|
25.2.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 52/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-12 ta' Novembru 2008
dwar is-self ta’ EUR 300 miljun li approvat l-Italja għall-kumpanija Alitalia Nru C 26/08 (ex NN 31/08)
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6743)
(Il-verżjoni Taljana biss hija awtentika)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2009/155/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 88(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li ħeġġet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’mod konformi mal-Artikoli imsemmijin (1) u wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet tagħhom,
billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Waqt laqgħa li saret fit-23 ta’ April 2008, l-awtoritajiet Taljani infurmaw lill-Kummissjoni li l-Kunsill tal-Ministri Taljan, fit-22 ta’ April 2008, approva l-allokazzjoni ta’ self ta’ EUR 300 miljun lill-kumpanija Alitalia permezz tad-digriet-liġi Nru 80 tat-23 ta’ April 2008 (2). |
|
(2) |
Peress li ma rċeviet ebda notifika mill-awtoritajiet Taljani qabel id-deċiżjoni tal-allokazzjoni tas-self imsemmi, il-Kummissjoni, b’ittra datata l-24 ta’ April 2008 (D/422119), talbet lil dawn tal-aħħar biex jikkonfermaw l-eżistenza ta’ dan is-self, biex jipprovdu kull informazzjoni utli rigward dan li tippermetti li ssir evalwazzjoni ta’ din il-miżura skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat kif ukoll biex jissospendu l-allokazzjoni tas-self imsemmi u jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li ttieħdu biex jikkonformaw ma’ dan l-obbligu skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat. |
|
(3) |
B’din l-ittra, il-Kummissjoni fakkret ukoll lill-awtoritajiet Taljani bl-obbligu li għandhom biex jipproċedu għan-notifika ta’ kwalunkwe proġett li jistabbilixxi jew jimmodifika xi għajnuniet u li ma jimplimentawx il-miżura ppjanata qabel ma l-proċedura ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni tkun waslet għal deċiżjoni finali. |
|
(4) |
B’ittra datata s-7 ta’ Mejju 2008, l-awtoritajiet Taljani talbu għal estensjoni taż-żmien li fih kellhom jagħtu risposta għall-ittra tal-Kummissjoni tal-24 ta’ April 2008, u l-Kummissjoni laqgħet din it-talba b’ittra tat-8 ta’ Mejju 2008 (D/423186) u talbet lill-awtoritajiet Taljani biex jagħtu risposta sat-30 ta’ Mejju 2008. |
|
(5) |
B’ittra datata t-30 ta’ Mejju 2008, l-awtoritajiet Taljani taw risposta għall-ittra tal-Kummisjoni tal-24 ta’ April 2008. F’din l-ittra, l-awtoritajiet Taljani b’mod partikolari infurmaw lill-Kummissjoni bl-adozzjoni, fis-27 ta’ Mejju 2008, tad-digriet-liġi Nru 93 (3) li jipprevedi l-possibbiltà għall-Alitalia li tassenja l-ammont tas-self imsemmi hawn fuq għall-kapitali proprji tagħha. |
|
(6) |
Fl-istess ħin tressqu bosta lmenti quddiem il-Kummissjoni, b’mod partikolari minn kumpaniji tal-ajru differenti, sabiex jiddenunzjaw l-allokazzjoni mill-gvern Taljan tas-self ta’ EUR 300 miljun lill-kumpanija Alitalia. |
|
(7) |
B’ittra datata t-12 ta’ Ġunju 2008 (D/203822), il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Taljani bid-Deċiżjoni tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2008 li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali b’applikazzjoni tal-Artikolu 88(2) tat-Trattat. F’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Italja u lill-partijiet interessati l-oħra biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien speċifikat. Din id-Deċiżjoni kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4). |
|
(8) |
B’ittra datata t-12 ta’ Lulju 2008 (A/509783), l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll l-osservazzjonijiet ta’ 5 partijiet interessati, li ġew ikkomunikati lill-awtoritajiet Taljani b’ittra datata t-3 ta’ Settembru 2008 (D/433031). Il-lista ta’ dawn il-partijiet interessati tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(9) |
L-awtoritajiet Taljani ma kkummentawx dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati. |
2. DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA
|
(10) |
Waqt il-laqgħa tat-23 ta’ April 2008, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw lill-Kummissjoni d-digriet-liġi Nru 80 imsemmi hawn fuq li japprova l-allokazzjoni ta’ self mill-Istat Taljan lill-Alitalia, kumpanija li hija 49.9 % proprjetà ta’ dan tal-aħħar, ta’ ammont ta’ EUR 300 miljun. |
|
(11) |
Skont il-premessi ta’ dan id-digriet-liġi: “Minħabba l-qagħda finanzjarja tal-Alitalia […], kif dehret fl-informazzjoni mogħtija lis-suq, u r-rwol tagħha bħala strument li jiżgura l-parti l-aktar importanti tas-servizz pubbliku għat-trasport tal-ajru fil-konnessjonijiet bejn it-territorju nazzjonali u l-pajjiżi li mhumiex parti mill-Unjoni Ewropea u l-konnessjonijiet ta’ trasport fuq ir-rotot imsemmija tat-traffiku ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija minn u lejn iċ-ċentri ta’ utenti reġjonali; [Wara li ġiet ikkunsidrata] l-ħtieġa straordinarja u l-emerġenza li jiġi żgurat, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u kontinwità territorjali, is-servizz pubbliku ta’ trasport tal-ajru msemmi permezz tal-allokazzjoni lill-Alitalia […] mill-Istat ta’ self fuq żmien qasir, bil-kundizzjonijiet tas-suq, ta’ żmien strettament meħtieġ biex ma titfixkilx il-kontinwità operazzjonali sakemm jiġi stabbilit il-Gvern ġdid billi titpoġġa fil-kundizzjoni li tkun tista’ tassumi, bis-setgħat kollha tagħha, l-inizjattivi magħżula sabiex ikun possibbli li jsir is-salvataġġ u tintemm il-proċedura ta’ liberalizzazzjoni tal-kumpanija.” |
|
(12) |
L-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet-liġi jawtorizza, sabiex jiġu ffaċċjati l-ħtiġijiet ta’ assi likwidi immedjati, l-allokazzjoni lill-Alitalia ta’ self ta’ EUR 300 miljun li għandu jitħallas lura fl-iqsar żmien possibbli bejn it-tletin jum wara t-trasferiment tal-kapital azzjonarju tagħha u l-31 ta’ Diċembru 2008. Dan l-Artikolu jipprevedi wkoll li s-self inkwistjoni jkollu rata tal-imgħax ekwivalenti għar-rati ta’ referenza adottati mill-Kummissjoni u, b’mod partikolari, sat-30 ta’ Ġunju 2008, għar-rata indikata fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rati tal-imgħax applikabbli għall-irkupru tal-għajnuniet tal-Istat u r-rati ta’ referenza u ta’ attwalizzazzjoni għal 25 Stat Memrbu, fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2008 (5) u, mill-1 ta’ Lulju 2008, għar-rata indikata b’mod konformi mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni tal-metodu tal-istabbiliment tar-rati ta’ referenza u ta’ attwalizzazzjoni (6). |
|
(13) |
B’ittra tagħhom tat-30 ta’ Mejju 2008, l-awtoritajiet Taljani infurmaw lill-Kummissjoni li l-gvern Taljan, permezz tad-digriet-liġi Nru 93 imsemmi hawn fuq, ippreveda l-possibbiltà għall-Alitalia li tassenja s-self approvat għall-kapitali proprji tagħha sabiex tkopri t-telf tagħha (ara l-Artikolu 4(3) tad-digriet-liġi imsemmi). Din il-possibbiltà għandha tippermetti lill-kumpanija li żżomm il-valur tal-kapital tagħha sabiex tevita li t-telf iwassal għal tnaqqis tal-kapital azzjonarju u tar-riżervi sa livell aktar baxx mil-limitu legali u li, minħabba dan, ma tinbediex il-proċedura ta’ insolvenza (“procedura concorsuale”) u tippermetti li tibqa’ miftuħa u kredibbli l-perspettiva ta’ privatizzazzjoni. |
|
(14) |
Il-modalitajiet tal-ħlas lura tas-self stabbiliti fid-digriet-liġi Nru 80 għadhom applikabbli fil-kuntest tad-digriet-liġi Nru 93, bl-eċċezzjoni tar-rata tal-imgħax tas-self li żdiedet b’1 % (ara l-Artikolu 4(1 u 2) tad-digriet-liġi Nru 93) u tal-fatt li, fl-ipoteżi ta’ stralċ tal-kumpanija, l-ammont inkwistjoni jitħallas lura biss wara l-eżenzjoni tal-kredituri l-oħra kollha, solidarjament u proporzjonalment mal-kapital azzjonarju (ara l-Artikolu 4(4) tad-digriet-liġi Nru 93). |
3. IR-RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI
|
(15) |
Fid-Deċiżjoni tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni tenfasizza li l-miżura inkwistjoni hija self approvat mill-Istat Taljan, li l-ammont tiegħu jista’ jiġi assenjat għall-kapitali proprji tal-Alitalia (7) (hawn taħt il-“miżura”). |
|
(16) |
Rigward il-kwalifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar il-fatt li l-Istat Taljan, bl-allokazzjoni tal-miżura msemmija lill-Alitalia, ġab ruħu bħala azzjonist prudenti li jsegwi politika strutturali, globali jew settorjali u ggwidat minn perspettivi ta’ rendiment fuq żmien aktar twil tal-kapitali investiti milli dawk ta’ investitur komuni. |
|
(17) |
F’dan il-kuntest, il-Kummisssjoni ħasbet b’mod partikolari, fuq il-bażi tal-informazzjoni li kellha, li l-miżura inkwistjoni, ikun x’ikun l-użu tal-fondi li jikkorrispondu, tagħti lill-Alitalia vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tirċievi f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Din l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija kif ukoll fuq il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkostanzi tal-allokazzjoni tal-miżura li qiegħda tiġi investigata. |
|
(18) |
Il-Kummissjoni esprimiet ukoll id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq komuni. Rigward dan, hija kkunsidrat b’mod partikolari, fuq il-bażi tal-informazzjoni li kellha f’dan l-istadju tal-proċedura, li l-miżura inkwistjoni ma tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni b’applikazzjoni tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet tal-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (hawn taħt, il-“linji gwida tal-2004”) (8). Fil-fatt hija fakkret li l-Alitalia diġà kienet ibbenefikat minn għajnuniet għar-ristrutturar u għas-salvataġġ. |
|
(19) |
Għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex telimina d-dubji tagħha dwar il-kwalifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tal-iskema inkwistjoni u dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. |
4. KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET TALJANI
|
(20) |
Fil-qafas tal-osservazzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Taljani jaffermaw li l-miżura inkwistjoni mhijiex għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat. |
|
(21) |
Huma jikkunsidraw rigward dan li l-Istat Taljan ġab ruħu bħala azzjonist bil-għan li jiggarantixxi lill-impriża li fiha għandu sehem, ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex tiffaċċja, fuq żmien qasir, il-ħtiġijiet tagħha ta’ assi likwidi. Is-self ta’ azzjonist komuni approvat mill-Italja għalhekk huwa sempliċiment finanzjament temporanju bl-iskop li jivvalorizza s-sehem tal-Istat li ġie allokat minn azzjonist prudenti li jsegwi politika strutturali, globali jew settorjali, u ggwidat minn perspettivi ta’ rendiment fuq żmien aktar twil tal-kapitali investiti milli dawk ta’ investitur komuni. F’dan il-kuntest, ir-rati tal-imgħax mogħtija fil-każ inkwistjoni huma koerenti man-natura u l-miri ta’ finanzjament lil kumpanija. Minkejja li tali finanzjament spissa ikun ta’ natura mhux oneruża, fil-każ inkwistjoni ġie kkunsidrat bħala oneruż meta titqies il-kwalità tal-kreditur u meta r-rata tal-imgħax tiġi stabbilita għal livell li jippermetti remunerazzjoni ekonomika diretta u adegwata tal-kapital. |
|
(22) |
Rigward l-allegazzjoni tal-Kummissjoni skont liema d-dubji dwar in-natura tal-għajnuna tal-miżura inkwistjoni huma appoġġati mill-fatt li din ġiet adottata fl-istess ħin mal-irtirar ta’ offerta ta’ xiri ppreżentata lill-Alitalia fl-14 ta’ Marzu 2008 kif ukoll bin-nuqqas ta’ dimostrazzjoni tal-eżistenza ta’ “perspettivi ċerti u immedjati ta’ xiri tal-Alitalia minn investitur ieħor”, l-Italja tfakkar li r-raġunijiet li ma ppermettewx li tiġi finalizzata l-proċedura ta’ privatizzazzjoni mal-grupp Air-France-KLM diġà kienu speċifikati. Skont l-awtoritajiet Taljani, il-fatt li ma ntemmitx din il-proċedura madankollu ma kienx ta’ xkiel għal proġett ta’ privatizzazzjoni, f’kuntest li jivvalorizza l-assi tal-kumpanija filwaqt li jissalvagwardja l-valur residwali tagħha għall-azzjonisti. |
|
(23) |
Barra minn hekk, l-iżviluppi addizzjonali fit-30 ta’ Mejju 2008 jindikaw li din il-linja għad tista’ tiġi adottata b’mod raġonevoli. L-awtoritajiet Taljani jirreferu, f’dan il-kuntest, għall-kuntratt iffirmat fid-9 u l-10 ta’ Ġunju 2008 li bih l-Alitalia tat lill-Intesa Sanpaolo S.p.A. (hawn taħt, “Intesa Sanpaolo”) ir-responsabbiltà li tippromwovi u tfittex offerta għall-Ministru tal-Ekonomija u l-Finanzi, bħala azzjonist tal-Alitalia, u għall-Alitalia, sabiex investitur jew investituri industrijali jew finanzjarji li jkunu interessati li jipparteċipaw fir-ristrutturar finanzjarju, fl-iżvilupp u t-tnedija mill-ġdid tal-Alitalia, b’mod partikolari permezz tal-kapitalizzazzjoni tagħha, jieħdu l-kontroll tal-kumpanija għal żmien twil. Dan il-mandat, li qiegħed jiġi implimentat, għandu jdum għal 60 jum u jista’ jiġi estiż bi 30 jum fuq talba mill-kumpanija. |
|
(24) |
B’mod alternattiv, l-awtortajiet Taljani jsostnu li l-miżura hija, fi kwalunkwe każ, kompatibbli mas-suq komuni b’applikazzjoni tal-linji gwida tal-2004. |
|
(25) |
Fil-fatt, l-ewwel nett, l-Alitalia hija impriża f’diffikultà skont il-linji gwida msemmija. It-tieni nett, il-miżura inkwistjoni hija operazzjoni li tista’ titreġġa’ lura u li b’hekk tirrispetta r-rekwiżit tal-linji gwida tal-2004 skont liema l-għajnuniet għas-salvataġġ għandhom ikunu forma ta’ appoġġ purament temporanji u m’għandhomx ikunu miżuri strutturali. |
|
(26) |
It-tielet nett, il-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-kumpanija u l-miżura inkwistjoni, adottata biex jintemm dan il-proċess, huma konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 25(b) tal-linji gwida tal-2004. Is-self ta’ EUR 300 miljun għandu jiggarantixxi biss is-sostenibbiltà tal-kumpanija mingħajr ma jħalliha timplimenta strateġiji kompetittivi fis-suq tat-trasport tal-ajru li jistgħu jwasslu għal xi impatti ekonomiċi ipotetiċi. |
|
(27) |
Ir-raba’, rigward l-affermazzjoni tal-Kummissjoni skont liema “l-Istat ma pprovdiex impenn li jippreżenta, fi żmien massimu ta’ sitt xhur mill-implimentazzjoni tal-miżura, pjan għar-ristrutturar” (9) [paragrafu 25(ċ) tal-linji gwida tal-2004], l-awtoritajiet Taljani jopponu li l-elaborazzjoni tal-pjan ikun parti mill-qafas tal-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-kumpanija li fir-rigward tagħha l-Italja tat informazzjoni suffiċjenti fl-ittra tagħha lill-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2008. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Taljani jfakkru li, fl-ipoteżi alternattiva li jitħallas lura s-self kollu, id-digriet-liġi Nru 93 jistabbilixxi li l-ħlas lura għandu jsir fl-iqsar żmien possibbli bejn it-tletin jum wara d-data tat-trasferiment tal-ishma azzjonarji kollha fil-pussess tal-ministeru tal-ekonomija u tal-finanzi, fi kliem ieħor it-telf tal-kontroll effettiv, u l-31 ta’ Diċembru 2008. Huma jikkonkludu li fil-fatt ġiet ippreżentata skeda fl-itess mument tal-adozzjoni tal-miżura li qiegħda tiġi kkontestata u li din tissodisfa b’mod sostanzjali r-rekwiżiti tal-linji gwida tal-2004 f’dan ir-rigward. |
|
(28) |
Il-ħames, b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 25(d) tal-linji gwida tal-2004, l-allokazzjoni tas-self inkwistjoni kien neċessarju minħabba l-ħtieġa immedjata għal assi likwidi tal-kumpanija li rriżultat minn diffikultajiet ekonomiċi oġġettivi u li fil-fatt ġew rikonoxxuti mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2008 (ara l-premessi 18 sa 20 ta’ din id-Deċiżjoni). Rigward dan, l-awtoritajiet Taljani jfakkru li s-self għandu biss l-iskop li jiggarantixxi fuq żmien qasir is-sostenibbiltà u l-assi tal-Alitalia sabiex jirnexxi l-proċess ta’ privatizzazzjoni. L-ammont totali tal-intervent ta’ EUR 300 miljun huwa strettament meħtieġ u proporzjonat għall-kisba ta’ dawn il-miri kif fil-fatt turi l-preżentazzjoni tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-kumpanija mill-Italja fl-ittra tagħha lill-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2008 (ara l-paġni 6 sa 9). |
|
(29) |
Is-sitt u l-aħħar nett, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-rikorrenza tal-paragrafu 25(e) tal-linji gwida tal-2006 mhuwiex kontradittorju fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni. |
|
(30) |
Minkejja li l-Alitalia diġà bbenefikat minn għajnuna għar-ristrutturar, relatata ma’ pjan ta’ ristrutturar finanzjarju li seħħ fil-perjodu 1996-2000, u għajnuna għas-salvataġġ fl-2004, fil-fatt tista’ tiġi dderogata mill-prinċipju ta’ non-rikorrenza. L-awtoritajiet Taljani qegħdin jirreferu, f’dan il-kuntest, għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Diċembru 2004 dwar l-għajnuna mill-Istat li Franza qiegħda tippjana li timplimenta favur il-kumpanija Bull (10) (aktar ‘il quddiem, id-“Deċiżjoni Bull”). |
|
(31) |
Huma jfakkru li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-rikorrenza għandu l-iskop li jiġi evitat li l-interventi pubbliċi ripetuti favur ċerti impriżi jillimitaw ruħhom li “jżommu s-sitwazzjoni eżistenti billi jipposponu l-inevitabbli u billi jerġgħu jikkawżaw, sadanittant, problemi industrijali u soċjali lil produtturi oħra li huma aktar effikaċi jew lil Stati Membri oħra” (paragrafu 72 tal-linji gwida tal-2004). Madankollu, il-possibbiltà li wieħed jidderoga mill-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tiddependi fuq ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ każijiet li fihom ma jistgħux jiġu vverifikati dawn l-elementi, għax il-kumulazzjoni tal-għajnuniet allokati f’perjodu speċifiku lill-istess benefiċjarju mhijiex biżżejjed biex jiġi kkunsidrat li l-impriża “għadha teżisti biss minħabba l-għajnuna ripetuta tal-Istat” (paragrafu 72 tal-linji gwida) |
|
(32) |
Rigward dan, il-privatizzazzjoni tal-kumpanija, li għadha soluzzjoni possibbli u kredibbli, tista’ twassal għal bidla reali fis-sitwazzjoni eżistenti dwar l-amministrazzjoni industrijali tal-Alitalia, li b’hekk tkun sottomessa għal korpi ġodda ta’ kontroll, u tippermetti biex il-kumpanija effettivament terġa’ lura għal stat fejn tibda tagħmel qligħ permezz tad-dħul ekonomiku tal-membri tal-kumpanija l-ġdida. L-awtoritajiet Taljani jaffermaw uffiċjalment ukoll li l-fatturi esterni u imprevisti kollha li tawlu l-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-Alitalia jistgħu bla dubju jinkludu ċirkostanzi imprevedibbli u eċċezzjonali li mhumiex imputabbli lilha, b’mod konformi mal-paragrafu 73 tal-linji gwida tal-2004. |
5. KUMMENTI TAL-PARTIJIET TERZI INTERESSATI
|
(33) |
Ħames partijiet interessati ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 88(2) tat-Trattat. Il-lista ta’ dawn il-partijiet interessati tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(34) |
Rigward, minn naħa, il-kwistjoni tal-kwalifikazzjoni ta’ għajnuna tal-miżura inkwistjoni, erba’ partijiet interessati jappoġġaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni rigward dan billi jikkunsidraw li l-miżura msemmija hija għajnuna skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat. |
|
(35) |
British Airways (BA) u Sterling Airlines josservaw li, mingħajr il-miżura inkwistjoni, l-Alitalia kienet taqa’ fi stat ta’ falliment skont il-liġi Taljana. B’hekk l-Alitalia titlef il-liċenzja tagħha ta’ trasportatur tal-ajru b’applikazzjoni tar-Regolamenti tal-ajruplani ċivili u għalhekk ikollha tieqaf topera. |
|
(36) |
Neos targumenta f’dan il-kuntest li, rigward ir-rata tal-imgħax applikabbli għall-miżura inkwistjoni għall-finijiet tal-ħlas lura tagħha, iż-żieda b’100 punt ta’ bażi tar-rata ta’ referenza mhijiex ta’ natura li tikkunsidra r-riskji li ffaċċjaw l-awtoritajiet Taljani meta allokaw il-miżura inkwistjoni. Neos tappoġġa wkoll l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2008 dwar in-nuqqas ta’ perspettiva ta’ privatizzazzjoni tal-Alitalia waqt l-allokazzjoni tal-miżura inkwistjoni. Din iċ-ċirkostanza hija fil-fatt ikkonfermata mit-tensjonijiet kbar li kien hemm, matul ix-xahar ta’ Awwissu, bejn il-ministeru tal-finanzi Taljan u l-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-kumpanija dwar il-“kontinwità tal-impriża” u l-approvazzjoni tal-kontijiet biannwali ta’ din tal-aħħar. |
|
(37) |
BA u Sterling Airlines ifakkru li l-Alitalia bbenefikat, fil-passat, minn miżuri simili. Ryanair tikkundanna min-naħa tagħha li l-Kummissjoni llimitat l-ambitu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa fil-11 ta’ Ġunju 2008 għall-miżura inkwistjoni, peress li l-Alitalia, skont hi, ilha tibbenefika minn għajnuniet illegali oħra mill-Istat sa minn Novembru 2005. L-analiżi ta’ dawn il-miżuri l-oħra għandha tippermetti li ssaħħaħ l-analiżi skont liema investitur privat ma kienx japprova, fiċ-ċirkostanzi tal-każ inkwistjoni, l-allokazzjoni tal-miżura inkwistjoni. |
|
(38) |
Kemm Neos kif ukoll Ryanair jiddenunzjaw id-distorsjoni ta’ kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna mogħtija mill-Italja lill-Alitalia għal ħafna snin. |
|
(39) |
Rigward, min-naħa l-oħra, il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq komuni, il-BA temmen li l-miżura inkwistjoni hija għajnuna għas-salvataġġ u għalhekk għandha tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji tal-2004. Madankollu, din l-għajnuna ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha u ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-linji gwida msemmija. |
|
(40) |
Rigward dan, il-BA targumenta li din il-miżura ma setgħetx tiġi allokata mingħajr ksur b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ non-rikorrenza tal-linji gwida [paragrafu 25(e) tal-linji gwida tal-2004], peress li l-Alitalia diġà kienet ibbenefikat minn għajnuna għar-ristrutturar approvata mill-Kummissjoni. Il-BA żżid li l-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ non-rikorrenza tal-paragrafu 73 tal-linji gwida mhuwiex applikabbli fil-każ inkwistjoni, peress li l-Alitalia ma kellhiex tiffaċċja ċirkostanzi imprevedibbli li ma kinux imputabbli lilha. F’dan il-kuntest, il-BA u l-Isterling Airlines jispeċifikaw li l-qagħda ekonomika attwali ferm diffiċli li fiha jinsab is-settur tal-ajru, li hija relatata b’mod partikolari maż-żieda fil-prezz taż-żejt, taffettwa l-atturi kollha fis-settur. Il-BA tikkonkludi li dan l-argument m’għandux jiġi invokat b’mod validu mill-Alitalia sabiex issir deroga mill-prinċipju ta’ non-rikorrenza tal-linji gwida tal-2004. Il-ħtieġa ta’ finanzjament tal-kumpanija hija r-riżultat tal-inkapaċità tagħha li tirristruttura ruħha f’perspettiva ta’ tnaqqis tal-ispejjeż interni tagħha u dan minkejja l-għajnuniet tal-Istat li diġà kienet ibbenefikat minnhom. |
|
(41) |
Barra minn hekk, skont il-BA, il-miżura inkwistjoni mhijiex għajnuna tat-teżor fil-forma ta’ garanziji ta’ krediti jew ta’ krediti, iżda għandha l-karatteristiċi ta’ injezzjoni ta’ kapital li jiggarantixxi lill-gvern Taljan il-kontroll effettiv tal-kumpanija [paragrafu 25(a) tal-linji gwida]. |
|
(42) |
Rigward il-kundizzjoni tal-linji gwida tal-2004 relatata mal-eżistenza ta’ raġunijiet soċjali serji, il-BA tenfasizza li l-insolvenza tal-Alitalia m’hijiex ta’ tali natura li tista’ tikkawża tfixkil serju għad-detriment tal-passiġġieri minħabba l-preżenza ta’ kompetituri kemm fir-rotot nazzjonali kif ukoll fit-titjiriet internazzjonali. Fir-rigward tal-effetti negattivi kkaġunati fuq is-sitwazzjoni tal-kompetituri tagħha, dawn jirriżultaw miż-żamma tal-Alitalia fis-suq minkejja d-diffikultajiet finanzjarji tagħha, miż-żieda fin-numru tar-rotot tagħha, b’mod parikolari minn Ruma u Milan lejn Los Angeles, kif ukoll mit-tnaqqis tat-tariffi tagħha. Dawn l-għażliet kummerċjali mhumiex razzjonali meta titqies il-qagħda finanzjarja li tinsab fiha u juru r-rieda li għandha biex iżżid is-sehem tagħha fis-suq meta mqabbla mal-kompetituri tagħha li ma jibbenefikawx minn għajnuniet mill-Istat [paragrafu 25(b) tal-linji gwida tal-2004]. |
|
(43) |
Barra minn hekk, il-miżura inkwistjoni ma kienetx allokata lill-Alitalia għal perjodu limitat ta’ sitt xhur, bħal ma jeżiġu l-linji gwida tal-2004 [paragrafu 25(ċ)]. |
|
(44) |
Fl-aħħar nett, il-BA targumenta li peress li din il-politika kummerċjali hija kkaratterizzata mill-involviment ta’ spejjeż li mhumiex essenzjali, ma jistax jiġi ggarantit li l-għajnuna inkwistjoni tkun limitata għall-ammont meħtieġ għaż-żamma tal-impriża matul il-perjodu li fih giet awtorizzata l-għajnuna, u li fil-fatt dan l-ammont għandu jkun ibbażat fuq il-ħtiġijiet ta’ fondi li rriżultaw mit-telf tal-impriża [paragrafu 25(d) tal-linji gwida tal-2004]. |
|
(45) |
Ryanair tikkritika lill-Kummissjoni fuq il-fatt li għadha ma talbitx għas-sospensjoni immedjata tal-miżura inkwistjoni u titlob li jkun meħtieġ mill-Alitalia l-irkupru immedjat tat-EUR 300 miljun li ġew allokati lilha mill-Italja. Ryanair tenfasizza wkoll li, kontra dak li jippretendu l-awtoritajiet Taljani, ebda raġuni ta’ ordni pubbliku u ta’ kontinwità territorjali ma tista’ tiġi invokata sabiex tiġi ġġustifikata l-allokazzjoni tal-miżura inkwistjoni lill-Alitalia. Ryanair qiegħda tirreferi f’dan il-kuntest għat-tnaqqis tal-ishma fis-suq fil-pussess tal-Alitalia fuq ċerti rotot. |
|
(46) |
The European Travel Agents’ and tour Operators’ Associations (ECTAA) u the Guild European Business Travel Agents (GEBTA) jemmnu bil-kontra li peress li l-miżura inkwistjoni għandha l-iskop li tevita l-falliment tal-Alitalia, l-allokazzjoni tagħha hija ta’ tali natura li tipproteġi l-konsumaturi fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tipproteġi l-passiġġieri fl-ipoteżi ta’ falliment ta’ kumpanija bħal din. L-ECTAA u l-GEBTA iżidu jgħidu li l-allokazzjoni tas-self inkwistjoni kien l-unika soluzzjoni raġonevoli sabiex jiġi evitat il-falliment tal-Alitalia u sabiex wieħed jgħinha fil-proċess tagħha ta’ privatizzazzjoni. Meta wieħed jikkunsidra l-perspettivi ta’ tnedija mill-ġdid tal-kumpanija li ġew iddikjarati fl-istampa, l-allokazzjoni ta’ dan is-self huwa ġġustifikat ekonomikament sabiex isir ristrutturar komplut tal-Alitalia fil-perspettiva ta’ profitti fil-futur. |
6. TFAKKIR TAD-DEĊIŻJONIJIET TAL-KUMMISSJONI DWAR L-ALITALIA
|
(47) |
F’dan il-kuntest u għall-finijiet tal-analiżi tal-miżura inkwistjoni, għandu jiġi mfakkar li, rigward l-Alitalia, il-Kummissjoni adottat preċedentement id-Deċiżjonijiet li ġejjin:
|
7. EVALWAZZJONI TAL-MIŻURA SKONT L-ARTIKOLU 87(1) TAT-TRATTAT
|
(48) |
Wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa fuq il-bażi tal-Artikolu 88(2) tat-Trattat u meta jiġu kkunsidrati l-argumenti ppreżentati f’dan il-kuntest mill-awtoritajiet Taljani u l-partijiet interessati, il-Kummissjoni temmen li l-miżura inkwistjoni, jiġifieri s-self approvat lill-Alitalia li l-ammont tiegħu ta’ EUR 300 miljun jista’ jiġi assenjat għall-kapitali proprji tal-kumpanija, hija għajnuna mill-Istat mhux kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat u hija illegali skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat. |
7.1. L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat
|
(49) |
Skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni”. |
|
(50) |
Il-kwalifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat tippreżumi li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin, jiġifieri li: 1) il-miżura inkwistjoni tagħti vantaġġ permezz tar-riżorsi tal-Istat, 2) dan il-vantaġġ ikun selettiv u 3) il-miżura inkwistjoni twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni u tkun tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (19). |
|
(51) |
F’dan l-istadju għandhom jissemmew ir-raġunijiet li jippermettu lill-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura inkwistjoni tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi. |
7.1.1. Dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat
|
(52) |
Minn naħa, għandu jiġi osservat li l-miżura inkwistjoni hija self li l-ammont tiegħu jista’ jiġi assenjat għall-kapitali proprji tal-Alitalia (20), li kien approvat direttament lil din tal-aħħar mill-Istat Taljan, u li b’hekk tinvolvi t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, din il-miżura hija imputabbli lill-Istat Taljan, peress li d-deċiżjoni għall-allokazzjoni tas-self imsemmi fil-fatt ġiet adottata mill-Kunsill tal-Ministri Taljani fit-22 ta’ April 2008, kif kienet ikkompletata mid-digriet-liġi Nru 93 tas-27 ta’ Mejju 2008. |
|
(53) |
Rigward, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkostanzi simili, investitur privat kienx ikollu jipproċedi għall-provvista ta’ kapital bħal fil-każ inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li, jekk l-imġieba tal-investitur privat, li magħha għandu jiġi mqabbel l-intervent tal-investitur pubbliku li għandu miri ta’ politika ekonomika, mhijiex neċessarjament dik ta’ investitur komuni li jinvesti kapital sabiex jiġi vvalorizzat fi żmien pjuttost qasir, għandha, għallinqas tkun dik ta’ kumpanija holding privata jew grupp privat ta’ impriżi li jsegwi politika strutturali, globali jew settorjali, u ggwidat minn perspettivi ta’ qligħ fuq żmien aktar twil (21). |
|
(54) |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ukoll tal-fehma li sieħeb privat jista’ b’mod raġonevoli jipprovdi l-kapital meħtieġ biex jiżgura s-sopravivenza ta’ impriża li jkollha diffikultajiet temporanji, iżda li, jekk ikun il-każ, wara ristrutturar, tkun tista’ terġa tasal fi stat fejn tagħmel qligħ. Għaldaqstant, meta l-provvisti ta’ kapital minn investitur ma jkunu jinkludu ebda perspettiva ta’ qligħ, anke fuq żmien twil, provvisti bħal dawn għandhom jitqiesu bħala għajnuniet skont l-Artikolu 87 tat-Trattat (22). |
|
(55) |
Wieħed għandu jfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza kostanti, kemm l-eżistenza kif ukoll l-ammont ta’ għajnuna għandhom jiġu evalwati, meta tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni fiż-żmien meta tiġi allokata (23). |
|
(56) |
F’dan il-każ inkwistjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat u tal-prinċipji msemmijin hawn fuq, wieħed għandu jikkunsidra l-qagħda finanzjarja tal-Alitalia u l-karatteristiċi tal-intervent tal-Istat inkwistjoni. |
7.1.1.1. Il-qagħda finanzjarja tal-Alitalia
|
(57) |
Rigward il-qagħda finanzjarja tal-Alitalia, il-Kummissjoni tosserva li din kienet serjament fil-periklu fiż-żmien tal-allokazzjoni tas-self inkwistjoni u tal-adozzjoni tad-digriet-liġi Nru 93. Fil-fatt, l-Alitalia kellha telf konsolidat ta’ EUR 626 miljun għas-sena finanzjarja 2006 u EUR 495 miljun għas-sena finanzjarja 2007 (24). |
|
(58) |
Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-informazzjoni finanzjarja ppublikata mill-impriża, l-Alitalia kellha telf qabel it-taxxa ta’ EUR 214.8 miljun fl-ewwel trimestru tas-sena 2008, jiġifieri żieda ta’ 41 % meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2007. Fil-fatt, id-debitu nett tal-Alitalia kien ta’ EUR 1.36 biljun fit-30 ta’ April 2008, jiġifieri żieda ta’ 13 % meta mqabbel mal-livell f’Diċembru 2007. Fl-istess ħin, il-fondi tal-impriża, inklużi l-krediti finanzjarji fuq żmien qasir, fit-30 ta’ April 2008 kienu niżlu għal EUR 174 miljun, bi tnaqqis ta’ 53 % mill-aħħar ta’ Diċembru 2007 (25). |
|
(59) |
Din iċ-ċirkostanza tidher ukoll b’mod ċar fid-digriet-liġi Nru 80 li fih hemm indikat li l-allokazzjoni tas-self inkwistjoni għandu jagħmel is-salvataġġ tal-kumpanija possibbli u għandu jippermettilha li tiffaċċja l-ħtiġijiet tagħha ta’ assi likwidi immedjati (ara l-premessi 57 u 58 hawn fuq). |
|
(60) |
L-awtoritajiet Taljani argumentaw ukoll, fir-risposta tagħhom lill-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2008, li l-adozzjoni tad-digriet-liġi Nru 93 kienet immotivata mill-fatt li l-qagħda finanzjarja tal-kumpanija kienet marret għall-agħar u għandha l-għan li tippermettiha tissalvagwardja l-valur tagħha u b’hekk tiżgura l-kontinwità tal-attività tagħha. Huma jindikaw, f’dan il-kuntest, li l-miżuri li ttieħdu għandhom l-iskop li jiġi evitat li t-telf iwassal għal tnaqqis fil-kapital azzjonarju u fir-riżervi sa taħt il-limitu legali u li, b’hekk, ma tinbediex proċedura ta’ insolvenza (“procedura concorsuale”) u l-istralċ tal-kumpanija. |
|
(61) |
Fit-3 ta’ Ġunju 2008, l-awtoritajiet Taljani adottaw id-digriet-liġi Nru 97 (26) li jirreferi wkoll għal-qagħda finanzjarja tal-Alitalia deskritta hawn fuq u li ssaħħaħ din l-analiżi. |
|
(62) |
Dawn l-elementi kollha jippermettu li wieħed jikkunsidra li, il-qagħda finanzjarja tal-Alitalia kienet serjament fil-periklu, kemm fiż-żmien tal-allokazzjoni tas-self ta’ EUR 300 miljun mid-digriet-liġi Nru 80, kif ukoll f’dak tal-adozzjoni tad-digriet-liġi Nru 93, kif fil-fatt jammettu l-awtoritajiet Taljani fl-ittra tagħhom lill-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2008. Il-Kummissjoni temmen li huwa opportun li wieħed jinnota f’dan ir-rigward li din l-evalwazzjoni bl-ebda mod ma kienet iddubitata mill-awtoritajiet Taljani fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (27). |
|
(63) |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni temmen ukoll li huwa opportun li wieħed ifakkar li l-qagħda finanzjarja tal-Alitalia marret għall-agħar mill-1997 u ilha fil-periklu mill-2001, kif turi d-deskrizzjoni tal-qagħda finanzjarja tal-kumpanija fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 2001, tal-20 ta’ Lulju 2004 u tas-7 ta’ Ġunju 2005 (imsemmijin hawn fuq, ara l-premessa 47 hawn fuq). Il-miżuri ta’ appoġġ mill-Istat li l-kumpanija bbenefikat minnhom mill-1997 juru biżżejjed li d-diffikultajiet li kellha l-kumpanija għal madwar 10 snin ġew megħluba b’mod rikorrenti mill-intervent tal-azzjonist pubbliku. |
7.1.1.2. Il-karatteristiċi tal-intervent tal-Istat
|
(64) |
Rigward il-kundizzjonijiet tal-allokazzjoni tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni tosserva, l-ewwel nett, li skont id-digriet-liġi Nru 80, ir-rata tal-imgħax applikabbli hija dik indikata fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rati tal-imgħax applikabbli għall-irkupru tal-għajnuniet tal-Istat u r-rati ta’ referenza u ta’ attwalizzazzjoni għal 25 Stat Membru, fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar u, mill-1 ta’ Lulju 2008, għar-rata indikata b’mod konformi mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni tal-metodu ta’ stabbiliment tar-rati ta’ referenza u ta’ attwalizzazzjoni (28). Din ir-rata żdiedet b’1 % bid-digriet-liġi Nru 93 (29). |
|
(65) |
Madankollu, għandu jiġi nnotat li, rigward il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rati tal-imgħax applikabbli għall-irkupru tal-għajnuniet tal-Istat u r-rati ta’ referenza u ta’ attwalizzazzjoni għal 25 Stat Membru, fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2008 (30), ir-rati mniżżlin fiha għandhom jirriflettu l-livell medju tar-rati tal-imgħax fis-seħħ fid-diversi Stati Membri, għas-self fuq żmien medju u twil (minn ħames sa għaxar snin) b’sigurtà normali. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn ir-rati, anke b’żieda ta’ 1 %, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala xierqa fir-rigward ta’ impriża li l-qagħda finanzjarja tagħha tkun serjament fil-periklu. Fil-fatt, din il-komunikazzjoni hija bbażata fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodu ta’ stabbiliment tar-rati ta’ referenza u ta’ attwalizzazzjoni tal-1997 (31), li fiha hemm li “ir-rata ta’ referenza ddeterminata b’dan il-mod hija r-rata massima li tista’ tiġi applikata f’sitwazzjonijiet ta’ riskju partikolari (pereżempju: impriża f’diffikultà, nuqqas ta’ sigurtà normalment mitluba mill-banek, eċċ.). F’każijiet bħal dawn, il-primjum jista’ jilħaq 400 punt ta’ bażi u saħansitra aktar jekk ebda bank privat ma jaċċetta li jagħti s-self inkwistjoni”. Madankollu, il-Kummissjoni temmen li ż-żieda anke b’100 punt ta’ bażi tar-rati ta’ referenza, kif previst mid-digriet-liġi Nru 93, m’hijiex ta’ tali natura li tikkunsidra b’mod adegwat il-qagħda partikolarment prekarja li fiha kienet tinsab l-Alitalia fiż-żmien meta ġiet allokata l-miżura. |
|
(66) |
Fir-rigward tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni tal-metodu ta’ stabbiliment tar-rati ta’ referenza u ta’ attwalizzazzjoni (32), huwa biżżejjed li wieħed jikkunsidra li, għalkemm hija applikabbli peress li s-self ġie allokat qabel id-dħul fis-seħħ u l-kwalifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna tiġi evalwata fil-mument tal-allokazzjoni tagħha, l-awtoritajiet Taljani ma tawx risposta għad-dubji espressi mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2008. Għalhekk id-dubji espressi mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward għadhom preżenti. |
|
(67) |
Għalhekk, il-Kummissjoni taħseb, fuq il-bażi tal-elementi li ssemmew qabel, li investitur privat li jkun f’sitwazzjoni simili ta’ dik tal-Istat Taljan fil-każ inkwistjoni, u anke bil-preżunzjoni li approva l-allokazzjoni tal-miżura inkwistjoni lill-Alitalia, ma kienx jaċċetta li r-rata tal-imgħax allokata, anke miżjuda b’100 punt ta’ bażi, tkun dik applikabbli għal impriża li għandha sitwazzjoni finanzjarja normali. |
|
(68) |
Din l-evalwazzjoni tar-rati tal-imgħax applikabbli għall-miżura inkwistjoni ma ġietx ikkontestata mill-allegazzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani fl-ittra tagħhom tat-12 ta’ Lulju 2008. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Taljani sempliċement jaffermaw, mingħajr ma jissostanzjaw il-kummenti tagħhom, li l-ammont tar-rata kien stabbilit f’livell li jippermetti li tiġi garantita remunerazzjoni ekonomika diretta u adegwata tal-kapital. |
|
(69) |
Il-Kummissjoni tosserva wkoll li d-deċiżjoni tal-gvern Taljan biex jalloka s-self inkwistjoni saret fit-22 ta’ April 2008, wara l-irtirar dak il-jum stess tal-offerta ta’ xiri mill-ġdid tal-Alitalia mill-grupp Air France-KLM (33), u li l-adozzjoni tad-digriet-liġi Nru 93 kienet immotivata mill-fatt li l-qagħda finanzjarja tal-kumpanija marret għall-agħar. Kienu x’kienu r-raġunijiet tal-irtirar tal-offerta tal-Air France-KLM, li huma relatati mal-qagħda finanzjarja tal-Alitalia (34), xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni tal-allokazzjoni tas-self inkwistjoni saret eżatt wara din id-deċiżjoni ta’ irtirar. |
|
(70) |
Rigward dan, l-allegazzjoni mhux issostanzjata tal-awtoritajiet Taljani skont liema l-fatt li ma saritx din l-operazzjoni ma kienx ta’ tfixkil għall-proġett ta’ privatizzazzjoni, ma tistax tibqa’ valida fin-nuqqas ta’ elementi konvinċenti li jistgħu juru r-realtà ta’ proġett bħal dan fil-mument tal-allokazzjoni tal-miżura inkwistjoni. It-tentattivi ta’ privatizzazzjoni tal-kumpanija li jirreferu għalihom l-awtoritajiet Taljani fl-ittra tagħhom tat-30 ta’ Mejju 2008 u li jikkonċernaw il-perjodu mill-aħħar tal-2006 sal-aħħar tal-2007 fil-fatt ma jistgħux juru li kienet teżisti perspettiva alternattiva reali ta’ xiri mill-ġdid fil-mument tal-allokazzjoni tal-miżura inkwistjoni. |
|
(71) |
Fir-rigward tal-ittra tas-sinjur B. Ermolli lill-Alitalia, li għaliha jirreferu l-awtoritajiet Taljani fl-ittra tagħhom tat-30 ta’ Mejju 2008 u li fil-fehma tagħhom turi l-interess ta’ kuntratturi u investituri Taljani fl-elaborazzjoni ta’ proġett ta’ tnedija mill-ġdid tal-kumpanija, din ma tistax tiġi kkunsidrata bħala perspettiva ta’ din in-natura (35). |
|
(72) |
Fir-rigward tal-iżviluppi addizzjonali fit-30 ta’ Mejju 2008 li jsemmu l-awtoritajiet Taljani fl-ittri tagħhom u, b’mod aktar preċiż, fir-rigward tal-kuntratt iffirmat fid-9 u l-10 ta’ Ġunju 2008 bejn l-Alitalia u l-Intesa Sanpaolo, huwa biżżejjed li wieħed ifakkar li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi li kien hemm fil-mument tal-allokazzjoni tagħha. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tinnota li l-fatt li l-Alitalia, f’Ġunju tal-2008, tat lill-Intesa Sanpaolo r-responsabbiltà li tippromwovi u li tfittex soluzzjoni ta’ privatizzazzjoni tal-kumpanija, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala perspettiva żgura u immedjata ta’ xiri mill-ġdid tal-kumpanija, peress li m’hemm ebda ċertezza s’issa dwar il-possibbiltajiet ta’ suċċess tal-inkarigu mogħti lill-Intesa Sanpaolo. |
|
(73) |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat ukoll li, fiż-żmien li fih saret l-allokazzjoni tal-miżura inkwistjoni mill-Istat Taljan, ebda azzjonist privat ma intervjena għall-appoġġ tagħha, b’mod konkomitanti mal-Istat, sabiex tkun tista’ tiffaċċja l-ħtieġa immedjata tagħha ta’ assi likwidi. |
|
(74) |
Il-fatt li l-irtirar tal-offerta ta’ xiri mill-ġdid imsemmija hawn fuq u l-allokazzjoni tas-self imsemmi mill-gvern Taljan saru kważi fl-istess ħin, in-nuqqas ta’ perspettiva oħra ta’ xiri mill-ġdid fil-mument tal-allokazzjoni tiegħu u n-nuqqas ta’ intervent finanzjarju tal-azzjonisti privati tal-Alitalia b’mod konkomitanti ma dak tal-Istat Taljan, isaħħu l-konklużjoni skont liema azzjonist ta’ daqs simili ma kienx japprova l-allokazzjoni ta’ dan is-self minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni tagħha. |
|
(75) |
Il-Kummissjoni fil-fatt temmen li, minħabba l-qagħda finanzjarja tal-Alitalia li kienet tinsab f’periklu serju, investitur privat bħal dan ma kien japprova l-allokazzjoni ta’ ebda self u, a fortiori, self li l-ammont tiegħu għandu jiġi assenjat għall-kapitali proprji tagħha u li, b’dan il-mod, fl-ipoteżi ta’ stralċ tal-kumpanija, ikun imħallas lura biss wara li jitħallsu l-kredituri l-oħra kollha, in solidum u b’mod proporzjonat mal-kapital azzjonarju (ara l-Artikolu 4(4) tad-digriet-liġi Nru 93). L-allokazzjoni tas-self li kien approvat fil-bidu biex jagħmel tajjeb għall-kapital tal-Alitalia ssaħħaħ aktar l-analiżi tal-Kummissjoni dwar in-natura tal-għajnuna tal-miżura inkwistjoni. |
|
(76) |
Fid-dawl tal-elementi kollha msemmijin hawn fuq, il-Kummissjoni għalhekk temmen li l-Istat Taljan, meta alloka lill-Alitalia l-miżura inkwistjoni b’ammont ta’ EUR 300 miljun, ma ġabx ruħu bħala azzjonist prudenti li jsegwi politika strutturali, globali jew settorjali, u ggwidat minn perspettivi ta’ rendiment fuq żmien aktar twil tal-kapitali investiti milli dawk ta’ investitur komuni (36). |
|
(77) |
Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura inkwistjoni, irrispettivament mill-fondi korrispondenti, tagħti lill-Alitalia vantaġġ ekonomiku permezz tar-riżorsi tal-Istat li ma kinitx tirċievi f’kundizzjonijiet normali tas-suq (37). |
7.1.2. Dwar in-natura selettiva tal-miżura
|
(78) |
L-allokazzjoni ta’ dan is-self tagħti lill-kumpanija Alitalia vantaġġ ekonomiku li hija l-unika benefiċjarja tiegħu. Il-miżura inkwistjoni għalhekk hija ta’ natura selettiva. |
7.1.3. Dwar il-kundizzjonijiet tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u fuq id-distorsjoni tal-kompetizzjoni
|
(79) |
Il-Kummissjoni temmen li l-miżura inkwistjoni taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri għax tikkonċerna impriża li l-attività ta’ trasport tagħha għandha x’taqsam direttament mal-kummerċ u tkopri bosta Stati Membri. Barra minn hekk, hija tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni għax hija mmirata lejn impriża waħda biss li tinsab f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-kumpaniji tal-ajru Komunitarji l-oħra fuq in-netwerk Ewropew, b’mod partikolari mid-dħul fis-seħħ tat-tielet stadju tal-liberalizzazzjoni tat-trasport tal-ajru fl-1 ta’ Jannar 1993 (38). |
|
(80) |
Fir-rigward ta’ dak kollu msemmi hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma, fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha f’dan l-istadju, li l-miżura ta’ ammont ta’ EUR 300 miljun approvata mill-Istat Taljan lill-Alitalia hija għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat. |
7.2. Il-kwalifikazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna bħala għajnuna illegali
|
(81) |
B’mod konformi mal-Artikolu 88(3) tat-Trattat, l-Istat Membru għandu jinnotifika kwalunkwe proġett li għandu t-tendenza li jistabbilixxi jew jimmodifika xi għajnuniet. L-Istat Membru kkonċernat ma jistax jimplimenta l-miżuri ppjanati qabel ma din il-proċedura tasal għal deċiżjoni finali. |
|
(82) |
Id-deċiżjoni tal-gvern Taljan li jalloka s-self ta’ EUR 300 miljun saret fit-22 ta’ April 2008 mid-digriet-liġi Nru 80. Il-fondi għalhekk ingħataw lill-Alitalia f’din id-data, kif fil-fatt ikkonfermaw l-awtoritajiet Taljani fil-laqgħa tagħhom mal-Kummissjoni fit-23 ta’ April 2008. Fir-rigward tad-digriet-liġi Nru 93 li jipprevedi s-setgħa li jiġi assenjat l-ammont tas-self għall-kapitali proprji tal-kumpanija, dan ġie adottat fis-27 ta’ Mejju 2008. |
|
(83) |
Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li, l-Italja ma nnotifikathiex bil-miżura, la fil-jum tal-adozzjoni tad-digriet-liġi Nru 80 u lanqas f’dak tal-adozzjoni tad-digriet-liġi Nru 93. Il-Kummissjoni għalhekk hija tal-fehma li l-Italja ġabet ruħha b’mod illegali bl-allokazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat. |
7.3. Il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq komuni
|
(84) |
Peress li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura inkwistjoni hija għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, għandha tiġi investigata l-kompatibbiltà possibbli tagħha fid-dawl tad-derogi previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Għandu jiġi mfakkar, rigward dan, li l-benefiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni huwa relatat mas-settur tat-trasport tal-ajru. |
|
(85) |
Rigward id-derogi previsti fl-Artikolu 87(2) tat-Trattat, dwar l-għajnuniet ta’ natura soċjali allokati lill-konsumaturi individwali, l-għajnuniet li għandhom l-għan li jirrimedjaw għall-ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali u minn ċirkostanzi eċċezzjonali oħra kif ukoll l-għajnuniet allokati għall-ekonomija ta’ ċerti reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni tiddikjara li m’għandhom ebda rilevanza f’dan il-kuntest. |
|
(86) |
Rigward id-deroga tas-sub-paragrafu b) tal-Artikolu 87(3) tat-Trattat, huwa biżżejjed li wieħed jgħid li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni mhijiex proġett kbir ta’ interess Ewropew komuni u m’għandhiex l-għan li tirrimedja tfixkil serju fl-ekonomija Taljana. Lanqas m’għandha l-għan li tippromwovi l-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju skont id-deroga tal-Artikolu 87(3)(d) tat-Trattat. |
|
(87) |
Il-Kummissjoni hija tal-fehma, rigward id-deroga tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat, li jawtorizza għajnuniet li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet sakemm ma jiġix imfixkel il-kummerċ kontra l-interess komuni, li m’hemm xejn li jippermetti li wieħed jikkunsidra li l-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, l-ebda waħda mid-derogi previsti rigward dan mil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 61 tal-Ftehim ŻEE għall-għajnuniet tal-Istat fis-settur tal-avjazzjoni (39), kif kienu kkompletati bil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni [dwar] il-linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuniet tal-Istat għat-tnedija tal-kumpaniji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjunali (40), ma tidher li hija applikabbli għall-każ inkwistjoni. |
|
(88) |
Barra minn hekk, minkejja li l-Kummissjoni awtorizzat, b’mod eċċezzjonali, ċerti għajnuniet għall-funzjonament fit-trasport tal-ajru fuq il-bażi tal-linji gwida dwar l-għajnuniet tal-Istat b’għanijiet reġjonali tal-1998, emendati fl-2000 (41), għal linji tal-ajru li joperaw mit-territorju tar-reġjuni mbiegħda u sabiex jikkompensaw l-ispejjeż żejda li jirriżultaw mill-iżvantaġġi permanenti ta’ dawn ir-reġjuni, identifikati fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat, din l-eċċezzjoni m’għandhiex rilevanza f’dan il-kuntest. |
|
(89) |
Rigward l-eżenzjonijiet imsemmijin hawn fuq, il-Kummissjoni tixtieq tiddikjara li l-awtoritajiet Taljani stqarrux, fil-qafas tal-ittri tagħhom, li dawn kienu applikabbli f’dan il-każ. |
|
(90) |
Rigward l-argument tal-awtoritajiet Taljani relatat mal-ħtieġa li jiġi ggarantit, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ kontinwità territorjali, is-servizz pubbliku żgurat mill-Alitalia, il-Kummissjoni tosserva li din l-affermazzjoni biss, li ma ġietx issostanzjata, m’hijiex ta’ tali natura li tippermettilha tqis din il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni. |
|
(91) |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni temmen li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni ma tistax tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni b’applikazzjoni tal-linji gwida tal-2004. Minkejja li l-Alitalia tista’ tiġi kkwalifikata bħala impriża f’diffikultà skont dawn il-linji gwida, il-kundizzjonijiet kumulattivi l-oħra li jippermettu li wieħed jikkunsidra li s-self inkwistjoni huwa għajnuna għas-salvataġġ mhumiex issodisfati fil-każ inkwistjoni. |
|
(92) |
Fil-fatt, il-Kummissjoni tiddikjara, l-ewwel nett, li l-awtoritajiet Taljani ma wrewx li l-miżura inkwistjoni mhux ser ikollha effetti kkaġunati inaċċettabbli fi Stati Membri oħra (42). Fil-fatt, l-awtoritajiet Taljani f’dan ir-rigward sempliċement jistqarru li l-proċedura ta’ privatizzazzjoni u l-allokazzjoni, f’dan il-kuntest, tal-miżura inkwistjoni hija proċedura ta’ natura ġenerali, peress li l-allokazzjoni tal-miżura msemmija ma tpoġġix l-Alitalia f’kundizzjoni li timplimenta strateġiji kompetittivi. L-awtoritajiet Taljani ma taw ebda lista tar-raġunijiet soċjali serji li jiġġustifikaw l-allokazzjoni tal-miżura inkwistjoni. |
|
(93) |
It-tieni nett, l-awtoritajiet Taljani ma tawx impenn li fi żmien massimu ta’ sitt xhur mill-implimentazzjoni tal-miżura jipprovdu pjan ta’ ristrutturar, jew pjan ta’ stralċ, jew il-prova tal-ħlas lura totali tas-self imsemmi (43). L-awtoritajiet Taljani, fl-ittri tagħhom, jirreferu kemm għall-eżistenza ta’ pjan ta’ ristrutturar kif ukoll għall-eżistenza ta’ skeda għall-finijiet tal-ħlas lura tal-miżura inkwistjoni. Madankollu, minn naħa waħda, l-allegazzjoni tal-awtoritajiet Taljani skont liema l-elaborazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar tagħmel parti mill-qafas tal-proċedura ta’ privatizzazzjoni tal-Alitalia li bdiet mill-2006 ma tistax tippermetti li wieħed jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha impenn formali li jiġi ppreżentat pjan reali ta’ ristrutturar tal-kumpanija fis-sitt xhur wara l-allokazzjoni tal-miżura. |
|
(94) |
Min-naħa l-oħra, l-allegata skeda ta’ ħlas lura tas-self li suppost hija msemmija fid-digriet-liġi Nru 93 imsemmi hawn fuq ma tippermettix lill-Kummissjoni tikkunsidra li l-kundizzjoni tal-paragrafu 25(c) tal-linji gwida tal-2004 ġiet issodisfata. Il-fatt li s-self inkwistjoni għandu jiġi mħallas lura fl-iqsar żmien possibbli bejn it-tletin jum wara t-trasferiment tal-kapital azzjonarju tal-Alitalia u l-31 ta’ Diċembru 2008 ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-awtoritajiet Taljani ħadu r-responsabbiltà li fi żmien sitt xhur wara l-allokazzjoni tal-miżura bid-digriet-liġi Nru 80 jippreżentaw il-prova tal-ħlas lura totali tiegħu, jiġifieri sa mhux aktar tard mit-23 ta’ Ottubru 2008. |
|
(95) |
Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet Taljani ma jikkunsidrawx il-fatt li, fl-Artikolu 4(4) tad-digriet-liġi Nru 93, hemm indikat li, fl-ipoteżi ta’ stralċ tal-kumpanija, l-ammont inkwistjoni jiġi mħallas lura biss wara li jiġu mħallsal-kredituri kollha l-oħra, in solidum u b’mod proporzjonat mal-kapital azzjonarju, u dan jikkomprometti f’din l-ipoteżi kull perspettiva ta’ ħlas lura. L-evokazzjoni f’dan id-digriet ta’ ipoteżi ta’ stralċ tal-kumpanija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala impenn tal-Italja li tippreżenta pjan ta’ stralċ fi żmien massimu ta’ sitt xhur mill-implimentazzjoni tal-miżura. |
|
(96) |
It-tielet nett, l-awtoritajiet Taljani lanqas ma wrew li l-għajnuna inkwistjoni hija b’mod kwantitattiv iġġustifikata għall-finijiet taż-żamma tal-impriża [paragrafu 25(d) tal-linji gwida tal-2004]. L-awtoritajiet Taljani sempliċement affermaw, fl-ittri tagħhom, li l-ammont totali tal-intervent favur l-Alitalia kien strettament meħtieġ u proporzjonat għall-objettiv ta’ konservazzjoni tad-durabilità u tal-assi tal-kumpanija. F’dan il-kuntest, kontra dak li jaffermaw l-awtoritajiet Taljani, id-deskrizzjoni tal-qagħda finanzjarja tal-kumpanija fl-ittra tagħhom lill-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2008 ma tippermettix li wieħed jasal għal konklużjoni bħal din. |
|
(97) |
Ir-raba’ u fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni relatata mar-regola ta’ non-rikorrenza (44), inċidentalment kemm fil-każ ta’ għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar, hija ssodisfata mill-Alitalia. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skont il-linji gwida tal-2004, jekk impriża diġà tkun ibbenefikat minn għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar fil-passat u jekk għaddew inqas minn 10 snin mill-allokazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ, minn meta ntemm il-perjodu tar-ristrutturar jew minn meta waqfet l-implimentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni ma tistax tawtorizza għajnuna oħra għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar. |
|
(98) |
Madankollu, l-Alitalia diġà bbenefikat minn għajnuna għar-ristrutturar li ġiet approvata mill-Kummissjoni bid-Deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2001 (45) kif ukoll minn għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta’ garanzija tal-Istat għal self temporanju ta’ EUR 400 miljun approvata mill-Kummissjoni bid-Deċiżjoni tagħha tal-20 ta’ Lulju 2004 (46). Peress li għadhom m’għaddewx 10 snin mill-allokazzjoni ta’ din l-aħħar għajnuna, l-Alitalia ma tistax tibbenefika mill-għajnuna inkwistjoni f’dan il-każ. |
|
(99) |
Madankollu huwa minnu li l-linji gwida tal-2004 jipprevedu xi eċċezzjonijiet fl-applikazzjoni ta’ din ir-regola ta’ non-rikorrenza. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tosserva, minn naħa, li l-kundizzjonijiet tas-subparagrafu a) jew tas-subparagrafu b) tal-paragrafu 73, ma ġewx issodisfati fil-każ inkwistjoni. Inċidentalment l-awtoritajiet Taljani ma stqarrux li dawn l-eċċezzjonijiet ser japplikaw għall-każ inkwistjoni. |
|
(100) |
Rigward, min-naħa l-oħra, l-eċċezzjoni prevista fis-subparagrafu (c) tal-paragrafu 73 tal-linji gwida tal-2004 relatata mal-eżistenza ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, imprevedibbli u indipendenti mill-volontà tal-impriża kkonċernata, il-Kummissjoni temmen li mhijiex applikabbli għall-każ inkwistjoni. |
|
(101) |
Fil-fatt għandu jiġi mfakkar li d-diffikultajiet finanzjarji tal-Alitalia saru, minn bosta snin ‘il hawn, ta’ natura rikorrenti, u b’hekk id-diffikultajiet li għandha l-kumpanija u li jiġġustifikaw l-allokazzjoni tal-miżura inkwistjoni ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala eċċezzjonali, imprevedibbli u indipendenti mill-volontà tal-kumpanija. |
|
(102) |
Huwa opportun, f’dan il-kuntest, li wieħed jirreferi għad-deskrizzjoni tal-qagħda finanzjarja tal-Alitalia li tidher fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 2001, l-20 ta’ Lulju 2004 u s-7 ta’ Ġunju 2005 (imsemmijin qabel), li jsemmu s-sitwazzjoni diffiċli, sa mill-1997, u li saret aktar preokkupanti mill-2001, li kellha l-kumpanija (47). Il-qagħda finanzjarja tal-Alitalia li kienet ferm fil-periklu fil-jum meta ġiet allokata l-miżura inkwistjoni fil-fatt turi l-falliment tal-pjan għar-ristrutturar li kien innotifikat lill-Kummissjoni fl-2004 u li kien is-suġġett tad-Deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Ġunju 2005 (48). |
|
(103) |
Il-miżuri ta’ appoġġ mogħtija lill-Alitalia mill-awtoritajiet Taljani f’dawn l-aħħar snin fil-fatt jikkonfermaw ukoll ir-rikorrenza ta’ din il-qagħda finanzjarja prekarja (ara t-taqsima 7 hawn fuq) (49). |
|
(104) |
F’dan il-kuntest, is-sitwazzjoni attwali ferm diffiċli li fiha jinsab is-settur tat-trasport tal-ajru, relatat b’mod partikolari ma’ aċċelerazzjoni taż-żieda fil-prezz taż-żejt matul l-ewwel semestru tal-2008, m’hijiex ta’ tali natura li tispjega l-qagħda finanzjarja partikolarment prekarja li fiha l-Alitalia ilha tinsab għal bosta snin. F’dan ir-rigward wieħed għandu jfakkar li, skont id-digriet-liġi Nru 80 tat-23 ta’ April 2008 imsemmi hawn fuq, l-allokazzjoni tas-self inkwistjoni hija mmotivata mil-qagħda finanzjarja tal-kumpanija u l-ħtieġa tagħha immedjata ta’ assi likwidi u li l-adozzjoni tad-digriet-liġi Nru 93 kien immotivat mill-fatt li l-qagħda finanzjarja tal-kumpanija kienet sejra għall-agħar u għandha l-iskop li tippermettiha tissalvagwardja l-valur tagħha u għalhekk tiżgura l-kontinwità tal-attività tagħha (50). |
|
(105) |
Għalhekk m’hemm ebda dubju li l-qagħda ekonomika attwali tikkontribwixxi għaż-żieda tad-diffikultajiet li għandha l-Alitalia, huwa wkoll minnu li d-diffikultajiet ekonomiċi tagħha kienu jeżistu qabel u li, barra minn hekk, din is-sitwazzjoni tolqot lit-trasportaturi tal-ajru kollha. |
|
(106) |
Għalhekk m’għandhiex issir deroga, fiċ-ċirkostanzi tal-każ inkwistjoni, għall-prinċipju ta’ non-rikorrenza tal-linji gwida tal-2004. |
|
(107) |
L-invokazzjoni mill-Italja tad-Deċiżjoni Bull ma titfax dubji fuq din l-analiżi. |
|
(108) |
F’din id-Deċiżijoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, il-kriterju ta’ għajnuna ta’ darba biss (“one time, last time”) ma jopponix l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna nnotifikata minn Franza anke jekk iż-żmien ta’ 10 snin qabel l-allokazzjoni ta’ għajnuna oħra għar-ristrutturar ikun għadu m’għaddiex. Skont il-Kummissjoni f’din id-Deċiżjoni, il-filosofija ta’ dan il-prinċipju, jiġifieri li tiġi evitata kull għajnuna abużiva, kienet irrispettata, peress li Franza ma żammitx lil Bull attiva b’mod artifiċjali anke jekk id-diffikultajiet ta’ din tal-aħħar kienu ta’ natura rikorrenti. |
|
(109) |
Għaldaqstant, għandu jiġi nnotat li l-linji gwida applikabbli għall-kumpanija Bull kienu dawk tal-1999 u mhux, bħal fil-każ inkwistjoni, dawk tal-2004 (51). Madankollu, għall-kuntrarju tal-linji gwida tal-1999, dawk tal-2004 jipprevedu li jiġu kkunsidrati, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-rikorrenza għal għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar, mhux biss għajnuniet għar-ristrutturar, iżda wkoll għajnuniet għas-salvataġġ li kienu allokati qabel lill-impriża kkonċernata. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li mil-linji gwida tal-2004 jirriżulta li, sabiex jiġi evitat li xi impriżi jirċievu xi għajnuna inġustament meta dawn ikunu jistgħu jkomplu jeżistu biss b’interventi ripetuti tal-awtoritajiet pubbliċi, l-għajnuniet għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar għandhom jiġu allokati darba waħda biss (ara l-paragrafu 72). |
|
(110) |
Barra minn hekk, kontra ċ-ċirkostanza speċifiċi tal-każ Bull (52), id-diffikultajiet tal-Alitalia u li mmotivaw l-allokazzjoni tal-miżura inkwistjoni mhumiex, bħal ma kien osservat qabel, relatati mas-sitwazzjoni attwali mhux favorevoli tas-settur tat-trasport tal-ajru. Dawn id-diffikultajiet huma, barra minn hekk, tal-istess natura ta’ dawk li kellha qabel il-kumpanija, kif turi d-deskrizzjoni tal-qagħda finanzjarja tagħha mill-1997 (ara l-premessi 57 u 58 hawn fuq) u huma, għall-kuntrarju tal-fatti fil-każ Bull (53), ta’ natura rikorrenti. |
|
(111) |
Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju ta’ dak li kienet innotat il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni Bull (54), l-Alitalia ibbenefikat kemm minn għajnuna għar-ristrutturar kif ukoll minn għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta’ garanzija tal-Istat u ż-żmien li għadda mill-allokazzjoni ta’ dawn l-għajnuniet għadu lanqas huwa viċin li jintlaħaq. |
|
(112) |
Għalhekk, jekk wieħed jassumi li l-kundizzjonijiet kumulattivi l-oħra tal-linji gwida tal-2004 li jippermettu li wieħed jikkunsidra li s-self inkwistjoni huwa għajnuna għas-salvataġġ huma ssodisfati, quod non, dik relatata mal-prinċipju ta’ non-rikorrenza mhijiex issodisfata fil-każ inkwistjoni u ma tistax issir deroga bl-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu 73 tal-linji msemmija. |
|
(113) |
Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni mhijiex kompatibbli mas-suq komuni. |
7.4. L-irkupru
|
(114) |
Il-Kummissjoni tfakkar li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE [li sar l-Artikolu 88 tat-Trattat] (55), kull għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq komuni għandha tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarju tagħha. |
|
(115) |
Peress li l-miżura inkwistjoni ġiet allokata lill-Alitalia b’mod illegali u peress li hija inkompatibbli mas-suq komuni, din għandha tiġi rkuprata mingħand din tal-aħħar (56). |
|
(116) |
Il-Kummissjoni tfakkar li, minħabba l-qagħda finanzjarja serjament fil-periklu tal-Alitalia u l-kundizzjonijiet tal-allokazzjoni tal-miżura inkwistjoni, investitur privat ma kien japprova l-allokazzjoni ta’ ebda self u, a fortiori, self li l-ammont tiegħu għandu jiġi assenjat għall-kapitali proprji tagħha. B’hekk, minħabba n-natura tal-miżura inkwistjoni u ċ-ċirkostanzi fiż-żmien tal-allokazzjoni tagħha, il-Kummissjoni temmen li l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata hija s-self kollu. |
|
(117) |
Għall-finijiet ta’ dan l-irkupru, għandu wkoll jiġi kkunsidrat l-imgħax li ddekorra mid-data li fiha ngħatat l-għajnuna inkwistjoni lill-kumpanija, jiġifieri mit-22 ta’ April 2008, sal-irkupru effettiv tagħha (57). |
7.5. Konklużjoni
|
(118) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-Italja implimentat b’mod illegali l-miżura ta’ għajnuna li tikkonsisti f’self ta’ EUR 300 miljun mogħti lill-Alitalia li jista’ jiġi assenjat għall-kapitali proprji tal-kumpanija, bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat. |
|
(119) |
Għalhekk, l-Italja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tirkupra din l-għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni. Għandha tipproċedi għall-irkupru tagħha mill-benefiċjarju tagħha, jiġifieri l-Alitalia. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-self ta’ EUR 300 miljun mogħti lill-Alitalia u li jista’ jiġi assenjat għall-kapitali proprji tagħha, implimentat mill-Italja bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat, huwa inkompatibbli mas-suq komuni.
Artikolu 2
1. L-Italja għandha tirkupra l-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju.
2. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jipproduċu interessi, li japplikaw mid-data li fiha dawn l-ammonti ngħataw lill-benefiċjarju sal-irkupru effettiv tagħhom.
Artikolu 3
1. L-irkupru tal-għajnuna skont l-Artikolu 1 huwa immedjat u effettiv.
2. L-Italja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data li fiha ġiet innotifikata.
Artikolu 4
1. Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Italja għandha tagħti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:
|
(a) |
l-ammont totali (somma kapitali u interessi) li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju; |
|
(b) |
deskrizzjoni fid-dettall tal-miżuri li diġà ttieħdu u li huma previsti biex tintlaħaq konformità ma’ din id-Deċiżjoni; |
|
(ċ) |
id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie avżat uffiċjalment biex iħallas lura l-għajnuna. |
2. L-Italja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar l-iżvilupp tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sal-irkupru totali tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 1. Għandha tippreżenta minnufih, sempliċement fuq talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni kollha dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u li kienu previsti biex tintlaħaq konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll l-informazzjoni fid-dettall dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-interessi li kienu diġà rkuprati mill-benefiċjarju.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmula fi Brussell, 12 ta’ Novembru 2008.
Għall-Kummissjoni
Antonio TAJANI
Il-Viċi-President
(1) ĠU C 184, 22.7.2008, p. 34.
(2) Decreto-legge no 80, Misure urgenti per assicurare il pubblico servizio di trasporto aereo (GU No 97 del 24/04/2008).
(3) Decreto-legge no 93, Disposizioni urgenti per salvaguardare il potere di acquisto delle famiglie (GU No 127 del 28/05/2008).
(4) ĠU C 184, 22.7.2008, p. 34.
(5) ĠU C 319, 29.12.2007, p. 6.
(7) Il-miżura stabbilita f’din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq id-digriet-liġi Nru 80 u d-digriet-liġi Nru 93 imsemmijin hawn fuq.
(8) ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.
(9) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2008, imsemmija qabel, premessa 7.
(10) ĠU L 342, 24.12.2005, p. 81.
(11) ĠU L 322, 25.11.1997, p. 44.
(12) ĠU L 271, 12.10.2001, p. 28.
(13) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T-296/97, Ġabra p. II-3871.
(14) Ir-rikors imressaq mill-Alitalia kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 2001 kien irrifjutat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T-301/01 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra).
(15) ĠU C 239, 4.10.2002, p. 2.
(16) ĠU C 125, 24.5.2005, p. 7.
(17) Rikors għall-annullament ta’ din id-Deċiżjoni tressaq minn Air One u bħalissa għadu pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (kawża T-344/02).
(19) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, Ministero dell’Economia e delle Finanze vs Cassa di Risparmio di Firenze (C-222/04, Ġabra p. I-289, punt 129).
(20) Il-miżura stabbilita f’din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq id-digriet-liġi Nru 80 u d-digriet-liġi Nru 93 imsemmijin hawn fuq.
(21) Ara, b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-278/92, C-279/92 u C-280/92, Ġabra p. I-4103, punti 20 sa 22).
(22) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-303/88, Ġabra p. I-1433, punti 21 u 22.
(23) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Ottubru 2005, Freistaat Thüringen vs Il-Kummissjoni, T-318/00, Ġabra p. II-4179, punt 125).
(24) Informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Taljani fl-ittra tagħhom lill-Kummissjoni datata t-30 ta’ Mejju 2008.
(25) Ara r-riżultati finanzjarji disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Alitalia (http://corporate.alitalia.com/en/investors/financial/index.aspx).
(26) Decreto-legge no 97, Disposizioni urgenti in materia di monitoraggio e trasparenza dei meccanismi di allocazione della spesa pubblica, nonche’ in materia fiscale e di proroga di termini (GU No 128 del 3/06/2008).
(27) Ara l-paragrafu 9 tal-ittra tal-awtoritajiet Taljani lill-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2008.
(28) Ara l-premessa 12 hawn fuq.
(29) Ara l-premessa 5 hawn fuq.
(30) Imsemmija qabel, nota f’qiegħ il-paġna nru 6.
(31) ĠU C 273, 9.9.1997, p. 3.
(32) Imsemmija qabel, nota f’qiegħ il-paġna nru 6.
(33) Offerta pubblika ta’ skambju ta’ ishma kienet ippreżentata lill-Alitalia fl-14 ta’ Marzu 2008 u approvata fis-16 ta’ Marzu mill-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tagħha.
(34) Ara l-ittra tal-awtoritajiet Taljani lill-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2008, imsemmija qabel.
(35) Fl-istqarrija għall-istampa tal-Alitalia tat-13 ta’ Mejju 2008, hemm indikat dan li ġej: “Il-Bord esprima l-apprezzament tiegħu għall-komunikazzjoni minn għand is-sinjur Bruno Ermolli u qiegħed jistenna dikjarazzjoni ta’ intenzjoni ċara li tkun taqbel mal-indikazzjonijiet imsemmijin hawn fuq sabiex jagħti d-diliġenza dovuta rikjesta” (http://corporate.alitalia.com/en/press/press/index.aspx).
(36) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, Breda Fucine Meridionali vs Il-Kummissjoni, T-126/96 u T-127/96, Ġabra, p. II-3437, paragrafu 79.
(37) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI, C-39/94, Ġabra p. 3547, paragrafu 60.
(38) Ir-Regolament (KEE) Nru 2407/92 tal-Kunsill, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar il-liċenzji tat-trasportaturi tal-ajru, ir-Regolament Nru 2408/92 tal-Kunsill, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar l-aċċess tat-trasportaturi tal-ajru Komunitarji għar-rotot tal-ajru intrakomunitarji u r-Regolament Nru 2409/92 tal-Kunsill, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar it-tariffi għall-passiġġieri u għat-trasport tal-merkanzija tas-servizzi tal-ajru – ĠU L 240, 24 ta’ Awwissu 1992, p. 1.
(39) ĠU C 350, 10.12.1994, p. 5.
(40) ĠU C 312, 9.12.2005, p. 1.
(41) ĠU C 258, 9.9.2000, p. 5.
(42) Ara l-paragrafu 25(b) tal-linji gwida tal-2004.
(43) Ara l-paragrafu 25(c) tal-linji gwida tal-2004.
(44) Ara t-taqsima 3.1.1, paragrafu 25(e), u t-taqsima 3.3 tal-linji gwida tal-2004.
(45) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 2001 (imsemmija fil-premessa 47 hawn fuq).
(46) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2004 (imsemmija fil-premessa 47 hawn fuq).
(47) Huwa msemmi fid-Deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2001 dan li ġej: “Madankollu, minkejja t-titjib konsekuttiv fl-adattamenti magħmula għall-pjan fi Frar u Ġunju 1997, u nnotifikati lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Ġunju 1997, l-Alitalia tidher bħala impriża b’riskju speċifiku għoli ħafna. Rigward dan, għandu jiġi mfakkar li: […] il-kumpanija tinsab f’qagħda finanzjarja diffiċli ħafna u prekarja. Fil-fatt l-injezzjoni fil-kapital ta’ 1 000 biljun lira Taljana f’Ġunju 1996 ippermettielha biss li tevita l-falliment għax il-fondi proprji tagħha kienu prattikament laħqu ż-żero fir-rebbiegħa tal-1996 u d-debiti tagħha kienu konsiderevoli. Żbilanċ bħal dan tal-istruttura finanzjarja tal-impriża jista’, waħdu, meta jitqies id-daqs tal-kumpanija u l-ammont tal-investiment ippjanat, jiskoraġġixxi investitur li jaġixxi skont l-istandards tal-ekonomija tas-suq.” Barra minn hekk, jirriżulta mid-Deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2004 li l-qagħda tal-Alitalia kienet għadha preokkupanti fl-2001, li turi li l-qagħda kienet qed issir dejjem aktar gravi, hekk kif l-ishma tal-kumpanija ġew sospiżi t-Tlieta l-4 ta’ Mejju 2004 wara li niżlu bi 15 % għal EUR 0,1995 u l-kumpanija tal-awdituri tal-kontijiet tal-Alitalia kienet innotat deterjorazzjoni tal-qagħda finanzjarja tagħha u indikat li, fin-nuqqas ta’ miżuri effettivi u adegwati, din il-qagħda finanzjarja kien ser ikollha twassal għal soluzzjonijiet ġodda inkluż stralċ. Ara fl-aħħar nett fid-Deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2005, it-tfakkir tas-sitwazzjoni tal-kumpanija f’Lulju 2004.
(48) Wieħed għandu jfakkar li l-pjan għar-ristrutturar ippreżentat lill-Kummissjoni fl-2004 kien jipprevedi li “sal-2008, ikun hemm titjib fir-ritmu annwali ta’ madwar EUR biljun ta’ riżultati, li 200 miljun € minnhom jiġu mir-rata ta’ okkupazzjoni u madwar 770 miljun € tar-riżultati l-oħra mill-pjan; fosthom, is-sorsi ewlenin ta’ progress ikunu ġejjin mill-iffrankar fuq ix-xiri, l-ispejjeż kummerċjali u l-ispejjeż tal-persunal” (ara l-premessa 203 tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2005).
(49) Fil-linji gwida tal-2004, “jekk għajnuna għas-salvataġġ tiġi allokata lil impriża li diġà kellha għajnuna għar-ristrutturar, wieħed jista’ jikkunsidra li l-għajnuniet għad-diffikultajiet tal-benefiċjarju huma ta’ natura rikorrenti u li l-interventi ripetuti tal-Istat iwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni kontra l-interess komuni. Interventi ripetuti bħal dawn m’għandhomx jiġu awtorizzati” (paragrafu 72, fl-aħħar).
(50) Ara l-premessa 57 hawn fuq.
(51) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 9 tad-Deċiżjoni Bull (imsemmija qabel).
(52) Ara l-premessa 71 tad-Deċiżjoni Bull (imsemmija qabel).
(53) Ara l-premessa 73 tad-Deċiżjoni Bull (imsemmija qabel).
(54) Ara l-premessa 74 tad-Deċiżjoni Bull (imsemmija qabel).
(55) ĠU L 83, 27 ta’ Marzu 1999, p. 1.
(56) Il-Kummissjoni tixtieq tindika li l-kundizzjonijiet li jippermettulha tadotta Deċiżjoni li tordna lill-Italja tiġbor lura b’mod temporanju l-miżura inkwistjoni qabel l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ma kinux preżenti kollha fil-każ inkwistjoni, peress li l-eżistenza ta’ riskju serju ta’ preġudizzju sostanzjali u irreparabbli għal kompetitur tal-Alitalia fil-fatt ma kinitx ippruvata (ara l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 659/99, imsemmi iktar ‘il fuq).
(57) Ara l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/99 (imsemmi iktar ‘il fuq) u l-premessa 80, 83 u 113 hawn fuq.
ANNESS
Lista tal-partijiet interessati li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 88(2) tat-Trattat
|
(1) |
Sterling Airlines A/S |
|
(2) |
British Airways Plc |
|
(3) |
Ryanair |
|
(4) |
Neos SpA |
|
(5) |
The European Travel Agents’ and tour Operators’ Associations u The Guild European Business Travel Agents |