Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 tal-Italja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tal-Italja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Tgħin ukoll biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi sostenibbli u tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq perjodu medju u twil ta’ żmien. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza [ġiet] aġġornata fi [XX] ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.
(2)Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2022 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-impenn konġunt affermat mill-ġdid tas-Summit Soċjali ta’ Porto ta’ Mejju 2021 biex tkompli timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022 fil-25 ta’ Marzu 2022. Fl-24 ta’ Novembru 2021, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lill-Italja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha tkun meħtieġa titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet adottata fil-5 ta’ April 2022 mill-Kunsill, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġiet adottata mill-Kunsill fl-14 ta’ Marzu 2022.
(3)L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, wara l-pandemija globali, biddlet b’mod sinifikanti l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku. L-impatt tal-invażjoni fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri nħass permezz ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija u tal-ikel u prospetti ta’ tkabbir aktar dgħajfa. Il-prezzijiet ogħla tal-enerġija huma partikolarment ta’ piż fuq l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli li qed jesperjenzaw faqar enerġetiku jew li jinsabu f’riskju ta’ faqar enerġetiku. L-UE qed tara wkoll influss bla preċedent ta’ nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. F’dan il-kuntest, fl-4 ta’ Marzu 2022, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja ġiet attivata għall-ewwel darba, u tat lill-persuni spostati mill-Ukrajna d-dritt li jibqgħu legalment fl-UE, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-assistenza soċjali.
(4)B’kont meħud tas-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika li qed tinbidel malajr, is-Semestru Ewropew jerġa’ jibda l-koordinazzjoni wiesgħa tiegħu tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-2022, filwaqt li jevolvi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif deskritt fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet adottati għall-irkupru u r-reżiljenza hija essenzjali għall-kisba tal-prijoritajiet tal-politika ekonomika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha rilevanti, jew subsett sinifikanti minnhom, maħruġa fiċ-ċikli tas-Semestru tal-2019 u l-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 u tal-2020 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-preżentazzjoni tal-pjan modifikat.
(5)Il-Klawżola Liberatorja Ġenerali ilha attiva minn Marzu 2020. Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni osservat li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew it-tkomplija tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-UE jew fiż-Żona tal-Euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. L-inċertezza akbar u r-riskji negattivi qawwija għall-perspettiva ekonomika fil-kuntest tal-gwerra fl-Ewropa, iż-żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija u d-disturbi kontinwi fil-katina tal-provvista jiġġustifikaw l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sal-2023.
(6)Skont l-approċċ fl-opinjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021, il-pożizzjoni fiskali bħalissa titkejjel l-aħjar bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji), bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju. Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali kumplessiva, sabiex jiġi vvalutat jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tingħata wkoll attenzjoni lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali u bl-esklużjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u lill-investiment.
(7)Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi gwida wiesgħa għall-politika fiskali fl-2023, bil-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika. Il-Kummissjoni nnotat li, fuq il-bażi tal-prospettiva makroekonomika għat-tbassir tax-xitwa 2022, it-tranżizzjoni minn pożizzjoni fiskali aggregata favorevoli fl-2020-2022 għal pożizzjoni fiskali aggregata xi ftit jew wisq newtrali tkun xierqa fl-2023, filwaqt li hija lesta tirreaġixxi għall-qagħda ekonomika li qiegħda tevolvi. Il-Kummissjoni ħabbret li jenħtieġ li r-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 ikomplu jiddeferenzjaw bejn l-Istati Membri u jqisu l-effetti konsegwenzali possibbli bejn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jaraw li din il-gwida tkun riflessa fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u taġġusta l-gwida politika tagħha kif meħtieġ u mhux aktar tard mill-pakkett tagħha tar-rebbiegħa tas-Semestru ta’ lejn l-aħħar ta’ Mejju 2022.
(8)Fir-rigward tal-gwida fiskali pprovduta fit-2 ta’ Marzu 2022, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 iqisu l-perspettiva ekonomika li marret għall-agħar, l-inċertezza akbar u aktar riskji negattivi, u l-inflazzjoni ogħla meta mqabbla mat-tbassir tax-xitwa. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rispons fiskali għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, u jsostni l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli sabiex itaffi l-impatt taż-żieda fil-prezz tal-enerġija u jgħin biex jiġu limitati l-pressjonijiet inflazzjonarji mill-effetti sekondarji permezz ta’ miżuri mmirati u temporanji; il-politika fiskali għandha tibqa’ aġli sabiex taġġusta għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu b’mod rapidu, u tkun differenzjata bejn il-pajjiżi skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tagħhom, inkluż fir-rigward tal-esponiment għall-kriżi u l-influss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.
(9)Fit-30 ta’ April 2021, l-Italja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, (recovery and resilience plan, RRP) f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Italja. Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Italja laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(10)Fis-27 ta’ April 2022, l-Italja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2022 u, fis-27 ta’ April 2022, il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2022, f’konformità mal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Italja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu.
(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2022 għall-Italja fit-23 ta’ Mejju 2022. Huwa vvaluta l-progress tal-Italja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill fl-2019, l-2020 u l-2021, u ħa kont tal-implimentazzjoni mill-Italja tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, li jibni fuq it-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti, inklużi dawk li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Italja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(12)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Italja u ppubblikat ir-riżultati tagħha fit-23 ta’ Mejju 2022. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Italja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B’mod partikolari, l-Italja tkompli tiffaċċja vulnerabbiltajiet relatati ma’ dejn għoli tal-gvern u tkabbir dgħajjef fil-produttività, f’kuntest ta’ fraġilitajiet tas-suq tax-xogħol u xi dgħufijiet fis-settur finanzjarju.
(13)Fit-23 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Dan ir-rapport iddiskuta s-sitwazzjoni baġitarja tal-Italja, billi d-defiċit tal-gvern estiż tagħha fl-2021 qabeż il-valur referenzjarju skont it-Trattat ta’ 3 % tal-PDG, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju skont it-Trattat ta’ 60 % tal-PDG u ma rrispettax il-valur referenzjali tat-tnaqqis tad-dejn. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterji tad-defiċit u tad-dejn ma ġewx issodisfati. Skont il-Komunikazzjoni tat-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-valutazzjoni tagħha tal-fatturi rilevanti kollha, li l-konformità mal-valur referenzjali tat-tnaqqis tad-dejn timplika sforz fiskali kkonċentrat fil-bidu li jkun wisq impenjattiv u li jissogra jipperikola t-tkabbir. Għaldaqstant, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-konformità mal-valur referenzjali tat-tnaqqis tad-dejn mhijiex iġġustifikata taħt il-kundizzjonijiet ekonomiċi eċċezzjonali attwali. Kif imħabbar, il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa 2022 u se tivvaluta mill-ġdid ir-rilevanza tal-proposta li jinfetħu proċeduri ta’ defiċit eċċessiv fil-ħarifa 2022.
(14)Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill irrakkomanda lill-Italja biex fl-2020 u l-2021 tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex b’mod effettiv tindirizza l-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Lill-Italja rrakkomandalha wkoll biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali li jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u li jiggarantixxi s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jsaħħu l-investiment. Fl-2021, fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Italja naqas minn 9,6 % tal-PDG fl-2020 għal 7,2 % fl-2021. Ir-rispons tal-politika fiskali mill-Italja appoġġa l-irkupru ekonomiku fl-2021, b’miżuri temporanji ta’ emerġenza li jammontaw għal 3,5 % tal-PDG, (tnaqqis minn 4,4 % tal-PDG fl-2020). Il-miżuri li ħadet l-Italja fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri baġitarji diskrezzjonarji adottati mill-gvern fl-2020 u l-2021 kienu fil-biċċa l-kbira temporanji jew akkumpanjati minn miżuri kumpensatorji. Fl-istess ħin, uħud mill-miżuri diskrezzjonali adottati mill-gvern matul il-perjodu 2020-2021 ma kinux temporanji jew akkumpanjati minn miżuri kumpensatorji, filwaqt li kienu jikkonsistu prinċipalment fi tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f’reġjuni ifqar, estensjoni tal-kreditu tat-taxxa fuq l-introjtu mill-impjieg u l-introduzzjoni ta’ allowance tal-familja. Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 150,8 % tal-PDG fl-2021.
(15)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 huwa favorevoli fl-2022 u realistiku minn hemm ’il quddiem. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jikber bi 3,1 % fl-2022 u bi 2,4 % fl-2023. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali aktar baxx ta’ 2,4 % fl-2022 u 1,9 % fl-2023, prinċipalment minħabba proġettazzjonijiet aktar prudenti għad-domanda domestika. Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2022, il-Gvern jistenna li d-defiċit nominali se jonqos għal 5,6 % tal-PDG fl-2022, u għal 3,9 % fl-2023. It-tnaqqis fl-2022 jirrifletti prinċipalment it-tkabbir fl-attività ekonomika u t-tneħħija tal-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ emerġenza. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos għal 147,0 % fl-2022 u li jonqos għal 145,2 % fl-2023. Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern għall-2022 u l-2023 ta’ 5,5 % tal-PDG u 4,3 % rispettivament. Meta mqabbel mal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, id-defiċit ipproġettat fit-tbassir tal-Kummissjoni huwa kważi l-istess fl-2022 iżda ogħla fl-2023, prinċipalment minħabba tkabbir ekonomiku aktar baxx. Fl-istess ħin, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni ma jinkludix il-miżuri ta’ appoġġ addizzjonali għall-2022 imħabbra fil-Programm, billi d-dettalji ma kinux disponibbli qabel id-data limitu. It-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon ogħla ta’ dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 147,9 % fl-2022 u 146,8 % fl-2023. Id-differenza hija dovuta għad-defiċit ogħla u t-tkabbir ekonomiku aktar baxx.
Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni fuq terminu medju (medja ta’ 10 snin) huwa stmat għal 0,4 %. Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi strutturali li huma parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku potenzjali tal-Italja.
(16)Fl-2022, il-Gvern neħħa gradwalment il-maġġoranza tal-miżuri meħuda b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, b’tali mod li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza huma pproġettati li jonqsu minn 3,5 % tal-PDG fl-2021 għal 1,1 % fl-2022. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat mill-miżuri adottati biex jikkumbattu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma stmati għal 0,5 % tal-PDG fl-2022 u eliminati gradwalment fl-2023. Dawn il-miżuri jikkonsistu prinċipalment fi trasferimenti soċjali lejn unitajiet domestiċi ifqar, tnaqqis fit-taxxi indiretti fuq il-konsum tal-enerġija u sussidji lill-kumpaniji tal-enerġija. Dawn il-miżuri tħabbru bħala temporanji. Madankollu, f’każ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għoljin anki fl-2023, xi wħud minn dawn il-miżuri jistgħu jitkomplew. Xi wħud minn dawn il-miżuri mhumiex immirati, b’mod partikolari t-tnaqqis ġenerali fit-taxxi indiretti fuq il-konsum tal-enerġija (VAT u imposti fissi). Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat ukoll mill-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma pproġettati li jkunu 0,1 % tal-PDG fl-2022 u fl-2023.
(17)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li jenħtieġ li fl-2022 l-Italja tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru filwaqt li ssegwi politika fiskali prudenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll lill-Italja biex tillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fuq livell nazzjonali. Lill-Italja rrakkomandalha wkoll biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali li jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u li tiggarantixxi s-sostenibbiltà tad-dejn, u fl-istess ħin, issaħħaħ l-investiment biex tagħti spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.
(18)Fl-2022, fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni u inkluża l-informazzjoni inkorporata fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tal-Italja, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun ta’ appoġġ f’livell ta’ - 2,7 % tal-PDG. L-Italja qed tippjana li tipprovdi appoġġ kontinwu għall-irkupru billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali kif rakkomandat mill-Kunsill. Il-kontribuzzjoni pożittiva għall-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tiżdied b’0,9 % tal-PDG meta mqabbla mal-2021. L-investiment iffinanzjat f’livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansiva ta’ 0,3 punt perċentwali tal-PDG fl-2022. Għalhekk, l-Italja qed tippjana li tippreserva l-investiment iffinanzjat nazzjonalment, kif irrakkomandat mill-Kunsill. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2022, huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansiva ta’ 1,3 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Din il-kontribuzzjoni espansiva sinifikanti tinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,2 % tal-PDG) kif ukoll l-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,1 % tal-PDG). It-tkabbir fin-nefqa kurrenti jirrifletti wkoll nefqa ogħla fuq il-kumpens tal-impjegati fis-settur tal-gvern, minħabba t-tiġdid tal-kuntratti pubbliċi għall-perjodu 2019-2021, li parti sostanzjali minnha (li tammonta għal ¼ % tal-PDG) se tiġi rreġistrata fl-2022, filwaqt li riżorsi addizzjonali huma bbaġitjati wkoll għas-settur tal-kura tas-saħħa (0,1 % tal-PDG). Min-naħa tad-dħul, it-tnaqqis tat-taxxi fuq l-introjtu personali u t-taxxa reġjonali fuq l-attivitajiet produttivi (0,4 % tal-PDG) huma wkoll ipproġettati li jikkontribwixxu għall-pożizzjoni fiskali espansiva. Għalhekk, fuq il-bażi tal-istimi attwali tal-Kummissjoni, l-Italja ma tillimitax biżżejjed it-tkabbir tan-nefqa kurrenti netta ffinanzjata nazzjonalment fl-2022.
(19)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni għal -1,2 % tal-PDG fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika. L-Italja hija pproġettata li tkompli tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2023 biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru. Il-kontribuzzjoni pożittiva għall-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tiżdied b’0,7 punt perċentwali tal-PDG meta mqabbla mal-2022. L-investiment iffinanzjat f’livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansiva ta’ 0,2 punt perċentwali tal-PDG fl-2023. Fl-istess waqt, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni ġeneralment newtrali ta’ -0,2 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-impatt mit-tneħħija gradwali tal-miżuri li jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,5 % tal-PDG). Fl-istess ħin, żieda fit-trasferimenti soċjali (0,4 % tal-PDG), minħabba l-indiċjar tagħhom mar-rata tal-inflazzjoni tas-sena ta’ qabel, u riżorsi addizzjonali bbaġitjati għas-settur tal-kura tas-saħħa (0,1 % tal-PDG), li mhumiex akkumpanjati minn miżuri kumpensatorji, huma wkoll ipproġettati li jikkontribwixxu għat-tkabbir fin-nefqa kurrenti netta. Għalhekk, il-kontribuzzjoni ġeneralment newtrali tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali tiddependi fuq it-tneħħija gradwali tal-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija kif ippjanat attwalment.
(20)Fil-programm ta’ Stabbiltà tal-2022, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 3,3 % tal-PDG fl-2024 u għal 2,8 % sal-2025. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jinżel taħt it-3 % tal-PDG sal-2025. Dawn il-proġettazzjonijiet jassumu tnaqqis fin-nefqa totali b’madwar 3 punti perċentwali tal-PDG u tnaqqis fid-dħul totali b’madwar 2 punti perċentwali tal-PDG bejn l-2023 u l-2025. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos sal-2025, b’mod speċifiku billi jinżel għal 143,4 % fl-2024 u għal 141,4 % fl-2025. Fuq il-bażi tal-analiżi tal-Kummissjoni, ir-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn jidhru għoljin fuq terminu medju.
(21)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(b), u l-Anness V, il-Kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha jew subsett sinifikanti minnhom deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Italja mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u l-2020, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-adozzjoni ta’ pjan. B’mod partikolari, l-implimentazzjoni effettiva u rapida tal-pjan għandha l-potenzjal li ġġib bidliet strutturali dejjiema u għalhekk għandha impatt dejjiemi fuq l-ekonomija u s-soċjetà Taljana. Firxa wiesgħa ta’ riformi f’oqsma ta’ politika ewlenin huma mistennija jindirizzaw l-ostakli li ilhom jeżistu għat-tkabbir ekonomiku. B’mod partikolari, il-pjan fih riformi mmirati lejn it-trawwim ta’ bidliet strutturali fil-funzjonament tal-gvern estiż u tas-sistema ġudizzjarja u lejn it-titjib tal-ambjent ġenerali tan-negozju. Ir-riformi u l-investimenti ppjanati fis-setturi tal-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u r-riċerka għandhom il-potenzjal li jsaħħu l-kapital uman u l-kapaċitajiet ta’ riċerka fit-tul. Ir-riformi u l-investimenti previsti fis-suq tax-xogħol biex jittejbu l-prospetti tal-impjiegi, b’mod partikolari taż-żgħażagħ u n-nisa, għandhom il-potenzjal li jżidu l-provvista tax-xogħol, jipprovdu aċċess ugwali għall-ħiliet, u fl-aħħar mill-aħħar jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku. Ir-riformi f’setturi bħat-trasport u l-ġestjoni tal-ilma huma mistennija li jtejbu strutturalment l-effiċjenza ekonomika, fost l-oħrajn, permezz ta’ użu aktar sistematiku ta’ proċeduri kompetittivi biex jiġu assenjati l-kuntratti tas-servizzi.
(22)L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Italja hija mistennija li tikkontribwixxi biex isir aktar progress fit-tranżizzjonijiet ekoloġika u diġitali. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi fl-Italja jammontaw għal 37,5 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan, filwaqt li l-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal 25 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri rilevanti, se tgħin lill-Italja tirkupra malajr mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza tiegħu. L-involviment sistematiku tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.
(23)L-Italja ppreżentat id-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni fis-17 ta’ Jannar 2021 għall-Ftehim ta’ Sħubija u ppreżentat l-ewwel programmi tagħha lill-Kummissjoni Ewropea. F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021, l-Italja għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti fl-ipprogrammar tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027. Dan huwa prerekwiżit għat-titjib tal-effettività u l-massimizzazzjoni tal-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi riċevut mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġu promossi l-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn dawn il-fondi u strumenti u fondi oħra tal-Unjoni. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi wkoll mit-tneħħija ta’ ostakli għall-investiment biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat.
(24)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-Italja tiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mas-sistema ta’ tassazzjoni. Il-politiki li jżidu l-effiċjenza tas-sistema fiskali jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi. Fuq medda medja u twila ta’ żmien, sistema tat-taxxa aktar favorevoli għat-tkabbir u effiċjenti tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dejn għoli tal-gvern, tgħin it-tkabbir tal-produttività, u tappoġġa l-ħolqien tal-impjiegi, b’mod partikolari għan-nisa.
(25)Il-piż tat-taxxa tal-Italja fuq ix-xogħol huwa għoli u l-profil tar-rati tat-taxxa marġinali effettivi fuq l-introjtu personali huwa kkaratterizzat minn diskontinwità qawwija. Fi tmiem l-2021, l-Italja ħadet passi biex tindirizza dawn l-isfidi, b’mod partikolari billi introduċiet allowance universali għat-tfal u naqqset it-taxxi fuq l-introjtu personali. Dawn il-miżuri huma mistennija li jżidu b’mod moderat il-provvista tax-xogħol, speċjalment għan-nisa. Il-porzjon ta’ taxxa fuq ix-xogħol għadu għoli ħafna fil-livelli kollha tal-introjtu meta mqabbel ma’ Stati Membri oħra tal-UE. Fl-istess ħin, sorsi oħra ta’ dħul, li huma inqas detrimentali għat-tkabbir, mhumiex qed jintużaw biżżejjed, u dan iħalli lok biex ikompli jitnaqqas il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol b’mod newtrali għall-baġit. Il-valuri katastali, li jservu bħala l-bażi għall-kalkolu tat-taxxa fuq il-proprjetà, huma fil-biċċa l-kbira skaduti. L-għadd u l-ambitu tan-nefqiet tat-taxxa, inkluż għall-VAT, huma għoljin, u jenħtieġ li tittieħed azzjoni biex dawn jiġu ssimplifikati. Fl-aħħar nett, minkejja d-dħul relattivament għoli mit-taxxi fuq l-enerġija fl-Italja, id-disinn tagħhom ma jippromwovix biżżejjed it-tranżizzjoni lejn teknoloġiji aktar nodfa, anke minħabba l-użu estensiv ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Dawn id-diversi dimensjonijiet huma koperti mil-liġi abilitanti għar-riforma tat-taxxa, ippreżentata mill-gvern fi tmiem l-2021, li, wara l-adozzjoni, tkun teħtieġ li tiġi implimentata permezz ta’ digrieti leġiżlattivi.
(26)Bi tweġiba għall-mandat tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, il-pjan REPowerEU għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, l-aktar proġetti, investimenti u riformi xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE qed jiġu identifikati fi djalogu mal-Istati Membri. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u jċaqalqu l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili lil hinn mir-Russja.
(27)L-Italja tiddependi ħafna fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja, b’mod partikolari l-gass, bi 43 % tal-gass tagħha importat mir-Russja (ftit inqas mill-medja tal-UE ta’ 44 %) u 42 % tal-gass fit-taħlita tal-enerġija tagħha. Id-dipendenza fuq iż-żejt mhux raffinat mir-Russja hija aktar baxxa, bi 11 %, li hija inqas mill-medja tal-UE ta’ 26 % (iż-żejt jirrappreżenta 32 % tat-taħlita tal-enerġija tal-Italja). Minkejja li l-Italja ma tħabbatx wiċċha ma’ problemi sinifikanti fis-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali fuq perjodu ta’ żmien qasir minħabba l-kapaċità ta’ ħżin sinifikanti tagħha u l-konnessjonijiet tal-pipeline mal-Afrika ta’ Fuq u l-Ażerbajġan, l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja tista’ toħloq sfidi fuq perjodu medju u twil ta’ żmien. L-Italja tista’ taġixxi biex tegħleb il-konġestjonijiet biex iżżid il-kapaċità tat-trażmissjoni tal-enerġija kemm fil-pajjiż kif ukoll mal-pajjiżi ġirien. Huwa rrakkomandat li investimenti ġodda fl-infrastruttura u fin-networks relatati mal-gass ikunu validi għall-futur jekk ikun possibbli, sabiex tiġi ffaċilitata s-sostenibbiltà fit-tul tagħhom permezz ta’ adattament futur għal fjuwils sostenibbli. L-Italja bħalissa qed tiddiversifika t-taħlita tal-enerġija tagħha billi żżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari bis-saħħa tax-xemx, ir-riħ, l-idroġenu u l-bijometan. Madankollu, anki fid-dawl tal-isfidi potenzjali li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, hemm lok biex titħaffef u tiżdied l-introduzzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli stabbiliti fil-Pjan Nazzjonali għall-Klima tal-Enerġija (NECP, National Energy Climate Plan). L-Italja tista’ tkompli tieħu miżuri biex tiffaċilita l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, l-objettivi tal-Italja f’termini ta’ effiċjenza enerġetika jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw dawn l-isfidi u lanqas biex jilħqu l-ambizzjonijiet tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”. L-istrateġija tal-effiċjenza enerġetika għas-settur tal-bini tiddependi l-aktar fuq miżuri temporanji u jenħtieġ li tiġi kkomplementata minn strateġija fuq terminu medju u twil, inklużi miżuri aktar b’saħħithom għall-effiċjenza enerġetika fin-negozji, b’mod partikolari fl-industrija. Barra minn hekk, hemm bżonn li titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, inkluż billi titħaffef l-introduzzjoni tal-punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi, u billi jiġu avvanzati l-proġetti ewlenin tal-ferroviji, taċ-ċikliżmu u tat-trasport pubbliku. Hemm bżonn ta’ aktar ambizzjoni fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u fiż-żieda tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika biex l-Italja tkun konformi mal-objettivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %”.
(28)Filwaqt li l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili se toħloq spejjeż ta’ ristrutturar sinifikanti f’diversi setturi, l-Italja tista’ tagħmel użu mill-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni biex ittaffi l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni fl-aktar reġjuni affettwati. Barra minn hekk, l-Italja tista’ tagħmel użu mill-Fond Soċjali Ewropew Plus biex ittejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali.
(29)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.
(30)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro. Għall-Italja, dan huwa rifless b’mod partikolari fir-Rakkomandazzjonijiet (1) u (2) hawn taħt.
(31)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-Rakkomandazzjonijiet (1) u (2) ta’ hawn taħt. Ir-Rakkomandazzjonijiet (1) u (2) jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro, b’mod partikolari l-ewwel, it-tieni u r-raba’ rakkomandazzjoni taż-Żona tal-Euro. Il-politiki fiskali msemmija fir-Rakkomandazzjoni (1) jgħinu fost l-oħrajn biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi marbuta mad-dejn għoli tal-gvern. Il-politiki msemmija fir-Rakkomandazzjoni (2) jgħinu fost l-oħrajn biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi relatati mad-dejn għoli tal-gvern u d-dinamika dgħajfa fit-tul tal-produttività, f’kuntest ta’ fraġilitajiet tas-suq tax-xogħol u tas-settur bankarju.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Italja tieħu azzjoni fl-2022 u fl-2023 biex:
1.Fl-2023, tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tqiegħed limitu fuq it-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment li jkun f’livell taħt it-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju, filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, inkluż billi tagħmel użu mill-RRF, RePowerEU u fondi oħra tal-UE. Għall-perjodu ta’ wara l-2023, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u tiżgura tnaqqis kredibbli u gradwali tad-dejn u sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju permezz ta’ konsolidazzjoni gradwali, investiment u riformi. Sabiex tkompli tnaqqas it-taxxi fuq ix-xogħol u tiżdied l-effiċjenza tas-sistema, tiġi adottata u implimentata b’mod xieraq il-liġi abilitanti dwar ir-riforma tat-taxxa, b’mod partikolari billi tirrevedi r-rati tat-taxxa marġinali effettivi, tallinja l-valuri katastali mal-valuri attwali tas-suq, tissimplifika u tnaqqas l-infiq tat-taxxa, anke għall-VAT, u s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent filwaqt li tiżgura l-ġustizzja, u billi tnaqqas il-kumplessità tal-kodiċi tat-taxxa.
2.Tipproċedi bl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri maqbula inklużi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021. Tiffinalizza malajr in-negozjati mal-Kummissjoni tad-dokumenti ta’ programmar tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 bil-ħsieb li tibda l-implimentazzjoni tagħhom.
3.Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u tiddiversifika l-importazzjoni tal-enerġija. Tegħleb l-ostakli għaż-żieda tal-kapaċità tat-trażmissjoni interna tal-gass, tiżviluppa interkonnessjonijiet tal-elettriku, taċċellera l-iskjerament ta’ kapaċitajiet addizzjonali ta’ enerġija rinnovabbli u tadotta miżuri biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika u tiġi promossa l-mobbiltà sostenibbli.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President