|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3212 |
23.12.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3212
tat-12 ta’ Diċembru 2024
li tistabbilixxi d-data għat-tneħħija tal-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni fuq l-art ma’ u bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra l-Att ta’ Adeżjoni tal-2005, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen mhux imsemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ dak l-Att għandhom japplikaw biss f’kull wieħed minn dawk l-Istati Membri skont deċiżjoni tal-Kunsill għal dan l-għan, wara verifika f’konformità mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli, li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis ikkonċernati jkunu ġew issodisfati f’dawk l-Istati Membri. |
|
(2) |
Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2024/210 (2), il-Kunsill, wara verifika li l-kundizzjonijiet meħtieġa kienu ntlaħqu, għamel id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen mhux imsemmija fl-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005, kif elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni, applikabbli għall-Bulgarija u r-Rumanija mill-31 ta’ Marzu 2024, u, għal raġunijiet tekniċi u operazzjonali, tneħħew bħala l-ewwel stadju ta’ kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni tal-ajru u tal-baħar ma’ u bejn il-Bulgarija u r-Rumanija minn dik id-data. |
|
(3) |
Jenħtieġ li tittieħed deċiżjoni oħra mill-Kunsill filwaqt li jaġixxi skont l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005, li jistabbilixxi data għat-tneħħija tal-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni tal-art ma’ u bejn il-Bulgarija u r-Rumanija. |
|
(4) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (3) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti B, C, D u F, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (4). |
|
(5) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (5) ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti B, C, D u F, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (6). |
|
(6) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (7) ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti B, C, D u F, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (8), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Mill-1 ta’ Jannar 2025, il-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni fuq l-art ma’ u bejn il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jitneħħew.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
PINTÉR S.
(1) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 160.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/210 tat-30 ta’ Diċembru 2023 dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L, 2024/210, 4.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/210/oj).
(3) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(5) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(7) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3212/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)