SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

19 ta' April 2007 (*)

“Direttiva 92/83/KEE– Armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku – Artikolu 27(1)(f) – Alkoħol li jkun jinsab fi prodotti taċ-ċikkulata – Eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa armonizzata”

Fil-kawża C‑63/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja), permezz ta' Deċiżjoni ta' l-20 ta' Diċembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta' Frar 2006, fil-proċedura

UAB Profisa

vs

Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Juhász, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal UAB Profisa, minn T. Blažys, advokatas,

–       għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u Â. Seiça Neves, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Mölls u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata' l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, p. 21).

2       Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn UAB Profisa (iktar ‘il quddiem “Profisa”) u l-Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (id-dipartiment tad-dwana Litwan) fuq l-issuġġettar għat-taxxa tas-sisa armonizzata ta’ l-Alkoħol li jkun jinsab fi prodotti taċ-ċikkulata.

 Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 27(1) f) tad-direttiva 92/83 jgħid:

"L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti koperti b'din id-Direttiva mis-sisa armonizzata taħt il-kundizzjonijiet li għandhom jistipulaw għall-iskop li tkun assigurata l-aplikazzjoni korretta u ħafifa ta' dawn l-eżenzjonijiet u li tkun ipprevenuta xi evażjoni, ħelsien jew abbuż:meta użat direttament jew bħala kostitwent ta' prodott ippreparat għall-aħħar stadju ta' manifattura ta' l-ikel, mimli jew le, iżda f'kull każ il-kontenut alkoħoliku ma jeċċedix it-8,5 litri ta' alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott għaċ-ċikkulata, u 5 litri ta' alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott għal prodotti oħra."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4       Il-punt 5 ta’ l-Artikolu 25(1) tal-liġi tat-30 ta’ Ottubru 2001, dwar it-taxxi tas-sisa (Lietuvos Respublikos akcizų įstatymas) (Žin., 2001, nº 98-3482), kif emendat mil-liġi tad-29 ta’ Jannar 2004 (Žin., 2004, nº 26-802, iktar ‘il quddiem il-"liġi dwar it-taxxi tas-sisa"), jipprovdi li l-alkoħol etiliku u x-xorb alkoħoliku intiż għall-manifattura ta’ prodotti taċ-ċikkulata huma eżenti mit-taxxa tas-sisa, bil-kundizzjoni li ma jiġix użat iktar minn 8.5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg (netti) ta’ prodott taċ-ċikkulata.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5       Profisa timporta fil-Litwanja prodotti taċ-ċikkulata li jinkludu alkoħol etiliku.

6       B’deċiżjonijiet ta’ l-4 ta’ Jannar u ta' l-14 ta’ Marzu 2005, il-Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos irrifjuta li jeżenta mit-taxxa tas-sisa l-prodotti importati minn Profisa, għar-raġuni li, minkejja li l-punt 5 ta’ l-Artikolu 25(1) tal-liġi dwar it-taxxi tas-sisa jeżenta mit-taxxa tas-sisa l-alkoħol etiliku intiż għall-manifattura ta’ prodotti taċ-ċikkulata, din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli għall-prodotti lesti taċ-ċikkulata importati li jinkludu alkoħol etiliku, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

7       Profisa talbet li dawn id-deċiżjonijiet jiġu annullati mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas, li ċaħad it-talba b’sentenza tad-9 ta’ Mejju 2005.

8       Profisa appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

9       Din il-Qorti tindika li, safejn il-punt 5 ta’ l-Artikolu 25(1) tal-liġi dwar it-taxxi tas-sisa jfittex li jassigura t-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 27(1) f) tad-direttiva 92/83 fis-sistema legali Litwana, interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni hija neċessarja sabiex tingħata sentenza fil-kawża quddiemha.

10     Issa, din il-qorti tosserva li l-verżjoni Litwana ta’ l-Artikolu 27(1)(f) tad-direttiva 92/83 hija differenti minn verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ dan l-istess Artikolu.

11     Huwa f’dan il-kuntest li l-Vyriausiasis administracinis teismas iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

"Fid-dawl tad-diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-direttiva 92/83 […] wieħed għandu jinterpreta l-Artikolu 27(1) f) tagħha fis-sens li huwa jimponi fuq l-Istati Membri l-eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa l-alkoħol etiliku importat fit-territorju doganali tal-Komunitajiet Ewropej li jinsab fil-prodotti taċ-ċikkulata intiżi għall-konsum dirett meta l-kwantità ta’ alkoħol li tinsab fil-prodotti taċ-ċikkulata ma taqbiżx 8.5 litri għal kull 100 kg ta’ prodott?"

 Fuq id-domanda preliminari

12     Il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub jipproponu li tingħata risposta affermattiva għad-domanda preliminari.

13     Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li n-neċessità ta' applikazzjoni u, għaldaqstant, ta' interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju teskludi li, fil-każ ta' dubju, it-test ta' dispożizzjoni jitqies separatament, iżda minflok titlob li dan jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder vs Ulm, 29/69, Ġabra p. 419, punt 3; tas-7 ta’ Lulju 1988, Moksel vs Balm, 55/87, Ġabra p. 3845, punt 15, u tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et, C‑296/95, Ġabra p. I-605, punt 36).

14     F'każ ta' diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta' test Komunitarju, id-dispożizzjoni in kwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl ta' l-istruttura ġenerali u ta' l-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha (sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, Ġabra p. 1999, punt 14; tas-7 ta’ Diċembru 2000, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑482/98, Ġabra p. I-10861, punt 49, u ta’ l-1 ta’ April 2004, Borgmann, C‑1/02, Ġabra p. I-3219, punt 25).

15     Issa, jirriżulta minn eżami komparattiv tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ l-Artikolu 27(1) f) tad-direttiva 92/83 li, bl-eċċezzjoni tal-verżjoni Litwana, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ dan l-Artikolu jipprovdu li, taħt il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu, l-Istati Membru għandhom jeżentaw mit-taxxa tas-sisa armonizzata l-prodotti koperti minn din id-direttiva, fosthom l-alkoħol etiliku, meta dan jintuża direttament għall-manifattura ta’ ikel, bil-kundizzjoni li, f’kull każ, il-livell ta’ alkoħol ma jaqbiżx 8.5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg ta’ prodotti li jidħlu fil-kompożizzjoni taċ-ċikkulati u 5 l ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg ta’ prodotti li jidħlu fil-kompożizzjoni ta’ prodotti oħra.

16     Il-post fejn l-alkoħol etiliku jiġi użat għal din il-manifattura huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

17     Barra minn hekk, l-għan imfittex mill-eżenzjonijiet previsti mid-direttiva 92/83 huwa, b’mod partikolari, li jinnewtralizza l-impatt tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol inkwantu prodott intermedjarju li jidħol fil-kompożizzjoni ta’ prodotti oħra kummerċjali jew industrijali (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 4).

18     Barra minn hekk, l-eżenzjoni tal-prodotti msemmija mill-Artikolu 27(1) tad-direttiva 92/83 tikkostitwixxi l-prinċipju, u r-rifjut tagħha huwa l-eċċezzjoni. Il-fakultà rrikonoxxuta lill-Istati Membri b’din l-istess dispożizzjoni li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet "sabiex jassiguraw applikazzjoni korretta u diretta ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li jiġu evitati kull frodi, evażjoni jew abbuż" ma għandhiex ixxejjen in-natura inkundizzjonata ta’ l-obbligu ta’ eżenzjoni previst mill-imsemmija dispożizzjoni (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 50).

19     Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 27(1) f) tad-direttiva 92/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jimponi fuq l-Istati Membri l-eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa armonizzata ta’ l-alkoħol etiliku importat fit-territorju doganali ta’ l-Unjoni Ewropea u li jinsab fil-prodotti taċ-ċikkulata intiżi għall-konsum dirett, bil-kundizzjoni li l-livell ta’ alkoħol ta’ dawn il-prodotti ma jaqbiżx 8.5 litri għal kull 100 kg ta’ prodott.

 Fuq l-ispejjeż

20     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tmien Awla) taqta' u tiddeċiedi:

L-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jimponi fuq l-Istati Membri l-eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa armonizzata ta’ l-alkoħol importat fit-territorju doganali ta’ l-Unjoni Ewropea u li jinsab fil-prodotti taċ-ċikkulata intiżi għall-konsum dirett, bil-kundizzjoni li l-livell ta’ alkoħol ta’ dawn il-prodotti ma jaqbiżx 8.5 litri għal kull 100 kg ta’ prodott.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Litwan.