Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tan-Netherlands
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(2)Ir-Regolament REPowerEU, adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. In-Netherlands żiedu kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.
(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riformi u l-investimenti biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività. Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.
(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2024, li fih identifikat lin-Netherlands bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2024 tan-Netherlands. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.
(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Jinkludi wkoll emendi għar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u għad-Direttiva 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru jenħtieġ li jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ 4 jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta fil-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jenħtieġ li jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inklużi r-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew biex jibqa’ f’livelli prudenti taħt 60 % tal-PDG, u biex id-defiċit tal-gvern jinġieb u / jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). Jenħtieġ li l-Istati Membri jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.
(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(7)Fis-7 ta’ Lulju 2022, in-Netherlands ippreżentaw il-pjan nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fl-4 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għan-Netherlands, li ġiet emendata fl-24 ta’ Ottubru 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għall-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU. Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li n-Netherlands issodisfaw l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(8)In-Netherlands ippreżentaw il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 tagħhom fid-29 ta’ April 2024, u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2024 fit-30 ta’ April 2024, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tan-Netherlands dwar il-progress li sar fil-ksib tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu.
(9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għan-Netherlands fid-19 ta’ Ġunju 2024. Hija vvalutat il-progress tan-Netherlands fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u ħadet kont tal-implimentazzjoni tan-Netherlands tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tan-Netherlands fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-ksib tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-ksib tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(10)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għan-Netherlands. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għan-Netherlands għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati f’Marzu 2024. Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li n-Netherlands qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, in-Netherlands għandhom quddiemhom vulnerabbiltajiet relatati ma’ dejn privat għoli f’kuntest ta’ suq fis-settur tal-akkomodazzjoni sopravalutat, li għandhom rilevanza transfruntiera u jibqgħu rilevanti minkejja xi titjib. Il-vulnerabbiltajiet assoċjati mas-surplus kbir fil-kont kurrenti ttaffew permezz tat-tkabbir relattivament qawwi fid-domanda domestika. Is-surplus kbir fil-kont kurrenti kien, u huwa mistenni li jibqa’, elevat bis-saħħa ta’ surplus sostanzjali fil-kummerċ tal-oġġetti u s-servizzi, li jirrifletti surplus ta’ tfaddil domestiku fuq l-investiment għall-ekonomija kollha kemm hi. Madankollu, id-domanda domestika kienet qed tikber b’mod aktar robust milli fiż-żona tal-euro f’dawn l-aħħar snin, li jissuġġerixxi li l-ispillovers tas-surplus fil-kont kurrenti fuq il-bqija taż-żona qed isiru inqas ta’ tħassib. Il-preżenza sinifikanti ta’ intrapriżi multinazzjonali fin-Netherlands, l-impatt statistiku tal-qligħ korporattiv miżmum, u r-rwol tal-fondi tal-pensjonijiet li jakkumulaw tfaddil kbir li jiġu investiti barra mill-pajjiż huma kollha karatteristiċi li jikkontribwixxu għad-diskrepanza kbira fl-iffrankar u fl-investiment. Id-dejn privat kompla jonqos b’mod konsiderevoli fl-2023, u jista’ jkun mistenni tnaqqis ulterjuri, iżda d-dejn għadu għoli. Il-livell għoli ta’ dejn flimkien ma’ parteċipazzjonijiet kbar ta’ assi illikwidi, prinċipalment tfaddil għall-akkomodazzjoni u l-pensjonijiet, jagħmel lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli għall-kundizzjonijiet ekonomiċi li qed jinbidlu, speċjalment minħabba s-suq fis-settur tal-akkomodazzjoni sopravalutat. Il-prezzijiet tad-djar urew xi korrezzjoni għall-biċċa l-kbira tas-sena l-oħra fi sfond ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti iżda jibqgħu sopravalutati anki jekk inqas minn qabel. Ittieħdu xi miżuri biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati, iżda huma meħtieġa aktar sforzi. Jistgħu jiġu segwiti diversi għażliet biex jiġi indirizzat b’mod aktar qawwi n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni permezz ta’ investiment ogħla fl-akkomodazzjoni u t-tneħħija tal-ostakli għall-kostruzzjoni ta’ abitazzjonijiet ġodda, filwaqt li jiġu indirizzati aktar l-inċentivi tat-taxxa għas-sjieda tad-djar iffinanzjata mid-dejn. Ir-riformi reċenti fis-suq tal-kiri privat x’aktarx li ma jwasslux għad-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni.
(11)Abbażi tad-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tan-Netherlands żdied minn 0,1 % tal-PDG fl-2022 għal 0,3 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 50,1 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 46,5 % fi tmiem l-2023.
(12)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda li n-Netherlands jieħdu azzjoni biex fl-2023 jiżguraw li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika newtrali ġenerali, u tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. In-Netherlands ingħataw rakkomandazzjoni li għandhom ikunu lesti li jaġġustaw l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Saret ukoll rakkomandazzjoni biex in-Netherlands jespandu l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija u jqisu l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi jagħmlu użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali kienet restrittiva, b’0,8 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,9 % tal-PDG. Dan jinkludi ż-żieda fl-ispiża tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza immirati lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,4 % tal-PDG. Iż-żieda tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 kienet konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 3,1 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 0,1 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. In-Netherlands iffinanzjaw l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-espansjoni tal-grilja elettrika kkonġestjonata, it-twettiq ta’ titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-bini pubbliku u l-espansjoni tal-aċċess għal internet b’veloċità għolja fiż-żoni rurali. In-Netherlands ippreżentaw l-ewwel talba għal pagament taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-24 ta’ Mejju li l-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tivvaluta.
(13)Il-projezzjonijiet ewlenin fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2024 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprevedi tkabbir tal-PDG reali ta’ 1,1 % fl-2024 u ta’ 1,6 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 2,0 % tal-PDG fl-2024 u 2,1 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 46,8 % sa tmiem l-2024 u 48,1 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pproġettat li jiżdied għal 3,3 % tal-PDG fl-2026, 2,6 % fl-2027 u 3,2 % fl-2028. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li jibqa’ taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG tul l-orizzont tal-programm. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pproġettat li jiżdied gradwalment għal 52,0 % fl-2028.
(14)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’0,8 % fl-2024 u 1,5 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 2,5 % fl-2024 u 2,0 % fl-2025.
(15)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 2,0 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 47,1 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda tad-defiċit fl-2024 tirrifletti prinċipalment nuqqasijiet fid-dħul minħabba distribuzzjoni eċċezzjonalment għolja tad-dividendi fl-2023 b’antiċipazzjoni ta’ żieda fit-taxxa fuq l-introjtu tad-dividendi fl-2024, żieda fl-infiq fuq il-benefiċċji soċjali biex tiġi restawrata l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, żieda fl-għajnuna lill-Ukrajna, kif ukoll investimenti pubbliċi permezz tal-fondi tal-gvern għall-klima, l-infrastruttura u d-difiża. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun espansjonarja b’0,4 % tal-PDG fl-2024.
(16)In-nefqa li tammonta għal 0,1 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tan-Netherlands.
(17)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda li n-Netherlands jiżguraw b’mod partikolari politika fiskali prudenti billi jillimitaw iż-żieda nominali f’nefqa netta primarja ffinanzjata nazzjonalment fl-2024 għal mhux aktar minn 3,5 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tan-Netherlands hija pproġettata li tiżdied b’6,6 % fl-2024, li hija ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata. Dan l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima rakkomandata għat-tkabbir f’nefqa netta primarja ffinanzjata nazzjonalment jikkorrispondi għal 1,3 % tal-PDG fl-2024. Madankollu, in-nefqa netta fl-2023 kienet aktar baxxa milli mistenni fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni (b’1,3 % tal-PDG). Għalhekk, peress li r-rakkomandazzjoni għall-2024 ġiet ifformulata bħala rata ta’ tkabbir, il-valutazzjoni tal-konformità trid tqis ukoll l-effett bażi mill-2023. Kieku n-nefqa netta fl-2023 kienet l-istess bħal dik mistennija fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni, ir-rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta li tirriżulta fl-2024 kienet tkun ogħla mir-rata ta’ tkabbir rakkomandata b’inqas minn 0,1 % tal-PDG. Għalhekk, in-nefqa netta primarja ffinanzjata nazzjonalment hija vvalutata bħala f’riskju li ma tkunx kompletament konformi mar-rakkomandazzjoni.
(18)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li n-Netherlands jieħdu azzjoni biex inaqqsu gradwalment il-miżuri urġenti ta’ appoġġ fis-seħħ, u jużaw l-iffrankar relatat biex inaqqsu d-defiċit tal-gvern, malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u l-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk żidiet imġedda fil-prezz tal-enerġija jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ ġodda jew kontinwi, jenħtieġ li n-Netherlands jiżguraw li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni ta’ familji u ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat għal 1,0 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat għal 0,1 % fl-2024, u 0,0 % fl-2025. B’mod partikolari, id-dazji tas-sisa mnaqqsa fuq id-diżil u l-petrol huma preżunti li jibqgħu fis-seħħ fl-2024. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex inaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawn il-projettazzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta’ 0,9 % tal-PDG fl-2024, billi n-nefqa netta primarja ffinanzjata nazzjonalment tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,5 % tal-PDG f’dik is-sena. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huma projettati li jiġu eliminati gradwalment malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill. Madankollu, it-tfaddil relatat mhuwiex ipprojettat li jintuża kollu biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
(19)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li n-Netherlands jippreżervaw l-investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment u jaċċertaw l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari għat-trawwim tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment huwa pprojettat li jibqa’ stabbli għal 3,1 % tal-PDG fl-2024 minn 3,1 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill. Min-naħa l-oħra, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija li tibqa’ stabbli għal 0,2 % tal-PDG fl-2024.
(20)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 2,1 % tal-PDG fl-2025. Iż-żieda tad-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment żieda ulterjuri fl-investiment pubbliku ppjanat mill-gvern. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 48,4 % sa tmiem l-2025.
(21)Ir-redditi mill-proprjetajiet ta’ residenza primarja, il-ġid tal-pensjoni u l-investimenti miżmuma f’kumpaniji miżmuma mill-qrib huma ntaxxati b’rati favorevoli meta mqabbla mal-introjtu minn investimenti f’ishma u bonds. Barra minn hekk, it-taxxa fuq l-introjtu minn investimenti f’ishma u bonds hija kkalkulata abbażi ta’ redditi preżunti aktar milli reali. It-trattament tat-taxxa preferenzjali ta’ proprjetajiet residenzjali permezz tat-tnaqqis tal-imgħax ipotekarju flimkien ma’ imputazzjoni ta’ taxxa baxxa fuq il-kera jagħti spinta lid-domanda tal-akkomodazzjoni, li jgħolli l-prezzijiet. Barra minn hekk, it-tfaddil għall-pensjoni jgawdi minn ħelsien mit-taxxa sa livelli ta’ introjtu komparattivament għoljin. B’riżultat ta’ dan, il-ġid tal-unitajiet domestiċi fin-Netherlands huwa kkonċentrat ħafna f’tipi ta’ ġid illikwidi, bħall-akkomodazzjoni jew il-pensjonijiet. Dan jesponi lill-unitajiet domestiċi għal riskju ekonomiku akbar matul xokkijiet ekonomiċi u jista’ ma jwassalx għal mudell ta’ konsum ottimali matul ħajjithom f’ħafna każijiet. It-trattament inugwali tat-taxxa fi ħdan u fost it-tipi ta’ assi jwassal ukoll għal arbitraġġ tat-taxxa u jista’ jfixkel l-allokazzjoni effiċjenti tal-kapital. B’riżultat ta’ dan, dan it-trattament mhux ugwali huwa rilevanti biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi.
(22)Minbarra l-inċentivi fiskali msemmija hawn fuq, is-sopravalutazzjoni fis-suq tad-djar kienet xprunata wkoll minn nuqqas ta’ provvista ta’ abitazzjonijiet ġodda. It-tneħħija tal-ostakli li bħalissa qed iżommu lura l-investimenti, inkluż fil-kostruzzjoni residenzjali, tista’ tippermetti lill-gvern javvanza b’mod effettiv il-pjanijiet tiegħu biex iżid il-provvista tad-djar u jikkontribwixxi għal riekwilibriju estern. B’riżultat ta’ dan, it-tneħħija ta’ tali obstakli hija rilevanti biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi. Fl-istess ħin, is-suq tal-kiri privat huwa relattivament żgħir, u jirriżulta f’alternattivi affordabbli u disponibbli limitati għas-sjieda tad-djar. In-nuqqas ta’ akkomodazzjoni għall-kiri affordabbli jdgħajjef ukoll il-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-koeżjoni soċjali.
(23)In-Netherlands għandhom sistema ta’ kura fit-tul żviluppata sew. Filwaqt li n-nefqa fuq il-kura fit-tul fin-Netherlands diġà hija l-ogħla fl-UE, il-kostijiet huma mistennija li jiżdiedu b’mod sostanzjali. Fl-2022, in-nefqa totali fuq il-kura fit-tul fin-Netherlands kienet ta’ 3,8 % tal-PDG, l-ogħla valur fl-UE b’marġni wiesa’. Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024 jipprojetta li din iċ-ċifra se tiżdied b’ 1,0 pp sal-2040 u b’ 1,9 pp sal-2070. Barra minn hekk, il-kostijiet unitarji għall-forniment ta’ kura istituzzjonali fin-Netherlands huma fost l-ogħla fl-UE, anke meta mkejla bħala sehem tal-PDG per capita. Dan jissuġġerixxi li hemm lok għal titjib tas-sostenibbiltà fiskali tal-kura fit-tul billi jitnaqqsu l-ineffiċjenzi fis-sistema mingħajr ma jiġu kompromessi l-kwalità u l-kopertura għolja tagħha. Eżempju ta’ ineffiċjenzi bħal dawn huwa li l-muniċipalitajiet, li huma l-fornituri tal-kura fid-djar fin-Netherlands, għandhom inċentivi biex jittrasferixxu r-responsabbiltà għall-pazjenti lejn is-settur tal-kura residenzjali minflok ma jkomplu jipprovdulhom kura bbażata fid-dar u fil-komunità kemm jista’ jkun. Barra minn hekk, l-ineffiċjenzi fis-sistema tal-kura fit-tul jistgħu jiġu indirizzati, pereżempju billi jintużaw soluzzjonijiet aktar diġitali u innovattivi jew billi jsir investiment fil-prevenzjoni biex jiġi ttardjat il-bidu tal-ħtiġijiet tal-kura fit-tul u d-dipendenza fuq l-appoġġ għall-attivitajiet tal-għajxien ta’ kuljum.
(24)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu limitat ta’ żmien , it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tan-Netherlands permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex iwettqu l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li n-Netherlands jaċċelleraw b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tar-riformi u, b’mod partikolari, jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tar-riformi li huma relatati mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali, tas-soċjetà ċivili u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(25)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, in-Netherlands jeħtieġu jirrieżaminaw kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li jqisu, fost l-oħrajn, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluża f’kull programm. In-Netherlands għamlu progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi. Filwaqt li d-differenzi reġjonali fil-PDG per capita baqgħu stabbli u r-reġjuni kollha jikklassifikaw ferm ogħla mill-medja tal-UE f’termini ta’ kompetittività, it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju taffettwa lir-reġjuni b’raggruppamenti ta’ industriji intensivi fl-emissjonijiet b’mod differenti. Huwa importanti li titħaffef l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, u l-prijoritajiet miftiehma fil-programmi jibqgħu rilevanti. L-objettivi li tiġi appoġġata l-innovazzjoni relatata mat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, kif ukoll li tiġi appoġġata l-ekonomija ekoloġika fir-reġjuni bi clusters ta’ industrija li huma l-aktar milquta mit-tranżizzjoni klimatika, għadhom partikolarment importanti. L-appoġġ għat-tranżizzjonijiet soċjetali f’żoni urbani żvantaġġati fi bliet kbar jibqa’ rilevanti. Għad hemm bżonn ta’ azzjoni biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u tas-suq tax-xogħol billi jsir investiment f’opportunitajiet ugwali (ta’ xogħol) u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni. Meta jitwettaq ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, jenħtieġ li jiġi promoss il-potenzjal għall-ittestjar u l-pilotaġġ ta’ soluzzjonijiet biex jgħinu fit-tnaqqis tal-konġestjoni tal-grilja elettrika peress li dan se jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika tan-Netherlands. In-Netherlands jistgħu jagħmlu użu mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex jappoġġaw it-trasformazzjoni tal-industrija u jiffaċilitaw l-investimenti fil-manifattura tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, inkluż fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid.
(26)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE, in-Netherlands qed jiffaċċaw diversi sfidi addizzjonali relatati mas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet, l-edukazzjoni bażika, id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u d-depożiti eċċessivi tan-nitroġenu.
(27)Is-sehem tal-impjieg flessibbli (kemm ħaddiema b’kuntratti temporanji u dawk li jaħdmu għal rashom) fis-suq tax-xogħol għadu għoli fin-Netherlands. Dan jindika riskju persistenti ta’ segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, b’effetti partikolarment distorsivi fil-marġini tas-suq tax-xogħol. Dan jista’ jamplifika l-inugwaljanza fl-opportunitajiet u jkun problematiku għall-produttività. Ċertu ammont ta’ flessibbiltà fis-suq tax-xogħol jista’ jgħin biex jikkontribwixxi għall-adattabilità tal-ekonomija u jista’ wkoll jakkomoda aħjar il-preferenzi individwali. Madankollu, l-użu eċċessiv ta’ tipi flessibbli ta’ impjiegi jista’ jkollu effetti negattivi fuq il-ħaddiema u l-ekonomija usa’. Pereżempju, il-parteċipazzjoni fit-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja hija sfida għal dawk b’arranġamenti flessibbli ta’ impjieg b’kuntratt, li, min-naħa tiegħu, jnaqqas l-investiment fil-ħiliet u jaggrava d-dgħufija tal-produttività. F’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali, il-Gvern Olandiż ħabbar miżuri biex jindirizza d-differenzi bejn l-arranġamenti tax-xogħol permanenti u dak flessibbli. Dawn il-miżuri jinkludu t-tneħħija ta’ kuntratti ta’ żero sigħat u s-sostituzzjoni ta’ kuntratti “on-call” fil-forma preżenti tagħhom b’tip ġdid ta’ kuntratt li jipprovdi aktar sigurtà tal-introjtu għall-ħaddiema, u titjib fis-sigurtà tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Il-progress rapidu fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet u l-infurzar effettiv se jkun importanti biex jiġi żgurat li l-għażla ta’ ċertu tip ta’ kuntratt ta’ impjieg tkun xprunata minn ħtiġijiet speċifiċi għall-impjieg jew mill-preferenzi tal-persuni li jkollhom impjieg, filwaqt li tittejjeb ukoll il-pożizzjoni soċjali u tal-impjieg tal-persuni f’impjieg flessibbli u titnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol.
(28)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet kien diġà prevalenti fis-suq tax-xogħol Olandiż qabel il-COVID-19, iżda minn dak iż-żmien sar aktar mifrux. Setturi bħall-ICT, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjiegi tekniċi, u l-impjiegi relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika jiffaċċjaw nuqqasijiet strutturali, li huma mistennija li jippersistu, parzjalment minħabba l-iżviluppi demografiċi. Minkejja rata ta’ parteċipazzjoni ġenerali għolja, in-Netherlands għad għandhom riżerva ta’ ħaddiema potenzjali mhux utilizzati biżżejjed, bħal persuni ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni jew dawk li jaħdmu f’impjieg part-time. Dan in-nuqqas ta’ utilizzazzjoni ta’ parti mill-forza tax-xogħol, flimkien ma’ nuqqasijiet ta’ ħiliet, joħloq riskju għall-kompetittività Olandiża u jista’ jżomm lura l-investimenti, inkluż fil-bini ta’ abitazzjonijiet ġodda, li jagħmilha rilevanti għall-iżbilanċi makroekonomiċi fin-Netherlands. Huwa meħtieġ approċċ komprensiv biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, filwaqt li jiġu indirizzati wkoll il-ħtiġijiet u l-ostakli speċifiċi għas-settur. Biex tiżdied il-provvista ta’ ħaddiema, in-nies jistgħu jiġu inċentivati biex jaħdmu aktar sigħat, inkluż permezz ta’ miżuri ta’ politika li jippromwovu l-kwalità tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Barra minn hekk, it-tisħiħ tal-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet jew ta’ taħriġ mill-ġdid permezz ta’ miżuri mmirati u mfassla apposta, b’mod partikolari għal dawk fil-marġini tas-suq tax-xogħol u l-persuni inattivi, jista’ jgħin biex itaffi n-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet u jtejjeb l-eżiti soċjali. Minħabba n-nuqqas eżistenti ta’ ħaddiema fis-setturi kollha u l-istaġnar fil-produttività tax-xogħol, il-miżuri ta’ politika min-naħa tad-domanda jistgħu jiffukaw fuq il-promozzjoni ta’ setturi b’valur miżjud għoli kif ukoll setturi relatati mal-isfidi tas-soċjetà, bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, it-trawwim tal-mobbiltà transsettorjali u ż-żieda fl-investimenti li jtejbu l-produttività u fir-R&Ż.
(29)Minkejja s-sehem li għadu relattivament għoli, għalkemm qed jonqos, ta’ studenti ta’ 15-il sena li għandhom l-ogħla prestazzjoni, ir-riżultati tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (Programme for International Student Assessment, PISA) tal-2022 juru żieda qawwija fl-għadd ta’ dawk li ma jilħqux biżżejjed ħiliet fil-matematika, ix-xjenza u l-qari. It-tnaqqis ivarja sostanzjalment bejn binarji differenti fl-edukazzjoni sekondarja, bl-istudenti fl-aktar binarji baxxi – id-diversi perkorsi tal-edukazzjoni sekondarja prevokazzjonali (vmbo) – juru l-akbar tnaqqis fil-punteġġi tat-testijiet. Barra minn hekk, l-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni (studenti nattivi b’ġenituri mwielda barra mill-pajjiż u studenti mwielda barra mill-pajjiż) ma jilħqux kważi d-doppju daqs l-istudenti mingħajr sfond ta’ migrazzjoni fil-matematika u x-xjenza, filwaqt li d-differenza hija kemxejn iżgħar fil-qari. Id-deterjorament tal-ħiliet bażiċi huwa wieħed mill-akbar fl-UE u jdgħajjef l-eżiti tal-edukazzjoni u tas-suq tax-xogħol kif ukoll il-produttività u l-kompetittività fit-tul. In-nuqqas dejjem akbar ta’ għalliema jista’ jaggrava l-isfidi fl-iżvilupp tal-ħiliet u l-ekwità u l-kwalità tal-edukazzjoni. Għalhekk, in-Netherlands jistgħu jevalwaw il-miżuri eżistenti li jindirizzaw il-ħiliet bażiċi u jirreveduhom kif meħtieġ, biex iżidu l-impatt tagħhom, speċjalment għall-iskejjel b’popolazzjoni ta’ studenti żvantaġġati. Barra minn hekk, in-Netherlands jistgħu jieħdu miżuri biex iżidu l-permeabbiltà tal-binarji tal-iskejjel sekondarji tagħhom u jestendu l-inċentivi tagħhom biex jattiraw aktar għalliema lejn skejjel b’popolazzjoni skolastika żvantaġġata.
(30)Minħabba l-konġestjoni dejjem tiżdied tal-grilja elettrika, l-operaturi tan-network spiss ikollhom jirrifjutaw talbiet għall-aċċess għall-grilja mingħand produtturi u konsumaturi ġodda tal-elettriku. Il-konġestjoni tal-grilja tirriskja li tnaqqas ir-ritmu tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u tillimita l-attività ekonomika, li jagħmilha rilevanti għall-iżbilanċi makroekonomiċi fin-Netherlands. Għalhekk, iż-żieda fil-kapaċità u l-flessibbiltà tal-grilja tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni hija essenzjali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, jitħaffef il-varar kemm tal-infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli fuq l-art kif ukoll lil hinn mill-kosta, tiġi ssodisfata d-domanda għall-elettriku, u tittejjeb il-kompetittività. Il-pjan tas-sistema tal-enerġija nazzjonali, adottat f’Diċembru 2023, jitlob investimenti f’kapaċità addizzjonali ta’ grilja u ta’ ħżin li jridu jiġu implimentati issa. Sabiex jiġu ffaċilitati l-investimenti meħtieġa fl-espansjoni tal-infrastruttura tal-elettriku, proċeduri aktar rapidi għall-għoti ta’ permessi għan-networks tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku huma kruċjali. Dan iħaffef ukoll l-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq l-art u lil hinn mill-kosta. Fl-aħħar nett, bħala parti mill-kundizzjonijiet ta’ qafas, hemm lok biex tiġi indirizzata l-konġestjoni permezz ta’ miżuri u regolamenti tekniċi (eż. inċentivi tariffarji jew limitazzjonijiet fil-ħinijiet l-aktar intensivi).
(31)Prattiki agrikoli intensivi jistgħu jikkawżaw depożiti eċċessivi ta’ nitroġenu, b’riperkussjonijiet serji fuq is-saħħa tal-ħamrija u fuq l-ekosistemi akkwatiċi u tal-baħar li jwasslu għal deterjorament tal-kapital naturali, filwaqt li fl-istess ħin ipoġġu restrizzjonijiet sinifikanti fuq l-għoti ta’ permessi għal attività ta’ kostruzzjoni li tarmi n-nitroġenu u l-użu ta’ infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli. B’riżultat ta’ dan, dawn il-prattiki huma rilevanti għall-iżbilanċi makroekonomiċi fin-Netherlands. Huwa meħtieġ appoġġ kontinwu biex tiġi xprunata tranżizzjoni lejn agrikoltura sostenibbli, inkluża l-biedja organika, filwaqt li jiġu żgurati l-kompetittività u l-ġustizzja soċjali. F’konformità mal-Pjan Strateġiku tal-PAK tan-Netherlands, in-Netherlands jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-għadd ta’ bhejjem, l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn agrikoltura ċirkolari u organika, l-inċentivar tat-tixrib mill-ġdid u t-teħid ta’ ħamrija b’livell għoli ta’ karbonju mill-produzzjoni, u t-tnaqqis tal-użu ta’ pestiċidi kimiċi u fertilizzanti inorganiċi. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-valur tista’ tittejjeb, pereżempju permezz tal-iżvilupp ulterjuri tas-sinjali tal-kwalità tal-UE, rikonoxximent akbar tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, aktar diġitalizzazzjoni u innovazzjoni fl-agrikoltura, u disponibbiltà akbar ta’ prodotti organiċi għall-konsumaturi. Għad hemm lok biex jiżdied aktar l-investiment fil-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma.
(32)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għan-Netherlands, ir-Rakkomandazzjonijiet(1), (2), (3) u (4) jgħinu jimplementaw l-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames rakkomandazzjonijiet għaż-Żona tal-Euro.
(33)Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet marbuta ma’ dejn għoli privat f’kuntest ta’ suq ta’ akkomodazzjoni sopravalutat. Ir-Rakkomandazzjoni (1) tikkontribwixxi kemm biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro, f’konformità mal-premessa 31.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li n-Netherlands jieħdu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:
1.Jissottomettu l-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, jillimitaw it-tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 għal rata konsistenti maż-żamma tad-defiċit ġenerali tal-gvern taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG u li d-dejn tal-gvern estiż jinżamm f’livell prudenti fuq terminu medju. Jallinjaw it-tassazzjoni ta’ tipi differenti ta’ introjtu mill-ġid, fost l-oħrajn, biex jitnaqqas il-preġudizzju tad-dejn tal-unitajiet domestiċi. Ineħħu l-ostakli għall-kostruzzjoni ta’ abitazzjonijiet ġodda, u jiżguraw l-affordabbiltà u d-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni fis-suq tal-kiri privat. Jindirizzaw iż-żieda mistennija fin-nefqa relatata mal-età billi jagħmlu s-sistema tal-kura fit-tul aktar kosteffettiva.
2.Iħaffu b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li jiżguraw it-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Jaċċellera/Taċċellera/Jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tagħhom, ikomplu jiffokaw fuq il-prijoritajiet maqbula u jippromwovu soluzzjonijiet ta’ ittestjar u pilotaġġ biex jgħinu jnaqqsu l-konġestjoni tal-grilja elettrika, filwaqt li jikkunsidraw l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tittejjeb il-kompetittività.
3.Jimplementaw miżuri biex inaqqsu l-inċentivi għall-użu ta’ kuntratti flessibbli jew temporanji. Jindirizzaw in-nuqqasijiet ta’ ħaddiema u ħiliet strutturali u speċifiċi għas-settur, inkluż billi jisfruttaw il-potenzjal tax-xogħol mhux utilizzat biżżejjed, u billi jinkoraġġixxu l-mobbiltà lejn setturi u setturi bi produttività għolja relatati mal-isfidi tas-soċjetà. Itejbu l-ħiliet bażiċi, inkluż billi jindirizzaw in-nuqqas ta’ għalliema u appoġġ imfassal apposta għall-iskejjel żvantaġġati.
4.Itejbu l-kundizzjonijiet qafas biex jagħtu spinta lill-investiment fil-grilji għat-trażmissjoni u għad-distribuzzjoni tal-elettriku, b’mod partikolari biex jaċċelleraw l-użu tal-enerġija rinnovabbli u jtejbu l-kompetittività. Jagħmlu aktar sforzi għal agrikoltura sostenibbli.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President