|
5.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 391/43 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1922
tal-4 ta’ Novembru 2021
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1517 li jistabbilixxi regoli dettaljati li jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/581 li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċertu tip ta’ prodotti maħsuba li jiġu inkorporati jew użati f’inġenji tal-ajru
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/581 tas-16 ta’ April 2018 li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċertu tip ta’ prodotti maħsuba li jiġu inkorporati jew użati f’inġenji tal-ajru, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1147/2002 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2018/581 temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċertu tip ta’ prodotti maħsuba li jiġu inkorporati jew użati f’inġenji tal-ajru. |
|
(2) |
L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1517 (2) jelenka ċ-ċertifikati li jitqiesu ekwivalenti għaċ-ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat tal-Formola 1 tal-EASA, li jistgħu jintużaw mill-operaturi ekonomiċi tal-UE meta jimportaw oġġetti milquta mis-sospensjoni u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament (UE) 2018/581. |
|
(3) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) (3) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni fid-29 ta’ Diċembru 2020. Dan applika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ April 2021 u daħal fis-seħħ formalment fl-1 ta’ Mejju 2021. |
|
(4) |
Il-Ftehim ikopri kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-avjazzjoni, inkluża l-kooperazzjoni mal-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili (Civil Aviation Authority, CAA) tar-Renju Unit li toħroġ ċertifikati tar-rilaxx awtorizzat. Għaldaqstant, huwa xieraq li ċ-ċertifikati tal-Formola 1 tas-CAA maħruġa mis-CAA jitqiesu bħala ekwivalenti għall-Formola 1 tal-EASA u li jiġu inklużi fil-lista tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1517. |
|
(5) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1517 jiġi emendat skont dan. |
|
(6) |
Skont l-Anness 30 “Ċertifikazzjoni tal-Ajrunavigabbiltà u tal-Ambjent” tal-Ftehim, u b’mod partikolari l-Artikolu 15, il-punt (a), u l-Artikolu 21(1) u (2) tiegħu, iċ-ċertifikati tal-Formola 1 tas-CAA maħruġa mis-CAA għall-prodotti żviluppati u ċċertifikati qabel l-31 ta’ Diċembru 2020 huma meqjusa bħala suffiċjenti għall-oġġetti elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1517 biex jibbenefikaw mis-sospensjoni tad-dazju tal-importazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2018/581, mill-1 ta’ Jannar 2021. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika b’mod retroattiv fir-rigward ta’ tali ċertifikati sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi, u jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza. |
|
(7) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1517 huwa emendat u tiżdied ir-ringiela li ġejja:
|
Awtorità tal-Avjazzjoni |
Ċertifikat tar-Rilaxx Awtorizzat |
|
“L-awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Renju Unit |
Formola 1 tas-CAA (4) |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Novembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1517 tal-11 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati li jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/581 li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċertu tip ta’ prodotti maħsuba li jiġu inkorporati jew użati f’inġenji tal-ajru (ĠU L 256, 12.10.2018, p. 58).
(3) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.
(4) Mill-1.1.2021.”