Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-16 ta’ April 2026 (1)

Kawża C-154/25

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Franċiża

“Proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Direttiva (UE) 2020/2184 – Kwalità tal-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem – Qbiż tal-valur parametriku għan-nitrati – Miżuri korrettivi biex jintemm il-ksur – Miżuri korrettivi oħra – Emenda tad-dispożizzjonijiet matul il-proċedura prekontenzjuża”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni tfittex li tikkonstata li r-Repubblika Franċiża kisret id-Direttiva (UE) 2020/2184 (iktar ’il quddiem it-“tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb”) (2) f’total ta’ 107 unità ta’ distribuzzjoni ta’ ilma tax-xorb minħabba valuri eċċessivi ta’ nitrati fl-ilma tax-xorb.

2.        Il-valur parametriku ta’ 50 mg/l ilu japplika għan-nitrati fl-ilma tax-xorb mid-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE (iktar ’il quddiem l-“ewwel Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb ”) (3), jiġifieri mill-1985. Dan jikkorrispondi għal valur ta’ gwida ppubblikat mill-1993 mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (il-WHO, World Health Organisation) (4).

3.        Is-sorsi l-iktar frekwenti ta’ nitrati fl-ilma huma, skont il-WHO, l-attivitajiet agrikoli (fertilizzanti inorganiċi u demel), it-trattament tal-ilma mormi, il-prodotti li fihom in-nitroġenu kif ukoll l-ilma mormi minn proċessi industrijali u minn vetturi bil-mutur (5). Skont il-WHO, ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem jinsabu, b’mod partikolari, fil-konverżjoni tan-nitrati (NO3) f’nitriti (NO2) li tista’ twassal għall-metemoglobinemija, ossidazzjoni taċ-ċelloli tad-demm ħomor, li ma jistgħux iktar jittrasportaw l-ossiġnu. Dan ir-riskju jaffettwa, qabel kollox, it-trabi mredda’ sal-età ta’ sitt xhur. Barra minn hekk, fil-każ tan-nisa tqal u tat-trabi, jeżisti riskju ta’ effetti negattivi fuq it-tirojde. Barra minn hekk, hija possibbli rabta bejn ir-riskju tal-kanċer u n-nitroġenu endoġenu minħabba konsum qawwi ta’ nitrati u ta’ komposti nitrosabbli (6).

4.        Il-qbiż tal-valur parametriku huwa stabbilit, iżda l-partijiet ma jaqblux dwar jekk, f’ċerti każijiet, ir-Repubblika Franċiża pprovatx li l-ksur kien intemm u jekk ir-reazzjoni għall-ksur kinitx suffiċjenti.

5.        Barra minn hekk, il-Kummissjoni bdiet din il-proċedura waqt li kienet għadha fis-seħħ id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KEE (iktar ’il quddiem it-“tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb”) (7), u għalhekk, ibbażat l-ittra ta’ intimazzjoni skont l-Artikolu 258(1) TFUE fuq din il-leġiżlazzjoni preċedenti. Għalhekk, tqum il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors ibbażat fuq it-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.

II.    Il-kuntest ġuridiku

6.        Skont l-Artikolu 24(1) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, din tal-aħħar kellha tiġi implimentata sat‑12 ta’ Jannar 2023.

7.        Madankollu, il-proċedura prekontenzjuża nbdiet mill-Kummissjoni abbażi tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, li min-naħa tagħha, kienet issostitwixxiet l-ewwel Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.

8.        Mis-17 ta’ Lulju 1985, it-tliet direttivi suċċessivi stabbilixxew li l-kontenut tan-nitrati fl-ilma tax-xorb, li huwa s-suġġett tal-ewwel motiv, ma għandu qatt jaqbeż il-valur parametriku ta’ 50 mg/l (8). Madankollu, it-tieni u t-tielet Direttivi jvarjaw fir-rigward ta’ regoli oħra.

A.      It-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb

9.        Il-Kummissjoni tibbaża t-tieni u t-tielet motiv tagħha fuq l-Artikolu 14(2) u (3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb. L-Artikolu 14 jistabbilixxi l-miżuri li l-Istati Membri għandhom jieħdu f’każ li jinqabżu l-valuri parametriċi:

“2.      Jekk, minkejja l-miżuri meħuda biex jintlaħqu l-obbligi imposti fl-Artikolu 4(1), l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem ma’ jilħaqx il-valuri parametriċi stabbiliti skont l-Artikolu 5, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(2), l-Istat Membru konċernat għandu jiżgura li tittieħed azzjoni korrettiva mill-iktar fis possibbli biex terġa’ tintlaħaq il-kwalità ta’ dak l-ilma u għandu jagħti prijorità lill-infurzar tiegħu, wara li jkunu kkunsidraw fost oħrajn b’kemm ikun inqabeż il-valur parametriku rilevanti u l-ħsara assoċjata li dan jista’ jagħmel lis-saħħa tal-bniedem.

[...]

3.      Irrispettivament minn jekk ikunux ġew issodisfatti l-valuri parametriċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe provvista ta’ ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem li tista’ tkun ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem tkun ipprojbita jew li l-użu ta’ tali ilma jkun ristrett u li tittieħed kwalunkwe azzjoni oħra ta’ rimedju meħtieġa għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.

L-Istati Membri għandhom iqisu nuqqas li jkunu ssodisfati r-rekwiżiti minimi tal-valuri parametriċi stabbiliti fil-partijiet A u B tal-Anness I bħala periklu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, ħlief meta l-awtorità kompetenti tqis li n-nuqqas ta’ konformità mal-valur parametriku jkun trivjali.

4.      Fil-każijiet deskritti fil-paragrafi 2 u 3, meta n-nonkonformità mal-valuri parametriċi titqies bħala periklu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, l-Istati Membri għandhom, kemm jista’ jkun malajr, jieħdu l-miżuri kollha li ġejjin:

(a)      jinnotifikaw lill-konsumaturi affettwati kollha dwar il-periklu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u dwar il-kawża tiegħu, dwar il-qbiż tal-valur parametriku u dwar l-azzjonijiet korrettivi meħuda, inkluż il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni tal-użu jew azzjoni oħra;

(b)      jagħtu, u jaġġornaw b’mod regolari, il-pariri meħtieġa lill-konsumaturi dwar il-kundizzjonijiet tal-konsum u l-użu talilma, filwaqt li b’mod partikolari jitqiesu gruppi tal-popolazzjoni b’riskji ogħla għas-saħħa marbuta mal-ilma; u

(c)      jinfurmaw lill-konsumaturi ladarba jiġi stabbilit li m’għadx hemm periklu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, u jgħarrfuhom li s-servizz reġa’ lura għan-normal.

5.      L-awtoritajiet kompetenti jew korpi oħra rilevanti għandhom jiddeċiedu x’azzjoni għandha tittieħed skont il-paragrafu 3, waqt li jżommu quddiem għajnejhom ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem li jinħolqu mit-twaqqif jew restrizzjoni fl-użu ta’ ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.”

10.      Id-deroga prevista fl-Artikolu 9 tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb ma ġietx inkluża fit-tielet Direttiva, iżda l-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva kien jirregola ż-żamma tad-derogi diġà awtorizzati:

“Id-derogi mogħtija mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/83/KE li jkunu għadhom japplikaw fit-12 ta’ Jannar 2023 għandhom jibqgħu applikabbli sa tmiem id-durata tagħhom. Dawn jistgħu jiġġeddu f’konformità mal-Artikolu 15 ta’ din id-Direttiva biss f’każ li ma tkunx għadha ngħatat it-tieni deroga. Id-dritt li titlob lill-Kummissjoni tielet deroga f’konformità mal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/83/KE għandu jibqa’ japplika għat-tieni derogi li għadhom applikabbli fit-12 ta’ Jannar 2021.”

B.      It-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb

11.      Id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-Artikolu 14 tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb kienu diġà jinsabu parzjalment fl-Artikolu 8 tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb:

“2.      [b’mod ġenerali, jaqbel mal-Artikolu 14(2) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.]

3.      [b’mod ġenerali, l-ewwel sentenza jaqbel mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.] F’dawn il-każijiet il-konsumaturi għandhom jiġu mgħarrfa mill-ewwel bihom u mogħtija l-pariri meħtieġa.

(4)      [b’mod ġenerali, jaqbel mal-Artikolu 14(5) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.]”

12.      L-Artikolu 9 tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb kien jipprovdi għall-awtorizzazzjoni ta’ derogi mill-valuri parametriċi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jagħtu derogi mill-valuri parametriċi stabbiliti fil-Parti B ta’ l-Anness I, jew skond l-Artikolu 5(3), sa valur massimu li jiddeterminaw huma stess, sakemm l-ebda deroga ma tikkostitwixxi periklu potenzali għas-saħħa talbniedem u sakemm il-provvista ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem fil-post konċernat ma tkunx tista’ tinżamm b’mezzi oħra raġonevoli. Id-derogi għandhom jiġu limitati għall-iqsar żmien possibbli u ma għandhomx jaqbżu t-tlett snin. Kif iż-żmien tad-deroga joqrob lejn tmiemu, għandha issir reviżjoni li tara jekk sarx progress suffiċjenti. Meta Stat Membru jkun irid jagħti t-tieni deroga, dan għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bir-reviżjoni li tkun saret kif ukoll bir-raġunijiet li wassluh jagħti t-tieni deroga. It-tieni deroga ma għandhiex taqbeż it-tlett snin.

2.      F’ċirkustanzi eċċezzjonali, Stat Membru jista’ jitlob għat-tielet deroga mill-Kummissjoni għal perjodu li ma jaqbiżx it-tlett snin. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fuq talba bħal din fi żmien tlett xhur.”

III. Il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet tal-partijiet

13.      Fit‑30 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Franċiża ittra skont l-Artikolu 258(1) TFUE, fejn stednitha tieħu pożizzjoni dwar l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1), moqri flimkien mal-Anness I, kif ukoll tal-paragrafi 2, 3 u 7 tal-Artikolu 8 tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, minħabba t-tniġġis tal-ilma tax-xorb min-nitrati f’agglomerazzjonijiet differenti ta’ sitt reġjuni.

14.      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni bbażat l-opinjoni motivata tagħha tal‑15 ta’ Frar 2023 fuq l-Artikolu 4(1) moqri flimkien mal-Anness I, kif ukoll fuq il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 14 tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb. F’din l-opinjoni, il-Kummissjoni ffissat għar-Repubblika Franċiża terminu li jiskadi fil‑15 ta’ April 2023 sabiex jintemm il-ksur allegat.

15.      Fil‑21 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors, li permezz tiegħu hija talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

1)      tikkonstata li:

—      billi naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura li l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem jikkonforma mar-rekwiżiti minimi li jikkonċernaw il-valur parametriku għan-nitrati fir-rigward tal-107 unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb identifikati fir-rikors;

—      billi naqset milli tieħu miżuri korrettivi kemm jista’ jkun malajr sabiex tiġi rrestawrata l-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem fir-rigward ta’ dawn il-107 unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb u billi naqset milli tagħti prijorità lill-infurzar tagħhom, filwaqt li jitqies, fost oħrajn, il-punt sa fejn il-valur parametriku rilevanti nqabeż u l-periklu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem assoċjat miegħu; u

—      billi naqset milli tirrestrinġi l-użu ta’ ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem li kronikament jaqbeż il-valur parametriku tan-nitrat jew billi naqset milli tieħu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa sabiex tipproteġi s-saħħa tal-bniedem, u billi ma tatx biżżejjed informazzjoni lill-konsumaturi,

ir-Repubblika Franċiża naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 4(1), moqri flimkien mal-Parti B tal-Anness I, u mal-Artikolu 14(2) u (3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.

2)      tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

16.      Ir-Repubblika Franċiża titlob li r-rikors jiġi miċħud u li l-Kummissjoni Ewropea tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

17.      Il-partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali waqt is-seduta li nżammet fl‑4 ta’ Frar 2026.

IV.    Evalwazzjoni ġuridika

18.      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tressaq tliet motivi prinċipali. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1), moqri flimkien mal-Parti B tal-Anness I tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, f’107 unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb sa fejn dan l-Istat Membru ma ħax il-miżuri neċessarji biex jiżgura li l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem jissodisfa r-rekwiżiti minimi dwar il-valur parametriku stabbilit għan-nitrati ta’ 50 mg/l. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(2) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, sa fejn hija ma ħaditx miżuri korrettivi malajr kemm jista’ jkun biex tirrestawra l-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, u ma tatx prijorità lill-infurzar tagħhom. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(3) billi ma rrestrinġietx l-użu ta’ ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem li jaqbeż b’mod persistenti l-valur parametriku stabbilit għan-nitrati, billi ma ħadet ebda miżura oħra neċessarja għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, u billi ma tatx biżżejjed informazzjoni lill-konsumaturi,

A.      L-ammissibbiltà tar-rikors fl-intier tiegħu

19.      Il-Kummissjoni bbażat l-ittra ta’ intimazzjoni skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE fuq it-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, filwaqt li l-opinjoni motivata kienet ibbażata fuq it-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha kien sadanittant skada. Għaldaqstant, l-ammissibbiltà tar-rikors għandha tiġi eżaminata ex officio (9).

20.      It-talbiet li jinsabu fir-rikors ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jiġu estiżi lil hinn min-nuqqasijiet allegati fl-ittra ta’ intimazzjoni. Fil-fatt, ir-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża tikkostitwixxi garanzija essenzjali mixtieqa mit-Trattat, mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll biex jiġi żgurat li l-proċedura kontenzjuża eventwali jkollha bħala suġġett tilwima ddefinita b’mod ċar (10). Xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jsibu l-oriġini tagħhom fil-verżjoni inizjali ta’ att tal-Unjoni, sussegwentement emendat jew imħassar, u li jkunu nżammu fis-seħħ permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ att ġdid tal-Unjoni (11).

21.      L-ammissibbiltà tal-ewwel żewġ motivi għalhekk ma hijiex ikkontestata, peress li l-Kummissjoni tibbażahom fuq dispożizzjonijiet tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb li, b’kontenut identiku, kienu diġà jinsabu fit-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.

22.      Min-naħa l-oħra, is-suġġett tat-tilwima ma jistax jiġi estiż għal obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li ma jikkorrispondux għal dispożizzjonijiet ekwivalenti fil-verżjoni inizjali tal-att inkwistjoni. Dan ikun jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali li jirregolaw il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (12).

23.      Madankollu, il-bażi tat-tielet motiv hija differenti mid-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.

24.      Għaldaqstant, l-ewwel żewġ motivi huma ammissibbli. Min-naħa l-oħra, ser neżamina iktar ’il quddiem (taħt it-Taqsima D) l-ammissibbiltà tat-tielet motiv fir-rigward tal-fondatezza tiegħu.

B.      Osservanza tal-valur parametriku għan-nitrati (l-ewwel motiv)

25.      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-qbiż tal-valur parametriku ta’ 50 mg/l għan-nitrati msemmi fl-Artikolu 4(1) u fil-Parti B tal-Anness I tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb f’107 unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb identifikati fl-Anness A.8 tar-rikors.

26.      Konformement mal-Artikolu 4(1) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, moqri flimkien mal-Parti B tal-Anness I tagħha, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li josservaw il-valur parametriku ta’ 50 mg/l fir-rigward tal-livell massimu ammissibbli ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati preżenti fl-ilma tax-xorb. Il-partijiet jaqblu li dan huwa obbligu ta’ riżultat (13).

27.      Ir-Repubblika Franċiża tirrikonoxxi bis-sħiħ il-ksur fir-rigward ta’ 65 minn dawn l-unitajiet ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb.

28.      Fir-rigward ta’ 34 unità oħra ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb, ir-Repubblika Franċiża tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja li, sadanittant, l-osservanza tal-valur parametriku hija ggarantita. Madankollu, l-Istat Membru ma jikkontestax il-fatt li l-evalwazzjoni tar-rikors tiddependi fuq is-sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni (14), jiġifieri l‑15 ta’ April 2023, u li, f’din id-data, il-valur parametriku kien għadu ma ġiex osservat f’dawn l-unitajiet ta’ distribuzzjoni.

29.      L-uniku punt kontenzjuż huwa għalhekk l-osservanza tal-valur parametriku tan-nitrati fi tmien unitajiet ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb. Dawn ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem.

1.      Unità tad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb Chevregny (002000143), Aisne, Hauts-de-France

30.      Hemm 185 konsumatur konness man-network tal-unità tad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb Chevregny (002000143) tad-Dipartiment ta’ Aisne fir-Reġjun ta’ Hauts-de-France. Skont l-argumenti mhux ikkontestati tar-Repubblika Franċiża, l-aħħar qbiż ikkonstatat tal-valur parametriku jmur lura għad‑19 ta’ Ottubru 2022. Min-naħa l-oħra, is-sitt valuri mkejla bejn it‑3 ta’ Novembru 2022 u s‑6 ta’ April 2023 u l-valuri kollha mkejla minn dak iż-żmien kienu inqas mill-valur parametriku. Konsegwentement, ir-Repubblika Franċiża tqis li, fil‑15 ta’ April 2023, din l-unità tad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb kienet tirrispetta l-valur parametriku.

31.      Il-Kummissjoni rrispondiet, fir-replika, li l-valuri mkejla disponibbli fl-iskadenza tat-terminu kienu għadhom ma pprovawx l-osservanza fit-tul tal-valur parametriku. Hija tinvoka, f’dan ir-rigward, sentenza li tgħid li l-eventwali osservanza speċifika tal-valuri parametriċi ma tikkontestax in-natura kontinwa tal-ksur allegat kollu kemm hu meta miżuri ulterjuri juru li dawn il-valuri komplew jinqabżu wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (15). Kif issostni ġustament ir-Repubblika Franċiża, dan l-argument huwa madankollu ineffettiv fir-rigward tal-unità tad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb ta’ Chevregny, peress li, skont id-data disponibbli, il-valur parametriku ma baqax jinqabeż fih wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

32.      Min-naħa l-oħra, waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-waqfien permanenti ta’ qbiż tal-valur parametriku tan-nitrati seta’ jiġi rrikonoxxut biss abbażi tal-valuri mkejla għal sena sħiħa. Fil-fatt, it-tniġġis tal-ilma tax-xorb min-nitrati jiddependi, b’mod partikolari, mill-agrikoltura u mill-kundizzjonijiet meteoroloġiċi.

33.      Fil-prinċipju, dan l-argument huwa konvinċenti u ma huwiex ikkontestat mir-Repubblika Franċiża. Kemm it-temp, kif ukoll l-agrikoltura, huma suġġetti għal ċiklu annwali li jista’ jwassal, f’ċerti mumenti, biex is-sorsi tal-ilma tax-xorb ikollhom ammonti ogħla ta’ nitrati. Fl-assenza ta’ provi oħra, il-kwalità tal-ilma tax-xorb għandha tiġi mmonitorjata għal mill-inqas sena sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kawża tal-ammonti eċċessivi ta’ nitrati ġietx effettivament eliminata.

34.      Madankollu, dan l-argument ma jikkonċernax il-waqfien tal-ksur bħala tali, iżda biss il-prova ta’ dan il-waqfien.

35.      Għalkemm id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb toħloq obbligu ta’ riżultat li jiġu rrispettati l-valuri parametriċi, din ma hijiex ifformulata b’tali mod li l-Istati Membri jkunu obbligati juru din il-konformità fi kwalunkwe ħin matul is-sena li għaddiet.

36.      Il-ksur ikun intemm meta l-Istat Membru jkun irrimedja l-kawża tal-qbiż tal-valur. B’hekk jista’ jintuża ilma tax-xorb minn sors ieħor inqas oneruż jew jittieħdu miżuri tekniċi biex jiġu eliminati n-nitrati. Jekk dawn il-miżuri jkunu effettivi biżżejjed, il-valuri parametriċi jiġu rispettati fil-futur u l-Istat Membru jkun issodisfa bis-sħiħ l-obbligi tiegħu.

37.      Din l-eżekuzzjoni ma għandhiex tiġi kkontestata jekk l-Istat Membru ma jkunx għadu f’pożizzjoni li jipprovaha b’mod sħiħ fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. F’każ ta’ konnessjoni ma’ sors ġdid, ma għandux ikun meħtieġ li din l-evidenza tipprovdi ċiklu annwali sħiħ ta’ konformità mal-parametru. Għall-kuntrarju, għandu jkun biżżejjed li tiġi pprovata din il-konnessjoni u l-kwalità tas-sors il-ġdid fil-passat.

38.      Madankollu, fil-każ li, fl-assenza ta’ provi oħra, ikun neċessarju li jiġu prodotti valuri mkejla matul sena sussegwenti kollha, għandu jkun possibbli li dawn jiġu invokati matul il-proċedura ġudizzjarja biex jiġi kkontestat l-ilment tal-Kummissjoni.

39.      Fir-rigward tal-qbiż tal-valur parametriku, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat provi tal-Kummissjoni wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. L-ewwel nett, dan il-qbiż ulterjuri juri, li, fl-iskadenza tat-terminu, il-miżuri kollha neċessarji biex jintemm il-ksur kienu għadhom ma ttiħdux. It-tieni nett, juri li l-Istat Membru kien kontinwament naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa biex itemm il-ksur (“défaut persistant”) (16). Sabiex tipprova tali ksur sistematiku u persistenti, il-Kummissjoni tista’ tipproduċi provi relatati mal-perijodu ta’ wara l-iskadenza tat-terminu (17).

40.      Għaldaqstant, jekk il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tipprova l-eżistenza ta’ ksur bl-għajnuna ta’ tali provi, l-Istat Membru kkonċernat għandu wkoll ikun f’pożizzjoni li jipproduċi tali provi sabiex jiskaġuna lilu nnifsu. Dan huwa dak li jeżiġi l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett innifsu ta’ smigħ xieraq, iggarantit b’mod partikolari mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (18), u li għandu bħala għan li jiżgura l-ekwilibriju bejn il-partijiet fil-kawża (19). Dan jimplika l-obbligu li kull parti, inklużi l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet (20), tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inkluż li tipproduċi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jqegħduhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ sostanzjali meta mqabbla mal-avversarju tagħha (21).

41.      Madankollu, l-ammissibbiltà ta’ provi sussegwenti għall-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ma tbiddel xejn, fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE, fil-mument rilevanti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur, peress li l-informazzjoni dwar perijodi sussegwenti tintuża biss biex jinsiltu konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni kif kienet f’din id-data.

42.      Fi kwalunkwe każ, għall-unità tad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb ta’ Chevregny, mill-osservanza tal-valur parametriku mit‑3 ta’ Novembru 2022 jirriżulta li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-kawża tal-qbiż tal-valur parametriku għan-nitrati kienet ġiet eliminata.

2.      Unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb Wanquetin (062000861), Pas-de-Calais, Hauts-de-France

43.      Hemm 727 konsumatur konness man-network tal-unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb Wanquetin (062000861) tad-Dipartiment ta’ Pas-de-Calais fir-Reġjun ta’ Hauts-de-France. Qabel l‑14 ta’ April 2023, tliet valuri parametriċi suċċessivi kienu inqas mill-valur parametriku, iżda fil‑5 ta’ Ġunju, fil‑5 ta’ Ottubru u fit‑18 ta’ Diċembru ta’ din is-sena, il-valur parametriku reġa’ nqabeż.

44.      Din l-unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb tikkostitwixxi, għalhekk, eżempju ta’ osservanza temporanja biss tal-valur parametriku, li ma jistax preċiżament jipprova li r-Repubblika Franċiża kienet eliminat fit-tul il-kawża tal-qbiż mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

45.      Għal din ir-raġuni, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ fir-rigward tal-unità tad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb ta’ Wanquetin.

3.      Unità ta’ distribuzzjoni ta’ ilma tax-xorb Arconcey (021000666), Côte-d’Or, Bourgogne-Franche-Comté

46.      Hemm 223 konsumatur konness man-network tal-unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb ta’ Arconcy (021000666) tad-Dipartiment tal-Côte-d’Or fir-Reġjun ta’ Bourgogne-Franche-Comté. Skont ir-Repubblika Franċiża, l-aħħar qbiż ikkonstatat tal-valur parametriku jmur lura għad‑9 ta’ Frar 2023. Il-valuri mkejla qabel kienu jinsabu, matul diversi snin, bejn 60 u 70 mg/l ta’ nitrati. Min-naħa l-oħra, mit‑12 ta’ April 2023, il-valuri mkejla huma nettament inferjuri għall-valur parametriku, ħafna drabi bejn 30 u 40 mg/l. Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li din l-unità ta’ distribuzzjoni ġiet konnessa ma’ network tal-ilma tax-xorb ieħor f’Marzu 2023.

47.      Il-valuri mkejla għalhekk jikkonfermaw li, fl-unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb ta’ Arconcey, il-kawża tal-qbiż tal-valur parametriku għan-nitrati kienet definittivament eliminata fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

4.      Unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb ta’ Charencey (021000834), Côte-d’Or, Bourgogne-Franche-Comté

48.      Hemm 36 konsumatur konness man-network tal-unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb Charencey (021000834) tad-Dipartiment tal-Côte-d’Or fir-Reġjun ta’ Bourgogne-Franche-Comté. Skont ir-Repubblika Franċiża, il-valuri mkejla wara t‑8 ta’ Diċembru 2022, huma ferm taħt il-valur parametriku, ħafna drabi inqas minn 20 mg/l. Ir-raġuni għal dan probabbilment kienet minħabba l-konnessjoni ma’ network ieħor tal-ilma tax-xorb f’Jannar 2023. Qabel, xi drabi kien hemm qabżiet sinjifikattivi.

49.      F’dan il-każ ukoll, il-valuri mkejla iktar reċenti jikkonfermaw li, fl-unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb ta’ Charencey, il-kawża tal-qbiż tal-valur parametriku għan-nitrati kienet definittivament eliminata fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

5.      Saint-Seine-l’Abbaye drinking water supply unit (021001229), Côte-d’Or, Bourgogne-Franche-Comté 

50.      Hemm 307 konsumatur konness man-network tal-unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb ta’ Saint-Seine-l’Abbaye (021001229) tad-Dipartiment tal-Côte-d’Or fir-Reġjun ta’ Bourgogne-Franche-Comté. Skont l-argumenti tar-Repubblika Franċiża, il-valuri mkejla huma inqas mill-valur parametriku mis-6 ta’ Marzu 2023, b’tendenza ta’ tnaqqis.

51.      Għalhekk, il-miżuri iktar reċenti juru li, fl-unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb ta’ Saint-Seine-l’Abbaye, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-kawża tal-qbiż tal-valur parametriku għan-nitrati kienet ukoll definittivament eliminata.

6.      Unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb Turcey (021001767), Côte-d’Or, Bourgogne-Franche-Comté

52.      Hemm 177 konsumatur konness man-network tal-unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb ta’ Turcey (021001767) tad-Dipartiment tal-Côte-d’Or fir-Reġjun ta’ Bourgogne-Franche-Comté. Skont ir-Repubblika Franċiża, bejn it‑2 ta’ Jannar u l‑25 ta’ Settembru 2023, il-valuri mkejla kienu inqas mill-valur parametriku, iżda seħħ qbiż sinjifikattiv fid‑29 ta’ Novembru 2023 u, fl‑24 ta’ Jannar 2024, meta l-valur parametriku reġa’ nqabeż. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-valuri mkejla baqgħu inqas mill-valur parametriku.

53.      Dan il-qbiż juri li, fl-unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb ta’ Turcey fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-kawża tal-qbiż tal-valur parametriku għan-nitrati kienet għadha ma ġietx eliminata b’mod definittiv.

7.      Unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb Charmes (052001856), Haute-Marne, Grand Est

54.      Hemm 148 konsumatur konness man-network tal-unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb Charmes (052001856) tad-Department Haute-Marne fir-Region Grand Est. L-aħħar qabża fil-valur parametriku tmur lura għat-28 ta’ Ottubru 2022. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-valuri mkejla huma iktar baxxi, fejn dawk l-iktar riċenti juru tendenza ta’ tnaqqis.

55.      Dawn il-miżuri jippermettu li jiġi konkluż li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-kawża tal-qbiż fil-valur parametriku tan-nitrati fl-unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb kienet ġiet eliminata.

8.      Unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb Fays (052000917), Haute-Marne, Grand Est

56.      Hemm 65 konsumatur konness man-network tal-unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb Fays (052000917) tad-Department Haute-Marne fir-Region Grand Est. Mill‑10 ta’ Frar 2023, il-valuri mkejla, b’eċċezzjoni waħda fit‑28 ta’ Awwissu 2023, huma inqas mill-valur parametriku, iżda mhux b’marġini wiesgħa ħafna.

57.      L-imsemmi qbiż, kif ukoll id-distanza żgħira tal-valuri mkejla, meta mqabbla mal-valur parametriku juru li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata fl-unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb ta’ Fays, il-kawża tal-qbiż tal-valur parametriku għan-nitrati kienet għadha ma ġietx eliminata.

9.      Konklużjoni intermedja

58.      Konsegwentement, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 4(1) u tal-Parti B tal-Anness I tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb f’dak li jirrigwarda l-107 unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb elenkati fl-Anness A.8 tar-rikors, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ta’ Chevregny, Arconcey, Charencey, Saint-Seine-l’Abbaye u Charmes, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti minimi dwar il-valur parametriku ta’ 50 mg/l għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.

C.      Miżuri korrettivi intiżi biex jirrestawraw il-kwalità tal-ilma tax-xorb (it-tieni motiv)

59.      Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Franċiża kisret l-Artikolu 14(2) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb fir-rigward tal-107 unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb elenkati fl-Anness A.8 tar-rikors.

60.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, il-miżuri korrettivi neċessarji biex tiġi rrestawrata l-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem għandhom jittieħdu mill-iktar fis possibbli meta dan l-ilma ma jissodisfax il-valuri parametriċi stabbiliti fil-Parti B tal-Anness I. Barra minn hekk, għandha tingħata prijorità lill-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, filwaqt li titqies, fost l-oħrajn, l-importanza tal-qbiż tal-valuri parametriċi korrispondenti u r-riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta.

61.      Bħall-Artikolu 4(1), moqri flimkien mal-Parti B tal-Anness I tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, dan l-obbligu joħloq obbligu ta’ riżultat għall-Istati Membri (22) biex jiżguraw l-osservanza tal-valuri parametriċi. Din hija akkumpanjata minn obbligu ta’ azzjoni urġenti, peress li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 14(2) għandhom jittieħdu “mill-iktar fis possibli” u bi “prijorità” (23).

62.      Il-Kummissjoni ssostni li ksur ta’ dan l-obbligu jirriżulta mis-sempliċi fatt li l-qbiż fl-unitajiet ta’ distribuzzjoni jdum bejn sitta u 36 sena.

1.      Ammissibbiltà tal-motiv fir-rigward tal-ħames unitajiet ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb li għalihom intemm il-qbiż tal-valur parametriku

63.      Għaldaqstant, ir-Repubblika Franċiża tqis li lanqas ma hemm ksur tal-Artikolu 14(2) tat-tielet Direttiva dwar l-ilma tax-xorb għat-tmien żoni ta’ provvista li għalihom, fil-fehma tagħha, ma kienx hemm qbiż tal-valur parametriku għan-nitrati fid-data rilevanti

64.      Madankollu, indipendentement mir-riżultat tal-eżami tal-ewwel motiv, dan l-argument għandu jiġi miċħud. Għaldaqstant, mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Franċiża ma kinitx għadha obbligata tieħu miżuri korrettivi oħra għall-ħames unitajiet ta’ distribuzzjoni li fihom kien intemm il-ksur. Madankollu, dan ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tikkonstata li r-Repubblika Franċiża ma ħaditx, fl-iqsar żmien possibbli u bi prijorità, il-miżuri neċessarji għal dan ir-riżultat.

65.      Il-każ tal-unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb ta’ Chevregny juri dan b’mod partikolari, peress li, skont l-argument tal-Kummissjoni, mhux ikkontestat mir-Repubblika Franċiża, il-qbiż dam mill-1997 sal-2022, jiġifieri 25 sena. Jidher ċar li dan il-ksur ma twaqqafx kemm jista’ jkun malajr u bi prijorità.

66.      Huwa minnu li, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikorsi ppreżentati mill-Kummissjoni kienu inammissibbli meta, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, l-effetti kollha tal-avviż ta’ kuntratt jew tal-kuntratti kontenzjużi kienu diġà ntemmu (24). F’dan ir-rigward, jistgħu jiġu kkunsidrati l-unitajiet ta’ distribuzzjoni li fihom il-ksur kien diġà ntemm fid-data rilevanti (25).

67.      Madankollu, nifhem din il-ġurisprudenza bħala deroga mill-prinċipju li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata turi interess ġuridiku speċifiku fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (26). Dan il-prinċipju ma jfissirx li ebda interess ġuridiku ma huwa neċessarju, iżda biss li dan l-interess huwa preżunt fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Madankollu, preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata b’mod eċċezzjonali, kif ġara fil-każijiet tal-kuntratti pubbliċi msemmija iktar ’il fuq.

68.      Madankollu, f’dan il-każ, għad hemm interess suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, fil-107 unità, ir-Repubblika Franċiża ma ħaditx il-miżuri korrettivi malajr kemm jista’ jkun u bi prijorità.

69.      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Franċiża tikkontesta l-ksur f’dak li jirrigwarda l-107 unità kollha ta’ distribuzzjoni. Għal din ir-raġuni biss, il-Kummissjoni għandha interess leġittimu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara dan in-nuqqas ta’ qbil anki fir-rigward tal-ħames unitajiet li fihom il-ksur kien diġà ntemm (27).

70.      Fit-tieni lok, f’dan il-każ, jeżisti interess li jiġi kkonstatat il-ksur ukoll minħabba li r-rikors jikkonċerna diversi kawżi simili li fihom tali ksur jippersisti. Dan juri li jeżisti ċertu riskju ta’ repetizzjoni li jista’ jkun il-bażi ta’ interess ġuridiku (28).

71.      Fit-tielet lok, tista’ tkun importanti kundanna tar-Repubblika Franċiża fir-rigward tal-ħames unitajiet ta’ distribuzzjoni f’din il-kawża jekk jirriżulta neċessarju, fil-futur, li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità u/jew somma f’daqqa skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 260(2) TFUE minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza. Din il-konstatazzjoni tikkostitwixxi indizju li l-prevenzjoni effettiva tar-rikorrenza fil-futur ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni huwa tali li jeħtieġ l‑adozzjoni ta’ miżura deterrenti (29), peress li tenfasizza l-importanza ta’ dan il-ksur.

72.      Minn dan isegwi, li t-tieni motiv huwa ammissibbli fir-rigward tal-107 unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb kollha elenkati fl-Anness A.8 tar-rikors.

2.      Fuq il-mertu tal-motiv

73.      Fuq il-mertu, ir-Repubblika Franċiża tqis li ma kien hemm l-ebda dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri korrettivi, peress li l-qbiż fi 52 unità ta’ distribuzzjoni dam inqas minn għaxar snin.

74.      Hawnhekk ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk ir-Repubblika Franċiża b’hekk tirrikonoxxix b’mod impliċitu l-ksur għall-unitajiet ta’ distribuzzjoni l-oħra, peress li dan l-argument jinjora l-konsegwenzi tal-qafas temporali u proċedurali li l-Artikolu 9 tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb jimponi b’mod partikolari għall-miżuri korrettivi.

75.      L-Artikolu 9(1) tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb ippermetta lill-Istati Membri jidderogaw sa tliet snin mill-valuri parametriċi stabbiliti fil-Parti B tal-Anness I, sakemm dawn id-derogi ma jkunux ta’ periklu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u d-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb ma tkunx tista’ tinżamm b’mod raġonevoli fiż-żona kkonċernata. Deroga oħra sa tliet snin kienet permessa skont din id-dispożizzjoni jekk l-Istat Membru jkun innotifika lill-Kummissjoni b’dan. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(2), Stat Membru seta’, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jissottometti t-tielet talba għal deroga għal perijodu massimu ta’ tliet snin lill-Kummissjoni, li kellha tieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward. L-Artikolu 9(3) kien jipprovdi li l-Istat Membru kellu jipprovdi ċerta informazzjoni meta jagħti deroga. Min-naħa l-oħra, għad-derogi ta’ inqas minn 30 jum, l-Artikolu 9(4) kien jipprevedi awtorizzazzjoni ssemplifikata.

76.      Dawn ir-regoli kienu, bħala prinċipju, applikabbli f’dan il-każ, peress li t-terminu għat-traspożizzjoni tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb kien skada biss fit‑12 ta’ Jannar 2023, jiġifieri ftit qabel l-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Frar 2023, u peress li d-derogi awtorizzati f’din id-data skont l-Artikolu 26(2) ta’ din id-direttiva bbażati fuq it-tieni Direttiva kienu għadhom validi.

77.      Fl-ewwel lok, il-perijodi ta’ konċessjoni setgħu jiġu applikati biss jekk ir-Repubblika Franċiża kienet użathom ukoll. Madankollu, ir-Repubblika Franċiża ma tinvoka ebda differenza f’dawn il-proċeduri. Madankollu, mingħajr l-applikazzjoni tad-deroga, huwa eskluż, f’każ ta’ dewmien fuq diversi snin, li jiġi aċċettat li l-miżuri ta’ rimedju jkunu ġew implimentati malajr kemm jista’ jkun u bi prijorità, mingħajr indikazzjoni tal-miżuri diġà implimentati.

78.      Fit-tieni lok, id-derogi juru li, fil-fehma tal-leġiżlatur, il-kawżi ta’ qbiż għandhom, bħala regola ġenerali, jiġu rimedjati f’terminu ta’ tliet snin. L-għoti tat-tieni terminu ta’ tliet snin kien jippreżupponi li l-Kummissjoni tiġi informata u b’hekk jippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għal deroga kinux issodisfatti. L-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet setgħet tiġi żgurata mill-Kummissjoni permezz ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. L-għoti ta’ perijodu ta’ tliet snin oħra kien suġġett għal ċirkustanzi eċċezzjonali li kienu jeħtieġu r-rikonoxximent bħala tali mill-Kummissjoni.

79.      Fit-tielet lok, huwa dubjuż jekk il-kundizzjonijiet tas-sistema ta’ deroga jistgħux jiġu ssodisfatti fil-każ li jinqabeż il-valur parametriku għan-nitrati. Fil-fatt, ir-Repubblika Franċiża tirrikonoxxi li l-qbiż tal-valur parametriku tan-nitrati jhedded is-saħħa tat-trabi ta’ inqas minn sitt xhur u tan-nisa tqal. Konsegwentement, dan il-qbiż kien jikkostitwixxi periklu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem. Dan jista’ jfisser li tali qabżiet għandhom jiġu kkoreġuti fi żmien ferm iqsar mit-tliet snin ta’ deroga awtorizzata.

80.      Konsegwentement, l-argument tar-Repubblika Franċiża dwar is-setgħa ta’ evalwazzjoni, li jirriżulta mill-fatt li, skont l-Artikolu 14(2) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, jittieħdu inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, l-importanza tal-qbiż tal-valuri parametriċi korrispondenti u r-riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta minnu, meta l-miżuri korrettivi jingħataw prijorità, huwa wkoll ineffettiv. Fil-fatt, din is-setgħa ta’ evalwazzjoni ma tistax itawwal b’mod kunsiderevoli t-terminu biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni u biex tkun tista’ ssir evażjoni tad-derogi previsti fl-Artikolu 9 tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.

81.      B’mod komplementari, għandu jiġi osservat li, f’ħafna każijiet, it-tul ta’ żmien tal-qbiż ma jippermettix li jiġi konkluż li tittieħed inkunsiderazzjoni l-portata tagħhom jew il-kapaċità kontributtiva tal-unitajiet ta’ distribuzzjoni kkonċernati. Huwa minnu li dawn huma spiss unitajiet żgħar ħafna b’xi mijiet, jew saħansitra inqas mijiet ta’ konsumaturi. Għal entitajiet żgħar bħal dawn, l-eliminazzjoni tal-qbiż tista’ tirrappreżenta piż ekonomiku konsiderevoli, b’mod partikolari meta l-ispejjeż jolqtu dawk il-ftit konsumaturi. Madankollu, huwa preċiżament f’ħafna entitajiet ikbar, fejn huma kkonċernati eluf, jew saħansitra diversi eluf ta’ persuni, li l-qbiż diġà dam ħafna żmien. B’hekk, fl-ikbar unità Berck-sur-Mer (062000460), Departement Pas-de-Calais, Region Hauts de France, b’20 611 konsumatur, il-valur parametriku nqabeż għal 26 sena. U fl-Anness A.8 tar-rikors, jistgħu jinstabu tmien unitajiet oħra b’iktar minn elf konsumatur, li għalihom il-qbiż dam iktar minn għoxrin sena (30). Ma hemm l-ebda prijoritizzazzjoni jew ibbilanċjar ġenerali tal-interessi.

82.      Konsegwentement, ir-Repubblika Franċiża kisret l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(2) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb billi ma ħaditx, fl-iqsar żmien possibbli, miżuri korrettivi fir-rigward tal-107 unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb elenkati fl-Anness A.8 tar-rikors sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem u billi ma żguratx li l-implimentazzjoni tiegħu tingħata prijorità, fid-dawl, fost l-oħrajn, tad-daqs tal-qbiż tal-valuri parametriċi korrispondenti u tar-riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta minn dan.

D.      Miżuri korrettivi oħra meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem (it-tielet motiv)

83.      Permezz tat-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Franċiża li ma llimitatx l-użu tal-ilma intiż għall-konsum mill-bniedem li qabeż fit-tul il-valur parametriku tan-nitrati, li ma ħaditx miżuri korrettivi oħra neċessarji għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u li ma informatx biżżejjed lill-konsumaturi.

84.      B’differenza miż-żewġ motivi l-oħra, dan il-motiv ma jirreferix b’mod espliċitu għal dawk il-107 unità ta’ distribuzzjoni ta’ ilma tax-xorb li huma suġġett ta’ din il-kawża. Madankollu, mill-motivazzjoni tal-motiv jirriżulta li l-Kummissjoni tirreferi għal dawk l-unitajiet kollha.

85.      Għal dak li jikkonċerna wkoll dan il-motiv, ir-Repubblika Franċiża tqis li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma għadux jeżisti għall-unitajiet li fir-rigward tagħhom ma jista’ jiġi kkonstatat ebda qbiż fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq (31).

86.      Qabel kollox, għandu jiġi ddeterminat sa fejn l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni insostenn ta’ dan il-motiv huma ammissibbli u, sussegwentement, għandu jiġi eżaminat il-mertu tiegħu.

1.      Ammissibbiltà

87.      Id-dubji dwar l-ammissibbiltà jirriżultaw mid-differenzi bejn it-tieni u t-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, peress li l-Kummissjoni reġgħet invokat it-tieni Direttiva meta fetħet il-proċedura prekontenzjuża fl-ittra ta’ intimazzjoni tat‑30 ta’ Ottubru 2020, filwaqt li ċċitat it-tielet Direttiva sa mill-opinjoni motivata u, b’mod partikolari, fir-rikors.

88.      Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija mill-Kummissjoni abbażi tal-verżjoni inizjali ta’ att tal-Unjoni sussegwentement emendat jew imħassar, li tkompli billi tibbaża ruħha fuq l-att il-ġdid tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’, kif rajna (32), tibbaża ruħha biss fuq id-dispożizzjonijiet miżmuma fis-seħħ minn dan l-att il-ġdid.

89.      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-argument tal-Kummissjoni, huwa importanti li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(3), (ara l-punt (a)) u l-Artikolu 14(4) (ara l-punt (ċ)) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb ma kinux inklużi fit-tieni Direttiva. Barra minn hekk, għandha tiġi eżaminata emenda sottili għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(3) (ara l-punt (b)).

(a)    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb

90.      Il-Kummissjoni tibbaża espressament it-tielet motiv tagħha fuq iż-żewġ subparagrafi tal-Artikolu 14(3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb. Skont is-subparagrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, irrispettivament minn jekk ikunux ġew issodisfatti l-valuri parametriċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe provvista ta’ ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem li tista’ tkun ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem tkun ipprojbita jew li l-użu ta’ tali ilma jkun ristrett u li tittieħed kwalunkwe azzjoni oħra ta’ rimedju meħtieġa għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. It-tieni subparagrafu jipprovdi li l-Istati Membri għandhom iqisu nuqqas li jkunu ssodisfati r-rekwiżiti minimi tal-valuri parametriċi stabbiliti fil-partijiet A u B tal-Anness I bħala periklu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, ħlief meta l-awtorità kompetenti tqis li n-nuqqas ta’ konformità mal-valur parametriku jkun trivjali.

91.      Madankollu, huwa biss l-ewwel subparagrafu (b’mod ġenerali (33)) bħala l-Artikolu 8(3) li kien jinsab fit-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqu fl-ittra ta’ intimazzjoni meta fetħet il-proċedura prekontenzjuża.

92.      Il-preżunzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, li jgħid li n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti minimi dwar il-valuri parametriċi għandu jitqies bħala periklu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, ma huwiex inkluż fid-dispożizzjoni korrispondenti tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb. Għall-kuntrarju, il-premessa 27 tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb kienet tipprovdi li fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ parametru li għandu funzjoni ta’ indikatur, l-Istat Membru kkonċernat għandu jivverifika jekk il-qbiż tal-valuri huwiex ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem.

93.      Minn dan isegwi li, f’din il-proċedura, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li l-qbiż tal-valur parametriku għan-nitrati joħloq riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem. L-argument invokat f’dan ir-rigward huwa inammissibbli.

94.      Min-naħa l-oħra, fil-prinċipju xejn ma jżomm lir-Repubblika Franċiża milli tinvoka l-fatt li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, periklu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem jista’ jiġi eskluż, ħlief meta l-awtorità kompetenti tqis li n-nuqqas ta’ konformità mal-valur parametriku jkun trivjali. Fil-fatt, ir-Repubblika Franċiża ma tistax tiġi mċaħħda minn dan il-mezz ta’ difiża li nħoloq fil-frattemp għas-sempliċi raġuni li l-Kummissjoni bagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni kmieni wisq. Madankollu, is-setgħa ta’ evalwazzjoni b’hekk mogħtija ma għandhiex tmur lil hinn mis-setgħa tal-verifika inizjalment prevista skont il-premessa 27 tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.

(b)    Għażliet ta’ azzjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb

95.      Jekk jitqies b’mod superfiċjali li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb kien diġà inkluż bħala l-Artikolu 8(3) fit-tieni Direttiva, l-applikazzjoni tiegħu f’dan il-każ tqajjem ukoll problema ta’ ammissibbiltà. Fil-fatt, iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkoinċidu fil-parti l-kbira tagħhom biss fil-verżjoni Ġermaniża u dik Griega, filwaqt li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb ġew emendati b’mod sottili meta mqabbla mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tat-tieni Direttiva. Il-Kummissjoni tinvoka, tal-inqas impliċitament, din il-verżjoni emendata.

96.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tat-tieni Direttiva kienet tipprevedi tliet għażliet ta’ azzjoni fil-każ ta’ riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, jiġifieri, l-ewwel nett, il-projbizzjoni tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ilma, it-tieni nett, il-limitazzjoni tal-użu u, it-tielet nett, miżuri oħra neċessarji għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. It-tliet għażliet kollha kienu, bħal fil-verżjoni Ġermaniża u dik Griega tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(3), tat-tielet Direttiva marbuta bil-kelma “jew”. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti setgħu jagħżlu waħda mit-tliet għażliet.

97.      Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, min-naħa l-oħra, jipprovdu (jew) il-projbizzjoni tat-tqegħid għad-dispożizzjoni jew il-limitazzjoni tal-użu u jipprevedi (b’mod addizzjonali) l-adozzjoni tal-miżuri l-oħra kollha neċessarji. Konsegwentement, is-setgħa diskrezzjonali tiġi limitata minn tliet għal żewġ għażliet, jiġifieri l-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni, u jista’ jkun meħtieġ li jittieħdu miżuri oħra.

98.      Din il-bidla minn “jew” għal “u” diġà hija inkluża fil-proposta tal-Kummissjoni, li ssemmiet ukoll iżda ma ġietx spjegata (34). Madankollu, it-traduzzjonijiet Ġermaniżi u Griegi tal-proposta ma inkludewx din l-emenda.

99.      Għaldaqstant, indipendentement minn dawn id-differenzi fil-verżjonijiet lingwistiċi, l-Artikolu 14(5) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, b’mod partikolari, jimmilita favur ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jkompli jippermetti lill-Istati Membri jagħżlu bejn it-tliet għażliet ta’ azzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, din il-kwistjoni tista’ tibqa’ pendenti f’din il-kawża, peress li, fuq dan il-punt ukoll, il-Kummissjoni tista’ tibbaża l-ilmenti tagħha fuq il-leġiżlazzjoni l-ġdida biss sa fejn hija żżomm fis-seħħ il-leġiżlazzjoni l-qadima.

100. Konsegwentement, f’din il-kawża, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, fil-każ ta’ riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, ir-Repubblika Franċiża kellha tagħżel bejn il-projbizzjoni tat-tqegħid għad-dispożizzjoni u r-restrizzjoni tal-użu huwa inammissibbli. Għall-kuntrarju, ir-Repubblika Franċiża tista’ tibbaża ruħha fuq il-fatt li t-tliet għażliet kienu, bħala prinċipju, miftuħa għall-awtoritajiet kompetenti.

(c)    L-Artikolu 14(4) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb

101. Wieħed jista’ jiddubita wkoll mill-ammissibbiltà tal-argument tal-Kummissjoni dwar l-ispjegazzjoni tal-obbligi ta’ informazzjoni f’każ li jinqabeż il-valur parametriku għan-nitrati mill-Artikolu 14(4) tat-tielet Direttiva dwar l-ilma tax-xorb, li jirregola dawn l-obbligi b’mod relattivament iddettaljat. Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(3) tat-tieni Direttiva dwar l‑Ilma tax‑Xorb kienet tipprovdi biss li l-konsumaturi, fil-każijiet imsemmija llum fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, għandhom jingħataw informazzjoni u pariri mingħajr dewmien f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(7) kien jipprevedi li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju, sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jqisux in-nuqqas ta’ konformità mal-valuri parametriċi bħala negliġibbli.

102. L-Artikolu 14(4) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb iżomm l-obbligu, previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(3) u (7) tat-tieni Direttiva, li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni u pariri rilevanti f’każ li jinqabżu l-valuri parametriċi li jwasslu għal riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u li jiġu informati dwar kull azzjoni korrettiva.

103. Madankollu, l-Istati Membri għandhom, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(3) tat-tieni Direttiva, setgħa ta’ evalwazzjoni ikbar biex jiddeterminaw il-portata ta’ din l-informazzjoni u ta’ dawn il-pariri milli skont l-Artikolu 14(4) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb. Din is-setgħa ta’ evalwazzjoni ikbar għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ biex jiġi evalwat jekk ir-Repubblika Franċiża osservatx l-obbligi ta’ informazzjoni tagħha.

104. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax teżiġi li r-Repubblika Franċiża tipprovdi informazzjoni jew pariri iktar estensivi minn dawk meħtieġa mill-Artikolu 14(4) tat-tielet Direttiva, anki jekk, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ, informazzjoni jew pariri addizzjonali kienu jidhru neċessarji skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(3) tat-tieni Direttiva. Fil-fatt, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, ir-Repubblika Franċiża kienet għadha suġġetta biss għar-rekwiżiti tal-Artikolu 14(4) (35).

(d)    Konklużjoni intermedja

105. Minn dan isegwi li l-argument tal-Kummissjoni dwar it-tielet motiv huwa inammissibbli sa fejn jinvoka l-emendi magħmula fil-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 14 tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb meta mqabbla mal-Artikolu 8(3) tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb. Dan japplika għall-preżunzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tat-tielet Direttiva, li jgħid li qbiż tal-valur parametriku għan-nitrati jikkostitwixxi periklu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, għall-emenda tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(3), fir-rigward tal-għażliet ta’ azzjoni differenti u għall-konkretizzazzjoni tal-obbligi ta’ informazzjoni fl-Artikolu 14(4).

2.      Fuq il-mertu – L-osservazzjoni tas-subparagrafu 1 tal-Artikolu 14(3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb

106. Għalhekk, sabiex jiġi pprovat il-mertu tat-tielet motiv, jiġifieri ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, fuq kollox, il-Kummissjoni għandha turi li l-qbiż tal-valur parametriku għan-nitrati jikkostitwixxi periklu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem. Huwa biss fuq din il-bażi li jista’ jiġi evalwat jekk ir-Repubblika Franċiża ħaditx il-miżuri meħtieġa biex tirrimedja s-sitwazzjoni.

(a)    Riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem

107. Għalkemm il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-preżunzjoni ta’ riskju potenzjali skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, din il-kwistjoni ma tqajjimx problemi f’din il-kawża.

108. Fil-fatt, ir-Repubblika Franċiża tirrikonoxxi li qbiż tal-valur parametriku tan-nitrati joħloq periklu għas-saħħa tan-nisa tqal u tat-trabi ta’ inqas minn sitt xhur. Dan huwa periklu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem.

109. Madankollu, il-partijiet ma jaqblux dwar l-eżistenza ta’ riskji potenzjali oħra għas-saħħa tal-bniedem. Il-Kummissjoni tinvoka f’dan ir-rigward il-prinċipju ta’ prekawzjoni, iżda, mingħajr ebda konkretizzazzjoni oħra, dan il-prinċipju għadu ma jippermettix li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ riskji eventwali.

110. Il-Kummissjoni tipprovdi tali kjarifika fir-rigward tar-riskju tal-kanċer. Dan ir-riskju jissemma mill-WHO f’dokument invokat miż-żewġ partijiet (36). Bl-istess mod, l-Aġenzija Franċiża Anses (37) tikkonkludi, f’rapport ippreżentat mir-Repubblika Franċiża, li teżisti rabta pożittiva bejn it-tniġġis min-nitrati tal-ilma tax-xorb u r-riskju tal-kanċer tal-kolon, kif ukoll is-suspett ta’ rabta mal-kanċer tal-ovarji u tal-kliewi (38). Għaldaqstant, ir-rifjut tar-Repubblika Franċiża tar-riskji tal-kanċer bħala riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem huwa kontradittorju u għalhekk għandu jiġi miċħud. Għall-kuntrarju, dawn ir-riskji ta’ kanċer joħolqu riskju potenzjali addizzjonali għas-saħħa tal-bniedem.

(b)    Miżuri korrettivi

111. Għalhekk, tqum il-mistoqsija dwar jekk ir-Repubblika Franċiża ħaditx il-miżuri korrettivi previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb minħabba r-riskji potenzjali għas-saħħa tan-nisa tqal u tat-trabi u r-riskji tal-kanċer.

112. Kif diġà indikajt, ir-Repubblika Franċiża ma tistax, bħala prinċipju, tiġi kkritikata, f’din il-kawża, li l-awtoritajiet kompetenti għamlu għażla bejn it-tliet tipi ta’ miżuri korrettivi previsti fl-Artikolu 8(3) tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb. L-ewwel nett, dawn huma l-projbizzjoni tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ilma intiż għall-konsum mill-bniedem, it-tieni nett, ir-restrizzjoni tal-użu ta’ dan l-ilma u, it-tielet nett, miżuri oħra neċessarji.

113. Skont il-Kummissjoni, minħabba r-riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, l-unitajiet kollha ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb ikkonċernati mill-qbiż kellhom ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet, jew saħansitra, għal projbizzjonijiet.

114. Madankollu, jidher li huwa eskluż li, f’dawn il-kawżi, it-tniġġis ikkawżat min-nitrati mill-ilma tal-vit jista’ jiġġustifika projbizzjoni fuq il-provvista ta’ ilma tal-vit. Kif issostni ġustament ir-Repubblika Franċiża, il-provvista ta’ ilma hija neċessarja għaliex, minkejja t-tniġġis min-nitrati, il-provvista tal-ilma hija kemm neċessarja u x’aktarx sigura għal finijiet oħra minbarra l-ikel, pereżempju għall-iġjene personali, għal finijiet ta’ tindif jew għat-tisqija ta’ ġonna.

115. Madankollu, wieħed jista’ jimmaġina limitazzjoni fuq l-użu tal-ilma ta’ distribuzzjoni għal finijiet nutrittivi. L-effettività ta’ tali restrizzjoni tista’ tiġi ddubitata, peress li huwa prattikament inkonċepibbli li din tiġi applikata fid-djar privati. Madankollu, il-kontroll fir-ristoranti u fil-kantins ma jidhirx li huwa eskluż. Barra minn hekk, tali ordni amministrattiva turi iktar l-importanza tar-riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem milli sempliċi indikazzjonijiet f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-limitazzjoni tal-użu għandha tiġi kkunsidrata, tal-inqas bħala għażla.

116. L-alternattiva prinċipali għal restrizzjoni ta’ użu hija li sempliċement jiġu informati l-konsumaturi. Huwa minnu li informazzjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 14(4) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, iżda ċerti indikazzjonijiet jidhru indispensabbli u għandhom jiġu kkomunikati wkoll flimkien ma’ restrizzjoni fuq l-użu.

117. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-qbiż tal-valur parametriku bħala tali u tar-riskji potenzjali li jirriżultaw għas-saħħa tal-bniedem. Informazzjoni dwar dawn iż-żewġ kwistjonijiet hija indispensabbli biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jirreaġixxu b’mod adegwat.

118. Barra minn hekk, l-Istati Membri kienu diġà obbligati, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(3) tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, li jipprovdu “pariri”. Għaldaqstant, huma kellhom, tal-inqas, jindirizzaw lill-konsumaturi rakkomandazzjonijiet dwar kif għandu jiġi ttrattat l-ilma tal-vit imniġġes fid-dawl tar-riskji eventwali.

119. L-Artikolu 8(7) tat-tieni Direttiva kien jeżiġi wkoll li l-konsumaturi jiġu informati dwar il-miżuri korrettivi, sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jqisux li n-nuqqas ta’ osservanza tal-valuri parametriċi ma huwiex trivjali. Peress li r-Repubblika Franċiża tirrikonoxxi tal-inqas li l-qbiż tal-valur parametriku tan-nitrati joħloq riskju potenzjali għas-saħħa tan-nisa tqal u tat-trabi, ikun kontradittorju li l-awtoritajiet kompetenti jkunu qiesu dan il-qbiż bħala trivjali. Għalhekk, kellha tiġi pprovduta wkoll informazzjoni dwar il-miżuri korrettivi.

120. Miżura addizzjonali, tal-inqas li għandha tiġi kkunsidrata, tkun provvista alternattiva ta’ ilma nadif. F’dan ir-rigward, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ilma fil-flixkun jidher li huwa qabel kollox fattibbli fil-prattika. Filwaqt li huwa minnu li tali tqegħid għad-dispożizzjoni jkun utli għall-persuni kkonċernati u jista’ jikkontribwixxi għall-konformità tagħhom f’każ ta’ restrizzjoni fuq l-użu, il-konsumaturi għandhom normalment ikunu jistgħu jixtru b’mod regolari l-ilma fil-flixkun, anki għal finijiet nutrittivi. Fl-istess ħin, hemm lok li wieħed jibża’ li l-piż ta’ tali dispożizzjoni jista’ jkun sproporzjonat meta mqabbel mal-benefiċċji, preċiżament f’unitajiet ta’ distribuzzjoni żgħar. Konsegwentement, provvista alternattiva ta’ ilma nadif f’każ li jinqabeż il-valur parametriku għan-nitrati ma tidhirx, bħala prinċipju, obbligatorja fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. F’każ partikolari, jista’ jkun mod ieħor, pereżempju minħabba ħtiġijiet ekonomiċi speċjali jew mobbiltà mnaqqsa, iżda dan għandu jintwera kif xieraq biex jinħoloq obbligu.

121. Skont l-Artikolu 14(5) (l-Artikolu 8(4) tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb), huma l-awtoritajiet kompetenti jew korpi kompetenti oħra li jiddeċiedu liema miżuri għandhom jittieħdu. Għaldaqstant, huma kellhom jagħżlu bejn restrizzjoni tal-użu tal-ilma mniġġes u sempliċi informazzjoni lill-konsumaturi. Meta jagħmlu dan, huma kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw minn restrizzjoni tal-użu tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.

122. Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha tidentifika r-raġunijiet għalfejn l-awtoritajiet kompetenti jew korpi kompetenti oħra rrinunzjaw milli jimponu restrizzjonijiet jew jipprovdu ċerta informazzjoni, u kellha tispjega għalfejn din l-evalwazzjoni ma hijiex korretta.

123. Il-Kummissjoni tirreferi għall-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Franċiża li tagħti dettalji, fit-tabelli annessi mat-tweġiba għall-ittra ta’ intimazzjoni (39), tal-miżuri meħuda għal kull unità ta’ distribuzzjoni ta’ ilma tax-xorb. Hija ssostni, b’mod ġenerali, li l-informazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni r-riskji potenzjali ta’ qbiż tal-valur parametriku tan-nitrati. Fil-fatt, l-informazzjoni intiża għall-popolazzjoni għandha tinkludi spjegazzjonijiet dwar l-effetti potenzjali ta’ dan il-qbiż fuq is-saħħa tal-bniedem.

124. Madankollu, mit-tabelli annessi mar-risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni jirriżulta li, fi kważi l-unitajiet kollha ta’ distribuzzjoni ta’ ilma tax-xorb ikkonċernati, l-użu tal-ilma għal finijiet nutrittivi tan-nisa tqal u tat-trabi ġie pprojbit jew, tal-inqas, mhux irrakkomandat lil dawn il-gruppi.

125. Skont dawn it-tabelli, dawn il-gruppi ġew avżati biss fi tliet unitajiet, imsemmija wkoll fl-Anness A.8 tar-rikors. Dawn huma Cohons (052001829), Charmes (052001856) u Fays (052000917 (5200106 fl-Anness A.8 tar-rikors)) li jinsabu kollha fid-Dipartiment ta’ Haute-Marne fir-Reġjun ta’ Grand Est.

126. Il-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjonijiet u l-informazzjoni dwar ir-riskju għan-nisa tqal u għat-trabi kinux suffiċjenti f’każijiet oħra tkun teħtieġ valutazzjoni każ b’każ, li l-Kummissjoni ma wettqitx.

127. Min-naħa l-oħra, ma teżisti l-ebda informazzjoni li tgħid li l-awtoritajiet Franċiżi saħansitra semmew ir-riskji tal-kanċer għall-konsumaturi, u lanqas ma eżaminaw dawn ir-riskji. Ir-Repubblika Franċiża lanqas ma kkummentat speċifikament fuq dan il-punt f’din il-kawża. Konsegwentement, għandu jitqies li l-awtoritajiet responsabbli ma ħadux il-miżuri neċessarji fir-rigward ta’ dan ir-riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem.

128. Għaldaqstant, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt is-subparagrafu 1 tal-Artikolu 14(3) tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, sa fejn hija ma ħarġitx it-twissijiet u l-pariri neċessarji fid-dawl tar-riskju potenzjali għas-saħħa tan-nisa tqal u tat-trabi fl-unitajiet ta’ distribuzzjoni ta’ Cohons, ta’ Charmes u ta’ Fays kif ukoll tar-riskju ta’ kanċer għall-konsumaturi kollha fl-unitajiet ta’ distribuzzjoni kollha elenkati fl-Anness A.8 tar-rikors.

129. Il-kumplament ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

V.      Fuq l-ispejjeż

130. Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, jekk, bħal f’dan il-każ, it-tnejn li huma jitilfu u jirbħu parzjalment.

VI.    Konklużjoni

131. Fid-dawl ta’ dak espost iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1      Ir-Repubblika Franċiża:

a)      naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u taħt il-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2020/2184 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti minimi relatati mal-valur parametriku ta’ 50 mg/l għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem fil‑107 unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb elenkati fl-Anness A.8 tar-rikors tal-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ta’ Chevregny, Arconcey, Charencey, Saint-Seine-l’Abbaye u Charmes.

b)      naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2020/2184, sa fejn hija ma ħaditx miżuri korrettivi malajr kemm jista’ jkun sabiex tirrestawra l-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, u ma tatx prijorità lill-infurzar tagħhom fil‑107 unità ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb elenkati fl-Anness A.8 tar-rikors, b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-punt sa fejn il-valur parametriku rilevanti nqabeż u tal-periklu potenzjali li huwa marbut miegħu għas-saħħa tal-bniedem, u

c)      naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt is-subparagrafu 1 tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2020/2184, sa fejn hija ma ħarġitx it-twissijiet u l-pariri neċessarji fid-dawl tar-riskju potenzjali għas-saħħa tan-nisa tqal u tat-trabi fl-unitajiet ta’ distribuzzjoni ta’ Cohons, Charmes u Fays kif ukoll tar-riskju ta’ kanċer tal-konsumaturi kollha fl-unitajiet ta’ distribuzzjoni kollha elenkati fl-Anness A.8 tar-rikors.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom stess.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU 2020, L 435, p. 1, rettifika fil-ĠU L, 2025/90313).


3      Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1980 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU 1980, L 229, p. 11).


4      WHO, History of Guideline Development, Nitrate and nitrite.


5      WHO, Nitrate and Nitrite in Drinking-water, 2016 (WHO/FWC/WSH/16.52, p. 1).


6      WHO, Nitrate and nitrite in Drinking-water, 2016 (WHO/FWC/WSH/16.52, p. 11 et seq.).


7      Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat‑3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 90).


8      L-Artikolu 4(1)(b), l-Artikolu 5(1) u r-ringiela 20 tal-Parti C tal-Anness I tal-ewwel Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, l-Artikolu 4(1)(b), l-Artikolu 5(1) u l-Parti B tal-Anness I tat-tieni Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, kif ukoll l-Artikolu 4(1)(b), l-Artikolu 5(1) u l-Parti B tal-Anness I tat-tielet Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb.


9      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C-52/08, EU:C:2010:337, punt 39).


10      Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C-365/97, EU:C:1999:544, punti 35 u 36).


11      Sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑365/97, EU:C:1999:544, punt 36), u tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑52/08, EU:C:2010:337, punt 42).


12      Sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑416/07, EU:C:2009:528, punt 28), tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C-52/08, EU:C:2011:337, punt 42), u tal‑14 ta’ Mejju 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (VAT – Sistema applikabbli għall-kuntratti tal-futuri) (C‑276/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:368, punt 39).


13      Ara, fir-rigward tad-Direttivi dwar l-Ilma tax-Xorb li kienu fis-seħħ preċedentement, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑316/00, EU:C:2002:657, punt 37), u tal‑25 ta’ Jannar 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Trihalomethanes fl-ilma tax-xorb) (C‑481/22, EU:C:2024:85, punt 65).


14      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valuri parametriċi ta’ arseniku u ta’ fluworidu) (C‑197/22, EU:C:2023:642, punt 51), u tal‑25 ta’ Jannar 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Trihalomethanes fl-ilma tax-xorb) (C‑481/22, EU:C:2024:85, punt 43).


15      Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valuri parametriċi ta’ arseniku u ta’ fluworidu) (C‑197/22, EU:C:2023:642, punt 65).


16      Sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja (Protezzjoni tas-serduq selvaġġ) (C‑661/20, EU:C:2022:496, punti 94 sa 97), tas‑7 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (Valuri parametriċi ta’ arseniku u ta’ fluworidu) (C‑197/22, EU:C:2023:642, punt 55), u tal‑25 ta’ Jannar 2024, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Trihalomethanes fl-ilma tax-xorb) (C‑481/22, EU:C:2024:85, punt 81).


17      Sentenzi tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 37), u tal‑5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 42).


18      Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 128).


19      Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, EU:C:2007:383, punt 31), u tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Conseil des ministres (C‑543/14, EU:C:2016:605, punt 40).


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et (C‑89/08P, EU:C:2009:742, punt 53), tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 89), u tal‑10 ta’ Settembru 2020, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni (C‑498/19 P, EU:C:2020:686, punt 75).


21      Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Conseil des ministres (C‑543/14, EU:C:2016:605, punt 40), tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 96), u tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 128).


22      Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valuri parametriċi ta’ arseniku u ta’ fluworidu) (C‑197/22, EU:C:2023:642, punt 95).


23      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valuri parametriċi ta’ arseniku u ta’ fluworidu) (C‑197/22, EU:C:2023:642, punt 96), u tal‑25 ta’ Jannar 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Trihalomethanes fl-ilma tax-xorb) (C‑481/22, EU:C:2024:85, punt 108).


24      Sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1992, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑362/90, EU:C:1992:158, punti 11 u 13), u tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑237/05, EU:C:2007:592, punt 29).


25      Ara l-punt 58 iktar ’il fuq.


26      Sentenzi tal‑4 ta’ April 1974, Il‑Kummissjoni vs Franza (167/73, EU:C:1974:35, punt 15), tal‑10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑20/01 u C‑28/01, EU:C:2003:220, punt 29), u tat‑18 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Rimbors tal-VAT – Fatturi) (C‑371/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:936, punt 45).


27      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 1987, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (199/85, EU:C:1987:115, punti 8 u 9).


28      Sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni (92/78, EU:C:1979:53, punt 32), tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 50), u tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bank Mellat vs Il‑Kunsill (C‑430/16 P, EU:C:2018:668, punt 64).


29      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, EU:C:2008:695, punt 69), tas‑17 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 89), u tas‑27 ta’ Marzu 2025, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Trattament tal-ilma urban mormi) (C‑515/23, EU:C:2025:209, punt 93).


30      Verton (062000461), Pas-de-Calais, Hauts-de-France: 1 947 konsumatur, 26 sena, Wavignies (060001115), Oise, Hauts-de-France: 1 200 konsumatur, 25 sena, CCSSOM Secteur Villiers Conflans (051001447), Marne, Grand Est: 1,861 konsumatur, 36 sena, Pars-lès-Romilly-Gélannes Reseau (010000235), Aube, Grand Est: 3 122 konsumatur, 15-il sena, Marigny-Saint-Flavy Reseau (010000239), Aube, Grand Est: 4 032 konsumatur, 25 sena, Villiers-Saint-Georges (077001446), Seine-et-Marne, Île-de-France: 1 214 konsumatur, 28 sena, Méréville (091000168), Essonne, Île-de-France : 3 271 konsumatur, 21 sena, Argent-sur-Sauldre (018000133), Cher, Centre-Val de Loire: 2 285 konsumatur, 25 sena, u Dammarie (028000808), Eure-et-Loir, Centre-Val de Loire: 1 551 konsumatur, 24 sena.


31      Ara l-punti 63 sa 70 iktar ’il fuq.


32      Ara l-punt 20 iktar ’il fuq.


33      Ara, dwar dan, il-punti 95 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Artikolu 12 tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (riformulazzjoni), COM(2017) 753 final.


35      Ara l-punt 94 iktar ’il fuq.


36      Ara l-punt 3 iktar ’il fuq.


37      Agence nationale de sécurité sanitaire de l’alimentation, de l’environnement et du travail (L-Aġenzija Nazzjonali għas-Sigurtà tas-Saħħa tal-Ikel, tal-Ambjent u tax-Xogħol, Franza).


38      Évaluation des risques liés à la consommation de nitrates et nitrites (Lulju 2022), p. 194.


39      L-Anness A.2 tar-rikors jinkludi diversi annessi għar-risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni. It-tieni Anness, p. 138 sa 152, jippreċiża l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet tas-saħħa, it-tielet Anness, p. 153 sa 169, isemmi informazzjoni u pariri.