SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

20 ta’ Marzu 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali – Regolament (UE) Nru 1259/2010 – Artikolu 8(a) u (b) – Kunċett ta’ ‘residenza abitwali’ tal-konjuġi – Status ta’ diplomatiku ta’ wieħed mill-konjuġi – Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi”

Fil-Kawża C‑61/24 [Lindenbaumer] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Jannar 2024, fil-proċedura

DL

vs

PQ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin, N. Piçarra, O. Spineanu-Matei (Relatriċi) u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal PQ, minn V. O. G. Vorwerk, Rechtsanwalt,

–

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u M. Hellmann kif ukoll J. Simon, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Elleniku, minn G. Karipsiadis u T. Papadopoulou, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Vollrath u W. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal‑20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (ĠU 2010, L 343, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn DL u PQ rigward id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għad-divorzju tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Skont l-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, konkluża fi Vjenna fit‑18 ta’ April 1961 u li daħlet fis-seħħ fl‑24 ta’ April 1964 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 500, p. 95, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”):

“Id-diplomatiku jgawdi immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-Istat riċeventi. Igawdi wkoll immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tiegħu, ħlief fil-każ ta’:

a)

Azzjoni reali li tikkonċerna immobbli privata li tinsab fit-territorju tal-Istat riċeventi, sakemm id-diplomatiku ma jkunx il-proprjetarju tagħha f’isem l-Istat akkreditanti għall-finijiet tal-missjoni;

b)

Azzjoni relatata ma’ suċċessjoni, li fiha id-diplomatiku jidher bħala eżekutur testamentarju, amministratur, werriet jew legatarju, f’kapaċità privata u mhux f’isem l-Istat akkreditanti;

c)

Azzjoni relatata ma’ attività professjonali jew kummerċjali, tkun xi tkun, eżerċitata mid-diplomatiku fl-Istat riċeventi barra mill-funzjonijiet uffiċjali tiegħu.”

4

L-Artikolu 37(1) ta’ din il-konvenzjoni jistipula:

“Il-membri tal-familja tad-diplomatiku li jagħmlu parti mid-dar tiegħu għandhom jibbenefikaw mill-privileġġi u l-immunitajiet imsemmija fl-Artikoli 29 sa 36, sakemm ma jkunux ċittadini tal-Istat riċeventi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1259/2010

5

Il-premessi 9, 10, 14, 21 u 29 tar-Regolament Nru 1259/2010 jistabbilixxu:

“(9)

Dan ir-Regolament għandu jipprovdi qafas legali ċar u komprensiv fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali fl-Istati Membri parteċipanti, għandu jipprovdi soluzzjonijiet xierqa għaċ-ċittadini f’termini ta’ ċertezza legali, prevedibbiltà u flessibbiltà u jipprevjeni sitwazzjoni li fiha wieħed mill-konjuġi jitlob divorzju qabel l-ieħor sabiex jiżgura li l-proċediment ikun suġġett għal liġi partikolari li hu jkun iqis bħala li l-aktar tiffavorixxi l-interessi tiegħu.

(10)

Il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv u t-termini preskrittivi ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243 u rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63)]. Madankollu, huwa ma għandux japplika għall-annullament taż-żwieġ.

Dan ir-Regolament għandu japplika biss għax-xoljiment jew għat-taħlil ta’ rbit taż-żwieġ. Il-liġi ddeterminata bir-regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet ta’ dan ir-Regolament għandha tapplika għar-raġunijiet għad-divorzju u s-separazzjoni legali.

Kwistjonijiet preliminari bħall-kapaċità ġuridika u l-validità taż-żwieġ, u kwistjonijiet bħall-effetti tad-divorzju jew tas-separazzjoni legali fuq il-proprjetà, l-isem, ir-responsabbiltà tal-ġenituri, l-obbligi ta’ manteniment jew kwalunkwe miżura anċillari oħra għandhom ikunu ddeterminati bir-regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet applikabbli fl-Istat Membru parteċipanti kkonċernat.

[…]

(14)

Sabiex il-konjuġi jkunu jistgħu jagħżlu liġi applikabbli li magħha jkollhom rabta mill-qrib, jew, fin-nuqqas ta’ tali għażla, sabiex dik il-liġi tkun tista’ tapplika għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali tagħhom, il-liġi inkwistjoni għandha tapplika anki jekk ma tkunx dik ta’ Stat Membru parteċipanti. […]

[…]

(21)

Fejn ma tintgħażilx liġi applikabbli, u bil-ħsieb li jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà u biex tiġi prevenuta sitwazzjoni li fiha wieħed mill-konjuġi jitlob id-divorzju qabel l-ieħor biex jiżgura li l-proċediment ikun regolat minn liġi partikolari li hu jkun iqis bħala li l-aktar tiffavorixxi l-interessi tiegħu, dan ir-Regolament għandu jintroduċi regoli armonizzati dwar il-konflitt ta’ liġijiet abbażi ta’ skala ta’ fatturi suċċessivi ta’ konnessjoni bbażati fuq l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejn il-konjuġi u l-liġi kkonċernata. Tali fatturi ta’ konnessjoni għandhom jintgħażlu sabiex ikun żgurat li l-proċedimenti relatati ma’ divorzju u separazzjoni legali jkunu regolati b’liġi li magħha l-konjuġi jkollhom konnessjoni mill-qrib.

[…]

(29)

Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-tisħiħ taċ-ċertezza legali, il-prevedibbiltà u l-flessibbiltà fil-proċedimenti matrimonjali internazzjonali u b’hekk il-faċilitazzjoni tal-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, permezz tal-kooperazzjoni msaħħa fejn ikun il-każ, konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.”

6

L-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għażla tal-liġi applikabbli mill-partijiet”, jipprevedi:

“Il-konjuġi jistgħu jiftiehmu li jagħżlu l-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali sakemm hija tkun waħda mil-liġijiet li ġejjin:

a)

il-liġi tal-Istat fejn il-konjuġi ikunu abitwalment residenti fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, jew

b)

il-liġi tal-Istat fejn il-konjuġi kienu abitwalment residenti l-aħħar, sa fejn wieħed minnhom ikun għadu residenti hemm fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, jew

c)

il-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza ta’ xi wieħed mill-konjuġi fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, jew

d)

il-liġi tal-forum.”

7

Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet”:

“Fin-nuqqas ta’ għażla taħt l-Artikolu 5, id-divorzju u s-separazzjoni legali għandhom ikunu suġġetti għal-liġi tal-Istat:

a)

fejn il-konjuġi jkunu residenti abitwali fiż-żmien li jinġieb il-każ quddiem il-Qorti; jew, fin-nuqqas ta’ dan,

b)

fejn il-konjuġi kienu residenti abitwali l-aħħar, sakemm il-perijodu ta’ residenza ma ntemmx aktar minn sena qabel li nġieb il-każ quddiem il-Qorti, sa fejn wieħed mill-konjuġi jkun għadu jirrisjedi f’dak l-Istat fiż-żmien meta jinġieb il-każ quddiem il-qorti; jew, fin-nuqqas ta’ dan,

c)

li tiegħu ż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini fiż-żmien li jinġieb il-każ quddiem il-Qorti; jew, fin-nuqqas ta’ dan,

d)

fejn jinġieb il-każ quddiem il-Qorti.”

Ir-Regolament Nru 2201/2003

8

Ir-Regolament Nru 2201/2003 tħassar b’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2022 bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal‑25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (ĠU 2019, L 178, p. 1), li, skont l-Artikolu 100(1) tiegħu, jipprevedi li huwa applikabbli biss għall-azzjonijiet ġudizzjarji mibdija, għall-atti awtentiċi mfassla jew irreġistrati u għall-ftehimiet irreġistrati fl‑1 ta’ Awwissu 2022 jew wara.

9

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprovdi fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Fi kwistjonijiet dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ, il-ġurisdizzjoni ħa taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru:

a)

f’liema territorju:

–

il-konjuġi huma abitwalment residenti, jew

–

il-konjuġi kienu joqgħodu hemm l-aħħar, peress illi xi ħadd minnhom għadu/għadha residenti hemm, jew

–

il-konvenut huwa abitwalment residenti, jew

–

fil-każ ta’ applikazzjoni konġunta, wieħed jew waħda mill-konjuġi huwa abitwalment residenti, jew

–

l-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu joqgħodu hemm mill-inqas sena mmedjatament qabel ma’ saret l-applikazzjoni, jew

–

l-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu residenti hemm mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel saret l-applikazzjoni u jekk wieħed jew waħda minnhom huwa ċittadin ta’ l-Istat Membru in kwistjoni jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandu jew għandha ‘id-domiċilju’ hemmhekk”.

Id‑dritt Ġermaniż

Il-liġi li tintroduċi l-Kodiċi Ċivili

10

L-Artikolu 17(4) tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (il-Liġi Introduttiva għall-Kodiċi Ċivili), tal‑21 ta’ Settembru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 2494, u rettifika BGBl. 1997 I, p. 1061), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“It-tqassim kumpensatorju tad-drittijiet għall-pensjoni huwa rregolat mil-liġi applikabbli għad-divorzju skont ir-Regolament […] Nru 1259/2010; din għandha tiġi implimentata biss jekk il-liġi Ġermaniża hija applikabbli skont dan ir-regolament u jekk it-tqassim kumpensatorju tad-drittijiet għall-pensjoni jeżisti fil-liġi ta’ wieħed mill-Istati li l-konjuġi tiegħu huma ċittadini fid-data tat-tressiq tat-talba għal divorzju. Barra minn hekk, it-tqassim kumpensatorju tad-drittijiet għall-pensjoni għandu jsir, fuq talba ta’ konjuġi, skont id-dritt Ġermaniż jekk wieħed mill-konjuġi jkun kiseb, matul il-perijodu taż-żwieġ, dritt quddiem organu nazzjonali tal-irtirar, sakemm l-implimentazzjoni tat-tqassim kumpensatorju tad-drittijiet għall-pensjoni ma tkunx, b’mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika taż-żewġ partijiet matul it-tul taż-żwieġ, kuntrarja għall-ekwità.”

Il-liġi dwar il-Proċedura fi Kwistjonijiet tal-Familja u fi Kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni mhux kontenzjuża

11

Il-Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit (il-Liġi dwar il-Proċedura fil-Qasam tal-Familja u fil-Kawżi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni mhux kontenzjuża), tas‑17 ta’ Diċembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 2586), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, tipprevedi, fl-Artikolu 137 tagħha:

“(1)   Id-divorzju u l-kwistjonijiet relatati mad-divorzju għandhom jiġu eżaminati u deċiżi flimkien […]

(2)   Id-domandi dwar id-divorzju huma:

1.

il-kwistjonijiet relatati mat-tqassim kumpensatorju tad-drittijiet għall-pensjoni,

[…]”

12

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 142(1) tal-Liġi dwar il-Proċedura fil-Qasam tal-Familja u fil-Kawżi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni mhux kontenzjuża, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, hija fformulata kif ġej:

“Fil-każ ta’ divorzju, għandha tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet kollha tal-familja marbuta mad-divorzju permezz ta’ deċiżjoni waħda.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

DL u PQ, ta’ nazzjonalità Ġermaniża, iżżewġu fl‑1989. Żewġ ulied, li issa huma adulti, ġejjin minn din l-unjoni. Matul is-sena 2006, il-konjuġi krew akkomodazzjoni f’Berlin (il-Ġermanja) fejn għexu flimkien għal iktar minn għaxar snin (iktar ’il quddiem l-“akkomodazzjoni tal-familja”).

14

Fix-xahar ta’ Ġunju 2017, il-koppja marret toqgħod fl-Isvezja wara t-trasferiment ta’ PQ għall-ambaxxata tal-Ġermanja fi Stokkolma (l-Isvezja). F’din l-okkażjoni, il-konjuġi għamlu, skont l-obbligu impost skont il-liġi Ġermaniża fuq l-uffiċjali ttrasferiti barra mill-pajjiż, dikjarazzjoni li tindika li huma kienu ser jitilqu mid-domiċilju tagħhom fil-Ġermanja.

15

Fix-xahar ta’ Settembru 2019, il-koppja stabbilixxiet ruħha f’Moska (ir-Russja) f’akkomodazzjoni li tinsab fil-kumpless immobiljari tal-ambaxxata tal-Ġermanja li fi ħdanha PQ, li, b’differenza minn DL, jaf il-lingwa Russa, jeżerċita l-funzjonijiet ta’ konsulent ta’ ambaxxata. DL, bħala membru tal-familja ta’ kollaboratur tal-ambaxxata, kienet ukoll iddikjarat bħala residenti f’din l-akkomodazzjoni u kellha passaport diplomatiku. Il-vettura ta’ DL kienet irreġistrata fir-Russja.

16

Fil-perspettiva ta’ ritorn lejn il-Ġermanja, il-konjuġi żammew id-dar tal-familja tagħhom li fiha ilu jirrisjedi wieħed minn uliedhom mix-xahar ta’ Settembru 2019. Ċerti partijiet ta’ din l-akkomodazzjoni ġew sullokati permezz ta’ kuntratti li ntemmu f’Mejju u f’Ġunju 2020.

17

Fix-xahar ta’ Jannar 2020, DL marret lura Berlin għal intervent kirurġiku u baqgħet fid-dar tal-familja sax-xahar ta’ Frar 2021. PQ mar Berlin ukoll, matul ix-xahar ta’ Awwissu u x-xahar ta’ Settembru 2020, fejn huwa rrisjeda f’din l-akkomodazzjoni, fejn il-koppja ltaqgħet ma’ ħbieb matul dan il-perijodu. PQ qatta’ l-festi tal-aħħar tas-sena ma’ wieħed minn uliedu f’Koblenz (il-Ġermanja).

18

Fis-26 ta’ Frar 2021, DL irritornat f’Moska fid-dar marbuta mal-ambaxxata tal-Ġermanja. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont PQ, il-konjuġi informaw lil uliedhom, fis‑17 ta’ Marzu 2021, bl-intenzjoni tagħhom li jiddivorzjaw u li, matul ir-residenza tagħha f’Moska, DL żammet f’kamra minn din l-akkomodazzjoni l-oġġetti li hija xtaqet tieħu f’Berlin.

19

Fit‑23 ta’ Mejju 2021, DL marret lura Berlin u issa tgħix fid-dar tal-familja, filwaqt li PQ għadu jgħix fid-dar li tinsab fl-ambaxxata Ġermaniża, f’Moska.

20

Fit‑8 ta’ Lulju 2021, PQ ressaq talba għal divorzju quddiem l-Amtsgericht (il-Qorti Distrettwali, il-Ġermanja), billi sostna li huwa kien ilu jgħix separatament minn DL mix-xahar ta’ Jannar 2020 u li s-separazzjoni kienet saret definittiva fix-xahar ta’ Marzu 2021, xahar li matulu DL kienet tirrisjedi għal żmien qasir f’Moska.

21

DL opponiet din it-talba minħabba li s-separazzjoni tal-koppja seħħet biss, l-iktar kmieni, fix-xahar ta’ Mejju 2021 meta hija rritornat f’Berlin. Sa din id-data, hija kienet ipparteċipat fil-manutenzjoni tad-dar f’Moska. DL ippreċiżat li r-residenza tagħha f’Berlin mill‑15 ta’ Jannar 2020 sas‑26 ta’ Frar 2021 kienet immotivata mill-istat ta’ saħħa tagħha u minn restrizzjonijiet ta’ moviment dovuti għall-pandemija tal-COVID-19, b’tali mod li ritorn lejn Moska qabel is‑26 ta’ Frar 2021 kien impossibbli.

22

Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Jannar 2022, l-Amtsgericht (il-Qorti Distrettwali) ċaħdet l-imsemmija talba minħabba li l-perijodu ta’ sena ta’ separazzjoni, meħtieġ mid-dritt Ġermaniż, ma kienx skada u li ma kinux jeżistu raġunijiet suffiċjentement serji sabiex id-divorzju jiġi ddikjarat immedjatament.

23

PQ ippreżenta appell kontra dan id-digriet quddiem il-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri, il-Ġermanja). Din il-qorti ddikjarat id-divorzju skont il-liġi Russa li hija qieset applikabbli konformement mal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 1259/2010. Għal dan l-għan, l-imsemmija qorti kkonstatat li r-“residenza abitwali” ta’ PQ, fis-sens ta’ dan l-artikolu, kienet tinsab f’Moska u li r-residenza ta’ DL f’din il-belt kienet intemmet biss mit-tluq tagħha għall-Ġermanja, jiġifieri fit‑23 ta’ Mejju 2021, jiġifieri inqas minn sena qabel ma ġiet adita l-Amtsgericht (il-Qorti Distrettwali), fit‑8 ta’ Lulju 2021.

24

DL adixxiet lill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’appell minn din id-deċiżjoni tal-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri) li permezz tiegħu hija titlob li tingħata deċiżjoni skont id-dritt Ġermaniż u li, fl-istess ħin, tiġi adottata deċiżjoni ex officio dwar it-tqassim kumpensatorju tad-drittijiet għall-pensjoni.

25

Il-Qorti tar-rinviju tippreċiża li, fid-dritt Ġermaniż, it-tqassim kumpensatorju tad-drittijiet għall-pensjoni huwa rregolat mil-liġi applikabbli għad-divorzju, li hija ddeterminata skont ir-Regolament Nru 1259/2010. Jekk id-divorzju inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien suġġett għal-liġi Russa, dan kellu jiġi ddikjarat bħala divorzju kunsenswali mingħajr konstatazzjoni ta’ raġunijiet għal divorzju u dan it-tqassim għandu jsir, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(4) tal-liġi li tintroduċi l-Kodiċi Ċivili, fil-verżjoni applikabbli tagħha fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, fuq talba ta’ wieħed mill-konjuġi. Min-naħa l-oħra, jekk il-liġi Ġermaniża tapplika, ikun hemm lok li jiġi kkonstatat it-terminazzjoni taż-żwieġ, peress li l-unjoni tul il-ħajja bejn il-konjuġi waqfet għal iktar minn sena. F’dan il-każ, l-imsemmi tqassim isir ex officio fil-kuntest tal-ipproċessar konġunt tad-divorzju u tal-kwistjonijiet marbuta miegħu.

26

L-imsemmija qorti ssostni li l-fondatezza tal-appell li hija adita bih tiddependi mir-risposta għad-domanda dwar jekk il-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri), li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi d-divorzju inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, iddeċidiet ġustament li l-liġi applikabbli għal dan id-divorzju hija, konformement mal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 1259/2010 u fin-nuqqas ta’ għażla tal-konjuġi ta’ tali liġi sal-għeluq tal-proċedura orali fl-ewwel istanza, il-liġi Russa.

27

Quddiem il-qorti tar-rinviju, DL issostni li l-istatus professjonali ta’ PQ jipprekludi l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ “residenza abitwali” tal-konjuġi fir-Russja. Hija tippreċiża li r-residenza tagħhom f’Moska, minn naħa, ma kinitx ir-riżultat ta’ għażla deliberata, iżda kienet iddettata esklużivament minn raġunijiet professjonali marbuta mal-assenjazzjoni ta’ PQ fl-ambaxxata tal-Ġermanja f’Moska u, min-naħa l-oħra, għalkemm ma kienx previst għal żmien determinat, dan kien, min-natura tiegħu, temporanju, peress li l-konjuġi kellhom l-intenzjoni li jirritornaw lejn il-Ġermanja, fejn kienu żammew l-akkomodazzjoni tal-familja u żammew rabtiet mill-qrib ma’ dan il-pajjiż, wara t-tmiem tal-funzjonijiet ta’ PQ fi ħdan din l-ambaxxata. DL tesponi, barra minn hekk, li, għal raġunijiet statutorji, hija kienet imġiegħla, kif ukoll PQ, tistabbilixxi ruħha f’akkomodazzjoni li tiddependi mill-kumpless immobiljari tal-imsemmija ambaxxata b’tali mod li għexu de facto f’“enklavi Ġermaniża”, li jirrelattivizza l-importanza tal-preżenza fiżika tagħhom fir-Russja.

28

PQ jindika li d-diplomatiċi li jgawdu, skont l-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, b’mod partikolari mill-immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili tal-Istat riċeventi ma jistgħux ikunu suġġetti, fil-qasam tad-divorzju, għad-dritt tal-Istat tal-post ta’ assenjazzjoni tagħhom.

29

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kriterji għad-determinazzjoni tar-“residenza abitwali” tal-konjuġi fis-sens tal-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament Nru 1259/2010 u, b’mod iktar partikolari, dwar ir-rilevanza tal-assenjazzjoni ta’ wieħed mill-konjuġi bħala diplomatiku fl-Istat riċeventi. Din il-qorti ssostni li, jekk l-elementi mressqa mill-partijiet fil-kawża prinċipali kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, ir-residenza abitwali tal-konjuġi tista’ ma tiġix stabbilita fir-Russja. L-imsemmija qorti tindika li huwa wkoll neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l-iffissar tar-residenza abitwali fi Stat jeħtieġx preżenza fiżika tal-konjuġi ta’ ċertu tul u l-konstatazzjoni ta’ ċertu livell ta’ integrazzjoni soċjali u familjari fl-Istat ikkonċernat.

30

Il-Qorti tar-rinviju tippreċiża li fil-Ġermanja jeżisti dibattitu dottrinali dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” fis-sens tal-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament Nru 1259/2010. Parti mid-duttrina, li l-pożizzjoni tagħha hija kondiviża mill-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri), tiddefendi, billi tibbaża ruħha fuq il-kliem tal-premessa 10 tar-Regolament Nru 1259/2010, interpretazzjoni li tikkorrispondi għal dik tal-istess kunċett li jinsab fir-Regolament Nru 2201/2003.

31

Parti oħra mid-duttrina tqis li ma teżistix konkordanza perfetta tad-definizzjonijiet tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” li jinsabu fir-Regolamenti Nri 1259/2010 u 2201/2003, peress li l-ewwel wieħed minnhom jeżiġi, għall-karatterizzazzjoni ta’ dan il-kunċett, rabta eqreb mal-Istat ta’ residenza mit-tieni wieħed li huwa intiż, b’mod ġenerali, li joffri lill-parti li tressaq it-talba l-għażla bejn diversi fora ta’ ġurisdizzjoni.

32

Skont il-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi eskluż li l-kunċett ta’ “residenza abitwali” li jinsab fir-Regolamenti Nri 1259/2010 u 2201/2003 jista’ jagħti lok għal interpretazzjonijiet differenti, sa fejn mill-premessi 14 u 21 tar-Regolament Nru 1259/2010 jirriżulta li l-karatterizzazzjoni ta’ tali kunċett tippreżupponi l-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib bejn il-konjuġi u l-liġi applikabbli, li jista’ jimplika livell ogħla ta’ integrazzjoni soċjali u familjari fl-Istat ikkonċernat minn dak meħtieġ mir-Regolament Nru 2201/2003.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Skont liema kriterji għandha tiġi ddeterminata r-residenza abitwali tal-konjuġi fis-sens tal-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament [Nru 1259/2010], b’mod partikolari

—

il-kollokament bħala diplomatiku jinfluwenza jew anki jipprekludi r-rikonoxximent tar-residenza abitwali fl-Istat riċeventi?

—

il-preżenza fiżika tal-konjuġi fi Stat għandha tkun għal ċertu perijodu ta’ żmien qabel ma wieħed jikkunsidra li r-residenza abitwali tkun ġiet stabbilita hemmhekk?

—

l-istabbiliment ta’ residenza abitwali jeħtieġ ċertu grad ta’ integrazzjoni soċjali u tal-familja fl-Istat inkwistjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

34

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament Nru 1259/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi ddeterminata r-“residenza abitwali” tal-konjuġi, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, jikkostitwixxu elementi rilevanti, jew saħansitra determinanti, l-assenjazzjoni fi Stat ta’ wieħed mill-konjuġi fil-kwalità tiegħu ta’ diplomatiku, it-tul tal-preżenza fiżika tal-konjuġi f’dan l-Istat kif ukoll il-livell ta’ integrazzjoni soċjali u familjari fih.

35

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” fis-sens tal-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament Nru 1259/2010, għandu jiġi osservat li, kif tiddikjara l-premessa 21 ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar jipprevedi, fin-nuqqas ta’ għażla, konformement mal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, tal-liġi applikabbli għad-divorzju mill-konjuġi, regoli ta’ kunflitt ta’ liġi armonizzati abbażi ta’ skala ta’ kriterji ta’ rabta suċċessivi bbażati fuq l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejn il-konjuġi u l-liġi kkonċernata.

36

L-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament Nru 1259/2010 jissuġġetta għalhekk id-divorzju u s-separazzjoni legali għal-liġi tal-Istat tar-“residenza abitwali” tal-konjuġi fil-mument tat-tressiq tal-kawża quddiem il-qorti jew, fin-nuqqas ta’ dan, tal-aħħar “residenza abitwali” tagħhom, sakemm din ir-residenza ma tkunx intemmet iktar minn sena qabel din il-kawża u sakemm wieħed mill-konjuġi jkun għadu jirrisjedi f’dan l-Istat fil-mument tal-imsemmi tressiq ta’ kawża.

37

Ir-Regolament Nru 1259/2010 ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” u ma jagħmel ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett.

38

Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 45, u tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Kwantum Nederland u Kwantum België, C‑227/23, EU:C:2024:914, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-interpretazzjoni letterali, għandu jiġi osservat li, fis-sens normali tagħha, l-espressjoni “residenza abitwali” tindika l-post fejn persuna fiżika tibqa’ b’mod stabbli.

40

F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament Nru 1259/2010, mill-premessa 10 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu u d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom ikunu koerenti meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 li jipprevedu, b’mod partikolari, il-kriterji ġenerali ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tad-divorzju, tas-separazzjoni legali u tal-annullament taż-żwieġ.

41

L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, li fih jinsab il-kunċett ta’ “residenza abitwali”, jagħti l-ġurisdizzjoni sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet relatati max-xoljiment tar-rabta matrimonjali lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab, skont il-każ, ir-residenza abitwali attwali jew preċedenti tal-konjuġi jew ta’ wieħed minnhom.

42

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “residenza abitwali” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa kkaratterizzat, bħala prinċipju, minn żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, ir-rieda tal-persuna kkonċernata li tiffissa ċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħha f’post speċifiku u, min-naħa l-oħra, preżenza li għandha grad suffiċjenti ta’ stabbiltà fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, MPA (Residenza abitwali – Stat terz), C‑501/20, EU:C:2022:619, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fid-dawl tal-koerenza neċessarja bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1259/2010 u 2201/2003, imfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, dawn l-istess elementi huma meħtieġa sabiex jiġi kkaratterizzat il-kunċett ta’ “residenza abitwali” fis-sens tal-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament Nru 1259/2010. Tali kunċett unitarju jirrifletti r-relazzjonijiet mill-qrib li jeżistu bejn dawn iż-żewġ regolamenti li jirregolaw, b’mod partikolari, id-divorzju u s-separazzjoni legali. Ir-Regolament Nru 1259/2010 jindika l-liġi li qorti, li l-ġurisdizzjoni tagħha hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, għandha tapplika, fin-nuqqas ta’ għażla ta’ tali liġi mill-konjuġi, skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1259/2010.

44

Din l-interpretazzjoni unitarja tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar strumenti oħra tad-dritt internazzjonali privat li, bħar-Regolamenti Nri 1259/2010 u 2201/2003, huma bbażati fuq fattur ta’ rabta komuni, jiġifieri r-“residenza abitwali”, u għandhom relazzjonijiet mill-qrib. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-definizzjoni ta’ dan il-fattur ta’ konnessjoni li tinsab fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1 u rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19, u fil-ĠU 2013, L 281, p. 29), u fil-Protokoll tal-Aja tat‑23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment approvat f’isem il-Komunità Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/KE tat‑30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 331, p. 17), għandha tkun iggwidata mill-istess prinċipji u kkaratterizzata mill-istess elementi, minkejja li l-evalwazzjoni konkreta tar-residenza abitwali tiddependi minn ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, MPA (Residenza abitwali –Stat terz), C‑501/20, EU:C:2022:619, punt 53).

45

Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” magħmula fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, tissodisfa l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1259/2010.

46

Fil-fatt, mill-premessi 9, 21 u 29 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan huwa intiż li joħloq qafas ġuridiku ċar u komplet fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali fl-Istati Membri parteċipanti, li jiggarantixxi ċ-ċertezza legali, il-prevedibbiltà u l-flessibbiltà fil-proċeduri matrimonjali internazzjonali u, għaldaqstant, li jiffaċilita l-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll li jipprekludi sitwazzjoni li fiha wieħed mill-konjuġi jitlob id-divorzju qabel l-ieħor sabiex jiżgura li l-proċedura tkun suġġetta għal liġi li huwa jqis iktar favorevoli għall-interessi tiegħu stess (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, JE (Liġi applikabbli għad-divorzju), C‑249/19, EU:C:2020:570, punt 30).

47

Issa, definizzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-konjuġi fis-sens tal-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament Nru 1259/2010 li hija kkaratterizzata, bħala prinċipju, minn żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, ir-rieda tal-persuni kkonċernati li jiffissaw iċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħhom f’post partikolari u, min-naħa l-oħra, preżenza li għandha grad suffiċjenti ta’ stabbiltà fit-territorju tal-Istat ikkonċernat tippermetti li jiġu ggarantiti kemm dan l-għan ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà kif ukoll il-flessibbiltà neċessarja fil-proċeduri matrimonjali, filwaqt li tipprekludi l-abbużi eventwali fir-rigward tal-għażla tal-liġi applikabbli.

48

Fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk il-kwalità ta’ diplomatiku ta’ wieħed mill-konjuġi fl-Istat riċeventi, it-tul tal-preżenza fiżika tal-konjuġi f’dan l-Istat kif ukoll il-livell ta’ integrazzjoni soċjali u familjari fih jikkostitwixxux elementi rilevanti, jew saħansitra determinanti, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-“residenza abitwali” tagħhom fis-sens tal-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament Nru 1259/2010 hija essenzjalment kwistjoni ta’ fatt (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, IB (Residenza abitwali ta’ konjuġi – Divorzju), C‑289/20, EU:C:2021:955, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina ċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-każ inkwistjoni sabiex tiddetermina jekk iż-żewġ elementi msemmija fil-punt preċedenti, li jikkaratterizzaw il-kunċett ta’ “residenza abitwali”, humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali.

49

Madankollu, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu rrilevati l-elementi li ġejjin.

50

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kwalità ta’ diplomatiku ta’ wieħed mill-konjuġi, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar id-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-konjuġi sa fejn, kif sostnew il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-koppja li kienu jifformaw kienet kostretta mid-dispożizzjonijiet legali u statutorji applikabbli li tistabbilixxi ruħha f’akkomodazzjoni marbuta mal-kumpless immobiljari tal-ambaxxata Ġermaniża f’Moska. Skont PQ, diplomatiku ma jistax ikun suġġett għad-dritt tal-Istat riċeventi minħabba l-immunitajiet u l-privileġġi li jibbenefika minnhom, skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

51

Il-Gvern Ġermaniż, Grieg u Finlandiż isostnu, essenzjalment, li r-residenza barra mill-pajjiż tad-diplomatiċi hija ta’ natura temporanja u aċċidentali, u dan jeskludi kull rieda li wieħed joqgħod għal żmien twil fl-Istat riċeventi.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-residenza ta’ diplomatiku fit-territorju tal-Istat riċeventi tirrispondi, bħala prinċipju, esklużivament għal finijiet professjonali, peress li din ir-residenza hija marbuta direttament mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. Kif indika l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-assenjazzjoni fl-Istat riċeventi, hija, b’mod ġenerali, iddeterminata, l-ewwel u fuq kollox, mill-bżonnijiet tas-servizz tal-Istat akkreditanti u mhux b’kunsiderazzjoni tar-rieda u tal-preferenzi personali tad-diplomatiku assenjat fl-Istat riċeventi.

53

Tali sitwazzjoni hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, MPA (Residenza abitwali – Stat terz) (C‑501/20, EU:C:2022:619). Għalkemm huwa ċertament minnu li, fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li r-residenza tal-konjuġi fi Stat terz għandha rabta diretta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jipprekludi li din ir-residenza jkollha grad ta’ stabbiltà suffiċjenti sabiex tiġi kkaratterizzata residenza abitwali tal-konjuġi f’dan l-Istat, xorta jibqa’ l-fatt li din l-affermazzjoni saret f’kuntest fejn kienu membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien indeterminat tal-Unjoni, assenjati fid-delegazzjoni ta’ din tal-aħħar fi Stat terz, konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea għall-membri tal-persunal bil-kuntratt mhux suġġetti għal rotazzjoni fis-sede fi Brussell.

54

Issa, kif sostnew, essenzjalment, PQ kif ukoll il-gvernijiet intervenjenti kollha, in-natura u l-ispeċifiċità tal-attività professjonali ta’ diplomatiku assenjat lil rappreżentanza esterna fl-Istat riċeventi jimmilitaw, bħala prinċipju, minħabba ċ-ċirkustanzi inerenti għal din il-funzjoni, għall-assenza ta’ residenza abitwali, fis-sens tal-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament Nru 1259/2010, ta’ dan il-membru tal-persunal kif ukoll tal-konjuġi tiegħu f’dan l-Istat.

55

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, id-diplomatiċi jgawdu mill-immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tal-Istat riċeventi, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c) ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari, meta tkun azzjoni reali li tikkonċerna proprjetà immobbli privata li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat, sakemm id-diplomatiku ma jkollux tali immunità f’isem l-Istat akkreditanti għall-finijiet tal-missjoni tiegħu.

56

Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li ma huwiex eskluż li, f’ċirkustanzi fattwali partikolari, l-Istat riċeventi jista’ jitqies li huwa dak fejn il-konjuġi kkonċernati riedu jistabbilixxu r-residenza abitwali tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament Nru 1259/2010. Dan jista’ jkun, b’mod partikolari, il-każ, kif osservat il-Kummissjoni, meta d-diplomatiku u l-konjuġi tiegħu jakkwistaw b’mod privat akkomodazzjoni fl-Istat riċeventi sabiex jistabbilixxu ruħhom hemmhekk flimkien wara t-tmiem tal-assenjazzjoni tiegħu.

57

Konsegwentement, għalkemm il-kwalità ta’ diplomatiku ta’ wieħed mill-konjuġi tikkostitwixxi element rilevanti fil-kuntest tal-eżami tan-natura abitwali tar-residenza tal-konjuġi fit-territorju tal-Istat riċeventi, fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-raġunijiet tal-preżenza tagħhom f’dan l-Istat u tal-kundizzjonijiet tar-residenza tagħhom, dan l-element waħdu ma huwiex determinanti sabiex jeskludi r-rikonoxximent ta’ residenza abitwali tal-persuna kkonċernata u tal-membri tal-familja tagħha fl-imsemmi Stat. Id-determinazzjoni tar-“residenza abitwali” tal-konjuġi għandha, anki fil-preżenza ta’ tali element, issir abbażi taċ-ċirkustanzi fattwali kollha speċifiċi għal kull każ.

58

F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, it-tul tal-preżenza fiżika tal-konjuġi fit-territorju ta’ Stat, dan l-element jikkostitwixxi indizju tal-“istabbiltà” tas-soġġorn li jikkaratterizza l-kunċett ta’ “residenza abitwali”. Fil-fatt, kif ġie ppreċiżat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “abitwali”, residenza għandu jkollha ċertu livell ta’ stabbiltà jew ta’ regolarità, għall-kuntrarju ta’ preżenza temporanja jew okkażjonali.

59

L-evalwazzjoni ta’ dan il-kriterju tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” teħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tad-diplomatiċi u tal-membri tal-familja tagħhom, minħabba n-natura tal-funzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, minn naħa, dawn il-persuni spiss ikollhom relazzjoni mill-qrib mal-Istat akkreditanti li fih imorru regolarment, u, min-naħa l-oħra, peress li d-diplomatiċi huma ġeneralment suġġetti għal prinċipju ta’ rotazzjoni, it-tul tas-soġġorn tagħhom fl-Istat riċeventi jista’ jiġi pperċepit bħala a priori temporanju, minkejja li xi drabi jista’ jkollu, fil-prattika, tul mhux negliġibbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, it-tul tal-preżenza fiżika tal-konjuġi fit-territorju tal-Istat riċeventi ma huwiex, fih innifsu, element determinanti tan-natura abitwali tar-residenza tagħhom f’dan l-Istat. Ma jistax jiġi eskluż, f’dan ir-rigward, li l-konjuġi jkunu preżenti f’dan it-territorju għal perijodu mhux negliġibbli filwaqt li jżommu ċ-ċentru tal-interessi tagħhom fl-Istat akkreditanti, li fih huma jmorru regolarment.

60

Fir-rigward, it-tielet nett, tar-rilevanza tal-livell ta’ integrazzjoni soċjali u tal-familja fl-Istat ikkonċernat għad-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-konjuġi fis-sens tal-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament Nru 1259/2010, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset l-ambjent soċjali u familjari tal-ġenituri tal-wild, b’mod partikolari ta’ età żgħira, bħala kriterju essenzjali għad-determinazzjoni tal-post tar-residenza abitwali ta’ dan il-wild (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, IB (Residenza abitwali ta’ konjuġi - Divorzju), C‑289/20, EU:C:2021:955, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Għalkemm huwa minnu li ċ-ċirkustanzi partikolari li jikkaratterizzaw ir-residenza abitwali ta’ wild ma humiex identiċi għal dawk li jippermettu li tiġi ddeterminata r-residenza abitwali tal-konjuġi, l-integrazzjoni soċjali fi Stat, kemm jekk ikun l-Istat riċeventi jew l-Istat li jakkredita, tikkostitwixxi element rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ din ir-residenza, peress li hija ta’ natura li tikkonkretizza l-element suġġettiv relatat mar-rieda tal-persuni kkonċernati li jiffissaw iċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħhom f’post speċifiku.

62

Ir-rabtiet tal-familja miżmuma fl-Istat akkreditanti jew, għall-kuntrarju, dawk maħluqa fl-Istat riċeventi jistgħu wkoll ikunu rilevanti fil-kuntest tal-analiżi taċ-ċirkustanzi fattwali kollha speċifiċi għall-każ inkwistjoni li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju.

63

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-Regolament Nru 2201/2003, ġurisprudenza li tista’ tiġi trasposta għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” fis-sens tal-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament Nru 1259/2010, konjuġi li jaqsam il-ħajja tiegħu bejn żewġ Stati jista’ jkollu r-residenza abitwali tiegħu f’wieħed biss minn dawn l-Istati (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, IB (Residenza abitwali ta’ konjuġi - Divorzju) (C‑289/20, EU:C:2021:955, punt 62).

64

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali rrisjedew fir-Russja, fis-sede tal-Ambaxxata Ġermaniża f’Moska, mix-xahar ta’ Settembru 2019. DL reġgħet lura l-Ġermanja fit‑23 ta’ Mejju 2021. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, PQ sostna li, fl‑1 ta’ Novembru 2023, huwa ġie assenjat f’pożizzjoni oħra fil-Ġermanja. Is-soġġorn tagħhom fl-Istat riċeventi tidher għalhekk li ġiet limitata għall-kuntest ikkostitwit minn din l-ambaxxata.

65

Mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, matul ir-residenza tagħhom fl-Istat riċeventi, il-konjuġi komplew ikollhom relazzjoni mill-qrib mal-Istat akkreditanti, billi żammew interessi patrimonjali kif ukoll rabtiet soċjali u familjari. B’hekk, dawn żammew id-dar tagħhom f’Berlin, bl-għan li jirritornaw fil-Ġermanja wara t-tmiem tal-funzjonijiet ta’ PQ fl-Istat riċeventi, akkomodazzjoni li fiha t-tifla maġġorenni tagħhom kienet tirrisjedi u fejn dehru jissoġġornaw meta marru l-Ġermanja.

66

Issa, bla ħsara għal verifiki iktar estensivi min-naħa tal-qorti tar-rinviju abbażi taċ-ċirkustanzi fattwali kollha speċifiċi għall-każ inkwistjoni, dawn l-elementi jagħtu x’jifhem li l-konjuġi, minkejja t-tul tas-soġġorn tagħhom fir-Russja, ma kellhomx ir-rieda li jistabbilixxu hemmhekk iċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħhom, peress li dawn tal-aħħar baqgħu fl-Istat akkreditanti li telqu minnu biss b’mod temporanju, b’tali mod li d-dritt Ġermaniż jidher li huwa dak tal-Istat tar-residenza abitwali tal-konjuġi.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata lid-domanda magħmula hija li l-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament Nru 1259/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwalità ta’ diplomatiku ta’ wieħed mill-konjuġi, u l-assenjazzjoni tiegħu f’kariga fl-Istat riċeventi jipprekludu, bħala prinċipju, li r-“residenza abitwali” tal-konjuġi titqies li hija ffissata f’dan l-Istat, sakemm ma jiġux stabbiliti, wara evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, li jinkludu, b’mod partikolari, it-tul tal-preżenza fiżika tal-konjuġi kif ukoll l-integrazzjoni soċjali u familjari tagħhom fl-imsemmi Stat, minn naħa, ir-rieda tal-konjuġi li jistabbilixxu fl-istess Stat iċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħhom u, min-naħa l-oħra, preżenza li għandha grad suffiċjenti ta’ stabbiltà fit-territorju tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal‑20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

il-kwalità ta’ diplomatiku ta’ wieħed mill-konjuġi u, l-assenjazzjoni tiegħu f’kariga fl-Istat riċeventi, jipprekludu, bħala prinċipju, li r-“residenza abitwali” tal-konjuġi titqies li hija ffissata f’dan l-Istat, sakemm ma jiġux stabbiliti, wara evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, li jinkludu, b’mod partikolari, it-tul tal-preżenza fiżika tal-konjuġi kif ukoll l-integrazzjoni soċjali u familjari tagħhom fl-imsemmi Stat, minn naħa, ir-rieda tal-konjuġi li jistabbilixxu fl-istess Stat iċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħhom u, min-naħa l-oħra, preżenza li għandha grad suffiċjenti ta’ stabbiltà fit-territorju tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.