KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fit‑18 ta’ April 2024 ( 1 )

Kawża C‑119/23

Virgilijus Valančius

vs

Lietuvos Respublikos Vyriausybė,

fil-preżenza ta’:

Lietuvos Respublikos Seimo kanceliarija,

Lietuvos Respublikos Prezidento kanceliarija,

Saulius Lukas Kalėda

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja)

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Proċedura nazzjonali ta’ għażla ta’ kandidat għall-ħatra bħala mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 19(2) TUE – Artikolu 254 TFUE – Rekwiżit tal-assenza ta’ kull dubju dwar l-indipendenza tal-kandidat – Indipendenza tal-ġudikatura – Grupp ta’ esperti indipendenti – Kriterji ta’ għażla – Lista kklassifikata tal-kandidati”

I. Introduzzjoni

1.

Il-ħatra tal-imħallfin tal-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikolu 254 TFUE. Dawn id-dispożizzjonijiet – relattivament qosra u fformulati b’mod simili – jipprovdu, inter alia, li l-imħallfin “jiġu maħtura bi qbil komuni mill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri […] wara konsultazzjoni mal-Kumitat previst bl-Artikolu 255” u “jintgħażlu minn fost persuni li ma jkunx hemm dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li jkollhom il-kapaċità li jeżerċitaw funzjonijiet għolja fil-ġudikatura”.

2.

Il-prinċipji stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-proċeduri nazzjonali tal-għażla tal-kandidati li għandhom jiġu proposti mill-gvernijiet tal-Istati Membri għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali? Fl-affermattiv, ir-rekwiżit ta’ indipendenza previst minn dawn id-dispożizzjonijiet jimplika ċerti obbligi speċifiċi għall-Istati Membri fir-rigward tal-mod kif għandhom jorganizzaw u jmexxu tali proċeduri? B’mod iktar preċiż, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi lil Stat Membru, li jkun waqqaf grupp ta’ esperti indipendenti sabiex jevalwa l-kandidati u jistabbilixxi lista li tikklassifika dawk li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kompetenza professjonali u ta’ indipendenza, milli jagħżel kandidat minn din il-lista differenti minn dak fl-ewwel pożizzjoni?

3.

Dawn huma, essenzjalment, il-kwistjonijiet prinċipali li tqajmu fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

4.

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/124/UE tal‑25 ta’ Frar 2010 dwar ir-regoli ta’ funzjonament tal-Kumitat previst fl-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ( 2 ) (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tal-Artikolu 255”), dawn ir-regoli jinsabu fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni. Il-punti 6 sa 8 tar-regoli huma fformulati kif ġej:

“6.

Riferiment quddiem il-kumitat u talba għal informazzjoni addizzjonali

Malli l-gvern ta’ Stat Membru jipproponi kandidat, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jittrasmetti din il-proposta lill-President tal-Kumitat.

Il-Kumitat jista’ jitlob lill-gvern li jkun ippreżenta l-proposta ta’ nomina sabiex jibagħtlu informazzjoni addizzjonali jew elementi oħra li fil-fehma tal-kumitat ikunu meħtieġa għad-deliberazzjonijiet tiegħu.

7.

Seduta

Ħlief fil-każ ta’ proposta dwar it-tiġdid ta’ mandat ta’ Mħallef jew ta’ Avukat Ġenerali, il-Kumitat għandu jisma’ lill-kandidat waqt seduta li ma tkunx miftuħa għall-pubbliku.

8.

Motivazzjoni u preżentazzjoni tal-opinjoni

L-opinjoni mogħtija mill-Kumitat għandha tkun motivata. Il-motivazzjoni għandha tindika r-raġunijiet essenzjali li fuqhom il-Kumitat ikun ibbaża l-opinjoni tiegħu.

L-opinjoni tal-kumitat għandha tintbagħat lir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri. […]”

B.   Id‑dritt nazzjonali

5.

L-Artikolu 52(3) tal-Lietuvos Respublikos Vyriausybės įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Gvern) tad‑19 ta’ Mejju 1994 ( 3 ) jipprovdi:

“Il-Gvern jaħtar lill-kandidati għall-imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-“Qorti Ġenerali”)], wara l-approvazzjoni tal-President tar-Repubblika tal-Litwanja u wara konsultazzjoni mal-Parlament tal-Litwanja skont il-kundizzjonijiet previsti mil-Lietuvos Respublikos Seimo statutas [(l-Istatut tal-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja)].”

6.

Il-punti 2 sa 4, 13, 15, 19, 21 u 22 tal-Pretendento į Europos Sąjungos bendrojo teismo teisėjus atrankos tvarkos aprašas (id-Deskrizzjoni tal-proċedura tal-għażla tal-kandidati għall-kariga ta’ mħallef tal-[Qorti Ġenerali]), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, adottata permezz tad-Digriet Nru 1R‑65 tal-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja tad‑9 ta’ Marzu 2021, jipprovdu:

“2. Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Għażla [(iktar ’il quddiem il-“Grupp ta’ Ħidma”)] huwa stabbilit permezz ta’ digriet tal-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Litwanja. Il-Grupp ta’ Ħidma huwa magħmul minn seba’ persuni. Huwa jinkludi l-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja (kap tal-Grupp ta’ Ħidma) u rappreżentant tal-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja, rappreżentant tal-President tar-Repubblika tal-Litwanja, rappreżentant tal-Kunsill għall-Ġudikatura, rappreżentant tal-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Mykolas Romeris, rappreżentant tal-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Vilnjus u rappreżentant tal-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Vytautas Magnus. Uffiċjal tal-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja jinħatar bħala segretarja tal-Grupp ta’ Ħidma.

3. Il-Grupp ta’ Ħidma, fid-dawl tas-sitt kriterji tal-għażla tal-kandidati għall-funzjoni ta’ mħallef tal-[Qorti Ġenerali] stabbiliti fit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u speċifikati fis-sitt rapport ta’ attività tal-[Kumitat tal-Artikolu 255] […] għandu jinforma lill-pubbliku bil-ftuħ tal-proċedura tal-għażla permezz ta’ avviż ippubblikat fuq is-sit internet tal-Ministeru għall-Ġustizzja, fejn jistieden lil dawk li jissodisfaw l-imsemmija kriterji tal-għażla sabiex jippreżentaw fajl ta’ applikazzjoni għall-proċedura tal-għażla […]

4. Il-Grupp ta’ Ħidma għandu jistabbilixxi skadenza ta’ mill-inqas 10 ġranet tax-xogħol biex il-kandidati japplikaw quddiem il-Ministeru għall-Ġustizzja biex jipparteċipaw fil-proċedura tal-għażla. […]

[…]

13. Il-proċess tal-għażla għandu jinkludi valutazzjoni dwar jekk il-kandidati jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-punt 3 tad-deskrizzjoni, abbażi tad-dokumenti pprovduti mill-applikanti, u intervista tal-għażla. […]

15. Fl-istadju tal-għażla, il-kandidati għandhom jiġu evalwati abbażi tas-sitt kriterji stabbiliti fil-punt 3 tad-deskrizzjoni: kapaċità ġuridika; esperjenza professjonali; ħila li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji; ħiliet lingwistiċi; kapaċità li jaħdmu f’tim f’ambjent internazzjonali fejn huma rrappreżentati diversi tradizzjonijiet legali; u garanziji ta’ indipendenza; imparzjalità, probità u integrità.

[…]

19. Fi tmiem il-proċess tal-għażla, kull membru tal-Grupp ta’ Ħidma għandu jagħti lill-kandidat marka ta’ bejn 1 u 10. Il-marka l-iktar baxxa hija ta’ punt 1 u l-ogħla hija ta’ 10 punti. Il-marki individwali assenjati mill-membri tal-Grupp ta’ Ħidma għandhom jingħaddu flimkien. Il-klassifikazzjoni stabbilita abbażi tar-riżultati miksuba għandha ssir bħala lista. Il-lista għandha tinkludi l-kandidati kollha li għalihom il-Grupp ta’ Ħidma jqis li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla bħala mħallef tal-[Qorti Ġenerali], irrispettivament min-numru ta’ punti miksuba.

[…]

21. Fi tmiem il-proċedura tal-għażla, il-kap tal-Grupp ta’ Ħidma għandu jissottometti lill-Gvern Litwan abbozz ta’ liġi dwar il-ħatra tal-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni għall-ħatra bħala mħallef fil-[Qorti Ġenerali], flimkien mal-minuti tal-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma inklużi b’anness (il-lista ta’ klassifikazzjoni stabbilita mill-Grupp ta’ Ħidma li tindika n-numru ta’ punti miksuba mill-kandidati) u l-curriculum vitae tal-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni.

22. Din hija rakkomandazzjoni dwar il-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni għall-kariga ta’ mħallef tal-[Qorti Ġenerali] indirizzata lill-Gvern tal-Litwanja li, skont il-punt 52(3) tal-Liġi dwar il-Gvern, tipproponi kandidat għall-kariga ta’ mħallef fil-[Qorti Ġenerali].”

III. Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari

A.   Il‑proċedura tal‑għażla inkwistjoni

7.

Virgilijus Valančius, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), inħatar għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ April 2016, wara li ġie ppreżentat bħala kandidat mill-Gvern Litwan. Il-mandat tar-rikorrent skada fil‑31 ta’ Awwissu 2019, iżda huwa kompla jeżerċita l-funzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali wara din id-data, abbażi tal-Artikolu 5 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”) ( 4 ).

8.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Lulju 2019, il-Gvern Litwan talab li l-President tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Parlament Litwan jagħtu l-kunsens tagħhom dwar il-kandidatura ta’ V. Valančius għal mandat ġdid. Wara li din il-ħatra ma rnexxietx, minħabba l-impossibbiltà li jintlaħaq kunsens bejn it-tliet istituzzjonijiet nazzjonali kkonċernati, f’Marzu 2021 ġiet ippubblikata sejħa għal kandidaturi bl-għan li jinħatar kandidat għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali. Fl-istess ħin, il-Grupp ta’ Ħidma ġie stabbilit permezz ta’ Digriet tal-Prim Ministru u r-regoli li abbażi tagħhom kellha tiżvolġi l-proċedura tal-għażla ġew approvati permezz ta’ Digriet tal-Ministru għall-Ġustizzja.

9.

Fl‑10 ta’ Mejju 2021, il-Grupp ta’ Ħidma evalwa l-kandidati potenzjali billi ftiehem dwar lista ta’ tmien persuni li nstabu li jissodisfaw il-kriterji ta’ għażla bħala mħallef, imqassma f’ordni dixxendenti permezz ta’ marka (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ mertu”). Ir-rikorrent ġie identifikat fil-lista ta’ mertu bħala l-kandidat l-iktar xieraq.

10.

Fil‑11 ta’ Mejju 2021, il-Ministeru għall-Ġustizzja ppropona l-kandidatura tar-rikorrent lill-Gvern Litwan.

11.

Fis‑6 ta’ April 2022, il-Gvern Litwan ippropona li l-President tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Parlament Litwan japprovaw il-kandidatura tal-persuna kklassifikata fit-tieni pożizzjoni fil-lista ta’ mertu. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2022, il-Gvern Litwan, fid-dawl tal-qbil espress mill-President tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Parlament Litwan, ippropona lil din il-persuna bħala kandidat għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni ta’ ħatra”).

12.

Fil‑5 ta’ Lulju 2022, il-Kumitat tal-Artikolu 255 ta opinjoni sfavorevoli dwar dan il-kandidat.

13.

Fl‑14 ta’ Settembru 2022, il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja talab li l-President tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Parlament japprovaw il-proposta ta’ kandidatura tal-persuna fit-tielet pożizzjoni fil-lista ta’ mertu għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali, Saulius Lukas Kalėda. Wara li rċieva l-approvazzjoni taż-żewġ istituzzjonijiet, il-Gvern Litwan iddeċieda li jipproponi lil din il-persuna bħala kandidat (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ta’ ħatra”) ( 5 ).

14.

Wara opinjoni favorevoli tal-Kumitat tal-Artikolu 255, fil‑15 ta’ Settembru 2023 S. L. Kalėda nħatar imħallef tal-Qorti Ġenerali mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri u ħa l-ġurament matul is-seduta tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Settembru 2023, meta l-mandat tar-rikorrent bħala mħallef tal-Qorti Ġenerali ntemm.

B.   Il‑kawża prinċipali u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

15.

Fit‑18 ta’ Mejju 2022, ir-rikorrent ippreżenta rikors għal annullament kontra l-ewwel deċiżjoni ta’ ħatra quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnjus, il-Litwanja), intiża b’mod partikolari sabiex il-Gvern Litwan jiġi ordnat jiftaħ mill-ġdid il-proċeduri ta’ konsultazzjoni u ta’ proposta ta’ kandidat għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali konformement mal-proċeduri previsti mil-liġi, billi jissottometti għal konsultazzjoni u proposta isem il-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni mill-Grupp ta’ Ħidma. F’dan il-kuntest, ir-rikorrent sostna li l-proċedura nazzjonali għall-għażla ta’ kandidat għall-pożizzjoni ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem il-“proċedura nazzjonali inkwistjoni”), kif imwettqa, kienet tikser il-prinċipji li jirriżultaw mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 254 TFUE. Sussegwentement, ir-rikorrent estenda l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikors tiegħu sabiex ikopri wkoll it-tieni deċiżjoni ta’ ħatra ( 6 ).

16.

Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-dritt tal-Unjoni, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 254 TFUE, li jipprovdi li jistgħu jintgħażlu bħala membri tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea persuni ‘li ma jkunx hemm dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li jkollhom il-kapaċità li jeżerċitaw funzjonijiet għolja fil-ġudikatura’, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) TUE, jeżiġi li Stat Membru jagħżel lil kandidat għall-funzjoni ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea b’mod esklużiv abbażi ta’ kriterji professjonali?

(2)

Prassi nazzjonali, bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, fejn il-Gvern ta’ Stat Membru, responsabbli għall-proposta ta’ kandidat għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, jaħtar, sabiex jiżgura t-trasparenza tal-għażla ta’ dan il-kandidat, grupp ta’ evalwazzjoni tal-kandidati kompost minn esperti indipendenti – liema kumitat, abbażi ta’ kriterji ta’ għażla ċari u stabbiliti bil-quddiem u wara intervista mal-kandidati kollha, jistabbilixxi lista ta’ mertu u, kif tipprovdi proċedura stabbilita bil-quddiem, jippreżenta lill-Gvern l-isem tal-kandidat li kiseb l-aħjar evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kapaċitajiet u l-kompetenzi professjonali tiegħu –, iżda l-Gvern jipproponi għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mhux lill-kandidat imniżżel l-ewwel fil-lista ta’ mertu iżda lil kandidat ieħor, hija kompatibbli mar-rekwiżit li l-imħallef joffri l-garanziji kollha ta’ indipendenza kif ukoll mal-kundizzjonijiet l-oħra ta’ aċċess għall-funzjonijiet bħala mħallef stabbiliti fl-Artikolu 254 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) [TUE], bl-għarfien li l-Imħallef innominat b’mod li jista’ jkun illegali jista’ jinfluwenza d-deċiżjonijiet li tadotta l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea?”

17.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Settembru 2023, tressqet talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju, fejn intalbet tippreċiża jekk il-fatt li S. L. Kalėda kien inħatar imħallef tal-Qorti Ġenerali permezz ta’ deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal‑15 ta’ Settembru 2023 kellux effett fuq is-suġġett tal-kawża prinċipali u, jekk ikun il-każ, jekk din il-qorti xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Ottubru 2023, din il-qorti indikat li din il-ħatra ma kellhiex effett fuq is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u li hija kellha l-intenzjoni żżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

18.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati f’din il-proċedura mir-rikorrent, mill-Gvern Ċek, Litwan, Ungeriż, Olandiż, Pollakk u Svediż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rikorrent, il-Gvern Ċek, l-Irlanda, il-Gvern Litwan u dak Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fis‑16 ta’ Jannar 2024.

IV. Analiżi

19.

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikolu 254 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li permezz tagħhom il-gvern ta’ Stat Membru, li jkun waqqaf grupp ta’ esperti indipendenti inkarigat li jevalwa l-kandidati li għandhom jiġu proposti għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali u li jistabbilixxi lista li tikklassifika l-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kompetenza professjonali u ta’ indipendenza previsti mit-Trattati tal-Unjoni, jista’ jagħżel kandidat minn din il-lista li ma huwiex il-kandidat ikklassifikat fl-ewwel pożizzjoni.

20.

Qabel ma nanalizza l-fondatezza ta’ din id-domanda, ser neżamina ċerti kwistjonijiet proċedurali ta’ natura preliminari.

A.   Kwistjonijiet proċedurali: ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari u neċessità li tingħata risposta

21.

Diversi argumenti tressqu minn uħud mill-gvernijiet tal-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet, li jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u/jew l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u/jew il-ħtieġa għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. Għalkemm dawn il-partijiet, sa ċertu punt, għaqqdu l-argumenti tagħhom fuq dawn it-tliet domandi, madankollu ser neżaminahom separatament.

1. Ġurisdizzjoni

22.

L-ewwel nett, ċerti gvernijiet qiesu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula. Fil-fehma tagħhom, peress li l-proċedura li permezz tagħha gvern jipproponi kandidat hija rregolata biss mid-dritt nazzjonali, id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba ma humiex applikabbli fil-kawża prinċipali. Xi wħud mill-gvernijiet jenfasizzaw ukoll in-natura kumplessa tal-proċedura ta’ ħatra għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali, li tintemm bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni meħuda bi qbil komuni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ma hijiex suġġetta għall-istħarriġ tal-legalità tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huma jsostnu li, a fortiori, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità tal-fażi nazzjonali ta’ din il-proċedura kumplessa.

23.

F’dan ir-rigward, nirrileva, qabelxejn, li d-domandi preliminari jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikolu 254 TFUE, kwistjoni li teħtieġ l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni u, bħala tali, taqa’ kompletament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE ( 7 ).

24.

Barra minn hekk, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw għalihom mid-dritt tal-Unjoni. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, tar-regoli nazzjonali dwar l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin u, jekk ikun il-każ, tar-regoli dwar l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali proċeduri ta’ ħatra ( 8 ). Jidhirli li tali prinċipju għandu, a fortiori, japplika fir-rigward tar-regoli nazzjonali dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet intiżi li jagħmlu parti — kif ser nispjega iktar ’il quddiem — mill-proċess ta’ ħatra tal-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

25.

Barra minn hekk, ma iniex konvint li tista’ tiġi stabbilita analoġija bejn din il-kawża u l-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 263 TFUE, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-validità tal-atti adottati mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li jaġixxu mhux bħala membri tal-Kunsill, iżda bħala rappreżentanti tal-gvernijiet tagħhom, u b’hekk jeżerċitaw kollettivament il-kompetenzi tal-Istati Membri, bħalma huwa l-każ meta jiddeċiedu li jaħtru membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ( 9 ).

26.

Id-deċiżjonijiet kontenzjużi ma humiex atti ta’ natura intergovernattiva, iżda atti adottati mill-awtoritajiet Litwani abbażi tad-dritt nazzjonali. Dawn l-atti jistgħu jitqiesu, kif isostnu ċerti gvernijiet, bħala li huma atti preliminari fis-sens li huma meqjusa li jikkostitwixxu stadju fi proċedura kumplessa li twassal, fl-aħħar mill-aħħar, għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ natura intergovernattiva. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, għalkemm id-deċiżjonijiet kontenzjużi — li mingħajr dubju jipproduċu ċerti effetti legali — jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju skont id-dritt nazzjonali, in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ att differenti ieħor (id-deċiżjoni ta’ ħatra adottata mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri) huwa manifestament irrilevanti għad-determinazzjoni tal-kapaċità (jew aħjar, id-dover) tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi magħmula skont l-Artikolu 267 TFUE, sa fejn dawn jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

2. Ammissibbiltà

27.

It-tieni nett, ċerti gvernijiet sostnew li d-domandi magħmula huma inammissibbli, sa fejn risposta għal dawn id-domandi ma hijiex neċessarja sabiex tiġi riżolta l-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-motivazzjoni ta’ din il-pożizzjoni hija doppja: (i) il-qorti tar-rinviju ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti lir-rikorrent il-miżuri mitluba (ordni kontra l-gvern), peress li dan jimplika l-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-gvern fil-qasam tal-politika barranija; u (ii) id-domandi huma ipotetiċi sa fejn il-proċedura nazzjonali inkwistjoni — anki jekk jitqies li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni kellhom jitqiesu li huma applikabbli — twettqet, fi kwalunkwe każ, skont dawn id-dispożizzjonijiet.

28.

Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun infetħet il-kawża u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li jmiss, li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti nnifishom jew mal-iskop tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 10 ).

29.

Ma nara l-ebda element li jista’ jikkonfuta din il-preżunzjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, teżisti tilwima reali, pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, li fiha r-rikorrent invoka d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija s-suġġett tad-domandi preliminari ( 11 ). Il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati humiex effettivament applikabbli f’din il-kawża u, jekk ikun il-każ, jekk ġewx osservati huma domandi li jikkonċernaw il-mertu tad-domandi magħmula u, għaldaqstant, ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi ( 12 ).

30.

L-argument ibbażat fuq allegat nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, mill-qorti tar-rinviju, li tistħarreġ id-deċiżjonijiet kontenzjużi jew li tagħti lir-rikorrent il-forma speċifika ta’ rimedju li qiegħed jitlob, lanqas ma jikkonvinċini iktar. Hija ġurisprudenza stabbilita li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali għandhom jitwieġbu fid-dawl tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv li din il-qorti tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu ( 13 ). L-ammissibbiltà tar-rikors pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jew jekk id-deċiżjoni tar-rinviju saritx skont ir-regoli rilevanti li jirregolaw il-proċedura nazzjonali huma kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE ( 14 ).

31.

Bl-istess mod, il-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti applikawx b’mod korrett jew le l-prinċipji li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali inkwistjoni hija, għal darba oħra, kwistjoni li ma għandhiex tiġi evalwata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar dan il-punt u li l-qorti tar-rinviju talbet l-għajnuna tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi f’dan ir-rigward. Dan huwa biżżejjed sabiex it-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ddikjarata ammissibbli. Fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tippreċiża l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni inkwistjoni u dik tal-qorti tar-rinviju li tapplika dawn id-dispożizzjonijiet, kif interpretati, għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ( 15 ), billi tislet il-konsegwenzi kollha ta’ ksur eventwali tagħhom ( 16 ).

3. Fuq il‑ħtieġa li tingħata risposta

32.

Fit-tielet lok, ċerti gvernijiet isostnu li, peress li sadanittant S. L. Kalėda beda jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, il-proċedura fil-kawża prinċipali tilfet l-iskop tagħha, li jimplika li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula. Huma jqisu li, anki jekk il-proċedura nazzjonali inkwistjoni kienet ippreġudikat id-drittijiet tar-rikorrent (quod non), ir-rimedju mitlub minnu ma setax iktar jingħata: id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju ma taffettwax il-validità tad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li jaħtru lil S. L. Kalėda bħala mħallef tal-Qorti Ġenerali.

33.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi, inter alia, li tilwima tkun pendenti quddiem qorti nazzjonali, li fil-kuntest tagħha din hija mitluba tagħti deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari ( 17 ).

34.

F’dan il-każ, naqbel mal-opinjoni ta’ dawn il-gvernijiet li, anki jekk id-deċiżjonijiet kontenzjużi kellhom jiġu annullati mill-qorti tar-rinviju, dan ma jkollux effett dirett fuq il-validità tad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li jaħtru lil S. L. Kalėda bħala mħallef tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-kuntest, nirrileva, inċidentalment, li l-fatt li S. L. Kalėda jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-Trattati jidher li huwa paċifiku bejn il-partijiet. Bl-istess mod, jidhirli li t-talba tar-rikorrent lill-qorti tar-rinviju sabiex tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ għażla ta’ kandidat għall-funzjonijiet ta’ mħallef fil-Qorti Ġenerali issa ma għadx għandha skop peress illi l-pożizzjoni li għaliha seħħet il-proċedura ma għadhiex disponibbli.

35.

F’dan il-kuntest, jista’ jkun utli li jingħad ukoll, għall-finijiet ta’ kompletezza, li l-verifika finali tal-kwistjoni dwar jekk kandidat partikolari jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ kompetenza u ta’ indipendenza previsti mit-Trattati hija kompitu li jappartjeni lir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri u li din l-evalwazzjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati tal-Unjoni jew mill-qrati nazzjonali. Ladarba jinħatar, membru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jistax jiġi awtomatikament imċaħħad mill-funzjonijiet tiegħu, minħabba żball (allegat jew effettiv) imwettaq matul il-proċess ta’ għażla fil-livell nazzjonali. Dan imur kontra l-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin ( 18 ).

36.

Madankollu, dan ma jfissirx li l-iżbalji fil-proċess tal-ħatra ma jistgħux jiġu rrimedjati. L-Artikolu 6 tal-Istatut jipprovdi li “[l]-Imħallfin jistgħu jiġu mneħħija mill-kariga tagħhom jew miċħuda mid-dritt tagħhom għal pensjoni jew minn vantaġġi oħra minflokha, f’każ biss li, fuq ġudizzju unanimu ta’ l-Imħallfin u ta’ l-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jkunux iktar fil-pussess tar-rekwiżiti meħtieġa jew ma jissodisfawx iktar l-obbligi tal-kariga tagħhom. […] Jekk il-persuna kkonċernata tkun membru tal-Qorti Ġenerali jew ta’ qorti speċjalizzata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi wara konsultazzjoni mal-qorti konċernata” ( 19 ).

37.

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, fil-każ fejn kwalunkwe element ta’ natura li jqajjem dubju dwar jekk l-evalwazzjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri saritx abbażi ta’ informazzjoni kompleta, korretta u reali jirriżulta wara l-ħatra ta’ mħallef, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ allura tinvestiga din il-kwistjoni u, jekk ikun il-każ, tiddeċiedi li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 6 tal-Istatut. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta applikant ikun intenzjonalment ipprovda informazzjoni qarrieqa u/jew dokumenti ffalsifikati lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew lill-Kumitat tal-Artikolu 255 ( 20 ).

38.

Huwa importanti wkoll li jiġi nnotat li l-prerogattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ, wara l-ħatra, tali kwistjonijiet hija ddefinita mill-obbligu, u mhux minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod kostanti, inkluż f’Simpson (kawża li kienet tirrigwarda żball fil-proċess ta’ ħatra ta’ mħallef tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea ta’ dak iż-żmien), mid-dritt fundamentali għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, jirriżulta li “kull qorti għandha l-obbligu li tivverifika jekk, fil-kompożizzjoni tagħha, hija tikkostitwixxix tali qorti meta jitnissel dubju serju fuq dan il-punt. Din il-verifika hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-parti f’kawża. F’dan is-sens, tali stħarriġ jikkostitwixxi formalità essenzjali li l-osservanza tagħha taqa’ taħt l-ordni pubbliku u għandha tiġi vverifikata ex officio” ( 21 ).

39.

Minkejja dak li ntqal iktar ’il fuq, ma jidhirlix li huwa evidenti li l-kawża inkwistjoni tilfet l-iskop tagħha. Fil-fatt, mistoqsija f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat li l-kawża prinċipali kienet għadha pendenti u li hija kienet tqis li ma kienx hemm lok li jiġi rtirat ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, peress li risposta għal dawn id-domandi baqgħet neċessarja għad-deċiżjoni dwar it-tilwima ( 22 ). Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrent indika – mingħajr ma ġie kontradett mill-Gvern Litwan – li, ladarba l-proċedura titkompla wara s-sospensjoni tal-proċedura ordnata mill-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 267 TFUE, huwa jkun jista’ jemenda l-forma tad-digriet mitlub, pereżempju billi jitlob sentenza dikjaratorja, li tista’ tagħtih sodisfazzjon bħala forma ta’ kumpens, jew billi jitlob danni pekunjarji.

40.

Għalhekk, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-partijiet fil-kawża prinċipali, inqis li risposta għad-domandi magħmula tibqa’ neċessarja għall-qorti tar-rinviju sabiex tkun tista’ ssolvi t-tilwima pendenti quddiemha.

B.   Fuq il‑mertu

41.

Il-proċess u r-rekwiżiti għall-ħatra tal-imħallfin tal-Qorti Ġenerali huma rregolati mill-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikolu 254 TFUE. Dawn id-dispożizzjonijiet, redatti f’termini simili, jipprevedu li l-imħallfin tal-Qorti Ġenerali għandhom b’mod partikolari: (i) “jintgħażlu minn fost persuni li ma jkunx hemm dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li jkollhom il-kapaċità li jeżerċitaw funzjonijiet għolja fil-ġudikatura”, u (ii) “maħtura bi qbil komuni mill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri”, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Artikolu 255.

42.

L-ewwel kwistjoni li tinsab fil-qalba ta’ din il-kawża hija dik dwar jekk ir-rekwiżit, skont dawn id-dispożizzjonijiet, li l-imħallfin tal-Qorti Ġenerali jintgħażlu minn fost persuni li ma jkunx hemm dubju dwar l-indipendenza tagħhom (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżit ta’ indipendenza”) joħloqx xi obbligu għall-Istati Membri fir-rigward tal-proċedura tal-għażla tal-kandidati li għandhom jipproponu għal tali pożizzjonijiet.

43.

Il-biċċa l-kbira tal-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet esprimew opinjoni negattiva f’dan ir-rigward. Huma jinsistu fuq il-fatt li l-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikolu 254 TFUE jikkonċernaw il-proċedura li permezz tagħha l-kandidati jinħatru mħallfin, jiġifieri l-proċedura li tiżvolġi wara li Stat Membru jkun ippropona kandidat. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet ma fihom ebda regola speċifika dwar il-mod li bih l-Istati Membri jagħżlu l-kandidati. Għaldaqstant, dawn il-gvernijiet jikkunsidraw li l-proċedura ta’ għażla tal-kandidati taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, li għandhom f’dan ir-rigward setgħa diskrezzjonali illimitata.

44.

Fil-paġni li ġejjin, ser nispjega r-raġunijiet għaliex ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Madankollu, qabel ma nindirizza dawn l-argumenti, imiss xi rimarki preliminari dwar il-kunċett ta’ “indipendenza tal-ġudikatura”, u dak li dan jimplika f’sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

1. Kunċett uniku ta’ indipendenza tal‑ġudikatura

45.

Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod konsistenti li l-Artikolu 19 TUE jikkonkretizza l-valur essenzjali tal-istat tad-dritt skont l-Artikolu 2 TUE ( 23 ), billi jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lill-qrati nazzjonali r-responsabbiltà li jiżguraw l-istħarriġ ġudizzjarju fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 24 ). Id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv minn tribunal indipendenti – li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta – ġie rreferit mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jifforma parti mill-“essenza tal-istat tad-dritt” ( 25 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-garanzija ta’ indipendenza – li tinkludi żewġ aspetti, l-indipendenza stricto sensu u l-imparzjalità ( 26 ) – hija inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni u, għalhekk, hija imposta kemm fuq il-livell tal-Unjoni (fir-rigward tal-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea) kif ukoll fuq il-livell tal-Istati Membri (għall-membri tal-qrati nazzjonali li jistgħu jiddeċiedu fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni) ( 27 ).

46.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-garanzija ta’ indipendenza tippreżupponi l-eżistenza ta’ regoli li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-ġustizzja bħal li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ korp ġudizzjarju fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tiegħu fir-rigward tal-interessi inkwistjoni ( 28 ).

47.

B’mod iktar preċiż, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li għandhom jeżistu żewġ settijiet ta’ regoli. Sett ta’ regoli — li jista’ jitqies li huwa ta’ natura ex ante — għandu l-għan li jiżgura li persuni li huma u li jidhru indipendenti biss ikunu jistgħu jinħatru mħallfin. Fost dawn ir-regoli hemm il-kundizzjonijiet sostantivi u r-regoli proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra ( 29 ). Sett ieħor ta’ regoli — li jista’ jitqies li huwa ta’ natura ex post — għandu l-għan li jiżgura li l-persuni maħtura bħala mħallfin jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji, b’tali mod li ma jkun jista’ jinħoloq ebda dubju oġġettivament iġġustifikat dwar l-indipendenza tagħhom. Dawn ir-regoli jinkludu, inter alia, dawk li jistabbilixxu l-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ revoka tal-membri tal-ġudikatura ( 30 ) kif ukoll aspetti oħra tal-attività tal-imħallfin ( 31 ).

48.

Għalhekk, jirriżulta expressis verbis mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq li, fid-dritt tal-Unjoni, jeżisti biss kunċett uniku ta’ “indipendenza tal-ġudikatura” ( 32 ), li japplika bl-istess mod għall-qrati tal-Unjoni u għall-qrati nazzjonali. Għal dan l-għan, is-sistemi legali rispettivi għandu jkollhom inter alia regoli li jirregolaw il-ħatra tal-imħallfin, li jirriżultaw mil-leġiżlatur ( 33 ) u fformulati b’mod suffiċjentement ċar, preċiż u komplet ( 34 ), ta’ natura li tippreżerva l-indipendenza reali u apparenti tal-imħallfin ( 35 ).

49.

Wara li saret din il-preċiżazzjoni, il-kwistjoni li għandha tiġi eżaminata hija dik dwar jekk u, jekk ikun il-każ, kif il-prinċipji spjegati iktar ’il fuq jistgħu jiġu applikati f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

2. Il‑proċedura ta’ għażla tal‑kandidati għall‑kariga ta’ mħallef tal‑Qorti Ġenerali

50.

F’dan l-istadju, għandi ndur lura għall-oġġezzjonijiet, li għalihom sar riferiment fil-punt 43 iktar ’il fuq, imqajma minn ċerti gvernijiet dwar l-applikabbiltà tal-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikolu 254 TFUE tal-proċedura nazzjonali inkwistjoni.

51.

Ċertament, din il-proċedura u d-deċiżjonijiet li adotta l-Gvern Litwan fi tmiem din il-proċedura ma jikkonċernawx, jekk jittieħdu waħedhom, il-ħatra ta’ mħallef, peress li dawn iwasslu biss għall-għażla ta’ kandidat għal din il-funzjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan l-element ma għandu l-ebda importanza f’dan il-kuntest. Fil-fatt, jidhirli li l-argumenti mressqa minn ċerti gvernijiet f’dan ir-rigward huma estremament formalistiċi.

52.

Il-proċeduri nazzjonali għall-għażla tal-kandidati u d-deċiżjonijiet li jikkonkludu dawn il-proċeduri huma parti integrali mill-proċess globali li jwassal għall-ħatra tal-imħallfin tal-Qorti Ġenerali. Dan il-proċess jikkonsisti fi tliet stadji distinti: wieħed isir fil-livell nazzjonali (għall-għażla tal-kandidat), l-ieħor fil-livell tal-Unjoni (quddiem il-Kumitat tal-Artikolu 255 ( 36 )) u l-ieħor fil-livell intergovernattiv (meta r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri jadottaw deċiżjoni).

53.

Kull wieħed minn dawn it-tliet stadji jirrappreżenta fażi neċessarja tal-proċess. B’mod partikolari, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni dwar il-ħatra ta’ membru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss jekk tkun ġiet ippreżentata proposta formali għal dan l-għan minn gvern nazzjonali (u jekk il-persuna kkonċernata tkun instemgħet mill-Kumitat tal-Artikolu 255).

54.

Fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li — fid-dawl tas-silenzju tat-Trattati fuq dan il-punt — l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-mod kif il-proċedura tal-għażla tal-kandidati tagħhom hija organizzata, strutturata u ġestita. Huma jistgħu jistabbilixxu proċedura standard li tkun applikabbli fil-każijiet kollha ta’ ħatriet simili jew, min-naħa l-oħra, jużaw kull darba li tintuża proċedura ad hoc. Dawn il-proċeduri jistgħu jkunu relattivament sempliċi, jew jikkonsistu fi stadji proċedurali differenti, pereżempju billi jinvolvu istituzzjonijiet u/jew korpi differenti fil-proċess tal-għażla.

55.

F’dan ir-rigward, inqis għalhekk bħala pjuttost raġonevoli l-approċċ tal-Kumitat tal-Artikolu 255 li sostna li l-eżistenza ta’ “proċedura nazzjonali ta’ għażla miftuħa, trasparenti u rigoruża” huwa element li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod pożittiv meta jiġi evalwat kemm hu adatt il-kandidat, filwaqt li l-assenza ta’ tali proċedura ma tistax fiha nnifisha tikkostitwixxi motiv sabiex il-kandidat jitqies li ma huwiex adatt għall-kariga ( 37 ).

56.

F’dan ir-rigward, jista’ jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (inklużi l-Artikoli 2 u 19 TUE) ma tobbliga lill-Istati Membri jadottaw mudell kostituzzjonali speċifiku li jirregola r-relazzjoni u l-interazzjoni bejn id-diversi fergħat tal-Istat, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni u d-delimitazzjoni tal-kompetenzi tagħhom ( 38 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom, li jimplika li dawn l-Istati għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-istat tad-dritt ( 39 ).

57.

Għalhekk, fir-rigward tal-ħatra tal-imħallfin nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala prinċipju, is-sempliċi fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni mill-President ( 40 ), mill-Prim Ministru ( 41 ) jew mill-korpi leġiżlattivi ( 42 ) tal-Istat, jew wara konsultazzjoni magħhom, ma jikkostitwixxix, fih innifsu, element li jista’ jqiegħed f’dubju l-indipendenza tal-imħallfin fir-rigward ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-intervent ta’ korpi konsultattivi, pereżempju komposti minn imħallfin oħra, bil-kundizzjoni li dawn il-korpi jkunu huma stess suffiċjentement indipendenti, jista’ jikkontribwixxi sabiex dan il-proċess isir iktar oġġettiv, billi tiġi rregolata l-marġni ta’ manuvra li għandhom l-istituzzjonijiet l-oħra involuti f’dan il-proċess. Madankollu, l-involviment ta’ dawn il-korpi ma jistax jitqies bħala neċessarju ( 43 ). Lanqas ma huwa problematiku fih innifsu li l-istituzzjoni li għandha s-setgħa deċiżjonali jkollha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tagħżel il-kandidati li għandhom jinħatru ( 44 ).

58.

Dan kollu premess, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat b’mod kostanti li l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom l-Istati Membri sabiex jistrutturaw ir-relazzjoni bejn is-setgħat pubbliċi, li jiddefinixxi l-arkitettura ġudizzjarja tagħhom stess u — l-aħħar imma mhux l-inqas — li jirregolaw il-proċess ta’ ħatra fir-rigward tal-imħallfin nazzjonali, ma jeżentahomx milli josservaw id-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma obbligati josservaw ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li jirriżulta mill-Artikoli 2 u 19 TUE ( 45 ). Fil-fatt, kif iddikjarat fil-punt 24 iktar ’il fuq, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

59.

Dawn il-prinċipji għandhom neċessarjament japplikaw fir-rigward tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin tal-Qorti Ġenerali u għal kull wieħed mit-tliet stadji tiegħu. Jidhirli li huwa artifiċjali u irraġonevoli li jiġi sostnut li l-ewwel stadju ta’ dan il-proċess, minkejja n-natura essenzjali tiegħu u r-rwol determinanti li għandha d-deċiżjoni meħuda fi tmiem din il-proċedura, għandu jitqies bħala “żona mingħajr dritt tal-Unjoni” ( 46 ). Fil-fatt, ma hijiex kumbinazzjoni li, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-indipendenza tal-ġudikatura, il-Qorti tal-Ġustizzja spiss tirreferi għall-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin ( 47 ), li jiena nifhem bħala li jinkludi l-istadji proċedurali differenti kollha li, fl-aħħar mill-aħħar, iwasslu għall-ħatra formali tal-imħallfin.

60.

Min-naħa l-oħra, madankollu, huwa ugwalment ċar għalija li kull stadju ma jistax jitqies waħdu: li jimporta verament huwa kif il-proċess sħiħ, kompost minn varji stadji, jista’ jiġi pperċepit mill-pubbliku ( 48 ).

61.

F’dan il-kuntest, jiena tal-fehma li Stat Membru ma jistax jitqies li huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni jekk il-proċedura nazzjonali tal-għażla tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ membru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif maħsuba mil-leġiżlatur nazzjonali jew sempliċement kif applikata fil-prattika mill-awtoritajiet kompetenti ( 49 ), tista’ tippreġudika l-integrità tal-proċess globali ta’ ħatra u, konsegwentement, ir-riżultat tiegħu ( 50 ). Dan huwa l-każ jekk, minkejja l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw, minn naħa, iż-żewġ fażijiet l-oħra tal-proċess ta’ ħatra ( 51 ) u, min-naħa l-oħra, aspetti oħra tal-attività ġudizzjarja sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju tagħha ħielsa minn kull influwenza esterna ( 52 ), il-proċedura tal-għażla tal-kandidati hija tali li tista’ tqajjem dubji ġġustifikati dwar l-indipendenza tal-persuna magħżula.

62.

Biex jingħataw xi eżempji estremi: dan ikun il-każ, pereżempju, ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet li telenka l-affiljazzjoni ma’ partit politiku speċifiku bħala kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta mill-kandidati, jew ta’ deċiżjoni li tagħżel kandidat li jkun iddikjara b’mod apert (fl-istampa, quddiem korp jew kumitat pubbliku, eċċ.) li huwa jaġixxi fl-interess tal-istat ta’ oriġini tiegħu jew skont l-istruzzjonijiet tal-istituzzjoni li tkun għażiltu.

63.

Għaldaqstant, lanqas ma nista’ naqbel mal-argument imressaq minn ċerti gvernijiet li d-deċiżjoni li jiġi ddeterminat jekk kandidat partikolari jissodisfax ir-rekwiżiti previsti mit-Trattati huwa kompitu li jappartjeni biss lill-Kumitat tal-Artikolu 255.

64.

Ma hemmx għalfejn jingħad li l-Kumitat tal-Artikolu 255 huwa intiż li jkollu rwol kruċjali f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-verifika ta’ “l-idoneità tal-kandidati sabiex jaqdu d-dmirijiet ta’ Imħallef u ta’ Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali” tikkostitwixxi l-vera raġuni għall-eżistenza ta’ tali kumitat. Huwa wkoll pjuttost ċar, fil-fehma tiegħi, li t-twaqqif tal-Kumitat tal-Artikolu 255, li l-għeruq tiegħu jmorru lura għall-“Kumitat Konsultattiv” maħsub fl-hekk imsejjaħ Rapport Dovut ta’ Jannar ( 53 ) u fir-Rapport Finali tal-Grupp ta’ Diskussjoni dwar il-Funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ Marzu 2003 ( 54 ) – ma kienx intiż sabiex jirrappreżenta sempliċi eżerċizzju pro forma, iżda sabiex effettivament “jgħolli l-livell” għall-Istati Membri ( 55 ).

65.

Minkejja dan, il-fatt jibqa’ li l-Kumitat tal-Artikolu 255 huwa sempliċement korp konsultattiv li jagħti opinjoni mhux vinkolanti dwar il-kwistjoni. Ir-rwol tiegħu ma jistax jiġi interpretat bħala l-uniku korp inkarigat b’li jivverifika l-kompetenzi professjonali u l-indipendenza tal-kandidati. Għar-raġunijiet esposti hawn fuq, fil-fehma tiegħi, huma l-atturi istituzzjonali kollha involuti fil-proċess (awtoritajiet nazzjonali, il-Kumitat tal-Artikolu 255 u rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri), li kull wieħed minnhom jaġixxi fil-qafas tal-kompetenzi tiegħu u fl-istadju rilevanti tal-proċess, sabiex jiżgura l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti.

66.

Huwa għalhekk fid-dawl tal-prinċipji preċedenti li ser nindirizza issa d-domandi magħmula mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus), kif ifformulati mill-ġdid fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

3. Il‑proċedura nazzjonali inkwistjoni

67.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex tingħata risposta għad-domandi li jqumu f’dan il-każ, il-kwistjoni prinċipali hija dwar jekk il-proċedura nazzjonali inkwistjoni, kif imfassla u/jew applikata mill-awtoritajiet Litwani, hijiex ta’ natura li tippreġudika l-integrità tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallef tal-Qorti Ġenerali inkwistjoni.

68.

Din l-evalwazzjoni għandha ssir, bħala prinċipju, mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Madankollu, sabiex tingħata assistenza lil din il-qorti, ser nindika li ma nara ebda punt ta’ liġi jew ta’ fatt, ta’ natura sistematika jew ċirkustanzjali ( 56 ), li, fih innifsu jew eżaminat flimkien ma’ oħrajn ( 57 ), jista’ jqajjem dubji oġġettivament iġġustifikati, f’moħħ l-individwi, dwar l-indipendenza tal-kandidat propost mill-Gvern Litwan għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali.

69.

L-ewwel nett, jidher li huwa importanti li jiġi enfasizzat – qabel kollox – li l-persuni kollha li kienu inklużi fil-lista kklassifikata stabbilita mill-Grupp ta’ Ħidma kienu tqiesu, minn dan il-korp, bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kompetenza u ta’ indipendenza previsti mit-Trattati tal-Unjoni ( 58 ). Barra minn hekk, kif indikat iktar ’il fuq, nifhem li ma hemm l-ebda dubju li S. L. Kalėda effettivament issodisfa dawn ir-rekwiżiti fil-kawża prinċipali.

70.

It-tieni nett, nifhem ukoll li, fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali inkwistjoni, il-Gvern Litwan bl-ebda mod ma injora l-kuntest ġuridiku li huwa stess stabbilixxa u li huwa kien obbligat li josserva ( 59 ). B’mod partikolari, skont il-liġi nazzjonali applikabbli, il-Grupp ta’ Ħidma jidher li huwa korp konsultattiv u r-rakkomandazzjoni tiegħu dwar il-ħatra tal-kandidat fl-ogħla pożizzjoni ma tidhirx li torbot lill-Gvern Litwan.

71.

It-tielet nett, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż l-Artikolu 19 TFUE u l-Artikolu 254 TFU, ma timponi fuq il-gvernijiet li jipproponu lill-kandidat li, fil-fehma tagħhom, ikun “l-aħjar” għall-pożizzjoni. Għall-ħatra ta’ mħallef fil-Qorti Ġenerali, it-Trattati tal-UE jirrikjedu biss li l-kandidati jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet ta’ kompetenza u ta’ indipendenza stabbiliti fihom. Peress li l-gvern inkwistjoni jqis li d-diversi kandidati jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti, huwa għandu setgħa diskrezzjonali sabiex jipproponi il-kandidat li huwa jagħżel.

72.

F’dan ir-rigward, inżid ngħid li, waqt l-għażla tal-kandidati, il-gvernijiet ċertament ma humiex preklużi milli jirrikorru għal kriterji ta’ għażla addizzjonali, sakemm dawn il-kriterji jkunu kompatibbli ma’ dawk ta’ kompetenza u ta’ indipendenza kif previsti mit-Trattati. Pereżempju, ma nsibx oġġezzjonabbli li gvern jista’ jkun ukoll jixtieq jikkunsidra kunsiderazzjonijiet relatati mas-sess jew mal-bilanċ ġeografiku ( 60 ). Fl-istess vena, jiena tal-fehma li l-kriterji previsti mil-leġiżlazzjoni Litwana rilevanti (kompetenza legali, esperjenza professjonali, kapaċità għall-funzjonijiet ġudizzjarji, kompetenzi lingwistiċi, kapaċità li jaħdmu f’ambjent internazzjonali li fih huma rrappreżentati diversi tradizzjonijiet legali u garanziji ta’ indipendenza, imparzjalità, probità u integrità ( 61 )) huma perfettament kompatibbli ma’ dawk tat-Trattati.

73.

Dan premess, infakkar, fl-aħħar iżda mhux l-inqas, li, skont il-ġurisprudenza kemm tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 62 ) kif ukoll tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 63 ), mhux kull irregolarità li tista’ titwettaq matul il-proċess ta’ ħatra ta’ mħallef neċessarjament tpoġġi f’dubju l-indipendenza ta’ dan l-imħallef. Kollox jiddependi min-natura tal-irregolarità u miċ-ċirkustanzi li fihom tkun twettqet ( 64 ). Ikun hemm dubji serji, b’mod partikolari, meta din l-irregolarità tkun ta’ natura u gravità tali li toħloq riskju reali li fergħat oħra tal-Istat (b’mod partikolari l-poter eżekuttiv) — jew, inżid, kull persuna fiżika jew ġuridika pubblika jew privata oħra — tista’ teżerċita influwenza indebita fuq dan l-imħallef. Min-naħa l-oħra, l-irregolaritajiet minuri normalment ma jqajmux kwistjonijiet ta’ indipendenza tal-imħallfin inkwistjoni.

74.

Għaldaqstant, jidhirli li ebda element fost dawk imsemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari jew fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tal-partijiet ma jista’ jikkontesta, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, l-indipendenza tal-kandidat magħżul mill-Gvern Litwan ( 65 ). B’mod partikolari, ma nara xejn li jista’ jwassal li osservatur oġġettiv iqis li din il-persuna tista’, pereżempju, tqis ruħha li tinsab f’sitwazzjoni ta’ subordinazzjoni jew ta’ dipendenza ( 66 ) fir-rigward ta’ awtorità nazzjonali jew tkun, fi kwalunkwe każ, inklinata li tissottometti ruħha għal ċerta influwenza esterna ( 67 ), diretta jew indiretta ( 68 ), meta hija teżerċita l-funzjoni ġudizzjarja tagħha fil-Qorti Ġenerali.

75.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-leġiżlazzjoni jew il-prassi nazzjonali inkwistjoni, kif prevista mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rilevanti (u, sa fejn jista’ nara, kif effettivament applikata fil-proċedura nazzjonali inkwistjoni), hija kompatibbli mal-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikolu 254 TFUE.

V. Konklużjoni

76.

Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) fis-sens li l-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikolu 254 TFUE ma jipprekludux leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li permezz tagħhom il-gvern ta’ Stat Membru, li waqqaf grupp ta’ esperti indipendenti inkarigat li jevalwa l-kandidati li għandhom jiġu proposti għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali u li jistabbilixxi lista li tikklassifika l-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kompetenza professjonali u ta’ indipendenza previsti fit-Trattati tal-Unjoni, jista’ jagħżel kandidat minn din il-lista li ma huwiex il-kandidat ikklassifikat fl-ewwel pożizzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU 2010, L 50, p. 18.

( 3 ) Žin. 1994, Nru 43‑772.

( 4 ) Skont din id-dispożizzjoni, “[ħ]lief fejn ikun jgħodd l-Artikolu 6, Imħallef ikompli fil-kariga sakemm is-suċċessur tiegħu jassumi d-doveri tiegħu”.

( 5 ) Iż-żewġ deċiżjonijiet ta’ ħatra ser jissejħu iktar ’il quddiem flimkien id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”.

( 6 ) Dan huwa dak li afferma r-rikorrent waqt is-seduta f’din il-kawża, mingħajr ma ġie kontradett mill-Gvern Litwan.

( 7 ) Ara, b’mod simili, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-Imħallfin tal-Qrati Ordinarji fil-Polonja) (C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Sharpston vs Il‑Kunsill u Ir‑Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (C‑685/20 P, EU:C:2021:485, punti 46 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara, inter alia, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 97 u 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) F’dan il-kuntest, ftit li xejn għandi għalfejn nenfasizza li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li jirriżulta inter alia mill-Artikolu 19 TUE u mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għandu effett dirett, li jimplika li r-rikorrent għandu, bħala prinċipju, id-dritt li jinvokahom sabiex jikkontesta l-legalità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Volkswagen Group Italia u Volkswagen Aktiengesellschaft (C‑27/22, EU:C:2023:663, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 96 u 98).

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punti 90 u 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Towarzystwo Ubezpieczeń Ż (Kuntratti standard ta’ assigurazzjoni qarrieqa) (C‑208/21, EU:C:2023:64, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) F’dak li jirrigwarda l-importanza ta’ dan il-prinċipju u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet ammissibbli, ara, inter alia, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2021:557, punti 156 sa 161).

( 19 ) Ara wkoll l-Artikolu 6 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 7 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

( 20 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 6 u 7 tar-regoli ta’ funzjonament tal-Kumitat tal-Artikolu 255 (riprodotti iktar ’il fuq, fil-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 21 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Review Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, punt 57). Ara wkoll, iktar reċentement, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 276 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ibid., punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 26 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 121 u 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 40 u 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ mħallef fil-kariga) (C‑718/21, EU:C:2023:1015, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România (C‑216/21, EU:C:2023:628, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara, b’referenzi għall-ġurisprudenza, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Asociaţia Forumul Judecătorilor din România (C‑216/21, EU:C:2023:116, punt 45).

( 32 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2021:557, punt 35).

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 129).

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 136), u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 152 u 154).

( 35 ) Dwar l-importanza tal-apparenzi, ara, inter alia, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 127 sa 129).

( 36 ) Jidhirli li huwa għal kollox evidenti li l-Kumitat tal-Artikolu 255 huwa “korp tal-Unjoni” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni peress li, inter alia, l-istabbiliment tiegħu huwa previst mill-Artikolu 255 TFUE, ir-regoli ta’ funzjonament tiegħu huma stabbiliti f’deċiżjoni tal-Kunsill (ara l-punt 4 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet), u l-ispejjeż sostnuti għall-funzjonament tiegħu jitħallsu mill-Kunsill (u, għaldaqstant, mill-baġit tal-Unjoni).

( 37 ) Ara s-Seba’ Rapport ta’ Attività, adottat fil‑25 ta’ Frar 2022, p. 11.

( 38 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 229 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 73).

( 40 ) Ara inter alia s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 70 sa 72).

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punti 54 sa 56).

( 43 ) Ara pereżempju is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 71).

( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ Qorti Kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin tal-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 126).

( 47 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 66 u 73); tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 89 u 125); u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 141 u 205).

( 48 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet f’Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” (C‑216/21, EU:C:2023:116, punt 52).

( 49 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 144).

( 50 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 146).

( 51 ) Ovvjament qiegħed nirreferi għall-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikoli 253 sa 255 TFUE.

( 52 ) Ara, inter alia, l-Artikoli 2 sa 4 u 18 tal-Istatut, l-Artikoli 4 u 5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 16 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

( 53 ) Rapport mill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-futur tas-Sistema tal-Qorti tal-Komunitajiet Ewropej, p. 51.

( 54 ) Segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea, Rapport Finali tal-Grupp ta’ Diskussjoni dwar il-Funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja, CONV 636/03, 25 ta’ Marzu, p. 6.

( 55 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-diversi kontribuzzjonijiet inklużi f’Bobek. M., Selecting Europe’s Judges: A Critical Review of the Appointment Procedures to the European Courts, Oxford University Press, 2015.

( 56 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ Mħallef fil-Kariga) (C‑718/21, EU:C:2023:1015, punt 77).

( 57 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 152), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punt 152).

( 58 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Review Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 64).

( 59 ) Ara, f’dan ir-rigward, ibid., punt 61.

( 60 ) Ara, b’analoġija, ibid., punt 66.

( 61 ) Dawn il-kriterji jirriflettu dawk li l-Kumitat tal-Artikolu 255 ħabbar pubblikament. Ara, pereżempju, Is-Seba’ Rapport tal-Attività, p. 17 sa 19. Fil-fehma tiegħi, dawn il-kriterji jistgħu jitqiesu li huma komponenti tar-rekwiżiti ta’ kompetenza professjonali u ta’ indipendenza stabbiliti fit-Trattati.

( 62 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Review Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, punt 75), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 130).

( 63 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda, (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 243 sa 252), u tat‑22 ta’ Lulju 2021, Reczkowicz vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:0722JUD004344719, punti 221 sa 224).

( 64 ) Dwar din il-kwistjoni, ara, inter alia, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston f’Review Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2019:977, punti 85 u 106 sa 109).

( 65 ) Ara, b’mod simili, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 129).

( 66 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fl-istess kawża (EU:C:2021:289, punt 84).

( 67 ) Ara, f’dan is-sens, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2021:557, punti 100, 115 u 129).

( 68 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).