|
14.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 268/31 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1947
tat-13 ta’ Ottubru 2022
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550 billi taġġorna l-programm pluriennali ta’ kontrolli għall-perjodu 2021-2025 u tistabbilixxi l-programm ta’ kontrolli għall-2023
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 118(1)(b) u l-Artikolu 118(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-responsabbiltà għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari tinsab f’idejn l-Istati Membri, u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jimmonitorjaw u jivverifikaw, permezz tal-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali, li r-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni jiġu rrispettati u infurzati b’mod effettiv. B’mod parallel ma’ dan il-monitoraġġ u din il-verifika, l-Artikolu 116 tar-Regolament (UE) 2017/625 jirrikjedi li l-esperti tal-Kummissjoni jwettqu kontrolli fl-Istati Membri, inklużi awditi, biex jivverifikaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dawn il-kontrolli tal-Kummissjoni jenħtieġ li jitwettqu fl-oqsma tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, tas-saħħa tal-pjanti, tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u tal-funzjonament tas-sistemi ta’ kontroll nazzjonali u tal-awtoritajiet kompetenti, li jħaddmuhom, filwaqt li jitqiesu s-sinerġiji mal-arranġamenti ta’ kontroll skont il-politika agrikola komuni. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1550 (2) stabbiliet programm pluriennali ta’ kontrolli li għandhom jitwettqu mill-esperti tal-Kummissjoni fl-Istati Membri biex jivverifikaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari għall-perjodu 2021–2025, allinjat mal-mandat tal-Kummissjoni u li jirrifletti l-prijoritajiet tagħha. Matul l-implimentazzjoni ta’ dak il-programm pluriennali ta’ kontrolli, irriżulta li ma kienx flessibbli biżżejjed biex jippermetti lill-esperti tal-Kummissjoni jinvestigaw u jiġbru l-nformazzjoni b’rabta ma’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, problemi emerġenti, u żviluppi ġodda fl-oqsma rregolati mir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 u dawk previsti f’dak ir-Regolament. Jenħtieġ li jiżdied qasam ta’ prijorità ġdid li jkopri tali eventwalitajiet fil-Kapitolu 10 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550, kif previst fl-Artikolu 116(1), il-punt (c)(iii), tar-Regolament (UE) 2017/625. |
|
(3) |
L-istabbiliment ta’ skeda ta’ żmien stretta għall-kontrolli fl-oqsma ta’ prijorità għal kull waħda mill-ħames snin tal-programm pluriennali ta’ kontrolli mhuwiex konsistenti mal-livell ta’ flessibbiltà meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-objettivi ta’ verifika tal-funzjonament tas-sistemi ta’ kontroll nazzjonali, inkluż l-investigazzjoni u l-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-prattiki jew il-problemi ta’ infurzar, l-emerġenzi u l-iżviluppi ġodda fl-Istati Membri, u t-twettiq ta’ kontrolli tal-Kummissjoni fuq bażi ta’ riskju. Filwaqt li jinżamm il-programm pluriennali ta’ kontrolli 2021–2025, il-Kapitolu 11 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550, li jistabbilixxi t-tqassim annwali tal-kontrolli għas-snin 2021–2025, jenħtieġ għalhekk li jiġi sostitwit bi programm ta’ kontrolli għas-sena ta’ wara u jenħtieġ li jiġi aġġornat kull sena. |
|
(4) |
It-test introduttorju fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550 li jimpenja lill-esperti tal-Kummissjoni biex iwettqu l-kontrolli, inklużi verifiki fuq il-post u analiżijiet ibbażati fuq id-dokumentazzjoni, f’kull wieħed mill-oqsma ta’ prijorità fl-Istati Membri kollha, jenħtieġ li jiġi emendat biex jiġi allinjat aħjar mar-rekwiżiti tal-Artikolu 116 tar-Regolament (UE) 2017/625. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-qasam tal-organiżmi ġenetikament modifikati tiġi introdotta separatament fil-Kapitoli 10 u 11 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550 bħala qasam ta’ prijorità ġdid biex it-test jiġi allinjat aħjar mas-subdiviżjoni eżistenti skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625. Ir-referenzi l-oħrajn għal dan il-qasam ta’ prijorità jenħtieġ li jitneħħew mill-Kapitoli 1, 2 u 7 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550. |
|
(6) |
Ir-riżultati tal-kontrolli preċedenti tal-Kummissjoni fuq il-programmi nazzjonali ta’ kontroll tas-Salmonella u l-analiżi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), li jistgħu jiġu kkonsultati fir-rapporti dwar iż-żoonożi tal-2019 (3) u l-2020 (4), jindikaw li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri laħqu l-miri tal-Unjoni għall-kategoriji kollha tal-pollam. Kull sena l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni r-riżultati tal-kontrolli tagħhom tas-Salmonella għal Gallus gallus, tiġieġ tal-bajd, tiġieġ tas-simna u qatgħat tad-dundjani għat-tgħammir u għat-tismin. F’dan il-kuntest u filwaqt li jitqiesu l-kontrolli tal-Kummissjoni fuq l-implimentazzjoni tal-obbligi imposti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 (5) dwar it-teħid ta’ kampjuni uffiċjali relatati mal-kriterji tal-iġjene tal-proċessi, ma hemmx bżonn ta’ awditi speċifiċi dwar il-programmi nazzjonali ta’ kontroll tas-Salmonella fl-2023. |
|
(7) |
Il-valutazzjonijiet annwali tal-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri għall-monitoraġġ tar-residwi jiffurmaw parti integrali mill-kontrolli tal-Kummissjoni mwettqa fil-qasam ta’ prijorità tar-residwi fl-annimali ħajjin u fl-ikel li joriġina mill-annimali. Għalhekk mhijiex meħtieġa referenza separata għal dawk il-valutazzjonijiet u din jenħtieġ li titneħħa mill-programm pluriennali ta’ kontrolli. |
|
(8) |
Tnejn mill-oqsma ta’ prijorità, il-mard epiżootiku attiv u l-mard enżootiku, taħt is-saħħa tal-annimali, jenħtieġ li jingħataw l-isem ġdid ta’ mard tal-Kategorija A u tal-Kategorija B u C, rispettivament, skont ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Dan jallinja t-terminoloġija użata fil-programm pluriennali ta’ kontrolli ma’ dik introdotta minn dak ir-Regolament. |
|
(9) |
Il-kontrolli tal-Kummissjoni dan l-aħħar koprew il-programmi veterinarji nazzjonali eżistenti dwar iż-żoonożi b’oriġini mhux alimentari li kkofinanzjat. Għalhekk, jenħtieġ li ma jkunx hemm kontrolli fuq iż-żoonożi b’oriġini mhux alimentari fl-2023. |
|
(10) |
L-objettiv għaż-żoonożi b’oriġini mhux alimentari fil-Kapitolu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550 illimita l-kopertura biss għal dawk iż-żoonożi, li għalihom kienu fis-seħħ il-programmi veterinarji nazzjonali kkofinanzjati mill-Kummissjoni. Sabiex l-esperti tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jwettqu l-kontrolli fuq iż-żoonożi b’oriġini mhux alimentari, inklużi dawk mingħajr programmi bħal dawn, bħall-COVID-19 fil-mink, jenħtieġ li jiġi emendat l-objettiv fil-programm pluriennali ta’ kontrolli. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni tat prijorità lill-kontrolli tal-mard fil-qasam ta’ prijorità tal-mard epiżootiku, tal-Kategorija A skont ir-Regolament (UE) 2016/429, bħad-deni Afrikan tal-ħnieżer u l-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja fl-2021 u fl-2022. Minħabba din il-prijoritizzazzjoni, ma kienx hemm kontrolli fuq il-mard enżootiku, tal-Kategoriji B u C skont ir-Regolament (UE) 2016/429, f’dawk is-sentejn. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ twettaq kontrolli taħt dan il-qasam ta’ prijorità fl-2023. |
|
(12) |
Il-Kummissjoni impenjat ruħha li twettaq rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali fil-qafas tal-Komunikazzjoni tagħha “Strateġija mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” (7). F’dan il-kuntest, il-ħidma taħt l-oqsma ta’ prijorità dwar it-trattament xieraq tal-annimali fl-istabbilimenti agrikoli u waqt it-tbiċċir jenħtieġ li tkompli fl-2023. It-trattament xieraq tal-baqar miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam u tal-ħut fil-farms, matul it-trasport tagħhom u waqt il-qtil, jenħtieġ għalhekk li jiżdied mal-programm pluriennali ta’ kontrolli. |
|
(13) |
Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu programmi ta’ stħarriġ pluriennali bbażati fuq ir-riskju għall-pesti ta’ kwarantina u jintroduċi stħarriġiet annwali tal-pesti ta’ prijorità. Għalhekk, il-kontrolli tal-Kummissjoni fuq l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi ta’ stħarriġ jenħtieġ li jiżdiedu fil-Kapitolu 5 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550. |
|
(14) |
Minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, xi wħud mill-kontrolli tal-Kummissjoni fil-pajjiżi terzi kellhom jiġu posposti, u dan ippermetta lill-Kummissjoni tibda sensiela ta’ kontrolli taħt il-qasam ta’ prijorità tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-2021, sena qabel milli ppjanat fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550. Il-kontrolli tal-Kummissjoni taħt dan il-qasam ta’ prijorità jenħtieġ li jkomplu fl-2023. |
|
(15) |
Minħabba d-diskussjoni li għaddejja dwar abbozz ta’ Regolament dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, li għandu jissostitwixxi d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), ma kienx hemm kontrolli fuq l-użu sostenibbli tal-pestiċidi fl-2022 u jenħtieġ li ma jkunx hemm kontrolli fl-2023 ukoll. Il-kontrolli fuq dan il-qasam ta’ prijorità għandhom jerġgħu jibdew ladarba tiġi adottata bażi legali ġdida. |
|
(16) |
Minħabba l-posponiment tad-data tal-applikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv il-ġdid għall-produzzjoni organika, ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), mill-1 ta’ Jannar 2021 għall-1 ta’ Jannar 2022, u sabiex l-Istati Membri jingħataw iż-żmien meħtieġ biex jimplimentaw il-miżuri ġodda qabel ma jikkontrollaw l-implimentazzjoni tagħhom, ma kien hemm l-ebda kontroll fl-Istati Membri fl-2022 taħt il-qasam ta’ prijorità dwar il-prodotti organiċi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq kontrolli taħt dan il-qasam ta’ prijorità fl-2023. |
|
(17) |
Il-bidu tas-serje ta’ kontrolli taħt il-qasam ta’ prijorità tal-monitoraġġ tar-reżistenza għall-antimikrobiċi fil-batterji żoonotiċi u kommensali oriġinarjament ippjanat li jibda fl-2022 fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550, jenħtieġ li jibda minflok fl-2023 biex tiġi massimizzata l-effettività ta’ dawn il-kontrolli, fid-dawl tal-iskeda ta’ żmien meta d-data meħtieġa għal din is-serje tkun disponibbli għall-analiżi. |
|
(18) |
Biex il-Kummissjoni tappoġġa l-implimentazzjoni rapida mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tar-rekwiżiti l-ġodda għall-kontrolli bbażati fuq ir-riskju mmirati lejn id-detezzjoni ta’ prattiki frodulenti u qarrieqa introdotti mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, kien importanti li jinġabru informazzjoni u eżempji ta’ prattiki tajba sabiex tingħata gwida lill-Istati Membri. Dan l-objettiv jista’ jintlaħaq l-aħjar permezz ta’ studji ta’ tiftix tal-fatti aktar milli awditi, peress li dan l-approċċ jippermetti ambitu usa’, jiftaħ djalogu mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u jorganizza laqgħat ma’ awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi u investigaturi tal-frodi. Għalhekk, l-objettiv għall-qasam ta’ prijorità dwar il-frodi jenħtieġ li jiġi emendat biex jirrifletti din il-bidla. |
|
(19) |
Il-programm pluriennali ta’ kontrolli stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550 identifika l-kontrolli tal-esportazzjoni bħala qasam ta’ prijorità li jiġġustifika grad ta’ sorveljanza mill-Kummissjoni. L-operaturi tan-negozji tal-ikel fl-Unjoni, li jesportaw l-annimali u l-merkanzija lejn pajjiżi terzi, għandhom ir-responsabbiltà primarja li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-importazzjoni ta’ pajjiżi terzi. Meta l-kunsinni ta’ annimali u merkanzija jkunu jeħtieġu ċertifikazzjoni uffiċjali tal-konformità tal-operaturi ma’ dawk ir-rekwiżiti, iċ-ċertifikazzjoni tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli fl-Istati Membri. Hija u tirrikonoxxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-operaturi tan-negozji tal-ikel u tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’dan ir-rigward, il-kontrolli tal-Kummissjoni fuq dan l-aspett ma għadhomx jitqiesu bħala prijorità għall-inklużjoni fil-programm pluriennali rivedut tal-kontrolli. |
|
(20) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550 huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1550 tat-23 ta’ Ottubru 2020 li tistabbilixxi l-programm pluriennali ta’ kontrolli għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2025 li għandhom jitwettqu mill-esperti tal-Kummissjoni fl-Istati Membri biex jivverifikaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari (ĠU L 354, 26.10.2020, p. 9).
(3) EFSA Journal 2021;19(2):6406.
(4) EFSA Journal 2021;19(12):6971.
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1).
(6) Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).
(7) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent, COM/2020/381 final, tal-20 ta’ Mejju 2020.
(8) Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016., p. 4).
(9) Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71).
(10) Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).
ANNESS
Dan l-Anness jistabbilixxi l-programm ta’ kontrolli li għandhom jitwettqu mill-esperti tal-Kummissjoni fl-Istati Membri fl-oqsma koperti mir-Regolament (UE) 2017/625 għall-perjodu bejn l-2021 u l-2025.
Għall-perjodu kkonċernat, il-Kummissjoni identifikat ċerti oqsma ta’ prijorità fl-oqsma tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, tal-kwalità tal-ikel, tas-saħħa u tat-trattament xieraq tal-annimali, tas-saħħa tal-pjanti, tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, tad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali u ta’ merkanzija minn pajjiżi terzi, tar-reżistenza għall-antimikrobiċi u tal-aspetti ġenerali fil-katina agroalimentari (inkluż il-funzjonament tas-sistemi nazzjonali ta’ kontroll u tal-awtoritajiet kompetenti).
Il-kontrolli tal-Kummissjoni fl-Istati Membri għandhom ikopru l-oqsma stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625. Kwistjonijiet speċifiċi koperti minn kontrolli individwali għandhom jiġu adattati għas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru.
L-esperti tal-Kummissjoni għandhom iwettqu l-kontrolli, li jinkludu verifiki f’konformità mal-Artikolu 116 tar-Regolament (UE) 2017/625.
Il-programm pluriennali ta’ kontrolli tal-Kummissjoni fl-Istati Membri għall-perjodu bejn l-2021 u l-2025 biex tiġi vverifikata l-applikazzjoni tar-regoli fl-oqsma koperti mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, ikopri wkoll oqsma oħra previsti f’dak ir-Regolament, bħall-kontrolli fuq il-frodi u l-importazzjoni. Mhux l-oqsma prijoritarji kollha jirriżultaw f’serje speċifika ta’ kontrolli. Xi wħud huma indirizzati taħt serje aktar ġenerali ta’ kontrolli, bħal, pereżempju, aspetti tat-trattament xieraq tal-annimali fil-waqt tat-tbiċċir koperti, fejn rilevanti, bħala parti mill-kontrolli tal-ikel li joriġina mill-annimali u l-konformità tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera koperti bħala parti mill-kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-merkanzija.
Il-Kapitoli 1 sa 10 ta’ dan l-Anness jistabbilixxu l-programm pluriennali ta’ kontrolli maqsum skont il-qasam prijoritarju u l-objettiv speċifiku. Il-Kapitolu 11 jistabbilixxi l-programm ta’ kontrolli għall-2023.
1. Ikel u s-sikurezza tal-ikel
|
Qasam ta’ prijorità |
Objettivi Speċifiċi |
|
Ikel li joriġina mill-annimali (eż. is-sikurezza tal-laħam tal-mammiferi u tal-għasafar u tal-prodotti tagħhom, tal-ħalib u tal-prodotti tiegħu, tal-prodotti tas-sajd u l-iġjene tal-produzzjoni ta’ molluski bivalvi ħajjin) |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-ikel li tirregola l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ ikel li joriġina mill-annimali (li tkopri wkoll it-traċċabbiltà u t-tikkettar), b’enfasi partikolari fuq il-laħam tal-mammiferi u tal-għasafar u l-prodotti tagħhom, il-ħalib u l-prodotti tiegħu, il-prodotti tas-sajd, u l-molluski bivalvi ħajjin, u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti. |
|
Żoonożi li ġejjin mill-ikel (eż. Salmonella) |
Il-verifika tal-programmi veterinarji nazzjonali tal-Istati Membri kofinanzjati mill-Kummissjoni u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti. |
|
Ikel li ma joriġinax mill-annimali (eż. is-sikurezza tal-frott u tal-ħaxix, tal-ħxejjex aromatiċi, tal-ħwawar u tan-nebbieta) |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-ikel li tirregola l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ ikel li ma joriġinax mill-annimali (li tkopri wkoll it-traċċabbiltà u t-tikkettar), b’enfasi partikolari fuq is-sikurezza mikrobijoloġika, u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti. |
|
Residwi f’annimali ħajjin u f’ikel li joriġina mill-annimali (residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji, pestiċidi u kontaminanti) |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola r-residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji, pestiċidi u kontaminanti f’annimali ħajjin u f’ikel li joriġina mill-annimali. |
|
Kontaminanti f’ikel li ma joriġinax mill-annimali (eż. mikotossini) |
Il-verifika, abbażi tal-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali pluriennali tal-Istati Membri u r-rapporti dwarhom, li l-kontrolli uffiċjali fuq kontaminanti fl-ikel li ma joriġinax mill-annimali jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti applikabbli tal-Unjoni. |
2. Għalf u sikurezza tal-għalf
|
Qasam ta’ prijorità |
Objettivi Speċifiċi |
|
Iġjene ġenerali tal-għalf (iġjene tal-għalf, approvazzjoni u reġistrazzjoni tal-istabbilimenti, traċċabbiltà, tikkettar u kontaminanti) |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-iġjene tal-għalf (b’enfasi partikolari fuq l-iġjene tal-għalf, il-kontaminanti, it-traċċabbiltà u t-tikkettar) u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti. |
|
Għalf medikat |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mar-rekwiżiti legali tal-Unjoni li jirregolaw il-produzzjoni tal-għalf medikat, applikabbli minn Jannar 2022. |
|
Prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati (is-settur tal-laħam, l-impjanti tal-ipproċessar) |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-immaniġġjar, l-użu u r-rimi ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati ġenerati fl-Unjoni jew imqiegħda fis-suq tal-Unjoni u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti, b’enfasi partikolari fuq is-settur tal-laħam u l-impjanti tal-ipproċessar. |
3. Saħħa tal-annimali
|
Qasam ta’ prijorità |
Objettivi Speċifiċi |
|
Mard tal-kategorija A skont ir-Regolament (UE) 2016/429 (eż. id-deni Afrikan tal-ħnieżer, l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja) |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-kontroll tal-mard attiv ewlieni tal-annimali, bħad-deni Afrikan tal-ħnieżer u l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti. |
|
Żoonożi li mhux ġejjin mill-ikel (eż. ir-rabja) |
Il-kontroll tal-kapaċità tal-Istati Membri li jindividwaw, jimmonitorjaw u jikkontrollaw iż-żoonożi rilevanti b’oriġini mhux alimentari. |
|
Mard tal-kategoriji B u C skont ir-Regolament (UE) 2016/429 (eż. tuberkulożi, bruċellożi) |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-kontroll tal-mard enżootiku, b’enfasi partikolari fuq il-livell ta’ implimentazzjoni u effettività tal-programmi veterinarji nazzjonali kofinanzjati mill-Kummissjoni, u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti. |
|
Tħejjija u prevenzjoni (eż. l-ippjanar ta’ kontinġenza) |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola t-tħejjija biex wieħed ilaħħaq ma’ tifqigħat multipli ta’ mard epiżootiku u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti. |
4. Trattament xieraq tal-annimali
|
Qasam ta’ prijorità |
Objettivi Speċifiċi |
|
Trasport (eż. annimali mhux b’saħħithom, bastimenti tal-bhejjem, għoġġiela mhux miftuma, postijiet ta’ kontroll użati għat-tranżitu tal-annimali) |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola t-trattament xieraq tal-annimali waqt it-trasport, b’enfasi partikolari fuq annimali mhux b’saħħithom, bastimenti tal-bhejjem, għoġġiela mhux miftuma u postijiet ta’ kontroll użati għat-tranżitu tal-annimali, u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti. |
|
Fl-istabbiliment agrikolu (eż. tiġieġ tal-bajd) |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola t-trattament xieraq tal-annimali matul it-trobbija u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti. |
|
Tbiċċir (eż. ruminanti, pollam) |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola t-trattament xieraq tar-ruminanti u tal-pollam waqt it-tbiċċir, u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti. |
5. Saħħa tal-pjanti
|
Qasam ta’ prijorità |
Objettivi Speċifiċi |
|
Tifqigħat ta’ pesti tal-pjanti (li jippreżentaw theddida sinifikanti) |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-kontroll tal-pesti tal-pjanti misjuba fit-territorju tal-Unjoni, b’enfasi partikolari fuq il-pesti li jippreżentaw theddida sinifikanti, pereżempju, Xylella fastidiosa, il-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam, in-nematodu tal-injam tal-arżnu, il-ħanfus tal-qrun twil (Anoplophora), it-trioza u organiżmi ta’ ħsara oħrajn identifikati bħala prijorità u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti. |
|
Tħejjija u prevenzjoni (eż. ippjanar ta’ kontinġenza, programmi ta’ stħarriġ dwar is-saħħa tal-pjanti) |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola t-tfassil u l-aġġornament tal-pjanijiet ta’ kontinġenza għas-saħħa tal-pjanti. L-ivvalutar tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ stħarriġ għal pesti ta’ prijorità u pesti oħra ta’ kwarantina skont il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti. |
|
Moviment ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fl-Unjoni (passaporti tal-pjanti) |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-pjanti li tirregola l-moviment tal-pjanti, tal-prodotti tal-pjanti u ta’ oġġetti oħra fl-Unjoni, b’enfasi partikolari fuq il-passaporti tal-pjanti, u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti. |
6. It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-użu sostenibbli tal-pestiċidi
|
Qasam ta’ prijorità |
Objettivi Speċifiċi |
|
Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (awtorizzazzjoni, kummerċjalizzazzjoni u użu ta’ pestiċidi, residwi tal-pestiċidi) |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-awtorizzazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tar-residwi tal-pestiċidi, u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti. |
|
Użu sostenibbli tal-pestiċidi |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti. |
7. Kwalità tal-ikel
|
Qasam ta’ prijorità |
Objettivi Speċifiċi |
|
Biedja organika |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-produzzjoni u t-tikkettar tal-prodotti organiċi, u tal-implimentazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali korrispondenti. |
|
Indikazzjonijiet ġeografiċi |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-produzzjoni u t-tikkettar tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, bħad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP), l-indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) u l-ispeċjalità tradizzjonali garantita (STG), u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti. |
8. Dħul fl-Unjoni ta’ annimali u oġġetti minn pajjiżi terzi
|
Qasam ta’ prijorità |
Objettivi Speċifiċi |
|
Kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-oġġetti |
Il-verifika li l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi. Il-verifika li l-annimali u l-merkanzija li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi applikabbli tal-Unjoni għad-dħul fl-Unjoni. Se jkun hemm enfasi speċjali fuq ir-regoli stabbiliti bir-Regolament (UE) 2017/625 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni relatati. |
|
Konformità tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera |
Il-verifika li l-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera proposti għall-għażla mill-Istati Membri jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi għall-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, inklużi ċ-ċentri ta’ spezzjoni stabbiliti fil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni qabel ma tali postijiet jintgħażlu. Il-verifika li l-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera, il-punti deżinjati ta’ dħul, il-punti ta’ dħul u l-ewwel punti ta’ introduzzjoni deżinjati mill-ġdid f’konformità mal-Artikolu 61(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi applikabbli. Il-verifika li l-punti ta’ kontroll għajr il-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, imsemmija fl-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625, jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi applikabbli. |
|
Kontrolli uffiċjali fuq is-saħħa tal-pjanti |
Il-verifika li l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali tas-saħħa tal-pjanti fuq il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi. L-iżgurar li l-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-pjanti għad-dħul fl-Unjoni. |
9. Reżistenza għall-antimikrobiċi
|
Qasam ta’ prijorità |
Objettivi Speċifiċi |
|
Monitoraġġ tar-reżistenza għall-antimikrobiċi f’batterji żoonotiċi u kommensali |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni li tirregola l-monitoraġġ tar-reżistenza għall-antimikrobiċi f’batterji żoonotiċi u kommensali u b’hekk jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew Saħħa Waħda kontra r-Reżistenza Antimikrobika (AMR) tal-2017 (1). |
10. Aspetti ġenerali fil-katina agroalimentari
|
Qasam ta’ prijorità |
Objettivi Speċifiċi |
|
Frodi |
Il-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-adegwatezza u l-implimentazzjoni effettiva tal-arranġamenti nazzjonali għall-ġlieda kontra l-frodi tul il-katina agroalimentari f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625. |
|
Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditi (settorjali u ġenerali) |
Il-verifika li l-Istati Membri jieħdu miżuri ta’ segwitu xierqa biex jirrimedjaw kwalunkwe nuqqas speċifiku jew sistematiku identifikat mill-kontrolli tal-Kummissjoni. |
|
Organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) (eż. awtorizzazzjoni, tqegħid fis-suq, traċċabilità, tikkettar) |
Il-verifika tal-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li tirregola l-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ Organiżmi Ġenetikament Modifikati, it-traċċabbiltà u t-tikkettar tagħhom fl-ikel u fl-għalf, u tal-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali korrispondenti. Il-kontribut u l-bini ta’ għarfien espert dwar l-infurzar fir-rigward ta’ prodotti miksuba minn tekniki ġenomiċi ġodda. |
|
Kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza, problema emerġenti u żvilupp ġdid |
L-investigazzjoni u l-ġbir ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza, problema emerġenti jew żvilupp ġdid fl-Istati Membri. |
11. Programm ta’ kontrolli għall-2023
|
Qasam |
Qasam ta’ prijorità |
Enfasi fl-2023 |
|
Ikel u sikurezza tal-ikel |
Ikel li joriġina mill-annimali |
Is-sikurezza tal-laħam tal-mammiferi u tal-għasafar u tal-prodotti tagħhom Is-sikurezza tal-ħalib u tal-prodotti tiegħu Is-sikurezza tal-prodotti tas-sajd L-iġjene tal-produzzjoni tal-molluski bivalvi ħajjin |
|
Ikel li ma joriġinax mill-annimali |
Is-sikurezza mikrobijoloġika |
|
|
Residwi f’annimali ħajjin u f’ikel li joriġina mill-annimali |
Is-sikurezza kimika - residwi |
|
|
Kontaminanti f’ikel li ma joriġinax mill-annimali |
Is-sikurezza kimika - kontaminanti |
|
|
għalf u sikurezza tal-għalf |
Sikurezza tal-għalf |
L-iġjene ġenerali tal-għalf (inkluż l-għalf medikat) |
|
Prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati |
||
|
Saħħa tal-annimali |
Mard tal-Kategorija A skont ir-Regolament (UE) 2016/429 |
Deni Afrikan tal-ħnieżer L-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja |
|
Mard tal-Kategoriji B u C skont ir-Regolament (UE) 2016/429 |
Mard tal-ħut |
|
|
Tħejjija u prevenzjoni |
Ippjanar ta’ kontinġenza |
|
|
Trattament xieraq tal-annimali |
Trasport |
Għoġġiela mhux miftuma inklużi l-waqfiet fil-postijiet ta’ kontroll |
|
Fl-istabbiliment agrikolu |
Bhejjem tal-ifrat (ċanga) Ħut (inkluż il-qtil) |
|
|
Saħħa tal-pjanti |
Tifqigħat ta’ pesti tal-pjanti |
Tifqigħat ta’ pesti tal-pjanti li jippreżentaw theddida sinifikanti |
|
Moviment ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fl-Unjoni |
Passaporti tal-pjanti |
|
|
PPP u SUD |
Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPP) |
Sikurezza kimika (awtorizzazzjoni, tqegħid fis-suq u użu tal-pestiċidi) |
|
Kwalità tal-ikel |
Biedja organika |
Biedja organika |
|
Indikazzjonijiet ġeografiċi |
Indikazzjonijiet ġeografiċi |
|
|
Dħul fl-Unjoni ta’ annimali u oġġetti minn pajjiżi terzi |
Kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-oġġetti |
Annimali u merkanzija |
|
Postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera |
Il-konformità tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera |
|
|
Kontrolli uffiċjali fuq is-saħħa tal-pjanti |
Pjanti, prodotti mill-pjanti u merkanzija oħra |
|
|
AMR |
Monitoraġġ tar-reżistenza għall-antimikrobiċi f’batterji żoonotiċi u kommensali |
Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi fil-batterji żoonotiċi u kommensali |
|
Aspetti ġenerali fil-katina agroalimentari |
Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar |
Segwitu ġenerali u settorjali tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditi |
|
Organiżmi modifikati ġenetikament (GMOs) |
Organiżmi modifikati ġenetikament (GMOs) |
|
|
Kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza, problema emerġenti u żvilupp ġdid |
Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, problemi emerġenti u żviluppi ġodda |
(1) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Pjan ta’ Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (RAM), COM(2017) 339 final, 29.6.2017.