Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fis‑16 ta’ April 2026 (1)
Kawża C‑131/25
Axel Dris
vs
Gouvernement de la Communauté française
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa, mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Artikoli 18 u 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Aċċess għal edukazzjoni ogħla – Studenti ċittadini ta’ Stat Membru li jmorru fi Stat Membru ieħor biex jieħdu taħriġ hemmhekk – Kwota fuq ir-reġistrazzjoni tal-istudenti mhux residenti għall-istudji tal-ewwel ċiklu fix-xjenzi mediċi wara li jgħaddu mill-eżami tad-dħul – Student resident fil-Lussemburgu u li wettaq l-istudji sekondarji tiegħu fil-Belġju”
I. Introduzzjoni
1. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ra l-Università tiegħu titwaqqaf matul is-sena 2003 (2). Mill-2020, din l-università toffri lawrea ta’ “Baċellerat” fil-mediċina għal tul ta’ tliet snin bil-possibbiltà li wieħed iqatta’ t-tieni sena fl-universitajiet imsieħba tagħha (3) fil-Belġju, fil-Ġermanja u fi Franza (4).
2. Sas-sena akkademika 2019/2020, din inkluża, l-istudenti setgħu jqattgħu l-ewwel sena biss ta’ studji fix-xjenzi mediċi fl-Università tal-Lussemburgu u kellhom ikomplu bl-istudji tagħhom f’waħda mill-universitajiet imsieħba tagħha. Ħafna studenti, residenti Lussemburgiżi, ppreferew li jirreġistraw direttament fl-ewwel sena tagħhom ta’ studji mediċi mal-universitajiet fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja, fl-Awstrija, fil-Portugall, fir-Renju Unit u fl-Isvizzera. Pereżempju, matul is-sena akkademika 2018/2019, 133 mir-residenti Lussemburgiżi li applikaw għal għajnuna finanzjarja mill-Istat Lussemburgiż għall-edukazzjoni għolja wettqu l-istudji fix-xjenzi mediċi fil-Belġju (5).
3. Huwa f’dan il-kuntest li tqum is-sitwazzjoni ta’ Axel Dris, student ta’ nazzjonalità Lussemburgiża, resident fil-Lussemburgu, li wettaq l-istudji sekondarji tiegħu f’istituzzjoni edukattiva f’Arlon (il-Belġju) u li jixtieq jirreġistra f’università fil-Belġju biex hemmhekk iwettaq studji fix-xjenzi mediċi. Din is-sitwazzjoni wasslet għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18, u tal-Artikolu 21(1) TFUE.
4. Il-Communauté française de Belgique (6) irrifjutat li tagħti lil A. Dris iċ-ċertifikat ta’ tlestija li jippermettilu jirreġistra mal-fakultà tal-mediċina fil-Komunità Franċiża, minkejja li għadda mill-eżami tad-dħul għax-xjenzi mediċi u dentali, minħabba s-sistema ta’ kwoti għal studenti mhux residenti għall-istudji tal-ewwel ċiklu fix-xjenzi mediċi (iktar ’il quddiem il-“kwota għal studenti mhux residenti”) li kienet fis-seħħ. Fil-kuntest tal-kontestazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, A. Dris sostna, b’mod partikolari, li s-sitwazzjoni tiegħu kienet tixbah dik ta’ student ikklassifikat bħala “resident” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-décret de la Communauté française régulant le nombre d’étudiants dans certains cursus de premier cycle de l’enseignement supérieur (id-Digriet tal-Komunità Franċiża li Jirregola n-Numru ta’ Studenti f’Ċerti Korsijiet tal-Ewwel Ċiklu ta’ Edukazzjoni Ogħla) (7), tas‑16 ta’ Ġunju 2006, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (8), minħabba li wettaq l-istudji sekondarji tiegħu u kiseb id-diploma ta’ tmiem l-istudji sekondarji f’dan l-Istat Membru.
5. Il-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari dan id-digriet, kienu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fl-2006, li kien wassal lill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) biex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din it-talba wasslet għas-sentenza tat‑13 ta’ April 2010, Bressol et (9), li sussegwentement għaliha l-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali), fis-sentenza tagħha Nru 89/2011 tal‑31 ta’ Mejju 2011, annullat parti mill-Artikolu 8 tal-imsemmi digriet.
6. Għaldaqstant, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tibni fuq is-sentenza Bressol et u tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa, fid-dawl tal-Artikoli 18 u 21 TFUE, ix-xebh bejn is-sitwazzjoni tal-istudenti residenti f’żona transkonfinali u li wettqu l-istudji sekondarji tagħhom fl-Istat Membru ġar u s-sitwazzjoni tal-istudenti residenti f’dan l-aħħar Stat Membru.
7. Ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti l-istess risposta bħal fis-sentenza Bressol et, filwaqt li nippreċiża l-elementi li l-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra biex tanalizza s-sitwazzjoni ta’ A. Dris li, fil-fehma tiegħi, għandu jibbenefika mill-istess sistema bħall-istudenti residenti.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt internazzjonali
8. L-Artikolu 1 tal-Ftehim Speċjali dwar il-Kooperazzjoni Universitarja fit-Taħriġ Mediku bejn il-Gvern tal-Komunità Franċiża tal-Belġju u l-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu (10) jipprovdi:
“L-istituzzjonijiet tal-isptarijiet fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandhom jikkontribwixxu għat-taħriġ mediku pprovdut mill-universitajiet tal-Komunità Franċiża [...], b’mod partikolari billi jospitaw fl-istrutturi tagħhom, studenti tal-mediċina tal-ewwel u tat-tieni ċiklu għal stages mhux imħallsa [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
9. L-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim jipprovdi:
“Kull sena, massimu ta’ 15‑il student mill-Università tal-Lussemburgu, li jkollhom diploma tal-istudji sekondarji mogħtija minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni sekondarja fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dħul tal-Università tal-Lussemburgu abbażi tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni, jistgħu jkomplu l-programm tal-ewwel ċiklu fix-xjenzi mediċi u dentali f’università fil-Komunità Franċiża.
Dawn l-istudenti jintgħażlu mill-Università tal-Lussemburgu minn fost dawk li, f’dik is-sena biss, ikunu għaddew mill-ewwel sena tal-lawrja ‘Baċellerat Akkademiku fix-Xjenzi tal-Ħajja – Mediċina’ u li jkunu ġew ikklassifikati tajjeb biżżejjed wara l-eżami tal-klassifikazzjoni finali ta’ tmiem is-sena fejn il-postijiet jiġu allokati skont l-ordni tal-mertu bbażata fuq il-medja ġenerali.
L-arranġamenti operattivi għall-kooperazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fi ftehimiet interuniversitarji speċifiċi konklużi bejn l-Università tal-Lussemburgu u l-universitajiet ikkonċernati tal-Komunità Franċiża [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
B. Id‑dritt Belġjan
10. L-Artikolu 1 tad-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2006 jipprovdi:
“Għall-iskopijiet ta’ dan id-digriet, student resident ifisser l-istudent li, fil-ħin tar-reġistrazzjoni tiegħu f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja, jipproduċi l-prova li r-residenza prinċipali tiegħu hija fil-Belġju u li jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
1° ikollu d-dritt li jirrisjedi fil-Belġju b’mod permanenti;
2° kellu r-residenza prinċipali tiegħu fil-Belġju għal mill-inqas 15‑il xahar fil-ħin tar-reġistrazzjoni f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja, filwaqt li jeżerċita hemmhekk attività professjonali b’salarju jew le jew billi jirċievi dħul sostituttiv minn servizz pubbliku Belġjan;
[...]
7° kellu r-residenza prinċipali tiegħu fil-Belġju għal mill-inqas tliet snin fil-ħin tar-reġistrazzjoni f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja;
[...]
Il-kliem ‘dritt li jirrisjedi b’mod permanenti’ fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1, għandhom ifissru, għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, id-dritt irrikonoxxut skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva [2004/38/KE (11)] [...]”
11. L-Artikolu 1(1) tad-décret de la Communauté française relatif aux études de sciences médicales et dentaires (id-Digriet tal-Komunità Franċiża dwar l-Istudji tax-Xjenzi Mediċi u Dentali) (12), tad‑29 ta’ Marzu 2017, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (13), jipprovdi:
“Għandhom ikollhom aċċess għall-istudji tal-ewwel ċiklu fix-xjenzi mediċi u għall-istudji tal-ewwel ċiklu fix-xjenzi dentali li jwasslu għall-ksib tal-lawrja, dawk l-istudenti biss li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali għad-dħul għal studji tal-ewwel ċiklu msemmija fl-Artikolu 107 tad-Digriet [tal-Komunità Franċiża] tas‑7 ta’ Novembru 2013 li jiddefinixxi l-firxa ta’ edukazzjoni għolja u l-organizzazzjoni akkademika tal-istudji[ (14)] u li għandhom ċertifikat ta’ tlestija maħruġ wara eżami tad-dħul għall-istudji tal-ewwel ċiklu fix-xjenzi mediċi u/jew studji tal-ewwel ċiklu fix-xjenzi dentali, iktar ’il quddiem l-‘eżami tad-dħul’.”
12. L-Artikolu 6 tad-digriet tad‑29 ta’ Marzu 2017 jipprovdi:
“1. Mhux iktar tard minn 3 ijiem wara d-deliberazzjoni, il-President tal-Bord tal-eżami tad-dħul għandu jikkomunika r-riżultati tal-eżami lill-kandidati permezz tal-[Akkademja għar-Riċerka u l-Edukazzjoni Għolja, il-Belġju (ARES)] u jibgħat il-lista tal-lawrjati lill-istituzzjonijiet universitarji awtorizzati li jorganizzaw u li joffru studji tal-ewwel ċiklu fix-xjenzi mediċi u/jew studji tal-ewwel ċiklu fix-xjenzi dentali.
Mhux iktar tard minn 10 ijiem wara l-eżami, il-Bord tal-eżami tad-dħul, permezz tal-ARES, joħroġ lill-kandidati li jkunu għaddew mill-eżami ċertifikat ta’ tlestija b’suċċess tal-eżami tad-dħul. Mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti oħra ta’ ammissjoni, l-istudent li jkollu dan iċ-ċertifikat jiġi rreġistrat mal-istituzzjoni universitarja identifikata matul ir-reġistrazzjoni għall-eżami tiegħu, skont l-Artikolu 1(3).
Dan iċ-ċertifikat ta’ tlestija b’suċċess tal-eżami huwa validu għar-reġistrazzjoni għas-sena akkademika ta’ wara biss. Huwa personali u mhux trasferibbli. F’każijiet ta’ forza maġġuri, debitament evalwati mill-Bord tal-eżami tad-dħul, dan iċ-ċertifikat jista’ jintuża għal matul sentejn akkademiċi konsekuttivi.
2. Matul id-deliberazzjoni, il-Bord tal-eżami tad-dħul għandu japplika s-sistema li ġejja: għal kull programm, jiġi stabbilit numru T ugwali għan-numru totali ta’ kandidati li għaddew mill-eżami tad-dħul imsemmi fl-Artikolu 1, kif ukoll numru NR għal kull programm ugwali għan-numru ta’ kandidati li għaddew mill-eżami tad-dħul li ma humiex ikkunsidrati bħala studenti residenti fis-sens tal-Artikolu 1 tad-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2006 [...]
Meta l-proporzjon bejn in-numru NR u n-numru T jaqbeż perċentwal ogħla minn 30 %, il-Bord tal-eżami tad-dħul għandu jikklassifika l-kandidati li għaddew mill-eżami tad-dħul li ma jistgħux jitqiesu bħala studenti residenti sabiex jiddetermina dawk li lilhom ser jingħata ċertifikat ta’ tlestija. Il-Bord jikklassifika dawn il-kandidati f’ordni dixxendenti tal-marki globali tagħhom miksuba minn kull wieħed minn dawn il-kandidati fl-eżami tad-dħul. Huwa jagħti ċ-ċertifikati ta’ tlestija lill-kandidati li jkunu għaddew mill-eżami tad-dħul ikklassifikati skont il-mertu, sakemm il-proporzjon ta’ kandidati li ma jistgħux jitqiesu bħala studenti residenti jikkorrispondi għal 30 % tan-numru totali ta’ lawrjati.
Fi tmiem din il-proċedura, jiġi stabbilit għal kull programm numru L ugwali għan-numru ta’ studenti li jirċievu ċertifikat ta’ tlestija b’suċċess tal-eżami.”
13. Skont l-Artikolu 17 bis ta’ dan id-digriet:
“L-Artikoli 1 sa 7 ta’ dan id-digriet ma japplikawx għall-istudenti li, fl-eżekuzzjoni tal-Ftehim [bejn il-Komunità Franċiża u l-Lussemburgu], għandhom aċċess għat-tkomplija tal-programm tal-ewwel ċiklu fix-xjenzi mediċi f’università.”
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
14. A. Dris, ta’ nazzjonalità Lussemburgiża u residenti komun Lussemburgiż fil-fruntiera mal-Belġju, wettaq l-istudji sekondarji tiegħu f’istituzzjoni edukattiva li tinsab f’Arlon.
15. Fil‑5 ta’ Lulju 2022, huwa għamel l-eżami tad-dħul għax-xjenzi mediċi u dentali, li għadda minnu. Madankollu, peress li ma setax jiġi kklassifikat bħala “student resident” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2006, A. Dris kien suġġett għas-sistema ta’ kwoti għal studenti mhux residenti u, minħabba l-grad medju tiegħu, ma kisibx iċ-ċertifikat ta’ tlestija li jippermettilu jirreġistra mal-fakultà tal-mediċina tal-Komunità Franċiża.
16. Fit‑12 ta’ Settembru 2022, A. Dris ippreżenta rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) fejn talab, minn naħa, is-sospensjoni, skont il-proċedura ta’ urġenża estrema, tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tirrifjuta li tagħtih ċ-ċertifikat ta’ tlestija, li sar jaf biha fl‑14 ta’ Lulju 2022, talba li ġiet miċħuda b’sentenza ta’ dik il-qorti tas‑27 ta’ Settembru 2022, u, min-naħa l-oħra, l-annullament ta’ dik id-deċiżjoni.
17. Peress li kien ċittadin Lussemburgiż li għandu ċertifikat ta’ edukazzjoni sekondarja għolja maħruġ minn istituzzjoni edukattiva sekondarja li tinsab fil-Belġju, A. Dris qies, b’mod partikolari, l-ewwel, li kien iddiskriminat meta mqabbel:
– qabelxejn, maċ-ċittadini Lussemburgiżi li għandhom diploma ta’ studji sekondarji mogħti minn istituzzjoni edukattiva sekondarja li tinsab fil-Lussemburgu u li, minħabba f’hekk, jistgħu jaċċedu għat-tkomplija tal-programm tal-ewwel ċiklu tax-xjenzi mediċi f’università fil-Komunità Franċiża;
– imbagħad, ma’ studenti li għandhom ċertifikat ta’ edukazzjoni sekondarja għolja maħruġ minn istituzzjoni edukattiva sekondarja li tinsab fil-Belġju, u li, peress li huma residenti fis-sens tal-Artikolu 1 tad-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2006, kellhom biss jgħaddu mill-eżami tad-dħul u għalhekk ma kinux suġġetti għall-kwota ta’ studenti mhux residenti, u
– fl-aħħar nett, mal-istudenti li għandhom ċertifikat ta’ edukazzjoni sekondarja għolja maħruġ minn istituzzjoni edukattiva sekondarja li tinsab fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, u li, billi huma residenti fis-sens tal-Artikolu 1 tad-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2006, kellhom biss jgħaddu mill-eżami tad-dħul u għalhekk ma kinux suġġetti għall-kwota tal-istudenti mhux residenti.
18. It-tieni, A. Dris jikkunsidra li l-Artikolu 1 tad-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2006, l-Artikoli 1, 6 u 17 bis tad-digriet tad‑29 ta’ Marzu 2017, kif ukoll il-Ftehim bejn il-Komunità Franċiża u l-Lussemburgu, jiksru l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 u l-Artikolu 21(1) TFUE, billi jonqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-istudenti transkonfinali meta jimplimentaw is-sistema tal-eżami tad-dħul u tal-organizzazzjoni tal-eċċezzjoni stabbilita favur l-istudenti Lussemburgiżi.
19. B’mod iktar preċiż, għal dak li jikkonċerna l-istatus tiegħu bħala student transkonfinali, A. Dris jikkunsidra, b’mod partikolari, li s-sitwazzjoni tiegħu hija simili għal dik ta’ student ikklassifikat bħala “resident” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2006, peress li wettaq il-kors kollu ta’ studju tiegħu fil-Belġju u peress li r-rabtiet prinċipali tiegħu huma fil-Belġju, jiġifieri l-attivitajiet ekstrakurrikulari jew il-ħbiberiji tiegħu. Huwa jżid li ċittadin tal-Unjoni ma jistax jiġi suġġett għal trattament sfavorevoli sempliċement talli eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu. Għalhekk, filwaqt li jinvoka s-sentenza Bressol et, huwa jsostni li l-kwoti għal studenti mhux residenti jistgħu jiġu ġġustifikati biss fir-rigward ta’ studenti li għadhom ma eżerċitawx il-libertà ta’ moviment tagħhom, iżda ma jistgħux jiġu applikati għal student li, peress li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, diġà għandu rabta mal-Komunità Franċiża.
20. A. Dris jikkonkludi li r-rekwiżit ta’ residenza rikjest jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità u jżid li s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2005, Bidar (15), ixxebbah student li jsegwi l-istudji tiegħu fi Stat Membru ma’ resident ta’ dak l-Istat. Konsegwentement, ma jistax jiġi ttrattat b’mod differenti mill-istudenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, anki jekk ma għandux l-istatus legali ta’ resident.
21. A. Dris jafferma wkoll li l-istudenti Lussemburgiżi li jattendu l-iskola fil-Belġju u l-istudenti Belġjani tal-provinċja tal-Lussemburgu jaqsmu l-istess suq tax-xogħol kbir, u li l-professjonisti mħarrġa tal-kura tas-saħħa jservu lil dan is-suq tax-xogħol kbir u r-reġjun usa’ kkonċernat. Parti kbira mis-servizzi tal-kura tas-saħħa għar-residenti tal-provinċja tal-Lussemburgu tiġi moqdija minn fornituri tal-kura tas-saħħa tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Huwa jżid li ż-żona tal-fruntiera Belġjana inkwistjoni tbati ħafna minn nuqqas ta’ tobba.
22. Il-gvern tal-Komunità Franċiża jikkontesta dawn l-argumenti billi jsostni, b’mod partikolari, minn naħa, li s-sitwazzjoni tal-istudenti transkonfinali ma hijiex differenti minn dik ta’ studenti mhux residenti li kisbu ċertifikat ta’ edukazzjoni sekondarja għolja maħruġ minn istituzzjoni edukattiva sekondarja li tinsab fil-Belġju. Min-naħa l-oħra, l-argument li jgħid li student transkonfinali jkun jista’ joffri s-servizzi mediċi tiegħu fit-territorju Belġjan ma jistax jiġi aċċettat, peress li dan japplika għal kwalunkwe student mhux resident li jiddeċiedi li jmur joqgħod fil-Belġju wara li jlesti l-istudji tiegħu u li, barra minn hekk, dan jippreżupponi li tali student transkonfinali ser ikun tabib “transkonfinali” fi tmiem il-kors akkademiku tiegħu fil-mediċina, ħaġa li hija purament spekulattiva.
23. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja invokata minn A. Dris, sa fejn tikkonċerna l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar l-għajnuna finanzjarja għall-istudji u l-benefiċċji soċjali, ma hijiex rilevanti, peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna restrizzjonijiet iġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ saħħa pubblika.
24. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 u l-Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, moqrija waħedhom jew flimkien mal-Artikolu 165(1) u mat-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) [TFUE], u mal-Artikolu 14(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu sistema ta’ kwoti ta’ studenti ‘mhux residenti’, bħal dik stabbilita mill-Artikolu 1 tad-[digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2006] u mill-Artikoli 1, 6 u 17[bis] tad-[digriet tad‑29 ta’ Marzu 2017], għall-aċċess għall-istudji universitarji tal-mediċina, bil-għan li jinżamm servizz mediku ta’ kwalità kif ukoll li jiġu ggarantiti l-għanijiet ta’ kwalità tal-qafas superviżorju tat-taħriġ u ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, minħabba l-proporzjon kbir ta’ studenti mhux residenti li jitilqu mit-territorju wara t-tmiem tat-taħriġ mediku komplet?”
25. A. Dris, il-Gvern Belġjan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub u pparteċipaw fis-seduta li nżammet fl‑14 ta’ Jannar 2026, li matulha rrispondew għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.
IV. Analiżi
26. Qabel ma neżamina d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fuq il-punt dwar jekk, essenzjalment, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 u l-Artikolu 21(1) TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni li, għall-aċċess għall-istudji ta’ xjenzi mediċi, tistabbilixxi kwota għal studenti mhux residenti fl-Istat Membru li joffru dawn l-istudji, jidhirli li huwa importanti li jiġu ppreċiżati żewġ elementi b’mod preliminari.
A. Osservazzjonijiet preliminari
27. Minn naħa, għall-kuntrarju tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, riprodotti waqt is-seduta, nikkunsidra li d-Direttiva 2004/38 ma tapplikax f’dan il-każ biex tistabbilixxi d-dritt ta’ residenza ta’ A. Dris fil-Belġju. Fil-fatt, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-Direttiva jipprovdi li “[ċ]-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi”. Is-sempliċi fatt li wieħed jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor matul il-ġurnata, mingħajr ma jorqod hemm matul il-lejl, ma huwiex biżżejjed biex jistabbilixxi dan id-dritt ta’ residenza temporanju li jippermetti lil dan iċ-ċittadin li jibbenefika mill-ugwaljanza fit-trattament stabbilita mill-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi eċċezzjonijiet, b’mod partikolari li l-Istat Membru ospitanti ma huwiex “obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom”.
28. Ma nemminx li tista’ tinstilet konklużjoni kuntrarja mis-sentenza Bressol et (16), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha biex titlob lill-qorti tar-rinviju biex tivverifika jekk ċerti applikanti kinux jirrisjedu fil-Belġju qabel ma fittxew li jirreġistraw għal wieħed mill-korsijiet ikkonċernati. Madankollu, l-istatus ta’ A. Dris bħala ċittadin u resident Lussemburgiż ma huwiex ikkontestat.
29. Minn dan nikkonkludi li d-Direttiva 2004/38 ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali.
30. Minn naħa l-oħra, il-Ftehim bejn il-Komunità Franċiża u l-Lussemburgu, imsemmi fl-Artikolu 17 bis tad-digriet tad‑29 ta’ Marzu 2017, jipprovdi, essenzjalment, li ċertu numru ta’ studenti mill-Università tal-Lussemburgu, li għandhom diploma ta’ studji sekondarji Lussemburgiża, jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom fix-xjenzi mediċi li bdew fl-Università tal-Lussemburgu f’università fil-Komunità Franċiża, peress li l-Università tal-Lussemburgu ma toffrix programm komplut fix-xjenzi mediċi.
31. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li A. Dris ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-aċċess għal din il-kooperazzjoni interuniversitarja, peress li ma għandux diploma ta’ studji sekondarji mogħtija minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni sekondarja fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u ma bediex l-istudji fix-xjenzi mediċi fl-Università tal-Lussemburgu.
32. Madankollu, il-kawża prinċipali għandha bħala suġġett rikors intiż li jannulla d-deċiżjoni tal-Bord li ma jagħtix lil A. Dris ċertifikat ta’ tlestija, wara li ġiet applikata fil-konfront tiegħu s-sistema ta’ kwoti għal studenti mhux residenti. Għaldaqstant, id-domanda preliminari hija, fil-fehma tiegħi, ipotetika sa fejn tikkonċerna l-Artikolu 17 bis tad-digriet tad‑29 ta’ Marzu 2017.
B. Fuq il‑mertu
33. Fuq il-mertu tal-kawża, jeħtieġ li jitfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali li tpoġġi fi żvantaġġ ċerti ċittadini nazzjonali minħabba l-fatt biss li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (17), b’mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni (18).
34. Fis-sentenza Bressol et, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet diretti, ibbażati fuq iċ-ċittadinanza, iżda wkoll il-forom kollha indiretti ta’ diskriminazzjoni li, permezz ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (19). Għaldaqstant, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-għan segwit, dispożizzjoni nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata bħala indirettament diskriminatorja, meta min-natura tagħha stess hija tista’ taffettwa kemm liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra kif ukoll liċ-ċittadini nazzjonali filwaqt li b’konsegwenza ta’ dan ikun hemm ir-riskju li tisfavorixxi lil tal-ewwel b’mod iktar partikolari (20).
35. Barra minn hekk, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Istati Membri għandhom il-libertà li jagħżlu sistema bbażata fuq aċċess irregolat li tagħżel l-istudenti, sakemm din ma tkunx diskriminatorja (21).
36. F’dan il-każ, id-digrieti inkwistjoni jistabbilixxu l-modalitajiet biex jintgħażlu l-istudenti differenti skont ir-residenza tal-istudenti u jiddefinixxu dan il-kunċett bl-użu ta’ ċertu numru ta’ kriterji. Għal studenti mhux residenti, il-fatt li jkunu għaddew mill-eżami tad-dħul jista’ ma jkunx biżżejjed biex jiksbu aċċess għall-istudji fix-xjenzi mediċi fil-Belġju. Fil-fatt, jekk dawn tal-aħħar ikunu jirrappreżentaw iktar minn 30 % min-numru totali ta’ studenti li għaddew mill-eżami tad-dħul, huma jiġu kklassifikati skont ir-riżultati tagħhom, b’mod li l-perċentwal ta’ studenti mhux residenti li jirċievu ċ-ċertifikat ta’ tlestija meħtieġ biex ikollhom aċċess għall-istudji fix-xjenzi mediċi jkun limitat għal 30 % min-numru totali ta’ studenti li għaddew mill-eżami tad-dħul (22). Bil-maqlub, l-istudenti residenti li jkunu għaddew mill-eżami tad-dħul jirċievu ċ-ċertifikat ta’ tlestija irrispettivament min-numru tagħhom.
37. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali toħloq inugwaljanza fit-trattament bejn l-istudenti residenti u l-istudenti mhux residenti. Issa, kundizzjoni ta’ residenza, bħal dik tal-kawża prinċipali, hija ssodisfatta iktar faċilment miċ-ċittadini nazzjonali, li iktar ta’ spiss ikollhom ir-residenza tagħhom fil-Belġju, milli miċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li r-residenza tagħhom min-naħa l-oħra spiss tkun tinsab fi Stat Membru ieħor (23). Tali inugwaljanza fit-trattament tikkostitwixxi restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment u residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri.
38. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza tista’ tiġi ġġustifikata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali, indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, u jekk din tkun proporzjonali għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali (24).
39. Is-sentenza Bressol et tat ċertu numru ta’ indikazzjonijiet li jippermettu li tingħata risposta għad-domanda preliminari. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-għan li “jinżamm servizz mediku ta’ kwalità, ekwilibrat u aċċessibbli għal kulħadd” kien leġittimu sa fejn dan jikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika (25), b’mod partikolari bil-garanzija tal-kwalità tas-superviżjoni matul it-taħriġ (26). Għal dan il-għan, hija fakkret il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju sabiex tanalizza sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija adegwata biex tiggarantixxi li jintlaħaq dan l-għan u jekk din tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-imsemmi għan (27). Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti nazzjonali (28), il-Qorti tal-Ġustizzja tippreżenta r-raġunament fi tliet stadji.
40. L-ewwel, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika li jeżistu riskji ġenwini għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika (29), filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-Istat Membru jista’ jadotta miżuri ta’ protezzjoni mingħajr il-ħtieġa li jistenna li jseħħ in-nuqqas tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa jew li jimmaterjalizzaw ruħhom ir-riskji għall-kwalità tal-edukazzjoni (30). Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iġibu prova li jeżistu dawn ir-riskji billi jagħmlu analiżi kkwantifikata li tieħu inkunsiderazzjoni, l-ewwel nett, l-impatt tal-grupp ta’ studenti mhux residenti li kisbu d-diploma Belġjana tagħhom ta’ tmiem l-istudji sekondarji tagħhom, studji mwettqa f’istituzzjoni tal-Komunità Franċiża, fuq it-tfittxija tal-għan intiż sabiex tiġi ggarantita disponibbiltà ta’ professjonisti fi ħdan il-Komunità Franċiża. Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li studenti residenti jiddeċiedu li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fi Stat li ma jkunx ir-Renju tal-Belġju fi tmiem l-istudji tagħhom. Fl-aħħar nett, din l-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni li persuni li ma studjawx fi ħdan il-Komunità Franċiża possibbilment jistabbilixxu ruħhom fiha sabiex jeżerċitaw il-professjoni ta’ tabib (31).
41. Fil-kuntest tal-imsemmija analiżi, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-possibbiltajiet tat-twettiq tat-taħriġ prattiku kollu jew parti minnu f’istituzzjonijiet tal-isptar fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, skont l-Artikolu 1 tal-Ftehim bejn il-Komunità Franċiża u l-Lussemburgu.
42. It-tieni, jekk il-qorti tar-rinviju tqis li jeżistu riskji għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, din il-qorti għandha tevalwa jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tistax tiġi kkunsidrata bħala tali li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti (32).
43. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju jkollha tevalwa jekk il-kwota bbażata fuq il-kriterju ta’ residenza applikat fil-konfront ta’ A. Dris tikkontribwixxix għal dan il-għan.
44. Fil-fatt, il-kriterju li fuqu tista’ tkun ibbażata l-kwota għal studenti mhux residenti biex ikollhom aċċess għal edukazzjoni għolja kien is-suġġett ta’ diskussjoni. Għaldaqstant, il-kriterju uniku tal-Istat li fih inkisbet id-diploma ta’ tmiem l-istudji sekondarji ġie aċċettat mill-Kummissjoni li, f’Mejju 2017 (33), għalqet il-proċeduri ta’ ksur miftuħa kontra r-Repubblika tal-Awstrija fl‑24 ta’ Jannar 2007 (34). Madankollu, waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li kienet infetħet proċedura ġdida, fil-forma ta’ EU Pilot, kontra r-Renju tal-Belġju dwar il-kwota għal studenti mhux residenti biex ikollhom aċċess għal studji ta’ xjenzi mediċi bbażata fuq ir-residenza tal-istudent, u li l-ilment ta’ A. Dris, ippreżentat fl-2023, kien inkluż fiha.
45. Filwaqt li l-eżistenza ta’ rekwiżit ta’ residenza tista’ tinftiehem li tillimita l-aċċess għal studji ta’ xjenzi mediċi u tevita t-“turiżmu” universitarju, li permezz tiegħu wieħed jistudja fi Stat Membru fejn l-aċċess għal dawk l-istudji jkun inqas strett milli fi Stati Membri oħra sabiex wieħed eventwalment jipprattika fi Stat Membru ieħor, il-każ ta’ A. Dris madankollu juri li dan il-kriterju uniku, fih innifsu, ma huwiex adegwat f’ċerti sitwazzjonijiet.
46. Għaldaqstant, peress li A. Dris ħa l-edukazzjoni sekondarja kollha tiegħu fil-Belġju, li wasslet għall-ksib tad-diploma ta’ tmiem l-istudji sekondarji tiegħu, huwa qatta’ l-biċċa l-kbira tal-ħin tiegħu f’dak l-Istat Membru, u dan ikkontribwixxa għall-iżvilupp ta’ ħbiberiji mal-istudenti l-oħra u għall-involviment tiegħu f’attivitajiet ekstrakurrikulari f’Arlon. Peress li l-ħajja ta’ tifel hija fil-parti l-kbira fformata mill-iskola u l-attivitajiet ekstrakurrikulari tiegħu, huwa jista’ jitqies li għandu rabta mal-Belġju ekwivalenti għal dik ta’ resident fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
47. Dibattitu simili fuq il-kriterju li għandu jintuża għall-għoti ta’ għajnuniet finanzjarji lil studenti mhux residenti ġie solvut mill-Qorti tal-Ġustizzja.
48. Fuq dan il-punt (35), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kundizzjoni waħdanija marbuta mal-post fejn inkisbet id-diploma ta’ tmiem l-istudji sekondarji hija ta’ natura wisq ġenerali u esklużiva, u li din il-kundizzjoni tiffavorixxi indebitament element li ma huwiex neċessarjament rappreżentattiv tal-livell reali u effettiv tar-rabta bejn min jitlob il-benefiċċji sakemm jinstab impjieg u s-suq ġeografiku tax-xogħol (36).
49. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-fatt li jkun għamel parti importanti tal-istudji sekondarji tiegħu fi Stat Membru għandu bħala konsegwenza li l-istudent ikun stabbilixxa rabta reali mas-soċjetà ta’ dan l-aħħar Stat Membru (37). Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Bidar, il-garanzija ta’ integrazzjoni suffiċjenti fis-soċjetà tal-Istat Membri ospitanti kienet toħroġ mill-kundizzjonijiet li jimponu residenza preċedenti fit-territorju ta’ dan l-Istat (38). Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, li kienet tirrigwarda għajnuna mogħtija fil-forma ta’ self issussidjat lill-istudenti biss stabbiliti fit-territorju nazzjonali, kienet tpoġġi lil ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fl-impossibbiltà li jissodisfa din il-kundizzjoni, u dan ikun xi jkun il-livell ta’ integrazzjoni reali fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali trattament ma setax jiġi kkunsidrat bħala ġġustifikat mill-għan leġittimu li l-istess leġiżlazzjoni hija intiża li tiggarantixxi (39).
50. Nemmen li dan il-kunċett ta’ “konnessjoni” jista’ jkun utli biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom sabiex isegwu l-istudji sekondarji tagħhom, li jiġu konklużi b’diploma ta’ tmiem l-istudji sekondarji, fi Stat Membru ieħor, iżda li ma jirrisjedux hemmhekk, jiġu ttrattati b’mod differenti miċ-ċittadini tal-Unjoni li huma residenti f’dak l-Istat Membru. Sabiex tiġi evitata analiżi każ b’każ fil-mument tal-eżami tad-dħul, din ir-rabta tista’ tiġi fformalizzata bil-ħtieġa ta’ ċertu perijodu ta’ skola fil-Belġju fis-snin immedjatament ta’ qabel id-diploma li tingħata ma’ tmiem l-istudji sekondarji. Għaldaqstant, il-biża’ tat-turiżmu universitarju jiġi eliminat fir-rigward taż-żgħażagħ, ċittadini tal-Unjoni, li attendew skola fil-Belġju f’età meta l-għażliet tal-karriera professjonali jkunu ma sarux.
51. Għaldaqstant, nikkunsidra li s-sistema ta’ kwoti għall-istudenti mhux residenti llum prevista għall-istudji tax-xjenzi mediċi tista’ toħloq dubju fir-rigward ta’ kemm hija kapaċi tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan ta’ saħħa pubblika, b’mod partikolari fuq il-punt dwar jekk il-limitazzjoni tan-numru ta’ studenti fl-istess sitwazzjoni bħal A. Dris hijiex verament tali li żżid in-numru ta’ gradwati lesti li jiżguraw, iktar ’il quddiem, id-disponibbiltà tas-servizz tas-saħħa fi ħdan il-Komunità Franċiża (40).
52. It-tielet, fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu ma tqisx bħala “residenti” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2006 lill-istudenti li, bħal A. Dris, ħadu l-parti l-kbira tat-tagħlim sekondarju tagħhom, konkluż bl-għoti tad-diploma ta’ tmiem l-istudji sekondarji, fil-Belġju, filwaqt li huma residenti fil-Lussemburgu, tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan invokat, jiġifieri jekk jeżistux miżuri inqas restrittivi li jippermettu li jinkiseb dan l-għan (41).
53. Dejjem fil-qasam tal-għajnuniet finanzjarji għall-istudji ogħla, il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-istħarriġ tal-proporzjonalità previst fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, aċċettat li rekwiżit ta’ residenza ma huwiex neċessarjament l-uniku element rappreżentattiv tal-livell effettiv ta’ konnessjoni bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru kkonċernat u, minħabba f’hekk, huwa ta’ natura esklużiva wisq (42). Fil-fatt, fis-sentenza Giersch et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-eżistenza ta’ probabbiltà raġonevoli li l-benefiċjarji tal-għajnuna jiġu lura sabiex jistabbilixxu ruħhom fil-Lussemburgu u jqiegħdu ruħhom għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku ta’ dan tal-aħħar, tista’ tiġi stabbilita minn elementi oħra għajr ir-rekwiżit ta’ residenza minn qabel tal-istudent ikkonċernat” (43). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-istudent jirrisjedi waħdu jew mal-ġenituri tiegħu fi Stat Membru konfinanti għal dak li fih kienu jaħdmu l-ġenituri tiegħu għal żmien sinjifikattiv (44).
54. Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li s-sentenzi Bidar u Giersch et, li ma jikkonċernawx l-aċċess għall-edukazzjoni ogħla, jittrattaw l-għajnuna finanzjarja biex wieħed ikompli dawn l-istudji. Madankollu, dan il-kriterju ta’ integrazzjoni fis-sens ta’ rabta reali jew livell ġenwin ta’ konnessjoni mas-soċjetà ospitanti, kif interpretat f’dawk is-sentenzi, jista’ jkun tali li jagħti effett utli lil-libertà tal-moviment fil-qasam tal-edukazzjoni meta ma jkunx akkumpanjat minn residenza permanenti fl-Istat Membru fejn tittieħed l-edukazzjoni sekondarja u tinkiseb id-diploma ta’ tmiem l-istudji sekondarji, kif jiġri f’żoni transkonfinali. Għall-istudenti tal-iskejjel li jospitaw studenti jirrisjedu fihom, ir-rabta tkun saħansitra iktar b’saħħitha.
55. Barra minn hekk, f’sitwazzjonijiet simili għal dik ta’ A. Dris, il-prossimità ġeografika marbuta mas-sitwazzjoni transkonfinali ma tipprekludix l-istabbiliment professjonali fis-suq tax-xogħol tar-reġjun ikkonċernat, li, anki jekk tinsab fuq in-naħa Lussemburgiża tal-fruntiera, tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-pazjenti Lussemburgiżi u Belġjani. Fil-fatt, teżisti direttiva li tirregola l-kura tas-saħħa transkonfinali (45) li wasslet għal ġurisprudenza dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-kura transkonfinali (46). Barra minn hekk, meta affaċċjata b’nuqqas ta’ professjonisti fil-qasam tas-saħħa, il-Komunità Franċiża implimentat sussidji għall-impjiegi bil-għan li tattira professjonisti żgħażagħ sabiex issaħħaħ il-livelli tal-persunal f’dan ir-reġjun (47).
56. Konsegwentement, nipproponi li tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju li l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tqisx bħala residenti fil-Belġju dawk l-istudenti li jkunu lestew l-edukazzjoni sekondarja kollha jew parti kbira minnha, li tiġi konkluża bl-għoti ta’ diploma ta’ tmiem l-istudji sekondarji, fil-Belġju, filwaqt li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, bil-għan li jiġi limitat in-numru ta’ studenti mhux residenti li jistgħu jirreġistraw għall-ewwel darba f’korsijiet tax-xjenzi mediċi f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla.
V. Konklużjoni
57. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) bil-mod kif ġej:
L-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tqisx bħala residenti fil-Belġju dawk l-istudenti li jkunu lestew l-edukazzjoni sekondarja kollha jew parti kbira minnha, li tiġi konkluża bl-għoti ta’ diploma ta’ tmiem l-istudji sekondarji, fil-Belġju, filwaqt li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, bil-għan li jiġi limitat in-numru ta’ studenti mhux residenti li jistgħu jirreġistraw għall-ewwel darba f’korsijiet tax-xjenzi mediċi f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Ara l-loi portant création de l’Université du Luxembourg (il-Liġi li Toħloq l-Università tal-Lussemburgu), tat‑12 ta’ Awwissu 2003 (Mémorial A 149, p. 2990), li daħlet fis-seħħ fl‑10 ta’ Ottubru 2003. L-Università tal-Lussemburgu ħadet f’idejha l-korsijiet li qabel kienu offruti mis-Centre Universitaire de Luxembourg, l’Institut Supérieur de Technologie, l’Institut Supérieur d’Études et de Recherches Pédagogiques et l’Institut d’Études Éducatives et Sociales (iċ-Ċentru Universitarju tal-Lussemburgu, l-Istitut Superjuri tat-Teknoloġija, l-Istitut Superjuri tal-Istudji u tar-Riċerki Pedagoġiċi, u l-Istitut tal-Istudji Edukattivi u Soċjali) (ara l-Artikoli 54 sa 57 ta’ din il-liġi).
3 Ara l-kriterji għall-ammissjoni għal dan il-“Baċellerat” fis-sit internet tal-Università tal-Lussemburgu: https://www.uni.lu/fstm-fr/study-programs/bachelor-en-medecine/.
4 Ara l-preċiżazzjonijiet fuq in-numru ta’ studenti ammessi f’kull wieħed minn dawn l-Istati fis-sit internet tal-Università tal-Lussemburgu: https://www.uni.lu/fstm-fr/study-programs/bachelor-en-medecine/universites-partenaires/.
5 Ara l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi li wassal għal-loi portant organisation d’études spécialisées en médecine à l’Université du Luxembourg (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Istudji Speċjalizzati fil-Mediċina fl-Università tal-Lussemburgu), tal‑31 ta’ Lulju 2020 (Mémorial A 662), disponibbli fis-sit internet li ġej: https://wdocs-pub.chd.lu/docs/Dossiers_parlementaires/7531/20250515_Dep%C3%B4t.pdf (p. 3).
6 Iktar ’il quddiem il-“Komunità Franċiża”.
7 Moniteur belge tas‑6 ta’ Lulju 2006, p. 34055.
8 Iktar ’il quddiem id-“digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2006”.
9 C‑73/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bressol et”, EU:C:2010:181.
10 Iffirmat fi Brussell fis‑17 ta’ Lulju 2017 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim bejn il-Komunità Franċiża u l-Lussemburgu”). Dan il-ftehim ġie annullat u ssostitwit mill-Ftehim Speċjali dwar il-Kooperazzjoni Universitarja fit-Taħriġ Mediku bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tal-Komunità Franċiża, magħmul fil-Lussemburgu fl‑4 ta’ Jannar 2022, li kien għadu mhux fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali.
11 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 46).
12 Moniteur belge tal‑14 ta’ April 2017, p. 51063.
13 Iktar ’il quddiem id-“digriet tad‑29 ta’ Marzu 2017”.
14 Moniteur belge tat‑18 ta’ Diċembru 2013, p. 99347.
15 C‑209/03, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bidar”, EU:C:2005:169.
16 Ara s-sentenza Bressol et (punti 34, 37 u 39).
17 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Ministarstvo financija (Bourse Erasmus+) (C‑277/23, EU:C:2025:18, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Ministarstvo financija (Bourse Erasmus+) (C‑277/23, EU:C:2025:18, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 Ara s-sentenza Bressol et (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Ara s-sentenza Bressol et (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Ara s-sentenza Bressol et (punt 29).
22 Ara l-Artikolu 6(2) tad-digriet tad‑29 ta’ Marzu 2017.
23 Ara s-sentenza Bressol et (punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Ministarstvo financija (Bourse Erasmus+) (C‑277/23, EU:C:2025:18, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Ara s-sentenza Bressol et (punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Ara s-sentenza Bressol et (punti 54 u 67).
27 Ara s-sentenza Bressol et (punti 63 u 64).
28 Ara s-sentenza Bressol et (punt 65).
29 Ara s-sentenza Bressol et (punti 66 sa 74).
30 Ara s-sentenza Bressol et (punt 70).
31 Ara, b’analoġija, is-sentenza Bressol et (punt 73). Is-sentenza tal-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), Nru 89/2011, tal‑31 ta’ Mejju 2011, siltet il-konsegwenzi mis-sentenza Bressol et billi analizzat kull wieħed mill-programmi affettwati mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni dak iż-żmien, fid-dawl tal-kriterji mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, il-kwota għal studenti mhux residenti kienet iġġustifikata fir-rigward tal-korsijiet ta’ fiżjoterapija u studji veterinarji, iżda ma kinitx meqjusa ġġustifikata fir-rigward tas-seba’ korsijiet l-oħra li, wara analiżi mill-qorti nazzjonali fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma kinux affettwati minn nuqqas ta’ gradwati tagħhom sal-punt li joħolqu riskju ġenwin għas-saħħa pubblika. Konsegwentement, ir-Renju tal-Belġju waqaf japplika din is-sistema ta’ kwoti għal studenti mhux residenti f’sebgħa mid-disa’ programmi li għalihom ma kien hemm l-ebda riskju ġenwin għas-saħħa pubblika.
32 Ara s-sentenza Bressol et (punt 75).
33 Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni disponibbli fis-sit internet li ġej: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/fr/ip_17_1282.
34 Ara l-proċedura INFR(1998)2308 u l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni intitolata “Moviment liberu tal-istudenti: il-Kummissjoni tibgħat ittri ta’ intimazzjoni lill-Awstrija u lill-Belġju”, tal‑24 ta’ Jannar 2007, disponibbli fis-sit internet li ġej: ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/fr/ip_07_76.
35 B’differenza mill-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fil-konfront tar-Repubblika tal-Awstrija fil-qasam tal-kwoti għall-istudenti mhux residenti (ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
36 Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 39).
37 Ara s-sentenza Bidar (punt 62).
38 Ara s-sentenza Bidar (punt 60).
39 Ara s-sentenza Bidar (punt 61).
40 Ara s-sentenza Bressol et (punt 76).
41 Ara s-sentenza Bressol et (punt 77).
42 Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C-20/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Giersch et”, EU:C:2013:411, punt 73).
43 Ara s-sentenza Giersch et (punt 77).
44 Ara s-sentenza Giersch et (punt 78).
45 Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU 2011, L 88, p. 45).
46 Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Casa Judeţeană de Asigurări de Sănătate Mureș et (C‑489/23, EU:C:2025:651).
47 Ara, f’dan ir-rigward, dwar l-infermiera fil-provinċja tal-Lussemburgu: https://www.province.luxembourg.be/actualites/subvention-infirmier.