European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5237

24.9.2025

Avviż għall-attenzjoni ta’ Abubakar Swalleh, li ismu żdied mal-lista msemmija fl-Artikoli 2, 3, u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-organizzazzjonijiet ISIL (Da’esh) u Al-Qaida, bis-saħħa tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1277

(C/2025/5237)

1.   

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1693 (1) titlob lill-Unjoni tiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-membri tal-organizzazzjonijiet tal-ISIL (Da’esh) u tal-Al-Qaida u ta’ individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom, kif imsemmija fil-lista mfassla skont il-UNSCR 1267(1999), 1333(2000) u 2253 (2015) li trid tiġi aġġornata regolarment mill-Kumitat tan-NU stabbilit skont il-UNSCR 1267(1999) (“il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”).

Il-lista mħejjija minn dan il-Kumitat tan-NU tinkludi lil:

—

ISIL (Da'esh) u l-Al-Qaida;

—

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet, korpi u gruppi assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-Al Qaida; kif ukoll

—

persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi li huma proprjetà ta’ kull waħda minn dawn il-persuni, entitajiet, korpi u gruppi jew huma kkontrollati minnhom, jew b’xi mod iservu ta’ appoġġ lilhom.

Atti jew attivitajiet li jindikaw li individwu, grupp, impriża, jew entità huma “assoċjati mal-”ISIL (Da'esh) u mal-Al Qaida, jinkludu:

(a)

il-parteċipazzjoni fl-iffinanzjar, l-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija jew it-twettiq ta’ atti jew attivitajiet li jsiru mill-ISIL (Da'esh) u mill-Al-Qaida jew minn kull ċellola, grupp affiljat, grupp żgħir li jinqata’ minnhom jew derivat tagħhom, jew flimkien magħhom, b'isimhom, f’isimhom jew b’appoġġ għalihom;

(b)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat lil xi ħadd minnhom;

(c)

ir-reklutaġġ għal kull wieħed minnhom; jew

(d)

xi forma oħra ta’ appoġġ għall-atti jew l-attivitajiet ta’ kull wieħed minnhom.

2.   

Fis-16 ta’ Ġunju 2025, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ippromulga ż-żieda tal-entrata ta’ Abubakar Swalleh mal-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-ISIL (Da’esh) u tal-Al-Qaida.

Abubakar Swalleh jista’ jippreżenta talba lill-Ombudsperson tan-NU meta jrid, flimkien ma’ kwalunkwe dokumentazzjoni ġustifikattiva, biex terġa’ tiġi kkunsidrata d-deċiżjoni li jiġi inkluż fil-lista tan-NU msemmija hawn fuq. Tali talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

United Nations — Office of the Ombudsperson

Room DC2-2206

New York, NY 10017

United States of America

Tel. +1 2129632671

Faks +1 212963-1300/3778

Email: ombudsperson@un.org

Tista’ ssib aktar informazzjoni hawn:

https://www.un.org/securitycouncil/sanctions/1267/aq_sanctions_list/procedures-for-delisting.

3.   

Wara d-deċiżjoni tan-NU msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1277 (2), li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-organizzazzjonijiet ISIL (Da’esh) u Al-Qaida (3). L-emenda, li saret skont l-Artikolu 7(1)(a) u 7a(1) tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, iżżid l-isem ta’ Abubakar Swalleh mal-lista fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament (“Anness I”).

Il-miżuri li ġejjin tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 japplikaw għall-individwi u l-entitajiet li jinsabu fl-Anness I:

(1)

l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-individwi u l-entitajiet elenkati fl-Annessi I, jew li huma proprjetà tagħhom, miżmuma minnhom jew ikkontrollati minnhom, inkluża terza persuna li taġixxi f’isimhom jew bid-direzzjoni tagħhom u l-projbizzjoni (fuq kulħadd) mit-tqegħid ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi għad-disponibbiltà, sew direttament u sew indirettament, tal-individwi u tal-entitajiet elenkati jew għall-benefiċċju tagħhom (l-Artikoli 2 u 2a); kif ukoll

(2)

il-projbizzjoni li jkunu pprovduti, direttament jew indirettament, pariri tekniċi, assistenza jew taħriġ relatati ma’ attivitajiet militari, inklużi b’mod partikolari taħriġ u assistenza relatata mal-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha, lil kull individwu jew entità elenkati fl-Anness 1 (l-Artikolu 3).

4.   

L-Artikolu 7a tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jipprevedi proċess ta’ rieżami fejn il-persuna jew entità elenkata jkollha l-opportunità li tesprimi l-opinjoni tagħha dwar il-materja. Meta jkunu ppreżentati l-kummenti, il-Kummissjoni tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha li tinkludi l-persuna jew l-entità fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 fid-dawl ta’ dawn il-kummenti. Individwi u entitajiet miżjuda mal-Anness I bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1277 jistgħu jagħmlu talba lill-Kummissjoni biex tikkomunikalhom ir-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom fil-lista. Din it-talba u kummenti eventwali jenħtieġ li jintbagħtu lil:

European Commission

“Restrictive measures

Rue Joseph II 54

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

5.   

Qed tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-individwi u tal-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li jikkontestaw ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 2025/1277 quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija fir-raba’ u fis-sitt paragrafi tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

6.   

Biex ikun hemm ordni tajba, qed tinġibed l-attenzjoni tal-individwi u l-entitajiet inklużi fl-Anness I għall-possibbiltà li jagħmlu rikors lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat(i) Membru/i rilevanti, kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, sabiex jiksbu awtorizzazzjoni biex jużaw fondi ffriżati u riżorsi ekonomiċi għal bżonnijiet essenzjali jew pagamenti speċifiċi f’konformità mal-Artikolu 2a ta’ dak ir-Regolament.


(1)   ĠU L 255, 21.9.2016, p. 25.

(2)   ĠU L, 2025/1277, 26.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1277/oj.

(3)   ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5237/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)