13.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 279/1


Sejħa għall-applikazzjonijiet għas-selezzjoni tal-Kontrollur tal-garanziji proċedurali fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)

COM/2021/20062

(2021/C 279 A/01)

L-għan ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet huwa li tippermetti l-ħatra tal-Kontrollur tal-garanziji proċedurali (il-“Kontrollur”), fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF). Il-kontrollur se jiġi ingaġġat bħala Konsulent Speċjali skont l-Artikolu 5 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea.

1.   IL-KONTROLLUR TAL-GARANZIJI PROĊEDURALI

Il-Kontrollur tal-garanziji proċedurali huwa funzjoni ġdida stabbilita mill-Artikolu 9a tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) għall-finijiet tal-protezzjoni u tal-konformità mal-garanziji proċedurali u mad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tal-OLAF.

Il-persuni kkonċernati jistgħu jressqu ilmenti quddiem il-Kontrollur fir-rigward tal-konformità tal-OLAF mal-garanziji proċedurali kif ukoll għal raġunijiet ta’ ksur tar-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet mill-OLAF b’mod partikolari ksur ta’ rekwiżiti proċedurali u drittijiet fundamentali. Il-Kontrollur huwa responsabbli għall-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu solvuti tali ilmenti, u fejn ikun meħtieġ jissuġġerixxi soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet imqajma fl-ilment.

Il-Kontrollur għandu jirrapporta dwar l-eżerċizzju tal-funzjoni tiegħu fuq bażi annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF u lill-OLAF. Huwa m’għandux jirreferi għal każijiet individwali taħt investigazzjoni u għandu jiżgura l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet anki wara l-għeluq tagħhom. Il-Kontrollur għandu jirrapporta lill-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar kwalunkwe kwistjoni sistemika li tirriżulta mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Jenħtieġ li l-Kontrollur jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’indipendenza sħiħa, inkluż mill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF (2) u mill-OLAF u la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand ħadd fil-qadi ta’ dmirijietu.

Il-funzjoni tal-Kontrollur hija marbuta amministrattivament mal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, jiġifieri s-Segretarjat tiegħu. Is-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jipprovdi lill-Kontrollur b’kull appoġġ amministrattiv u ġuridiku meħtieġ.

Il-kontrollur se jkollu mandat ta’ ħames snin, li ma jistax jiġġedded. Fi tmiem il-mandat, il-Kontrollur se jibqa’ fil-kariga sakemm jiġi sostitwit.

Huwa stmat li l-Kontrollur se jkollu bżonn jiddedika bejn 5 u 8 ijiem fix-xahar għall-kompiti tiegħu.

2.   KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ

L-applikanti jridu:

—

Ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u jkunu intitolati għad-drittijiet kollha bħala ċittadini;

—

Ikollhom livell ta’ edukazzjoni fil-Liġi li jikkorrispondi għal studji universitarji lesti, iċċertifikati b’diploma;

—

Ikollhom mill-inqas 10 snin esperjenza professjonali f’pożizzjonijiet rilevanti għar-rwol ta’ Kontrollur kif deskritt hawn fuq, miksuba wara li jkunu kisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq;

—

Ma jkollhomx funzjoni politika meta jassumu l-funzjoni tagħhom, la fil-livell nazzjonali u lanqas f’dak Ewropew;

—

Ma jkunux Membri tal-persunal ta’ istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-UE meta jibdew jaqdu l-funzjoni tagħhom;

—

Ma jkunux membri ta’ servizz nazzjonali ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi skont it-tifsira tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) meta jibdew il-funzjoni tagħhom;

—

Ikunu kompletament indipendenti mill-korpi jew l-awtoritajiet nazzjonali meta jassumu l-funzjoni tagħhom;

—

Ikunu f’pożizzjoni li joffru garanziji ta’ indipendenza u nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess fir-rigward ta’ kwalunkwe attività professjonali li tista’ titwettaq b’mod parallel mar-rwol ta’ Kontrollur;

—

Ikollhom għarfien profond ta’ żewġ lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet (il-kandidati għandhom jindikaw ukoll il-livell ta’ għarfien tagħhom ta’ lingwi uffiċjali oħra);

3.   KRITERJI TAS-SELEZZJONI

Il-kandidat magħżul għandu jintgħażel abbażi tal-kwalitajiet personali u professjonali tiegħu u l-esperjenza ppruvata estensiva tiegħu.

3.1.   Kriterji professjonali

—

Rekord stabbilit u ppruvat ta’ mill-inqas 10 snin ta’ għarfien rilevanti u esperjenza professjonali, inkluża prattika ġuridika jew ġudizzjarja f’livell għoli, fl-oqsma tal-garanziji proċedurali inkluż fil-kuntest ta’ appelli regolatorji u / jew proċeduri ta’ trattament tal-ilmenti;

—

Għarfien tajjeb ħafna tad-dritt tal-UE, b’mod partikolari tad-dritt amministrattiv tal-UE, id-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali jew ta’ oqsma oħra rilevanti għall-ħidma tal-OLAF;

—

Għarfien espert jew esperjenza maniġerjali fl-investigazzjoni / it-trattament ta’ kwistjonijiet rilevanti għall-ħidma tal-OLAF, inklużi kunflitti ta’ interess u korruzzjoni;

—

Esperjenza fit-trattament ta’ lmenti jew azzjonijiet quddiem il-qrati;

3.2.   Kriterji Personali

—

Ikollhom biżżejjed għarfien ġenerali tal-istituzzjonijiet, il-politiki, il-qafas ġuridiku u l-metodi ta’ ħidma tal-UE;

—

Ikollhom fehim tajjeb ħafna tal-ħidma tal-OLAF;

—

Għandhom ikunu disponibbli biżżejjed biex jittrattaw l-ilmenti fi żmien skadenzi fissi;

—

Juru li l-indipendenza, l-imparzjalità, l-integrità u l-integrità tagħhom huma mingħajr dubju;

—

Ikollhom ħsieb kritiku u strateġiku u ħiliet eċċellenti ta’ soluzzjoni tal-problemi;

—

Ikollhom ħiliet ta’ komunikazzjoni tajbin ħafna, inklużi ħiliet ta’ komunikazzjoni interpersonali;

—

Juru impenn qawwi biex jinżamm ambjent tax-xogħol pożittiv u relazzjonijiet tax-xogħol tajbin fi ħdan l-OLAF u ma’ interlokuturi esterni.

4.   PREŻENTAZZJONI TA’ APPLIKAZZJONIJIET

Jenħtieġ li l-persuni interessati jesprimu l-interess tagħhom billi jużaw l-applikazzjoni tas-CVonline (4).

Qabel ma tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b’attenzjoni jekk tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà kollha elenkati fil-punt 2 hawn fuq. Jekk ma tissodisfax xi wieħed mir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà, dan ikun ifisser li se tiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tas-selezzjoni.

Biex tirreġistra, irid ikollok indirizz elettroniku validu, li se jintuża biex tiġi kkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jibqa’ jkun hemm kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura. Għaldaqstant, informa lill-Kummissjoni Ewropea b’kull bidla fl-indirizz elettroniku tiegħek.

Biex timla l-applikazzjoni tiegħek, jeħtieġ li ttella’ CV f’format PDF u timla ittra ta’ motivazzjoni online (massimu ta’ 8 000 karattru). Is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-kandidati huma mistiedna jispeċifikaw kull lingwa tal-UE li huma jafu u l-livell korrispondenti ta’ għarfien skont il-Qafas ta’ Referenza Ewropew Komuni għal-Lingwi (5).

Ladarba tkun lestejt ir-reġistrazzjoni online tiegħek, se tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek ġiet irreġistrata. Jekk ma tirċevix ittra ta’ konferma, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata.

Kun af li mhuwiex possibbli li timmonitorja l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Il-Kummissjoni Ewropea tikkuntattjak direttament rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.

Għal aktar informazzjoni u/jew fil-każ ta' problemi tekniċi, ibgħat ittra elettronika lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Għal raġunijiet funzjonali u biex il-proċedura ta' selezzjoni titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll dak tal-istituzzjonijiet, il-proċedura ta' selezzjoni ssir biss bl-Ingliż (6).

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni hija d-9 ta’ Settembru 2021. Ir-reġistrazzjoni online ma tkunx possibbli wara nofsinhar (12.00) ħin ta’ Brussell.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li timla r-reġistrazzjoni online fil-ħin. Aħna nagħtuk parir biex ma tħallix għall-aħħar jiem biex tapplika, peress li traffiku tal-internet qawwi jew problema fil-konnessjoni tal-internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tiegħek tiġi tterminata qabel ma tlestiha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, inti ma tkunx tista’ ddaħħal iktar data. Mhux se jiġu aċċettati reġistrazzjonijiet li jaslu tard.

5.   PROĊEDURA TAS-SELEZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea se tistabbilixxi bord tas-selezzjoni biex jikkunsidra l-applikazzjonijiet kollha li jirċievi.

Il-bord se jevalwa u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti kollha li huma eliġibbli, abbażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Il-bord se joħroġ opinjoni li tinkludi lista mqassra ta’ mill-inqas tliet kandidati kwalifikati kif xieraq għall-funzjoni ta’ Kontrollur tal-garanziji proċedurali.

Il-Kummissjoni Ewropea se tapprova l-lista mqassra ta’ kandidati kwalifikati kif xieraq u se tipproċedi għall-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni Ewropea se taħtar il-Kontrollur tal-garanziji proċedurali.

6.   OPPORTUNITAJIET INDAQS

L-istituzzjonijiet u l-entitajiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea japplikaw politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċettaw applikazzjonijiet mingħajr distinzjoni fuq bażi ta' sess, razza, kulur, oriġini soċjali jew etnika, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew ta' natura oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentament sesswali.

7.   INDIPENDENZA U D-DIKJARAZZJONI TAL-INTERESSI

Qabel ma jibda d-dmirijiet tiegħu / tagħha, il-Kontrollur huwa meħtieġ jiddikjara li hu / hi se jaġixxi / taġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u li m’għandux / m’għandhiex interessi, li jistgħu jitqiesu ta’ preġudizzju għall-indipendenza tiegħu / tagħha.

Qabel ma jibda’ jaqdi dmirijietu, jeħtieġ li jippreżenta

—

dikjarazzjoni tal-impenn tiegħu li se jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku;

—

dikjarazzjoni li telenka l-attivitajiet l-oħra kollha mwettqa, u

—

dikjarazzjoni fir-rigward ta’ kull tip ta’ interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tiegħu.

—

estratt tar-rekord kriminali tiegħu.

Bl-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jipprovdu dawn id-dikjarazzjonijiet.

8.   KUNDIZZJONIJIET TAL-IMPJIEG

Il-Kontrollur se jinħatar fuq il-bażi ta’ kuntratt bħala Konsulenti Speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-kuntratt bħala Konsulent Speċjali se jiġi estiż biex ikopri t-tul tal-mandat. Il-Kontrollur se jiġi remunerat fuq bażi per diem b’referenza għal salarju bażiku AD14, skala 1 għall-ġranet li jaħdem (7) (8). Madankollu, ex uffiċjali tal-UE li jirċievu pensjoni tal-irtirar ma jirċevux remunerazzjoni; ikunu intitolati biss għal rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni.

Skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni għall-membri tal-persunal tagħha, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni mġarrba mill-Kontrollur għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni wara talba bid-dokumenti ta’ sostenn, kif ukoll allowance ta’ kuljum biex tkopri spejjeż oħra.

9.   SEGRETEZZA PROFESSJONALI

Il-Kontrollur għandu jżomm lura minn kull żvelar mhux awtorizzat tal-informazzjoni riċevuta waqt il-qadi ta’ dmirijietu, sakemm dik l-informazzjoni mhux diġà magħmula pubblika jew hija aċċessibbli għall-pubbliku. Il-kontrollur għandu jkompli jkun marbut b’dan l-obbligu wara t-tmiem tal-mandat tiegħu.

Il-Kontrollur m’għandux, mingħajr il-permess tal-Kummissjoni, jiżvela għall-ebda raġuni, fi proċeduri ġuridiċi, informazzjoni li tkun ġiet għandu minħabba d-dmirijiet tiegħu. Il-permess għandu jkun rifjutat biss fejn l-interessi tal-Unjoni hekk jeħtieġu u t-tali rifjut ma jġibx konsegwenzi kriminali sa fejn l-espert huwa kkonċernat. Il-kontrollur għandu jkompli jkun marbut b’dan l-obbligu wara t-tmiem tal-mandat tiegħu. (Dan il-paragrafu m’għandux japplika għall-Kontrollur jew għall-ex Kontrollur li jagħti evidenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew quddiem il-Bord Dixxiplinari ta’ istituzzjoni dwar kwistjoni li tikkonċerna impjegat jew ex impjegat tal-Unjoni Ewropea).

10.   PROTEZZJONI TA’ DATA PERSONALI

Il-Kummissjoni se tiżgura li d-data personali tal-kandidati tkun ipproċessata kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u għas-sigurtà ta’ tali data.


(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 49).

(2)  https://europa.eu/supervisory-committee-olaf/

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(4)  https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/CV_Encadext/index.cfm?fuseaction=premierAcces

(5)  https://www.coe.int/en/web/common-european-framework-reference-languages/table-1-cefr-3.3-common-reference-levels-global-scale

(6)  Il-bord tas-selezzjoni se jiżgura li ma jingħata l-ebda vantaġġ mhux xieraq lill-kelliema nattivi.

(7)  L-għadd medju ta’ jiem ta’ xogħol f’xahar huwa 22.

(8)  L-aġġornament annwali tal-2020 tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea jista’ jinsab hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52020XC1211%2801%29&from=FR

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).