European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2539

18.11.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2539

tas-17 ta’ Novembru 2026

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2103 dwar standard armonizzat għal inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, abbozzata b’appoġġ għar-Regolament Delegat (UE) 2019/945

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/945 (2), prodott li jkun konformi mal-istandards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi għalihom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun preżunt konformi mar-rekwiżiti koperti minn dawk l-istandards jew minn partijiet minnhom stabbiliti fil-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17 tal-Anness ta’ dak ir-Regolament Delegat.

(2)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020) 6148 (3), il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) biex jabbozza standards armonizzati b’appoġġ għar-Regolament Delegat (UE) 2019/945 (it-“talba”).

(3)

Abbażi tat-talba, is-CEN abbozza l-istandards armonizzati EN 4709-001:2026 u EN 4709-003:2026 li jindirizzaw ir-rekwiżiti applikabbli għal Sistemi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord (UAS).

(4)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandards armonizzati EN 4709-001:2026 u EN 4709-003:2026 jikkonformawx mat-talba.

(5)

L-istandards EN 4709-001:2026 u EN 4709-003:2026 jissodisfaw ir-rekwiżiti, li jimmiraw li jkopru, u li huma stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2019/945. Għalhekk, jixraq li r-referenzi ta’ dawk l-istandards jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Fl-interessi taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’att uniku lista sħiħa ta’ referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament Delegat (UE) 2019/945 u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li jimmiraw li jkopru. Bħalissa r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament Delegat (UE) 2019/945 huma ppubblikati f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2103 (4).

(7)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2103 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/945 tat-12 ta’ Marzu 2019 dwar sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u dwar operaturi ta’ sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord minn pajjiżi terzi (ĠU L 152, 11.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/945/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2020) 6148 tal-11 ta’ Settembru 2020 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni fir-rigward ta’ sistemi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord maħsuba biex jitħaddmu fil-kategorija “miftuħa” ta’ operazzjonijiet b’appoġġ għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/945.

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2103 tat-30 ta’ Lulju 2024 dwar standard armonizzat għal identifikazzjoni remota diretta tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, abbozzat b’appoġġ għar-Regolament Delegat (UE) 2019/945, (ĠU L, 2024/2103, 1.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2103/oj).


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2103 huwa emendat kif ġej:

(1)

tiddaħħal ir-ringiela li ġejja:

“0

EN 4709-001:2026

Serje Ajruspazjali — Sistemi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord — Parti 001: Rekwiżiti u verifikazzjoni tal-prodott”

(2)

tiżdied ir-ringiela li ġejja:

“2

EN 4709-003:2026

Serje Ajruspazjali — Sistemi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord — Parti 003: Rekwiżiti ta’ ġeokonsapevolezza”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2539/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)