SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
8 ta’ Settembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Servizzi pubbliċi ta’ trasport ta’ vjaġġaturi bil-ferrovija u bit-triq – Impożizzjoni permezz ta’ regoli ġenerali ta’ obbligu ta’ trasport b’xejn ta’ ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi – Obbligu għall-awtorità kompetenti li tagħti lill-operaturi kumpens għal servizz pubbliku – Metodu ta’ kalkolu”
Fil-Kawża C‑614/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura
Lux Express Estonia AS
vs
Majandus- ja Kommunikatsiooniministeerium,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Lux Express Estonia AS, minn C. Ginter, K. Härginen u A. Jõks, vandeadvokaadid, |
|
– |
għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Toomus u C Vrignon, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 2(e), tal-Artikolu 3(2) u (3) u tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, L 354, p. 22) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1370/2007”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Lux Express Estonia AS u Majandus- ja Kommunikatsiooniministeerium (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Komunikazzjonijiet, l-Estonja) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jikkumpensa d-dannu li din il-kumpannija tallega li ġarrbet minħabba l-eżekuzzjoni tal-obbligu, previst mid-dritt Estonjan, li tittrasporta b’xejn u mingħajr kumpens mill-Istat Estonjan ċerti kategoriji ta’ passiġġieri. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id-Deċiżjoni 65/271/KEE
|
3 |
L-ewwel sat-tielet premessa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 65/271/KEE tat‑13 ta’ Mejju 1965 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompetizzjoni fit-trasport bil-ferroviji, bit-triq jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU 1965, L 88, p. 1500), kienu fformulati kif ġej: “billi wieħed mill-għanijiet tal-politika komuni tat-trasport għandu jkun l-eliminazzjoni tad-diskrepanzi li jistgħu joħolqu distorsjoni sostanzjali fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fit-trasport […]; billi d-diskrepanzi jidhru b’mod partikolari fl-oqsma tat-tassazzjoni, tal-intervent tal-Istati fit-trasport u tas-sistemi soċjali; billi, għaldaqstant, għandhom jittieħdu miżuri mmirati lejn: […]
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
4 |
L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni kien jistabbilixxi li: “Mill‑1 ta’ Lulju 1967, l-ispejjeż li jirriżultaw għat-trasport mill-applikazzjoni, fuq it-trasport ta’ vjaġġaturi, ta’ prezzijiet u ta’ kundizzjonijiet ta’ trasport imposti minn Stat Membru għall-benefiċċju ta’ kategorija soċjali waħda jew iktar għandhom ikunu suġġetti għal kumpens iddeterminat skont metodi komuni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Ir‑Regolament (KEE) Nru 1191/69
|
5 |
L-ewwel sat-tielet u t-tlettax-il premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 tas‑26 ta’ Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19), kienu jgħidu li: “Billi wieħed mill-għanijiet tal-politika komuni dwar it-trasport huwa li jiġu eliminati diskrepanzi li jistgħu jikkawżaw distorsjoni sostanzjali fil-kondizzjonijiet inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku li huma imposti fuq intrapriżi tat-trasport mill-Istati Membri; Billi huwa għalhekk meħtieġ li jintemmu l-obbligi ta’ servizz pubbliku definiti f’dan ir-Regolament; billi, madanakollu, huwa essenzjali f’ċerti każijiet li jinżammu dawn l-obbligi sabiex jiġi żgurat servizz ta’ trasport adegwat; billi l-adegwatezza tas-servizzi tat-trasport trid tiġi eżaminata fid-dawl tal-qagħda tal-provvista u tad-domanda fis-settur tat-trasport u tal-ħtiġiet tal-komunità; Billi dawn il-miżuri ta’ terminazzjoni ma għandhomx japplikaw għal rati u kondizzjonijiet tat-trasport imposti fuq intrapriżi tat-trasport tal-passiġġieri fl-interessi ta’ kategorija jew kategoriji partikolari ta’ persuni; […] Billi wkoll, l-Artikolu 6 tad-[Deċiżjoni 65/271], jiddisponi li l-Istati Membri jridu jagħtu kumpens fir-rigward ta’ piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq t-trasport ta’ passiġġieri minħabba l-applikazzjoni ta’ rati u kondizzjonijiet tat-trasport imposti fl-interessi ta’ kategorija waħda jew iżjed ta’ persuni […]” |
|
6 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi li: “1. L-Istati Membri għandhom itemmu l-obbligi kollha inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku kif definit f’dan ir-Regolament impost fuq trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni. 2. Madanakollu, obbligi bħal dawn jistgħu jinżammu sakemm ikunu essenzjali sabiex tiġi żgurata l-provvista adegwata ta’ servizzi tat-trasport. 3. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika, fir-rigward ta’ trasport ta’ passiġġieri, għal rati u kondizzjonijiet ta’ trasport imposti minn Stat Membru fl-interessi ta’ kategorija waħda jew iżjed ta’ persuni; 4. Piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq intrapriżi tat-trasport minħabba ż-żamma ta’ l-obbligi imsemmija fil-paragrafu 2, jew minħabba l-applikazzjoni tar-rati u l-kondizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 3, għandhom ikunu soġġetti għal kumpens maħdum skond il-proċeduri komuni li jinsabu f’dan ir-Regolament.” |
|
7 |
L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament kien ifformulat kif ġej: “1. L-ammont ta’ kumpens fir-rigward ta’ piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq intrapriżi, minħabba l-applikazzjoni ta’ rati u kondizzjonijiet tat-trasport imposti fl-interessi ta’ kategorija jew kategoriji partikolari ta’ persuni għat-trasport ta’ passiġġieri, għandu jiġi stabbilit skond il-proċeduri komuni li jinsabu fl-Artikoli 11 sa 13. 2. Il-kumpens għandu jibda jitħallas mill‑1 ta’ Jannar 1971. […]” |
Ir‑Regolament Nru 1370/2007
|
8 |
Il-premessi 2 sa 4, 34 u 35 tar-Regolament Nru 1370/2007 huma fformulati kif ġej:
[…]
|
|
9 |
L‑Artikolu 1 ta’ dan ir‑regolament jistabbilixxi li: “1. L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi Komunitarja, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità għola jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti. Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku, jikkumpensaw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklussivi bi tpattija għall-operat ta’ obbligi tat-trasport pubbliku. 2. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-operat nazzjonali u internazzjonali tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u b’mezzi ferrovjarji oħrajn u bit-triq, ħlief għas-servizzi li huma mħaddma prinċipalment għall-interess storiku tagħhom jew għall-valur turistiku tagħhom. L-Istati Membri jistgħu japplikaw dan ir-Regolament għat-trasport pubbliku għall-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni u, bla preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas‑7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) ([ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10]), b’ibħra nazzjonali. […]”. |
|
10 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1370/2007 jgħid li: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]
[…]
[…]” |
|
11 |
L-Artikolu 2a ta’ dan ir-regolament jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li: “L-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-kumpens relatat tal-effett finanzjarju nett tal-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom:
|
|
12 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej: “1. Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv u/jew kumpens, ta’ kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta’ kuntratt għal servizz pubbliku. 2. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jimmiraw li jistabbilixxu tariffi massimi għall-passiġġieri kollha jew għal ċerti kategoriji ta’ passiġġieri jistgħu jkunu wkoll is-suġġett ta’ regoli ġenerali. F’konformità mal-prinċipji mniżżla fl-Artikoli 4 u 6 u fl-Anness, l-awtorità kompetenti għandha tikkumpensa lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-effett finanzjarju nett, pożittiv jew negattiv, fuq l-infiq magħmul u d-dħul iġġenerat mill-konformità ma’ l-obbligi tat-tariffi stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali b’mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed. Dan hekk għandu jkun minkejja d-dritt ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jintegraw obbligi ta’ servizz pubbliku li jistabbilixxu tariffi massimi f’kuntratti għal servizz pubbliku. 3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament regoli ġenerali dwar kumpens finanzjarju għall-obbligi tas-servizz pubbliku li jistabilixxu tariffi massimi għal tfal ta’ l-iskola, studenti, apprentisti u persuni b’mobilità mnaqqsa. Dawn ir-regoli ġenerali għandhom jiġu nnotifikati skond l-Artikolu 88 tat-Trattat. Kwalunkwe tali notifika għandha tinkludi informazzjoni kompluta dwar il-miżura, u b’mod partikolari, dettalji dwar il-metodu ta’ kalkolu.” |
|
13 |
L-Artikolu 4 tal-istess regolament jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li: “Il-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom: […]
[…]”. |
|
14 |
L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li: “Kull kumpens marbut ma’ regola ġenerali jew ma’ kuntratt għal servizz pubbliku għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4, irrispettivament mill-mod li bih ingħata l-kuntratt. Il-kumpens kollu, ta’ kwalunkwe tip, marbut ma’ kuntratt mogħti direttament skond l-Artikolu 5(1),(3) jew (3b) jew marbut ma’ regola ġenerali għandu wkoll jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness.” |
|
15 |
Skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament: “Kumpens għal servizz pubbliku għall-operat ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri jew għall-konformità ma’ obbligi ta’ tariffa stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali mħallsa skond dan ir-Regolament għandu jkun kompatibbli mas-suq komuni. Tali kumpens għandu jkun eżenti mill-ħtieġa ta’ notifika minn qabel imniżżla fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.” |
|
16 |
L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li: “Ir-[Regolament Nru 1191/69] għandu jkun imħassar. […]” |
|
17 |
L-Anness tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “Regoli applikabbli għall-kumpens fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1)”, jipprevedi, fil-punt 2 tiegħu, li: “Il-kumpens ma jistax jaqbeż l-ammont li jikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett ekwivalenti għat-total ta’ l-effetti, pożittivi jew negattivi, ta’ konformità ma’ l-obbligu ta’ servizz pubbliku fuq l-ispejjeż u d-dħul ta’ l-operatur ta’ servizz pubbliku. L-effetti għandhom ikunu valutati bi tqabbil tas-sitwazzjoni fejn l-obbligu tas-servizz pubbliku jiġi rrispettat mas-sitwazzjoni li tkun eżistiet kieku l-obbligu ma kienx ġie rrispettat. […]” |
Id‑dritt Estonjan
|
18 |
L-Artikolu 34 tal-ühistranspordiseadus (il-Liġi dwar it-Trasport Pubbliku), tal‑1 ta’ Ottubru 2015 (RT I 2015, 2), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ÜTS”), jistabbilixxi li: “F’linja nazzjonali li tifforma parti mit-trasport bit-triq, fuq l-ilma jew bil-ferrovija, it-trasportatur huwa obbligat jittrasporta, b’xejn, lit-tfal li fl-1 ta’ Ottubru tas-sena skolastika li tkun għaddejja jkollhom inqas minn 7 snin, lit-tfal li l-bidu tat-tagħlim obbligatorju tagħhom ġie pospost, lill-persuni b’diżabbiltà li għandhom inqas minn 16-il sena, lill-persuni b’diżabbiltà gravi li għandhom iktar minn 16-il sena, lill-persuni b’diżabbiltà viżiva gravi u lill-persuni li jakkumpanjaw persuna b’diżabbiltà viżiva gravi jew sinjifikattiva, kif ukoll lill-klieb gwida jew ta’ assistenza ta’ persuni b’diżabbiltà. It-trasportatur ma għandu jirċievi l-ebda kumpens għat-trasport b’xejn tal-vjaġġaturi li jaqgħu taħt dawn il-kategoriji”. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
19 |
Eesti Buss OÜ u Lux Express Estonia huma impriżi privati li jipprovdu servizzi regolari ta’ trasport kummerċjali bit-triq b’karozzi tal-linja fl-Estonja. Fil‑5 ta’ Ġunju 2019, huma ressqu talba għal kumpens quddiem il-Ministru għall-Ekonomija u għall-Infrastrutturi (l-Estonja) għal ammont totali ta’ EUR 537219 minħabba lucrum cessans li huma allegaw li ġarrbu matul is-sena 2018 minħabba l-obbligu, previst fl-Artikolu 34 tal-ÜTS, li jiġu ttrasportati b’xejn, mingħajr kumpens mill-Istat, ċerti kategoriji ta’ passiġġieri fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi regolari ta’ trasport kummerċjali fit-territorju Estonjan. |
|
20 |
Fl‑10 ta’ Lulju 2019, il-Ministru għall-Ekonomija u għall-Infrastrutturi ċaħad din it-talba għar-raġuni li, skont l-Artikolu 34 tal-ÜTS, it-trasportatur ma għandu jirċievi ebda kumpens għat-trasport b’xejn ta’ passiġġieri. |
|
21 |
Fid‑29 ta’ Lulju 2019, Eesti Buss amalgamat ma’ Lux Express Estonia u tħassret mir-reġistru tal-kummerċ. |
|
22 |
Fit‑12 ta’ Awwissu 2019, Lux Express Estonia ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja), intiż sabiex ir-Repubblika tal-Estonja tiġi kkundannata tħallas EUR 851960, li jikkorrispondi għall-valur tal-lucrum cessans li hija tqis li ġarrbet minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 34 tal-ÜTS, matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2018 u l‑31 ta’ Lulju 2019, flimkien mal-interessi moratorji. Lux Express Estonia estendiet din it-talba għal-lucrum cessans allegatament subit matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2016 u l‑31 ta’ Jannar 2020, jiġifieri s-somma ta’ EUR 2061781, flimkien mal-interessi moratorji. |
|
23 |
Lux Express Estonia sostniet, b’mod partikolari, li l-obbligu previst fl-Artikolu 34 tal-ÜTS jikkostitwixxi obbligu ta’ servizz pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1370/2007. Issa, mill-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jagħtu kumpens lill-impriżi tat-trasport bħala korrispettiv għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. Sa fejn jipprojbixxi l-ħlas ta’ kumpens għall-eżekuzzjoni ta’ tali obbligu, l-Artikolu 34 tal-ÜTS huwa inkompatibbli mal-imsemmi regolament. Il-fatt li r-Repubblika tal-Estonja ma kkomunikatx minn qabel lill-Kummissjoni din id-dispożizzjoni skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 u skont l-Artikolu 108 TFUE ma jeskludix l-għoti ta’ kumpens. Lux Express Estonia sostniet ukoll li, kieku kellu jitqies li r-Regolament Nru 1370/2007 ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali, hija għandha tingħata kumpens skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità u skont l-Artikoli 16, 17, 41 u 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
24 |
Il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Komunikazzjonijiet sostna li r-Regolament Nru 1370/2007 ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali, peress li Lux Express Estonia ma kkonkludietx kuntratt ta’ servizz pubbliku ma’ awtorità kompetenti iżda topera linji kummerċjali. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 jippermetti li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament is-sitwazzjonijiet li fihom regola ġenerali tistabbilixxi tariffi massimi għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi. Barra minn hekk, peress li ebda kumpens ma għandu jingħata, ma hemmx lok li l-Kummissjoni tiġi informata b’dan. Il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Komunikazzjonijiet sostna wkoll li, anki jekk jitqies li l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 34 tal-ÜTS jikkostitwixxi obbligu ta’ servizz pubbliku fis-sens tal-imsemmi regolament, dan tal-aħħar ma jimponix li t-trasportatur jiġi kkumpensat. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE lanqas ma jimponu l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat. Il-provvista ta’ servizzi mwettqa minn Lux Express Estonia hija ekonomikament profittabbli anki mingħajr kumpens. |
|
25 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi li Lux Express Estonia topera servizzi kummerċjali ta’ trasport b’karozzi tal-linja abbażi ta’ liċenzja operattiva Komunitarja u ma kkonkludiet ebda kuntratt ta’ servizz pubbliku mal-awtoritajiet nazzjonali jew lokali. Din il-kumpannija ma tirċievi ebda kumpens minn fondi pubbliċi għall-ispejjeż tal-operat ta’ dawn is-servizzi. |
|
26 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel, dwar jekk il-fatti tal-kawża prinċipali humiex irregolati mir-Regolament Nru 1370/2007. F’dan ir-rigward, hija tosserva li Lux Express Estonia tipprovdi servizz ta’ trasport ta’ vjaġġaturi ta’ interess ekonomiku ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament, peress li jeżisti interess pubbliku sabiex jiġi żgurat servizz regolari ta’ trasport b’karozzi tal-linja bejn l-ibliet differenti fl-Estonja u li dan is-servizz huwa ta’ natura li jiggarantixxi l-moviment liberu tal-persuni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum il-kwistjoni dwar jekk, meta awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-imsemmi regolament, ma tkunx ikkonkludiet kuntratt ta’ servizz pubbliku ma’ impriża tat-trasport, iżda tkun stabbilixxiet permezz tal-liġi l-obbligu tat-trasportaturi li joperaw servizzi regolari fit-territorju nazzjonali li jittrasportaw b’xejn ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi, dan l-obbligu jistax jiġi kklassifikat bħala “obbligu ta’ servizz pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 2(e) tal-istess regolament. |
|
27 |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-ÜTS tista’ titqies bħala regola ġenerali fis-sens tal-Artikolu 2(l) u tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 u, għaldaqstant, dan ir-regolament japplika fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-Artikolu 34 tal-ÜTS jipprevedi tariffa massima (trasport b’xejn) għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi. L-iffissar ta’ tali tariffa massima permezz ta’ regola ġenerali jista’, skont l-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament, jikkostitwixxi obbligu ta’ servizz pubbliku. Barra minn hekk, billi jagħti lil ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi d-dritt għat-trasport b’xejn, l-Artikolu 34 tal-ÜTS jilħaq l-għan li jipprovdi lill-vjaġġaturi b’servizz bi prezz irħas, imsemmi fl-Artikolu 1(1) tal-istess regolament. Barra minn hekk, ma huwiex probabbli li impriża li tikkunsidra l-interess kummerċjali tagħha stess tipprovdi servizz ta’ trasport b’xejn lil dawn il-vjaġġaturi mingħajr l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi. |
|
28 |
Fil-każ li r-Regolament Nru 1370/2007 ikun applikabbli għall-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, it-tieni, dwar jekk Stat Membru jistax jeskludi l-għoti ta’ kumpens lit-trasportatur għall-ispejjeż li jirriżultaw minn obbligu ta’ servizz pubbliku. Mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-awtorità kompetenti tagħti lit-trasportatur kumpens għall-eżekuzzjoni tal-obbligu tariffarju stabbilit mir-regola ġenerali. Huwa wkoll possibbli li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 4(1)(b)(i) tal-imsemmi regolament jiġi dedott li, meta timponi fuq it-trasportatur obbligu ta’ servizz pubbliku, l-awtorità kompetenti għandha tipprevedi kumpens għall-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu. Madankollu, din l-aħħar dispożizzjoni tirreferi wkoll għall-possibbiltà li ma jingħata ebda kumpens. |
|
29 |
It-tielet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 jippermettix li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament mhux biss ir-regoli ġenerali dwar il-kumpens finanzjarju mogħti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku li jistabbilixxu tariffi massimi għal tfal tal-iskola, studenti, apprentisti u persuni b’mobbiltà mnaqqsa, iżda wkoll ir-regoli ġenerali intiżi li jiffissaw tariffi massimi għal kategoriji ta’ vjaġġaturi minbarra dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni, bħat-tfal li għadhom ma laħqux l-età tal-iskola, il-minuri b’diżabbiltà taħt is‑16‑il sena, il-persuni b’diżabbiltà severa ta’ 16‑il sena u iktar, il-persuni b’indeboliment viżiv serju, il-persuni li jakkumpanjaw il-persuni b’indeboliment viżiv qawwi jew serju u l-klieb gwida jew ta’ assistenza li jakkumpanjaw persuni b’diżabbiltà, imsemmija fl-Artikolu 34 tal-ÜTS. Din il-qorti tistaqsi wkoll dwar jekk l-obbligu ta’ komunikazzjoni msemmi fl-Artikolu 3(3) u fl-Artikolu 108 TFUE japplikax għas-sitwazzjonijiet li fihom ir-regoli ġenerali li jiffissaw it-tariffi massimi ma jipprevedux l-għoti ta’ kumpens lit-trasportaturi inkarigati b’obbligu ta’ servizz pubbliku, peress li, f’dawn is-sitwazzjonijiet, ma jkunx hemm riskju ta’ għoti ta’ għajnuna mill-Istat. |
|
30 |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-Regolament Nru 1370/2007 ma japplikax fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, ir-raba’, jekk obbligu li l-impriżi tat-trasport jingħataw kumpens inkambju għall-eżekuzzjoni tal-obbligu previst fl-Artikolu 34 tal-ÜTS jirriżultax minn att ieħor tad-dritt tal-Unjoni, bħall-Karta. |
|
31 |
Fil-każ li hija tiddeċiedi li tagħti tali kumpens lil Lux Express Estonia, din il-qorti tixtieq issir taf, il-ħames, liema huma l-kundizzjonijiet li hija għandha tosserva fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens sabiex din tal-aħħar ma tiksirx ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Skont l-imsemmija qorti, peress li Lux Express Estonia hija libera li tiffissa t-tariffa tal-biljetti tat-trasport u peress li r-rotot moqdija fit-territorju Estonjan huma ta’ natura mhux kompetittiva, it-telf ta’ qligħ fuq il-bejgħ ta’ biljetti tat-trasport jista’ ma jikkostitwixxix bażi xierqa għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-eżerċizzju tal-obbligu previst fl-Artikolu 34 tal-ÜTS. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex jiġi evitat kumpens żejjed matul dan il-kalkolu, hija tistax, anki fl-ipoteżi fejn ir-Regolament Nru 1370/2007 ma jkunx applikabbli fil-kawża prinċipali, tirreferi b’analoġija għar-regoli li jinsabu fl-anness ta’ dan ir-regolament. |
|
32 |
F’dan il-kuntest, it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
33 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “obbligu ta’ servizz pubbliku”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, l-obbligu għall-impriżi li jipprovdu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat servizz regolari ta’ trasport bit-triq, bil-passaġġi fuq l-ilma interni u bil-ferrovija, previst fl-Artikolu 34 tal-ÜTS, li jiġu ttrasportati b’xejn u mingħajr ma jirċievu kumpens mill-Istat ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi, b’mod partikolari t-tfal li għadhom ma laħqux l-età tal-iskola u ċerti kategoriji ta’ persuni b’diżabbiltà. |
|
34 |
Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, dan għandu l-għan li jiddefinixxi kif, b’osservanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jintervjenu fil-qasam tat-trasport pubbliku tal-vjaġġaturi sabiex jiggarantixxu l-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li jkunu b’mod partikolari iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità aħjar jew bi prezz irħas minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti li jiġu pprovduti. Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan japplika għall-operat nazzjonali u internazzjonali ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport ta’ vjaġġaturi bil-ferrovija u b’mezzi ferrovjarji oħra u bit-triq, bl-eċċezzjoni tas-servizzi li huma essenzjalment użati għall-interess storiku tagħhom jew għall-valur turistiku tagħhom. Huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, b’mod partikolari, it-trasport pubbliku tal-vjaġġaturi bil-passaġġi fuq l-ilma interni. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw dan l-istess regolament għal dan l-aħħar trasport. Mill-elementi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li r-Repubblika tal-Estonja għamlet użu minn din il-possibbiltà. |
|
35 |
L-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1370/2007 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “obbligu ta’ servizz pubbliku” bħala “rekwiżit definit jew determinat minn awtorità kompetenti sabiex jiġu żgurati servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri fl-interess ġenerali li operatur, li kieku kellu jqis l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess punt jew taħt l-istess kondizzjonijiet mingħajr kumpens”. |
|
36 |
Skont l-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 1370/2007, “awtorità kompetenti” tfisser, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, “kwalunkwe awtorità pubblika jew grupp ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jew Stati Membri li għandhom is-setgħa jintervjenu fit-trasport pubbliku għall-passiġġieri f’żona ġeografika partikolari, jew kwalunkwe korp li ngħata tali awtorità”. |
|
37 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-obbligi ta’ servizz pubbliku jistgħu jkunu s-suġġett kemm ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku, kif ukoll ta’ regola ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 2(l) tal-imsemmi regolament, jiġifieri miżura li tapplika mingħajr diskriminazzjoni għas-servizzi pubbliċi kollha ta’ trasport ta’ vjaġġaturi tal-istess tip f’żona. |
|
38 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk l-obbligu previst fl-Artikolu 34 tal-ÜTS jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1370/2007. |
|
39 |
Madankollu, mill-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, qabelxejn, li dan l-obbligu jirriżulta minn dispożizzjoni leġiżlattiva. Konsegwentement, jista’ jitqies, minn naħa, li l-imsemmi obbligu huwa ddefinit jew stabbilit minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru li għandha l-possibbiltà tintervjeni fit-trasport pubbliku ta’ vjaġġaturi, jiġifieri minn “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) u (e) tar-Regolament Nru 1370/2007, u, min-naħa l-oħra, li dan l-istess obbligu huwa stabbilit permezz ta’ “regola ġenerali”, fis-sens tal-Artikolu 2(l) ta’ dan ir-regolament. |
|
40 |
Sussegwentement, mill-Artikolu 34 tal-ÜTS jirriżulta li kull trasportatur li jipprovdi fit-territorju Estonjan servizz regolari ta’ trasport bit-triq, bil-passaġġi fuq l-ilma interni u bil-ferrovija għandu jittrasporta b’xejn ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi, b’mod partikolari tfal li għadhom ma laħqux l-età tal-iskola u ċerti kategoriji ta’ persuni b’diżabbiltà. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Estonjan jippreċiża li l-obbligu previst f’din id-dispożizzjoni huwa impost bil-għan li jippermetti lill-familji bi tfal ta’ età żgħira u lill-persuni b’diżabbiltà jużaw it-trasport pubbliku billi jagħmluh iktar affordabbli u aċċessibbli għalihom. Fil-fatt, l-Artikolu 34 tal-ÜTS jirrifletti l-attenzjoni partikolari li s-soċjetà Estonjana tagħti lil dawn il-persuni. |
|
41 |
Issa, dan l-għan jaqa’ fl-għanijiet prinċipali tal-White Paper tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Settembru 2001 speċifikament imsemmija fil-premessa 4 tar-Regolament Nru 1370/2007, li fosthom hemm dak li jiġu offruti kundizzjonijiet tariffarji speċifiċi għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi, bħall-pensjonanti. L-obbligu previst f’din id-dispożizzjoni jidher għalhekk li huwa ddefinit sabiex jiġu ggarantiti servizzi ta’ interess ġenerali ta’ trasport ta’ vjaġġaturi. |
|
42 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li huwa improbabbli li impriża, jekk hija tqis l-interess kummerċjali tagħha stess, tassumi dan l-obbligu mingħajr korrispettiv. |
|
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, bla ħsara għall-evalwazzjoni definittiva mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, għandu jitqies li, sa fejn jimponi fuq kull impriża li tipprovdi fit-territorju nazzjonali servizz regolari ta’ trasport bit-triq u bil-ferrovija l-obbligu li jiġu ttrasportati b’xejn ċerti kategoriji ta’ passiġġieri, b’mod partikolari t-tfal li għadhom ma laħqux l-età tal-iskola u ċerti kategoriji ta’ persuni b’diżabbiltà, l-Artikolu 34 tal-ÜTS jipprevedi “obbligu ta’ servizz pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 1370/2007. |
|
44 |
Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex invalidata mill-argument tal-Gvern Estonjan li jgħid li dan ir-regolament ma japplikax għall-operat ta’ rotot ta’ trasport li ma jaqgħux taħt kuntratti ta’ servizz pubbliku. |
|
45 |
Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi osservat, minn naħa, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma jagħmilx distinzjoni bejn l-obbligi ta’ servizz pubbliku skont il-mod kif huma ddefiniti. |
|
46 |
Min-naħa l-oħra, kif ġie osservat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1370/2007 jirriżulta li dan tal-aħħar japplika kemm għall-obbligi ta’ servizz pubbliku previsti f’kuntratt ta’ servizz pubbliku kif ukoll għal dawk imposti permezz ta’ regoli ġenerali. L-imsemmi Artikolu 3 jirrigwarda espressament ukoll, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-miżuri nazzjonali, previsti f’regoli ġenerali, li jistabbilixxu tariffi massimi għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi. Issa, dawn il-miżuri jinkludu l-obbligi ta’ trasport ta’ vjaġġaturi b’xejn, bħal dak previst fl-Artikolu 34 tal-ÜTS. |
|
47 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “obbligu ta’ servizz pubbliku”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, l-obbligu għall-impriżi li jipprovdu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat servizz pubbliku ta’ trasport bit-triq u bil-ferrovija, previst f’dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali, li jiġu ttrasportati b’xejn u mingħajr ma jirċievu kumpens mill-Istat ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi, b’mod partikolari t-tfal li għadhom ma laħqux l-età tal-iskola u ċerti kategoriji ta’ persuni b’diżabbiltà. |
Fuq it‑tieni domanda
|
48 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-ewwel, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jeskludu l-għoti lill-impriżi li jipprovdu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat servizz pubbliku ta’ trasport bit-triq u bil-ferrovija ta’ kumpens inkambju għall-ispejjeż sostnuti minħabba l-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku. Fil-każ li dawn l-awtoritajiet jistgħu jeskludu l-għoti ta’ tali kumpens, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni, dwar il-kundizzjonijiet li fihom huma jistgħu jużaw din il-possibbiltà. |
|
49 |
Mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ewwel parti ta’ din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li r-Regolament Nru 1370/2007 jimponi fuq l-awtoritajiet kompetenti l-obbligu li jagħtu kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw minn obbligi ta’ servizz pubbliku. |
|
50 |
Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, qabelxejn għandha tiġi vverifikata l-validità ta’ din il-premessa. |
|
51 |
L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklużiv u/jew kumpens, ta’ kwalunkwe tip, inkambju għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, hija għandha tagħmel dan fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku. |
|
52 |
Għalhekk, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li l-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-kumpens relatat magħhom għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku. |
|
53 |
B’deroga minn din id-dispożizzjoni, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament tawtorizza l-istabbiliment, permezz ta’ regoli ġenerali, ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku intiżi li jistabbilixxu tariffi massimi għall-vjaġġaturi kollha jew għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi. |
|
54 |
Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, l-awtorità kompetenti għandha tikkumpensa lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-effett finanzjarju nett, pożittiv jew negattiv, fuq l-ispejjeż u d-dħul li jirriżultaw mill-osservanza tal-obbligi tariffarji stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali, b’mod li jiġi evitat kull kumpens żejjed. L-għoti ta’ dan il-kumpens għandu jsir skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4, fl-Artikolu 6 u fl-Anness ta’ dan ir-regolament. |
|
55 |
Mill-użu tal-formulazzjoni imperattiva “l-awtorità kompetenti għandha tikkumpensa” jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprevedi, għall-awtoritajiet kompetenti, mhux sempliċi possibbiltà, iżda obbligu. |
|
56 |
Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kuntest li fih jinsab l-imsemmi artikolu. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 jirreferi għall-“kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku […], jikkumpensaw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu”. L-Artikolu 2a(2) ta’ dan ir-regolament jirrigwarda l-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-“kumpens relatat tal-effett finanzjarju nett”. |
|
57 |
Barra minn hekk, mill-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam jirriżulta li l-obbligu li jingħata kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi ta’ servizz pubbliku jista’ jiġi rrintraċċjat sad-Deċiżjoni 65/271, li l-Artikolu 6 tagħha kien jipprovdi li, mill‑1 ta’ Lulju 1967, l-ispejjeż li jirriżultaw għat-trasport mill-applikazzjoni, fuq it-trasport ta’ vjaġġaturi, ta’ prezzijiet u ta’ kundizzjonijiet ta’ trasport imposti minn Stat Membru għall-benefiċċju ta’ kategorija soċjali waħda jew iktar għandhom ikunu suġġetti għal kumpens iddeterminat skont metodi komuni. |
|
58 |
Dan l-obbligu ġie sussegwentement riprodott, essenzjalment, fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1191/69, li tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1370/2007. |
|
59 |
Huwa minnu li l-kontenut ta’ din l-ewwel dispożizzjoni ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1893/91 tal‑20 ta’ Ġunju 1991 li jemenda r-Regolament Nru 1191/69 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 314). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li r-Regolament Nru 1191/69, kif emendat, jipprevedi, għall-ispejjeż li jirriżultaw minn tali obbligi ta’ servizz pubbliku, l-għoti ta’ kumpens iddeterminat konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, Antrop et, C‑504/07, EU:C:2009:290, punt 21). |
|
60 |
Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma emendax l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1191/69, li minnu jirriżulta li l-kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw, għall-impriżi tat-trasport, mill-applikazzjoni, fuq it-trasport ta’ vjaġġaturi, ta’ prezzijiet u ta’ kundizzjonijiet ta’ trasport imposti għall-benefiċċju ta’ kategorija soċjali waħda jew iktar kien dovut, fuq talba ta’ dawn l-impriżi, mill‑1 ta’ Jannar 1971. |
|
61 |
L-interpretazzjoni li tgħid li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma jistabbilixxix sempliċi possibbiltà, iżda obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jagħtu kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku msemmija f’din id-dispożizzjoni, hija kkorroborata wkoll mill-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam. |
|
62 |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, mill-ewwel sat-tielet premessa tad-Deċiżjoni 65/271 jirriżulta li din kienet intiża sabiex tilħaq l-għan tal-politika komuni tat-trasport ta’ eliminazzjoni tad-diskrepanzi li jirriżultaw mill-impożizzjoni fuq l-impriżi tat-trasport mill-Istati Membri ta’ obbligi inerenti għall-kunċett ta’ servizz pubbliku ta’ natura li joħolqu distorsjoni sostanzjali fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari, bl-adozzjoni ta’ miżuri intiżi għal kumpens ekwu għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi ta’ servizz pubbliku li jikkorrispondu għal tnaqqis tariffarju għal raġunijiet soċjali. |
|
63 |
L-ewwel sat-tielet u t-tlettax-il premessa tar-Regolament Nru 1191/69 jindikaw, essenzjalment, li dan kien intiż sabiex jintlaħaq l-istess għan. |
|
64 |
Ir-Regolament Nru 1370/2007, li, bħar-Regolament Nru 1191/69, ġie adottat kemm abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-politika komuni tat-trasport kif ukoll fuq dawk dwar l-għajnuna mill-Istat (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 35), isegwi wkoll l-imsemmi għan. |
|
65 |
Fil-fatt, il-premessi 2 u 3 tar-Regolament Nru 1370/2007 jfakkru li, bla ħsara għad-derogi previsti fl-Artikolu 73 KE (li sar l-Artikolu 93 TFUE), skont l-Artikolu 86(2) KE (li sar l-Artikolu 106(2) TFUE), l-impriżi responsabbli sabiex joperaw servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali għandhom ikunu suġġetti għar-regoli tat-Trattat, b’mod partikolari għar-regoli tal-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjoni speċifika mogħtija lilhom. |
|
66 |
Il-premessa 4 ta’ dan ir-regolament issemmi wkoll, b’mod partikolari, l-għan li jiġu eliminati d-diskrepanzi bejn l-impriżi tat-trasport tad-diversi Stati Membri, segwit mill-White Paper tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Settembru 2001, intitolat “Il-politika Ewropea tat-trasport għall‑2010: iż-żmien għad-deċiżjonijiet”. |
|
67 |
Minn dan isegwi li l-għan tal-eliminazzjoni tal-imsemmija diskrepanzi pprova jintlaħaq b’mod kostanti mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
68 |
Issa, it-tilħiq ta’ dan l-għan jirrikjedi obbligu għall-awtoritajiet kompetenti kollha li jikkumpensaw l-ispejjeż li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku intiżi li jistabbilixxu tariffi massimi għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi u mhux sempliċi possibbiltà li jagħtu tali kumpens, li tista’ tagħti lok għal kundizzjonijiet differenti ta’ funzjonament tas-suq tat-trasport pubbliku fi ħdan l-Unjoni. |
|
69 |
Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 1370/2007, mal-imsemmi għan jiżdied ukoll dak li tiġi ggarantita, permezz ta’ kompetizzjoni rregolata, il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ vjaġġaturi ta’ interess ġenerali li jkunu b’mod partikolari iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità aħjar jew bi prezz irħas minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti li jiġu pprovduti. |
|
70 |
Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa, fil-premessa 34 ta’ dan ir-regolament, li l-kumpens għal servizz pubbliku jista’ jkun meħtieġ fis-settur tat-trasport fuq l-art ta’ vjaġġaturi sabiex l-impriżi responsabbli għas-servizzi pubbliċi joperaw abbażi ta’ prinċipji u taħt kundizzjonjiet li jippermettulhom iwettqu l-kompiti tagħhom. |
|
71 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-Regolament Nru 1370/2007 jimponi fuq l-awtoritajiet kompetenti l-obbligu li jagħtu kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi ta’ servizz pubbliku. |
|
72 |
Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, il-parametri li abbażi tagħhom il-kumpens, “jekk ikun hemm”, għandu jiġi kkalkolat. |
|
73 |
F’dan ir-rigward, xejn ma jindika li, permezz tal-imsemmija dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jinjoraw il-prinċipju ta’ kumpens għall-effett finanzjarju tal-osservanza tal-obbligi tariffarji stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali, stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament. |
|
74 |
Fir-rigward tal-espressjoni “jekk ikun hemm”, użata fl-Artikolu 4(1)(b)(i) tal-imsemmi regolament, mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din l-espressjoni ssemmi l-possibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 3(1) tal-istess regolament, li jagħżlu, fil-kuntest ta’ kuntratt għal servizz pubbliku, li jagħtu lill-operaturi, flimkien ma’ jew minflok drittijiet esklużivi, kumpens inkambju għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. |
|
75 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti tat-tieni domanda hija li l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jagħtu lill-impriżi li jipprovdu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat servizz pubbliku ta’ trasport bit-triq u bil-ferrovija kumpens għall-effett finanzjarju nett, pożittiv jew negattiv, fuq l-ispejjeż u d-dħul li jirriżultaw mill-osservanza ta’ obbligu għal dawn l-impriżi, stabbilit permezz ta’ regola ġenerali, li jittrasportaw b’xejn ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi, b’mod partikolari, it-tfal li għadhom ma laħqux l-età tal-iskola u ċerti kategoriji ta’ persuni b’diżabbiltà. |
|
76 |
Fid-dawl tar-riposta mogħtija għall-ewwel parti tat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata riposta għat-tieni parti tagħha. |
Fuq it‑tielet domanda
|
77 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament regoli ġenerali intiżi li jiffissaw tariffi massimi għal kategoriji ta’ vjaġġaturi minbarra dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, it-tieni, jekk l-obbligu ta’ komunikazzjoni, previst fl-imsemmija dispożizzjoni u fl-Artikolu 108 TFUE, japplikax ukoll għar-regoli ġenerali esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament li ma jipprevedu l-għoti ta’ ebda kumpens għal servizz pubbliku. |
|
78 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, peress li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domanda (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Zagrebačbanka banka, C‑567/20, EU:C:2022:352, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
79 |
Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 jawtorizza lill-Istati Membri jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ir-regoli ġenerali dwar il-kumpens finanzjarju mogħti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku li jistabbilixxu tariffi massimi għal tfal tal-iskola, studenti, apprentisti u persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Għaldaqstant, tali esklużjoni ma hijiex awtomatika iżda timplika approċċ attiv min-naħa tal-Istati Membri. |
|
80 |
F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Repubblika tal-Estonja ma ħadet ebda azzjoni sabiex tuża l-possibbiltà, prevista f’din id-dispożizzjoni, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007 ċerti regoli ġenerali dwar il-kumpens finanzjarju mogħti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku. |
|
81 |
Għaldaqstant, it-tielet domanda hija manifestament ta’ natura ipotetika. Din id-domanda hija, għaldaqstant, inammissibbli. |
Fuq ir‑raba’ domanda
|
82 |
Mill-formulazzjoni stess tar-raba’ domanda jirriżulta li din saret biss fl-eventwalità li r-Regolament Nru 1370/2007 ma jkunx applikabbli għall-kawża prinċipali. |
|
83 |
Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel żewġ domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda. |
Fuq il‑ħames domanda
|
84 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-kundizzjonijiet li l-għoti ta’ kumpens għal servizz pubbliku għandu josserva sabiex ikun konformi mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-qorti tfittex li ssir taf, b’mod partikolari, jekk in-nuqqas ta’ qligħ fuq il-bejgħ tal-biljetti tat-trasport, irreġistrat mit-trasportatur minħabba l-osservanza ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, jikkostitwixxix bażi xierqa sabiex jiġu kkalkolati l-ispejjeż tal-eżerċizzju ta’ dan l-obbligu li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ dan il-kumpens. |
|
85 |
F’dan ir-rigward, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, dan għandu l-għan li jiddefinixxi kif, b’osservanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jintervjenu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ vjaġġaturi. |
|
86 |
Minn dan isegwi li, bħar-Regolament Nru 1191/69 li huwa ħassar u ssostitwixxa, ir-Regolament Nru 1370/2007 jistabbilixxi sistema li l-Istati Membri huma obbligati josservaw meta jkollhom l-intenzjoni li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq l-impriżi tat-trasport pubbliku fuq l-art (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 43 sa 53). |
|
87 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 9(1) u mill-premessa 35 tar-Regolament Nru 1370/2007, il-kumpens għal servizz pubbliku għall-operat ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport ta’ vjaġġaturi jew għall-osservanza tal-obbligi tariffarji stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali mħallas skont l-imsemmi regolament huwa kompatibbli mas-suq intern. Dan il-kumpens huwa eżenti mill-obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel imsemmi fl-Artikolu 108(3) TFUE. |
|
88 |
Għal dak li jirrigwarda l-kumpens għall-effett finanzjarju nett, pożittiv jew negattiv, fuq l-ispejjeż u d-dħul li jirriżultaw mill-osservanza tal-obbligi tariffarji, stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali, intiżi li jistabbilixxu tariffi massimi għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprovdi li dan il-kumpens għandu jingħata skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4, fl-Artikolu 6 u fl-Anness ta’ dan ir-regolament, b’mod li jiġi evitat kull kumpens żejjed. |
|
89 |
Mill-punt 2 tal-Anness ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-kumpens ma jistax jaqbeż l-ammont li jikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett, ekwivalenti għat-total tal-effetti, pożittivi jew negattivi, dovuti għall-osservanza tal-obbligu ta’ servizz pubbliku fuq l-ispejjeż u d-dħul tal-operatur ta’ servizz pubbliku. L-effetti għandhom jiġu evalwati billi titqabbel is-sitwazzjoni fejn l-obbligu ta’ servizz pubbliku huwa ssodisfatt mas-sitwazzjoni li kienet teżisti li kieku l-obbligu ma ġiex issodisfatt. |
|
90 |
Issa, kif osservat, essenzjalment, il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, it-telf ta’ qligħ fuq il-bejgħ tal-biljetti tat-trasport ma jirrappreżentax neċessarjament l-effett tal-osservanza tal-obbligu li ċerti passiġġieri jiġu ttrasportati b’xejn fuq l-ispejjeż u d-dħul tal-operatur ta’ servizz pubbliku. Fil-fatt, it-trasport ta’ dawn il-vjaġġaturi jċaħħad lill-impriża tat-trasport ikkonċernata mill-possibbiltà li tittrasporta passiġġieri li għandhom jixtru biljett tat-trasport biss fil-każijiet fejn ma jkunx fadal post għal dawn il-passiġġieri tal-aħħar. Barra minn hekk, l-ispejjeż addizzjonali għall-operatur li jirriżultaw mill-preżenza f’karozza tal-linja ta’ vjaġġaturi li għandhom jiġu ttrasportati b’xejn jistgħu jkunu negliġibbli. |
|
91 |
Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tivverifika l-ammont li jikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett dovut għall-osservanza tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 34 tal-ÜTS fuq l-ispejjeż u d-dħul tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u li tiżgura li l-kumpens ma jaqbiżx dan l-ammont. |
|
92 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda hija li l-Artikolu 3(2) u l-punt 2 tal-Anness tar-Regolament Nru 1370/2007 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kumpens għall-effett finanzjarju nett, pożittiv jew negattiv, fuq l-ispejjeż u d-dħul li jirriżultaw mill-osservanza tal-obbligi tariffarji, stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali, intiżi li jistabbilixxu tariffi massimi għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi, għandu jingħata konformement mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4, fl-Artikolu 6 u fl-Anness ta’ dan ir-regolament, b’mod li jiġi evitat kumpens żejjed. Il-kumpens ma jistax jeċċedi ammont li jikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett, ekwivalenti għat-total tal-effetti, pożittivi jew negattivi, dovuti għall-osservanza tal-obbligu ta’ servizz pubbliku fuq l-ispejjeż u d-dħul tal-operatur ta’ servizz pubbliku, li għandhom jiġu evalwati billi titqabbel is-sitwazzjoni fejn l-obbligu ta’ servizz pubbliku huwa ssodisfatt mas-sitwazzjoni li kienet teżisti li kieku l-obbligu ma ġiex issodisfatt. |
Fuq l‑ispejjeż
|
93 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.