti kriterji tekniċi ta’ skrinjar tikkawżax dannu sinjifikattiv għal wieħed jew iktar minn dawn l-għanijiet.

404

Għaldaqstant, l-osservanza tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija ma tistax tiġi evalwata billi jiġu injorati l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar adottati preċiżament sabiex tiġi implimentata din id-dispożizzjoni.

405

L-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija għalhekk ma humiex ta’ natura li juru li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

406

Sussidjarjament, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat b’lakuni fl-analiżi u b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-għan ambjentali ta’ adattament għat-tibdil fil-klima sa fejn la l-Kummissjoni u lanqas l-esperti tagħha ma vverifikaw jekk l-enerġija nukleari tikkawżax dannu għal dan l-għan ambjentali.

407

Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 7 tar-Regolament ikkontestat, u mir-riferiment magħmul għal din il-premessa għar-rapport tal-JRC, li għalhekk jagħmel parti mill-motivazzjoni tal-imsemmi konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 216 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt l-evalwazzjoni tagħha li l-enerġija nukleari ma kinitx tikkawża dannu sinjifikattiv għall-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

408

Fir-rigward tal-kriterji ta’ skrinjar tekniku, qabel kollox, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-Regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija fid-dawl tal-għan ambjentali tal-adattament għat-tibdil fil-klima, peress li, minn naħa, il-punt sa fejn il-kriterji ta’ skrinjar tekniku li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat huma bbażati fuq elementi xjentifiċi konklużivi fil-qasam tal-enerġija nukleari ma jidhirx ċar u, min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, il-pariri disponibbli dwar l-enerġija nukleari ma jiddeċidux dwar din il-kwistjoni.

409

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-paġna 357 tar-rapport tiegħu, fil-linja tat-tabella intitolata “adattament għat-tibdil fil-klima”, il-JRC indika dan li ġej:

“L-attività tikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Appendiċi E ta’ dan l-Anness.

1. Estensjoni tat-tul ta’ żmien tas-servizz tal-impjanti nukleari eżistenti

L-osservanza tal-parametri referenzjarji tas-sikurezza tal-WENRA għar-reatturi eżistenti u [tad-Direttiva 2009/71] tiżgura li l-impjant eżistenti jkun kapaċi jlaħħaq ma’ perikli naturali estremi (bħal għargħar u kundizzjonijiet estremi tat-temp) li potenzjalment jirriżultaw mit-tibdil fil-klima futur.

Ir-reżiljenza tal-impjanti nukleari tal-[Unjoni] kontra perikli naturali estremi (inklużi terremoti) intweriet fl-eżerċizzju tat-testijiet tal-istress tal-[Unjoni].

2. Kostruzzjoni u tħaddim ta’ impjanti nukleari ġodda

L-osservanza tal-għanijiet ta’ sigurtà referenzjarji ta’ sigurtà tal-WENRA għar-reatturi nulkleri ġodda u l-osservanza [tad-Direttiva 2009/71] tiżgura li l-impjant eżistenti jkun kapaċi jlaħħaq ma’ perikli naturali estremi (bħal għargħar u kundizzjonijiet estremi tat-temp) li potenzjalment jirriżultaw mit-tibdil fil-klima futur.”

410

L-Appendiċi E, li jinsab fil-paġna 369 tar-rapport tal-JRC jinkludi dettalji dwar il-valutazzjoni tar-riskji klimatiċi u tal-vulnerabbiltà, inkluża tipoloġija tar-riskji klimatiċi.

411

B’riżultat ta’ dan, il-JRC wettaq evalwazzjoni tar-riskji marbuta mal-adattament għat-tibdil fil-klima.

412

Għaldaqstant, l-argument li ma jidhirx b’mod ċar sa fejn il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat huma bbażati fuq elementi xjentifiċi konklużivi fil-qasam tal-enerġija nukleari fir-rigward tal-kriterju tal-adattament għat-tibdil fil-klima, kif ukoll l-argument li l-pariri disponibbli ma jiddeċidux dwar din il-kwistjoni, ma jistgħux jintlaqgħu.

413

Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkritika l-fatt li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat huma limitati, għall-enerġija nukleari, għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ danni sinjifikattivi għall-għan ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, li jsir riferiment għall-Appendiċi A tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2139, kif ukoll għad-Direttiva 2009/71 u għal-linji gwida tal-AIEA u tal-WENRA dwar ir-riskji naturali estremi. Ma huwiex possibbli, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġu indirizzati b’mod xieraq, u wisq inqas li jiġu esklużi b’ċertezza, ir-riskji speċifiċi marbuta mal-ħtiġijiet tal-ilma tat-tkessiħ u mal-użu tiegħu, li jwasslu, għall-enerġija nukleari, għal effetti negattivi sinjifikattivi, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

414

Barra minn hekk, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, l-Appendiċi A tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2139 jinkludi obbligu proċedurali li titwettaq evalwazzjoni tar-riskju klimatiku u tal-vulnerabbiltà. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li, sa fejn l-Appendiċi A jobbliga wkoll lill-operaturi ekonomiċi jiżviluppaw u jimplimentaw “soluzzjonijiet ta’ adattament”, dan l-obbligu jibqa’ vag u, fi kwalunkwe każ, limitat għal “tnaqqis sostanzjali” tar- “riskji klimatiċi l-iktar sinjifikattivi”. Skontha, dan jippermetti li jittaffa l-preġudizzju kkawżat mill-enerġija nukleari għall-għan ambjentali ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, filwaqt li huwa neċessarju li tali ħsara sinjifikattiva tiġi eskluża totalment. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-kriterji “għandhom” jiggarantixxu wkoll li “jiġu implimentati soluzzjonijiet ta’ adattament sabiex jiġi evitat jew jitnaqqas kemm jista’ jkun it-telf possibbli jew l-effetti possibbli fuq il-kontinwità tan-negozju”, kif jirriżulta mill-premessa 51 tar-Regolament Delegat 2021/2139, u li l-obbligi stabbiliti fl-Appendiċi A ta’ dan ir-regolament ma humiex suffiċjenti, b’mod partikolari sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi speċifiċi tat-tibdil fil-klima.

415

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif tirrikonoxxi r-Repubblika tal-Awstrija, dawn il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar jippermettu li jitnaqqas il-preġudizzju kkawżat mill-enerġija nukleari għall-għan ambjentali ta’ adattament għat-tibdil fil-klima.

416

Barra minn hekk, l-argument li jgħid li huwa neċessarju li tiġi eskluża totalment tali ħsara sinjifikattiva għandu jiġi miċħud sa fejn iwassal sabiex jiġi impost fuq il-Kummissjoni approċċ ta’ “riskju żero”, kuntrarjament għal dak li tipprevedi l-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punti 144 sa 147).

417

Barra minn hekk, l-allegazzjoni li r-riferiment għad-Direttiva 2009/71, kif ukoll għal-linji gwida tal-AIEA u tal-WENRA, ma jippermettix li jiġu esklużi l-effetti negattivi ma hijiex ta’ natura li turi li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn din ma hijiex issostanzjata biżżejjed, peress li l-Kummissjoni segwiet l-approċċ previst mill-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, kif interpretat fid-dawl tal-premessa 40 tal-imsemmi regolament (ara l-punti 263 sa 265 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punt 401 iktar ’il fuq, il-kritika dwar l-allegata assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonnijiet ta’ ilma ta’ tkessiħ fil-futur ma tistax tintlaqa’.

418

Ir-Repubblika tal-Awstrija żżid li, għall-impjanti eżistenti, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija, titjib fis-sigurtà huwa meħtieġ a priori biss sa fejn dawn huma kkunsidrati bħala raġonevolment fattibbli, li huwa vag u mhux ambizzjuż biżżejjed. B’mod partikolari, il-fatturi ta’ lokalizzazzjoni li jheddu s-sigurtà tal-impjanti ma jeskludux l-eliġibbiltà għat-tassonomija, peress li dawn il-fatturi, bħall-post tax-xmajjar mhedda mit-tnixxif, ma jistgħux jiġu mmodifikati “raġonevolment”.

419

Madankollu, peress li dan il-kriterju ta’ “titjib raġonevolment possibbli”, użat fil-punt 2 tat-Taqsima 4.28 li jinsab fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat, huwa meħtieġ mid-Direttiva 2009/71 fir-rigward tal-instalimpjanti eżistenti, l-użu tiegħu fir-Regolament ikkontestat ma jistax jikkaratterizza żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 263 sa 265 iktar ’il fuq.

420

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ adattament u t-titjib tal-istandards ta’ sigurtà ma jippermettux li jiġi konkluż li ma hemmx effetti negattivi fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Fil-fatt, l-għan ambjentali tal-adattament għat-tibdil fil-klima ma huwiex limitat sabiex jiggarantixxi s-sigurtà tal-bniedem u tan-natura, iżda jkopri wkoll għanijiet subordinati oħra, bħall-aċċessibbiltà u l-istabbiltà tal-provvista tal-enerġija u tal-ilma. Issa, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, dawn l-għanijiet huma kunsiderevolment ikkontestati meta l-impjanti nukleari jitwaqqfu fil-każ ta’ mewġa ta’ sħana jew ta’ nixfa, it-temperatura awtorizzata tal-ilma tat-tkessiħ injettat tiġi rrilevata jew għandhom jiġu implimentati soluzzjonijiet ta’ adattament li jiswew ħafna flus, anki jekk dawn ikunu possibbli.

421

Madankollu, kif diġà ġie espost fil-punt 401 iktar ’il fuq, għandu jitqies li x-xenarju previst mir-Repubblika tal-Awstrija bbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li t-tisħin globali jkollu konsegwenzi tali fuq il-funzjonament tal-impjanti li dawn jitilfu l-utilità tagħhom bħala sors ta’ enerġija, huwa ta’ natura spekulattiva wisq sabiex tintwera l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

422

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-analiżi tal-Kummissjoni hija s-suġġett ta’ kontestazzjonijiet fil-letteratura xjentifika ma huwiex biżżejjed, bħala tali, sabiex jikkontesta din il-konklużjoni, peress li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 212 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ studji xjentifiċi, kif ukoll l-għażla tal-istudji li għandhom jipprevalu fuq l-oħrajn.

423

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jippermettux li jintwera ksur, mir-Regolament ikkontestat, tal-kriterju DNSH fid-dawl tal-għan ta’ adattament għat-tibdil fil-klima msemmi fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

424

Il-ħames parti tat-tielet motiv u l-ħames parti tar-raba’ motiv għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

– Fuq is-sitt parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq ksur tar-rekwiżit ta’ analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja

425

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 19(1)(g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, sa fejn, essenzjalment, huwa bbażat fuq evalwazzjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-enerġija nukleari, jiġifieri l-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-minerali tal-uranju, ir-raffinar, il-konverżjoni, l-arrikkiment tal-uranju, l-assemblaġġ ta’ fjuwil, it-trasport u l-kunflitti armati potenzjali.

426

B’mod partikolari, ir-Repubblika tal-Awstrija tafferma li l-Kummissjoni espressament naqset milli tinkludi l-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-uranju fir-Regolament ikkontestat wara l-kritika ta’ SCHEER, li hija b’hekk aċċettat l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja li skontha l-osservanza ta’ standards ambjentali li jikkorrispondu tal-inqas essenzjalment għal dawk tal-Unjoni ma tistax tiġi ggarantita għal dawn l-attivitajiet. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza li r-rapport tal-JRC kien ukoll ikkonstata huwa wkoll tal-inqas riskju għoli ta’ danni sinjifikattivi għal diversi għanijiet ambjentali, filwaqt li qieset li dan ir-riskju kellu jiġi eskluż b’riferiment għar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fil-kriterji ta’ skrinjar tekniku. Sa fejn il-Kummissjoni ma segwietx din l-opinjoni tal-JRC, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li hija b’hekk impliċitament ammettiet fir-Regolament ikkontestat l-eżistenza ta’ dannu sinjifikattiv għall-għanijiet ambjentali fl-istadju tal-estrazzjoni u tal-ipproċessar tal-uranju u, għaldaqstant, li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

427

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, mill-Ungerija, mir-Repubblika tal-Polonja u mir-Rumanija, tikkontesta dan l-argument.

428

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, fl-evalwazzjoni ta’ attività ekonomika fid-dawl tal-kriterju DNSH, l-impatt ambjentali tal-attività nnifisha, kif ukoll l-impatt ambjentali tal-prodotti u tas-servizzi pprovduti minn din l-attività matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-produzzjoni, l-użu u t-tmiem tal-ħajja ta’ dawn il-prodotti u servizzi.

429

Skont l-Artikolu 19(1)(g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, il-kriterji ta’ skrinjar tekniku għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċiklu tal-ħajja, inklużi elementi fattwali bbażati fuq analiżijiet eżistenti taċ-ċiklu tal-ħajja, billi jieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-impatt ambjentali tal-attività ekonomika nnifisha kif ukoll dak tal-prodotti u tas-servizzi li hija tipprovdi, b’mod partikolari billi jiġu eżaminati l-produzzjoni, l-użu u t-tmiem tal-ħajja ta’ dawn il-prodotti u servizzi.

430

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont il-premessa 40 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, “[m]eta tistabbilixxi u taġġorna l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li dawk il-kriterji jkunu bbażati fuq l-evidenza xjentifika disponibbli, jiġu żviluppati billi jittieħed kont ta’ kunsiderazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja, inklużi valutazzjonijiet eżistenti taċ-ċiklu tal-ħajja, u jiġu aġġornati b’mod regolari”.

431

Barra minn hekk, il-premessa 47 tar-Regolament dwar it-Tassonomija tiddikjara li “[i]l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar jistgħu jirrikjedu t-twettiq ta’ valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja fejn prattikabbli u meħtieġ b’mod suffiċjenti”.

432

B’hekk, kemm l-Artikolu 17(2) kif ukoll l-Artikolu 19(1)(g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jirrigwardaw speċifikament attività ekonomika partikolari — kif ukoll il-prodotti jew is-servizzi li jirriżultaw minn din l-attività — li fir-rigward tagħha ser jiġu stabbiliti kriterji tekniċi ta’ skrinjar.

433

Barra minn hekk, l-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 19(1)(g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija ma jirrikjedux li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, iżda biss li ċ-ċiklu tal-ħajja jittieħed inkunsiderazzjoni.

434

Għaldaqstant, kif issostni l-Kummissjoni, mill-formulazzjoni kemm tal-Artikolu 17(2) kif ukoll tal-Artikolu 19(1)(g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jirriżulta li r-rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ attività ma jestendix neċessarjament għall-attivitajiet li jinsabu upstream jew downstream tal-attività ekonomika kkonċernata.

435

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, skont ir-Rakkomandazzjoni 2013/179/UE tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ April 2013 dwar l-użu ta’ metodi komuni għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u ta’ organizzazzjonijiet (ĠU 2013, L 124, p. 1), imsemmija fir-Regolament ikkontestat, l-attivitajiet kollha, mill-estrazzjoni tal-materja prima sar-rimi jew ir-riċiklaġġ li jgħaddu mill-istadji tal-ipproċessar, tad-distribuzzjoni, tal-ħażna u tal-użu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-impronta ambjentali.

436

Fil-fatt, din ir-rakkomandazzjoni ma għandhiex l-għan li tevalwa l-kontribut ta’ attività għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew il-ħsara possibbli kkawżata minn din l-attività għall-għanijiet ambjentali stabbiliti fir-Regolament dwar it-Tassonomija.

437

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-approċċ segwit mill-Kummissjoni fir-Regolament ikkontestat ma huwiex speċifiku għall-enerġija nukleari, iżda ġie adottat fir-rigward ta’ attivitajiet oħra koperti mit-tassonomija, b’mod partikolari l-impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku mill-enerġiji rinnovabbli li jimplikaw ukoll l-estrazzjoni ta’ materja prima jew ta’ elementi terrestri rari għall-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tagħhom.

438

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 19(1)(g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-iffissar tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, kunsiderazzjonijiet relatati maċ-ċiklu tal-ħajja ta’ attivitajiet ekonomiċi bħall-attivitajiet ta’ estrazzjoni u ta’ pproċessar tal-mineral tal-uranju, ta’ raffinar, ta’ konverżjoni, ta’ arrikkiment tal-uranju, ta’ assemblaġġ ta’ fjuwil u ta’ trasport, li huma attivitajiet li jinsabu upstream jew downstream mill-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari msemmija mir-Regolament ikkontestat.

439

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-effetti tal-attivitajiet ta’ żarmar u ta’ rimi tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil nukleari eżawrit ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-kriterju DNSH, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 7 tar-Regolament ikkontestat.

440

F’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-ċirkustanzi li, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ma inkludietx dawn l-attivitajiet fit-tassonomija wara r-rapporti tas-SCHEER u tal-JRC, it-tieni nett, it-trattament, il-konverżjoni, l-arrikkiment u l-assemblaġġ ta’ fjuwil jitwettqu essenzjalment minn Stati terzi, jew anki, it-tielet nett, il-Kummissjoni impliċitament aċċettat id-dannu kkawżat lill-ambjent minn dawn l-attivitajiet, invokati mir-Repubblika tal-Awstrija, ma humiex ta’ natura, waħedhom, li juru li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

441

Fil-fatt, l-Artikoli 17 u 19 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, sa fejn jirrigwardaw attivitajiet partikolari li għandhom jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni, ma jipprekludux lil din tal-aħħar milli tqis l-attivitajiet identifikati mir-Repubblika tal-Awstrija bħala awtonomi meta mqabbla mal-attivitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari li huma s-suġġett tar-Regolament ikkontestat.

442

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, fl-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-użu tal-enerġija nukleari ċivili, l-aspetti marbuta mal-effetti tal-kunflitti armati, tas-sabotaġġi u tar-riskji ta’ abbuż u ta’ proliferazzjoni tal-applikazzjonijiet ċivili u militari tal-enerġija nukleari fl-evalwazzjoni tagħha ta’ dannu sinjifikattiv ikkawżat lill-għanijiet ambjentali.

443

Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament, ma jirriżulta li dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-tfassil tal-kriterji ta’ skrinjar tekniku.

444

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat b’“lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet” relatati mal-aspetti kollha tat-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-enerġija nukleari.

445

Madankollu, peress li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċiklu tal-ħajja tal-attivitajiet li jinsabu upstream jew downstream tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari, hija ma tistax tiġi kkritikata li ma mmotivatx suffiċjentement dawn l-elementi li hija qieset li ma jagħmlux parti miċ-ċiklu tal-ħajja ta’ dawn l-aħħar attivitajiet.

446

Għaldaqstant, is-sitt parti tat-tielet motiv hija infondata.

– Fuq is-sitt parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq in-natura kontradittorja u insuffiċjenti tad-dispożizzjonijiet tal-Anness II tar-Regolament ikkontestat dwar il-prevenzjoni tad-danni sinjifikattivi li jirriżultaw minn inċidenti gravi ta’ reattur u ta’ rimi definittiv ta’ skart radjuattiv ħafna

447

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Anness II tar-Regolament ikkontestat dwar il-prevenzjoni ta’ danni sinjifikattivi li jirriżultaw minn inċidenti serji ta’ reattur u ta’ rimi definittiv ta’ skart radjuattiv ħafna huma kontradittorji u insuffiċjenti fid-dawl tal-kriterji DNSH stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, l-Anness II tar-Regolament ikkontestat jinkludi bħala kriterji intiżi sabiex jipprevjenu danni sinjifikattivi lill-għanijiet ambjentali biss dawk stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat taħt “Kriterji oħra marbutin mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” (“DNSH)”. Ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi f’dan ir-rigward għall-argumenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv, tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, tat-tielet parti tat-tielet motiv, tat-tieni parti tar-raba’ motiv, tar-raba’ parti tat-tielet motiv u tat-tielet parti tar-raba’ motiv, li jirrigwardaw il-livell ta’ protezzjoni u r-riskji ta’ inċidenti serji ta’ reattur u ta’ ħżin definittiv ta’ skart radjuattiv ħafna. Minn dan ir-Repubblika tal-Awstrija tiddeduċi li l-illegalitajiet invokati preċedentement jivvizzjaw id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Anness II tar-Regolament ikkontestat kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat li jirreferu għalihom, sa fejn dawn jikkoinċidu mal-Anness I tar-Regolament ikkontestat.

448

Ir-Repubblika tal-Awstrija żżid li l-Anness II tar-Regolament ikkontestat ma jinkludi ebda wieħed mill-kriterji elenkati fil-“kriterji ġenerali” fil-bidu tal-Anness I tal-imsemmi regolament. Għalhekk, il-ftit kriterji li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali fis-seħħ u li għadhom jinsabu fl-Anness I ta’ dan ir-regolament lanqas ma huma applikabbli skont l-Anness II tar-Regolament ikkontestat.

449

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni wkoll li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Anness II tar-Regolament ikkontestat jiksru l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija u l-prinċipju ta’ prekawzjoni, minħabba s-sempliċi fatt li dan l-anness ma jinkludix “kriterji ġenerali”, filwaqt li tali kriterji ġenerali ġew ikkunsidrati bħala neċessarji u inklużi fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat.

450

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

451

Sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija ma wrietx li l-kriterji addizzjonali relatati mal-kriterju DNSH f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ protezzjoni (punti 261 sa 269 iktar ’il fuq), kif ukoll ir-riskji ta’ inċidenti serji ta’ reatturi (punti 288 sa 346 iktar ’il fuq) u tar-rimi finali ta’ skart radjuattiv ħafna (punti 350 sa 384 iktar ’il fuq) kienu vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, dan l-argument ma huwiex ta’ natura li juri, fin-nuqqas ta’ preċiżjoni addizzjonali, in-natura kontradittorja u insuffiċjenti tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Anness II tar-Regolament ikkontestat.

452

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Anness I tar-Regolament ikkontestat jistabbilixxi, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar li jippermettu li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u jekk l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinjifikattiva lil wieħed mill-għanijiet ambjentali l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

453

L-Anness II tar-Regolament ikkontestat jistabbilixxi, min-naħa tiegħu, abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, il-kriterji ta’ skrinjar tekniku li jippermettu li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima u jekk l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinjifikattiva lil kwalunkwe wieħed mill-għanijiet ambjentali l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

454

Issa, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, li huwa implimentat permezz tal-kriterji ta’ skrinjar tekniku li jinsabu fl-Anness II tar-Regolament ikkontestat, ma japplikax il-kriterju tal-aħjar prestazzjoni tas-settur jew tal-industrija previst fl-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

455

Għalhekk, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala kontribuzzjoni sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima, il-Kummissjoni ma eżiġietx, kuntrarjament għall-klassifikazzjoni bħala kontribuzzjoni sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima li tinsab fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat, l-osservanza ta’ kundizzjoni iktar stretta fir-rigward tal-faċilitajiet ta’ ħażna.

456

Minn dan isegwi li d-diverġenzi bejn l-Anness I u l-Anness II tar-Regolament ikkontestat invokati mir-Repubblika tal-Awstrija ma jistgħux, waħedhom, juru żball manifest ta’ evalwazzjoni, lanqas ksur tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Fl-aħħar nett, peress li l-imsemmija diverġenzi jirriżultaw mill-Artikoli 10(2)(a) u 11(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, huma lanqas ma jistgħu juru insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

457

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, is-sitt parti tar-raba’ motiv hija infondata.

– Fuq is-seba’ parti tar-raba’ motiv, ibbażata, sussidjarjament, fuq “lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet”

458

Ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka, sussidjarjament, “lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet” fir-rigward tal-kriterji ta’ skrinjar tekniku, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-inċidenti serji tar-reattur, tal-ħażna finali ta’ skart radjuattiv ta’ attività għolja, tal-għan ambjentali tal-adattament għat-tibdil fil-klima u tal-kriterji ġenerali dwar il-kriterju DNSH li jinsab fl-Anness II tar-Regolament ikkontestat, b’riferiment għall-argumenti mqajma fil-kuntest tal-partijiet l-oħra tar-raba’ motiv.

459

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Bulgarija, tikkontesta dan l-argument.

460

Sa fejn l-ilmenti bbażati fuq “lakuni fl-analiżi jew fir-raġunijiet” fir-rigward tal-inċidenti serji tar-reattur, tar-rimi definittiv tal-iskart radjuattiv ta’ attività għolja, tal-għan ambjentali tal-adattament għat-tibdil fil-klima u tal-kriterji ġenerali li jinsabu fl-Anness II u relatati mal-kriterju DNSH ġew miċħuda, rispettivament, fil-punti 325, 365 u 407 iktar ’il fuq, is-seba’ parti tar-raba’ motiv għandha wkoll tiġi miċħuda għall-istess raġunijiet.

461

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jippermettux li jintwera li, billi inkluda l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari fl-attivitajiet tranżitorji u billi stabbilixxa l-kriterji ta’ skrinjar tekniku għal dawn l-attivitajiet, ir-Regolament ikkontestat kiser il-kriterju DNSH, kif previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, l-Artikolu 19(1)(f) u (g) tal-imsemmi regolament jew il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

462

Konsegwentement, it-tielet u r-raba’ motiv għandhom jiġu miċħuda.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, tal-Artikolu 19(1)(f) ta’ dan ir-regolament kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

463

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-Regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 11 l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija kif ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni, sa fejn dan jikklassifika attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari bħala li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima.

464

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Bulgarija u mir-Rumanija, tikkontesta dan l-argument.

465

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11 tar-Regolament dwar it-Tassonomija jipprovdi dan li ġej:

“ 1.   Attività ekonomika għandha tikkwalifika bħala li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima fejn dik l-attività:

(a)

tinkludi soluzzjonijiet ta’ adattament li jew inaqqsu sostanzjalment ir-riskju tal-impatt negattiv tal-klima attwali u l-klima futura mistennija fuq dik l-attività ekonomika jew inaqqsu sostanzjalment dak l-impatt negattiv, mingħajr ma jiżdied ir-riskju ta’ impatt negattiv fuq persuni, natura jew assi; jew

(b)

tipprovdi soluzzjonijiet ta’ adattament li, barra milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16, jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis tar-riskju tal-impatt negattiv tal-klima attwali u l-klima futura mistennija fuq persuni, natura jew assi, mingħajr ma jiżdied ir-riskju ta’ impatt negattiv fuq persuni, natura jew assi oħra.

2.   Is-soluzzjonijiet ta’ adattament imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu vvalutati u klassifikati f’ordni ta’ prijorità bl-użu tal-aħjar projezzjonijiet klimatiċi disponibbli u għandhom, bħala minimu, jipprevjenu jew inaqqsu:

(a)

l-impatt negattiv, speċifiku għall-post u speċifiku għall-kuntest, tat-tibdil fil-klima fuq l-attività ekonomika; jew

(b)

l-impatt negattiv potenzjali tat-tibdil fil-klima fuq l-ambjent li fih isseħħ l-attività ekonomika.”

466

Barra minn hekk, l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jipprevedi li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għandhom ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika konklużiva u l-prinċipju ta’ prekawzjoni.

467

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fit-taqsima intitolata “Kontribut sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima” li tinsab fl-Anness II tar-Regolament ikkontestat għall-attivitajiet li jaqgħu taħt it-Taqsimiet 4.26 sa 4.28, huwa indikat, essenzjalment,li l-attivitajiet ekonomiċi kkonċernati għandhom ikunu implimentaw soluzzjonijiet fiżiċi u mhux fiżiċi (“soluzzjonijiet ta’ adattament”) li jnaqqsu b’mod sostanzjali l-iktar riskji klimatiċi fiżiċi sinjifikattivi li huma sinjifikattivi għal din l-attività. Barra minn hekk, huwa ppreċiżat li r-riskji klimatiċi fiżiċi li huma sinjifikattivi għall-attivitajiet ikkonċernati ġew identifikati fost dawk elenkati fl-Appendiċi A tal-Anness II tar-Regolament Delegat 2021/2139, li fih it-Taqsimiet 4.26, sa 4.31 ġew inklużi mir-Regolament ikkontestat, permezz ta’ evalwazzjoni rigoruża tar-riskji u tal-vulnerabbiltà marbuta mal-klima.

468

L-ewwel, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, peress li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari, fis-sens tar-Regolament ikkontestat, għandhom effett negattiv fuq l-għan ambjentali ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, dawn ma jistgħux jagħtu kontribuzzjoni sostanzjali għall-għan ambjentali ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi f’dan ir-rigward għall-argumenti tagħha mqajma fil-kuntest tal-ħames parti tat-tielet motiv u tal-ħames parti tar-raba’ aggravju.

469

Madankollu, sa fejn l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma kinux ta’ natura li juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-kriterju DNSH fir-rigward tal-adattament għat-tibdil fil-klima, fil-kuntest tal-ħames parti tat-tielet motiv u tal-ħames parti tar-raba’ motiv, ir-riproduzzjoni ta’ dawn l-argumenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv ma tistax turi, waħedha, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari kienu jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-għan ta’ adattament għat-tibdil fil-klima.

470

It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza li l-konstatazzjoni tal-assenza ta’ kontribuzzjoni sostanzjali tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari għall-adattament għat-tibdil fil-klima ma tistax tiġi kkontestata mill-formulazzjonijiet li jinsabu fl-Anness II tar-Regolament ikkontestat taħt it-titolu “Kontribut sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima”. Fil-fatt, il-kelma “tinkludi” li tinsab fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, teħtieġ kontribuzzjoni “sostanzjali” għall-adattament għat-tibdil fil-klima, b’tali mod li wieħed ma jistax jikkuntenta ruħu b’xi tip ta’ miżura ta’ adattament. Barra minn hekk, ir-rekwiżit jirrigwarda kontribuzzjoni sostanzjali, jiġifieri miżuri ta’ adattament fiżiċi sostanzjali, li għandhom jagħmlu parti integrali mill-attività ekonomika bħala tali. Issa, tali miżuri ma humiex iddefiniti fl-Anness II, peress li l-kriterji stabbiliti mill-Anness II tar-Regolament ikkontestat jikkoinċidu ħafna ma’ dawk tal-Anness I u huma essenzjalment ta’ natura purament proċedurali. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-formulazzjoni tagħhom, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk u sa fejn dawn jirriżultaw minn soluzzjonijiet ta’ adattament fiżiċi.

471

Issa, kif jirriżulta mill-punt 467 iktar ’il fuq, il-punt 1 tad-diversi kriterji ta’ skrinjar tekniku, fit-taqsima intitolata “Kontribut sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima” li tinsab fl-Anness II tar-Regolament ikkontestat għall-attivitajiet li jaqgħu taħt it-Taqsimiet 4.26 sa 4.28, jeżiġi l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet fiżiċi u mhux fiżiċi li jnaqqsu b’mod sostanzjali l-iktar riskji klimatiċi fiżiċi sinjifikattivi li huma importanti għal din l-attività. Kif huwa indikat fil-punt 2 ta’ din l-intestatura, ir-riskji klimatiċi fiżiċi li huma sinjifikattivi għall-attività kkonċernata ġew identifikati fost dawk elenkati fl-Appendiċi A tal-Anness II tar-Regolament Delegat 2021/2139, permezz ta’ evalwazzjoni tar-riskji klimatiċi u tal-vulnerabbiltà mwettqa skont l-istadji ddettaljati fl-imsemmi punt 2. Il-punti 5 u 6 tal-imsemmija intestatura jirreferu għall-acquis tal-Euratom rilevanti.

472

L-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-assenza ta’ soluzzjoni fiżika u fuq in-natura proċedurali u vaga tar-rekwiżiti li jinsabu fl-Anness II tar-Regolament ikkontestat għandu għalhekk jiġi miċħud.

473

It-tielet nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tindika li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku previsti fl-Anness II tar-Regolament ikkontestat ma jindirizzawx l-effetti li jipproduċu l-mewġiet ta’ sħana u ta’ kesħa fuq is-sigurtà tar-reatturi jew fuq il-provvista tal-enerġija, essenzjali għal din is-sigurtà. Ir-Repubblika tal-Awstrija żżid li lanqas ma jissemmew problemi speċifiċi maħluqa mill-klima għall-enerġija nukleari biss u kkawżati miż-żieda mistennija fil-kunflitti ta’ interessi li jistgħu jseħħu fil-qasam tal-użu tal-ilma bejn il-provvista tal-enerġija u l-protezzjoni tal-ilma jew fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija.

474

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 467 iktar ’il fuq, l-Anness II tar-Regolament ikkontestat jirreferi għall-Appendiċi A tal-Anness II tar-Regolament Delegat 2021/2139. Dan l-Appendiċi jinkludi klassifikazzjoni tal-perikli relatati mal-klima, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-mewġiet ta’ sħana, il-mewġiet ta’ kesħa u, fl-inċertezzi relatati mal-ilma, l-istress idriku. Barra minn hekk, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punt 401 iktar ’il fuq, l-allegazzjoni li tirrigwarda assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-problemi speċifiċi kkawżati mill-klima għall-enerġija nukleari fil-futur hija ta’ natura spekulattiva wisq sabiex tirnexxi.

475

L-argument ibbażat fuq il-fatt li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar inkwistjoni ma jindirizzawx dawn ir-riskji klimatiċi għandu għalhekk jiġi miċħud.

476

Ir-raba’ nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, moqrija flimkien mal-Artikolu 11(3) tiegħu, timponi wkoll l-applikazzjoni tal-kriterju previst fl-Artikolu 19(1)(f) ta’ dan ir-regolament u l-prinċipju ta’ prekawzjoni għall-kriterji ta’ skrinjar tekniku intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament. Hija ssostni li l-Kummissjoni ma ġabritx għarfien espert dwar jekk u sa fejn l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima. B’mod partikolari, fid-dawl tal-konsegwenzi mistennija tat-tibdil fil-klima fil-forma ta’ nixfiet li qegħdin jiżdiedu, ta’ tnixxif tax-xmajjar u ta’ żieda fit-temperaturi tal-ilma, ma kien ikun hemm l-ebda diskussjoni dwar ir-riskji speċifiċi għas-sigurtà u l-kunflitti ta’ interess potenzjali li l-użu ta’ attivitajiet ekonomiċi relatati mal-enerġija nukleari se jesponi l-użu tal-ilma (fit-tliet setturi ekonomiċi rregolati). Minn dan ir-Repubblika tal-Awstrija tiddeduċi, minn naħa, li huwa eskluż, fl-assenza ta’ perizji rilevanti, li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar huma bbażati f’dan ir-rigward fuq għarfien xjentifiku konklużiv, u, min-naħa l-oħra, li l-prinċipju ta’ prekawzjoni ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni, peress li l-applikazzjoni tiegħu tippreżupponi konstatazzjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi u li, mid-definizzjoni tiegħu, japplika wkoll għal tali inċertezzi xjentifiċi marbuta ma’ dawn il-konstatazzjonijiet.

477

Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, il-JRC analizza l-kwistjoni tal-kontribuzzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari għall-adattament għat-tibdil fil-klima fil-paġna 357 tar-rapport tiegħu. Għalhekk ma jistax jiġi sostnut li l-Kummissjoni ma ġabritx għarfien espert dwar jekk u sa fejn l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, fil-paġna 358 tar-rapport tal-JRC, huwa indikat, fir-rigward tal-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar, li r-riskji ta’ degradazzjoni ambjentali marbuta mal-preservazzjoni tal-kwalità tal-ilma u mal-prevenzjoni tal-istress idriku huma identifikati u indirizzati, f’konformità ma’ pjan ta’ ġestjoni tal-użu u tal-protezzjoni tal-ilma, żviluppat f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Isir riferiment ukoll għad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 5, p. 275)

478

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, ma jistax jitqies li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku ma humiex ibbażati f’dan ir-rigward fuq għarfien xjentifiku konklużiv, u li l-prinċipju ta’ prekawzjoni ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni.

479

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jippermettux li jintwera li r-Regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 11 l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija kif ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni, sa fejn dan jikklassifika attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari bħala li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima.

480

Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(k) tar-Regolament dwar it-Tassonomija

481

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 19(1)(k) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, peress li jinkludu kunċetti legali indeterminati u kundizzjonijiet li l-eżekuzzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata biss fil-futur, pereżempju għall-ippjanar tal-ħażna finali u tal-użu ta’ kombustibbli reżistenti għall-inċidenti mill-2025.

482

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Bulgarija u mir-Rumanija, tikkontesta dan l-argument.

483

Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 19(1)(k) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti skont l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament huma faċli biex jintużaw u huma stabbiliti b’mod li jiffaċilita l-verifika tal-osservanza tagħhom.

484

Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fatt li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku huma bbażati fuq kunċetti legali indeterminati u kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati għall-futur ma huwiex biżżejjed sabiex juri, bħala tali, li ma humiex faċli li jintużaw jew li ma humiex stabbiliti b’mod li jiffaċilita l-verifika tal-osservanza tagħhom fis-sens tal-Artikolu 19(1)(k) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Fi kwalunkwe każ, ebda rekwiżit ma jipprekludi li istituzzjoni tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ regola li hija tadotta, tuża kunċett ġuridiku astratt u lanqas ma timponi li tali regola astratta ssemmi d-diversi ipoteżijiet konkreti li fihom hija tista’ tapplika, sa fejn dawn l-ipoteżijiet kollha ma jistgħux jiġu ddeterminati minn qabel minn din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 320).

485

Barra minn hekk, sa fejn, permezz tal-argument tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha l-intenzjoni li ssostni ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, jista’ jitfakkar li dispożizzjoni ta’ att tal-Unjoni tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tagħha, biss jekk hija tippreżenta ambigwità tali li tostakola lill-partijiet fil-kawża milli jneħħu b’ċertezza suffiċjenti eventwali dubji dwar il-portata jew is-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2024, Volkskreditbank vs SRB, T‑348/21, mhux ippubblikata, EU:T:2024:32, punt 70).

486

F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Awstrija ma turix li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar jippreżentaw ambigwità tali li tostakola lill-individwi milli jneħħu b’ċertezza suffiċjenti eventwali dubji dwar il-portata jew is-sens tal-imsemmija kriterji.

487

Għal dawn ir-raġunijiet, is-sitt motiv huwa miċħud.

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-għan u tal-effett utli tar-Regolament dwar it-Tassonomija minħabba r-riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq

488

Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, issostni li l-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari bħala sostenibbli tirriskja globalment li twassal għal frammentazzjoni tas-suq li tmur kontra l-għan tar-Regolament dwar it-Tassonomija u l-obbligu li tippreżerva l-effett utli tagħha.

489

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, l-obbligi speċjali ta’ pubblikazzjoni fir-rigward tal-investimenti, b’mod partikolari, f’attivitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari jwasslu sabiex issir distinzjoni bejn sostenibbiltà ambjentali “l-aħjar” u “inqas tajba” li tmur kontra l-ispirtu u l-għan tar-Regolament dwar it-Tassonomija, li huwa intiż li jiżgura t-trasparenza billi jistabbilixxi kriterji uniformi fil-livell tal-Unjoni għal attivitajiet ambjentalment sostenibbli.

490

Issa, dan l-għan huwa kkontestat mill-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari bħala sostenibbli sa fejn, mit-tħabbir tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika dawn l-attivitajiet bħala sostenibbli, tinħoloq fis-suq il-frammentazzjoni stess li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jevita. Ir-Repubblika tal-Awstrija tindika li l-investituri jirreklamaw b’mod immirat il-prodotti finanzjarji “ekoloġiċi”, “mhux nukleari”, li l-investituri istituzzjonali diġà ddikjaraw li ma jixtiqux jinvestu fi prodotti finanzjarji li jinvolvu elementi ta’ enerġija nukleari, jew ħadu pożizzjonijiet f’dan is-sens u li, fil-parti l-kbira tagħhom, it-tikketti nazzjonali ta’ finanzjament sostenibbli fl-Ewropa jeskludu espliċitament l-eliġibbiltà għall-kriterji tagħhom tal-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari.

491

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Franċiża u r-Rumanija, tikkontesta dan l-argument.

492

Għandu jitfakkar li, skont il-premessa 14 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, sabiex jiġi evitat li s-suq ikun frammentat u l-interessi tal-konsumaturi u tal-investituri jiġu affettwati minn interpretazzjonijiet diverġenti ta’ x’jikkostitwixxi attività ekonomika ambjentalment sostenibbli, ir-rekwiżiti nazzjonali li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jew l-emittenti jridu jikkonformaw magħhom sabiex jikkummerċjalizzaw prodotti finanzjarji jew bonds korporattivi bħala ambjentalment sostenibbli jenħtieġ li jkunu bbażati fuq kriterji uniformi għall-attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli.

493

L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament dwar it-Tassonomija huwa intiż li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li jippermettu li ċerti attivitajiet ekonomiċi jitqiesu li huma ambjentalment sostenibbli, b’mod partikolari fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, u li, konsegwentement, billi kklassifikat ċerti attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari bħala sostenibbli skont il-paragrafu 2 tal-imsemmija dispożizzjoni, il-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni indebita bejn attivitajiet ekonomiċi.

494

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li l-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari fil-kategorija tal-attivitajiet tranżitorji kellha bħala effett, fis-suq, telf ta’ adeżjoni tal-atturi jew frammentazzjoni permezz tal-iżvilupp ta’ prodotti finanzjarji jew ta’ investimenti sostenibbli “mhux nukleari”, kif issostni r-Repubblika tal-Awstrija, dan ma huwiex ta’ natura li jivvizzja r-Regolament ikkontestat b’illegalità.

495

Fil-fatt, il-legalità ta’ att tal-Unjoni ma tistax tiddependi mil-livell ta’ effettività tiegħu, mill-allegat aġir tal-atturi ekonomiċi u istituzzjonali kkonċernati, jew mill-mod kif dan l-att jiġi applikat fil-prattika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140, punt 291 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il‑Kummissjoni, T‑135/05, EU:T:2006:366, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

496

Għal dawn ir-raġunijiet, is-seba’ motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

Fuq l-għaxar sas-sittax-il motiv, dwar l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mas-settur tal-gass fossili

497

Fir-rigward tas-settur tal-gass fossili, ir-Regolament ikkontestat jiddefinixxi tliet tipi ta’ attivitajiet:

–

il-produzzjoni tal-elettriku minn fjuwils gassużi fossili (it-Taqsimiet ġodda 4.29 tal-Annessi I u II tar-Regolament Delegat 2021/2139, inklużi fl-imsemmija annessi permezz tar-Regolament ikkontestat);

–

il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja ta’ sħana/kesħa u ta’ elettriku minn fjuwils gassużi fossili (Taqsimiet 4.30 ġodda tal-Annessi I u II tar-Regolament Delegat 2021/2139, inklużi fl-imsemmija annessi mir-Regolament ikkontestat);

–

il-produzzjoni ta’ sħana/kesħa minn fjuwils gassużi fossilif’sistema effiċjenti ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali (Taqsimiet 4.31 ġodda tal-Annessi I u II tar-Regolament Delegat 2021/2139, inklużi fl-imsemmija annessi mir-Regolament ikkontestat) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“attivitajiet ekonomiċi fis-setturi tal-gass fossili”).

498

Għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet, l-Anness I tar-Regolament ikkontestat jistabbilixxi l-kriterji ta’ skrinjar tekniku li jippermettu li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u jekk l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinjifikattiva lil kwalunkwe wieħed mill-għanijiet ambjentali l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament dwar it-Tassonomija. L-Anness II tar-Regolament ikkontestat jistabbilixxi, min-naħa tiegħu, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar li jippermettu li jiġu ddeterminati, minn naħa, il-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima u, min-naħa l-oħra, jekk l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinjifikattiva lil kwalunkwe wieħed mill-għanijiet ambjentali l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(2) u tal-Artikolu 19(1)(f) u (g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

499

Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, issostni, essenzjalment, li r-Regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 19(1)(f) u (g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija kif ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni sa fejn jipprevedi, għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili, limiti ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kW bħala medja annwali fuq 20 sena.

500

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mas-settur tal-gass fossili ma jagħtux kontribut sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, tal-inqas sa fejn dawn huma awtorizzati lil hinn mil-limitu massimu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh, anki fil-kuntest tal-limiti ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kW.

501

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, mill-Ungerija, mir-Repubblika tal-Polonja u mir-Rumanija, tikkontesta dan l-argument.

502

Dan il-motiv huwa maqsum fi tmien partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq l-eżistenza ta’ alternattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, it-tieni waħda, fuq l-assenza ta’ kontribuzzjoni għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju f’konformità mal-għan ta’ 1.5 °C, it-tielet waħda, fuq il-ksur tar-rekwiżit ta’ analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, ir-raba’ waħda, fuq dewmien fuq l-aħjar prestazzjonijiet tas-settur jew tal-industrija, il-ħames waħda, fuq ostakolu għall-alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju, is-sitt waħda, fuq ksur tal-projbizzjoni tal-effetti ta’ esklużjoni, is-seba’ waħda, fuq ksur tal-Artikolu 19(1)(g), tar-Regolament dwar it-Tassonomija, u, sussidjarjament, it-tmien wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 19(1)(f) tal-imsemmi regolament, tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u ta’ “lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet”.

– Fuq l-ewwel parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ karbonju

503

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-kundizzjoni li ma għandhiex teżisti soluzzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju ma hijiex issodisfatta, peress li l-enerġiji rinnovabbli, il-grilji intelliġenti u t-tekniki ta’ ħażna tal-enerġija u ta’ tnaqqis fil-konsum huma kollha soluzzjonijiet disponibbli b’livell baxx ta’ karbonju li huma sostitwibbli għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili.

504

Ir-Repubblika tal-Awstrija żżid li, billi qieset li l-alternattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju “jistgħu ma jkunux għadhom disponibbli fis-suq”, kif stabbilit fil-premessi 4 u 6 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni tibbaża dan ir-regolament fuq “estensjoni” tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija inkompatibbli mal-formulazzjoni, mal-istruttura u mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni għar-raġunijiet żviluppati insostenn tat-tieni motiv.

505

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-rekwiżit li, essenzjalment, l-enerġija li għandha tiġi sostitwita ma tistax tiġi ġġenerata minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni komparattiva bl-aktar alternattiva rinnovabbli kosteffettiva u teknikament fattibbli għall-istess kapaċità, previst, rispettivament, fil-punt 1(b)(ii) tat-Taqsima 4.29 u l-punt 1(b)(iii) tat-Taqsimiet 4.30 u 4.31 li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat, iwassal għal estensjoni illegali tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Hija tqis li din l-aħħar dispożizzjoni teżiġi paragun mhux biss mal-alternattiva “l-aktar […] kosteffettiva”, iżda wkoll mal-alternattivi kollha “ekonomikament fattibbli”, u li l-imsemmija dispożizzjoni teskludi l-klassifikazzjoni bħala sostenibbli fuq il-livell ambjentali mhux biss meta l-“istess kapaċità” tista’ tintlaħaq b’sorsi alternattivi, iżda wkoll meta dawn jeżistu

506

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, mill-Ungerija, mir-Repubblika tal-Polonja u mir-Rumanija, tikkontesta dan l-argument.

507

Għandu jitfakkar, l-ewwel, li mill-premessa 4 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta, essenzjalment, li l-Kummissjoni qieset li t-tranżizzjoni ekoloġika kienet teħtieġ tnaqqis sinjifikattiv tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’setturi fejn soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju ma humiex fattibbli sa fejn dawn ma jippermettux li tiġi ggarantita l-provvista tal-enerġija neċessarja.

508

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li kien neċessarju li jiġu stabbiliti kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-GS meta l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġġenerati minn dawn l-attivitajiet jibqgħu taħt limitu xieraq, iżda wkoll meta dawn it-tipi ta’ produzzjoni jkunu għadhom ma jissodisfawx dan il-limitu xieraq.

509

Il-Kummissjoni qieset ukoll li kien meħtieġ approċċ differenti mil-limitazzjoni diretta tal-emissjonijiet ta’ GS. Skont dan l-approċċ alternattiv, li jenħtieġ li jagħti riżultati simili fuq perjodu ta’ 20 sena, minn naħa l-waħda, l-impjanti jistgħu jilħqu dawn ir-riżultati billi jillimitaw l-għadd ta’ sigħat ta’ tħaddim jew billi javvanzaw il-bidla għal gassijiet rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Min-naħa l-oħra, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-użu tal-gass fossili jenħtieġ li jiżguraw ukoll li jkun hemm evidenza ċara li l-istess kapaċità ma tistax tiġi ġġenerata minn sorsi rinnovabbli u li jkun hemm fis-seħħ pjanijiet effiċjenti għal kull impjant, skont l-aħjar prestazzjoni tas-settur, għal gassijiet rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju kompletament f’data speċifika.

510

It-tieni, kif jirriżulta mill-punti 164 sa 169 iktar ’il fuq, il-kundizzjoni li ma teżistix alternattiva b’livell baxx ta’ karbonju li tista’ tinkiseb fil-livell teknoloġiku u ekonomiku, prevista fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, timplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti marbuta mas-sigurtà tal-provvista.

511

It-tielet nett, minn dan għandu jiġi miċħud l-argument li l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jeskludi l-klassifikazzjoni bħala ambjentalment sostenibbli mhux biss meta “l-istess kapaċità” tista’ tintlaħaq b’sorsi alternattivi, iżda wkoll meta dawn jeżistu.

512

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 164 sa 169 iktar ’il fuq, il-kundizzjoni li ma teżistix alternattiva b’livell baxx ta’ karbonju li tista’ tinkiseb fil-livell teknoloġiku u ekonomiku, prevista fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, timplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti marbuta mas-sigurtà tal-provvista. Issa, l-interpretazzjoni adottata mir-Repubblika tal-Awstrija tmur kontra r-rekwiżit ta’ sigurtà tal-provvisti.

513

Ir-raba’ nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, ir-rekwiżit li l-enerġija li għandha tiġi sostitwita ma tistax tiġi ġġenerata minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni komparattiva bl-aktar alternattiva rinnovabbli kosteffettiva u teknikament fattibbli għall-istess kapaċità, previst, fil-punt 1(b)(ii) tat-Taqsima 4.29 u fil-punt 1(b)(iii) tat-Taqsimiet 4.30 u 4.31, li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat, ma huwiex illegali sa fejn dan iwassal sabiex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija sabiex jinkludi f’din id-dispożizzjoni r-rekwiżit ta’ sigurtà tal-provvista.

514

Fil-fatt, dan ir-rekwiżit huwa wkoll intiż sabiex jiżgura r-rekwiżit ta’ sigurtà tal-provvista, konformement mal-interpretazzjoni li tirriżulta mill-punti 164 sa 169 iktar ’il fuq, filwaqt li jiggarantixxi li jeżistu elementi li juru b’mod ċar li l-istess kapaċità ma tistax tiġi ġġenerata minn sorsi li jiġġeddu, skont l-approċċ tal-Kummissjoni deskritt fil-punt 509 iktar ’il fuq. Għalhekk ma jirriżultax minn estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

515

Il-ħames nett, għandu jiġi rrilevat li, skont il-mudelli tal-Kummissjoni, li tibbaża ruħha fuq il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-Komunikazzjoni COM (2020) 562 final tas‑17 ta’ Settembru 2020, intitolata “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 – Ninvestu f’futur newtrali għall-klima”, l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass kienu neċessarji bħala kapaċitajiet ta’ tranżizzjoni u ta’ riżerva fil-kundizzjonijiet attwali tat-teknoloġija u tas-suq, sa fejn l-Unjoni ser ikollha bżonn kapaċitajiet ġodda tal-gass inklużi bejn 23 u 31 gigawatts (GW) matul il-perijodu 2020 sa 2030.

516

Issa, l-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija bbażati fuq id-dikjarazzjonijiet tal-pjattaforma ma jippermettux li jintwera li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-alternattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jistgħu ma jkunux għadhom disponibbli fis-suq u ma jippermettux li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista

517

Fil-fatt, is-sempliċi affermazzjoni li tipprovdi li jeżistu soluzzjonijiet alternattivi vijabbli bbażati fuq enerġiji rinnovabbli ma hijiex biżżejjed sabiex l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma tkunx plawżibbli.

518

L-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija għalhekk ma jippermettux li jintwera li l-kundizzjoni li ma għandhiex teżisti alternattiva b’livell baxx ta’ karbonju, prevista fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, ma hijiex issodisfatta.

519

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ewwel parti tal-għaxar motiv hija wkoll infondata.

– Fuq it-tieni parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ kontribuzzjoni għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju skont l-għan ta’ 1.5 C

520

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li l-limiti limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kW, użati fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat, ma humiex kompatibbli mal-għan ta’ 1.5 C stabbilit mill-Ftehim ta’ Pariġi u l-għanijiet sekondarjikorrispondenti tal-Unjoni għall-2030 u għall-2050, u li l-kriterji l-oħra ta’ skrinjar tekniku ma jippermettux li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

521

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Rumanija u mir-Repubblika tal-Polonja, tikkontesta dan l-argument.

522

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jeżiġi li l-attività ekonomika kkonċernata, b’mod partikolari, tippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima kompatibbli ma’ profil ta’ evoluzzjoni intiż li jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, inkluż billi jiġu eliminati gradwalment l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, b’mod partikolari l-emissjonijiet minn fjuwils fossili solidi.

523

Mill-premessa 41 tar-Regolament dwar it-Tassonomija jirriżulta wkoll li l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament għandhom jiffavorixxu, billi jsegwu perkors kredibbli, it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima kompatibbli ma’ profil ta’ evoluzzjoni intiż li jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 °C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, inkluż bl-eliminazzjoni gradwali tal-emissjonijiet ta’ GS.

524

Għalhekk, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tiżgura li attività ekonomika li taqa’ taħt din id-dispożizzjoni tiffavorixxi t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u tkun intiża li tillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 °C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, inkluż permezz tat-tneħħija progressiva tal-emissjonijiet ta’ GS.

525

Mill-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jirriżulta li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni jkunu nieqsa mill-plawżibbiltà u jkunu vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni jekk ir-Repubblika tal-Awstrija turi li, kuntrarjament għal dak li ġie kkunsidrat, essenzjalment, mill-Kummissjoni fir-Regolament ikkontestat, il-kriterji ta’ skrinjar tekniku ma humiex adatti sabiex ineħħu jew inaqqsu progressivament l-emissjonijiet ta’ GS.

526

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku minn fjuwils gassużi fossili (Taqsima 4.29 li tinsab fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat), skont il-kriterju ta’ skrinjar tekniku dwar il-kontribuzzjoni sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-punt 1(b) tat-Taqsima 4.29 li tinsab fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat jipprevedi dan li ġej:

“Il-faċilitajiet li għalihom jingħata l-permess għall-bini sal-31 ta’ Diċembru 2030 jikkonformaw ma’ dan kollu li ġej:

(i)

l-emissjonijiet diretti tal-[GS] tal-attività jkunu inqas minn 270 g [ta’] CO2eq/kWh tal-output tal-enerġija, jew l-emissjonijiet diretti tal-GHG tal-attività ma jaqbżux il-medja ta’ 550 kg [ta’] CO2eq/kW tal-kapaċità tal-faċilità fuq perjodu ta’ 20 sena;

(ii)

l-enerġija li għandha tiġi sostitwita ma tistax tiġi ġġenerata minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni komparattiva bl-aktar alternattiva rinnovabbli kosteffettiva u teknikament fattibbli għall-istess kapaċità identifikata; ir-riżultat ta’ din il-evalwazzjoni komparattiva jiġi ppubblikat u jkun soġġett għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati;

(iii)

l-attività tieħu post attività eżistenti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku b’emissjonijiet għoljin li tuża fjuwils fossili solidi jew likwidi;

(iv)

il-kapaċità ta’ produzzjoni installata ġdida ma taqbiżx il-kapaċità tal-faċilità sostitwita b’aktar minn 15 %;

(v)

il-faċilità hija ddisinjata u mibnija biex tuża fjuwils gassużi rinnovabbli u/jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u l-bidla għall-użu totali ta’ fjuwils gassużi rinnovabbli u/jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju se sseħħ sal-31 ta’ Diċembru 2035, b’impenn u bi pjan verifikabbli approvat mill-korp maniġerjali tal-impriża;

(vi)

is-sostituzzjoni twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ mill-inqas 55 % ta’ gassijiet b’effett ta’ serra tul il-ħajja tal-kapaċità ta’ produzzjoni installata ġdida;

(vii)

meta l-attività sseħħ fit-territorju ta’ Stat Membru li fih il-faħam jintuża għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, dan l-Istat Membru jkun impenja ruħu li jelimina gradwalment l-użu tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-faħam […]”

527

Il-limitu limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh tal-enerġija prodotta jintuża wkoll fil-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja ta’ tisħin/kesħa u ta’ elettriku minn fjuwils gassużi fossili (Taqsima 4.30 li tinsab fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat) u l-produzzjoni ta’ sħana/kesħa minn fjuwils gassużi fossili f’sistema effiċjenti ta’ tisħin u ta’ tkessiħ urban (Taqsima 4.31 li tinsab fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat).

528

Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tindika li t-TEG tqis li l-limitu limitu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh jikkundizzjona xjentifikament l-osservanza tal-kundizzjoni li tikkonsisti f’li tiġi promossa t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u li għandu jitnaqqas kull ħames snin, filwaqt li tfakkar li t-TEG indika wkoll li dan il-limitu ma setax jiġi osservat mill-impjanti li jaħdmu bil-gass tradizzjonali, iżda biss minn dawk li jużaw it-teknoloġija tal-qbid u tas-sekwestru tal-karbonju. Hija tenfasizza wkoll li l-pjattaforma qieset li l-limiti limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kW ma kinux kompatibbli mal-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni u tal-Ftehim ta’ Pariġi, u li l-Kummissjoni qieset dan il-limitu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh bħala determinanti, b’mod partikolari għall-attivitajiet l-oħra meqjusa li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fir-Regolament Delegat 2021/2139.

529

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fir-rapport finali tat-TEG, ġie indikat dan li ġej fir-rigward tal-limitu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh:

“Limitu globali u teknoloġikament newtrali ta’ intensità tal-emissjonijiet ta’ 100 g ta’ ekwivalenti CO2[eq]/kWh huwa propost għall-produzzjoni tal-elettriku, għall-produzzjoni tas-sħana u għall-koġenerazzjoni tas-sħana u tal-elettriku. Dan il-livell limitu se jitnaqqas kull ħames snin f’konformità mal-miri ta’ politika stabbiliti biex jinkisbu emissjonijiet żero netti sal-2050. […]

Metodu għall-għażla tal-limitu tal-intensità tal-emissjonijiet

It-trajettorja annwali tal-emissjonijiet tas-settur tal-elettriku tal-[Unjoni] se jkollha tilħaq emissjonijiet żero netti sal-2050, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi […] u impenji politiċi oħra dwar il-klima u l-enerġija.

Il-kalkolu tal-limitu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh huwa bbażat fuq il-miri ta’ politika ta’ emissjonijiet futuri awtorizzati tas-settur tal-elettriku, diviżi bl-evoluzzjoni mistennija tad-domanda għall-elettriku.

Il-limitu se jiġi stabbilit għal valur uniku għall-investimenti l-ġodda kollha fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, sakemm jiġi rivedut aktar tard. Japplika wkoll għall-ġenerazzjoni tat-tisħin/tkessiħ u għall-koġenerazzjoni tas-sħana u l-elettriku.

Sabiex investiment jew attività partikolari tkun kompatibbli ma’ dik it-trajettorja, l-emissjonijiet medji tul il-ħajja fiżika tagħhom, jew 40 snin (skont liema jkun l-iqsar), iridu jkunu taħt il-limitu.

[…]

Il-limitu ġie ddeterminat kif ġej:

–

Id-data storika dwar l-emissjonijiet tas-settur tal-elettriku u d-domanda għall-elettriku għall-Unjoni 28 toriġina mill-Eurostat.

–

L-emissjonijiet futuri huma konformi mal-impenji politiċi tal-[Unjoni] għas-settur [tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet] (-43 % sal-2030) u mbagħad jonqsu b’mod lineari sa żero sal-2050. Id-domanda futura għall-elettriku (produzzjoni netta) hija mistennija li tiżdied f’konformità max-xenarju bażi PRIMES 2016 tal-Unjoni.

–

Billi l-emissjonijiet ippjanati tas-settur tal-elettriku jiġu diviżi bid-domanda ppjanata għall-elettriku, jinkisbu valuri annwali ppjanati li jkunu konsistenti mal-politiki għall-fatturi ta’ emissjoni tas-settur tal-elettriku tal-Unjoni.

–

Produttur partikolari tal-elettriku għandu jitqies konformi ma’ dawn il-miri ta’ politika jekk l-emissjonijiet tiegħu jkunu inqas mill-medja ta’ dawn il-fatturi ta’ emissjoni annwali matul il-ħajja tiegħu.

–

Sabiex jiġi ddeterminat livell limitu teknoloġikament newtrali uniku li jkopri t-teknoloġiji kollha, il-metodoloġija għandha tqis il-fatturi ta’ emissjoni annwali medji fuq perijodu ta’ 40 snin minn meta tibda titħaddem.”

530

Il-limitu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh għalhekk inkiseb billi l-emissjonijiet ippjanati tas-settur tal-elettriku (b’teħid inkunsiderazzjoni tal-mira ta’ emissjonijiet żero netti sal-2050) ġew diviżi bid-domanda ppjanata għall-elettriku.

531

Il-limitu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh, jirrappreżenta, skont it-TEG, il-valur medju tal-emissjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku bejn l-2020 u l-2050 sabiex l-Unjoni tkun tista’ tilħaq il-mira ta’ emissjonijiet żero netti sal-2050.

532

Dan il-limitu huwa bbażat fuq il-proporzjon bejn il-valur stmat tal-emissjonijiet totali li ma għandux jinqabeż sal-2050 lejn limitazzjoni jew tneħħija tal-emissjonijiet ta’ GS u l-valur stmat tad-domanda għall-elettriku sal-2050.

533

Fi kliem ieħor, il-limitu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh jiddetermina valur ipotetiku ta’ CO2eq/kWh prodott li ma għandux jinqabeż sabiex jiġu limitati jew eliminati l-emissjonijiet ta’ GS b’mod kompatibbli mal-mira li ż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1.5 °C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali sal-2050.

534

It-tieni, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-limitu stabbilit mit-TEG ma huwiex, bħala tali, parametru ta’ legalità tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti fir-Regolament ikkontestat, peress li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi.

535

F’dan ir-rigward, kif osservat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, il-limitu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh ma huwiex attwalment possibbli għall-impjanti li jaħdmu bil-gass li ma għandhomx sistema ta’ ġbir ta’ CO2. L-approċċ tal-Kummissjoni jikkonsisti, essenzjalment, fl-applikazzjoni ta’ limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh għall-imsemmija impjanti, b’mod li dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat u jkunu suġġetti għall-kriterji l-oħra ta’ skrinjar tekniku. Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali approċċ huwa konformi mal-għan tar-Regolament dwar it-Tassonomija li jiġi evitat in-nuqqas ta’ azzjoni jew l-azzjonijiet tardivi, diġà msemmi fil-punt 377 iktar ’il fuq.

536

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-limitu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh, ma humiex ta’ natura li juru, waħedhom, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku jistgħu jiffavorixxu t-tnaqqis jew it-tneħħija tal-emissjonijiet ta’ GS u, għaldaqstant, it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima kompatibbli ma’ profil ta’ evoluzzjoni intiż li jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 °C.

537

It-tielet, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija lanqas ma jistgħu jippermettu li jintwera li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ma humiex xierqa sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għan intermedju għall-2030, previst fl-Artikolu 4(1) tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, li jikkonsisti fi tnaqqis, fl-Unjoni, tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) ta’ mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

538

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argument tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta, essenzjalment, in-natura suffiċjentement eżiġenti jew ambizzjuża tal-kriterji inkwistjoni, iżda ma tikkontestax il-kapaċità tagħhom li jneħħu jew inaqqsu progressivament l-emissjonijiet ta’ GS. Għaldaqstant, għar-raġunijiet diġà spjegati fil-punti 523 sa 525 iktar ’il fuq, dan l-argument ma jistax juri li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-implementazzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Barra minn hekk, u għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punt 378 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li l-għażla tal-Kummissjoni li tipprivileġġa kriterji potenzjalment inqas eżiġenti tista’ tkun marbuta mal-għan li jiġi evitat in-nuqqas ta’ azzjoni jew azzjonijiet tardivi, billi tippermetti kamp ta’ applikazzjoni iktar wiesa’ tar-Regolament ikkontestat u tal-kriterji kollha li jinsabu fih.

539

Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-attivitajiet ikkonċernati għandhom ukoll jissostitwixxu attività eżistenti ta’ produzzjoni tal-elettriku b’emissjonijiet għoljin li tuża fjuwils fossili solidi jew likwidi, li twassal għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ mill-inqas 55 % tal-GS tul il-ħajja tal-kapaċità ta’ produzzjoni installata mill-ġdid u l-Istat Membru għandu jkun impenja ruħu li jelimina gradwalment il-produzzjoni tal-enerġija mill-faħam (punt 1(b)(iii), (vi) u (vii) tat-Taqsima 4.29 u l-punt 1(b)(iv), (vii) u (ix) tat-Taqsimiet 4.30 u 4.31 li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat).

540

Barra minn hekk, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija jinjora wkoll il-fatt li l-approċċ segwit għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili huwa approċċ progressiv, li huwa intiż li jnaqqas il-produzzjoni tal-enerġija marbuta mal-gass fossili fi stadju, filwaqt li jippermetti s-sigurtà tal-provvista, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 4 tar-Regolament ikkontestat. Għalhekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-impjanti jistgħu jew jillimitaw in-numru ta’ sigħat ta’ tħaddim għal livell kostanti, jew jaqilbu malajr għall-użu sħiħ ta’ fjuwil rinnovabbli u/jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju wara l-eżawriment tal-baġit tal-karbonju. Għalhekk, jekk jużaw sehem ikbar tal-baġit tal-karbonju tagħhom fl-ewwel snin, ser ikollhom jikkumpensaw għas-snin ta’ wara billi jnaqqsu s-sigħat operattivi jew billi jaqilbu iktar kmieni għal gassijiet rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Dan l-approċċ huwa konformi mal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jinkludix biss attivitajiet ekonomiċi xierqa li jiżguraw l-iktar kontribut sostanzjali possibbli għall-għan ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u li ma jikkawżawx ħsara — jew l-inqas ħsara possibbli — għal għanijiet ambjentali oħra.

541

Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, l-ewwel nett, li l-kriterji ta’ evalwazzjoni teknika lanqas ma jiggarantixxu t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet. B’mod partikolari, il-kundizzjoni tal-bidla, fil‑31 ta’ Diċembru 2035, għall-użu sħiħ ta’ fjuwil gassużi rinnovabbli u/jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju ma tistax tikkontribwixxi għat-twettiq tal-mira intermedja għall-2030, li hija vinkolanti skont l-Artikolu 4(1) tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima.

542

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-bidla tal-fjuwil meħtieġa ma hijiex biżżejjed sabiex tiggarantixxi kontribuzzjoni suffiċjenti għall-osservanza tal-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni, li jippreżupponu li s-settur tal-enerġija jsir diġà kważi newtrali għall-klima sal-2040 (u fi kwalunkwe każ sal-2050) u għalhekk ma jipproduċi ebda emissjonijiet sinjifikattivi ta’ GS.

543

Permezz ta’ dan l-argument, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-kriterju ta’ skrinjar tekniku marbut mat-tibdil tal-fjuwil ma huwiex biżżejjed sabiex jiggarantixxi kontribuzzjoni suffiċjenti għall-osservanza tal-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni.

544

Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija la turi u lanqas tallega li l-bidla tal-fjuwil meħtieġ ma hijiex adatta sabiex telimina jew tnaqqas progressivament l-emissjonijiet ta’ GS. Għaldaqstant, għal raġunijiet analogi għal dawk indikati fil-punt 538 iktar ’il fuq, tali argument ma jistax jintlaqa’.

545

It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar jippermettu li wieħed jipprevedi ferm lil hinn mill-2040 (jew saħansitra tal-2050) impjanti li jiġġeneraw emissjonijiet sinjifikattivi tal-GS. Fil-fatt, hija tenfasizza li, skont il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, l-impjanti il-ġodda jistgħu jitqiesu li huma ambjentalment sostenibbli jekk jiġu awtorizzati qabel il‑31 ta’ Diċembru 2030 u jekk il-kundizzjonijiet l-oħra tar-Regolament ikkontestat ikunu ssodisfatti. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, it-tul medju tal-operat ta’ dawn l-impjanti huwa ta’ bejn 25 u 30 sena. Issa, anki mill‑1 ta’ Jannar 2036, il-kriterji ta’ skrinjar tekniku ma jipprevedux preċiżament l-użu esklużiv ta’ fjuwils rinnovabbli, iżda biss l-użu ta’ kombustibbli “b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju”, li ma għandu ebda rabta mal-limitu limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u lanqas ma jippreskrivi, barra minn hekk, l-iċken tnaqqis speċifiku meta mqabbel ma’ dan il-limitu jew ma’ kwalunkwe limitu ieħor.

546

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, anki jekk jitqies li l-obbligu li jintużaw fjuwils b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jimponi tnaqqis b’rata ta’ 70 % meta mqabbel mal-valur ta’ referenza għall-fjuwils fossili, konformement mad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42 u fil-ĠU 2022, L 41, p. 37), minn dan isegwi biss tnaqqis tal-livell ta’ emissjonijiet awtorizzat għal ftit inqas minn 200 g ta’ CO2eq/kWh. Minn dan ir-Repubblika tal-Awstrija tiddeduċi li, anki wara l-2035 u fid-dawl tat-tul tal-operat tal-impjanti, l-emissjonijiet ta’ GS jibqgħu awtorizzati, ferm wara l-2040 u l-2050, f’livell li jeċċedi b’mod kunsiderevoli l-limitu massimu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh, li l-osservanza tiegħu hija meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi.

547

Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija la turi u lanqas tallega lil-obbligu li jintużaw fjuwils b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju ma huwiex adattat sabiex ineħħi jew inaqqas progressivament l-emissjonijiet ta’ GS. Għaldaqstant, għal raġunijiet analogi għal dawk indikati fil-punt 538 iktar ’il fuq, tali argument ma jistax jintlaqa’.

548

It-tielet nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tallega li r-riferiment għall-għan ta’ ekonomija ta’ 55 % stabbilit fil-punt 1(b)(vi) tat-Taqsima 4.29, kif ukoll fil-punt 1(b)(vii) tat-Taqsimiet 4.30 u 4.31 tal-Anness I tar-Regolament ikkontestat, isemmi b’mod żbaljat l-implimentazzjoni tar-rekwiżit impost mill-Artikolu 4 tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima li jitnaqqsu b’ 55 % l-emissjonijiet netti ta’ GS fl-Ewropa sal-2030, filwaqt li, peress li s-settur tal-enerġija jirrappreżenta 75 % minn dawn l-emissjonijiet, huwa evidenti li hemm lok li jsir iktar iffrankar.

549

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija la turi u lanqas tallega li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku skont liema s-sostituzzjoni ta’ impjant preċedenti twassal għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ mill-inqas 55 % ta’ GS tul il-ħajja tal-kapaċità ta’ produzzjoni installata ġdida, jew ta’ mill-inqas 55 % ta’ GS għal kull kWh ta’ enerġija prodotta, ma humiex adatti sabiex ineħħu jew inaqqsu progressivament l-emissjonijiet ta’ GS. Għaldaqstant, għal raġunijiet analogi għal dawk indikati fil-punt 538 iktar ’il fuq, tali argument ma jistax jintlaqa’.

550

Ir-raba’ nett, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, il-kundizzjonijiet ta’ sostituzzjoni ta’ installazzjoni qadima bl-istabbiliment ta’ installazzjoni ġdida, stabbiliti fil-punt 1(b)(vi) tat-Taqsima 4.29 u fil-punt 1(b)(vii) tat-Taqsimiet 4.30 u 4.31, li jidhru fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat, huma insuffiċjenti. Fil-fatt, din l-attività ekonomika għandha tissostitwixxi l-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-elettriku attwalment żgurati mill-impjanti ta’ produzzjoni kkombinata li jaħdmu bil-faħam jew l-impjanti li jaħdmu bil-linjite u huwa wkoll possibbli li tiżdied b’15 % il-kapaċità għall-impjanti imsemmija fit-Taqsima 4.29, konformement mal-punt 1(b)(iv) tal-imsemmija taqsima. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1(b)(v) tat-Taqsimiet 4.30 u 4.31 jikkorrispondu għall-kundizzjoni stabbilita fil-punt 1(b)(iv) tat-Taqsima 4.29, bl-eċċezzjoni tal-fatt li żieda fil-kapaċità ma hijiex possibbli għal dawn l-attivitajiet u tnaqqis tal-kapaċità meta mqabbel mal-istatus quo ante ma huwiex meħtieġ.

551

Permezz ta’ dan l-argument, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-kundizzjonijiet ta’ sostituzzjoni ta’ installazzjoni qadima bl-istabbiliment ta’ installazzjoni ġdida, stabbiliti fil-punt 1(b)(vi) tat-Taqsima 4.29 u fil-punt 1(b)(vii) tat-Taqsimiet 4.30 u 4.31, li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat, huma insuffiċjenti.

552

Madankollu, ir-Repubblika tal-Awstrija la turi u lanqas tallega li l-kundizzjonijiet ta’ sostituzzjoni ta’ impjant qadim, meħuda flimkien mal-kriterji l-oħra ta’ skrinjar tekniku, ma humiex adatti sabiex ineħħu jew inaqqsu progressivament l-emissjonijiet ta’ GS. Għaldaqstant, għal raġunijiet analogi għal dawk indikati fil-punt 538 iktar ’il fuq, tali argument ma jistax jintlaqa’.

553

Il-ħames nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1(b)(vii) tat-Taqsima 4.29 u fil-punt 1(b)(ix) tat-Taqsimiet 4.30 u 4.31 jorbtu biss lill-Istati Membri li jużaw il-faħam għall-produzzjoni tal-enerġija, iżda ma jikkostitwixxux kundizzjoni essenzjali, peress li ebda terminu ma huwa stabbilit għall-ħruġ u peress li d-data tal-ħruġ imħabbra tista’ għalhekk tkun għal diversi deċennji.

554

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija ma turix li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar li jimponu fuq Stat Membru partikolari l-obbligu li jimpenja ruħu li jelimina gradwalment il-produzzjoni tal-enerġija mill-faħam ma humiex adatti sabiex ineħħu jew inaqqsu progressivament l-emissjonijiet ta’ GS. Għaldaqstant, għal raġunijiet analogi għal dawk indikati fil-punt 538 iktar ’il fuq, tali argument ma jistax jintlaqa’.

555

Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza, l-ewwel nett, li l-kapaċità ta’ produzzjoni installata ġdida tista’ taqbeż 15 % tal-kapaċità tal-impjant ssostitwit, b’tali mod li l-kapaċitajiet għall-fjuwil fossili jistgħu saħansitra jiżdiedu meta mqabbla mal-kapaċitajiet fossili preċedenti inkwistjoni, mingħajr ma dan jinbidel fi kwalunkwe każ għas-sostenibbiltà tal-investiment.

556

Madankollu, ir-Repubblika tal-Awstrija ma turix li l-limitazzjoni tal-kapaċità ta’ produzzjoni installata ġdida għal 15 % iktar mill-kapaċità tal-impjant ssostitwit, meħuda flimkien mal-kriterji l-oħra ta’ skrinjar tekniku, ma hijiex adatta sabiex telimina jew tnaqqas progressivament l-emissjonijiet ta’ GS. Għaldaqstant, għal raġunijiet analogi għal dawk indikati fil-punt 538 iktar ’il fuq, tali argument ma jistax jintlaqa’.

557

It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li ċertu tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GS meta mqabbel mal-istatus quo attwali ma huwiex biżżejjed sabiex jippermetti li attività provviżorja tissodisfa l-kundizzjoni ta’ konformità mal-“profil ta’ evoluzzjoni lejn” it-twettiq tal-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni. Minn dan ir-Repubblika tal-Awstrija tiddeduċi li d-dispożizzjonijiet addizzjonali tal-kriterji ta’ skrinjar tekniku tar-Regolament ikkontestat, li jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ impjanti tal-enerġija ġodda li jnaqqsu l-emissjonijiet meta mqabbla mal-impjanti tal-enerġija li huma jissostitwixxu, ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

558

Madankollu, dan l-argument ma jippermettix li jintwera li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar relatati mal-attivitajiet relatati mal-gass fossili ma humiex ta’ natura li jeliminaw jew inaqqsu gradwalment l-emissjonijiet GS. Għaldaqstant, għal raġunijiet analogi għal dawk indikati fil-punt 538 iktar ’il fuq, tali argument ma jistax jintlaqa’.

559

Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punti 538, 544, 547, 549, 552, 554, 556 u 558 iktar ’il fuq, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jippermettux li tintwera l-inkapaċità tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, meħuda kemm b’mod iżolat kif ukoll fl-intier tagħhom, li jeliminaw gradwalment l-emissjonijiet GS.

560

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-projezzjonijiet imressqa mir-Repubblika tal-Awstrija ma jistgħux, waħedhom, iċaħħdu mill-plawżibbiltà dawk li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament ikkontestat.

561

It-tielet, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1(b)(i) tat-Taqsimiet 4.30 u 4.31 li jinsabu fl-Anness 1 tar-Regolament ikkontestat sempliċement jirriproduċu d-definizzjoni li d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU 2012, L 315, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2013, L 113, p. 24) tagħti l-produzzjoni kkombinata effiċjenti ħafna tas-sħana u tal-elettriku jew tal-produzzjoni kkombinata effiċjenti tat-tisħin u tat-tkessiħ urban.

562

Madankollu, tali korrispondenza allegata bejn il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar u din id-direttiva ma hijiex ta’ natura li turi li dawn il-kriterji huma vvizzjati b’illegalità. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 263 sa 265 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet fondata li tibbaża ruħha fuq kull rekwiżit minimu stabbilit skont id-dritt tal-Unjoni.

563

Fir-raba’ lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-limiti massimi ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh ma humiex ibbażati fuq elementi xjentifiċi konklużivi fis-sens tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, peress li ma kinux is-suġġett tal-istudju tat-TEG u jikkontradixxuh.

564

Issa, kif tirrileva l-Kummissjoni fir-risposti tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑30 ta’ Settembru 2024, il-limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh isib sostenn fl-anness tekniku tar-rapport finali tat-TEG, li kien irrakkomanda valur qrib l-imsemmi limitu, jiġifieri ta’ 262 g ta’ CO2eq/kWh, f’dak li jirrigwarda l-kriterju DNSH.

565

Barra minn hekk, kif jirriżulta mir-risposti tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑30 ta’ Settembru 2024, huwa abbażi tal-limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh li l-Kummissjoni kkalkolat il-limitu ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kWh. Fil-fatt, hija ħadet bħala mudell ċentrali li taħdem bil-gass b’emissjonijiet diretti ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh, operata għal 25 % tas-sigħat ta’ operat annwali, jiġifieri 2190 siegħa fis-sena, b’tali mod li, f’tali ipoteżi, l-emissjonijiet annwali totali jikkorrispondu għal 270 g ta’ CO2eq/kWh, immultiplikati bi 2190 siegħa, jew għal 591.3 kg ta’ CO2eq/kW. Il-Kummissjoni għamlet dan il-valur iktar strett billi aġġustatu għal 550 kg ta’ CO2eq/kW.

566

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma bbażatx ruħha fuq l-evalwazzjonijiet xjentifiċi disponibbli, b’tali mod li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

567

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Repubblika tal-Awstrija ma wrietx li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li l-limiti ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kW, użati fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat, kienu kompatibbli mal-għan ta’ 1.5 °C stabbilit mill-Ftehim ta’ Pariġi u s-sottogħanijiet korrispondenti tal-Unjoni għall-2030 u għall-2050, u li l-kriterji l-oħra ta’ skrinjar tekniku kienu jippermettu li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

568

Għaldaqstant, it-tieni parti tal-għaxar motiv hija infondata.

– Fuq it-tielet parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq il-ksur tar-rekwiżit ta’ analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja

569

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja hija applikabbli mhux biss skont il-kriterju DNSH (Artikolu 17(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija), iżda wkoll għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala attività tranżitorja skont l-Artikolu 19(1)(g) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 10(3) tal-imsemmi regolament, b’tali mod li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-GS.

570

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li ż-żewġ limiti limitu jiksru r-rekwiżit ta’ analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, peress li huma relatati b’mod espliċitu biss mal- “emissjonijiet diretti ta’ GS minħabba l-attività” u mhux, bħal-limitu limitu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh, mal-“emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja”. Hija żżid li, billi taħbi l-emissjonijiet tal-metan, il-Kummissjoni tikkontradixxi l-istrateġija tagħha stess għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan.

571

Minn dan ir-Repubblika tal-Awstrija tiddeduċi li parametri inkompatibbli mal-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja meħtieġa huma stabbiliti bħala limiti limitu u li emissjonijiet ta’ metan sinjifikattivi u partikolarment dannużi b’mod parallel ma ssemmewx, filwaqt li dawn huma ġġenerati matul il-katina tal-provvista kollha, b’mod partikolari waqt l-estrazzjoni u d-distribuzzjoni tal-gass fossili, upstream tal-kombustjoni.

572

Barra minn hekk, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Regolament ikkontestat jikser ir-rekwiżit ta’ analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja sa fejn il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ma jiggarantixxux li l-fjuwil rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li l-użu tagħhom huwa meħtieġ sal‑31 ta’ Diċembru 2035, ikunu huma stess prodotti b’impatt baxx ta’ karbonju. B’mod partikolari, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar ma jeskludux is-sostituzzjoni għall-kombustjoni tal-idroġenu “ekoloġiku” b’dik tal-idroġenu “griż”, li l-produzzjoni tiegħu tiġġenera, min-naħa tagħha, emissjonijiet sinjifikattivi ta’ gassijiet serra.

573

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, tikkontesta dan l-argument.

574

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kemm l-Artikolu 17(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija kif ukoll l-Artikolu 19(1)(g) ta’ dan ir-regolament jipprevedu li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċiklu tal-ħajja, inklużi l-punti ta’ fatt misluta mill-analiżijiet eżistenti taċ-ċiklu tal-ħajja, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-impatt ambjentali tal-attività ekonomika nnifisha kif ukoll l-impatt ambjentali tal-prodotti u tas-servizzi li hija tipprovdi, billi jiġu eżaminati b’mod partikolari l-produzzjoni, l-użu u t-tmiem tal-ħajja ta’ dawn il-prodotti u servizzi.

575

Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 428 sa 434 iktar ’il fuq, ir-rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ attività ma jestendix neċessarjament għall-attivitajiet li jinsabu upstream jew downstream tal-attività ekonomika kkonċernata.

576

Għalhekk, l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-produzzjoni, l-użu u t-tmiem tal-ħajja ta’ dawn il-prodotti u servizzi pprovduti mill-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili ma jimplikax li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-estrazzjoni u d-distribuzzjoni tal-gass fossili, upstream tal-kombustjoni, peress li dawn l-attivitajiet ma jaqgħux, bħala tali, taħt il-produzzjoni tal-elettriku.

577

Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 4 iktar ’il fuq, ir-Regolament dwar it-Tassonomija huwa intiż li jistabbilixxi sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata tal-attivitajiet ekonomiċi kkunsidrati bħala ambjentalment sostenibbli. Din il-klassifikazzjoni jew tassonomija għalhekk tirrigwarda attivitajiet ekonomiċi partikolari. Għalhekk, l-istabbiliment, mill-Kummissjoni, tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk attività tistax titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u ma tikkawżax dannu sinjifikattiv lill-għanijiet ambjentali huwa intiż, każ b’każ, għal attività ekonomika konkreta.

578

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jippermettux li jintwera li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħadet inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet diretti ta’ GS dovuti għall-attività, u mhux l-emissjonijiet ta’ GS matul iċ-ċiklu tal-ħajja.

579

Għaldaqstant, it-tielet parti tal-għaxar motiv ma hijiex fondata.

– Fuq ir-raba’ parti tal-għaxar motiv, ibbażata, essenzjalment, fuq il-ksur, mil-limiti limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kWh, tal-obbligu li jikkorrispondu għall-aħjar prestazzjonijiet tas-settur jew tal-industrija

580

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-limiti massimi ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kWh jiksru l-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, peress li ma jikkorrispondux mal-aħjar prestazzjonijiet tas-settur jew tal-industrija.

581

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, l-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija huwa miksur minħabba s-sempliċi fatt li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar tal-gass fossili jistabbilixxu tliet limiti medji differenti ta’ 100 g u ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kWh bħala medja annwali ta’ 20 sena. Hija tenfasizza li l-limitu ta’ 270 g jikkorrispondi għal prestazzjoni taħt il-limitu ta’ 100 g u dak ta’ 550 kg għal prestazzjoni iktar baxxa miż-żewġ livelli l-oħra.

582

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-limiti limitu stabbiliti huma ferm lil hinn mil-limiti milħuqa mill-enerġija rinnovabbli u minn sorsi oħra ta’ enerġija, b’mod partikolari l-enerġija mir-riħ u l-enerġija idroelettrika li jilħqu l-limiti ta’ emissjoni ta’ GS tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ inqas minn 30 g ta’ CO2eq/kWh.

583

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, anki jekk il-produzzjoni ta’ enerġija mill-gass fossili kellha tiġi ttrattata bħala settur jew industrija awtonoma, il-limiti ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kW ma jikkorrispondux għall-aħjar prestazzjonijiet tas-settur jew tal-industrija. Fil-fatt, l-impjanti li jaħdmu bil-gass li jaqbdu u jassorbu l-karbonju jista’ jkollhom prestazzjoni ħafna aħjar u josservaw il-limitu limitu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh.

584

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Ungerija u mir-Repubblika tal-Polonja, tikkontesta dan l-argument.

585

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, attività ekonomika titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari meta jkollha livelli ta’ emissjonijiet ta’ GS li jikkorrispondu għall-aħjar prestazzjoni tas-settur jew tal-industrija.

586

Kif issostni l-Kummissjoni, skont il-premessa 41 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, l-attivitajiet tranżitorji jissodisfaw din il-kundizzjoni meta jiġġeneraw emissjonijiet ta’ GS ferm inqas mill-medja tas-settur jew tal-industrija.

587

Barra minn hekk, peress li, għar-raġunijiet diġà spjegati fil-punt 535 iktar ’il fuq, il-limitu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh ma huwiex attwalment fattibbli għall-impjanti li jaħdmu bil-gass li ma għandhomx sistema ta’ ġbir ta’ CO2, dan ma jistax iservi bħala standard sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili josservawx il-kundizzjoni li timponi li jikkorrispondu għall-aħjar prestazzjonijiet tas-settur jew tal-industrija.

588

Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-limitu ta’ settur partikolari huwa ogħla mil-limitu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh jew mil-limitu relatat ma’ settur ieħor, bħal dak tal-enerġija rinnovabbli, ma jfissirx li dan il-limitu ma huwiex nettament inqas mill-medja tas-settur ikkonċernat. Il-paragun magħmul mir-Repubblika tal-Awstrija mal-limiti ta’ emissjoni tal-enerġija eolika u tal-enerġija idroelettrika huwa, għaldaqstant, irrilevanti.

589

Barra minn hekk, anki jekk jiġi aċċettat li l-limiti ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kW jistgħu jitqiesu bħala li ma jikkorrispondux għal valur ta’ emissjoni ta’ GS nettament inferjuri għall-medja tas-settur jew tal-industrija, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma kkombinati ma’ kriterji oħra ta’ skrinjar tekniku, li huma intiżi li jnaqqsu progressivament il-livelli ta’ emissjonijiet ta’ GS tal-attivitajiet marbuta mal-gass fossili.

590

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika tal-Awstrija ma turix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-limiti ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kW, flimkien mal-kriterji l-oħra ta’ skrinjar tekniku, setgħu jippermettu li l-attivitajiet marbuta mal-gass fossili kkonċernati jitqiesu li jwettqu l-aħjar prestazzjonijiet tas-settur jew tal-industrija.

591

Għal dawn ir-raġunijiet, ir-raba’ parti tal-għaxar aggravju hija infondata.

– Fuq il-ħames parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq ostakolu għall-alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju

592

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-Regolament ikkontestat imur kontra l-Artikolu 10(2)(b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, peress li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili jostakolaw l-iżvilupp u l-użu ta’ alternattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Ir-Repubblika tal-Awstrija tippreċiża li dan l-ostakolu ma huwiex eskluż mill-fatt li r-Regolament ikkontestat jeżiġi li l-benefiċċju li għandu jiġi ssostitwit “ma [j]istax [jingħata] minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni komparattiva bl-aktar alternattiva rinnovabbli kosteffettiva u teknikament fattibbli”.

593

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Ungerija u mir-Repubblika tal-Polonja, tikkontesta dan l-argument.

594

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 164 sa 169 iktar ’il fuq, il-kundizzjoni li ma għandhiex teżisti alternattiva b’livell baxx ta’ karbonju li tista’ titwettaq fuq il-livell teknoloġiku u ekonomiku prevista fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, għandha tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit ta’ sigurtà tal-provvisti.

595

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ma turix li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-alternattivi bl-użu tal-enerġiji rinnovabbli ma jistgħux jitwettqu fuq il-livell teknoloġiku u ekonomiku, hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, hija tillimita ruħha li tafferma li l-enerġiji rinnovabbli, in-networks intelliġenti u t-tekniċi ta’ ħżin tal-enerġija u ta’ tnaqqis fil-konsum huma kollha soluzzjonijiet disponibbli b’livell baxx ta’ karbonju li huma sostitwibbli għall-attivitajiet miżmuma. B’dan il-mod, hija ma tipproduċix elementi ta’ natura li juru li dawn is-soluzzjonijiet jippermettu li jiġi żgurat ir-rekwiżit ta’ sigurtà tal-provvisti.

596

Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat ukoll li l-punt 1(b)(ii) jew (iii) tat-Taqsimiet 4.29 sa 4.31 li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat jeżiġi li jintwera li l-kapaċità ma tistax tiġi prodotta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li huwa rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx ostakolu għall-alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju. Barra minn hekk, il-kundizzjoni prevista fil-punt 1(b)(v) jew (vi) ta’ dawn it-taqsimiet, li l-bidla għall-użu sħiħ ta’ fjuwil gassużi rinnovabbli u/jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għandha sseħħ sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2035, tiffavorixxi wkoll l-alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju.

597

Għal dawn ir-raġunijiet, il-ħames parti tal-għaxar aggravju ma hijiex fondata.

– Fuq is-sitt parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-projbizzjoni tal-effetti ta’ esklużjoni

598

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-Regolament ikkontestat ma huwiex konformi mal-projbizzjoni tal-effetti ta’ esklużjoni għall-attivitajiet b’intensità qawwija ta’ karbonju, stabbilita fl-Artikolu 10(2)(ċ) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Fil-fatt, hemm lok li jiġu antiċipati tali effetti tal-inqas fid-dawl tal-limiti limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kW u sa fejn l-impjanti miżmuma f’dan ir-rigward bħala eliġibbli għat-tassonomija jeżiġu investimenti kunsiderevoli, li huma impenjati fuq 25 sa 30 sena u li għalhekk ma humiex disponibbli għal enerġiji alternattivi rinnovabbli.

599

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija tippreċiża li l-kapaċitajiet għall-fjuwil fossili jistgħu jiżdiedu sa 15 % meta mqabbla mal-kapaċitajiet fossili eżistenti. b’tali mod li l-kapital neċessarju għal dan l-għan huwa wkoll immobilizzat u ma jistax jew ma jistax jiġi investit iktar għal snin f’enerġiji rinnovabbli, sal-ammont tal-kapaċitajiet fossili ġodda.

600

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

601

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10(2)(c) tar-Regolament dwar it-Tassonomija għandu l-għan li jevita esklużjoni, jiġifieri sostenibbiltà tal-assi b’intensità qawwija ta’ karbonju.

602

Issa, kif issostni l-Kummissjoni, il-kriterji ta’ skrinjar tekniku stabbiliti fil-punt 1(b) tat-Taqsimiet 4.29, sa 4.31 li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat josservaw dan l-għan, peress li jimponu b’mod partikolari li l-installazzjoni tgħaddi għall-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u/jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2035. Għalhekk, dawn ma humiex investimenti ta’ fondi mitlufa marbuta ma’ attivitajiet intensivi fil-karbonju.

603

Barra minn hekk, il-kriterji ta’ skrinjar tekniku, imfakkra fil-punt 526 iktar ’il fuq, jipprevedu wkoll li l-attività kkonċernata għandha tissostitwixxi attività eżistenti ta’ produzzjoni ta’ elettriku b’emissjonijiet għoljin, li l-kapaċità ta’ produzzjoni installata mill-ġdid ma għandhiex taqbeż b’iktar minn 15 % il-kapaċità tal-impjant ssostitwit, u li s-sostituzzjoni għandha tippermetti li l-emissjonijiet tal-GS jitnaqqsu b’mill-inqas 55 %.

604

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jippermettux li jintwera li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li l-attivitajiet marbuta mal-gass fossili kienu konformi mal-projbizzjoni tal-effetti ta’ esklużjoni għall-attivitajiet b’intensità qawwija ta’ karbonju.

605

Għal din ir-raġuni, is-sitt parti tal-għaxar motiv hija wkoll infondata.

– Fuq is-seba’ parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija

606

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, il-ksur tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija msemmi iktar ’il fuq “huwa saħansitra iktar evidenti fid-dawl tal-Artikolu 19(1)(g)” ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, l-obbligu, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li jittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċiklu tal-ħajja u r-riżultati tal-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja eżistenti huwa applikabbli wkoll fil-kuntest tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, permezz tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ostakolu għall-alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju u tal-effetti ta’ esklużjoni, il-perijodi twal ta’ ppjanar, ta’ awtorizzazzjoni u ta’ operat tal-attivitajiet ekonomiċi attwalment rilevanti u lanqas, konsegwentement, iċ-ċiklu tal-ħajja kollu.

607

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

608

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija jirriżulta minn sempliċi repetizzjoni tal-argumenti tagħha mqajma fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, li diġà ġew miċħuda, u mill-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-perijodi twal ta’ ppjanar, ta’ awtorizzazzjoni u ta’ operat tal-attivitajiet ekonomiċi attwalment rilevanti u lanqas, konsegwentement, iċ-ċiklu tal-ħajja kollu.

609

Issa, dan l-aħħar argument, li jikkonsisti f’sempliċi allegazzjoni mhux sostnuta, għandu jiġi miċħud għal din ir-raġuni.

610

Għaldaqstant, is-seba’ parti tal-għaxar motiv hija infondata.

– Fuq it-tmien parti tal-għaxar motiv, ibbażata, sussidjarjament, fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u ta’ “lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet”

611

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-inklużjoni tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili u d-definizzjonijiet u l-kriterji fformulati għal dan l-għan fil-kriterji ta’ skrinjar tekniku ma humiex ibbażati fuq elementi xjentifiċi konklużivi u jiksru l-prinċipju ta’ prekawzjoni, peress li r-Regolament ikkontestat ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk il-kriterji ta’ skrinjar tekniku humiex kompatibbli mal-għanijiet klimatiċi tal-Ftehim ta’ Pariġi u tal-Unjoni, u huwa, fi kwalunkwe każ, ivvizzjat b’“lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet”.

612

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

613

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jipprevedi li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għandhom ikunu bbażati fuq elementi xjentifiċi konklużivi u fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

614

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 79 sa 82 iktar ’il fuq, is-settur tal-gass fossili kien jagħmel parti mill-fażi ta’ riċerka preparatorja li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2021/2139.

615

Fir-rigward tal-iżvilupp tal-kriterji ta’ skrinjar tekniku, il-Kummissjoni tindika li l-bażi analitika użata hija l-istess bħal dik użata għall-valutazzjoni tal-impatt li fuqha huwa bbażat il-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, (fit for 55), b’mod partikolari fir-rigward tar-rwol tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili fl-2030 u fl-2050, u li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili huma kompatibbli max-xenarji li jinsabu fl-immudellar tal-Kummissjoni.

616

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma bbażatx il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili fuq elementi xjentifiċi konklużivi, għandu jiġi miċħud.

617

Ir-Repubblika tal-Awstrija żżid li l-Kummissjoni lanqas ma pprovat tibbaża l-limiti limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kW fuq projezzjonijiet jew elementi xjentifiċi oħra ta’ natura li juru l-kompatibbiltà ta’ dawn il-limiti massimi mal-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni.

618

Fir-rigward tal-limiti ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kW, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Kummissjoni rrikorriet għal evalwazzjonijiet xjentifiċi, b’mod partikolari l-anness tekniku tar-rapport finali tat-TEG, sabiex tistabbilixxi l-valuri ta’ referenza tal-kriterji ta’ skrinjar tekniku.

619

Issa, il-fatt li l-Kummissjoni injorat f’ċerti każijiet il-limiti proposti abbażi ta’ evalwazzjoni xjentifika jew li l-limiti li hija għażlet ma jaqblux mal-komunità xjentifika ma jurix ksur tal-Artikolu 19(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, sa fejn dan ma jqiegħedx inkwistjoni l-fatt li l-Kummissjoni bbażat il-kriterji ta’ skrinjar tekniku fuq elementi xjentifiċi konklużivi, b’mod partikolari l-anness tekniku tar-rapport finali tat-TEG, li hija sussegwentement ħadet inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tagħha.

620

Fl-aħħar nett, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija ma tissostanzjax l-argumenti tagħha bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq “lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet”, dawn għandhom jiġu miċħuda.

621

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tmien parti tal-għaxar motiv hija infondata.

622

Konsegwentement, l-għaxar motiv huwa miċħud.

Fuq il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-Artikolu 19(1)(a) u (j) tar-Regolament dwar it-Tassonomija minħabba l-assenza ta’ newtralità teknoloġika

623

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li l-inklużjoni tal-limiti limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kW fir-Regolament ikkontestat tikser ir-rekwiżit ta’ newtralità teknoloġika stabbilit fl-Artikolu 19(1)(a) u (j) tar-Regolament dwar it-Tassonomija kif ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn, billi jtaffi, għall-gass fossili, il-limiti limitu ġeneralment applikabbli, ir-Regolament ikkontestat jistabbilixxi għal teknoloġija partikolari sistema iktar favorevoli mhux ġustifikabbli.

624

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Ungerija u mir-Rumanija, tikkontesta dan l-argument.

625

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jindika li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar jidentifikaw il-kontribuzzjonijiet potenzjali għall-objettiv ambjentali kkunsidrat li huma l-iktar rilevanti, filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti għal żmien qasir kif ukoll fit-tul ta’ attività ekonomika partikolari.

626

Kif ġie indikat fil-punt 113 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika jimplika li l-leġiżlazzjoni kkonċernata għandha tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-persuni b’mod ġeneriku, sabiex ma tipprivileġġax l-użu ta’ teknoloġija għad-detriment ta’ oħra.

627

Barra minn dan, il-prinċipju ta’ trattment ugwali jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

628

Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm, fir-rigward tal-limiti limitu espressi f’CO2eq/kWh, ir-Regolament ikkontestat iddefinixxa valuri ogħla għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili, din id-definizzjoni rriżultat minn teħid inkunsiderazzjoni ta’ diversi elementi speċifiċi għal dawn l-attivitajiet, bħall-istat tat-teknoloġiji u tal-infrastrutturi attwali, u elementi oħra bħall-imperattiv tas-sigurtà tal-provvista u l-użu tal-gass fossili bħala enerġija tranżitorja.

629

Barra minn hekk, dawn il-limiti ma humiex l-uniċi kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-attivitajiet ekonomiċi relatati mal-gass fossili.

630

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jippermettux li jintwera li, meħuda flimkien, il-kriterji ta’ skrinjar tekniku stabbiliti għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili huma iktar favorevoli mill-kriterji ta’ eżami tekniċi ddefiniti għall-attivitajiet tranżitorji l-oħra fis-sens tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

631

Ir-Repubblika tal-Awstrija għalhekk ma tistabbilixxix li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat bi ksur tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika.

632

Barra minn hekk, peress li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili huma differenti mill-attivitajiet tranżitorji l-oħra li jaqgħu taħt l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, peress li ma jikkonċernawx l-istess sors ta’ enerġija u lanqas l-istess infrastrutturi, differenza fit-trattament ta’ dawn l-attivitajiet ma tistax turi li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

633

Fl-aħħar nett, il-fatt li r-Regolament ikkontestat jissuġġetta għall-osservanza tal-limitu limitu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh ir-rikonoxximent ta’ kontribut tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili għall-għan ta’ adattament għat-tibdil fil-klima msemmi fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija ma jurix ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ newtralità teknoloġika, sa fejn dan l-artikolu ma jsegwix l-istess għanijiet bħall-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament.

634

Fil-fatt, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jikkonċerna l-attivitajiet li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, filwaqt li l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament jikkonċerna l-attivitajiet li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima.

635

Ir-Repubblika tal-Awstrija żżid li r-Regolament ikkontestat huwa bbażat fuq differenza oħra fit-trattament mhux ġustifikabbli, fit-Taqsimiet 4.29 sa 4.31 li jinsabu fl-Anness II tar-Regolament ikkontestat, li jirreferu biss għall-kriterji stabbiliti fil-punt 1(a) tat-Taqsimiet 4.29 sa 4.31 li jinsabu fl-Anness I ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, anki għall-gass fossili, huwa jissuġġetta għall-osservanza tal-limitu limitu ta’ 100 g ta’ CO2eq/kWh ir-rikonoxximent ta’ kontribuzzjoni għall-għan ta’ adattament għat-tibdil fil-klima msemmi fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li xejn ma jista’ jispjega għaliex livell ferm ogħla ta’ emissjonijiet ta’ GS għandu jiġi awtorizzat għar-rikonoxximent ta’ kontribuzzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima meta mqabbel mal-adattament għat-tibdil fil-klima.

636

F’dan ir-rigward, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ Regolament ikkontestat tispjega r-raġuni għalfejn l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili li jistgħu jiġu kklassifikati bħala attivitajiet tranżitorji fis-sens tal-kriterji ta’ skrinjar tekniku stabbiliti fil-punt 1(a) tat-Taqsimiet 4.29 sa 4.31 li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Fil-fatt, fih huwa speċifikat li għal dawn l-attivitajiet, “li għalihom dan l-att delegat jagħti rikonoxximent temporanju tal-kontribuzzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, mhuwiex meħtieġ li jiġu previsti kriterji tekniċi speċifiċi ta’ skrinjar għall-adattament għat-tibdil fil-klima fid-dawl ta’ dan ir-rikonoxximent limitat ta’ żmien”.

637

Fin-nuqqas ta’ argument iktar speċifiku, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li xejn ma jista’ jispjega għaliex livell ta’ emissjonijiet ta’ GS sinjifikattivament ogħla għandu jiġi awtorizzat għar-rikonoxximent ta’ kontribuzzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima meta mqabbel mal-adattament għat-tibdil fil-klima għandu għalhekk jiġi miċħud.

638

Għaldaqstant il-ħdax-il motiv huwa miċħud.

Fuq it-tnax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 17 u tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

639

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-limiti limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kW huma inkompatibbli mal-kriterju DNSH stabbilit fl-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, peress li dawn il-limiti massimi jwasslu għal emissjonijiet sinjifikattivi ta’ GS li jagħmlu ħsara lill-klima, tal-inqas sa fejn, billi jibbażaw ruħhom fuq l-emissjonijiet diretti ta’ GS iġġenerati mill-attività, jaħbu l-emissjonijiet tal-metan li huma partikolarment ta’ ħsara.

640

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, peress li l-Kummissjoni tuża, għal attivitajiet oħra relatati mal-enerġija, il-limitu massimu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh bħala kundizzjoni ta’ konformità mal-kriterju DNSH, il-limitu ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kW, li jawtorizza emissjonijiet ta’ GS ogħla mil-limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh, ma josservax il-kriterju DNSH “skont il-kriterji stess iddefiniti mill-Kummissjoni”.

641

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li l-Kummissjoni ma bbażatx il-limiti msemmija iktar ’il fuq fuq studji xjentifiċi jew fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, u b’hekk kisret l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija u l-prinċipju ta’ prekawzjoni, u billi vvizzjat ir-Regolament ikkontestat b’“lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet”.

642

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Rumanija, tikkontesta dan l-argument.

643

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, attività ekonomika titqies li tikkawża ħsara sinjifikattiva lill-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima meta tiġġenera emissjonijiet sinjifikattivi ta’ GS.

644

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni, billi bbażat ruħha fuq l-emissjonijiet diretti ta’ GS iġġenerati mill-attività, ħassret l-emissjonijiet tal-metan bi ksur tal-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

645

Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 575 sa 578 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbażat ruħha fuq l-emissjonijiet diretti ta’ GS iġġenerati mill-attività, u mhux fuq l-emissjonijiet ta’ GS ta’ attivitajiet oħra li jinsabu upstream jew downstream tagħhom.

646

Għaldaqstant, għandu jitqies li r-Repubblika tal-Awstrija ma turix, u lanqas tallega, li l-limiti limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kWh iwasslu għal emissjonijiet sinjifikattivi ta’ GS, li jagħmlu ħsara lill-klima, iġġenerati mill-attività biss.

647

Barra minn hekk, il-fatt li, għal attivitajiet oħra relatati mal-enerġija, il-Kummissjoni użat il-limitu limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh bħala kundizzjoni ta’ konformità mal-kriterju DNSH ma jurix li l-limitu ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kW, li jawtorizza emissjonijiet ta’ GHG ogħla mil-limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh, ma josservax il-kriterju DNSH.

648

Fil-fatt, l-osservanza tal-kriterju DNSH għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili ma timplikax biss l-osservanza ta’ dawn il-limiti, iżda l-kriterji kollha ta’ skrinjar tekniku kkonċernati.

649

Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-limiti applikati għal dawn l-attivitajiet huma ogħla milli għal attivitajiet oħra ma jurix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

650

Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 614 sa 619 iktar ’il fuq, l-argument li l-Kummissjoni ma bbażatx il-limiti msemmija iktar ’il fuq, fuq studji xjentifiċi jew fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, u b’hekk jikser l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija u l-prinċipju ta’ prekawzjoni, u li jivvizzja r-Regolament ikkontestat b’“lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet” għandu jiġi miċħud.

651

Għaldaqstant, it-tnax-il motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tlettax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11 u tal-Artikolu 19(1)(f), tar-Regolament dwar it-Tassonomija kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

652

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat b’illegalità sa fejn ta lill-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili l-klassifikazzjoni ta’ attivitajiet li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

653

Ir-Repubblika tal-Awstrija tirrileva li l-kriterji ta’ eżami tekniku ddefiniti għas-settur tal-gass fossili fl-Anness II tar-Regolament ikkontestat jikkorrispondu għal dawk stabbiliti għall-enerġija nukleari għall-finijiet tal-kontribuzzjoni sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima, li huma wkoll l-istess bħal dawk għall-kriterju DNSH.

654

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, għall-istess raġunijiet bħal dawk imressqa għall-enerġija nukleari, dawn il-kriterji huma insuffiċjenti.

655

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka ksur tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija u tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, kif ukoll “lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet”, sa fejn ma jissemma l-ebda studju jew għarfien espert speċifiku relatat mas-setturi ekonomiċi kkonċernati.

656

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Rumanija, tikkontesta dan l-argument.

657

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11 tar-Regolament dwar it-Tassonomija jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima.

658

Għalhekk, skont b’mod partikolari l-Artikolu 11(1)(a) tal-imsemmi regolament, din l-attività għandha tinkludi soluzzjonijiet ta’ adattament li jew inaqqsu b’mod sinjifikattiv ir-riskju ta’ effetti negattivi tal-klima attwali u tal-evoluzzjoni mistennija tiegħu fuq din l-attività ekonomika, jew inaqqsu b’mod sinjifikattiv dawn l-effetti negattivi, mingħajr ma jżidu r-riskju ta’ effetti negattivi fuq il-popolazzjoni, in-natura jew il-beni.

659

Ir-Repubblika tal-Awstrija sempliċement tafferma li, bħal fil-każ tal-enerġija nukleari, iż-żieda fin-nixfiet estremi kkawżati mit-tibdil fil-klima toħloq ukoll diffikultajiet fir-rigward tal-produzzjoni tal-enerġija mill-gass fossili, pereżempju, għall-isfruttament u għall-użu tal-ilma tat-tkessiħ mill-kollettur.

660

Madankollu, bħalma ġie deċiż fir-rigward tal-argument simili mressaq b’rabta mal-enerġija nukleari fil-punt 401 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li tali allegazzjoni hija ta’ natura spekulattiva wisq sabiex jiġi konkluż li hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni.

661

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ma pproduċiet ebda prova konkreta lill-Qorti Ġenerali intiża sabiex turi li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ dawn l-aspetti.

662

Fil-fatt, ir-riferiment għad-dikjarazzjonijiet ġenerali tal-pjattaforma ma huwiex suffiċjenti sabiex iċaħħad mill-plawżibbiltà l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

663

Fl-aħħar nett, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija ma tissostanzjax l-argumenti tagħha bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq “lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet”, dawn għandhom jiġu miċħuda.

664

Għal dawn ir-raġunijiet, it-tlettax-il motiv huwa miċħud.

Fuq l-erbatax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(i) tar-Regolament dwar it-Tassonomija minħabba l-ħolqien ta’ assi mhux rekuperabbli

665

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-Regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 19(1)(i) tar-Regolament dwar it-Tassonomija sa fejn l-inklużjoni tal-gass fossili fit-tassonomija tinvolvi, tal-inqas, riskju sinjifikattiv ta’ ħolqien ta’ assi mhux rekuperabbli.

666

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, il-projezzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni fl‑2020 dwar l-impatt tal-pakkett leġiżlattiv “lesti għall-mira ta’ 55” (Fit for 55)” kienu diġà jantiċipaw tnaqqis sinjifikattiv fl-użu tal-gass fossili bħala vettur tal-enerġija u, minn dak iż-żmien, huma fuq kollox iż-żieda fil-prezzijiet tal-kunsinni ta’ gass u s-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GS li komplew iżidu l-pressjoni ekonomika fuq il-gass fossili bħala vettur tal-enerġija. Barra minn hekk, l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022 reġgħet żiedet b’mod sinjifikattiv din il-pressjoni, u għalhekk il-konsenji tal-gass lill-Unjoni huma mhedda b’mod sinjifikattiv.

667

F’dan il-kuntest, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li hemm tħassib li l-inklużjoni tal-gass fossili fit-tassonomija toħloq inċentiv mhux xieraq, li fl-aħħar mill-aħħar se jipproduċi assi mhux rekuperabbli, peress li l-gass huwa disponibbli bħala fjuwil bi prezz għoli wisq jew saħansitra mhux disponibbli.

668

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Rumanija u mir-Repubblika tal-Polonja, tikkontesta dan l-argument.

669

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn l-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija la huma sostnuti u lanqas ipprovati, b’tali mod li għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

670

Fil-fatt, ir-riferiment għad-dikjarazzjonijiet ġenerali tal-pjattaforma ma huwiex suffiċjenti sabiex iċaħħad mill-plawżibbiltà l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

671

Għaldaqstant, l-erbatax-il motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq il-ħmistax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(k) tar-Regolament dwar it-Tassonomija

672

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat applikabbli għall-attivitajiet marbuta mal-gass fossili jiksru l-Artikolu 19(1)(k) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, li jippreskrivi li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar jkunu faċli biex jintużaw u stabbiliti b’mod li jiffaċilitaw il-verifika tal-osservanza tagħhom, peress li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar previsti għal dawn l-attivitajiet jinkludu, fil-parti l-kbira, kunċetti legali indeterminati u kundizzjonijiet li ser jiġu ssodisfatti biss fil-futur.

673

Ir-Repubblika tal-Awstrija tippreċiża li, fir-rigward tal-gass fossili, l-illegalità tirrigwarda b’mod partikolari l-osservanza tal-limitu limitu annwali ta’ 550 kg ta’ CO2/kW fuq 20 sena u dwar l-użu tal-gass rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ karbonju mill-31 ta’ Diċembru 2035. Hija tindika wkoll li, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, huwa previst li terz indipendenti jħejji rapporti annwali intiżi sabiex jevalwaw jekk l-attività ssegwix “rotta kredibbli” sabiex jiġu osservati dawn il-kriterji. Minn dan hija tiddeduċi li ma huwiex previst li tiġi kkontrollata l-osservanza tal-limitu ta’ 550 kg ta’ CO2/kW wara 20 sena jew tal-konverżjoni tal-provvista f’gass fl-aħħar tal-2035, b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi jibqa’ mingħajr konsegwenzi fuq il-klassifikazzjoni bħala sostenibbli fuq il-livell ambjentali.

674

Ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza wkoll li l-kontroll u l-osservanza tal-obbligu li l-gass fossili jiġi ssostitwit, għall-2035, b’gass rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju ma humiex iggarantiti u, b’mod partikolari, li l-possibbiltà ta’ konverżjoni għall-idroġenu għall-2035 ma tidhirx li hija żgurata.

675

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Rumanija, tikkontesta dan l-argument.

676

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 483 sa 485 iktar ’il fuq, l-allegazzjoni li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar jinkludu, fil-parti l-kbira tagħhom, kunċetti legali indeterminati u kundizzjonijiet li ser jiġu ssodisfatti biss fil-futur ma hijiex ta’ natura li turi li dawn il-kriterji ma humiex faċli li jintużaw jew ma humiex stabbiliti b’mod li jiffaċilitaw il-verifika tal-osservanza tagħhom.

677

It-tieni, għandu jiġi rrilevat li t-tieni sar-raba’ paragrafu tal-punt 1 tat-Taqsima 4.29 li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat jindikaw dan li ġej:

“Il-konformità mal-kriterji msemmijin fil-punt 1[,](b) tiġi vverifikata minn parti terza indipendenti. Il-verifikatur terz indipendenti għandu r-riżorsi u l-għarfien espert meħtieġa biex iwettaq din il-verifika. Il-verifikatur terz indipendenti ma jkollu l-ebda kunflitt ta’ interess mas-sid jew mal-finanzjatur, u ma jkunx involut fl-iżvilupp jew fl-operat tal-attività. Il-verifikatur terz indipendenti jwettaq b’mod diliġenti l-verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku. B’mod partikolari, kull sena l-parti terza indipendenti tippubblika u tibgħat rapport lill-Kummissjoni:

(a)

li jiċċertifika l-livell ta’ emissjonijiet diretti ta’ GHG msemmijin fil-punt 1([,] b)(, i);

(b)

fejn applikabbli, il-valutazzjoni ta’ jekk l-emissjonijiet diretti annwali ta’ GHG tal-attività humiex fuq rotta kredibbli biex jikkonformaw mal-limitu medju fuq l-20 sena msemmijin fil-punt 1([,] b)(, i);

(c)

li jivvaluta jekk l-attività hijiex fuq rotta kredibbli biex tikkonforma mal-punt 1([,] b)(vi).

Meta jwettaq il-valutazzjoni msemmija fil-punt 1([,] b), il-verifikatur terz indipendenti jqis b’mod partikolari l-emissjonijiet diretti annwali ta’ GHG ppjanati għal kull sena ta’ din ir-rotta, l-emissjonijiet diretti annwali ta’ GHG li seħħew, is-sigħat operattivi ppjanati li seħħew, u l-użu ppjanat u li seħħ ta’ gassijiet rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

Fuq il-bażi tar-rapporti mibgħuta lilha, il-Kummissjoni tista’ tindirizza opinjoni lill-operaturi[.]”

678

Issa, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika tal-Awstrija, minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jistax jiġi dedott li ma huwiex previst li tiġi kkontrollata l-osservanza tal-limitu ta’ 550 kg ta’ CO2/kW wara 20 sena jew tal-konverżjoni tal-provvista f’gass sa tmiem l-2035.

679

L-istess japplika għall-allegazzjoni li hemm dubji serji dwar il-kontroll u l-osservanza tal-obbligu li l-gass fossili jiġi ssostitwit għal 2035 b’gass rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, sa fejn il-possibbiltà effettiva li jiġi eżegwit dan l-obbligu ma tidhirx li hija ggarantita.

680

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-preċiżazzjoni li l-konformità, b’mod partikolari mal-kriterji msemmija fil-punt 1(b) tat-Taqsima 4.29 li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat hija vverifikata minn terz indipendenti, mekkaniżmu ta’ verifika huwa previst għal dawn il-kriterji kollha.

681

Għaldaqstant, dawn l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jippermettux li jintwera li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat bi ksur tal-Artikolu 19(1)(k) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

682

Għal din ir-raġuni, il-ħmistax-il motiv huwa miċħud.

Fuq is-sittax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-għan u tal-effett utli tar-Regolament dwar it-Tassonomija minħabba r-riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq

683

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li l-klassifikazzjoni tal-enerġija marbuta mal-gass fossili bħala sostenibbli tista’ twassal għal frammentazzjoni tas-suq li tmur kontra l-għan tar-Regolament dwar it-Tassonomija, u l-obbligu li jiġi ppreżervat l-effett utli.

684

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, id-differenzjazzjoni korrelattiva bejn sostenibbiltà ambjentali “aħjar” u “inqas tajba” tmur kontra l-ispirtu u l-għan tar-Regolament dwar it-Tassonomija, li għandu l-għan li jiżgura t-trasparenza billi jistabbilixxi kriterji uniformi madwar l-Unjoni kollha għal attivitajiet ambjentalment sostenibbli.

685

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Rumanija, tikkontesta dan l-argument.

686

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 493 sa 495 iktar ’il fuq, id-differenzazzjoni ddenunzjata mir-Repubblika tal-Awstrija tikkostitwixxi applikazzjoni tar-Regolament dwar it-Tassonomija li jintroduċi kategoriji differenti ta’ attivitajiet skont is-sostenibbiltà tagħhom, b’mod partikolari fl-Artikolu 10(1) u (2) ta’ dan ir-regolament.

687

Għal dawn ir-raġunijiet, is-sittax-il motiv huwa miċħud.

688

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq in-nota ta’ adattament ippreżentata mir-Repubblika tal-Awstrija

689

Skont l-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent jista’ jadatta r-rikors sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-element ġdid li jikkonsisti fil-fatt li l-att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jkun ġie ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett.

690

Fl‑20 ta’ Frar 2024, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreżentat nota ta’ adattament, sabiex testendi t-talbiet tagħha għar-Regolament delegat (UE) 2023/2485 tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament delegat (UE) 2023/2485 tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar addizzjonali biex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li skonthom ċerti attivitajiet ekonomiċi jikkwalifikaw bħala li jikkontribwixxu sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dawk l-attivitajiet ma jikkawżawx ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra (ĠU L, 2023/2485).

691

Il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar din in-nota ta’ adattament.

692

F’dan ir-rigward, kif issostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 86(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li l-adattament tar-rikors għandu jsir fit-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li fih jista’ jintalab l-annullament tal-att li jiġġustifika l-adattament tar-rikors.

693

Issa, ir-Regolament Delegat 2023/2485 ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal‑21 ta’ Novembru 2023. Skont l-Artikolu 59 tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu għat-tressiq tat-talba għal adattament jibda iddekorri minn tmiem l-erbatax-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni, jiġifieri mill‑5 ta’ Diċembru 2023. Id-data li tikkorrispondi għall-perijodu ta’ xahrejn wara din id-data hija l‑5 ta’ Frar 2024. Fid-dawl tat-terminu għal raġuni ta’ distanza stabbilit fl-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu għat-tressiq tat-talba għal adattament għalhekk skada fil‑15 ta’ Frar 2024.

694

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nota ta’ adattament ippreżentata fl‑20 ta’ Frar 2024 hija inammissibbli minħabba tardività.

Fuq l-ispejjeż

695

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata kemm għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, kif mitluba minn din tal-aħħar.

696

Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

van der Woude

Papasavvas

Marcoulli

Costeira

Porchia

Kancheva

Öberg

De Baere

Pynnä

Laitenberger

Steinfatt

Petrlík

Zilgalvis

Tichy-Fisslberger

Spangsberg Grønfeldt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Settembru 2025.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

It-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Osservazzjonijiet preliminari fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju

 

Fuq l-ewwel u d-disa’ motiv, ibbażati fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet proċedurali li jinsabu fir-Regolament dwar it-Tassonomija u tal-Artikolu 6(4) tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima

 

Fuq it-tieni sat-tmien motivi, dwar l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mas-settur tal-enerġija nukleari

 

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 290 TFUE

 

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(2) u tal-Artikolu 19(1)(f) u (g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

 

– Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija għall-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-enerġija nukleari

 

– Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata, sussidjarjament, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija

 

– Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata, sussidjarjament, fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija u tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

 

Fuq it-tielet u r-raba’ motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 17 tal-Artikolu 19(1)(f) u (g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

 

– Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju u l-ħames ilment tat-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-livell ta’ protezzjoni

 

– Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija

 

– Fuq l-ilmenti l-oħra tat-tielet parti tat-tielet motiv u t-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ għarfien tar-riskji ta’ inċidenti gravi tar-reattur

 

– Fuq ir-raba’ parti tat-tielet motiv u t-tielet parti tar-raba’ motiv, ibbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tar-riskji marbuta mal-iskart radjuattiv ta’ livell għoli

 

– Fuq ir-raba’ parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji marbuta mal-operat normali tal-impjanti nukleari

 

– Fuq il-ħames parti tat-tielet motiv u l-ħames parti tar-raba’ motiv, ibbażati fuq il-preġudizzju għall-għan ta’ adattament għat-tibdil fil-klima

 

– Fuq is-sitt parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq ksur tar-rekwiżit ta’ analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja

 

– Fuq is-sitt parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq in-natura kontradittorja u insuffiċjenti tad-dispożizzjonijiet tal-Anness II tar-Regolament ikkontestat dwar il-prevenzjoni tad-danni sinjifikattivi li jirriżultaw minn inċidenti gravi ta’ reattur u ta’ rimi definittiv ta’ skart radjuattiv ħafna

 

– Fuq is-seba’ parti tar-raba’ motiv, ibbażata, sussidjarjament, fuq “lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet”

 

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, tal-Artikolu 19(1)(f) ta’ dan ir-regolament kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

 

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(k) tar-Regolament dwar it-Tassonomija

 

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-għan u tal-effett utli tar-Regolament dwar it-Tassonomija minħabba r-riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq

 

Fuq l-għaxar sas-sittax-il motiv, dwar l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mas-settur tal-gass fossili

 

Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(2) u tal-Artikolu 19(1)(f) u (g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

 

– Fuq l-ewwel parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ karbonju

 

– Fuq it-tieni parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ kontribuzzjoni għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju skont l-għan ta’ 1.5 C

 

– Fuq it-tielet parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq il-ksur tar-rekwiżit ta’ analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja

 

– Fuq ir-raba’ parti tal-għaxar motiv, ibbażata, essenzjalment, fuq il-ksur, mil-limiti limitu ta’ 270 g ta’ CO2eq/kWh u ta’ 550 kg ta’ CO2eq/kWh, tal-obbligu li jikkorrispondu għall-aħjar prestazzjonijiet tas-settur jew tal-industrija

 

– Fuq il-ħames parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq ostakolu għall-alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju

 

– Fuq is-sitt parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-projbizzjoni tal-effetti ta’ esklużjoni

 

– Fuq is-seba’ parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(g) tar-Regolament dwar it-Tassonomija

 

– Fuq it-tmien parti tal-għaxar motiv, ibbażata, sussidjarjament, fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u ta’ “lakuni fl-analiżi u fir-raġunijiet”

 

Fuq il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-Artikolu 19(1)(a) u (j) tar-Regolament dwar it-Tassonomija minħabba l-assenza ta’ newtralità teknoloġika

 

Fuq it-tnax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 17 u tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

 

Fuq it-tlettax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11 u tal-Artikolu 19(1)(f), tar-Regolament dwar it-Tassonomija kif ukoll tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

 

Fuq l-erbatax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(i) tar-Regolament dwar it-Tassonomija minħabba l-ħolqien ta’ assi mhux rekuperabbli

 

Fuq il-ħmistax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 19(1)(k) tar-Regolament dwar it-Tassonomija

 

Fuq is-sittax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-għan u tal-effett utli tar-Regolament dwar it-Tassonomija minħabba r-riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq

 

Fuq in-nota ta’ adattament ippreżentata mir-Repubblika tal-Awstrija

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.