European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6817

29.11.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Ottubru 2024

dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali ta' Franza

(C/2024/6817)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B'hekk tkun tista' tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Franza żiedet kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)

Fis-16 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f'termini ta' disa' fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta' politika ta' importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta' Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b'saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa' fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati.

(4)

Fil-21 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba' dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta' Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2024, li fih identifikat lil Franza bħala wieħed mill-Istati Membri li jista' jiġi affettwat, jew li jista' jkun f'riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2024 ta' Franza. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta' April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta' Marzu 2024.

(5)

Fit-30 ta' April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (6) emendat dwar it-tħaffif u l-kjarifika tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (7) emendata dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment ta' Stat Membru, li jkopru orizzont ta' ppjanar ta' erba' jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (8) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta' appoġġ għat-tħejjija ta' dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta' progress annwali tagħhom. F'konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta' Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b'perjodu ta' żmien raġonevoli. F'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra.

(6)

Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f'konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f'konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)

Fit-28 ta' April 2021, Franza ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta' dak ir-Regolament. Fit-13 ta' Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Franza (9), li ġiet emendata fl-14 ta' Lulju 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li Franza tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)

Fit-2 ta' Mejju 2024, Franza ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2024 u l-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2024, f'konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (11). F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali ta' Franza dwar il-progress li sar fit-twettiq tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

(9)

Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għal Franza. Dan ivvaluta l-progress ta' Franza fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u evalwa l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Franza. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta' dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress ta' Franza fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(10)

Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għal Franza. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal mill-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għal Franza għall-finijiet ta' dak ir-Regolament ġew ippubblikati f'April 2024. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li Franza ma għadhiex tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, l-azzjoni ta' politika għenet fit-tnaqqis tal-vulnerabbiltajiet, li kellhom rilevanza transfruntiera, relatati mal-kompetittività f'kuntest ta' tkabbir baxx fil-produttività, iżda jeħtieġ li jitkomplew l-isforzi, filwaqt li għad hemm vulnerabbiltajiet relatati ma' dejn pubbliku għoli. Il-kompetittività tal-prezzijiet evolviet b'mod favorevoli mill-2021, parzjalment minħabba inflazzjoni aktar baxxa mis-sħab kummerċjali. Madankollu, l-eżiti tal-kompetittività tal-kostijiet kienu aktar imħallta peress li l-produttività tax-xogħol ġiet limitata b'fatturi temporanji wara l-kriżi tal-COVID-19, inkluż iż-żamma persistenti tal-ħaddiema f'xi setturi ewlenin, u politiki mmirati lejn iż-żieda fl-impjiegi. Dawk irriżultaw fi tkabbir qawwi fl-impjiegi f'dawn l-aħħar snin. Il-produttività tax-xogħol u l-kompetittività huma mistennija li jitjiebu fil-futur, megħjuna minn investimenti u riformi ppjanati, li għandhom jirfdu d-diżingranaġġ tad-dejn. Id-dejn tas-settur privat żdied b'mod sinifikanti matul il-kriżi tal-COVID-19, iżda kien akkumpanjat minn żieda fir-rata tat-tfaddil tal-unitajiet domestiċi, u minn żidiet fl-ekwità u l-akkumulazzjoni ta' riżervi ta' likwidità fid-ditti, li issa qed jintużaw. Il-kreditu għall-investiment korporattiv għadu dinamiku minkejja l-kundizzjonijiet finanzjarji aktar stretti. Id-dejn pubbliku għall-PDG naqas xi ftit bl-irkupru fil-PDG mill-2021, għal ftit aktar minn 110 % fl-2023. Huwa pprojettat li jibqa' ġeneralment stabbli fl-2024 iżda li jerġa' jiżdied fl-2025 hekk kif ikomplu d-defiċits tal-gvern kbar, fuq bażi tal-ebda bidla fil-politika. Ir-rispons politiku għall-vulnerabbiltajiet identifikati relatati mal-kompetittività f'kuntest ta' tkabbir baxx fil-produttività kien ġeneralment xieraq u għandu jappoġġa t-tkabbir tal-produttività fis-snin li ġejjin, iżda jeħtieġ li jitkomplew l-isforzi. L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ser tgħin biex jiġu indirizzati aktar l-isfidi tal-kompetittività filwaqt li jittejjeb it-tkabbir tal-produttività. Filwaqt li ttieħdet azzjoni ta' politika biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi, huwa ċar li jenħtieġu aktar sforzi biex jitnaqqas id-dejn pubbliku għoli. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir riformat, inkluż l-applikazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, joffri mekkaniżmu ta' sorveljanza xieraq u b'saħħtu biex jindirizza r-riskji għas-sostenibbiltà fiskali.

(11)

Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż ta' Franza żdied minn 4,8 % tal-PDG fl-2022 għal 5,5 % fl-2023 (12), filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 111,9 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 110,6 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2023 intitolata “Gwida tal-politika fiskali għall-2024”, il-Kummissjoni qiegħda tieħu l-ewwel pass biex tiftaħ proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżiti għall-2023, f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja ta' Franza, billi fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha eċċeda l-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li, fid-dawl ta' dik il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fformulata skont l-Artikolu 126(4) tat-Trattat, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi f'Lulju 2024 li tiftaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv għal Franza, billi tipproponi li l-Kunsill jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat li tistabbilixxi l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fi Franza.

(12)

Fit-12 ta' Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda (13) li Franza tiżgura politika fiskali prudenti fl-2023, b'mod partikolari billi tillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali għal taħt it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju (14), filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat ulterjuri għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, Franza ngħatat rakkomandazzjoni li għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Franza ngħatat ukoll rakkomandazzjoni li għandha tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (15) kienet restrittiva, b'0,5 % tal-PDG, f'kuntest ta' inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta' 0,3 % tal-PDG u kien konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 0,4 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 4,1 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta' 0,1 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Franza ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni. Iffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, bħal għall-iżvilupp u l-użu industrijali ta' soluzzjonijiet tal-idroġenu rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, proġetti ta' innovazzjoni f'sistemi agrikoli sostenibbli, materjali riċiklati, bini innovattiv, id-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tal-mobbiltà kif ukoll investimenti għar-rinnovazzjoni termali tal-bini. Dak l-investiment pubbliku huwa parzjalment iffinanzjat mill-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni.

(13)

Fil-Programm ta' Stabbiltà 2024, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprojetta tkabbir tal-PDG reali ta' 1,0 % fl-2024 u 1,4 % fl-2025, filwaqt li jipprojetta inflazzjoni mkejla skont l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur (CPI) ta' 2,5 % fl-2024 u 1,7 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 5,1 % tal-PDG fl-2024 u 4,1 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 112,3 % sa tmiem l-2024 u 113,1 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos gradwalment għal 3,6 % tal-PDG fl-2026 u 2,9 % fl-2027. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li jinżel taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fl-2027. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat li jonqos gradwalment għal 112,9 % fl-2026, u 112,0 % fl-2027.

(14)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali ser jikber b'0,7 % fl-2024 u 1,3 % fl-2025, u l-inflazzjoni mkejla mill-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ser tkun ta' 2,5 % fl-2024 u 2,0 % fl-2025.

(15)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 5,3 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 112,4 % sa tmiem l-2024. It-tnaqqis fid-defiċit fl-2024 jirrifletti prinċipalment l-irtirar tal-biċċa l-kbira tal-miżuri ta' emerġenza relatati mal-enerġija u 0,3 % tal-iffrankar fin-nefqa tal-PDG adottati fi Frar 2024, parzjalment ikkumpensati miż-żieda f'daqqa pprojettata fil-pagamenti tal-imgħax fuq id-dejn pubbliku għal madwar 2,0 % tal-PDG, immotivata minn rati ogħla fuq ħruġ ġdid. Barra minn hekk, il-projezzjoni tinkludi wkoll l-impatt ta' 0,1 % tal-PDG ta' taxxa eċċezzjonali fuq il-produtturi tal-enerġija u fuq il-profitti finanzjarji eċċezzjonali relatati mal-enerġija. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2024 tirrifletti prinċipalment l-impatt ta' defiċit primarju għoli u pagamenti tal-imgħax li qed jiżdiedu, filwaqt li l-effett tat-tnaqqis tad-dejn li jirriżulta mit-tkabbir nominali jkun aktar moderat milli fi snin reċenti. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun restrittiva b'1,1 % tal-PDG fl-2024.

(16)

In-nefqa li tammonta għal 0,2 % tal-PDG mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma' 0,2 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità ser tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż ta' Franza.

(17)

Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda (16) li Franza tiżgura politika fiskali prudenti, b'mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (17) fl-2024 għal mhux aktar minn 2,3 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta' proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali ta' Franza hija pprojettata li tiżdied b'1,8 % fl-2024 (18), li hija taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill.

(18)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li Franza tieħu azzjoni biex tnaqqas b'mod gradwali l-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija fis-seħħ, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista' jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta' appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta' appoġġ, Franza tiżgura li tali miżuri ta' appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (19) tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta' 0,9 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun fil-livell ta' 0,2 % fl-2024 u 0,0 % fl-2025. B'mod partikolari, il-limitu massimu fuq il-prezzijiet regolati tal-elettriku, implimentat permezz ta' tnaqqis fit-taxxa domestika fuq il-konsum finali tal-elettriku (TICFE) u s-sussidji diretti biex jikkumpensaw lill-fornituri tal-elettriku, huwa preżunt li jibqa' fis-seħħ fl-2024. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawk il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta' 0,6 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (20) tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta' 1,0 % tal-PDG f'dik is-sena. Il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija ġew eliminati gradwalment fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Barra minn hekk, it-tfaddil relatat huwa pprojettat li jintuża kollu biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Dan huwa wkoll konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(19)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li Franza tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jibqa' stabbli fil-livell ta' 4,1 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità, hija mistennija li tibqa' stabbli fil-livell ta' 0,4 % tal-PDG fl-2024.

(20)

Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 5,0 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis fid-defiċit fl-2025 b'politiki mhux mibdula jirrifletti prinċipalment l-irkupru mistenni tat-tkabbir. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 113,8 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG hija prinċipalment immotivata minn defiċits primarji għoljin u pagamenti tal-imgħax li qed jiżdiedu.

(21)

In-nefqiet tat-taxxa fi Franza huma numerużi u jimplikaw piż baġitarju kbir. Il-liġi tal-baġit għall-2023 stmat li l-kost baġitarju tal-465 nefqa tat-taxxa elenkati fl-2022 kien jammonta għal EUR 88 biljun (3,3 % tal-PDG), mingħajr l-effett tal-kreditu tat-taxxa fuq l-impjiegi u l-kompetittività (crédit d'impôt pour la compétitivité et l'emploi, CICE), li ġie rtirat fl-2019. B'mod partikolari, il-kreditu tat-taxxa fuq ir-riċerka (crédit d'impôt recherche, madwar EUR 7 biljun), il-kreditu tat-taxxa għall-impjegati mid-dar (crédit d'impôt pour l'emploi d'un salarié à domicile, EUR 5,7 biljun), il-provvediment ta' 10 % fuq il-pensjonijiet u l-arranġamenti tal-irtirar (abattement de 10 % sur les pensions et retraites, EUR 4,4 biljun) u r-rata ta' 10 % għat-titjib, il-konverżjoni, is-sistemazzjoni u x-xogħlijiet ta' manutenzjoni (taux de 10 % pour les travaux d'amélioration, de transformation, d'aménagement et d'entretien, EUR 4,3 biljun) kienu l-akbar fil-liġi tal-baġit għall-2023. Mill-2013, minkejja ħafna tentattivi biex jiġi kontrollat il-kost u l-għadd tan-nefqiet tat-taxxa, dawn żdiedu b'aktar minn 16 % f'termini reali. Filwaqt li n-nefqiet tat-taxxa jistgħu jiġu motivati minn objettivi ta' politika ekonomika u soċjali, dawn mhumiex neċessarjament l-istrument l-aktar kosteffiċjenti u f'xi każijiet jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet ekonomiċi severi. Kif sinjalat mill-Qorti tal-Awdituri ta' Franza, in-nefqiet tat-taxxa jnaqqsu l-effiċjenza u t-trasparenza tas-sistema fiskali ta' Franza, jintroduċu livell sinifikanti ta' kumplessità u, b'mod aktar mifrux, jikkaġunaw telf ta' effiċjenza minħabba d-distorsjoni f'deċiżjonijiet individwali. Il-liġi dwar il-programmazzjoni tal-finanzi pubbliċi pluriennali għall-2023-2027, adottata f'Novembru 2023, introduċiet dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġi limitat l-impatt baġitarju tan-nefqiet tat-taxxa, jiġi kontrollat l-għadd tagħhom u jsiru aktar effiċjenti, filwaqt li għandhom ukoll l-għan li jtejbu t-trasparenza tal-komunikazzjoni mal-Parlament fil-kuntest tal-proċess baġitarju annwali. Madankollu, it-tentattivi fil-passat kellhom suċċess limitat fit-tnaqqis tal-kumplessità tat-taxxa u l-kost baġitarju assoċjat man-nefqiet tat-taxxa. Billi n-nefqiet tat-taxxa mid-definizzjoni tagħhom jaqgħu barra mill-ambitu tal-kontrolli baġitarji fuq in-nefqa, it-trażżin tagħhom ikun jeħtieġ livell simili ta' monitoraġġ, b'mod komplementari għar-rieżami tal-infiq imniedi mill-gvern skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(22)

In-nefqa pubblika ta' Franza fl-2023, fil-livell ta' 57,3 % tal-PDG, għadha ħafna ogħla mill-medja tal-Unjoni. It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta diskrepanza simili fl-2024 u l-2025. B'hekk, il-konsolidazzjoni fiskali fi Franza titlob azzjoni deċiżiva fuq l-infiq pubbliku. Il-mekkaniżmu l-ġdid tar-rieżami tal-infiq, li ġie adottat bil-liġi tal-baġit għall-2023 fil-kuntest tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, għandu l-potenzjal li jappoġġa tali konsolidazzjoni u tnaqqis tad-dejn pubbliku. L-objettiv ewlieni ta' dak il-mekkaniżmu l-ġdid huwa li jwettaq evalwazzjonijiet regolari għall-infiq pubbliku bil-ħsieb li jidentifika l-aktar nefqiet effiċjenti li jiffavorixxu t-tkabbir, l-inklużjoni soċjali u t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li jiġu ffrankati nefqiet fejn jiġu identifikati ineffiċjenzi. F'Lulju 2023 ġie ppreżentat l-ewwel rapport bi proposti konkreti lill-Parlament. Madankollu, jidher li l-konverżjoni f'miżuri ta' ffrankar konkreti u kwantifikati fil-liġi tal-baġit għall-2024 hija limitata. 'Il quddiem, il-konsolidazzjoni fiskali tibbenefika minn integrazzjoni regolari ta' miri ta' ffrankar kwantifikat tan-nefqiet mir-rieżamijiet ta' nfiq fi ppjanar baġitarju annwali u pluriennali futur.

(23)

F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul ta' Franza permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li Franza tkompli timplimenta r-riformi u l-investimenti. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(24)

Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), Franza hija meħtieġa li tagħmel rieżami ta' kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f'kull programm. Filwaqt li Franza għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għad fadal sfidi. Fl-2023, Franza rreġistrat tkabbir moderat fil-pajjiż, għalkemm b'differenzi persistenti sinifikanti bejn ir-reġjuni, li wħud minnhom juru tkabbir kajman fit-tul. Hemm disparitajiet konsiderevoli fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u dwak metropolitani, kif ukoll iż-żoni urbani u dawk mhux urbani. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni hija kruċjali. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi jibqgħu rilevanti. Huwa partikolarment importanti li l-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni fil-livell reġjonali jibqgħu jiġu appoġġati, b'mod partikolari billi tingħata spinta lill-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali, il-ħiliet strateġiċi u l-attirar tat-talent. Il-ħtieġa li tiżdied id-diġitalizzazzjoni u l-kapaċità tal-innovazzjoni tan-negozji, speċjalment fir-reġjuni f'nassa tal-iżvilupp, jistħoqqilha attenzjoni speċifika wkoll. Il-prijoritajiet li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika għadhom kruċjali, b'enfasi partikolari fuq il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-iżvilupp tas-sistemi tal-enerġija intelliġenti u l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, kif ukoll l-adattament għat-tibdil fil-klima. Fir-reġjun ultraperiferiċi, il-provvista tal-ilma tax-xorb, it-trattament tal-ilma mormi u l-ġbir u l-ġestjoni tal-iskart muniċipali għadhom fundamentali. L-inklużjoni attiva tal-gruppi żvantaġġati, bħal persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni u persuni b'diżabilità għadha importanti, kif ukoll investimenti mmirati fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid f'konformità mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u b'attenzjoni partikolari għall-gruppi żvantaġġati. Huwa kruċjali wkoll li jitkomplew il-miżuri kontra l-faqar u ta' inklużjoni soċjali, b'attenzjoni partikolari għat-tfal, l-aċċess għall-akkomodazzjoni u l-prevenzjoni tal-iżgumbramenti. Franza tista' tuża wkoll il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), biex tappoġġa t-trasformazzjoni industrijali. B'mod partikolari, Franza tista' tiżviluppa l-ħiliet, it-teknoloġiji u l-infrastruttura meħtieġa u tistimula l-involviment fi ktajjen tal-valur strateġiċi ġodda (industrija b'emissjonijiet żero netti, materja prima kritika, dekarbonizzazzjoni tal-industriji intensivi fl-enerġija).

(25)

Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, Franza tiffaċċa diversi sfidi addizzjonali relatati man-nuqqas ta' ħiliet, l-inugwaljanzi fis-sistema edukattiva u d-deterjorament ta' eżiti edukattivi, il-kundizzjonijiet u t-taħriġ tal-għalliema, kif ukoll sfidi relatati mal-ambjent tan-negozju, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-indirizzar ta' dawk l-isfidi jgħin biex tingħata spinta lill-ħiliet tal-ħaddiema u l-eżiti tat-tagħlim u tiżdied il-produttività tax-xogħol. Barra minn hekk, jista' jtejjeb ukoll l-effiċjenza tan-negozji Franċiżi, li min-naħa tagħhom iżidu l-kompetittività tal-ekonomija Franċiża. L-għoti ta' aktar spinta lill-kompetittività u l-produttività tax-xogħol jikkontribwixxi wkoll għall-irfid tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

(26)

In-nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa huwa fost l-ostakli ewlenin għar-reklutaġġ. Fl-2022, dan kien il-każ partikolarment fl-industrija, fis-setturi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u tas-saħħa, kif ukoll f'impjiegi li jeħtieġu ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika. Barra minn hekk, 45 % tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) irrapportaw li sabuha diffiċli ħafna biex jimpjegaw persunal bil-ħiliet it-tajba, meta mqabbel ma' 38 % fl-Unjoni. Kien hemm 83 % tad-ditti Franċiżi li semmew in-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet bħala wieħed mill-ostakli ewlenin għall-investiment, meta mqabbel ma' 81 % fl-Unjoni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' ħiliet adegwati jxekkel l-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni tal-industrija. Minkejja l-investiment fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, li huwa appoġġat ukoll mill-Faċilità, għad hemm diffikultajiet, b'mod partikolari biex jintlaħqu l-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet (23) u biex jiġi mmirat dħul fit-taħriġ għas-setturi prijoritarji. L-evalwazzjoni tal-investimenti passati u reċenti, bħall-Pjan ta' Investiment fil-Ħiliet (plan d'investissement dans les compétences), tenfasizza li 25 % biss tat-taħriġ jikkonċerna settur prijoritarju u 20 % tat-taħriġ huwa mmirat lejn impjiegi li jbatu minn nuqqas ta' ħiliet. Barra minn hekk, madwar 25 % biss tal-adulti bi kwalifiki baxxi pparteċipaw fl-apprendiment fl-2022. L-effettività tal-miżuri li jappoġġaw it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet tista' tbati minn tnaqqis fil-prestazzjoni fis-sistema edukattiva, billi l-ħiliet bażiċi jiffurmaw il-bażi għal benefiċċju mill-edukazzjoni u t-taħriġ ulterjuri. Filwaqt li l-Pjan ta' Investiment fil-Ħiliet iġġedded sal-2027, il-mezzi ddedikati għalih tnaqqsu.

(27)

Minkejja n-nefqa pubblika fl-edukazzjoni, is-sistema edukattiva ta' Franza dan l-aħħar irreġistrat tnaqqis notevoli fil-prestazzjoni, li kienet immarkata aktar bl-impatt sinifikanti tal-isfond soċjoekonomiku tal-istudenti. Skont l-istħarriġ tal-2022 tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA), 28,8 % ta' dawk li għandhom 15-il sena kellhom prestazzjoni baxxa fil-matematika fi Franza mqabbla ma' 29,5 % fl-Unjoni, 26,9 % kellhom prestazzjoni baxxa fil-qari mqabbla ma' 26,2 % fl-Unjoni u 23,8 % kellhom prestazzjoni baxxa fix-xjenza mqabbla ma' 24,2 % fl-Unjoni. Dan jirriżulta f'punteġġi bejn wieħed u ieħor fil-medja tal-Unjoni, li wkoll marret għall-agħar b'mod konsiderevoli. Is-sehem tal-istudenti bi prestazzjoni baxxa żdied b'mod sinifikanti mill-2018 fit-tliet suġġetti. Fl-istess ħin, hemm tnaqqis sinifikanti fis-sehem tal-istudenti bi prestazzjoni għolja, speċjalment fil-matematika u fil-qari. It-tnaqqis fil-profiċjenza fil-ħiliet bażiċi huwa evidenti aktar fost l-istudenti żvantaġġati ta' 15-il sena, inkluż dawk bi sfond ta' migrazzjoni li jiffaċċjaw riskju doppju ta' progress insuffiċjenti mill-pari nattivi tagħhom b'ġenituri nattivi. It-titjib tal-prestazzjoni tal-istudenti fil-ħiliet bażiċi hija kruċjali, u tibda minn età bikrija. In-nefqa totali fl-edukazzjoni primarja fi Franza hija kemxejn aktar baxxa milli fl-OECD bħala medja. Ġew implimentati diversi miżuri f'dawn l-aħħar snin biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-iskejjel, bħat-tnaqqis bin-nofs tad-daqs tal-iskejjel f'“żoni ta' edukazzjoni ta' prijorità”. Filwaqt li l-ewwel evalwazzjonijiet jindikaw l-impatt pożittiv tal-miżura fuq l-eżiti edukattivi tal-istudenti, 70 % tal-istudenti żvantaġġati li jgħixu barra miż-żoni prijoritarji ma jibbenefikawx minn din il-miżura. Fl-2023, il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħeġġeġ taħlita soċjali aħjar billi stabbilixxa mira mhux vinkolanti biex tonqos is-segregazzjoni soċjali fl-iskejjel pubbliċi b'20 % sal-2027 u ffirma memorandum ta' qbil mal-iskejjel privati. Barra minn hekk, il-miżura adottata f'Settembru 2023, li introduċiet siegħa fil-ġimgħa ta' tagħlim differenzjat fil-Franċiż u l-matematika għall-istudenti kollha, għandha l-potenzjal li ssaħħaħ il-ħiliet bażiċi. Madankollu, l-impatt ta' dawk il-miżuri fuq l-eżiti tat-tagħlim għadu jrid jinħass, u ser ikunu ġustifikati aktar evalwazzjonijiet. L-adattament tar-riżorsi u l-metodi għal ċirkustanzi lokali u l-ħtiġijiet tal-istudenti jista' jkompli jgħin biex jitjiebu l-prestazzjoni u l-ekwità tas-sistema edukattiva.

(28)

Għalkemm l-għalliema bbenefikaw minn żieda fil-paga fl-2023, għad hemm tħassib fuq l-attraenza tal-professjoni, u n-nuqqas ta' għalliema huwa ta' piż fuq l-eżiti edukattivi. Franza għandha waħda mill-ogħla rati ta' studenti għal kull għalliem fl-Unjoni. Barra minn hekk, iż-żieda fid-dipendenza fuq l-għalliema temporanji b'livelli aktar baxxi ta' kwalifiki u esperjenza u b'inqas aċċess għal taħriġ minn dawk permanenti tista' taffettwa l-kwalità tat-tagħlim. Ittieħdu passi biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tat-tagħlim, inkluż l-infurzar tat-taħriġ fil-Franċiż u l-matematika għall-għalliema tal-primarja. Madankollu, hemm lok biex dawk il-miżuri jiġu estiżi aktar, b'mod partikolari billi t-taħriġ inizjali u kontinwu jiġu allinjati aħjar mal-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-istudenti kollha u l-għalliema u l-iskejjel jingħataw aktar awtonomija. B'mod partikolari, filwaqt li r-rapport tal-OECD juri li livell għoli ta' awtonomija lill-iskejjel jista' jkollu impatt pożittiv fuq il-prestazzjoni tal-istudenti (meta jingħaqad mar-responsabbiltà), il-Qorti tal-Awdituri ta' Franza twissi li fil-prattika l-kapijiet tal-iskejjel għandhom ambitu limitat biex jadattaw għall-ħtiġijiet tal-istudenti u ċ-ċirkustanzi lokali.

(29)

Minkejja diversi riformi għal simplifikazzjoni amministrattiva, id-ditti fi Franza għadhom iqisu l-piż amministrattiv bħala kbir, u dan huwa ta' piż fuq l-innovazzjoni u l-produttività. Skont stħarriġ tal-2022, 49 % tan-negozji jsibu l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi bħala “problema serja ħafna” (fost l-ogħla perċentwali fl-Unjoni u ogħla mill-medja tal-Unjoni ta' 33 %). Franza tistma li l-għadd eċċessiv ta' regoli jiswew mill-inqas 3 % tal-PDG fis-sena. F'konformità mas-suġġerimenti tal-partijiet ikkonċernati biex jittaffa l-piż amministrattiv, tista' tingħata prijorità biex jiġi limitat l-għadd ta' dokumenti li għandhom jiġu sottomessi (“il-prinċipju ta' darba biss”), u dan jiġġeneralizza d-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri filwaqt li jinżamm punt ta' kuntatt dirett mal-amministrazzjoni. Tista' tingħata prijorità wkoll lis-sostituzzjoni tal-iskemi ta' awtorizzazzjoni b'dikjarazzjonijiet sempliċi ta' konformità ma' kundizzjonijiet applikabbli jew, għas-setturi aktar sensittivi, is-simplifikazzjoni ta' awtorizzazzjonijiet billi jitnaqqas iż-żmien tad-deċiżjonijiet u tiġi adottata approvazzjoni taċita fejn dan ikun għadu mhux applikabbli.

(30)

Franza tipprovdi finanzjament pubbliku sostanzjali biex tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Fost l-Istati Membri, tiddedika wieħed mill-ogħla ishma tal-PDG tagħha biex tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp tan-negozji (0,45 % tal-PDG fl-2021) (24). Madankollu, ir-riċerka u l-iżvilupp tan-negozji qed jistaġnaw u għadhom taħt il-medja tal-Unjoni (1,43 % tal-PDG fl-2022). Skont l-Istħarriġ tal-2023 tal-BEI dwar l-Investiment, 30 % tad-ditti Franċiżi biss (li 99,8 % minnhom huma SMEs) investew fl-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u servizzi ġodda. Dan huwa wieħed mill-aktar ishma baxxi fl-Unjoni. Fl-isfond ta' indikaturi (25) relatati mal-kooperazzjoni bejn l-akkademja u n-negozji li qed jistaġnaw u tnaqqis fl-attraenza tal-karrieri akkademiċi, il-Liġi dwar l-Ipprogrammar tar-Riċerka u miżuri oħra mħabbra, li wħud minnhom huma inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, huma mistennija jtejbu l-effiċjenza tas-sistema tar-riċerka billi jsaħħu r-rabta bejn ix-xjenza u l-ekonomija, u jagħmlu l-karrieri tar-riċerka aktar attraenti. Madankollu, l-impatt ta' dawk il-miżuri ser jieħu ż-żmien biex jimmaterjalizza u mbagħad ikun viżibbli fl-indikaturi. Kreditu tat-taxxa fuq ir-riċerka li jiswa ħafna huwa fis-seħħ, għalkemm l-evalwazzjonijiet kixfu dgħufijiet kbar. L-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Evalwazzjoni ta' Politiki dwar l-Innovazzjoni (Commission nationale d'évaluation des politiques d'innovation) fl-2021 indikat li l-iskema ma kellha l-ebda effett sinifikanti fuq ditti akbar, minkejja li l-appoġġ kien ikkonċentrat fuqhom. Għaldaqstant, hemm lok biex dik l-iskema ta' riċerka u żvilupp tiġi mmirata aħjar sabiex iżżid l-output tar-riċerka u l-iżvilupp, filwaqt li jitrażżnu l-kostijiet tagħha. Miżuri oħra biex tiġi appoġġata l-innovazzjoni huma ħafna iżgħar, iżda huma mmirati aħjar lejn l-SMEs. Dawn jinkludu b'mod partikolari l-kreditu tat-taxxa fuq l-innovazzjoni u l-istatus ta' kumpaniji innovattivi ġodda (Jeunes Entreprises Innovantes), li jipprovdi benefiċċji soċjali u fiskali għan-negozji ġodda li jissodisfaw kriterji speċifiċi dwar l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp u t-tkabbir.

(31)

Fit-taħlita enerġetika ta' Franza, is-sehem tal-fjuwils fossili żdied kemxejn fl-2022, filwaqt li s-sehem tal-fjuwils rinnovabbli kien baxx fil-livell ta' 14,6 %. Barra minn hekk, Franza ma laħqitx l-objettiv tal-Unjoni tagħha għall-2020 rigward l-enerġija rinnovabbli b'ammont sinifikanti. Minkejja żieda fil-kapaċità rinnovabbli installata fl-2022 immotivata miż-żieda sinifikanti fl-enerġija solari, Franza għadha lura fl-użu tal-enerġija rinnovabbli, speċjalment għall-produzzjoni tal-elettriku, bil-ħsieb li tilħaq il-miri għall-2030. F'kuntest fejn l-impjanti tal-enerġija nukleari addizzjonali mħabbra jieħdu ż-żmien biex jinbnew u l-ħtiġijiet tal-elettrifikazzjoni huma mistennija jikbru b'mod rapidu, l-użu rapidu tal-enerġija rinnovabbli jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ta' Franza filwaqt li jnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili. F'Marzu 2023, Franza ppromulgat liġi dwar l-aċċellerazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, li teħtieġ identifikazzjoni minn isfel għal fuq marbuta maż-żmien ta' “żoni ta' aċċellerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli” mill-muniċipalitajiet. L-implimentazzjoni rapida tagħha hija ġustifikata. Madankollu, sa nofs April 2024, inqas minn 20 % tal-muniċipalitajiet kienu bdew jidentifikaw dawk iż-żoni. Barra minn hekk, wieħed mill-atti tal-implimentazzjoni għadu ma stipulax l-objettivi reġjonalizzati tal-pjan tal-enerġija pluriennali (programmation pluriannuelle de l'énergie), li għadu mhuwiex ippubblikat. Hemm ħtieġa wkoll li jiġu simplifikati l-proċeduri ta' konnessjoni għall-grilja ta' distribuzzjoni għall-awtokonsum. Jenħtieġ aktar investiment fil-grilji elettriċi u soluzzjonijiet ta' flessibbiltà bħal ħżin biex jiġu integrati volumi akbar ta' enerġija rinnovabbli u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista.

(32)

Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. Fil-każ ta' Franza, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba' rakkomandazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li Franza tieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:

1.

Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f'waqtu. F'konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 għal rata konsistenti, fost oħrajn, mat-tqegħid tad-dejn tal-gvern estiż fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli fuq terminu medju u t-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż lejn il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Tnaqqas il-kumplessità tas-sistema tat-taxxa billi timmira aħjar in-nefqiet tat-taxxa, tneħħi dawk l-inqas effiċjenti u tillimita l-impatt baġitarju kumplessiv. Tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kwalità tal-miżuri baġitarji, inkluż billi twaqqaf miri kwantitattivi għall-iffrankar tan-nefqiet fl-ippjanar baġitarju fil-qafas stabbilit għar-rieżamijiet tal-infiq.

2.

Tkompli bl-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż tal-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu ta' dawk il-programmi, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività.

3.

Tkompli tindirizza n-nuqqas ta' ħiliet, inkluż fl-impjiegi tat-tranżizzjoni ekoloġika, u trawwem il-parteċipazzjoni fit-taħriġ, b'mod partikolari fost il-ħaddiem b'livell baxx ta' ħiliet. Ittejjeb il-prestazzjoni u l-ekwità tas-sistema edukattiva. Issaħħaħ il-professjoni tat-tagħlim, inkluż billi ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-taħriġ.

4.

Ittejjeb l-ambjent tan-negozju billi tnaqqas il-piż amministrattiv. Trawwem l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp tan-negozji, inkluż billi timmira aħjar lejn skemi pubbliċi ta' appoġġ. Taċċellera t-tranżizzjoni tal-enerġija billi tniedi l-enerġiji rinnovabbli aktar malajr, inkluż billi tadotta leġiżlazzjoni sekondarja, tistabbilixxi “żoni ta' aċċellerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli” u tippromwovi teknoloġiji ta' ħżin.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)   ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.

(2)   ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).

(8)  Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(9)  ST 10162/21 INIT u ST 10162/21 ADD 1.

(10)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tat-13 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Franza (ST 11150/23 INIT u ST 11150/23 ADD 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1466/oj).

(12)  Iż-żieda fid-defiċit fl-2023 kienet prinċipalment immotivata minn tnaqqis imdaqqas fid-dħul u, sa ċertu punt inqas tkabbir milli mistenni.

(13)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2022 ta' Franza (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 79).

(14)  Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju ta' Franza fl-2023 huwa stmat fil-livell ta' 6,4 % f'termini nominali, abbażi tar-rata ta' tkabbir potenzjali reali medja ta' 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.

(15)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul (u bl-esklużjoni tal-miżuri ta' emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Sinjal negattiv tal-indikatur jindika politika fiskali espansjonarja filwaqt li sinjal pożittiv tal-indikatur jindika politika fiskali restrittiva.

(16)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2023 ta' Franza u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023 ta' Franza (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 86).

(17)  In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(18)  Dan iqis 0,0 % ta' miżuri ta' darba tal-PDG fl-2024, kif ukoll -0,1 % tal-PDG fl-2023 relatati mad-deċiżjonijiet tal-Qorti.

(19)  Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.

(20)  Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali tal-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) il-miżuri ta' darba, (iii) in-nefqa fuq il-qgħad ċikliku u (iv) in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni, meta mqabbla mar-rata ta' tkabbir tal-PDG nominali potenzjali fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon mal-PDG nominali.

(21)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).

(23)  Persuni b'livell mhux ogħla minn edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell (jiġifieri ISCED 0-2).

(24)  Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, l-appoġġ huwa total tal-inċentivi tat-taxxa li jammontaw għal 0,28 % tal-PDG (data tal-OECD, aġġornata l-aħħar f'April 2024) u ta' appoġġ dirett (permezz ta' għotjiet, eċċ.) li jammontaw għal 0,16 % tal-PDG (data tal-Eurostat, aġġornata l-aħħar fis-17 ta' Marzu 2024).

(25)  Jiġifieri, kopubblikazzjonijiet xjentifiċi pubbliċi privati bħala % tal-għadd totali ta' pubblikazzjonijiet; nefqa pubblika fir-riċerka u l-iżvilupp iffinanzjata min-negozji (nazzjonali) bħala % tal-PDG; u nefqa pubblika fir-riċerka u l-iżvilupp iffinanzjata min-negozji (nazzjonali) bħala % tan-nefqa pubblika totali fuq ir-riċerka u l-iżvilupp.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6817/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)