IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 219 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tan-Netherlands
{SWD(2025) 219 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 219 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tan-Netherlands
{SWD(2025) 219 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tan-Netherlands
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta’ governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir u reżiljenza sostenibbli u inklużivi permezz ta’ riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stabbiliti fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari, il-formulazzjoni, u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tagħha fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment tiegħu, fuq perjodu ta’ 4 jew 5 snin, skont it-tul tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 3 f’dawn il-pjanijiet għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG kif stabbilit mit-Trattat, fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin.
(2)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(3)Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. In-Netherlands żiedu kapitolu tar-REPowerEU mal-pjan nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.
(4)Fit-8 ta’ Lulju 2022, in-Netherlands ippreżentaw il-pjan tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fl-4 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għan-Netherlands 6 , li ġiet emendata skont l-Artikolu 18(2) fis-17 ta’ Ottubru 2023 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 7 . Dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill ġiet emendata fis-17 ta’ Ottubru 2023 u fil-5 ta’ Novembru 2024 8 . L-aħħar reviżjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill ġiet adottata fit-13 ta’ Mejju 2025. Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li n-Netherland ikunu laħqu b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.
(5)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tan-Netherlands 9 . Il-pjan ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 11 u mal-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta firxa ta’ aġġustament fiskali fuq 4 snin.
(6)Fis-26 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2025 tan-Netherlands. Fl-istess data, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2025, li fih identifikat lin-Netherlands bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom ikun meħtieġ rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 10 fit-13 ta’ Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta’ Marzu 2025.
(7)Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-5 snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tan-negozji ġodda permezz ta’ inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Bit-twettiq ta’ ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ddeskriviet Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-enerġija affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa’ kosteffettiva, favur il-kompetittività, b’mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u tkun mutur għat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tiżgura l-aċċess għal materja prima kritika u sorsi ta’ enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività kif ukoll Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta’ kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.
(8)Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni tal-pjanijiet emendati għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(9)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019-2024.
(10)Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għan-Netherlands. F’dan ġie vvalutat il-progress tan-Netherlands fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tan-Netherlands. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed jiffaċċjaw in-Netherlands. Huwa vvaluta wkoll il-progress tan-Netherlands fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.
(11)Il-Kummissjoni wettqet rieżami fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għan-Netherlands. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għan-Netherlands għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati fit-13 ta’ Mejju 2025 11 . Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni kkonkludiet li n-Netherlands qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet relatati ma’ dejn privat għoli f’kuntest ta’ suq tad-djar sopravalutat, u s-surplus kbir fil-kont kurrenti jibqgħu rilevanti, minkejja xi titjib inkluż dinamiżmu akbar tad-domanda domestika; dawn il-vulnerabbiltajiet għandhom rilevanza transfruntiera. Is-surplus fil-kont kurrenti huwa fost l-akbar fiż-żona tal-euro u huwa mistenni li jibqa’ għoli. F’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn l-iffrankar u l-investimenti, is-setturi kollha tal-ekonomija qed jikkontribwixxu għas-surplus. Is-surplus tas-settur korporattiv huwa sa grad sinifikanti xprunat mill-attivitajiet tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji barra mill-pajjiż u l-kontribuzzjoni tal-qligħ imfaddal tal-kumpaniji multinazzjonali. Għalkemm il-konsum u t-tkabbir tal-investiment kienu xprunaturi ewlenin tal-irkupru mill-pandemija, in-Netherlands għadhom lura fiż-żona tal-euro f’termini tal-livell ta’ investiment korporattiv u pubbliku. Id-dejn tal-unitajiet domestiċi għadu fost l-ogħla fl-UE iżda naqas b’mod sinifikanti minħabba l-effetti tad-denominatur filwaqt li s-self tal-unitajiet domestiċi rkupra b’mod qawwi fl-2024. Is-sena l-oħra l-prezzijiet tad-djar żdiedu b’mod sostanzjali u huma mistennija li jiżdiedu b’mod qawwi wkoll fl-2025 peress li l-isfidi strutturali sinifikanti għadhom ma ġewx indirizzati. Il-progress fil-politika kien limitat. Ittieħdu xi miżuri li jistgħu jnaqqsu s-surplus fil-kont kurrenti, iżda l-impatt ġenerali tagħhom mhuwiex mistenni li jkun sinifikanti. Ittieħdu xi miżuri biex tingħata spinta lill-provvista tad-djar, iżda kien hemm biss azzjoni limitata biex jitnaqqsu l-inċentivi għas-self tal-unitajiet domestiċi. L-introduzzjoni reċenti tal-limiti tal-kera toħloq riskji għall-iżvilupp tas-swieq privati u soċjali tal-kiri.
Valutazzjoni tar-Rapport ta’ Progress Annwali
(12)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta’ tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għan-Netherlands: 3,5 % fl-2025, 3,3 % fl-2026, 3,0 % fl-2027, u 3,0 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta’ tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b’referenza għall-2023 ta’ 10,4 % fl-2025, 14,0 % fl-2026, 17,5 % fl-2027, u 21,0 % fl-2028. Fid-29 ta’ April 2025, in-Netherlands ippreżentaw ir-Rapport ta’ Progress Annwali tagħhom 12 , dwar l-aderenza mar-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta u l-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta’ Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tan-Netherlands dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(13)Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat li tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod ikkoordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025.
(14)Abbażi tad-data vvalidata mill-Eurostat 13 , id-defiċit tal-gvern estiż tan-Netherlands żdied minn 0,4 % tal-PDG fl-2023 għal 0,9 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 45,2 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 43,3 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta ta’ 6,8 % fl-2024. Fir-Rapport ta’ Progress Annwali tal-2025, in-Netherlands jistmaw li t-tkabbir tan-nefqa netta fl-2024 huwa ta’ 5,7 %. Il-Kummissjoni tistma li t-tkabbir tan-nefqa netta kien ogħla milli fir-Rapport ta’ Progress Annwali. Id-differenza bejn il-kalkoli tal-Kummissjoni u l-istimi tal-awtoritajiet nazzjonali hija dovuta għal diskrepanzi żgħar fl-impatt stmat tal-miżuri diskrezzjonali tad-dħul. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 14 , li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet b’mod ġenerali newtrali fl-2024.
(15)Skont ir-Rapport ta’ Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji min-Netherlands jistenna tkabbir tal-PDG reali ta’ 1,9 % fl-2025 u 1,5 % fl-2026, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP hija pprojettata għal 3,0 % fl-2025 u 2,4 % fl-2026. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b’1,3 % fl-2025 u 1,2 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 3,0 % fl-2025 u 2,0 % fl-2026.
(16)Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 2,3 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 45,0 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir tan-nefqa netta ta’ 7,9 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta’ 2,1 % tal-PDG għall-2025. Iż-żieda tad-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment it-tnaqqis fit-taxxa fuq l-introjtu personali, iż-żieda fl-infiq tal-gvern fuq il-kumpens tal-impjegati u l-konsum intermedju minħabba bażi ogħla milli mistenni fl-2024 u tnaqqis ta’ xi komponenti tad-dħul minħabba l-effetti ta’ antiċipazzjoni li taw spinta lid-dħul fl-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir tan-nefqa netta ta’ 7,0 % fl-2025. Dawn il-projezzjonijiet aktar baxxi tat-tkabbir tan-nefqa netta milli fir-Rapport ta’ Progress Annwali huma dovuti għall-preżunzjoni ta’ sottonefqa miżjuda fl-istimi tal-Kummissjoni kif ukoll diskrepanzi żgħar fl-impatt tal-miżuri tad-dħul diskrezzjonali. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun espansjonarja, b’0,6 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 45,0 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment id-defiċit tal-baġit kif ukoll l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi.
(17)In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 0,1 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta mqabbla ma’ 0,1 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tan-Netherlands.
(18)In-nefqa fid-difiża tal-gvern estiż fin-Netherlands baqgħet stabbli għal 1,3 % tal-PDG bejn l-2021 u l-2023 15 . Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fuq id-difiża hija pprojettata għal 1,5 % tal-PDG kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025. Dan jikkorrispondi għal żieda ta’ 0,2 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021.
(19)Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fin-Netherlands hija pprojettata li tikber b’7,0 % fl-2025 u 14,3 % b’mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tan-nefqa netta tan-Netherlands fl-2025 huwa pprojettat li jkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni 16 ta’ 1,4 % tal-PDG f’termini annwali. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta’ tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta hija wkoll ipprojettata li tkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta’ 1,4 % tal-PDG. Id-devjazzjonijiet ipprojettati jaqbżu l-limitu ta’ 0,3 % tal-PDG għad-devjazzjoni annwali u l-limitu ta’ 0,6 % tal-PDG għad-devjazzjoni kumulattiva. B’mod ġenerali, dan ifisser li hemm riskju ta’ devjazzjoni mit-tkabbir tan-nefqa netta massima rakkomandata, meta d-data tal-eżitu għall-2025 se tkun disponibbli fir-rebbiegħa li jmiss.
(20)Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 2,8 % tal-PDG fl-2026, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pprojettat li jiżdied għal 47,8 % sa tmiem l-2026. Wara l-2026, fir-Rapport ta’ Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 2,0 % tal-PDG fl-2027 u 2,2 % fl-2028. Min-naħa tiegħu, wara l-2026, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pprojettat li jiżdied għal 48,5 % fl-2027 u għal 49,2 % fl-2028. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta’ 2,7 % tal-PDG fl-2026. Iż-żieda tad-defiċit fl-2026 tirrifletti prinċipalment riforma tas-sistema tal-pensjonijiet militari li teħtieġ trasferiment ta’ somma f’daqqa tal-gvern għal fond tal-pensjoni li huwa barra mill-kontroll tal-gvern b’impatt baġitarju ta’ 0,7 % tal-PDG, li huwa rreġistrat bħala miżura ta’ darba. Mingħajr din it-tranżazzjoni, il-bilanċ tal-gvern jitjieb b’mod moderat hekk kif ir-rati tal-VAT fuq ċerti oġġetti u servizzi jiżdiedu, u l-kategoriji tat-taxxa fuq l-introjtu personali ma jiġux aġġustati bis-sħiħ għall-inflazzjoni. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir tan-nefqa netta ta’ 3,8 % fl-2026. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun b’mod ġenerali newtrali fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pprojettat mill-Kummissjoni li jiżdied għal 47,8 % sa tmiem l-2026. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 tirrifletti prinċipalment id-defiċit tal-baġit kif ukoll l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi.
Sfidi ewlenin tal-politika
(21)Is-sistema Netherlandiża tat-tassazzjoni fuq l-introjtu privat tittratta ċerti assi b’mod differenti mill-bqija, u taffettwa l-allokazzjoni tal-kapital u tfixkel id-deċiżjonijiet ekonomiċi. Il-ġid tal-akkomodazzjoni u l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni jingħataw trattament preferenzjali, li jagħti spinta lid-domanda fis-suq tal-akkomodazzjoni okkupata mis-sidien u jnaqqas l-introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi minħabba kontribuzzjonijiet għoljin tal-pensjoni. Barra minn hekk, iż-żamma ta’ assi f’kumpaniji miżmuma mill-qrib (kumpanija li l-maġġoranza tal-ishma tagħha huma proprjetà ta’ ftit individwi biss) tippermetti lill-kontribwenti jdewmu l-pagamenti tat-taxxa fuq tali redditi, filwaqt li xorta jibbenefikaw minn dawk ir-redditi permezz ta’ self ħieles mit-taxxa mill-kumpanija. Barra minn hekk, l-unitajiet domestiċi b’assi tas-suq finanzjarju jiġu ntaxxati b’rati ta’ redditu preżunti, li ma jkunx favorevoli meta r-redditu reali jkun aktar baxx. B’riżultat ta’ dan, il-ġid tal-unitajiet domestiċi fin-Netherlands huwa kkonċentrat ħafna f’tipi ta’ ġid illikwidi, bħall-akkomodazzjoni jew il-pensjonijiet. Dan jesponi lill-unitajiet domestiċi għal riskju ekonomiku akbar matul ix-xokkijiet ekonomiċi u f’ħafna każijiet jista’ ma jwassalx għal xejra ta’ konsum ottimali matul ħajjithom peress li l-introjtu disponibbli jiċċekken minn kontribuzzjonijiet għoljin tal-pensjoni u pagamenti ipotekarji matul l-età tax-xogħol. It-trattament mhux ugwali tat-taxxa fi ħdan u bejn it-tipi ta’ assi jagħti lok għal arbitraġġ tat-taxxa, inaqqas il-kapaċità tas-sistema tat-taxxa li taġixxi bħala stabbilizzatur awtomatiku, jaggrava l-inugwaljanzi ekonomiċi u jista’ jxekkel l-allokazzjoni effiċjenti tal-kapital. B’riżultat ta’ dan, dan it-trattament mhux ugwali huwa rilevanti wkoll meta jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi.
(22)Minbarra l-inċentivi fiskali msemmija hawn fuq, is-sovravalutazzjoni fis-suq tad-djar ġiet xprunata minn nuqqas ta’ abitazzjonijiet ġodda. Il-Gvern jista’ javvanza l-pjanijiet tiegħu biex iżid il-provvista tad-djar billi jneħħi b’mod komprensiv l-ostakli li bħalissa qed iżommu lura l-kostruzzjoni residenzjali, u, b’mod partikolari, jissimplifika l-proċessi tal-ippjanar u tal-għoti ta’ permessi li bħala medja jieħdu sa 6-7 snin biex jitlestew, minn perjodu totali ta’ kostruzzjoni ta’ 10 snin. Dan jgħin biex jittaffew l-iżbilanċi makroekonomiċi.
(23)Is-suq privat tal-kiri sottożviluppat, ikkaratterizzat minn kostijiet għoljin u għażliet limitati għall-inkwilini, joħloq sfidi sinifikanti fir-rigward tal-affordabbiltà u jżid ir-riskji tal-faqar għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju. L-iżviluppi reċenti tal-politika, inkluża l-estensjoni tal-kontrolli tal-prezzijiet tal-kera, il-projbizzjonijiet fuq il-proprjetajiet mixtrija għall-kiri, u l-bidliet fit-trattament tat-taxxa tal-proprjetajiet tal-kiri, aggravaw in-nuqqasijiet eżistenti fil-provvista fis-settur tal-kiri privat. L-iskarsezza ta’ akkomodazzjoni għall-kiri affordabbli xxekkel il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-kompetittività. Sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-inċentivi bejn is-sjieda tad-djar u l-kiri, u li l-investimenti jsiru aktar attraenti billi l-forzi tas-suq jitħallew joperaw aktar fis-settur, jistgħu jgħinu biex jespandu s-suq tal-kiri privat. Dan, min-naħa tiegħu, jgħin biex jittaffew l-iżbilanċi makroekonomiċi.
(24)Is-sistema tal-kura fit-tul Netherlandiża qed tiffaċċja sfidi sinifikanti minn popolazzjoni li qed tixjieħ, kura istituzzjonali għalja u kopertura ġeneruża tad-dipendenti. In-Netherlands sejrin tajjeb meta mqabbla mal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri f’termini ta’ adegwatezza, disponibbiltà u kwalità tas-sistema tal-kura fit-tul kif ukoll id-daqs tal-forza tax-xogħol fil-qasam. Madankollu, is-sistema qed tpoġġi dejjem aktar pressjoni fuq il-baġit tal-gvern. Fl-2022, in-nefqa totali fuq il-kura fit-tul fin-Netherlands kienet ta’ 3,8 % tal-PDG, l-ogħla valur fl-UE b’marġni wiesa’. Barra minn hekk, ir-Rapport tal-2024 tal-Kummissjoni dwar it-Tixjiħ jistenna li ż-żieda fl-infiq fuq il-kura fit-tul sal-2070 fin-Netherlands se tkun waħda mill-akbar fl-UE. Il-miżuri biex dan jiġi indirizzat jistgħu jinkludu l-allinjament tal-kopagamenti, jiġifieri l-kontribuzzjonijiet proprji mill-pazjenti, mal-ispiża tal-kura li jirċievu f’tipi differenti ta’ benefiċċji. Is-sistema taħdem b’mod aktar effiċjenti jekk il-pazjenti jiddeterminaw l-għażla tagħhom ta’ ambjent ta’ kura abbażi tal-ħtiġijiet tal-kura individwali tagħhom, minflok ma jagħżlu ambjent li jimminimizza l-kopagamenti tagħhom. Investimenti addizzjonali fil-prevenzjoni biex idewmu l-bidu tal-ħtiġijiet ta’ kura fit-tul u jtejbu aktar l-għoti ta’ kura bbażata fil-komunità jistgħu jgħinu wkoll biex jitnaqqsu l-kostijiet. Dan it-titjib jista’ jiżgura li l-benefiċċji tas-sistema jiġu allokati b’mod aktar effiċjenti mingħajr ma jikkompromettu l-kopertura għolja u l-kwalità tas-sistema.
(25)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tlestija tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tan-Netherlands permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(26)L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) aċċellerat fin-Netherlands. Huwa importanti li jitkomplew l-isforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida ta’ dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. In-Netherlands diġà qed jieħdu azzjoni taħt il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tagħhom biex jagħtu spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Fl-istess ħin, in-Netherlands għadhom qed jiffaċċjaw sfidi, u jista’ jkun hemm lok biex tingħata spinta ulterjuri lill-kompetittività, inkluż permezz tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid ta’ gruppi vulnerabbli u l-iżvilupp u l-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi. F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, in-Netherlands huma meħtieġa – bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni – jirrieżaminaw kull programm filwaqt li jqisu, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta’ April 2025 17 jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ valutazzjoni – għal kull programm – tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu lil hinn mill-31 ta’ Marzu 2025. Jipprovdi wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu jħaffu l-implimentazzjoni tal-programm u inċentivi għall-Istati Membri biex jallokaw riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni għal ħames oqsma strateġiċi ta’ prijorità tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività fit-teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija.
(27)Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) tipprovdi l-opportunità li jsir investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP hija ffinanzjata permezz ta’ 11-il fond eżistenti tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU li jappoġġa investimenti f’oqsma ta’ prijorità. In-Netherlands jistgħu jużaw dawn l-inizjattivi biex jappoġġaw l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, inklużi teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.
(28)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, in-Netherlands jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati ma’: i) investimenti fir-R&Ż (riċerka u żvilupp), ii) aċċess għall-finanzi, iii) dipendenza fuq il-fjuwils fossili, iv) konġestjoni tal-elettriku, v) depożiti eċċessivi ta’ nitroġenu, vi) nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet, vii) ħiliet bażiċi, u viii) parteċipazzjoni fil-programmi tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM).
(29)In-Netherlands għandhom sistema ta’ riċerka u innovazzjoni bi prestazzjoni tajba, li tikklassifika r-raba’ fl-indiċi sommarju tal-innovazzjoni. Madankollu, xejriet reċenti jindikaw li l-intensità tar-R&Ż pubbliċi u privati waqgħet taħt il-medja tal-UE u globalment, u dan jista’ jfixkel il-kompetittività fit-tul. B’mod partikolari, setturi bħall-manifattura u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) jiffaċċjaw diskrepanzi sinifikanti fl-investiment, bl-investiment bħala sehem tal-valur miżjud ikun aktar baxx milli fiż-żona tal-euro. L-investiment fir-R&Ż bħala sehem tal-valur miżjud gross fis-settur privat għadu lura meta mqabbel ma’ mexxejja Ewropej oħra tal-innovazzjoni. Fl-istess ħin, l-investiment pubbliku fir-R&Ż qed jaqa’ taħt il-medja tal-UE u t-tnaqqis reċenti fil-baġit tal-Fond Nazzjonali għat-Tkabbir kompla jnaqqas l-appoġġ pubbliku għall-innovazzjoni. Biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, huwa meħtieġ approċċ immirat, li jiffoka fuq oqsma kompetittivi ewlenin, jinvesti f’faċilitajiet ta’ riċerka u ttestjar, u jippromwovi teknoloġiji ta’ prijorità deskritti fl-Istrateġija Nazzjonali għat-Teknoloġija, inkluż it-teknoloġija kwantistika, is-semikondutturi, l-IA, u x-xjenza tad-data. Billi jsaħħu l-appoġġ pubbliku għall-innovazzjoni, in-Netherlands jistgħu jagħtu spinta lill-ambjent tal-innovazzjoni u jżommu l-pożizzjoni tagħhom bħala mexxejja tal-innovazzjoni Ewropea.
(30)Minkejja li għandhom swieq finanzjarji kapitalizzati tajjeb li jipprovdu sors stabbli ta’ finanzjament lill-ekonomija, kif ukoll wieħed mill-aktar swieq profondi ta’ kapital ta’ riskju fl-UE, xi start-ups u scale-ups jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw il-finanzjament. B’mod partikolari, hemm diskrepanza fil-finanzjament għal start-ups bi ħtiġijiet kapitali ta’ aktar minn EUR 10 miljun u scale-ups li qed jfittxu finanzjament ta’ aktar minn EUR 50 miljun qabel il-kummerċjalizzazzjoni fuq skala kbira. Jiddependu ħafna fuq investituri barranin. Il-Gvern Netherlandiż ħabbar diversi inizjattivi biex jiffaċilita l-investimenti scale-up permezz tal-Invest-NL u d-Dutch Venture Initiative, iżda dawn l-inizjattivi jeħtieġ li jiġu implimentati u mmonitorjati b’mod effettiv. Id-diskrepanza attwali fil-finanzjament tista’ xxekkel l-investiment innovattiv u l-kompetittività fit-tul, hekk kif start-ups u scale-ups juru tkabbir ogħla fil-produttività minn negozji ġodda oħra. Biex jindirizzaw din il-kwistjoni, in-Netherlands jistgħu jibbenefikaw mill-użu ta’ għodod u skemi ta’ finanzjament bħal garanziji, jew strumenti minn fond għal fond biex jidderieġu r-riżorsi ta’ finanzjament u jattiraw investituri istituzzjonali bħal fondi tal-pensjonijiet domestiċi, li huma l-akbar fiż-żona tal-euro.
(31)In-Netherlands għadhom jiddependu ħafna fuq il-fjuwils fossili. Fl-2023, iż-żejt u l-gass naturali ammontaw għal 43,9 % u 33,8 %, rispettivament, tat-taħlita tal-enerġija globali tal-pajjiż, filwaqt li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli ammonta biss għal 13,8 %. Dan jagħmel l-ekonomija Netherlandiża vulnerabbli għall-iżviluppi fil-prezzijiet globali u jfixkel it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika. Minkejja li n-Netherlands qed javvanzaw l-introduzzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari l-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli tagħhom għadu taħt il-medja tal-UE u taħt il-miri tal-UE. Għalhekk huma meħtieġa sforzi addizzjonali għan-Netherlands biex jiżguraw aktar introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija rinnovabbli tal-UE għall-2030. Dan jista’ jinkludi miżuri biex jitnaqqsu r-riskji finanzjarji fis-settur tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta biex tinżamm l-attraenza tal-investimenti fis-settur.
(32)Il-konġestjoni tal-grilja tal-elettriku marret għall-agħar, u affettwat kemm iż-żoni rurali kif ukoll dawk urbani, u kemm in-networks tat-trażmissjoni kif ukoll tad-distribuzzjoni. Dan ifixkel it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, jillimita l-attività ekonomika, u jimmina l-kompetittività tan-Netherlands. L-operaturi tan-networks spiss jiġu mġiegħla jirrifjutaw talbiet għal aċċess għall-grilja minn produtturi u konsumaturi ġodda tal-elettriku. Filwaqt li l-konġestjoni tal-grilja qed tiġi indirizzata permezz ta’ taħlita ta’ investimenti fil-grilja u inizjattivi regolatorji, huwa mistenni li l-konġestjoni tal-grilja se tkompli tkun sfida ewlenija fuq terminu qasir sa medju, u għalhekk teħtieġ attenzjoni u azzjoni kontinwi. In-Netherlands jistgħu jibbenefikaw minn żieda fil-kapaċità tal-grilja tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tagħhom, l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà u t-tnaqqis tal-livell ta’ flussi ċirkolari b’mod strutturali biex jiġi massimizzat il-kummerċ transżonali tal-elettriku fuq l-infrastruttura transfruntiera eżistenti.
(33)Il-livelli eċċessivi ta’ depożiti ta’ nitroġenu, li jirriżultaw prinċipalment, iżda mhux esklużivament, mis-settur agrikolu intensiv, jibqgħu sfida ambjentali sinifikanti li għandha impatt fuq l-ekonomija tan-Netherlands b’mod ġenerali. Id-depożizzjoni eċċessiva tan-nitroġenu twassal għall-fertilizzazzjoni żejda u l-aċidifikazzjoni tal-ħamrija u tal-korpi tal-ilma, filwaqt li fl-istess ħin tpoġġi restrizzjonijiet sinifikanti fuq l-għoti ta’ permessi għall-attivitajiet ta’ kostruzzjoni, li jdewwem il-bini tal-infrastruttura meħtieġa u jħalli impatt fuq il-kompetittività tal-pajjiż. Il-kwalità tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art tibqa’ wkoll ta’ tħassib, b’ħafna korpi tal-ilma jonqsu milli jikkonformaw mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar in-Nitrati. Għalhekk, huma meħtieġa miżuri addizzjonali biex jindirizzaw strutturalment id-depożizzjoni eċċessiva tan-nitroġenu mis-setturi emittenti u biex jixprunaw tranżizzjoni lejn agrikoltura sostenibbli, inkluża l-biedja organika. B’mod partikolari, in-Netherlands jistgħu jibbenefikaw mill-adozzjoni ta’ prattiki tal-biedja li għandhom l-għan li jnaqqsu t-tniġġis min-nutrijenti u mill-pestiċidi u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.
(34)Is-sehem ta’ ħaddiema Netherlandiżi b’kuntratti flessibbli jew temporanji huwa kważi d-doppju tal-medja tal-UE. Barra minn hekk, hemm diversi inċentivi fis-suq tax-xogħol Netherlandiż li joħolqu kundizzjonijiet mhux ekwi bejn l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati, li jippermettu impjieg indipendenti fittizju u li jirriżultaw f’sehem relattivament għoli ta’ persuni li jaħdmu għal rashom fis-suq tax-xogħol Netherlandiż. L-użu mifrux ta’ impjiegi flessibbli kkontribwixxa għas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol (jiġifieri d-diviżjoni tas-suq tal-impjiegi f’kategoriji differenti ta’ ħaddiema b’livelli differenti ta’ sigurtà tal-impjiegi u/jew aċċess għal benefiċċji soċjali u benefiċċji oħra) u jaffettwa b’mod sproporzjonat gruppi vulnerabbli bħal ħaddiema b’livelli aktar baxxi ta’ ħiliet u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Huwa aktar probabbli li dawn il-ħaddiema jinqabdu f’impjiegi prekarji b’aċċess limitat għat-taħriġ, protezzjoni soċjali inadegwata, u riskju ogħla ta’ faqar fost dawk li jaħdmu u esklużjoni soċjali. Il-prevalenza għolja ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u l-impjiegi flessibbli jistgħu jinfluwenzaw ukoll it-tkabbir tal-produttività, peress li dawn il-forom ta’ impjieg spiss ikollhom inqas opportunitajiet għat-tagħlim, l-iżvilupp u t-taħriġ. Il-Gvern qed jimplimenta pakkett ta’ miżuri biex inaqqas l-inċentivi għall-impjieg indipendenti u l-impjieg flessibbli. Dan jinkludi: i) diversi bidliet leġiżlattivi biex jiġi limitat l-impjieg indipendenti fittizju u jitnaqqsu d-differenzi bejn dawk li jaħdmu għal rashom u l-impjegati, li kollha huma koperti mill-pjan Netherlandiż għall-irkupru u r-reżiljenza; u ii) abbozz ta’ liġi li għandu l-għan li jipprovdi sigurtà tal-impjieg għal dawk li jaħdmu b’kuntratti ta’ impjieg flessibbli. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet b’mod komprensiv u rapidu hija kruċjali biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet persistenti fis-suq tax-xogħol Netherlandiż.
(35)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet għadu sfida sinifikanti fin-Netherlands, u jaffettwa firxa wiesgħa ta’ setturi inklużi l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, it-teknoloġija u l-ICT. In-Netherlands jispikkaw ukoll f’dan ir-rigward meta mqabbla mal-pari, b’kumpaniji Netherlandiżi ferm aktar probabbli li jirrapportaw diffikultajiet ta’ reklutaġġ meta mqabbla mal-medja tal-UE. Hemm diversi fatturi strutturali li jaffettwaw in-nuqqas ta’ ħaddiema, inklużi x-xejriet demografiċi, it-tkabbir bil-mod tal-forza tax-xogħol u l-għadd medju baxx ta’ sigħat maħduma. Dawn ir-restrizzjonijiet qed ixekklu l-produttività u l-kompetittività. Minkejja rati għoljin ta’ parteċipazzjoni, in-Netherlands għandhom potenzjal ta’ xogħol mhux sfruttat, speċjalment fost persuni bi sfond ta’ migrazzjoni u ħaddiema part-time, b’mod partikolari n-nisa. Biex tiżdied il-provvista tax-xogħol, in-nies jistgħu jiġu mħeġġa jaħdmu aktar sigħat, inkluż permezz ta’ miżuri ta’ politika li jippermettulhom jikkombinaw ix-xogħol mar-responsabbiltajiet tal-familja u tal-kura u billi jippromwovu l-kwalità tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar. L-attrazzjoni tat-talent tista’ żżid ukoll il-provvista tax-xogħol. L-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħaddiema se jirrikjedi approċċ multidimensjonali li jimmira lejn ostakli speċifiċi għas-settur, u jagħti spinta lill-investimenti li jtejbu l-produttività. It-tisħiħ tal-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid, b’mod partikolari għan-nies fil-marġini tas-suq tax-xogħol, se jkun essenzjali biex jittaffew in-nuqqasijiet, titħeġġeġ il-mobbiltà settorjali, u tiġi appoġġata r-reżiljenza ekonomika fit-tul. Il-miżuri ta’ politika min-naħa tad-domanda jistgħu jiffukaw fuq il-promozzjoni ta’ setturi b’valur miżjud għoli kif ukoll setturi relatati mal-isfidi tas-soċjetà, bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, l-inkoraġġiment tal-mobbiltà transsettorjali u ż-żieda fl-investimenti li jsaħħu l-produttività u fir-R&Ż.
(36)It-tnaqqis fil-ħiliet bażiċi fin-Netherlands huwa wieħed mill-akbar fl-UE u jimmina l-eżiti u l-kompetittività tal-edukazzjoni u tas-suq tax-xogħol. Għalkemm in-Netherlands għad għandhom sehem relattivament għoli ta’ studenti bl-aqwa prestazzjoni, l-għadd ta’ studenti li ma rnexxewx żdied drastikament fil-matematika, ix-xjenza u l-qari matul l-aħħar għaxar snin. In-nuqqas ta’ progress huwa erba’ darbiet aktar komuni fost l-istudenti żvantaġġati milli fost il-pari tagħhom. In-nuqqas ta’ għalliema huwa konsiderevoli u jista’ jkollu impatt fuq l-eżiti tat-tagħlim tal-istudenti u jfixkel l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd, peress li jvarja skont is-sehem ta’ studenti żvantaġġati fl-iskejjel u bejn ir-reġjuni. Biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, in-Netherlands jistgħu jevalwaw u jirrieżaminaw il-miżuri eżistenti biex itejbu l-ħiliet bażiċi, bħall-“Master plan for basic skills” imniedi fl-2022, u jikkunsidraw miżuri biex itejbu l-eżiti tat-tagħlim tal-istudenti, bħal li jagħmluha aktar faċli li ssir tranżizzjoni bejn toroq edukattivi differenti, b’enfasi fuq skejjel b’popolazzjoni ta’ studenti żvantaġġati.
(37)In-Netherlands qed jiffaċċjaw sfida biex jiżguraw biżżejjed gradwati postsekondarji fl-oqsma STEM, li qed taggrava n-nuqqas ta’ ħiliet. Minkejja li għandu rata ta’ kisba terzjarja ogħla mill-medja tal-UE, il-pajjiż għadu lura fis-sehem ta’ gradwati STEM. B’mod partikolari, in-nisa u l-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni mhumiex rappreżentati biżżejjed fl-oqsma STEM. Biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, jista’ jiġi pprovdut appoġġ immirat għall-edukazzjoni, inkluż gwida personalizzata u proċessi ta’ tagħlim imfassla apposta. Inizjattivi bħal dawn jistgħu jgħinu biex jitneħħew l-ostakli u jinkoraġġixxu gruppi sottorappreżentati speċifikament biex isegwu studji STEM.
(38)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2025, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għan-Netherlands, ir-rakkomandazzjonijiet (2), (3), u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar il-kompetittività, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet (1), (4) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar ir-reżiljenza, u r-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tat-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-2025.
(39)Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (1). Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet marbuta ma’ dejn għoli privat f’kuntest ta’ suq ta’ akkomodazzjoni sopravalutat u vulnerabbiltajiet marbuta mas-surplus għoli fil-kont kurrenti. Ir-rakkomandazzjoni (1) tikkontribwixxi kemm għall-indirizzar tal-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, f’konformità mal-premessa 38.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li n-Netherlands jieħdu azzjoni fl-2025 u fl-2026 biex:
1.Isaħħu l-infiq u l-istat ta’ tħejjija ġenerali fid-difiża f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Jiżguraw li n-nefqa netta tirrispetta l-perkors rakkomandat mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025. Jallinjaw it-tassazzjoni ta’ tipi differenti ta’ introjtu mill-ġid, fost l-oħrajn biex jitnaqqsu l-inċentivi għas-sjieda tad-djar iffinanzjata mid-dejn. Ineħħu l-ostakli għall-kostruzzjoni ta’ abitazzjonijiet ġodda billi jissimplifikaw il-proċeduri tal-ippjanar u tal-permessi. Jappoġġaw l-iżvilupp ta’ settur tal-kiri privat affordabbli, inkluż billi jagħmlu l-investimenti fis-settur aktar attraenti. Jindirizzaw iż-żieda mistennija fin-nefqa relatata mal-età fil-kura fit-tul billi jagħmlu s-sistema aktar kosteffettiva, inkluż billi jallokaw il-benefiċċji b’mod aktar effiċjenti.
2.Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f’waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni (il-FEŻR, il-JTF u l-FSE+), filwaqt li jibnu, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Jagħmlu l-aħjar użu mill-istrumenti tal-UE, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni pprovdut mill-InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex itejbu l-kompetittività.
3.Isaħħu l-intensità tar-R&Ż pubbliċi u privati billi jimmiraw l-appoġġ lejn investimenti f’teknoloġiji strateġiċi ewlenin. Jindirizzaw id-diskrepanza fil-finanzjament għal start-ups u scale-ups fi stadju avvanzat billi jisfruttaw l-għodod ta’ finanzjament disponibbli u jipprovdu inċentivi biex jattiraw investituri istituzzjonali.
4.Inaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili billi jaċċelleraw l-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jtejbu l-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fil-bini. Inaqqsu l-konġestjoni tal-grilja tal-elettriku billi jżidu l-kapaċità tal-grilja tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, jimplimentaw soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà, jimmassimizzaw il-kummerċ transżonali, u jissimplifikaw aktar il-proċeduri għall-għoti ta’ permessi. Jimplimentaw miżuri strutturali biex jindirizzaw id-depożizzjoni eċċessiva tan-nitroġenu u d-deterjorament tal-kwalità tal-ilma b’mod effettiv, speċjalment billi jagħmlu aktar sforzi għal agrikoltura sostenibbli.
5.Jadottaw u jimplimentaw miżuri biex inaqqsu l-inċentivi għall-użu ta’ kuntratti flessibbli jew temporanji. Jimplimentaw miżuri komprensivi biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet, inkluż billi jisfruttaw il-potenzjal tax-xogħol li ma jintużax biżżejjed, billi jsaħħu l-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid għal kulħadd permezz ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol immirati u mfassla apposta, u billi jinkoraġġixxu l-mobbiltà lejn setturi bi produttività għolja u setturi relatati mal-isfidi tas-soċjetà. Itejbu l-ħiliet bażiċi, inkluż billi jindirizzaw in-nuqqas ta’ għalliema u appoġġ imfassal apposta għall-iskejjel żvantaġġati, u jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni fil-programmi STEM permezz ta’ appoġġ edukattiv immirat u pariri dwar il-karriera, speċjalment għan-nisa u l-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President