18.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 98/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/582

tat-12 ta' April 2018

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 li jistabbilixxi l-formoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013 (2), stabbilixxa l-formola tal-applikazzjoni prevista fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 li trid tintuża biex l-awtoritajiet doganali jintalbu jieħdu azzjoni fir-rigward ta' oġġetti suspettati bi ksur ta' dritt ta' proprjetà intellettwali (il-“formola tal-applikazzjoni”).

(2)

Il-formola ta' applikazzjoni trid tiġi adattata biex titqies l-esperjenza prattika li saret bl-użu ta' dik il-formola kif ukoll biex jiġu żgurati t-trażmissjoni mingħajr problemi u l-iskambju ta' informazzjoni permezz tal-bażi ta' dejta ċentrali msemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013.

(3)

Meta applikazzjoni tiġi ppreżentata wara li l-awtoritajiet doganali jkunu ssospendew ir-rilaxx tal-oġġetti jew ikunu ssekwestrawhom fuq inizjattiva tagħhom stess, dan jenħtieġ li jiġi indikat fil-formola tal-applikazzjoni mill-applikant.

(4)

Permezz tar-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), it-terminu “trade mark Komunitarja” ġie sostitwit fl-ordni legali tal-Unjoni bit-terminu “trademark tal-Unjoni Ewropea”. Il-formola tal-applikazzjoni trid tiġi aġġornata skont dan.

(5)

Meta l-applikant jitlob biex tintuża l-proċedura għall-qerda ta' oġġetti f'kunsinni żgħar skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, jenħtieġ li jkun jista' jispeċifika jekk jixtieqx li l-proċedura tintuża fl-Istati Membri kollha jew fi Stat Membru wieħed jew f'diversi Stati Membri speċifiċi.

(6)

L-applikant jenħtieġ li jkun mitlub jipprovdi fil-formola tal-applikazzjoni, l-ismijiet u l-indirizzi tal-kumpaniji u tal-kummerċjanti involuti billi dik l-informazzjoni hija relevanti għall-analiżi u għall-valutazzjoni tal-awtoritajiet doganali rigward ir-riskju ta' ksur.

(7)

Meta jitqies li, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, l-iskambji kollha ta' dejta dwar deċiżjonijiet marbuta ma' applikazzjonijiet u sekwestri bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jridu jsiru permezz ta' bażi ta' dejta ċentrali tal-Kummissjoni u li dik il-bażi ta' dejta trid tiġi aġġustata skont il-formola ta' applikazzjoni l-ġdida, l-emendi fl-Annessi I u III tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 jenħtieġ li japplikaw mill-15 ta' Mejju 2018.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa sostitwit mit-test stipulat fl-Anness I ta' dan ir-Regolament;

(2)

L-Anness III hu emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-15 ta' Mejju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 181, 29.6.2013, p. 15.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013 tal-4 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-formoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 10).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU L 341, 24.12.2015, p. 21).


ANNESS I

“ANNESS I

Image 1
Test ta 'immaġni
Image 2
Test ta 'immaġni
Image 3
Test ta 'immaġni
Image 4
Test ta 'immaġni
Image 5
Test ta 'immaġni
Image 6
Test ta 'immaġni
Image 7
Test ta 'immaġni
Image 8
Test ta 'immaġni
Image 9
Test ta 'immaġni
Image 10
Test ta 'immaġni
”.

ANNESS II

Il-Parti I tal-Anness III tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 hija emendata kif ġej:

(1)

fin-nota dwar il-mili tal-kaxxa 1 (“Applikant”), it-test huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Id-dettalji dwar l-applikant għandhom jiddaħħlu f'din il-kaxxa. Din għandha tinkludi tagħrif dwar l-isem u l-indirizz sħiħ tal-applikant, in-Numru ta' Identifikazzjoni tat-Taxxa tiegħu, kwalunkwe numru ta' reġistrazzjoni nazzjonali ieħor jew in-Numru ta' Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni bħala Operatur Ekonomiku (Nru-EORI) tiegħu, li huwa numru uniku fl-Unjoni kollha, assenjat minn awtorità doganali fi Stat Membru lil operaturi ekonomiċi involuti f'attivitajiet doganali, in-numru tat-telefown, tat-telefown ċellulari jew tal-faks u l-indirizz elettroniku tiegħu. L-applikant jista' wkoll idaħħal, fejn xieraq, l-indirizz tas-sit web tiegħu.”;

(2)

fin-nota dwar il-mili tal-kaxxa 2 (“Applikazzjoni tal-Unjoni/Nazzjonali”), qed jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Meta l-applikazzjoni tiġi ppreżentata wara li jkun ġie sospiż ir-rilaxx tal-oġġetti jew l-oġġetti jkunu ġew issekwestrati skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, il-kaxxa “Applikazzjoni nazzjonali (ara l-Artikolu 5(3))” għandha tiġi mmarkata.”;

(3)

fin-nota dwar il-mili tal-kaxxa 10 (“Proċedura għal kunsinni żgħar”), it-test huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Meta l-applikant jixtieq jagħmel talba għall-użu tal-proċedura għall-qerda ta' oġġetti f'kunsinni żgħar stabbilita fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, għandu jimmarka l-kaxxa x-xierqa tal-Istat Membru, jew tal-Istati Membri fil-każ ta' applikazzjoni tal-Unjoni, fejn jesprimi x-xewqa li tiġi applikata l-proċedura.”.