IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 16.12.2025
COM(2025) 999 final
2025/0424(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 92/6/KEE biex teżenta ċerti vetturi elettriċi N2 mir-rekwiżit li jinstallaw u jużaw apparat li jillimita l-veloċità
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Għall-kuntest usa’, ara COM (2025) 993 final.
Din l-inizjattiva tifforma parti minn pakkett ta’ miżuri li għandhom l-għan li jneħħu l-ostakli regolatorji għall-użu ta’ vetturi kummerċjali ħfief elettriċi.
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/6/KEE tobbliga l-installazzjoni u l-użu ta’ apparat li jillimita l-veloċità f’ċerti vetturi heavy-duty għal raġunijiet ta’ sikurezza fit-toroq (il-qawwa tal-magna disponibbli għal vetturi tqal tal-merkanzija u karozzi tal-linja meħtieġa biex jitilgħu t-tlajja’ tippermettilhom li f’toroq invell jinstaqu b’veloċitajiet eċċessivi li mhumiex kompatibbli mal-ispeċifikazzjonijiet ta’ komponenti oħra ta’ dawk il-vetturi bħall-brejkijiet u t-tajers) u għal raġunijiet ta’ protezzjoni ambjentali f’ċerti Stati Membri. Id-Direttiva 2002/85/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/6/KEE għall-vetturi N2, N3, M2 u M3 kollha. F’konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/6/KEE, “il-vetturi bil-mutur tal-kategoriji N2 u N3 jistgħu jintużaw fit-triq biss jekk mgħammra b’apparat li jillimita l-veloċità magħmul b’tali mod li l-veloċità tagħhom ma tkunx tista’ taqbeż id-90 kilometru fis-siegħa.”
B’riżultat tal-piż tal-batterija tagħhom, il-vetturi kummerċjali ħfief elettriċi (vannijiet elettriċi) huma itqal mill-ekwivalenti ta’ fjuwils fossili tagħhom. Filwaqt li għandhom l-istess tagħbija utli u każijiet ta’ użu bħal vettura kummerċjali ħafifa b’magna ta’ kombustjoni interna b’massa massima permissibbli ta’ inqas minn 3,5 tunnellati, minħabba l-piż addizzjonali tal-batterija dawn jaqgħu fil-kategorija N2 u għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tirrikjedi l-installazzjoni ta’ apparat li jillimita l-veloċità — ir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 92/6/KEE.
Dan ir-rekwiżit inaqqas l-attrazzjoni tal-vannijiet elettriċi b’massa li taqbeż it-3,5 tunnellati għall-klijenti, li ħafna minnhom huma SMEs u mikrointrapriżi, minħabba l-kostijiet involuti fl-installazzjoni u l-użu tal-apparat li jillimita l-veloċità. Tali piż addizzjonali jnaqqas iż-żieda fl-għadd ta’ vannijiet elettriċi fit-triq meta mqabbel ma’ vannijiet simili b’magna tal-kombustjoni, li għalhekk jista’ jirriżulta wkoll f’diffikultà akbar għall-manifatturi tal-vetturi biex jilħqu l-miri ta’ prestazzjoni tas-CO2 għall-vetturi kummerċjali ħfief.
Ir-Regolament (UE) 2019/2144 huwa emendat fi proposta leġiżlattiva parallela (li tinsab f’COM (2025) 993 final) li fiha l-vannijiet elettriċi N2 b’massa massima permissibbli li taqbeż it-3,5 tunnellati u sa 4,25 tunnellati huma eżentati mill-obbligu li jkunu mgħammra b’apparati li jillimitaw il-veloċità, u b’hekk jitqiegħdu fuq l-istess livell mal-ekwivalenti ta’ fjuwils fossili tagħhom, il-vannijiet tad-diżil N1. L-emenda tar-Regolament (UE) 2019/2144 ma jkollha l-ebda effett jekk il-vetturi kkonċernati — li huma vetturi N2 — ma jkunux jistgħu jintużaw fit-triq minħabba li ma jkunux mgħammra b’apparat li jillimita l-veloċità. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi modifikat l-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/6/KEE li bħalissa jirrikjedi li l-vetturi N2 (u N3) kollha jistgħu jintużaw fit-triq biss jekk ikunu mgħammra b’apparat li jillimita l-veloċità. Id-Direttiva jenħtieġ li tipprevedi deroga simili sabiex il-vetturi kkonċernati jkunu jistgħu jintużaw fit-triq ukoll mingħajr apparat li jillimita l-veloċità.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Din l-inizjattiva hija konsistenti mal-politika komuni tat-trasport li tippromwovi d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u tappoġġa l-adozzjoni mifruxa ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi u żero. Il-politika dwar is-sikurezza fit-toroq għandha l-għan li tnaqqas l-għadd ta’ fatalitajiet u ta’ korrimenti serji fit-toroq tal-Unjoni b’50 % bejn l-2020 u l-2030 u li sal-2050 ġġib dawn in-numri qrib iż-żero. Il-permess tal-użu ta’ vannijiet elettriċi b’massa massima awtorizzata li taqbeż it-3,5 tunnellati iżda li ma taqbiżx l-4,25 tunnellati fit-triq mingħajr ma jkunu mgħammra b’apparat li jillimita l-veloċità mhuwiex mistenni li jkun inkonsistenti ma’ dik il-politika tas-sikurezza fit-toroq, peress li l-vetturi moderni huma mgħammra b’firxa ta’ sistemi avvanzati ta’ assistenza għas-sewwieq, inklużi sistemi ta’ assistenza intelliġenti tal-veloċità, li ma kinux jeżistu meta l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/6/KEE ġie estiż għall-vetturi N2 fl-2002.
F’dan il-kuntest jenħtieġ li jiġi nnutat li sakemm ma jkunux misjuqa minn sewwieqa professjonali b’liċenzja tal-kategorija C jew C1, il-vannijiet elettriċi kkonċernati jistgħu jinstaqu biss minn sewwieqa b’esperjenza: F’konformità mal-Artikolu 6(4)(c) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lid-detenturi ta’ liċenzja tal-kategorija B isuqu vetturi tal-merkanzija li jaħdmu bi fjuwil alternattiv b’massa massima awtorizzata li taqbeż it-3,5 tunnellati iżda li ma taqbiżx l-4,25 tunnellati fit-territorji rispettivi tagħhom biss jekk il-liċenzja tagħhom tkun inħarġet mill-inqas sentejn qabel. Fir-raba’ Direttiva dwar il-Liċenzji tas-Sewqan adottata reċentement, din l-għażla saret dispożizzjoni obbligatorja għall-Unjoni kollha li ġiet estiża għal vetturi oħra flimkien ma’ vetturi tal-merkanzija u li għandha tapplika mis-26 ta’ Novembru 2027. It-trattament ta’ vetturi N2 li jaħdmu bi fjuwil alternattiv, bħal vannijiet elettriċi, b’massa massima awtorizzata li taqbeż it-3,5 tunnellati iżda mhux l-4,25 tunnellati b’mod daqslikieku kienu vetturi N1 huwa konsistenti ma’ din il-politika.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta hija parti minn pakkett ta’ miżuri dwar il-kompetittività tal-industrija awtomobilistika Ewropea. Għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet amministrattivi u ta’ aġġustament għall-industriji biex tiżgura suq uniku li jiffunzjona tajjeb għall-vetturi bil-mutur, filwaqt li żżomm il-livell għoli ta’ sikurezza u prestazzjoni ambjentali stabbilit fil-qafas regolatorju.
Ir-Regolament (UE) 2019/2144 jirrikjedi li l-vetturi tal-kategoriji M2, M3, N2 u N3 ikunu mgħammra b’apparat li jillimita l-veloċità li jikkonforma mar-Regolament tan-NU Nru 89. Peress li l-vetturi N2 li jaħdmu bl-elettriku, b’massa massima mgħobbija teknikament permissibbli ta’ bejn 3,5 u 4,25 tunnellati, qed jiġu eżentati minn dak ir-rekwiżit fi proċedura leġiżlattiva parallela (ara COM (2025) 993 final), l-istess vetturi jenħtieġ li jiġu eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/6/KEE biex jippermettu l-użu tagħhom fit-triq mingħajr apparat li jillimita l-veloċità. Din id-Direttiva għalhekk tiżgura l-konsistenza mal-proposta biex jiġi mmodifikat ir-Regolament (UE) 2019/2144.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-bażi legali għal din id-Direttiva hija l-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-UE tikkondividi l-kompetenza mal-Istati Membri biex tirregola fil-qasam tat-trasport skont l-Artikolu 4(2)(g) tat-TFUE. Peress li l-vetturi bil-mutur qed jintużaw dejjem aktar bejn il-fruntieri, qafas legali uniformi jnaqqas il-kostijiet tal-konformità u tal-infurzar madwar l-Unjoni. Id-Direttiva 92/6/KEE diġà tipprovdi qafas komuni għall-installazzjoni u l-użu ta’ apparat li jillimita l-veloċità għal ċerti kategoriji ta’ vetturi bil-mutur fl-Unjoni. L-emendar ta’ dik id-Direttiva jista’ jsir biss fil-livell tal-Unjoni.
•Proporzjonalità
Din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-emendi għar-Regolament (UE) 2019/2144 li qed jiġu proposti b’mod parallel (ara COM (2025) 993 final).
•Għażla tal-istrument
Peress li l-att li jrid jiġi emendat huwa Direttiva, fil-prinċipju jenħtieġ li l-att emendatorju jkollu l-istess forma.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Ara COM(2025) 993 final.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ara COM(2025) 993 final.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ara COM(2025) 993 final.
•Valutazzjoni tal-impatt
Ara COM(2025) 993 final.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Ara COM(2025) 993 final.
•Drittijiet fundamentali
Din il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u taderixxi mal-prinċipji rikonoxxuti fiha.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din l-inizjattiva ma hi se timplika l-ebda kost addizzjonali għall-Kummissjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Din il-proposta ma tirrikjedix pjan ta’ implimentazzjoni. Il-Kummissjoni se timmonitorja t-traspożizzjoni l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni l-ġdida u l-konformità magħha.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Artikolu 1 Emendi tad-Direttiva 92/6/KEE
Dan l-Artikolu jissostitwixxi l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/6/KEE. Il-vetturi tal-kategorija N2 li jaħdmu bl-elettriku u b’massa massima permissibbli ta’ bejn 3,5 u 4,25 tunnellati huma eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, il-paragrafu kollu huwa sostitwit.
Artikolu 2 Traspożizzjoni
L-Istati Membri għandhom [tliet xhur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ibbażat fuq COM (2025) 993 final] biex jittrasponu din id-dispożizzjoni l-ġdida fil-liġi nazzjonali rispettiva tagħhom.
Ma żdiedet l-ebda dikjarazzjoni finanzjarja u diġitali leġiżlattiva ma’ din il-proposta. Hija koperta mid-dikjarazzjoni korrispondenti mehmuża mal-proposta leġiżlattiva f’COM(2025) 993 final.
2025/0424 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 92/6/KEE biex teżenta ċerti vetturi elettriċi N2 mir-rekwiżit li jinstallaw u jużaw apparat li jillimita l-veloċità
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/6/KEE dwar l-istallazzjoni u l-użu ta’ apparat li jillimita l-veloċità għal ċerti kategoriji ta’ vetturi tal-mutur jeħtieġ l-istallazzjoni u l-użu ta’ apparat li jillimita l-veloċità f’vetturi tal-kategoriji N2 u N3. Skont dak l-Artikolu, tali vetturi jistgħu jintużaw fit-triq biss jekk mgħammra b’apparat li jillimita l-veloċità. Ir-rekwiżit tal-installazzjoni ġie integrat ukoll fil-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur mar-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(2)Il-piż miżjud tal-batterija jista’ jwassal biex il-piż tal-vetturi kummerċjali ħfief elettriċi bil-batterija jaqbeż it-3,5 tunnellati. Tali żieda fil-piż tissoġġetta lil dawk il-vetturi għar-rekwiżit ta’ apparat li jillimita l-veloċità għalkemm it-tagħbija utli u l-każ ta’ użu tagħhom huma l-istess bħal dawk ta’ vetturi kummerċjali ħfief b’magna tal-kombustjoni interna li huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/6/KEE. Dak ir-rekwiżit jimponi kostijiet mhux ġustifikati fuq il-manifatturi tal-vetturi u l-intrapriżi li jixtru tali vetturi, u jnaqqas iż-żieda fl-għadd ta’ vetturi kummerċjali ħfief b’emissjonijiet żero fit-triq. Għalhekk huwa xieraq li l-vetturi tal-kategorija N2, li jaħdmu permezz tal-elettriku b’massa massima mgħobbija teknikament permissibbli ta’ bejn 3,5 u 4,25 tunnellati, jiġu eżentati mir-rekwiżit li jkunu mgħammra b’apparat li jillimita l-veloċità.
(3)Ir-Regolament (UE) 2019/2144 huwa emendat b’mod parallel biex jeżenta l-vetturi tal-kategorija N2 li jaħdmu bl-elettriku, b’massa massima mgħobbija teknikament permissibbli ta’ bejn 3,5 u 4,25 tunnellati, mir-rekwiżit li jkunu mgħammra b’apparat li jillimita l-veloċità f’konformità mar-Regolament tan-NU Nru 89.
(4)Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 92/6/KEE tiġi emendata kif xieraq,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emenda għad-Direttiva 92/6/KEE
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/6/KEE huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li l-vetturi bil-mutur tal-kategoriji N2 u N3, ħlief dawk il-vetturi tal-kategorija N2 li jaħdmu bl-elettriku u b’massa massima permissibbli ta’ bejn 3,5 u 4,25 tunnellati, jistgħu jintużaw fit-triq biss jekk mgħammra b’apparat li jillimita l-veloċità magħmul b’tali mod li l-veloċità tagħhom ma tkunx tista’ taqbeż id-90 kilometru fis-siegħa.”.
Artikolu 2
Traspożizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn [3 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament abbażi ta’ COM(2023) 993 final], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet ġentilment mitlub idaħħal id-data tal-applikazzjoni tal-emendi tar-Regolament (UE) 2019/2144 f’COM(2023) 993 final].
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 4
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 5
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
[...]
[...]