IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.6.2021
COM(2021) 336 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar is-sitwazzjoni attwali tat-tħejjijiet għall-implimentazzjoni sħiħa tal-bażijiet legali l-ġodda għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) f’konformità mal-Artikolu 66(4) tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 79(4) tar-Regolament (UE) 2018/1862
1.INTRODUZZJONI
Fit-28 ta’ Novembru 2018, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw tliet Regolamenti ġodda dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (minn hawn ’il quddiem: ir-Regolamenti).
L-Artikolu 66(4) tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 79(4) tar-Regolament (UE) 2018/1862 jeżiġu li l-Kummissjoni tippreżenta, fuq bażi annwali, rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali tat-tħejjijiet għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolamenti.
L-ewwel rapport dwar l-istatus adottat fi Frar 2020 jiddeskrivi l-ħidma preparatorja li saret mill-Kummissjoni, l-aġenziji u l-Istati Membri mill-1 ta’ Jannar 2019 sat-30 ta’ Settembru 2019.
It-tieni rapport dwar l-istatus ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2019 sat-30 ta’ Settembru 2020. Ir-rapport huwa bbażat fuq informazzjoni li l-Istati Membri u l-aġenziji għamlu disponibbli għall-Kummissjoni fi kwestjonarji u stħarriġ, kif ukoll fuq l-eżiti tal-laqgħat u sessjonijiet ta’ ħidma.
It-taqsimiet differenti jispjegaw ix-xogħol kopert matul il-perjodu ta’ rapportar mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u mill-aġenziji.
2.SITWAZZJONI ATTWALI TAT-TĦEJJIJIET GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENTI
2.1.Tħejjija tal-atti ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni
2.1.1.Rekwiżiti
Emenda speċifika għall-Manwal SIRENE hija meħtieġa sabiex il-Europol tkun tista’ tiskambja informazzjoni supplimentari mal-Uffiċċji SIRENE kif previst fil-punt 9 tal-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-punt 7 tal-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) 2018/1862.
Barra minn hekk, l-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni sħiħa tar-Regolamenti jridu jiġu adottati qabel ma s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen riveduta tkun tista’ tibda topera skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 79(2) tar-Regolament (UE) 2018/1862. L-iskadenza legali għall-applikazzjoni sħiħa tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen riveduta hija t-28 ta’ Diċembru 2021.
2.1.2.Finalizzazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tekniċi
Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-aġenziji u l-Kumitat rilevanti, iffinalizzat ix-xogħol dwar id-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni li huma prerekwiżit tekniku għad-dħul fis-seħħ tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen riveduta.
2.1.3.Reviżjoni tal-Manwal SIRENE f’żewġ fażijiet
Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-aġenziji u l-Kumitat tas-SIS-SIRENE, għamlet progress sinifikanti fl-aġġornament tal-Manwal SIRENE, f’żewġ fażijiet:
·l-ewwel fażi: emenda speċifika tal-Manwal SIRENE attwali biex il-Europol tiġi inkluża fl-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari mal-Uffiċċji SIRENE kif previst fil-punt 9 tal-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-punt 7 tal-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) 2018/1862;
·it-tieni fażi (li għandha titlesta bħala prekondizzjoni tal-bidu integrali tal-applikazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen riveduta): ir-reviżjoni sħiħa tal-Manwal SIRENE, inklużi l-proċeduri ġodda kollha meħtieġa fid-dawl tar-Regolamenti.
Fir-rigward tal-emenda speċifika tal-Manwal SIRENE fl-ewwel fażi, il-Kummissjoni ħolqot regoli speċifiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari bejn il-Europol u l-Uffiċċji SIRENE, b’mod partikolari dwar:
·l-użu ta’ kodiċijiet ta’ trattament;
·il-provvediment ta’ informazzjoni supplimentari mill-Europol wara konkordanza;
·il-provvediment ta’ informazzjoni supplimentari mill-Uffiċċji SIRENE wara hit dwar allerti relatati ma’ reati terroristiċi;
·il-proċeduri għall-Europol meta jkollha bżonn tikseb qbil biex tuża data u informazzjoni supplimentari, jew biex taqsamha ma’ pajjiżi terzi;
·il-proċeduri għall-Europol meta jkollha bżonn tikseb qbil dwar il-prolungament tal-ħżin ta’ informazzjoni supplimentari; kif ukoll
·il-ġbir u l-provvediment ta’ statistika dwar l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari mill-Europol.
Il-ħidma preparatorja tlestiet matul il-perjodu ta’ rapportar.
Fir-rigward tar-reviżjoni sħiħa tal-Manwal SIRENE fit-tieni fażi, matul il-perjodu ta’ rapportar il-Kummissjoni organizzat disa’ laqgħat tas-Sottogrupp SIRENE biex tanalizza bir-reqqa r-rekwiżiti proċedurali li joriġinaw mir-Regolamenti. Il-ħidma preparatorja ewlenija tlestiet matul il-perjodu ta’ rapportar, inkluża r-reviżjoni tal-formoli SIRENE (il-mudelli użati mill-Uffiċċji SIRENE għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari b’mod strutturat) u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-iskambju tal-formoli SIRENE.
Il-ħidma se tkompli matul il-perjodu ta’ rapportar li jmiss bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar l-abbozz tal-Manwal SIRENE fil-Kumitat tas-SIS-SIRENE u li jiġi adottat il-Manwal SIRENE rivedut sa tmiem il-perjodu ta’ rapportar li jmiss.
2.2.L-iżvilupp tas-SIS Ċentrali u t-tħejjija ta’ attivitajiet ta’ ttestjar mill-eu-LISA
2.2.1.Il-kompiti tal-eu-LISA
L-eu-LISA hija inkarigata mit-tħaddim u l-iżvilupp tas-SIS Ċentrali u għandha rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tar-Regolamenti. Il-kompiti ewlenin tal-eu-LISA huma:
·li taġġorna d-dokumentazzjoni teknika għas-SIS Ċentrali u l-interazzjonijiet bejn is-SIS Ċentrali u s-sistemi nazzjonali f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolamenti u l-atti ta’ implimentazzjoni;
·li timplimenta l-modifiki meħtieġa fis-SIS Ċentrali u tħejji, tikkoordina u twettaq l-attivitajiet ta’ ttestjar kollha fir-rigward tas-SIS Ċentrali u l-interazzjonijiet mas-sistemi nazzjonali, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-aġenziji;
·li tlesti l-attivitajiet ta’ ttestjar kollha qabel ma s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen riveduta tkun tista’ tibda topera skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 79(2) tar-Regolament (UE) 2018/1862.
2.2.2.Dħul fis-seħħ tal-ewwel fażi ta’ implimentazzjoni fit-8 ta’ Jannar 2020
Fit-8 ta’ Jannar 2020, l-eu-LISA bdiet tħaddem l-ewwel verżjoni tal-aġġornament tas-SIS Ċentrali f’konformità mar-Regolamenti, filwaqt li tat aċċess sħiħ lill-Europol għall-allerti kollha maħluqa fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u ppermettiet lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tistabbilixxi konnessjoni teknika mas-SIS Ċentrali, kif meħtieġ skont il-punt 9 tal-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-punti 7 u 8 tal-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) 2018/1862. Barra minn hekk, l-aġenziji ngħataw aċċess għall-funzjonalità tat-tiftix tal-marki tas-swaba’ tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.
2.2.3.Tħejjijiet għall-iżvilupp tal-parti mhux bijometrika tas-SIS Ċentrali biex tibda topera qabel tmiem l-2021
Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-eu-LISA organizzat għaxar laqgħat tal-Forum tal-Ġestjoni tal-Proġetti mal-partijiet ikkonċernati kollha (il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-Europol, il-Eurojust u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta) u l-kuntrattur estern biex tidderieġi l-progress fl-iżvilupp u l-finalizzazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi f’konformità mar-regoli tekniċi miftiehma fil-kumitat rilevanti.
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-parti mhux bijometrika tar-reviżjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen ġew approvati mill-partijiet ikkonċernati kollha f’Mejju 2020, u eu-LISA bdiet l-iżvilupp tal-modifiki meħtieġa għas-SIS Ċentrali matul il-perjodu ta’ rapportar.
2.2.4.Tħejjijiet għall-iżvilupp tal-parti bijometrika tas-SIS Ċentrali għall-bidu tal-operazzjonijiet qabel tmiem l-2021
Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-eu-LISA organizzat disa’ laqgħat speċifiċi mal-partijiet ikkonċernati kollha (il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-Europol, il-Eurojust u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta) u l-kuntrattur estern dwar is-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba’. Il-komponent bijometriku ta’ din is-sistema beda jopera f’Marzu 2018, iżda r-Regolamenti jeħtieġu modifiki importanti. B’mod partikolari, it-tiftix bijometriku se jiġi estiż b’kategoriji ġodda ta’ data dattiloskopika (l-impronti tal-pala tal-id u marki tal-pala/swaba’ tal-id).
Il-fażi “Analiżi u Disinn” li tkopri l-ħidma preliminari dwar il-bidu tal-proġett, ir-rekwiżiti u l-ispeċifikazzjoni ġiet konkluża matul il-perjodu ta’ rapportar bil-finalizzazzjoni u l-approvazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi skedati għall-1 ta’ Ottubru 2020. Inbdiet it-tieni fażi li hija “Implimentazzjoni”.
2.2.5.Rieżami tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari bejn l-Uffiċċji SIRENE
Ir-reviżjoni tal-formoli mill-kumitat rilevanti msemmi fil-punt 2.1.3 kienet teħtieġ aġġornament tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-iskambju ta’ formoli u d-dokumentazzjoni relatata. F’konformità mal-Artikolu 15(3)(b) komuni tar-Regolament (UE) 2018/1861 u r-Regolament (UE) 2018/1862, il-manutenzjoni u l-aġġornament tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari bejn l-Uffiċċji SIRENE ġew assenjati lil eu-LISA.
Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-eu-LISA organizzat ħames sessjonijiet ta’ ħidma mal-partijiet ikkonċernati kollha biex tilħaq ftehim ġenerali dwar ir-rekwiżiti f’Settembru 2020. Huwa ppjanat li sa tmiem l-2020 jiġu ffinalizzati u approvati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u d-dokumentazzjoni.
2.2.6.Sommarju u riskji
F’konfront mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti, meta l-eu-LISA bdiet it-tħejjijiet għall-proġett bil-ħolqien ta’ gruppi tekniċi u bl-organizzazzjoni tal-ippjanar globali, qed isir progress fil-ħidma għall-iżvilupp tas-SIS Ċentrali f’konformità mar-Regolamenti.
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huma approvati u l-iżvilupp fil-parti mhux bijometrika tas-SIS Ċentrali jinsab għaddej. Għall-parti bijometrika tas-SIS Ċentrali, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huma ffinalizzati u ngħata bidu għall-iżvilupp. Iż-żewġ partijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi se jingħaqdu f’dokument uniku sal-aħħar tal-2020.
Il-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt fuq l-ippjanar globali b’nuqqas ta’ hardware, dewmien fil-forniment ta’ hardware, restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u inaċċessibbiltà taċ-ċentri tad-data tal-eu-LISA. L-ippjanar globali għall-2020 u l-2021 ġie aġġustat mill-ġdid u l-2021 se tkun iddedikata għal attivitajiet ta’ ttestjar mal-Istati Membri u mal-aġenziji sa Novembru, wara l-perjodu ta’ rapportar li jmiss. Skont l-ippjanar globali, għadu skedat li r-rilaxx finali tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen riveduta tkun operattiva sa tmiem l-2021, f’konformità mal-iskadenzi speċifikati fir-Regolamenti.
2.3.Tħejjijiet tal-Istati Membri
2.3.1.Kamp ta’ applikazzjoni u rekwiżiti
Dan ir-rapport ikopri 25 Stat Membru tal-UE u erba’ Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen konnessi mas-SIS Ċentrali matul il-perjodu ta’ rapportar, u żewġ Stati Membri tal-UE (Ċipru u l-Irlanda) li ma kinux konnessi mas-SIS Ċentrali matul il-perjodu ta’ rapportar.
L-Artikolu 66(5)(c) tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 79(5)(c) tar-Regolament 2018/1862 jeżiġu li l-Istati Membri kollha konnessi mas-SIS Ċentrali jkunu implimentaw il-funzjonalità tat-tiftix tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen - Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ fis-sistemi nazzjonali tagħhom sat-28 ta’ Diċembru 2020. Dan l-obbligu għadu ma japplikax għal Ċipru u għall-Irlanda, peress li kienu għadhom mhux konnessi mas-SIS Ċentrali matul il-perjodu ta’ rapportar.
Barra minn hekk, hemm bżonn li l-Istati Membri kollha konnessi mas-SIS Ċentrali jiggarantixxu l-iżvilupp f’waqtu tas-sistemi nazzjonali tagħhom f’konformità mad-dokumenti u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi approvati.
L-Istati Membri jridu jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni li jkunu għamlu l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa biex jipproċessaw id-data u jiskambjaw informazzjoni supplimentari skont dan ir-Regolament qabel ma s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen riveduta tkun tista’ tibda topera f’konformità mal-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 79(2) tar-Regolament (UE) 2018/1862.
2.3.2.Is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen - Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ (li għandha titlesta sa tmiem l-2020)
L-obbligu li tiġi implimentata l-funzjonalità tat-tiftix tal-marki tas-swaba’ tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tapplika għal 25 Stat Membru tal-UE u erba’ Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen (Ċipru u l-Irlanda għadhom mhumiex koperti matul il-perjodu ta’ rapportar attwali).
L-istatus sa tmiem il-perjodu ta’ rapportar (it-30 ta’ Settembru 2020) huwa dan li ġej:
·22 minn 29 Stat li qed jipparteċipaw diġà bdew jimplimentaw il-funzjonalità tat-tiftix tal-marki tas-swaba’;
·5 mid-29 Stat li qed jipparteċipaw ippjanaw li jimplimentaw il-funzjonalità tat-tiftix tal-marki tas-swaba’ qabel tmiem l-2020;
·2 mid-29 Stat li qed jipparteċipaw ippjanaw li jimplimentaw il-funzjonalità tat-tiftix tal-marki tas-swaba’ fl-2021; iż-żewġ Stati kkonċernati indikaw li d-dewmien kien dovut għall-impatt tal-kriżi tal-COVID-19.
2.3.3.Tħejjijiet għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolamenti (li għandha titlesta matul l-2021)
It-tħejjijiet mill-Istati Membri huma kruċjali għaliex il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi biss id-data minn meta s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen il-ġdida tibda topera skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 79(2) tar-Regolament (UE) 2018/1862 wara li l-Istati Membri jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni li għamlu l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa.
Il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri kollha tal-UE u lill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen biex jirrappurtaw permezz ta’ kwestjonarju mniedi f’Settembru 2020 dwar it-tħejjijiet li saru fil-livell nazzjonali fil-perjodu ta’ rapportar. L-Istati Membri kollha wieġbu (31 rispondent).
L-Istati Membri ntalbu jipprovdu input fl-oqsma li ġejjin:
·l-ippjanar u l-ġestjoni tal-proġetti;
·il-koordinazzjoni interna;
·il-valutazzjoni tal-impatt f’termini ta’ baġit, riżorsi umani, organizzazzjoni u leġiżlazzjoni nazzjonali;
·ir-riskji.
F’termini ta’ ppjanar ta’ proġetti, kważi l-Istati Membri kollha u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen (29 rispondent minn 30) diġà bdew jiddefinixxu jew diġà ddefinixxew pjan ta’ proġett u l-istadji importanti relatati (15 aktar milli fl-2019). Barra minn hekk, 28 rispondent minn 31 stabbilixxew jew se jistabbilixxu fil-futur qrib tim speċifiku tal-proġett u assenjaw maniġer tal-proġett, filwaqt li t-tliet Stati l-oħra se jiġġestixxu l-implimentazzjoni permezz ta’ dipartimenti jew timijiet eżistenti. Maġġoranza kbira ta’ dawk li wieġbu (24), fl-2020 stabbilixxew kooperazzjoni fil-livell nazzjonali bejn l-awtoritajiet kompetenti.
F’termini ta’ valutazzjoni tal-impatt, l-Istati Membri bħalissa jinsabu fi stadji differenti ta’ tħejjija:
valutazzjoni tal-impatt fuq il-baġit:
·14-il Stat Membru lestew il-valutazzjoni u allokaw il-baġit relattiv;
·16-il Stat Membru lestew il-valutazzjoni u se jallokaw il-baġit sa tmiem l-2020 jew sal-bidu tal-2021;
·Stat Membru wieħed se jibda l-valutazzjoni sal-bidu tal-2020;
valutazzjoni tal-ħtiġijiet tar-riżorsi umani:
·17-il Stat Membru lestew il-valutazzjoni;
·9 Stati Membri se jlestu l-valutazzjoni sal-2020 jew fl-2021;
·5 Stati Membri se jibdew il-valutazzjoni sa tmiem l-2021 jew ma indikaw l-ebda data;
valutazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi:
·5 Stati Membri lestew il-valutazzjoni u adottaw miżuri biex ilaħħqu mal-implimentazzjoni;
·14-il Stat Membru lestew il-valutazzjoni iżda jeħtieġ li jadottaw miżuri biex ilaħħqu mal-implimentazzjoni;
·9 Stati Membri se jibdew il-valutazzjoni sa tmiem l-2020 jew sal-bidu tal-2021;
·3 Stati Membri rrappurtaw li bdew il-valutazzjoni iżda ma indikawx data finali;
valutazzjoni tal-impatt fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali:
·Stat Membru wieħed lesta l-analiżi u approva l-emendi;
·16-il Stat Membru lestew il-valutazzjoni u bdew l-approvazzjoni tal-emendi;
·erba’ (4) Stati Membri se jlestu l-valutazzjoni sal-aħħar tal-2020;
·7 Stati Membri se jlestu l-valutazzjoni fil-bidu tal-2021 jew matul is-sena;
·3 Stati Membri se jlestu l-valutazzjoni sal-aħħar tal-2021.
2.3.4.Sommarju u riskji
Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-Istati Membri wrew progress fl-oqsma kollha ta’ tħejjija tal-proġetti għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolamenti. L-Istati Membri qed jagħmlu progress fl-analiżi tar-rekwiżiti tas-sistema, u xi Stati Membri diġà bdew jiżviluppaw is-sistemi nazzjonali tagħhom matul il-perjodu ta’ rapportar. L-approvazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-parti bijometrika u dik mhux bijometrika tas-SIS Ċentrali matul il-perjodu ta’ rapportar għamlitha possibbli biex l-Istati Membri jibdew dawn l-iżviluppi nazzjonali. Madankollu, ix-xogħol ewlieni se jitwettaq fil-perjodu ta’ rapportar li jmiss, li jibda mill-1 ta’ Ottubru 2020.
F’dak li jirrigwarda t-tiftix tal-marki tas-swaba’ l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri se jkunu operattivi sa tmiem l-2020, kif mitlub mir-Regolamenti.
Fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju, l-Istati Membri enfasizzaw diversi riskji u kwistjonijiet għas-suċċess tal-proġett fil-livell nazzjonali, bħal:
·l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 bħala riskju ġenerali ta’ dewmien possibbli;
·skedi ta’ żmien ambizzjużi u ħafna proġetti relatati ma’ sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira bi skadenzi simili;
·problemi ta’ persunal, problemi fil-proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti u xi kwistjonijiet rigward proċeduri leġiżlattivi interni.
Il-Kummissjoni u l-eu-LISA se jkomplu jsegwu mill-qrib l-attivitajiet preparatorji tal-Istati Membri matul il-laqgħat regolari tal-kumitat relattiv u l-Forum ta’ Ġestjoni tal-Proġetti.
2.4.Aġenziji
2.4.1.Kamp ta’ applikazzjoni u rekwiżiti
Din il-parti tar-rapport tiffoka fuq it-tħejjijiet li saru mill-Europol u mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta hekk kif sa tmiem l-2019 id-dispożizzjonijiet li għandhom impatt fuq dawn l-aġenziji kienu daħlu fis-seħħ. Il-bidliet li għandhom impatt fuq il-Eurojust huma minimi u japplikaw biss sa minn tmiem l-2021. Il-Eurojust ukoll ma weġbitx għall-kwestjonarju iżda jeħtieġ li tiġi inkluża fir-rapport li jkopri l-perjodu ta’ rapportar li jmiss.
2.4.2.Il-Europol
Il--Europol diġà hija utent tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. Ir-Regolamenti jinkludu modifiki li jeffettwaw lill-Europol fiż-żewġ oqsma li ġejjin:
·l-aċċess għall-kategoriji kollha ta’ twissijiet, u
·il-konnessjoni man-netwerk SIRENE.
Id-dispożizzjonijiet il-ġodda japplikaw minn tmiem l-2019.
Sal-aħħar ta’ Novembru 2019, il-Europol kienet ikkonkludiet it-tħejjijiet tekniċi biex l-interfaċċja tat-tiftix eżistenti tkun tista’ taċċessa t-twissijiet kollha. F’Jannar 2020, il-Europol ingħatat aċċess tekniku għat-tipi kollha ta’ twissija bħala parti mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen il-ġdida. Il-Europol ippermettiet dan l-aċċess lill-utenti finali tagħha wara eżitu pożittiv ta’ proċess ta’ konsultazzjoni minn qabel mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data matul il-perjodu ta’ rapportar.
Il-Europol inizjalment kellha l-għan li tkun lesta għall-konnessjoni man-netwerk SIRENE sa tmiem l-2020. Madankollu, it-tħejjijiet għat-twaqqif tal-funzjoni SIRENE fil-Europol komplew matul l-2020. Il-Europol qed tfassal mill-ġdid il-proċessi operazzjonali interni li se jintlaqtu mill-fluss ta’ informazzjoni SIRENE u qed tivvalida r-rekwiżiti dettaljati tal-integrazzjoni tal-mail relay SIRENE mal-ambjent intern fil-Europol. Huwa ppjanat li soluzzjoni interim li tippermetti l-irkupru, l-ipproċessar u t-trażmissjoni ta’ messaġġi SIRENE tkun lesta għall-ittestjar sa tmiem l-2020 u huwa ppjanat li l-Europol tkun lesta biex timplimenta l-funzjoni sħiħa tas-SIRENE sa tmiem l-2021 mhux sal-2020 kif kien ippjanat qabel.
2.4.3.Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta
Skont ir-Regolamenti, minn tmiem l-2019 il-membri tat-timijiet assenjati mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom id-dritt jaċċessaw il-kategoriji kollha ta’ allerti. Il-membri ta’ dawn it-timijiet jeħtieġ li jkollhom aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen permezz ta’ interfaċċja teknika stabbilita u ġestita mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. Matul l-2019, l-Aġenzija għamlet it-tħejjijiet kollha f’forma ta’ proġett maqsum f’partijiet differenti.
Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta rriportat l-attivitajiet li ġejjin:
·l-approvazzjoni ta’ verżjoni finali tad-Dokument ta’ Bidu tal-Proġett f’Awwissu 2020;
·fi Frar 2020 tnediet proċedura ristretta għal Kuntratt Qafas għall-iżvilupp ta’ soluzzjoni ta’ software għall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta; il-proċedura ddewmet minħabba l-COVID-19 u huwa ppjanat li l-offerta tasal mingħand l-offerenti sal-aħħar ta’ Ottubru 2020;
·l-offerta għall-akkwist ta’ apparat li jaqra d-dokumenti u skeners tal-marki tas-swaba’ se tiġi ppubblikata mill-ġdid sal-aħħar ta’ Ottubru 2020;
·l-ewwel abbozz ta’ Proċeduri Operattivi Standard tħejja mit-tim tal-proġett u ġie kkonsultat internament fl-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta; Il-konsultazzjoni tal-Istati Membri tinsab għaddejja;
·l-eu-LISA pprovdiet ħardware ġdid għall-konnessjoni tan-netwerk mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u organizzat sessjonijiet ta’ ħidma tekniċi għar-rappreżentanti tal-aġenziji ewlenin.
Għall-kuntrarju ta’ dak li kien ikkalkulat fl-2019, il-proġett issa huwa kkalkulat li jieħu b’kollox 31 xahar u d-data finali tal-konsenja hija Mejju 2022. Huwa stmat li l-ewwel riżultat ewlieni tal-proġett (jiġifieri l-applikazzjoni web għat-tiftix) se jitwassal f’Novembru 2021.
3.KONKLUŻJONIJIET
Matul it-tieni perjodu ta’ rappurtar (mit-30 ta’ Settembru 2019 sat-30 ta’ Settembru 2020), il-partijiet ikkonċernati differenti għamlu progress sinifikanti biex jimplimentaw ir-Regolamenti f’konformità mal-objettivi intermedji definiti:
1)l-ewwel fażi ta’ implimentazzjoni (minn tmiem l-2019): sat-8 ta’ Jannar 2020 eu-LISA kienet iffinalizzat it-tħejjijiet meħtieġa biex testendi għall-Europol l-aċċess sħiħ għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, u biex tippermetti lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tikkonnettja mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen; Il-Europol għandha aċċess għall-kategoriji kollha ta’ twissija; l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta kompliet il-proġett biex il-membri tat-timijiet tagħha jkunu jistgħu jkollhom aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen f’Novembru 2021;
2)it-tieni fażi ta’ implimentazzjoni (sa tmiem l-2020): fi tmiem il-perjodu ta’ rappurtar, 22 Stat Membru bagħtu l-funzjonalità tat-tiftix tal-marki tas-swaba’; ħames Stati Membri għadhom qed jippjanaw li jimplimentaw il-funzjonalità sa tmiem l-2020; huwa kkalkulat li żewġ Stati Membri jkollhom ftit dewmien fl-implimentazzjoni (fil-bidu tal-2021);
3)it-tielet fażi ta’ implimentazzjoni (sa tmiem l-2021): matul il-perjodu ta’ rapportar, komplew l-attivitajiet ikkoordinati mill-Kummissjoni u mill-eu-LISA biex jitħejjew il-miżuri ta’ implimentazzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolamenti; il-finalizzazzjoni ta’ xi objettivi intermedji importanti tal-ħidma preparatorja fl-2020 (atti ta’ implimentazzjoni tekniċi u speċifikazzjonijiet tekniċi) għamlitha possibbli biex l-Istati Membri jibdew żviluppi nazzjonali biex ikunu lesti jibdew joperaw sa tmiem l-2021.
Il-pandemija tal-COVID-19 fixklet l-iskeda ta’ implimentazzjoni, iżda l-miżuri stabbiliti mill-Kummissjoni, l-eu-LISA u l-Istati Membri f’dawn l-aħħar xhur għalissa wrew li huma effettivi u naqqsu l-impatt negattiv fil-livell ċentrali u nazzjonali.
Żewġ Stati Membri ddikjaraw li ma rnexxilhomx jimplimentaw il-funzjonalità tat-tiftix tal-marki tas-swaba’ sal-aħħar tal-2020, kif meħtieġ mir-Regolament. Madankollu, id-dewmien huwa limitat għal ftit xhur u jenħtieġ li jkun aġġustat sal-bidu tal-2021.
Il-Kummissjoni se tkompli tinvolvi ruħha direttament kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak tekniku u, f’koordinazzjoni mal-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA, tagħmel monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen riveduta fil-kuntest tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni għall-fruntieri u s-sigurtà.
It-tielet rapport dwar l-istatus se jiddeskrivi l-attivitajiet tal-partijiet ikkonċernati matul il-perjodu ta’ rapportar li jmiss, mill-1 ta’ Ottubru 2020 sat-30 ta’ Settembru 2021.