SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Sistema ta’ sigurtà soċjali – Korpi ta’ assigurazzjoni għall-mard – Kunċetti ta’ ‘impriża’ u ta’ ‘attività ekonomika’ – Skop soċjali – Prinċipju ta’ solidarjetà – Kontroll mill-Istat – Evalwazzjoni globali – Possibbiltà li jiġu mfittxija l-profitti – Kompetizzjoni residwa fir-rigward tal-kwalità u tal-offerta tal-benefiċċji ta’ assigurazzjoni għall-mard”

Fil-Kawżi magħquda C‑262/18 P u C‑271/18 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fis‑16 u fid‑19 ta’ April 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Tomat u P.‑J. Loewenthal, bħala aġenti,

appellanti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn S. Hartikainen, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Dôvera zdravotná poist’ ovňa, a.s., stabbilita fi Bratislava (is-Slovakkja), irrappreżentata minn F. Roscam Abbing, A. Pliego Selie u O. W. Brouwer, advocaten,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn M. Kianička, D. Kaiserová u B. Ricziová, bħala aġenti,

Union zdravotná poist’ ovňa, a.s., stabbilita fi Bratislava (is-Slovakkja), irrappreżentata minn A. M. ter Haar, A. Kleinhout u J. K. de Pree, advocaten,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑262/18 P),

u

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn M. Kianička, D. Kaiserová u B. Ricziová, bħala aġenti,

appellanti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn S. Hartikainen, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Dôvera zdravotná poist’ ovňa, a.s., irrappreżentata minn F. Roscam Abbing, A. Pliego Selie u O. W. Brouwer, advocaten,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Tomat u P.‑J. Loewenthal, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Union zdravotná poist’ ovňa, a.s., irrappreżentata minn A. M. ter Haar, A. Kleinhout u J. K. de Pree, advocaten,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑271/18 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras, E. Regan, S. Rodin, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, T. von Danwitz (Relatur), D. Šváby, F. Biltgen u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Ottubru 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Diċembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Slovakka jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑5 ta’ Frar 2018, Dôvera zdravotná poist’ovňa vs Il‑Kummissjoni (T‑216/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:64), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/248 tal‑15 ta’ Ottubru 2014 dwar il-miżuri SA.23008 (2013/C) (ex 2013/NN) implimentati mir-Repubblika Slovakka għal Spoločná zdravotná poist’ovňa, a.s (SZP) u Všeobecná zdravotná poist’ovňa, a. s. (VZP) (ĠU 2015, L 41, p. 25, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

2

Matul is-sena 1994, l-iskema Slovakka ta’ assigurazzjoni għall-mard għaddiet minn sistema unitarja, b’korp ta’ assigurazzjoni għall-mard pubbliku wieħed, għal mudell imħallat, li fih jistgħu jikkoeżistu korpi pubbliċi u privati. Konformement ma’ leġiżlazzjoni Slovakka li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2005, dawn il-korpi, kemm jekk pubbliċi jew privati, għandu jkollhom il-forma legali ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata bi skop ta’ lukru rregolata mid-dritt privat.

3

Matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2005 u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, ir-residenti Slovakki kellhom l-għażla bejn il-korpi ta’ assigurazzjoni għall-mard li ġejjin:

–

Všeobecná zdravotná poisťovňa, a.s. (iktar ’il quddiem “VšZP”) u Spoločná zdravotná poisťovňa, a.s. (iktar ’il quddiem “SZP”), li ġew amalgamati fl‑1 ta’ Jannar 2010 u li l-uniku azzjonist tagħha huwa l-Istat Slovakk;

–

Dôvera zdravotná poisťovňa a.s. (iktar ’il quddiem “Dôvera”), li l-azzjonisti tagħha huma entitajiet tas-settur privat, u

–

Union zdravotná poist’ovňa a.s. (iktar ’il quddiem “Union”), li l-azzjonisti tagħha huma entitajiet tas-settur privat.

4

Wara lment ippreżentat, fit‑2 ta’ April 2007, minn Dôvera fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat allegatament mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil SZP u lil VšZP, il-Kummissjoni, fit‑2 ta’ Lulju 2013, fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

5

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li SZP u VšZP ma kinux impriżi, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba li l-attività li huma kienu jeżerċitaw ma kinitx ta’ natura ekonomika, b’tali mod li l-miżuri msemmija fl-ilment ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

6

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ April 2015, Dôvera ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, li insostenn tiegħu hija qajmet żewġ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċetti ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u ta’ “attività ekonomika”, u t-tieni motiv kien ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata ta’ dawn il-kunċetti għal SZP u għal VšZP kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

7

Il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni motiv u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma eżaminat l-ewwel motiv.

8

Wara li fakkret, fil-punti 46 sa 53 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “attività ekonomika”, b’mod partikolari dik deċiża fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 55 sa 58 tal-imsemmija sentenza, il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka hija kkaratterizzata minn elementi soċjali, ta’ solidarjetà u regolatorji importanti.

9

Fir-rigward tal-elementi soċjali u dawk ta’ solidarjetà ta’ din l-iskema, fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, irrilevat li, fis-Slovakkja, l-assigurazzjoni għall-mard hija obbligatorja u li l-korpi ta’ assigurazzjoni huma obbligati jkopru kull resident Slovakk li jagħmel talba, mingħajr ma jistgħu jirrifjutaw l-assigurazzjoni ta’ persuna minħabba l-età tagħha, l-istat ta’ saħħa tagħha jew ir-riskju ta’ mard tagħha. Sussegwentement, hija kkonstatat li l-iskema hija bbażata fuq sistema ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji li l-ammonti tagħhom huma stabbiliti mil-liġi, proporzjonalment għad-dħul tal-persuna assigurata, u dan indipendentement mill-benefiċċji li tirċievi jew mir-riskju li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-età jew mill-istat ta’ saħħa tal-persuna assigurata. Hija rrilevat ukoll li l-persuni assigurati kollha għandhom dritt għall-istess livell minimu ta’ benefiċċji. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali osservat li teżisti skema ta’ ugwalizzazzjoni tar-riskji, li permezz tagħha l-korpi li jassiguraw persuni b’riskju għoli jirċievu fondi mill-korpi li għandhom portafoll kompost minn persuni li jippreżentaw inqas riskji.

10

Fir-rigward tal-kontroll mill-Istat fuq l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka, il-Qorti Ġenerali esponiet, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li l-korpi ta’ assigurazzjoni huma suġġetti għal leġiżlazzjoni speċjali, li permezz tagħha kull wieħed minnhom huwa kkostitwit bl-għan li jimplimenta l-assigurazzjoni għall-mard pubblika u ma jistax jeżerċita attivitajiet oħra minbarra dawk previsti mil-liġi. Hija rrilevat ukoll li l-attivitajiet ta’ dawn il-korpi huma suġġetti għal kontroll minn awtorità regolatorja li tiżgura li dawn josservaw il-qafas leġiżlattiv rilevanti u li tintervjeni f’każ ta’ ksur.

11

Fil-punt 58 tas-sentenza appellata, bħala konklużjoni intermedjarja, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li, essenzjalment, l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka għandha elementi soċjali, ta’ solidarjetà u regolatorji importanti, hija fondata.

12

Madankollu, fil-punt 59 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-leġiżlazzjoni dwar din l-iskema tippermetti lill-korpi ta’ assigurazzjoni għall-mard, minn naħa, jagħmlu, jużaw u jiddistribwixxu profitti u, min-naħa l-oħra, ikollhom ċerta kompetizzjoni fir-rigward tal-kwalità u tal-portata tal-offerta ta’ servizzi.

13

Sussegwentement, fil-punti 63 sa 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan fir-rigward tal-klassifikazzjoni tan-natura tal-attività ta’ dawn il-korpi ta’ assigurazzjoni għall-mard bħala ekonomika jew le. Dawn l-aħħar punti huma fformulati kif ġej:

“63

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkunsidrat li l-possibbiltà li l-kumpanniji tal-assigurazzjoni għall-mard jistgħu jagħmlu, jużaw u jiddistribwixxu parti mill-profitt tagħhom tista’ ddaħħal inkwistjoni n-natura mhux ekonomika tal-attività tagħhom, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Kummissjoni fil-premessa 94 tad-deċiżjoni [kontenzjuża].

64

Ċertament, il-Kummissjoni tikkonstata, ġustament, li l-possibbiltà li jużaw u li jiddistribwixxu l-profitti hija limitata b’mod iktar strett milli fis-setturi kummerċjali klassiċi, għar-raġuni li din il-possibbiltà hija, f’dan il-każ, suġġetta għall-osservanza ta’ rekwiżiti intiżi sabiex jiżguraw id-durabbiltà tal-iskema u t-twettiq tal-għanijiet soċjali u ta’ solidarjetà li fuqhom hija msejsa. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-esklużjoni tan-natura ekonomika tal-attività, sa mill-mument li l-operaturi tas-suq inkwistjoni jaqgħu fil-loġika ta’ tfittxija ta’ profitti. Fil-fatt, il-possibbiltà li l-kumpanniji ta’ assigurazzjoni għall-mard Slovakki jfittxu u jagħmlu profitti b’mod liberu turi li, fi kwalunkwe każ, indipendentement mill-eżekuzzjoni tal-missjoni tagħhom ta’ assigurazzjoni għall-mard pubblika u mill-kontroll mill-Istat imwettaq, dawn għandhom skop ta’ lukru u, għalhekk, li l-attivitajiet li huma jeżerċitaw fis-suq jaqgħu fl-isfera ekonomika. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet stretti li sussegwentement jillimitaw l-użu u d-distribuzzjoni tal-profitti li jistgħu jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet ma tippermettix li tiddaħħal inkwistjoni n-natura ekonomika ta’ dawn tal-aħħar.

65

Fit-tieni lok, għandu jitqies li l-eżistenza ta’ ċerta kompetizzjoni fir-rigward tal-kwalità u l-portata tal-offerta, li jwettqu d-diversi korpi fi ħdan l-iskema Slovakka obbligatorja ta’ assigurazzjoni għall-mard, taffettwa wkoll in-natura ekonomika tal-attività, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat, essenzjalment, il-Kummissjoni fil-premessi 92 u 93 tad-deċiżjoni [kontenzjuża].

66

Fil-fatt, għalkemm mill-proċess jirriżulta li l-korpi ta’ assigurazzjoni għall-mard ma jistgħux jiffissaw b’mod liberu l-ammont tal-kontribuzzjonijiet u jikkompetu formalment fil-qasam tat-tariffi, il-leġiżlatur madankollu introduċa element ta’ kompetizzjoni fil-qasam tal-kwalità, peress li l-korpi jistgħu jżidu l-benefiċċji legali obbligatorji permezz ta’ benefiċċji konnessi mingħajr ħlas, bħal titjib fit-teħid ta’ responsabbiltà għal ċerti tipi ta’ trattament addizzjonali u preventiv fil-kuntest ta’ benefiċċji bażiċi obbligatorji jew l-eżistenza ta’ servizz imsaħħaħ ta’ assistenza lill-persuni assigurati. Huma jistgħu għalhekk jiddifferenzjaw ruħhom fir-rigward tal-kwalità u tal-portata tal-offerta sabiex jattiraw lill-persuni assigurati, li, skont il-liġi, huma liberi li jagħżlu l-kumpannija ta’ assigurazzjoni għall-mard tagħhom u li jibdluha darba fis-sena. Il-marġni ta’ libertà li għandhom il-korpi sabiex jikkompetu għalhekk tippermetti lill-persuni assigurati jibbenefikaw minn protezzjoni soċjali aħjar għal livell ta’ kontribuzzjoni ekwivalenti, peress li l-benefiċċji addizzjonali offruti huma mingħajr ħlas. Kif tenfasizza r-rikorrenti, anki jekk il-korpi ta’ assigurazzjoni għall-mard Slovakki huma obbligati joffru l-istess benefiċċji legali, huma jikkompetu fir-rigward tar-‘relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz’ tal-kopertura li huma joffru u, għaldaqstant, fir-rigward tal-kwalità u tal-effikaċja tal-proċessi ta’ xiri, kif tammetti l-Kummissjoni stess fil-premessa 93 tad-deċiżjoni [kontenzjuża].

67

Għalhekk, anki jekk il-kompetizzjoni fl-iskema Slovakka ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja la tirrigwarda l-benefiċċji legali obbligatorji u lanqas ma tirrigwarda formalment l-ammont tal-kontribuzzjonijiet, din tibqa’ madankollu intensa u kumplessa, minħabba l-volatilità tas-suq, li tirriżulta mill-possibbiltà għall-persuni assigurati li jagħżlu l-fornitur tagħhom ta’ assigurazzjoni għall-mard b’mod liberu u li jibdluh darba fis-sena, u minħabba l-fatt li din tikkonċerna l-kwalità tas-servizz, li taqa’ taħt l-evalwazzjoni personali tal-persuni assigurati.

68

Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-iskop ta’ lukru li għandhom il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni għall-mard u tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni intensa fir-rigward tal-kwalità u tal-offerta ta’ servizzi, l-attività ta’ provvista ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja fis-Slovakkja għandha natura ekonomika.

69

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata, anki jekk jiġi sostnut li SZP u VšZP ma kellhomx skop ta’ lukru. Ċertament, meta l-korpi li l-attività tagħhom hija eżaminata ma jkollhomx tali skop, iżda jkollhom marġni ta’ libertà sabiex joħolqu ċerta kompetizzjoni sabiex jattiraw lill-persuni assigurati, din il-kompetizzjoni ma hijiex ta’ natura li ddaħħal inkwistjoni b’mod awtomatiku n-natura mhux ekonomika tal-attività tagħhom, b’mod partikolari meta dan l-element ta’ kompetizzjoni jkun ġie introdott sabiex jinċentiva lill-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jeżerċitaw l-attività tagħhom skont il-prinċipju ta’ ġestjoni tajba (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2004, AOK Bundesverband et (C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, EU:C:2004:150, punt 56). Madankollu mill-ġurisprudenza ċċitata [li tirriżulta mis-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 27), u tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8, punti 122 u 123),] jirriżulta li l-fatt li l-offerta ta’ oġġetti u ta’ servizzi ssir mingħajr skop ta’ lukru ma huwiex ta’ ostakolu sabiex l-entità li twettaq dawn it-tranżazzjonijiet fis-suq tiġi kkunsidrata bħala impriża, sa fejn din l-offerta tkun f’kompetizzjoni ma’ dik ta’ operaturi oħra li għandhom skop ta’ lukru. Isegwi li ma huwiex il-fatt waħdu li jkun hemm sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni f’suq partikolari li jiddetermina n-natura ekonomika tal-attività, iżda pjuttost il-preżenza, fl-imsemmi suq, ta’ operaturi li għandhom skop ta’ lukru. Issa, dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li l-partijiet jaqblu li l-operaturi tas-suq l-oħra inkwistjoni għandhom effettivament skop ta’ lukru, b’tali mod li SZP u VšZP għandhom, b’effett kollaterali, ikunu kkunsidrati bħala impriżi.”

14

Fi tmiem dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-attività ta’ SZP u ta’ VšZP kienet ta’ natura ekonomika, b’tali mod li dawn il-korpi ta’ assigurazzjoni kellhom jiġu kklassifikati bħala impriżi, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet fl-appell

15

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2018, ir-Repubblika tal-Finlandja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑262/18 P u dawk tar-Repubblika Slovakka fil-Kawża C‑271/18 P.

16

Fil-kuntest tal-appelli prinċipali, il-Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka, sostnuti mir-Repubblika tal-Finlandja, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u, fil-każ li tiddeċiedi l-kawża definittivament, tiċħad ir-rikors inizjali. F’dan il-każ, il-Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lil Dôvera u lil Union għall-ispejjeż.

17

Min-naħa tagħhom, Dôvera u Union jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati mal-proċedura fil-Kawża C‑262/18 P u lir-Repubblika Slovakka għal dawk relatati mal-proċedura fil-Kawża C‑271/18 P. Dôvera titlob ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-intervenjenti li jsostnu lill-Kummissjoni għall-ispejjeż fil-Kawża C‑262/18 P.

18

Fil-kuntest tal-appelli inċidentali fil-Kawżi C‑262/18 P u C‑271/18 P, Dôvera titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punt 58 tas-sentenza appellata sa fejn dan jistabbilixxi li Dôvera ma kinitx ikkontestat id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-iskema Slovakka ta’ assigurazzjoni għall-mard kellha “aspetti soċjali, ta’ solidarjetà u regolatorji importanti”.

19

Min-naħa tagħhom, il-Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka jitolbu li l-appelli inċidentali jiġu miċħuda bħala inammissibbli u li Dôvera tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali jew tiddeċiedi l-kawża definittivament, kif ukoll tikkundanna lil Dôvera u lil Union għall-ispejjeż.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Novembru 2018, il-Kawżi C‑262/18 P u C‑271/18 P ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza.

21

Fil-Kawża C‑271/18 P, il-Gvern Slovakk, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, talab li l-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ bħala Awla Manja.

Fuq l-appelli prinċipali

L-argumenti tal-partijiet

22

Insostenn tal-appelli tagħhom, il-Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka jqajmu tliet aggravju komuni bbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċetti ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u ta’ “attività ekonomika”, u, it-tielet wieħed, fuq l-iżnaturament ta’ provi. Ir-Repubblika Slovakka tressaq ukoll ir-raba’ aggravju bbażat fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

23

Permezz tat-tieni aggravju mqajjem mill-Kummissjoni fil-Kawża C‑262/18 P u tat-tielet aggravju mqajjem mir-Repubblika Slovakka fil-Kawża C‑271/18 P, dawn il-partijiet, sostnuti mir-Repubblika tal-Finlandja, għandhom l-għan li jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-attività ta’ SZP u ta’ VšZP kienet ta’ natura ekonomika, b’tali mod li dawn il-korpi ta’ assigurazzjoni kellhom jiġu kklassifikati bħala impriżi, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

24

Essenzjalment, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċetti ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u ta’ “attività ekonomika”. Il-klassifikazzjoni ta’ skema ta’ assigurazzjoni għall-mard li tinkludi mhux biss elementi soċjali, ta’ solidarjetà u regolatorji, iżda wkoll elementi ekonomiċi tiddependi minn evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din l-iskema kif ukoll l-importanza rispettiva tad-diversi elementi tagħha. F’dan il-każ, jirriżulta li l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka għandha għan soċjali, timplimenta l-prinċipju ta’ solidarjetà u hija suġġetta għal kontroll mill-Istat. L-istess partijiet isostnu li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-attività tal-korpi ta’ assigurazzjoni fil-kuntest ta’ din l-iskema kienet ta’ natura ekonomika billi bbażat ruħha biss fuq il-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw, minn naħa, il-possibbiltà, għal dawn il-korpi, li jikkompetu, sa ċertu punt, fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz tal-benefiċċji tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-fatt li huma kellhom skop ta’ lukru. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ limitu regolatorju strett tal-possibbiltajiet ta’ tfittxija, ta’ użu u ta’ distribuzzjoni tal-profitti kienet element rilevanti li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni.

25

Dôvera u Union jikkontestaw dawn l-argumenti. Is-sempliċi fatt li l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka għandha għan soċjali ma jiġġustifikax il-konklużjoni li l-attività tal-korpi ta’ assigurazzjoni fi ħdan din l-iskema ma hijiex ta’ natura ekonomika. In-natura ekonomika tal-attività tagħhom tirriżulta mill-fatt li huma jikkompetu fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz tal-benefiċċji tagħhom u li huma jwettqu din l-attività bi skop ta’ lukru.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

26

Konformement mal-Artikolu 107(1) TFUE, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

27

Minn dan jirriżulta b’mod partikolari li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE tkopri biss l-attivitajiet ta’ impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-kunċett ta’ “impriża” jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha (sentenzi tat‑23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, EU:C:1991:161, punt 21, u tat‑3 ta’ Marzu 2011, AG2R Prévoyance, C‑437/09, EU:C:2011:112, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Il-klassifikazzjoni ta’ impriża bħala impriża jew le tiddependi għalhekk min-natura tal-attività tagħha. Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita wkoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull attività li tikkonsisti fil-provvista ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 1987, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 118/85, EU:C:1987:283, punt 7, u tat‑3 ta’ Marzu 2011, AG2R Prévoyance, C‑437/09, EU:C:2011:112, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-qasam tas-sigurtà soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom. Sabiex jiġi evalwat jekk attività eżerċitata fil-kuntest ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għandhiex natura ekonomika, hija twettaq evalwazzjoni globali tal-iskema inkwistjoni u tieħu, għal dan l-għan, inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin, jiġifieri l-għan soċjali tal-iskema, l-implimentazzjoni, minnha, tal-prinċipju ta’ solidarjetà, l-assenza ta’ kull skop ta’ lukru tal-attività eżerċitata u l-kontroll tagħha mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre, C‑159/91 u C‑160/91, EU:C:1993:63, punti 8 sa 10, 14, 15 u 18; tat‑22 ta’ Jannar 2002, Cisal, C‑218/00, EU:C:2002:36, punti 34, 38 u 43; tas‑16 ta’ Marzu 2004, AOK Bundesverband et, C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, EU:C:2004:150, punti 47 sa 50; tal‑5 ta’ Marzu 2009, Kattner Stahlbau, C‑350/07, EU:C:2009:127, punti 35, 38 u 43, kif ukoll tat‑3 ta’ Marzu 2011, AG2R Prévoyance, C‑437/09, EU:C:2011:112, punti 43 sa 46).

31

Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni globali, għandu jiġi eżaminat, b’mod partikolari, jekk u sa fejn l-iskema inkwistjoni tistax titqies li timplimenta l-prinċipju ta’ solidarjetà u jekk l-attività tal-korpi ta’ assigurazzjoni li jamministraw tali skema hijiex suġġetta għal kontroll mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre, C‑159/91 u C‑160/91, EU:C:1993:63, punti 8 u 14; tat‑22 ta’ Jannar 2002, Cisal, C‑218/00, EU:C:2002:36, punti 38 u 43, kif ukoll tal‑5 ta’ Marzu 2009, Kattner Stahlbau, C‑350/07, EU:C:2009:127, punt 43).

32

L-iskemi ta’ sigurtà soċjali li jimplimentaw il-prinċipju ta’ solidarjetà huma kkaratterizzati, b’mod partikolari, min-natura obbligatorja tal-affiljazzjoni kemm għall-persuni assigurati kif ukoll għall-korpi ta’ assigurazzjoni, minn kontribuzzjonijiet iffissati mil-liġi proporzjonalment għad-dħul tal-persuni assigurati u mhux għar-riskju li huma jirrappreżentaw individwalment minħabba l-età tagħhom jew l-istat ta’ saħħa tagħhom, mir-regola li l-benefiċċji obbligatorji stabbiliti mil-liġi huma identiċi għall-persuni assigurati kollha, indipendentement mill-ammont ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa minn kull waħda minnhom, kif ukoll minn mekkaniżmu ta’ ugwalizzazzjoni tal-ispejjeż u tar-riskji bejn l-iskemi li jkollhom eċċess u l-iskemi li jkollhom diffikultajiet finanzjarji strutturali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre, C‑159/91 u C‑160/91, EU:C:1993:63, punti 7 sa 12, 15 u 18; tat‑22 ta’ Jannar 2002, Cisal, C‑218/00, EU:C:2002:36, punti 39, 40 u 42, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2004, AOK Bundesverband et, C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, EU:C:2004:150, punti 47, 48, 52 u 53).

33

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-fatt li Stat Membru ma jafdax il-ġestjoni ta’ skema ta’ sigurtà soċjali lil korp ta’ assigurazzjoni uniku, iżda lil diversi korpi ma jistax idaħħal inkwistjoni l-prinċipju ta’ solidarjetà li fuqu din l-iskema hija bbażata, iktar u iktar meta, fi ħdan l-imsemmija skema, il-korpi inkwistjoni joperaw bejniethom ugwalizzazzjoni tal-ispejjeż u tar-riskji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2009, Kattner Stahlbau, C‑350/07, EU:C:2009:127, punti 49, 50 u 53).

34

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-introduzzjoni, fi skema li għandha l-karatteristiċi mfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, ta’ element kompetittiv, peress li hija intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-operaturi jeżerċitaw l-attività tagħhom skont il-prinċipji ta’ ġestjoni tajba, jiġifieri bl-iktar mod effikaċi u bl-irħas mod possibbli, fl-interess ta’ funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ sigurtà soċjali, ma tbiddilx in-natura ta’ din l-iskema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2004, AOK Bundesverband et, C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, EU:C:2004:150, punt 56).

35

Għall-kuntrarju, f’ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li korpi li jiġġestixxu skema ta’ assigurazzjoni bbażata fuq sistema ta’ affiljazzjoni fakultattiva, li jiffunzjonaw skont prinċipju ta’ kapitalizzazzjoni li permezz tiegħu teżisti rabta diretta bejn l-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuna assigurata u r-ritorn finanzjarju tagħhom, minn naħa, u l-benefiċċji pprovduti lil din il-persuna assigurata, min-naħa l-oħra, u li jinkludu elementi ta’ solidarjetà estremament limitati, ma jimplimentawx il-prinċipju ta’ solidarjetà u, għaldaqstant, jeżerċitaw attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 1995, Fédération française des sociétés d’assurance et, C‑244/94, EU:C:1995:392, punti 17, 19 u 22, kif ukoll tal‑21 ta’ Settembru 1999, Albany, C‑67/96, EU:C:1999:430, punti 79, 81, 82 u 85).

36

Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 28 sa 35 ta’ din is-sentenza li għandu jiġi analizzat jekk il-kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 63 sa 69 tas-sentenza appellata humiex ivvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

37

F’dan ir-rigward, mill-punti 8 sa 13 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tagħha tal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka, il-Qorti Ġenerali, wara li approvat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li din l-iskema għandha elementi soċjali, ta’ solidarjetà u regolatorji importanti li jikkorrispondu għall-karatteristiċi ta’ skema li għandha għan soċjali u li timplimenta l-prinċipju ta’ solidarjetà taħt il-kontroll mill-Istat, madankollu qieset li din il-konklużjoni kienet invalidata mill-fatt li, fi ħdan din l-istess skema, il-korpi ta’ assigurazzjoni, minn naħa, kellhom il-possibbiltà li jfittxu l-profitti u, min-naħa l-oħra, kienu f’ċerta kompetizzjoni kemm fir-rigward tal-kwalità u tal-portata tal-offerta tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-proċess ta’ xiri tagħhom.

38

Issa, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali tat importanza indebita lil dawn l-elementi tal-aħħar fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 28 sa 35 ta’ din is-sentenza u ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni tagħhom mal-elementi soċjali, ta’ solidarjetà u regolatorji tal-iskema inkwistjoni.

39

Fil-fatt, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-possibbiltà, għall-korpi ta’ assigurazzjoni li jamministraw l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka, li jfittxu li jagħmlu profitt, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li dawn il-korpi kienu obbligati, skont leġiżlazzjoni Slovakka li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2005, jirrikorru għall-istatus ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata bi skop ta’ lukru rregolata mid-dritt privat ma jippermettix li dawn jiġu kklassifikati bħala “impriżi”, fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, tali klassifikazzjoni ma tiddependix mill-istatus legali tal-entità kkonċernata, iżda mill-fatturi kollha li jikkaratterizzaw l-attività tagħha.

40

Barra minn hekk, u kif jirriżulta mill-punt 64 tas-sentenza appellata, għalkemm il-profitti possibbilment miksuba minn dawn il-korpi jistgħu jintużaw u jiġu ddistribwiti, dan irid isir b’osservanza tar-rekwiżiti intiżi sabiex jiżguraw id-durabbiltà tal-iskema u t-twettiq tal-għanijiet soċjali u ta’ solidarjetà li fuqhom hija msejsa. Għalhekk jidher li l-possibbiltà li jiġu mfittxija l-profitti hija rregolata b’mod strett mil-liġi u ma tistax titqies, kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali żviluppati fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata, bħala element ta’ natura li jinvalida n-natura soċjali u ta’ solidarjetà li tirriżulta min-natura stess tal-attivitajiet ikkonċernati.

41

Fit-tieni lok, huwa wkoll b’mod żbaljat li, fil-punti 65 sa 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-elementi differenti li jintroduċu ċerta kompetizzjoni fl-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka kienu ta’ natura li jdaħħlu inkwistjoni n-natura soċjali u ta’ solidarjetà ta’ din l-iskema.

42

Fil-fatt, lil hinn mill-fatt li, kif indikat il-Qorti Ġenerali stess fil-punt 66 tas-sentenza appellata, din il-kompetizzjoni la tista’ tirrigwarda l-benefiċċji legali obbligatorji u lanqas l-ammont tal-kontribuzzjonijiet, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, għalkemm il-korpi ta’ assigurazzjoni għall-mard Slovakka jistgħu jżidu l-benefiċċji legali obbligatorji permezz ta’ benefiċċji addizzjonali, dawn jikkorrispondu għal benefiċċji konnessi mingħajr ħlas, bħal titjib fit-teħid ta’ responsabbiltà għal ċerti tipi ta’ trattament addizzjonali u preventiv fil-kuntest ta’ benefiċċji bażiċi obbligatorji jew servizz imsaħħaħ ta’ assistenza lill-persuni assigurati, li jippermettulhom jiddifferenzjaw ruħhom, b’mod residwu u anċillari, fir-rigward tal-portata tal-offerta kif ukoll fir-rigward tal-kwalità tagħha.

43

Issa, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-introduzzjoni, fi skema li għandha l-karatteristiċi mfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, ta’ element kompetittiv intiż sabiex jinkoraġġixxi lill-operaturi jeżerċitaw l-attività tagħhom skont il-prinċipji ta’ ġestjoni tajba, jiġifieri bl-iktar mod effikaċi u bl-irħas mod possibbli, fl-interess ta’ funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ sigurtà soċjali, ma tistax tbiddel in-natura ta’ din l-iskema.

44

Barra minn hekk, huwa stabbilit li dawn il-benefiċċji addizzjonali huma pprovduti mingħajr ħlas, b’tali mod li l-possibbiltà li dawn jiġu offruti fil-kuntest ta’ skema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka bl-ebda mod ma tista’ ddaħħal inkwistjoni n-natura soċjali u ta’ solidarjetà ta’ din l-iskema.

45

F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-libertà tal-persuni assigurati li jagħżlu l-korp ta’ assigurazzjoni għall-mard tagħhom u li jibdluh darba fis-sena, għalkemm din il-libertà għandha effett fuq il-kompetizzjoni bejn dawn il-korpi ta’ assigurazzjoni, din madankollu tintervjeni fl-interess tal-funzjonament tajjeb tal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard Slovakka u għandha tinftiehem billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligu ta’ kull resident Slovakk li jaffilja ruħu ma’ wieħed mill-korpi li jipparteċipaw fil-ġestjoni ta’ din l-iskema, kif ukoll l-obbligu, għal dawn il-korpi, li jaċċettaw li jkopru kull kandidat li jagħmel talba, indipendentement mill-età tiegħu u mill-istat ta’ saħħa tiegħu. Issa, tali obbligi huma fost il-karatteristiċi determinanti tal-prinċipju ta’ solidarjetà, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza.

46

Għandu jingħad ukoll li l-kompetizzjoni introdotta fl-iskema Slovakka ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja permezz tal-elementi msemmija fil-punti 42 sa 45 ta’ din is-sentenza hija marbuta mill-qrib mal-fatt li l-ġestjoni ta’ din l-iskema ma ġietx fdata lil korp ta’ assigurazzjoni uniku, iżda lil diversi korpi. Issa, sa fejn l-imsemmija skema tinkludi mekkaniżmu ta’ ugwalizzazzjoni tal-ispejjeż u tar-riskji, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 65 sa 67 tas-sentenza appellata, li tgħid li din il-kompetizzjoni hija ta’ natura li ddaħħal inkwistjoni l-prinċipju ta’ solidarjetà li fuqu din l-istess skema hija bbażata, tmur ukoll kontra l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza.

47

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punti 65 sa 67 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ ċerta kompetizzjoni fir-rigward tal-kwalità u tal-portata tal-offerta fl-iskema Slovakka ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja, kif tirriżulta mill-elementi msemmija fil-punti 42 sa 46 ta’ din is-sentenza, ma tistax tikkontesta n-natura stess tal-attività eżerċitata mill-korpi ta’ assigurazzjoni fil-kuntest ta’ din l-iskema.

48

It-tielet nett, fir-rigward tal-fatt, irrilevat ukoll fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li l-korpi li jiġġestixxu l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka jikkompetu fir-rigward tal-proċess ta’ xiri tagħhom, dan il-fatt ma jistax, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 119 tal-konklużjonijiet tiegħu, jitqies bħala element rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura tal-attività tagħhom li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja fis-Slovakkja. Fil-fatt, sabiex tiġi evalwata n-natura tal-attività ta’ entità, ma hemmx lok li l-attività ta’ xiri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi tinfired mill-użu sussegwenti tagħhom, peress li hija n-natura ekonomika jew le tal-użu sussegwenti li tiddetermina n-natura tal-attività tal-entità kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il‑Kummissjoni, C‑205/03 P, EU:C:2006:453, punt 26).

49

Fit-tielet lok, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 69 tas-sentenza appellata, ir-raġunament tagħha ma huwiex fondat fil-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8, punti 122 u 123), kif ukoll tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 27). Fil-fatt, minn dawn iż-żewġ sentenzi jirriżulta li, meta l-attività ta’ operatur tikkonsisti fl-offerta ta’ servizzi ta’ natura ekonomika – jiġifieri, fil-kawża li tat lok għall-ewwel waħda mill-imsemmija sentenzi, servizzi marbuta ma’ tranżazzjonijiet finanzjarji, kummerċjali, tal-proprjetà immobbli u tal-proprjetà mobbli, u, fil-kawża li tat lok għat-tieni waħda minn dawn l-istess sentenzi, servizzi marbuta mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet sportivi bbażati fuq kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar u ta’ assigurazzjoni intiżi għall-operat kummerċjali ta’ dawn il-kompetizzjonijiet – f’ambjent ta’ suq f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra li għandhom skop ta’ lukru, il-fatt li din l-offerta ta’ servizzi ssir mill-operatur mingħajr skop ta’ lukru ma ddaħħalx inkwistjoni l-klassifikazzjoni tal-attività kkonċernata bħala attività ekonomika.

50

Għalhekk, minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li korp li jipparteċipa fil-ġestjoni ta’ skema li għandha għan soċjali u li timplimenta l-prinċipju ta’ solidarjetà taħt il-kontroll mill-Istat jista’ jiġi kklassifikat bħala impriża għar-raġuni, enfasizzata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li korpi oħra attivi fil-kuntest tal-istess skema għandhom effettivament skop ta’ lukru.

51

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali żviluppati fil-punti 63 sa 69 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi li wassluha, b’mod żbaljat, tiddeċiedi li, minkejja l-fatt li l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka għandha għan soċjali u timplimenta l-prinċipju ta’ solidarjetà taħt il-kontroll mill-Istat, l-attività tal-korpi li jamministrawha għandha natura ekonomika.

52

Għaldaqstant, hemm lok li jintlaqa’ t-tieni aggravju fil-Kawża C‑262/18 P kif ukoll it-tielet aggravju fil-Kawża C‑271/18 P u, għaldaqstant, li tiġi annullata s-sentenza appellata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra mqajma insostenn tal-appelli prinċipali.

Fuq l-appelli inċidentali

53

Permezz tal-appelli inċidentali tagħha, Dôvera titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja “tannulla” il-punt 58 tas-sentenza appellata fil-każ li din ikollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fl-imsemmi punt kif jidher fil-verżjoni tas-sentenza appellata fil-lingwa tal-kawża, jiġifieri fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża.

54

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont l-Artikolu 169(1) u l-Artikolu 178(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan ta’ kull appell, irrispettivament minn jekk ikunx prinċipali jew inċidentali, jista’ jkun biss l-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Issa, permezz tal-appelli inċidentali tagħha, Dôvera titlob biss li tikseb sostituzzjoni tal-motivi, mingħajr ma din is-sostituzzjoni tista’ twassal għall-annullament, anki jekk parzjali, tad-dispożittiv tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, dawn l-appelli għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

Fuq il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali

55

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li tannulla s-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

56

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-rikors għal annullament ta’ Dôvera fil-Kawża T‑216/15 huwa fi stat li jiġi deċiż u li hemm lok li tingħata deċiżjoni definittiva fuq dan.

57

Permezz tar-rikors tagħha, Dôvera tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li SZP u VšZP ma kinux jeżerċitaw attività ekonomika u, għaldaqstant, ma setgħux jitqiesu bħala impriżi, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

58

Sabiex jiġi evalwat jekk l-attività eżerċitata fil-kuntest ta’ skema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka hijiex nieqsa minn natura ekonomika, għandha ssir evalwazzjoni globali ta’ din l-iskema billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 31 tagħha, għandu jiġi vverifikat, b’mod partikolari, jekk u sa fejn l-imsemmija skema tistax titqies li timplimenta l-prinċipju ta’ solidarjetà taħt il-kontroll mill-Istat.

59

F’dan ir-rigward, mill-punti 9 sa 11 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka, li għandha għan soċjali li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-kopertura tar-riskju ta’ mard tar-residenti Slovakki kollha, għandha l-karatteristiċi kollha tal-prinċipju ta’ solidarjetà msemmija fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, l-affiljazzjoni ma’ din l-iskema hija obbligatorja għar-residenti Slovakki kollha, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet huwa ffissat mil-liġi proporzjonalment għad-dħul tal-persuni assigurati u mhux għar-riskju li huma jirrappreżentaw minħabba l-età tagħhom jew l-istat ta’ saħħa tagħhom, u dawn il-persuni assigurati kollha għandhom dritt għall-istess livell ta’ benefiċċji stabbiliti mil-liġi, b’mod li ma teżisti l-ebda rabta diretta bejn l-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuna assigurata u dak tal-benefiċċji li huma pprovduti lilha. Barra minn hekk, peress li l-korpi tal-assigurazzjoni huma obbligati li jiżguraw il-kopertura tar-riskju ta’ mard ta’ kull resident Slovakk li jagħmel talba, indipendentement mir-riskju li jirriżulta mill-età tiegħu jew mill-istat ta’ saħħa tiegħu, l-imsemmija skema tipprevedi wkoll mekkaniżmu ta’ ugwalizzazzjoni tal-ispejjeż u tar-riskji.

60

Barra minn hekk, din l-istess skema hija wkoll suġġetta għall-kontroll mill-Istat. Fil-fatt, l-attività ta’ korpi ta’ assigurazzjoni fi ħdan din l-iskema hija kkontrollata minn awtorità regolatorja li tiżgura li l-imsemmija korpi josservaw il-qafas leġiżlattiv u li tintervjeni f’każ ta’ ksur.

61

Il-preżenza ta’ elementi kompetittivi fil-kuntest ta’ skema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka għandha, fir-rigward tal-elementi soċjali, ta’ solidarjetà u regolatorji tagħha, aspett sekondarju li, kif ġie espost fil-punti 41 sa 50 ta’ din is-sentenza, ma jistax ibiddel in-natura ta’ din l-iskema. Fil-fatt, il-possibbiltà, għall-korpi ta’ assigurazzjoni, li jikkompetu bejniethom la tista’ tirrigwarda l-ammont tal-kontribuzzjonijiet u lanqas il-benefiċċji legali obbligatorji, b’tali mod li dawn il-korpi jistgħu biss jiddifferenzjaw ruħhom, b’mod residwu u anċillari meta mqabbla ma’ dawn il-benefiċċji tal-aħħar, fir-rigward tal-portata u tal-kwalità tal-offerta.

62

Barra minn hekk u fuq kollox, mill-premessa 94 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-possibbiltà, għall-korpi ta’ assigurazzjoni, li jfittxu, li jużaw u li jiddistribwixxu profitti hija rregolata b’mod strett mil-liġi, peress li l-obbligi legali għandhom l-għan li jippreżervaw il-vijabbiltà u l-kontinwità tal-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja. Bl-istess mod, ir-rekwiżit impost fuq il-korpi ta’ assigurazzjoni attivi fl-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka li jkollhom il-forma legali ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata bi skop ta’ lukru rregolata mid-dritt privat u l-ftuħ ta’ din l-iskema għal korpi ta’ assigurazzjoni kkontrollati minn entitajiet privati huma intiżi, skont il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 13 ta’ din id-deċiżjoni, sabiex isaħħu l-użu effikaċi tal-mezzi disponibbli u l-kwalità tal-kura tas-saħħa. Għalhekk jidher li dawn l-elementi bħal-libertà tar-residenti Slovakki li jagħżlu l-korp ta’ assigurazzjoni għall-mard tagħhom u li jibdluh darba fis-sena ġew introdotti fl-interess tal-funzjonament tajjeb tal-imsemmija skema u, għaldaqstant, ma jdaħħlux inkwistjoni n-natura mhux ekonomika tagħha.

63

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka għandha għan soċjali u timplimenta l-prinċipju ta’ solidarjetà taħt il-kontroll mill-Istat, mingħajr il-ħtieġa li l-elementi identifikati fiż-żewġ punti preċedenti jkunu ta’ natura li jinvalidaw din il-konklużjoni.

64

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha raġun ukoll meta qieset li l-attività ta’ SZP u ta’ VšZP fi ħdan din l-iskema ma kinitx ta’ natura ekonomika u, minħabba f’hekk, li dawn il-korpi ma setgħux jiġu kklassifikati bħala impriżi, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

65

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors tal-ewwel istanza għandhom jiġu miċħuda sa fejn, permezz tagħhom, Dôvera ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “attività ekonomika”.

66

Fir-rigward tal-bqija, fil-kuntest tat-tieni motiv, Dôvera ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-kunsiderazzjoni tagħha li l-mekkaniżmu ta’ ugwalizzazzjoni tal-ispejjeż u tar-riskji kien element sinjifikattiv favur in-natura mhux ekonomika tal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka.

67

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun ġie adottat f’kuntest magħruf mill-persuni kkonċernati (sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 79).

68

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessi 25 u 87 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li l-mekkaniżmu ta’ ugwalizzazzjoni inkwistjoni kien jiżgura t-tqassim tar-riskji ta’ assigurazzjoni, li seta’ jsaħħaħ in-natura ta’ solidarjetà tal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja Slovakka. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li Dôvera, fil-kwalità tagħha bħala korp ta’ assigurazzjoni suġġett għal dan il-mekkaniżmu, neċessarjament kienet taf bil-funzjonament tiegħu, il-motivazzjoni li tinsab f’din id-deċiżjoni pprovditilha l-indikazzjonijiet suffiċjenti sabiex tkun tista’ tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni.

69

Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud ukoll.

70

Peress li l-ebda wieħed mill-motivi tar-rikors fil-Kawża T‑216/15 ma ntlaqa’, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

71

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

72

Skont l-Artikolu 138(1) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

73

F’dan il-każ, peress li Dôvera tilfet u l-Kummissjoni talbet li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-Kummissjoni relatati ma’ dawn l-appelli u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, peress li r-Repubblika Slovakka talbet li Dôvera tiġi kkundannata għall-ispejjeż, din għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tar-Repubblika Slovakka relatati ma’ dawn l-appelli.

74

Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn l-istess regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fit-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Finlandja, intervenjenti fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati ma’ dawn il-proċeduri. Barra minn hekk, bħala intervenjenti fil-kuntest tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Slovakka għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati ma’ din il-proċedura.

75

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, intervenjent fl-ewwel istanza jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura fl-appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tali intervenjent jipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li huwa għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. Konformement mal-Artikolu 140(3) tal-imsemmija regoli tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi preċedenti tal-istess artikolu, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi deċiż li Union għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti fil-kuntest ta’ dawn l-appelli u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑5 ta’ Frar 2018, Dôvera zdravotná poist’ovňa vs Il‑Kummissjoni (T‑216/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:64), hija annullata.

 

2)

Ir-rikors ippreżentat minn Dôvera zdravotná poist’ovňa, a.s. fil-Kawża T‑216/15 huwa miċħud.

 

3)

Dôvera zdravotná poisťovňa, a.s. hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ dawn l-appelli u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u għall-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri. Barra minn hekk, Dôvera zdravotná poisťovňa hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika Slovakka fil-kuntest ta’ dawn l-appelli.

 

4)

Ir-Repubblika Slovakka għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

5)

Union zdravotná poisťovňa, a.s. għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti fil-kuntest ta’ dawn l-appelli u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

6)

Ir-Repubblika tal-Finlandja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti fil-kuntest ta’ dawn l-appelli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.