KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fl‑4 ta’ Lulju 2024 ( 1 )

Kawża C‑295/23

Halmer Rechtsanwaltsgesellschaft UG

vs

Rechtsanwaltskammer München,

fil-preżenza ta’:

SIVE Beratung und Beteiligung GmbH,

Daniel Halmer

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Anwaltsgerichtshof (il-Bord Dixxiplinari ta’ Bayern, il-Ġermanja))

“Proċedura għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Libertà ta’ stabbiliment– Direttiva 2006/123/KE – Sehem ta’ kumpannija kummerċjali fil-kapital ta’ kumpannija professjonali ta’ avukati – Revoka tal-iskrizzjoni fil-kamra tal-avukati tal-kumpannija professjonali ta’ avukati minħabba dan is-sehem”

1.

Il-kawża li wasslet għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk kumpannija Awstrijaka, li ma hijiex awtorizzata tipprovdi servizzi ta’ konsulenza legali, hijiex awtorizzata takkwista parti mill-kapital azzjonarju ta’ kumpannija professjonali ta’ avukati li topera fil-Ġermanja.

2.

Il-kontroversja seħħet minħabba l-fatt li r-Rechtsanwaltskammer München (il-Kamra tal-Avukati ta’ München, iktar ’il quddiem, il-“Kamra”), tipprojbixxi dan l-akkwist, peress li ma huwiex konformi mar-regoli dwar il-professjoni ta’ avukat fil-Ġermanja ( 2 ). Skont din tal-aħħar, huma ammessi għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat il-kumpanniji ta’ avukati li għandhom il-forma ġuridika ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju, li fihom ma jistgħux jipparteċipaw persuni li ma jeżerċitawx ċerti professjonijiet.

3.

Sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tintalab tiddeċiedi:

–

Meta investiment f’kapital jinkludi ċertu livell ta’ influwenza fuq il-ġestjoni ta’ kumpannija ta’ avukati, l-analiżi tagħha għandha ssir fid-dawl ta’ waħda, jew l-oħra, mil-libertajiet fundamentali tat-Trattat FUE u, jekk ikun il-każ, tad-Direttiva 2006/123/KE ( 3 ).

–

Jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi lill-avukati u lill-membri ta’ ċerti professjonijiet (iżda mhux lil oħrajn) is-sehem f’kumpanniji ta’ avukati, filwaqt li tiġi rriżervata f’kull każ għall-avukati l-maġġoranza tal-kapital u tal-voti, hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

I. Il‑kuntest ġuridiku

A. Id‑dritt tal-Unjoni. Id‑Direttiva 2006/123

4.

Il-premessa 73 tiddikjara li:

“Ir-rekwiżiti li jridu jiġu eżaminati jinkludu r-regoli nazzjonali li, fuq bażijiet barra minn dawk relatati mal-kwalifiki personali, jirriżervaw aċċess għal ċerti attivitajiet lill-fornituri partikolari. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu wkoll obbligi fuq fornitur li jieħu forma legali speċifika, b’mod partikolari biex ikun persuna legali, kumpannija b’sid individwali, organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt jew kumpannija li s-sidien tagħha huma biss persuni naturali, u rekwiżiti li jirrelataw ma’ ishma ta’ kumpannija, b’mod partikolari obbligi li jżommu ammont minimu ta’ kapital għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi jew biex ikollhom kwalifikazzjoni speċifika sabiex iżżommu il-kapital f’ishma fiha jew biex jamministraw ċerti kumpanniji […].”

5.

Il-premessa 77 tistipula li:

“Fejn operatur jivjaġġa fi Stat Membru ieħor biex jeżerċita l-attività ta’ servizz hemmhekk, għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet koperti mil-libertà ta’ l-istabbiliment u dawk koperti, minħabba n-natura temporanja ta’ l-attivitajiet ikkonċernati, mill-moviment liberu tas-servizzi. F’dak li għandu x’jaqsam mad-distinzjoni bejn il-libertà ta’ l-istabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi […] l-element prinċipali hija jekk l-operatur hux stabblit jew le fl-Istat Membru fejn jipprovdi s-servizz ikkonċernat. Jekk l-operatur huwa stabbilit fl-Istat Membru fejn jipprovdi s-servizzi tiegħu, hu għandu jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ l-istabbiliment. Jekk, mill-banda l-oħra, l-operatur mhux stabbilit fl-Istat Membru fejn is-servizzi huwa pprovdut, l-attivitajiet tiegħu għandhom ikunu koperti mill-moviment liberu tas-servizzi. […] [I]n-natura temporanja ta’ l-attivitajiet imsemmijin iridu jiġu determinati fid-dawl mhux biss tat-tul tal-proviżjoni tas-servizz, iżda wkoll tar-regolarità, tan-natura perjodika jew tal-kontinwità tagħha. […]”.

6.

Il-premessa 88 tiddikjara li:

“Id-dispożizzjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ma għandhiex tapplika f’każijiet fejn, skond il-liġi Komunitarja, attività hija riservata fi Stat Membru għal professjoni partikolari, per eżempju rekwiżiti li jirriżervaw l-għotja ta’ pariri legali għall-avukati.”

7.

Skont l-Artikolu 3 (“Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja”):

“1.   Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi. Dawn jinkludu:

[…].”

8.

L-Artikolu 4 (“Definizzjonijiet”) jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

8)

‘ir-raġunijiet aktar importanti fir-rigward ta’ l-interess pubbliku’ tfisser ir-raġunijiet rikonoxxuti bħala tali fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi dawn ir-raġunijiet li ġejjin: politika pubblika, sigurtà pubblika; […] il-protezzjoni tal-konsumatur; riċevituri ta’ servizzi […];

9)

‘l-awtorità kompetenti’ tfisser kull korp jew awtorità li għandha rwol ta’ superviżjoni jew regolatorju fi Stat Membru f’relazzjoni ma’ l-attivitajiet ta’ servizz, li jinkludu, b’mod partikolari, l-awtoritajiet amministrattivi, inklużi qrati li jaġixxu bħala tali, il-korpi professjonali, u dawk l-assoċjazzjonijiet professjonali jew organizzazzjonijiet professjonali oħrajn li, fl-eżerċizzju ta’ l-awtonomija legali tagħhom, jirregolaw b’mod kollettiv l-aċċess għall-attivitajiet tas-servizz jew l-eżerċizzju tagħhom;

[…]

11)

‘professjoni regolata’ tfisser attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28 u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115)];

[…]”.

9.

L-Artikolu 9 (“Skemi ta’ awtorizzazzjoni”) jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

a)

l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat;

b)

il-ħtieġa għal skema ta’ awtorizzazzjoni hi ġġustifikata minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

ċ)

l-objettiv segwit ma jistax jinkiseb b’mezzi inqas ristrettivi, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori isseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiv[a].

2.   Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 39(1), l-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni tagħhom u jagħtu raġunijiet li juru l-kompatibbiltà tagħhom mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Din is-sezzjoni m’għandhiex tapplika għal dawk l-aspetti ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni li huma regolati direttament jew indirettament minn strumenti Komunitarji oħrajn”.

10.

Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 11 (“Perjodu ta’ awtorizzazzjoni”), jipprovdi li:

“Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-abiltà ta’ l-Istati Membri biex jirrevokaw l-awtorizzazzjonijiet, meta l-kondizzjonijiet għal awtorizzazzjoni ma jibqgħux jiġu sodisfatti.”

11.

L-Artikolu 15 (“Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati”) jindika li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:

[…]

(ċ) rekwiżiti li huma relatati mal-proprjetà f’ishma ta’ kumpannija;

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

b)

bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.

[…]”.

12.

L-Artikolu 25 (“Attivitajiet multidixxiplinari”) jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ma jkunux issuġġettati għal rekwiżiti li jobbligawhom jeżerċitaw xi attività speċifika esklużivament jew li jirristrinġu l-eżerċizzju konġunt jew bi sħab ta’ attivitajiet differenti.

Madankollu, il-fornituri li ġejjin jistgħu jkunu soġġetti għal dawn ir-rekwiżiti:

a)

il-professjonijiet regolati, sa fejn huwa ġustifikat sabiex jiggarantixxu l-konformità mar-regoli dwar l-etika u l-kondotta professjonali, li tvarja skond in-natura speċifika ta’ kull professjoni, u meħtieġ sabiex tkun żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom;

[…]

2.   Fejn ikunu awtorizzati attivitajiet multidixxiplinari bejn il-fornituri msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:

a)

li konflitti ta’ interess u inkompatibbiltajiet bejn ċertu attivitajiet jiġu evitati;

b)

li l-indipendenza u l-imparzjalità meħtieġa għal ċertu attivitajiet tkun żgurata;

ċ)

li r-regoli dwar l-etika u l-kondotta professjonali għall-attivitajiet differenti jkunu kompatibbli ma’ xulxin, speċjalment fir-rigward ta’ kwistjonijiet tas-sigriet professjonali.

[…].”

B. Il-liġi nazzjonali. BRAO

13.

L-Artikolu 59a kien jipprevedi li ( 4 ):

“(1)   L-avukati jistgħu jassoċjaw ruħhom mal-membri tal-kamra tal-avukati, mal-konsulenti tal-privattivi, mal-konsulenti fiskali, mal-mandatarji fiskali, mal-awdituri uffiċjali u mal-kontabbilisti iċċertifikati sabiex jeżerċitaw il-professjoni tagħhom b’mod konġunt fil-kuntest tal-kompetenzi professjonali rispettivi tagħhom. […]

(2)   L-avukati jistgħu wkoll jeżerċitaw il-professjoni tagħhom b’mod konġunt:

1.

mal-membri tal-professjoni ta’ avukati ta’ Stati oħra li […] huma awtorizzati jistabbilixxu ruħhom skont il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi u li għandhom l-uffiċċju tagħhom barra mill-pajjiż,

2.

mal-mal-konsulenti tal-privattivi, mal-konsulenti fiskali, mal-mandatarji fiskali, mal-awdituri uffiċjali u mal-kontabbilisti iċċertifikati ta’ Stati oħra li jeżerċitaw professjoni ekwivalenti, f’termini ta’ taħriġ u ta’ kompetenzi, għall-professjonijiet imsemmija fil-Pastentanwaltsordnung [ir-Regolament dwar il-Konsulenti tal-Privattivi], is-Steuerberatungsgesetz [il-Liġi dwar il-Konsulenti Fiskali] jew il-Wirtschaftsprüferordnung [ir-Regolament dwar il-Kontabbilisti Ċertifikati], u li jistgħu jeżerċitaw il-professjonijiet tagħhom flimkien mal-konsulenti tal-privattivi, il-konsulenti fiskali, l-awdituri uffiċjali u l-kontabbilisti iċċertifikati fis-sens tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi.

[…]”.

14.

L-Artikolu 59c kien jippermetti l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat minn kumpanniji ta’ avukati fil-forma ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju.

15.

L-Artikolu 59e kien jipprevedi li:

“(1)   Huma biss l-avukati u l-membri tal-professjonijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 59a(1) u (2) li jistgħu jkunu membri ta’ kumpannija ta’ avukati. Dawn għandhom jeżerċitaw attività professjonali fi ħdan il-kumpannija ta’ avukati. […]

(2)   Il-biċċa l-kbira tal-ishma u tad-drittijiet tal-vot għandhom jinżammu mill-avukati. Sakemm il-membri ma jkunux awtorizzati jeżerċitaw waħda mill-professjonijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, mhux ser ikollhom id-dritt tal-vot.

(3)   L-ishma fil-kumpannija ta’ avukati ma għandhomx jinżammu f’isem terzi, u t-terzi ma għandhomx jipparteċipaw fil-profitti tal-kumpannija ta’ avukati.

(4)   Il-membri jistgħu jagħtu mandat biss għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-membri lill-membri li għandhom id-dritt tal-vot u li jappartjenu għall-istess professjoni jew li jkunu avukati.”

16.

L-Artikolu 59f kien jipprovdi li:

“(1)   Il-kumpannija ta’ avukati għandha tkun immexxija b’mod responsabbli minn avukati. L-amministraturi għandhom ikunu, fil-parti l-kbira, avukati.

(2)   Huma biss il-persuni awtorizzati li jeżerċitaw professjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 59e(1) li jistgħu jkunu amministraturi.

[…]

(4)   L-indipendenza tal-avukati li huma amministraturi jew mandatarji fis-sens tal-paragrafu 3, għandha tiġi ggarantita fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom ta’ avukat. Għandhom ikunu pprojbiti l-influwenzi eżerċitati mill-membri, b’mod partikolari permezz ta’ istruzzjonijiet jew rabtiet kuntrattwali.”

II. Il‑fatti, il-kawża u d‑domandi preliminari

17.

Halmer Rechtsanwaltsgesellschaft UG (iktar ’il quddiem, “Halmer UG”) hija kumpannija ta’ avukati li teżerċita l-attivitajiet tagħha fil-Ġermanja fil-forma ta’ haftungsbeschränkte Unternehmergesellschaft (kumpannija intraprenditorjali b’responsabbiltà limitata). Fil-bidu, id-direttur u s-soċju uniku tagħha kien is-Sur Halmer.

18.

Permezz ta’ kuntratt iffirmat fil31 ta’ Marzu 2021, 51 ishma minn 100 tas-Sur Halmer ġew ittrasferiti lil SIVE Beratung und Beteiligung GmbH (iktar ’il quddiem, “SIVE”), kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Awstrijak li ma hijiex awtorizzata tagħti konsulenza legali, la fil-Ġermanja u lanqas fl-Awstrija. Fl-istess ħin, l-istatuti ta’ Halmer UG ġew emendati sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-amministrazzjoni tal-kumpannija, li kienet irriżervata għall-avukati.

19.

Fid‑19 ta’ Mejju 2021, il-Kamra kkomunikat lil Halmer UG li, skont il-BRAO, b’mod partikolari l-Artikoli 59(a) et seq tiegħu, it-trasferiment tal-ishma lil SIVE ma kienx legali, u għalhekk, għandha titħassar l-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat mogħtija lil Halmer UG sakemm inżamm tali trasferiment.

20.

Fis‑26 ta’ Mejju 2021, Halmer UG ikkomunikat lill-Kamra li dan it-trasferiment kien ser jinżamm, u stednitha tieħu deċiżjoni.

21.

Fid‑9 ta’ Novembru 2021, il-Kamra ħassret l-awtorizzazzjoni ta’ Halmer UG.

22.

Fis‑26 ta’ Novembru 2021, Halmer UG ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kamra quddiem il-Bayerischer Anwaltsgerichtshof (il-Bord Dixxiplinari tal-Avukati ta’ Bayern, il-Ġermanja), u ddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari li ġejjin:

“[1.]

L-obbligu, previst fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li kumpannija ta’ avukati titħassar mir-reġistru tal-avukati jikkostitwixxi restrizzjoni inammissibbli għad-dritt għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE f’sitwazzjoni fejn:

[a)]

sehem fil-kumpannija ta’ avukati jiġi ttrasferit lil persuna li ma tissodisfax ir-rekwiżiti professjonali partikolari marbuta mal-akkwist ta’ sehem skont id-dritt tal-Istat Membru? Skont dawn ir-rekwiżiti, sehem f’kumpannija ta’ avukati jista’ jiġi akkwistat biss minn avukat jew minn membru ieħor ta’ kamra tal-avukati, minn avukat konsulent fil-qasam tal-privattivi, minn konsulent fiskali, minn mandatarju fiskali, minn awditur uffiċjali jew minn kontabbilist iċċertifikat, minn membru tal-professjoni ta’ avukat ta’ Stat ieħor awtorizzat jeżerċita l-attività ta’ konsulent legali fit-territorju nazzjonali, jew minn avukat konsulent fil-qasam tal-privattivi, minn konsulent fiskali, minn mandatarju fiskali, minn awditur uffiċjali jew minn kontabbilist iċċertifikat ta’ Stat ieħor awtorizzat jeżerċita din l-attività fit-territorju nazzjonali, jew minn tabib jew spiżjar,

[b)]

membru jissodisfa r-rekwiżiti partikolari msemmija fil-punt 1.1 iżda ma jeżerċitax attività professjonali fil-kumpannija ta’ avukati?

[c)]

minħabba t-trasferiment ta’ sehem wieħed jew iktar jew ta’ dritt ta’ vot wieħed jew iktar, il-maġġoranza tagħhom ma jibqgħux miżmuma minn avukati?

[2.]

Il-fatt li membru li ma jkunx awtorizzat jeżerċita professjoni fis-sens tal-punt 1.1 ma jkollux dritt ta’ vot jikkostitwixxi restrizzjoni inammissibbli għad-dritt tal-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE f’sitwazzjoni fejn l-istatut tal-kumpannija jinkludi klawżoli maħsuba li jipproteġu l-indipendenza tal-avukati u tal-attività ta’ avukat tal-kumpannija, billi jiggarantixxu li l-kumpannija tkun irrappreżentata esklużivament minn avukati bħala diretturi jew mandatarji, fejn il-membri u l-assemblea tal-membri jkunu pprojbiti milli jeżerċitaw influwenza fuq il-ġestjoni tal-kumpannija permezz ta’ istruzzjonijiet jew indirettament permezz tat-theddida ta’ riperkussjonijiet, fejn id-deċiżjonijiet tal-membri li jmorru kontra dawn id-dispożizzjonijiet huma mingħajr effett u fejn l-obbligu tas-sigriet professjonali tal-avukati huwa estiż għall-membri u għall-persuni mogħtija mandat minnhom?

[3.]

Ir-restrizzjonijiet imsemmija [fil-punt 1(a) u 2] jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(3)(a) sa (ċ) tad-[Direttiva 2006/123] […] sabiex jiġu kkunsidrati li huma restrizzjonijiet ammissibbli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi?

[4.]

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-dritt tar-rikorrenti għal-libertà ta’ moviment tal-kapital (fis-sens tal-ewwel u tat-tieni domanda) ma huwiex affettwat u li ma hemmx ksur tad-Direttiva 2006/123 [fil-punt [3]]:

Ir-restrizzjonijiet imsemmija fl-ewwel u fit-tieni domanda jiksru d-dritt [ta’ SIVE] għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE?”

III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

23.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Mejju 2023.

24.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Halmer UG u minn SIVE, mill-Kamra tal-Avukati, mill-Gvern Ġermaniż, Awstrijak, Spanjol u dak Franċiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Kollha kemm huma, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Franċiż, dehru, flimkien mal-Gvern Kroat u dak Sloven, waqt is-seduta pubblika li nżammet fit‑30 ta’ April 2024.

IV. Analiżi

A. Kunsiderazzjonijiet preliminari

25.

Il-qorti tar-rinviju ( 5 ) hija kkonfrontata b’kawża li għandha bħala suġġett it-tħassir tal-awtorizzazzjoni mogħtija lil kumpannija ta’ avukati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat.

26.

Skont il-Kamra, il-kumpannija ta’ avukati li l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet irrevokata ma kkonformatx ruħha, bil-mod mistenni, mar-rekwiżiti imposti mill-BRAO; b’mod partikolari:

–

Il-membri għandhom ikunu avukati jew jeżerċitaw ċerti professjonijiet liberi.

–

Il-membri għandhom jeżerċitaw attività professjonali fi ħdan il-kumpannija ta’ avukati.

–

Il-maġġoranza tal-ishma u tad-drittijiet tal-vot għandhom jappartjenu lill-avukati.

27.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk dawn ir-rekwiżiti, imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali:

–

Jirrestrinġux indebitament il-moviment liberu tal-kapital iggarantit mill-Artikolu 63(1) TFUE.

–

Ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet li, skont id-Direttiva 2006/123, jiġġustifikaw indħil fl-aċċess jew fl-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizzi.

–

Sussidjarjament, jippreġudikawx il-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE.

28.

Sa fejn il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tagħti prevalenza lill-Artikolu 63 TFUE, tagħmel id-domandi tagħha wkoll fir-rigward tal-Artikolu 49 TFUE u tad-Direttiva 2006/123, għandu jiġi identifikat, minn qabel, liema hija l-libertà direttament affettwata.

29.

Inqis li huwa possibbli li tingħata risposta waħda lill-qorti tar-rinviju li tkopri d-domandi kollha tagħha.

B. Libertajiet kompromessi f’din il-kawża

1.   Moviment liberu tal‑kapital jew libertà ta’ stabbiliment?

30.

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għal ishma miksuba biss bl-intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li jiġu influwenzati l-ġestjoni u l-kontroll tal-kumpannija, għandhom jiġu eżaminati esklużivament fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 63 TFUE) ( 6 ).

31.

B’kuntrast ma’ dan, leġiżlazzjoni nazzjonali “li hija intiża sabiex tapplika biss għall-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha” taqa’ taħt l-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment ( 7 ).

32.

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-libertà inkwistjoni f’din il-kawża hija dik tal-moviment tal-kapital. Hija tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li 51 % tal-ishma ta’ Halmer UG ġew ittrasferiti lil SIVE, iżda tqis li waħdu, dan l-element ma jfissirx li SIVE tinsab f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq Halmer UG.

33.

Għall-qorti tar-rinviju:

–

L-influwenza determinanti ma hijiex biss marbuta mal-volum tal-ishma, iżda wkoll mas-sistema ta’ funzjonament tal-kumpannija kif tirriżulta mill-istatuti tagħha.

–

L-istatuti ta’ Halmer UG, emendati sabiex jippermettu t-trasferiment ta’ ishma lil SIVE, ma jippermettux lil din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-kumpannija ta’ avukati ( 8 ).

–

Għaldaqstant, dan huwa investiment imsejjaħ “tal-portfoll”, jiġifieri mwettaq bl-għan uniku li jipprovdi kapital, mingħajr l-intenzjoni li jinfluwenza l-ġestjoni u l-kontroll tal-impriża ( 9 ).

34.

Il-volum ta’ sehem fil-kapital azzjonarju huwa element rilevanti sabiex tiġi evalwata l-influwenza li l-pussess tiegħu jagħti lid-detentur tal-investiment. Ma huwiex biżżejjed, madankollu, li jiġi konkluż, waħdu, li l-maġġoranza tal-kapital azzjonarju tattribwixxi influwenza effettiva fuq il-kumpannija ( 10 ). Għall-kuntrarju, din l-influwenza tista’ tinkiseb anki permezz ta’ sehem iżgħar ( 11 ).

35.

Iż-żamma ta’ 51 % tal-kapital azzjonarju ta’ Halmer UG minn SIVE huwa fattur li jista’, eventwalment, jiġi bbilanċjat minn oħrajn, sal-punt li jiġi eskluż il-fatt li SIVE teżerċita influwenza effettiva fuq l-attività ta’ Halmer UG. L-emendi tal-istatuti deskritti mill-qorti tar-rinviju ( 12 ) saru f’dan is-sens.

36.

Din hija kwistjoni li għandha tiġi evalwata u deċiża mill-qorti tar-rinviju. Jekk, kif jidher li jirriżulta mit-termini tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-investiment imwettaq minn SIVE huwa limitat għas-sempliċi kontribuzzjoni ta’ kapital mingħajr pretensjonijiet ta’ effett fuq il-ġestjoni, l-analiżi għandha tiġi kkonċentrata fuq l-Artikolu 63 TFUE.

37.

Madankollu, l-analiżi ma tistax tibqa’ tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti tal-investiment imwettaq, iżda trid tqis l-approċċ iktar ġenerali u astratt tal-għan tar-regola inkwistjoni.

38.

Kif jenfasizzaw il-Gvern Ġermaniż, Awstrijak, Spanjol u Franċiż, ir-regola applikata hawnhekk tirrigwarda l-aċċess għall-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat ( 13 ). Dan huwa l-kriterju predominanti fl-identifikazzjoni tal-libertà inkwistjoni.

39.

Il-BRAO jagħmel parti minn numru ta’ atti li huma intiżi, fost oħrajn, sabiex jiggarantixxu l-indipendenza professjonali tal-avukati. B’din l-intenzjoni, huwa jeskludi li jiġu integrati f’kumpanniji ta’ avukati persuni li għandhom interess purament ekonomiku u ma jkunux suġġetti għar-regoli deontoloġiċi tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat ( 14 ).

40.

Il-leġiżlatur Ġermaniż ma jixtieqx li investituri li ma għandhomx x’jaqsmu mal-professjoni ta’ avukat (bl-eċċezzjoni tal-membri ta’ ċerti professjonijiet kolleġġjali li l-BRAO iqis li huma komparabbli magħha) jeżerċitaw l-iċken influwenza, u mhux biss influwenza determinanti, fil-funzjonament ta’ kumpannija ta’ avukati ( 15 ).

41.

Skont il-liġi nazzjonali, investiment ta’ kapital f’kumpannija ta’ avukati impost fuq persuni li ma għandhomx x’jaqsmu mal-professjoni ta’ avukat (jew li ma għandhomx x’jaqsmu mal-professjonijiet komparabbli magħha), għandu għalhekk influwenza tali li jiżnatura l-eżerċizzju ta’ din il-professjoni.

42.

Il-projbizzjoni għall-persuni li ma humiex avukati (jew li jeżerċitaw professjoni paragunabbli, skont il-liġi nazzjonali) milli jittrasferixxu kapital lil dawn il-kumpanniji, tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE), libertà li tidher li hija prinċipalment affettwata.

43.

Fid-dawl ta’ dawn il-premessi, l-eventwali preġudizzju għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-kapital jikkostitwixxi biss effett kollaterali u sekondarju ta’ leġiżlazzjoni, li l-għan prinċipali tagħha huwa ta’ natura oħra. Din il-leġiżlazzjoni tillimita kunsiderevolment l-istabbiliment tal-operaturi ekonomiċi permezz ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju awtorizzati sabiex jipprovdu s-servizzi ta’ konsulenza legali rriżervati għall-avukati.

44.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, eżami awtonomu ta’ tali leġiżlazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 63 TFUE, ma huwiex indispensabbli.

2.   L‑Artikolu 49 TFUE jew id‑Direttiva 2006/123?

45.

L-istadju segwenti huwa li jiġi ddeterminat jekk ir-regola inkwistjoni għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE jew tad-Direttiva 2006/123.

46.

Id-Direttiva 2006/123 tinkludi d-dispożizzjonijiet ġenerali neċessarji sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri ta’ servizzi (Artikolu 1(1)).

47.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti prijorità ġenerali lid-Direttiva 2006/123: meta restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ma hemmx lok li din tiġi eżaminata wkoll fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE ( 16 ).

48.

Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni għandhom jiġu pparagunati mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123, li tapplika, bħala prinċipju, għas-servizzi legali pprovduti mill-avukati ( 17 ).

49.

Madankollu, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123, fil-każ ta’ kunflitt, jipprevalu d-dispożizzjonijiet ta’ att ieħor tal-Unjoni “li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi.”

50.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea adotta d-Direttiva 77/249/KEE ( 18 ) u d-Direttiva 98/5/KE ( 19 ) sabiex jiffaċilita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew l-eżerċizzju permanenti tal-professjoni ta’ avukat fl-Istati Membri. Dawn id-direttivi ma fihomx dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-akkwist ta’ ishma jew l-eżerċizzju ta’ drittijiet tal-vot f’kumpanniji ta’ avukati.

51.

Id-Direttiva 98/5 tqis li “huwa mingħajr preġudizzju partikolarment għal-leġislazzjoni nazzjonali li tirregola l-aċċess għal u l-prattika tal-professjoni ta’ avukat […] ( 20 ).” B’mod partikolari, l-Artikolu 11 tagħha, dwar il-“prattika bi sħab” tal-avukati, jippresupponi li l-Istati Membri jistgħu jew ma jistgħux jippermettu din il-modalità ta’ eżerċizzju tal-attività professjonali.

52.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li “fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji speċifiċi f’dan il-qasam, bħala regola, kull Stat Membru jibqa’ ħieles li jirregola l-mod kif il-professjoni ta’ avukat tiġi eżerċitata fit-territorju tiegħu […]. Minħabba dan, jista’ jkun hemm differenza kbira fir-regoli applikabbli għal din il-professjoni minn Stat Membru għall-ieħor ( 21 ).”

53.

Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jgawdu, għalhekk, minn libertà li jaċċettaw li l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat isir permezz ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju. Skont il-kunċett tiegħu tal-professjoni ta’ avukat kif ukoll tar-raġunijiet ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw id-deċiżjoni korrispondenti, inqis, b’differenza mill-Kummissjoni, li l-Istati Membri jistgħu sempliċement jipprojbixxu tali modalità kollettiva ta’ eżerċizzju professjonali ( 22 ).

54.

Bl-istess mod (fl-assenza ta’ armonizzazzjoni ta’ dan il-qasam speċifiku fid-dritt attwali tal-Unjoni), l-Istati li jiddikjaraw li huma favorevoli għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat permezz ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju huma awtorizzati li jimponu ċerti kundizzjonijiet għall-iżvilupp u għall-funzjonament ta’ dawn il-kumpanniji ( 23 ).

55.

Madankollu, sa mill-ammissjoni tad-differenzi bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam ( 24 ), jekk Stat Membru jagħti l-kunsens tiegħu għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat permezz ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju, bħalma huwa l-każ hawnhekk, ir-restrizzjonijiet li jimponi għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad-Direttiva 2006/123.

56.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet għażlet, nirrepeti, li sempliċement teskludi l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat permezz ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju, mingħajr ma tippreġudika l-libertajiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni. Iżda, jekk tawtorizza l-kostituzzjoni u l-istabbiliment ta’ dan it-tip ta’ kumpanniji, ir-restrizzjonijiet li jillimitaw l-eżerċizzju liberu tal-attività tagħhom għandhom ikunu konformi, b’mod partikolari, mad-Direttiva 2006/123, u li għandhom jiġu evalwati fid-dawl tagħha.

57.

Din l-evalwazzjoni ser tiddetermina: a) jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxux restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment; u (b) jekk tintwera n-natura restrittiva tagħhom, dawn għandhom ikunu debitament iġġustifikati.

C. Analiżi tar‑restrizzjoni

1.   L‑eżistenza tar-restrizzjoni

58.

Ir-restrizzjoni tirriżulta mill-kundizzjonijiet imposti mill-BRAO għas-sehem f’kumpannija ta’ avukati. Il-qorti tar-rinviju tispjegahom b’dan il-mod:

–

Il-parteċipant għandu jkun avukat konsulent fil-qasam tal-privattivi, konsulent fiskali, mandatarju fiskali, awditur uffiċjali jew kontabbilist iċċertifikat ( 25 ), tabib jew spiżjar ( 26 ).

–

Il-maġġoranza tal-kapital tal-kumpannija għandha tkun miżmuma minn avukati.

–

Il-parteċipant għandu jeżerċita attività professjonali fi ħdan il-kumpannija.

–

Il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot għandhom ikunu rriżervati għall-avukati.

59.

Ma naħsibx li hemm dubju dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment f’din il-kawża. L-applikazzjoni tal-BRAO tipprekludi lil SIVE milli tistabbilixxi ruħha bħala membru fi ħdan kumpannija (Halmer UG) li tipprovdi servizzi rriżervati għall-avukati. SIVE ma tistax takkwista ishma f’Halmer UG, għaliex inkella lil din tal-aħħar titħassar l-awtorizzazzjoni, kif kien il-każ, sabiex teżerċita l-professjoni ta’ avukat.

2.   Ġustifikazzjoni għar‑restrizzjoni

60.

Ir-restrizzjoni għandha tkun suġġetta għall-kontroll li jirriżulta mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123, li l-paragrafu 2(ċ) tiegħu jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jevalwaw ir-rekwiżiti “li huma relatati mal-proprjetà f’ishma ta’ kumpannija”, sabiex jivverifikaw jekk dawn jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 tiegħu ( 27 ).

61.

Il-kundizzjonijiet fl-imsemmi paragrafu 3, essenzjalment jistipulaw li r-rekwiżiti imposti, (a) ma għandhomx ikunu diskriminatorji abbażi tan-nazzjonalità jew tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija; (b) għandhom ikunu ġġustifikati minn raġuni iktar importanti li għandha x’taqsam mal-interess pubbliku; u (ċ) għandhom “ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.”

62.

Dawn il-kundizzjonijiet jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-restrizzjonijiet għal-libertajiet ta’ moviment protetti mill-Artikoli 49 u 63 TFUE. Din iċ-ċirkustanza tirrelativizza, fil-parti l-kbira tagħha, id-diskussjoni dwar l-identifikazzjoni tal-libertà konkretament ikkonċernata fil-kawża ineżami.

a)   Nondiskriminazzjoni

63.

Ir-restrizzjoni kkontestata ma tirrigwardax, direttament jew indirettament, in-nazzjonalità jew l-uffiċċju rreġistrat tal-persuni kkonċernati, iżda tapplika l-istess mod għaċ-ċittadini u għall-barranin. Għalhekk hija konformi mal-Artikolu 15(3)(a) tad-Direttiva 2006/123.

b)   Raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

64.

L-istess japplika għall-ġustifikazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 15(3)(b) tad-Direttiva 2006/123. Il-motivi li, skont il-qorti tar-rinviju, huma l-bażi tar-regoli tal-BRAO, jistgħu jiġu kklassifikati bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

65.

Fil-fatt, ir-restrizzjoni hija intiża sabiex tiżgura, minn naħa, l-indipendenza tal-avukati, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-osservanza tal-prinċipju ta’ trasparenza u l-protezzjoni tas-sigriet professjonali ( 28 ) u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-konsumaturi ta’ servizzi legali ( 29 ).

66.

B’mod iktar preċiż, u kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-leġiżlatur nazzjonali identifika dak iż-żmien bħala għanijiet tal-miżura s-salvagwardja: a) il-indipendenza professjonali tal-avukati; b) l-osservanza tar-regoli li jirregolaw il-professjoni; c) il-kwalità tas-servizzi; u, d) il-protezzjoni tal-partijiet fil-kawża ( 30 ).

67.

Dawn huma kollha ġustifikazzjonijiet ammissibbli paċifikament taħt il-kunċett ta’ “raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali”. Dawn ġew irrikonoxxuti bħala tali mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 31 ) u huma fost dawk li huma koperti mill-punt 8 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123.

c)   Proporzjonalità u koerenza

68.

Il-proporzjonalità mixtieqa mill-Artikolu 15(3)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 timplika li r-rekwiżiti inkwistjoni jkunu xierqa għat-twettiq tal-għan imfittex minnhom, li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq u li ma jiġux issostitwiti minn miżuri oħra inqas vinkolanti li jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat.

69.

Għalhekk, il-qofol ta’ dan huwa l-għan segwit mir-rekwiżiti imposti. Huwa fid-dawl ta’ dan l-għan li għandha tiġi evalwata n-natura xierqa ta’ dawn ir-rekwiżiti, in-neċessità stretta tagħhom u l-assenza ta’ kundizzjonijiet alternattivi li, filwaqt li huma inqas restrittivi, jiggarantixxu madankollu l-istess riżultat.

70.

Fost l-għanijiet xierqa tar-rekwiżiti inkwistjoni, jiena ser naċċetta, l-ewwel, dawk li jħarsu l-indipendenza professjonali tal-avukati u li jipproteġu l-interessi tal-individwi. Dawn tal-aħħar jistgħu leġittimament jistennew mill-avukat li fih tiġi fdata d-difiża tagħhom li jaġixxi mingħajr influwenza permezz ta’ pressjoni eżerċitata minn terzi mhux konnessi ma’ din il-professjoni ( 32 ).

1) Limitazzjoni tas-sehem f’ċerti kategoriji professjonali

71.

Il-BRAO jipprojbixxi, mill-bidu, lill-kumpanniji ta’ avukati milli jinkludu fost il-membri tagħhom persuni barranin għall-professjoni ta’ avukat. Tali projbizzjoni hija xierqa sabiex tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza professjonali tal-avukati u l-protezzjoni tal-partijiet fil-kawża, meta dawn l-avukati jiddeċiedu li jifformaw kumpannija sabiex jeżerċitaw il-professjoni tagħhom b’mod konġunt. Il-professjoni ta’ avukat, bħala tali, tgħaqqad interess privat evidenti mas-sodisfazzjon ta’ ċerti interessi ġenerali ( 33 ).

72.

Il-projbizzjoni inkwistjoni tagħmel sens fid-dawl tal-fatt li l-avukati huma fdati bid-dmir li “għandhom funzjoni fundamentali f’soċjetà demokratika, jiġifieri d-difiża tal-individwi[.] […] Din il-funzjoni fundamentali timplika, minn naħa, ir-rekwiżit, li l-importanza tiegħu hija rrikonoxxuta fl-Istati Membri kollha, li kull individwu għandu jkollu l-possibbiltà li jikkonsulta bil-libertà kollha l-avukat tiegħu, li l-professjoni stess tiegħu tinkludi, fl-essenza tagħha, il-kompitu li jagħti, b’mod indipendenti, pariri legali lil dawk kollha li jeħtiġuhom u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit korrelattiv ta’ lealtà min-naħa tal-avukat fil-konfront tal-klijent tiegħu ( 34 ).”

73.

Għalhekk, “in-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess huwa indispensabbli għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat u jimplika, b’mod partikolari, li avukat ikun f’sitwazzjoni ta’ indipendenza vis-à-vis l-awtoritajiet pubbliċi u tal-operaturi l-oħra li ma għandux ikun influwenzat minnhom ( 35 ).”

74.

L-issuġġettar tal-avukati għad-dixxiplina professjonali, “imposta u kkontrollata fl-interess ġenerali ( 36 )”, huwa l-korrispettiv neċessarju tal-“kunċett tar-rwol tal-avukat, meqjus bħala kollaboratur tal-ġustizzja u msejjaħ sabiex jipprovdi, b’indipendenza sħiħa u fl-interess superjuri tal-ġustizzja, l‑assistenza legali li l-klijent għandu bżonn ( 37 ).”

75.

Għalhekk, ir-reżervazzjoni għall-avukati tal-possibbiltà għal integrazzjoni ta’ kumpannija ta’ avukati hija ta’ natura li tissalvagwardja l-indipendenza professjonali tagħhom, minn naħa, u l-protezzjoni tal-partijiet fil-kawża, min-naħa l-oħra.

76.

Madankollu, huwa minnu li din l-esklużività ma tipprekludix, fil-Ġermanja, il-parteċipazzjoni fil-kumpanniji ta’ avukati ta’ ċerti professjonisti barranin għall-professjoni ta’ avukat. Il-professjonisti (li ma humiex avukati) imsemmija fl-Artikolu 59a(1) tal-BRAO, jistgħu fil-fatt ikunu membri ta’ kumpannija ta’ avukati.

77.

Ċertament, dawn il-professjonisti (li ma humiex avukati) ma jistgħux iżommu l-maġġoranza tal-ishma. Madankollu, il-possibbiltà li perċentwali, anki jekk notevoli, tal-kapital ta’ kumpannija ta’ avukati tiġi akkwistata minn ċerti professjonisti (u mhux oħrajn) li ma humiex relatati mal-professjoni ta’ avukat, teħtieġ li wieħed jistaqsi dwar il-koerenza tar-regola.

78.

Kif osservat il-Kummissjoni, l-assimilazzjoni ta’ dawn il-professjonisti mal-avukati tista’ tiġi spjegata fil-kuntest tal-kumplessità li dejjem qiegħda tikber, b’mod partikolari fir-rigward tal-aspetti ekonomiċi tagħhom, tat-tilwim li fih il-konsulenza legali ta’ kwalità teħtieġ l-appoġġ ta’ kategoriji professjonali oħra ( 38 ).

79.

Din l-ispjegazzjoni tista’, tal-inqas, tiġġustifika l-assimilazzjoni ta’ ċerti professjonisti ftit jew wisq marbuta mal-kwistjonijiet legali, fost dawk imsemmija fl-Artikolu 59a tal-BRAO.

80.

Bħala prinċipju, is-salvagwardja tal-indipendenza professjonali tal-avukati u l-protezzjoni tal-partijiet fil-kawża ma humiex ikkontestati jekk is-sehem fil-kumpanniji ta’ avukati jkun limitat, minbarra għall-avukati, għal professjonisti oħra paragunabbli li jeżerċitaw, f’minoranza ( 39 ), attività mhux inkompatibbli mal-indipendenza tal-avukati ( 40 ). Barra minn hekk, dawn il-professjonisti l-oħra għandhom ikunu suġġetti għal dixxiplina kolleġġjali li tiggarantixxi l-eżerċizzju tajjeb, legali u deontoloġiku tal-professjoni tagħhom.

81.

Madankollu, sakemm, fil-kawża ineżami, l-obbligu li jiġu pprovati b’mod adegwat, fuq il-bażi ta’ data preċiża, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-miżura eżaminata ma jkunx ġie ssodisfatt ( 41 ), ma huwiex possibbli li wieħed ikun jaf għaliex professjonijiet oħra ma jinsabux fl-istess ċirku ta’ professjonijiet ammissibbli li l-appoġġ tagħhom għax-xogħol ta’ konsulenza legali jista’ jkun rilevanti daqs dak previst mill-BRAO ( 42 ).

82.

Għaldaqstant, ir-restrizzjoni ma tiggarantixxix b’mod koerenti t-twettiq tal-għan imfittex. Sabiex dan ikun il-każ, jeħtieġ, skont il-ġurisprudenza, li din “fil-verità tissodisfa x-xewqa li dan jintlaħaq b’mod konsistenti u sistematiku ( 43 ).”

83.

L-assimilazzjoni mal-avukati ta’ ċerti professjonijiet miġbura fi kmamar ta’ professjonisti u, fl-istess ħin, l-esklużjoni ta’ oħrajn li jissodisfaw l-istess (każ ipotetiku) kriterji ġustifikattivi, iċċaħħad il-miżura restrittiva, kif kienet fid-data li għaliha tirreferi l-kawża, mill-koerenza neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

84.

Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata, fil-fehma tiegħi, mill-fatt li l-leġiżlatur Ġermaniż, li ilu jagħmel parti mill-BRAO sa mill‑2022, sussegwentement ikkoreġa l-limitazzjoni. Il-punt 4 tal-Artikolu 59c(1) (ġdid) tiegħu jipprovdi li l-avukati jistgħu jassoċjaw ruħhom, għall-eżerċizzju komuni tal-professjoni f’kumpannija li teżerċita professjoni libera, ma’ persuni li jeżerċitaw il-professjoni libera fi ħdanha, sakemm tali assoċjazzjoni ma tkunx inkompatibbli mal-professjoni ta’ avukat.

2) Rekwiżit tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali fi ħdan il-kumpannija ta’ avukati

85.

It-tieni restrizzjoni li tirreferi għaliha l-qorti tar-rinviju tikkonċerna r-rekwiżit li l-avukati (jew il-membri ta’ professjonijiet oħra simili) għandhom jeżerċitaw “attività professjonali fil-kumpannija ta’ avukati ( 44 ).”

86.

Ir-restrizzjoni hekk ikkonfigurata tippreżenta ċerta ambigwità. Għandu jiġi preżunt li l-“attività professjonali” li għaliha jsir riferiment, hija waħda minn dawk li jistgħu jeżerċitaw biss il-professjonisti awtorizzati sabiex ikollhom sehem f’kumpannija ta’ avukati. U li din l-attività professjonali eżerċitata hija preċiżament il-karatteristika tal-professjoni tagħhom.

87.

B’dan il-mod, iċ-ċirku ta’ dawk ikkwalifikati biex ikollhom sehem f’kumpannija ta’ avukati jitnaqqas iktar: mhux biżżejjed li tkun avukat (jew ekwivalenti), iżda jeħtieġ li wieħed jipprattika bħala tali fi ħdan il-kumpannija. Għaldaqstant, huma esklużi l-avukati u l-professjonisti assimilati li sempliċement jinvestu fil-kumpannija jew li jeżerċitaw fiha funzjonijiet differenti minn dawk ta’ avukat (jew għal dawk ta’ professjoni ekwivalenti) ( 45 ).

88.

Madankollu, jirriżulta li, kif ġie rrilevat waqt is-seduta, din ir-restrizzjoni ma timponix minimu ta’ attività effettiva fi ħdan il-kumpannija, u lanqas, fil-prattika, ma tista’ tiġi kkontrollata mill-Kamra, bħala l-aħħar responsabbli għall-osservanza tal-BRAO ( 46 ). Għalhekk, jista’ jkun hemm dubju dwar il-kapaċità vera li wieħed jilħaq l-għanijiet (allegati) tiegħu.

89.

Fil-fehma tiegħi, din it-tieni restrizzjoni tippreċiża l-portata tal-ewwel waħda, mingħajr ma tirrimedja l-inkoerenza li wasslitni sabiex nevalwa l-inadegwatezza tagħha taħt it-titolu preċedenti.

3) Riżerva tal‑maġġoranza tal‑voti lill‑avukati

90.

Skont l-Artikolu 59e(2) tal-BRAO, l-avukati għandhom il-maġġoranza tal-ishma u tad-drittijiet tal-vot ( 47 ).

91.

Il-maġġoranza doppja rriżervata għall-avukati fir-rigward tal-ishma, minn naħa, u d-drittijiet tal-vot, min-naħa l-oħra, hija intiża sabiex persuni esterni għall-professjoni ta’ avukat ma jkollhomx effett sinjifikattiv fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija.

92.

Ir-regola hija intiża sabiex tissalvagwardja l-indipendenza professjonali tal-avukati u l-protezzjoni tal-partijiet fil-kawża. Skont dawn l-għanijiet, huwa intiż sabiex, meta persuni li ma jkunux fil-professjoni ta’ avukat jagħmlu parti minn kumpannija ta’ avukati, huma ma jeżerċitawx, minħabba l-pożizzjoni doppjament ta’ minoranza tagħhom, kontroll effettiv ta’ din il-kumpannija.

93.

Madankollu, għal darba oħra, il-leġiżlazzjoni kontenzjuża tbati minn ċerta inkoerenza, peress li, mingħajr prekawzjonijiet oħra, ir-rekwiżit tal-maġġoranza doppja (tal-kapital u tal-voti) miżmum mill-avukati jista’ ma jkunx suffiċjenti sabiex jiġu evitati pressjonijiet mhux mixtieqa fuq dawn tal-aħħar, minn investituri li ma humiex avukati.

94.

Fir-rigward ta’ limitazzjoni oħra tad-drittijiet tal-vot ( 48 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “jista’ effettivament jiġi previst li d-deċiżjonijiet relatati mal-investiment jew mad-disinvestiment finanzjarju meħuda mill-azzjonisti minoritarji, li ma għandhomx iktar mill-massimu ta’ 25 % tad-drittijiet ta’ vot, jinfluwenzaw, anki jekk indirettament, id-deċiżjonijiet tal-korpi tal-kumpannija”. ( 49 )

95.

Il-BRAO jawtorizza lill-membri li ma humiex avukati jżommu sa 49 % tal-kapital tal-kumpannija ta’ avukati, minn naħa, u l-istess perċentwali ta’ drittijiet tal-vot f’din il-kumpannija, min-naħa l-oħra. Għalhekk, il-membri li ma humiex avukati jistgħu jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija, peress li jeħtieġu biss l-appoġġ ta’ 2 % tal-avukati li għandhom 2 % tal-kapital biex jiddefinixxu l-intenzjoni tal-kumpanija ( 50 ). Dan ir-riskju huwa ogħla meta l-kapital ikun mifrux ħafna fost il-membri li huma avukati ( 51 ).

96.

Ir-regola stabbilita mil-leġiżlatur Ġermaniż fir-rigward tal-maġġoranza tal-voti ma tipprekludix lill-membri li ma humiex avukati milli jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-kumpannija li jagħmlu parti minnha, b’riskju għall-indipendenza tal-avukati ( 52 ). Bl-istess mod, din ser taffettwa l-perċezzjoni tal-partijiet fil-kawża dwar l-indipendenza tal-avukati, li għandhom jiġu protetti minn pressjoni esterna.

97.

Sabiex jiġi indirizzat dan l-inkonvenjent, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li r-rekwiżiti ta’ proprjetà tal-kapital u tad-dritt tal-vot jiġu sseparati ( 53 ). Pjuttost naħseb li l-koerenza tas-sistema timplika t-tisħiħ tal-prekawzjonijiet li jipprekludu, ex ante, l-attakki, diretti jew indiretti, fuq l-indipendenza tal-avukati, irrispettivament mill-perċentwali tal-voti tal-professjonisti stess li ma humiex avukati.

98.

Huwa minnu li l-formuli jistgħu jkunu previsti sabiex tiġi bbilanċjata r-relazzjoni bejn il-piż tal-kapital u l-piż tal-vot, mingħajr ma tiġi żnaturata sal-punt estrem il-loġika tal-korrelazzjoni bejn iż-żamma tal-kapital u l-konformità tal-intenzjoni tal-kumpannija (li hija ddefinita bil-voti normalment inerenti għas-sehem ta’ kull membru).

99.

Fi kwalunkwe każ, jidhirli li għandu jkun hemm dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiġi evitat li investituri li ma humiex relatati mal-professjoni jkunu jistgħu jinfluwenzaw, direttament jew indirettament, id-deċiżjonijiet tal-kumpannija ta’ avukati meta l-indipendenza tagħhom u l-protezzjoni dovuta għall-interessi tal-klijenti tagħha jkunu involuti. Il-prekawzjonijiet li, f’dan ir-rigward, tressqu minn wieħed mill-intervenjenti fil-kawża ( 54 ), ma jidhirlix li huma suffiċjenti sabiex inaqqsu dan ir-riskju.

100.

Huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jikkonċepixxi s-soluzzjoni leġiżlattiva rilevanti, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, tmur lil hinn mill-konstatazzjoni li regoli bħal dawk inkwistjoni ma għandhomx koerenza indispensabbli sabiex ir-restrizzjoni tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

101.

Dawn ir-riflessjonijiet jidħlu fil-kuntest ġenerali stabbilit mill-BRAO, u mhux fis-sitwazzjoni partikolari taż-żewġ kumpanniji involuti fil-kawża. Il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk l-istatuti emendati ta’ Halmer UG, fit-termini deskritti mill-qorti tar-rinviju ( 55 ), inaqqsux ir-riskju li SIVE tinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-kumpannija ta’ avukati.

D. Sunt

102.

L-Istati Membri għandhom marġni wiesa’ ta’ evalwazzjoni sabiex jirregolaw il-professjoni ta’ avukat, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju tagħha permezz ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju.

103.

Skont dan il-marġni ta’ evalwazzjoni, jekk l-Istati Membri jaċċettaw li l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat isir permezz ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju, huma għandhom id-dritt li jissuġġettawh għal ċerti restrizzjonijiet. Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu koerenti ma’ xulxin u mar-raġunijiet ta’ interess ġenerali li jiġġustifikawhom.

104.

Ir-restrizzjonijiet imposti mill-BRAO fuq is-sehem fil-kumpanniji ta’ avukati, li huma s-suġġett tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, huma nieqsa mill-koerenza neċessarja sabiex jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123, sa fejn:

–

Jeskludu mill-kwalità ta’ membri soċji ta’ professjonijiet oħra, minbarra dawk espressament imsemmija fil-BRAO, li jistgħu jissodisfaw il-kriterji li abbażi tagħhom hija ammessa l-inklużjoni tal-imsemmija professjonijiet.

–

Jeżiġu, b’mod ġenerali u mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra, li l-avukati u l-bqija tal-professjonisti awtorizzati li jassoċjaw ruħhom, jeżerċitaw attività professjonali fi ħdan il-kumpannija.

–

Jammettu li l-professjonisti li ma humiex avukati għandhom biżżejjed perċentwali tal-kapital u tal-vot sabiex jagħtuhom influwenza, diretta jew indiretta, rilevanti fid-definizzjoni tal-intenzjoni tal-kumpannija, li tista’ tipperikola l-indipendenza tal-avukati fid-difiża tal-klijenti tagħhom.

V. Konklużjoni

105.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Bayerischer Anwaltsgerichtshof (il-Bord Dixxiplinari tal-Avukati ta’ Bayern) bil-mod segwenti:

“L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li d-dispożizzjonijiet tagħha

1)

Jippermettu lill-membri ta’ ċerti professjonijiet ikollhom sehem bħala membri f’kumpannija ta’ avukati, bl-esklużjoni ta’ oħrajn li, oġġettivament, jistgħu jissodisfaw l-istess kriterji bħal dawk li abbażi tagħhom hija ammessa l-inklużjoni tal-membri ta’ dawn il-professjonijiet.

2)

Jeżiġu, b’mod ġeneriku u mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra, li l-avukati u l-professjonisti l-oħra awtorizzati jassoċjaw ruħhom, jeżerċitaw attività professjonali fi ħdan il-kumpannija.

3)

Jippermettu li l-professjonisti, li ma humiex avukati, ikollhom perċentwali tal-kapital u tal-vot suffiċjenti sabiex jagħtuhom influwenza, diretta jew indiretta, rilevanti fid-definizzjoni tal-intenzjoni tal-kumpannija, li tista’ tipperikola l-indipendenza tal-avukati fid-difiża tal-klijenti tagħhom.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Bundesrechtsanwaltsordnung (l-Istatut Federali tal-Avukati), fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ sal‑31 ta’ Lulju 2022 (iktar ’il quddiem il-“BRAO”). Skont id-deċiżjoni tar-rinviju (punt 3), din il-verżjoni hija dik applikabbli għall-kawża, u għalhekk, ser inżomm magħha, bħala prinċipju, f’dawn il-konklużjonijiet, sakemm ma jkunx fl-interess li jiġu riflessi ċerti dettalji tal-BRAO li ilhom fis-seħħ mill‑2022.

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

( 4 ) Il-formulazzjoni tal-BRAO li ser nimplimenta hija, kif diġà ppreċiżajt, dik preċedenti għar-riforma tagħha fl‑2022.

( 5 ) Għalkemm l-ebda waħda mill-partijiet ma kkontestat in-natura ġudizzjarja tagħha, għandu jiġi enfasizzat li l-Bayerischer Anwaltsgerichtshof (il-Bord Dixxiplinari tal-Avukati ta’ Bayern) tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Din inħolqot bis-saħħa ta’ dispożizzjoni legali (Artikolu 100(1) tal-BRAO) sabiex jiġu deċiżi, b’mod permanenti, il-kawżi li ġew assenjati liha (l-Artikolu 112a(1) tal-BRAO). Il-ġurisdizzjoni tagħha hija obbligatorja (Artikolu 112a tal-BRAO), hija eżerċitata skont proċedura kontradittorja rregolata essenzjalment mid-dispożizzjonijiet proċedurali komuni (l-Artikolu 112c tal-BRAO) u hija fformalizzata minn deċiżjonijiet li jistgħu jiġu appellati (Artikolu 112e tal-BRAO). Finalment, hija organu indipendenti, integrat fl-istruttura ġudizzjarja Ġermaniża u kompost, b’mod ugwali, minn maġistrati professjonali u avukati kkwalifikati bħala mħallfin onorarji fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (Artikoli 101, 103(2) u 104 tal-BRAO), li jinħatru għal perijodu ta’ ħames snin u ma jistgħux jitneħħew (Artikolu 103(1) u (2) tal-BRAO).

( 6 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Gallaher (C‑707/20, EU:C:2023:101, punt 56).

( 7 ) Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria (C‑257/20, EU:C:2022:125, punt 79).

( 8 ) Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-istatuti emendati jirriżervaw l-amministrazzjoni tal-affarijiet soċjali għall-avukati biss; li l-amministraturi jistgħu jitneħħew biss b’deċiżjoni unanima; li l-membri huma pprojbiti milli jinfluwenzaw lill-amministraturi permezz ta’ istruzzjonijiet jew theddid; li, b’mod partikolari, il-membri ma jistgħux jinfluwenzaw l-aċċettazzjoni, iċ-ċaħda jew il-ġestjoni ta’ mandat. Finalment, hija tqis li l-istatuti huma konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u jikkompletawha, peress li, fit-termini meħtieġa mill-Artikolu 59f tal-BRAO, huma jiggarantixxu l-indipendenza fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom ta’ avukati, li jaġixxu bħala amministraturi jew li jaġixxu f’isem il-kumpannija (punt 40 tad-deċiżjoni tar-rinviju).

( 9 ) Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome (C‑182/08, EU:C:2009:559, punt 40).

( 10 ) Dan huwa ċertament minnu meta jkun hemm sehem ugwali għal 100 % tal-kapital (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Xella Magyarország (C‑106/22, EU:C:2023:568, punt 43).

( 11 ) Sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Idryma Typou (C‑81/09, EU:C:2010:622, punt 51): “[s]kont il‑mod kif il‑bqija tal‑kapital azzjonarju jitqassam, b’mod partikolari jekk jitqassam fost numru kbir ta’ azzjonisti, sehem ta’ 25 % jista’ jkun biżżejjed sabiex jinżamm il‑kontroll ta’ kumpannija jew tal‑inqas tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id‑deċiżjonijiet ta’ din il‑kumpannija u li jiġu ddeterminati l‑attivitajiet”, bil-konsegwenza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali “tista’ taqa’ taħt l‑Artikolu 49 TFUE.” Ara, fl-istess sens, il-punti 94 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 12 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) Hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-qasam tal-libertajiet ta’ moviment, huwa meħtieġ li wieħed iqis l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, KOB (C‑206/19, EU:C:2020:463, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Dan huwa dak li l-punt 53 tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriproduċi.

( 15 ) Is-suppużizzjoni impliċita fil-BRAO hija li investiment f’kapital f’kumpannija ta’ avukati jimplika, irrispettivament mill-perċentwali tal-ishma akkwistati, influwenza li, skont id-definizzjoni tagħha stess u minima kemm tkun minima, tista’ jfixkel l-eżerċizzju indipendenti tal-professjoni ta’ avukat.

( 16 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑729/17, EU:C:2019:534, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Minister Sprawiedliwości (C‑55/20; EU:C:2022:6, punt 88).

( 18 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑22 ta’ Marzu 1977 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 52).

( 19 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83).

( 20 ) Premessa 7 tad-Direttiva 98/5.

( 21 ) Sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 99), li tiċċita s-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1984, Klopp (107/83, EU:C:1984:270, punt 17), u tat‑12 ta’ Diċembru 1996, Reisebüro Broede (C‑3/95, EU:C:1996:487, punt 37).

( 22 ) Fil-fehma tiegħi, xejn ma jipprekludi Stat Membru milli jillimita l-eżerċizzju fi grupp tal-professjoni ta’ avukat għal kumpanniji privati, u mhux b’kapital azzjonarju. Meta jiddeċiedi b’mod jew ieħor, kull Stat Membru għandu jevalwa l-piż ta’ fatturi bħall-preżenza, f’suq ta’ servizzi legali dejjem iktar globalizzat, ta’ kompetituri li joperaw permezz ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju. Ser tkun tista’ tiġi evalwata wkoll l-opportunità li dawn il-kumpanniji jingħataw riżorsi finanzjarji esterni (fil-forma ta’ kapital u mhux biss ta’ self) biex jindirizzaw l-isfidi teknoloġiċi li d-diġitalizzazzjoni jew l-intelliġenza artifiċjali jinvolvu għall-uffiċċji legali. Sakemm ma teżistix leġiżlazzjoni armonizzata ta’ dan il-qasam fil-livell tal-Unjoni, kull Stat Membru huwa liberu li jilqa’ jew jirrifjuta, skont il-ftehim tiegħu stess, il-preżenza ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju fil-professjoni ta’ avukat tiegħu.

( 23 ) Fis-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑531/06, EU:C:2009:315), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-ispiżjara biss setgħu jkunu soċji ta’ kumpanniji li joperaw spiżeriji hija kompatibbli mal-libertajiet ta’ stabbiliment u ta’ moviment tal-kapital.

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar rakkomandazzjonijiet ta’ riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali [COM(2016)820]. Fil-punt II.4 ta’ komunikazzjoni oħra sussegwenti [COM(2021)385 final], dwar il-kunsiderazzjoni u l-aġġornament tar-rakkomandazzjonijiet ta’ riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali tal-2017, il-Kummissjoni tafferma li “possibbiltà li tiġi stabbilita ditta legali taħt forma ġuridika speċifika hija marbuta b’mod qawwi mar-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni azzjonarja u tad-drittijiet tal-vot. Maġġoranza kbira tal-Istati Membri jirrikjedu li l-ishma kollha jinżammu mill-avukati.” Il-korsiv miżjud.

( 25 ) F’dawn il-każijiet kollha, huma inklużi wkoll il-professjonisti ta’ Stati oħra li huma awtorizzati jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fil-Ġermanja.

( 26 ) L-inklużjoni tat-tobba u tal-ispiżjara tikkorrispondi għal estensjoni tal-kontenut tal-Artikolu 59a tal-BRAO, immotivata b’sentenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) tat‑12 ta’ Jannar 2016 (BVerfGE 141, 82).

( 27 ) Għall-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 15(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 għandu japplika għall-kompożizzjoni tal-azzjonisti tal-kumpanniji. Għalhekk, għandha tiġi applikata għal kulħadd, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Inġiniera ċivili, aġenti tal-privattivi u veterinarji) (C‑209/18, EU:C:2019:632; iktar ’il quddiem “Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Inġiniera Ċivili)”, punt 84). Il-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑244/11, EU:C:2012:694, punt 29), li taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123.

( 28 ) Punti 43 u 53 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 29 ) Punti 61 u 62 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 30 ) Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punt 32. Għall-Kummissjoni, l-għan tal-protezzjoni tal-partijiet fil-kawża jikkoinċidi ma’ dak tal-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi, li l-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2006/123 jinkludi fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Fir-rigward tal-indipendenza professjonali tal-avukati, din hija koperta mill-protezzjoni tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, imsemmija fil-premessa 40 tad-Direttiva 2006/123.

( 31 ) Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Onofrei (C‑218/19, EU:C:2020:1034, punt 34): “il-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari tad-destinatarji tas-servizzi legali pprovduti minn professjonisti legali, u, min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huma għanijiet li jinsabu fost dawk li jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet kemm għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi […] kif ukoll, […] għal-libertà ta’ stabbiliment.”

( 32 ) Il-kontribut għal amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-protezzjoni tas-sigriet professjonali huma wkoll ikkunsidrati bħala kawżi ta’ ġustifikazzjoni, iżda jidhirli li huwa inutli li neħel fuq l-analiżi tagħhom, li jikkorrobora dak li diġà jirriżulta miż-żewġ għanijiet l-oħra.

( 33 ) Fir-rigward tal-avukati, b’analoġija u bla ħsara għad-differenzi, jista’ jiġi applikat dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fir-rigward tal-operaturi tal-ispiżeriji: “ma jistax jiġi nnegat li huwa jsegwi, bħal persuni oħra, l-għan li jkollu qligħ. Madankollu, bħala [avukat] ikkwalifikat, huwa jitqies li jopera [l-uffiċċju] mhux b’għan purament ekonomiku, iżda wkoll mill-aspett professjonali. L-interess privat tiegħu marbut mat-twettiq tal-qligħ huwa għalhekk immoderat mit-taħriġ tiegħu, mill-esperjenza professjonali u mir-responsabbiltà li huwa għandu, fid-dawl tal-fatt li eventwali ksur tar-regoli legali jew ta’ kondotta jdgħajfu mhux biss il-valur tal-investiment tiegħu iżda wkoll l-eżistenza professjonali tiegħu.” Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 37).

( 34 ) Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et (C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 28), (korsiv miżjud), li tiċċita b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti EDB, tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Michaud vs Franza (CE:ECHR:2012:1206JUD001232311, punti 118 u 119).

( 35 ) Sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Jakubowska (C‑225/09, EU:C:2010:729, punt 61); il-korsiv huwa miżjud sabiex jiġi enfasizzat li l-indipendenza għandha tiġi żgurata mhux biss fir-rigward tal-awtorità pubblika, iżda wkoll fir-rigward ta’ operaturi ekonomiċi privati.

( 36 ) Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni et (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 42).

( 37 ) Loc. ult. cit.

( 38 ) Punt 42 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

( 39 ) Il-BRAO jeżiġi li l-maġġoranza tal-ishma fil-kumpanniji ta’ avukati jikkorrispondu għal dawn tal-aħħar (Artikolu 59e(2)).

( 40 ) Ara, f’sens analogu, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (Inġiniera ċivili) (punt 104), li tiċċita s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2018, CMVRO (C‑297/16, EU:C:2018:141, punt 86).

( 41 ) Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 85).

( 42 ) Jitħallew barra, pereżempju, professjonisti bħall-inġiniera, il-periti, l-ekonomisti jew il-psikologi, li huma wkoll suġġetti għal dixxiplina kolleġġjali u dmirijiet deontoloġiċi. Dan huwa dak li tenfasizza l-Kummissjoni (punt 44 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha).

( 43 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Inġiniera Ċivili), punt 94.

( 44 ) Dawn kienu t-termini li ntużaw fl-Artikolu 59e(1) tal-BRAO.

( 45 ) Dan jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta.

( 46 ) Il-Kamra spjegat kif ma huwiex possibbli għaliha li tindaħal fil-ħajja personali tal-uffiċċji legali sabiex issir taf liema attività hija konkretament eżerċitata minn kull wieħed mill-membri tagħhom.

( 47 ) Il-kliem tal-Artikolu 59e(2) tal-BRAO ma jinftiehemx faċilment. Għalkemm, skont l-ewwel parti tad-dispożizzjoni, “[i]l-biċċa l-kbira tal-ishma u tad-drittijiet tal-vot għandhom jinżammu mill-avukati”, it-tieni parti tipprovdi li, “[s]akemm il-membri ma jkunux awtorizzati jeżerċitaw waħda mill-professjonijiet [assimilati ma’ dik ta’ avukat], mhux ser ikollhom id-dritt tal-vot”. Din it-tieni dikjarazzjoni toħloq xi ftit perplessità, peress li dawk li ma humiex awtorizzati jeżerċitaw professjoni assimilata, ovvjament ma jistgħux jagħmlu parti mill-kumpannija. Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż spjega li d-dispożizzjoni kienet limitata għal ċerti każijiet eċċezzjonali li fihom, b’mod tranżitorju, persuna li ma tkunx avukat (jew professjoni simili) jista’ jkollha l-kwalità ta’ membru. Madankollu, l-istabbiliment letterali tar-regola għandu portata iktar ġenerali.

( 48 ) Leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tillimita għal 25 % is-sehem tal-membri li ma jeżerċitawx il-professjoni ta’ bijologu f’kumpanniji li joperaw laboratorji tal-bijoloġija medika.

( 49 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑89/09, EU:C:2010:772, punt 86), b’riferiment għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’din il-kawża (EU:C:2010:305). Is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2018, CMVRO (C‑297/16, EU:C:2018:141, punt 86), issemmi wkoll il-possibbiltà li d-detenturi li jeżerċitaw kontroll tal-kumpannija, ma jkunux detenturi tat-totalità, iżda ta’ parti limitata tal-kapital azzjonarju.

( 50 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-formulazzjoni eżaminata fis-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑89/09, EU:C:2010:772), minħabba l-fatt li, f’din il-kawża, l-iktar deċiżjonijiet importanti kienu jeħtieġu l-vot tal-maġġoranza rinfurzata tal-membri, li jirrappreżentaw mill-inqas tliet kwarti tal-ishma.

( 51 ) Il-Gvern Ġermaniż jirrikonoxxi dan (punt 56 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu) billi jsostni li, meta l-kapital azzjonarju jkun frammentat ħafna, anki azzjonijiet minoritarji jistgħu jattribwixxu influwenza kunsiderevoli. Huwa jżid jgħid li din l-istruttura (mifruxa) tal-kapital ta’ spiss hija karatteristika tal-kumpanniji ta’ avukati fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

( 52 ) Kif ġie indikat waqt is-seduta, l-influwenza de facto ta’ investitur minoritarju fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija tista’ tiġi ggwidata b’mezzi oħra minbarra s-sempliċi sehem tiegħu fil-laqgħa tal-membri. Id-drittijiet tal-membri (inklużi dawk minoritarji) għall-informazzjoni dwar il-ħajja tal-kumpannija, pereżempju, jagħtuhom għarfien adegwat biex jeżerċitaw pressjoni jew jitolbu spjegazzjonijiet dwar id-deċiżjonijiet korrispondenti, bl-għan li jimmassimizzaw il-profitt ekonomiku mistenni mill-kontribuzzjoni ta’ kapital tagħhom.

( 53 ) Punt 64 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

( 54 ) Fosthom, l-applikazzjoni ta’ regoli deontoloġiċi; id-dritt ta’ kull avukat li jopponi, fi ħdan il-kumpannija professjonali, il-ksur tal-garanzija tal-indipendenza tiegħu; ir-repressjoni mill-Kamra, a posteriori, tal-attakki fuq l-istess indipendenza tagħha; ir-regoli għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess u l-obbligi imposti fuq id-diretturi tal-kumpannija.

( 55 ) Ara l-punt 33 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.