|
9.8.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 199/96 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1619
tat-8 ta’ Awwissu 2023
dwar miżuri temporanji ta’ emerġenza li jidderoga fir-rigward tas-sena 2023 minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għar-riżoluzzjoni ta’ problemi speċifiċi fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-inbid ikkawżati minn avvenimenti meteoroloġiċi avversi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 221(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Kawża tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi li seħħew f’diversi reġjuni tal-Istati Membri fir-rebbiegħa tal-2023, il-produzzjoni tal-frott u tal-ħxejjex ġarrbet ħsara drammatika. Fi Spanja, il-produzzjoni ppjanata fir-reġjun tal-Katalonja titnaqqas b’mill-inqas 50 % kawża ta’ sitwazzjoni ta’ nixfa, filwaqt li l-produzzjoni fir-reġjun tal-Emilia-Romagna fl-Italja nqerdet minn għargħar. In-nixfa affettwat serjament il-livell ta’ produzzjoni u l-kwalità tagħha f’xi reġjuni fi Franza u fil-Portugall. |
|
(2) |
Minħabba l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi tar-rebbiegħa tal-2023, ħafna organizzazzjonijiet ta’ produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti fis-settur tal-frott u l-ħxejjex qed isibu diffikultà biex jimplimentaw il-programmi operazzjonali approvati tagħhom. Xi wħud mill-azzjonijiet u l-miżuri approvati mhux se jiġu implimentati fl-2023 u għalhekk parti mill-fondi ta’ ġestjoni mhux se jintefqu. Organizzazzjonijiet ta’ produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti oħra qed jemendaw il-programmi operazzjonali tagħhom bil-ħsieb li jimplimentaw l-azzjonijiet u l-miżuri għall-indirizzar tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, bħall-miżuri ta’ ġestjoni tal-kriżijiet. |
|
(3) |
Bħala parti mill-programmi operazzjonali approvati tagħhom, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti jistgħu jimplimentaw miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet fis-settur tal-frott u l-ħxejjex bil-ħsieb li jżidu r-reżiljenza tagħhom għat-tfixkil fis-suq. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 33(3), ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn il-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ma għandhomx jammontaw għal iżjed minn terz tan-nefqa fl-ambitu tal-programm operazzjonali. Sabiex tingħata aktar flessibbiltà lil dawk l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u biex dawn ikunu jistgħu jiffukaw ir-riżorsi fl-ambitu tal-programmi operazzjonali għall-indirizzar tat-tfixkil fis-suq li jiġi kkawżat mill-miżuri relatati mal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi, jenħtieġ li dik ir-regola ma tapplikax fis-sena 2023. Jenħtieġ li din id-deroga temporanja tapplika għall-programmi operazzjonali li jkomplu joperaw taħt il-kundizzjonijiet applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 f’konformità mal-Artikolu 5(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(4) |
Barra minn hekk, jeħtieġ li l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti jkunu jistgħu jirridirezzjonaw il-fondi, inkluża l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fi ħdan il-fond ta’ ġestjoni tagħhom lejn l-azzjonijiet u l-miżuri li huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023. Biex ikun żgurat li l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti jkunu jistgħu jagħmlu dan, huwa meħtieġ li fis-sena 2023 ikun hemm żieda fil-limitu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 minn 50 % għal 60 % tan-nefqa reali mġarrba. Jenħtieġ li din id-deroga temporanja tapplika għall-programmi operazzjonali li jkomplu joperaw taħt il-kundizzjonijiet applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 f’konformità mad-dispożizzjoni tranżizzjonali stabbilita fl-Artikolu 5(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/2117. |
|
(5) |
L-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023 affettwaw serjament ukoll lis-settur tal-inbid tal-Unjoni, fejn il-vitikulturi li jinsabu fir-reġjuni kkonċernati tal-Istati Membri ltaqgħu ma’ diffikultajiet eċċezzjonali. B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet eċċezzjonali tat-temp żammew lill-vitikulturi milli jwettqu xogħlijiet fil-vinji tagħhom, li tipikament jitwettqu fir-rebbiegħa, bħat-tindif u l-preparazzjoni tal-ħamrija, it-taħwil jew it-tilqim ta’ dwieli ġodda. Fir-reġjuni milquta min-nixfa eċċezzjonali, tali attivitajiet mhumiex possibbli minħabba n-nixfa tal-ħamrija u l-kundizzjonijiet estremament sfavorevoli għat-tkabbir ta’ taħwil ġdid, fir-reġjuni affettwati mill-għargħar, tali attivitajiet mhumiex possibbli minħabba li l-vinji jew mhumiex aċċessibbli jew inqerdu mill-mases tal-ilma. |
|
(6) |
L-Artikolu 62(3), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil tad-dwieli, inklużi l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil ġdid u għall-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil mill-ġdid, huma validi għal 3 snin mid-data li fiha jkunu ngħataw. L-Artikolu 68(2), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija wara konverżjoni tad-drittijiet tat-taħwil għandhom l-istess perjodu ta’ validità tad-drittijiet tat-taħwil oriġinali. Fil-perjodu ta’ validità ta’ kull awtorizzazzjoni li ngħatat, il-vitikulturi tipikament jippreparaw il-ħamrija fil-ħarifa u jiksbu d-dwieli l-ġodda li mbagħad jitħawlu matul ir-rebbiegħa peress li r-rebbiegħa hi l-aktar perjodu xieraq tas-sena għat-taħwil. |
|
(7) |
Kawża tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi, il-vitikulturi li għandhom l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil li għandhom jintużaw fir-reġjuni milquta u li jiskadu fl-2023, fl-aħħar sena tal-validità tagħhom ma setgħux jużaw l-awtorizzazzjonijiet matul ir-rebbiegħa kif ippjanat. Peress li huwa impossibbli li jitbassar id-dewmien ta’ tali avvenimenti meteoroloġiċi avversi u l-konsegwenzi tagħhom, mhuwiex ċert jekk dawk il-vitikulturi hux se jkollhom il-possibbiltà li jużaw l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil tagħhom fil-perjodi ta’ validità rispettivi. Il-vitikulturi jkollhom iħawlu d-dwieli matul l-istaġun sħun u b’hekk f’mument inqas xieraq taċ-ċiklu tat-tkabbir, taħt kundizzjonijiet diffiċli u b’kost addizzjonali, meta s-settur tal-inbid ikun diġà qed isofri minn kundizzjonijiet tas-suq sfavorevoli. |
|
(8) |
Għalhekk, u biex jiġi evitat it-telf tal-awtorizzazzjoni għat-taħwil jew id-deterjorament rapidu tal-kundizzjonijiet li taħthom ikollu jsir it-taħwil, jeħtieġ li tiġi permessa mingħajr dewmien estensjoni tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil li jiskadu fis-sena 2023 fir-reġjuni affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi. Għalhekk, jenħtieġ li l-validità tal-awtorizzazzjonijiet kollha li jiskadu fl-2023 u li għandhom jintużaw fir-reġjuni affettwati tiġi estiża għal 12-il xahar addizzjonali mid-data tal-iskadenza attwali tagħhom fl-2023 biex il-vitikulturi jkunu jistgħu jħawlu d-dwieli fl-2024. |
|
(9) |
Minħabba d-diffikultajiet mhux previsti li l-vitikulturi jiltaqgħu magħhom fir-reġjuni milquta kawża tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi, jenħtieġ li tali vitikulturi jitħallew jirrinunzjaw għall-awtorizzazzjoni għat-taħwil tagħhom li tiskadi fis-sena 2023 mingħajr ma jeħlu l-penali amministrattiva msemmija fl-Artikolu 62(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jekk ma jkunux jixtiequ jkomplu jespandu ż-żona tal-vinji tagħhom. |
|
(10) |
Fir-rigward tal-vitikulturi li jkollhom vinji li jkunu għadhom kif tħawlu fiż-żoni li jkunu ġew affettwati serjament mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023 fir-reġjuni relatati u li tħawlu, b’antiċipazzjoni tal-qlugħ tad-dwieli ta’ żona ekwivalenti, bl-użu tal-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil mill-ġdid mogħtija mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, huwa pertinenti li l-iskadenza ta’ erba’ snin għall-qlugħ tad-dwieli taż-żona li tħawlet preċedentement tittawwal b’sena. Dan se jippermetti li l-vitikulturi jibbenefikaw minn sena tal-ħsad addizzjonali miż-żona mħawla preċedenti bħala kumpens għall-ħsarat li saru fil-vinja li tkun għadha kif tħawlet, minħabba li tali ħsarat jistgħu jdewmu l-bidu tal-użu taż-żona li tkun għadha kif tħawlet jew jirriżultaw fil-bżonn tat-taħwil mill-ġdid taż-żona li tkun għadha kif tħawlet. Konsegwentement, jenħtieġ li tiġi adattata wkoll l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 5, it-tieni paragrafu, tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 (3). |
|
(11) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti tranżizzjonali għan-nefqa mġarrba wara Diċembru 2022 fl-ambitu tal-programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. B’mod partikolari, l-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) 2021/2117 jistabbilixxi li l-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid għandhom ikomplu japplikaw sal-15 ta’ Ottubru 2023. Għal dik ir-raġuni, l-Artikoli 39 sa 54 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2022 fir-rigward tan-nefqa mġarrba u l-pagamenti magħmula għall-operazzjonijiet implimentati skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 qabel is-16 ta’ Ottubru 2023. Barra minn hekk, l-Artikoli 39 sa 54 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom ikomplu japplikaw ukoll għan-nefqa mġarrba u għall-pagamenti magħmula għall-operazzjonijiet implimentati skont l-Artikoli 46 u 50 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 qabel is-16 ta’ Ottubru 2025, dment li sal-15 ta’ Ottubru 2023 tali operazzjonijiet ikunu ġew implimentati parzjalment u n-nefqa mġarrba tkun tammonta għal mill-inqas 30 % tan-nefqa totali ppjanata. |
|
(12) |
Madankollu, kawża tad-diffikultajiet mhux previsti li l-vitikulturi ltaqgħu magħhom wara l-konsegwenzi severi tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023, sar impossibbli għal xi vitikulturi li jimplimentaw l-operazzjonijiet skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 sabiex jikkonformaw mal-livell limitu ta’ 30 % tan-nefqa li trid tiġġarrab sal-15 ta’ Ottubru 2023. Għalhekk, huwa meqjus neċessarju li l-livell limitu ta’ 30 % jitnaqqas għal livell limitu ta’ 3 % biex jiġi żgurat li l-vitikulturi li jkunu bdew jimplimentaw il-miżura iżda li ma jitħallewx javvanzaw minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp mhux previsti ma jiġux penalizzati bla bżonn u jkunu jistgħu jkomplu jimplimentaw il-miżura ladarba s-sitwazzjoni tippermetti. Jenħtieġ li din il-flessibbiltà tapplika biss għall-vitikulturi li jkollhom l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil mill-ġdid li għandhom jintużaw fir-reġjuni affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi mġarrba fir-rebbiegħa tal-2023. |
|
(13) |
Is-sitwazzjoni ġenerali tikkostitwixxi problema speċifika fis-sens tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li ma tistax tiġi indirizzata faċilment mill-miżuri meħuda skont l-Artikoli 219 jew 220 ta’ dak ir-Regolament. Is-sitwazzjoni mhijiex marbuta speċifikament ma’ tfixkil eżistenti u uniku identifikat fis-suq jew ma’ theddida preċiża tiegħu. Lanqas ma hi marbuta mal-miżuri li jikkombattu t-tixrid tal-mard tal-annimali jew mat-telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi kawża tar-riskji għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali jew tal-pjanti. |
|
(14) |
Fid-dawl tan-natura bla preċedent tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi tar-rebbiegħa tal-2023, huwa meħtieġ li dawk id-diffikultajiet jittaffew billi ssir deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) 2021/2117 sal-punt li jkun strettament meħtieġ biss. |
|
(15) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(16) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Derogi temporanji mir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-frott u l-ħxejjex
1. B’deroga mill-Artikolu 33(3), ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-limitu ta’ terz tan-nefqa għall-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet fl-ambitu tal-programm operazzjonali msemmi f’dik id-dispożizzjoni ma għandux japplika fis-sena 2023 fir-rigward taż-żoni affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023 li għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri.
2. B’deroga mill-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-fond ta’ ġestjoni msemmi f’dik id-dispożizzjoni mogħtija fis-sena 2023 lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew lill-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023 li għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri, ma għandhiex taqbeż l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-fondi ta’ ġestjoni approvati mill-Istati Membri għas-sena 2023 u għandha tkun limitata għal 60 % tan-nefqa reali mġarrba.
Artikolu 2
Derogi temporanji mir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-inbid
1. B’deroga mill-Artikolu 62(3), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza, u l-Artikolu 68(2), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil mogħtija f’konformità mal-Artikoli 62, 64, 66 u 68 ta’ dak ir-Regolament li jiskadu fis-sena 2023 u li għandhom jintużaw fir-reġjuni affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023 għandhom jiskadu biss 12-il xahar mid-data tal-iskadenza inizjali tagħhom.
2. B’deroga mill-Artikolu 62(3), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-vitikulturi li jkollhom l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil li jiskadu fis-sena 2023 u li għandhom jintużaw fir-reġjuni affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023 ma għandhomx ikunu soġġetti għal penali amministrattivi, bil-kundizzjoni li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti sal-31 ta’ Diċembru 2023 li mhumiex beħsiebhom jagħmlu użu mill-awtorizzazzjoni tagħhom u ma jixtiqux jibbenefikaw mill-estensjoni tal-validità prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. B’deroga mill-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, f’każijiet fejn iż-żona li tkun għadha kif tħawlet tiġi affettwata serjament mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023 sal-punt li l-bidu tal-użu taż-żona li tkun għadha kif tħawlet jiddewwem jew iż-żona li tkun għadha kif tħawlet ikollha terġa’ titħawwel, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-iskadenza għall-qlugħ tad-dwieli sa tmiem il-ħames sena mid-data li fiha jkunu tħawlu d-dwieli l-ġodda.
Fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-estensjoni tal-iskadenza għall-qlugħ tad-dwieli, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-applikant dwar l-approvazzjoni jew iċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu. F’każ li l-applikazzjoni tiġi miċħuda, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-applikant dwar ir-raġuni li wasslet għal din iċ-ċaħda.
L-Artikolu 5, it-tieni paragrafu, tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 għandu japplika jekk il-qlugħ tad-dwieli ma jsirx mill-vitikultur sa tmiem l-iskadenza estiża.
Sa tmiem l-skadenza estiża, il-vitikulturi li jgawdu mill-estensjoni ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-appoġġ għall-qtugħ bikri msemmi fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, la fuq iż-żona li tkun għadha kif tħawlet u lanqas fuq iż-żona li tkun se tinqala’.
Artikolu 3
Derogi temporanji mid-dispożizzjonijiet tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 5(7), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2021/2117 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 39 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013
B’deroga mill-Artikolu 5(7), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2117, l-Artikoli 39 sa 54 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2022 fir-rigward tan-nefqa mġarrba u l-pagamenti magħmula għall-operazzjonijiet implimentati skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 qabel is-16 ta’ Ottubru 2025, dment li:
|
(a) |
sal-15 ta’ Ottubru 2023 tali operazzjonijiet ikunu ġew implimentati parzjalment u n-nefqa mġarrba tkun tammonta għal mill-inqas 3 % tan-nefqa totali ppjanata; u |
|
(b) |
tali operazzjonijiet jiġu implimentati bis-sħiħ sal-15 ta’ Ottubru 2025. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din id-deroga tapplika biss għall-vitikulturi li jkollhom l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil mill-ġdid li għandhom jintużaw fir-reġjuni affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi li seħħew fir-rebbiegħa tal-2023.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika sad-9 ta’ Awwissu 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 262).
(3) Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħlu l-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil tad-dwieli, ir-reġistru tal-vinji, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u ċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, id-dikjarazzjonijiet obbligatorji, in-notifiki u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni notifikata, u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli u penali rilevanti, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008, (KE) Nru 606/2009 u (KE) Nru 607/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2009 kif ukoll ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/560 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 1).