52005SC0642

Rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tħassar id-deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju, 2004 dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Olanda /* SEK/2005/0642 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.5.2005

SEG(2005) 642 finali

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tħassar id-deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju, 2004 dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Olanda

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. INTRODUZZJONI

Fil-31 ta’ Marzu, 2004, il-Kummissjoni rċeviet konferma uffiċjali mill-awtoritajiet Olandiżi li d-defiċit ġenerali tal-gvern fl-2003 laħaq 3.2% tal-PGD[1], u għalhekk qabeż il-valur ta’ referenza tat-Trattat. Fuq il-bażi ta’ din l-evidenza, il-Kummissjoni bdiet il-Proċedura dwar id-Defiċit Eċċessiv (aktar 'il quddiem magħrufa bħala EDP) għall-Olanda fit-28 ta’ April, 2004, billi adottat ir-rapport previst bl-Artikolu 104(3) tat-Trattat. Wara li qieset il-fatturi kollha rilevanti inklużi f’dan ir-rapport kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skond l-Artikolu 104(4), il-Kummissjoni adottat Opinjoni (skond l-Artikolu 104(5)) fid-19 ta’ Mejju, 2004, li fiha stqarret li fl-Olanda hemm defiċit eċċessiv. Fit-2 ta’ Ġunju, 2004, il-Kunsill adotta Deċiżjoni[2] f’dan is-sens, skond l-Artikolu 104(6).

Fl-istess waqt, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni indirizzata lill-Olanda, skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat, bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern. B’mod speċifiku, il-Kunsill irrakkomanda li “l-awtoritajiet Olandiżi għandhom itemmu s-sitwazzjoni li hemm bħalissa ta’ defiċit eċċessiv mhux aktar tard mill-2005, skond l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97.” Il-Kunsill stabbilixxa li l-gvern Olandiż għandu “jieħu azzjoni b'miżuri korrettivi, l-aktar ta' natura strutturali fl-2005, li jħallu effett ta’ mill-anqas nofs punt perċentwali fil-PGD”, mhux aktar tard mit-2 ta’ Ottubru, 2004.

Meta għamel ir-rakkomandazzjonijiet biex jissewwa d-defiċit eċċessiv, il-Kunsill saħaq li “il-miżuri ta’ tisħiħ finanzjarju għandhom iwasslu għal titjib sod fil-bilanċ ġenerali tal-gvern, fil-waqt li jkunu wkoll mixħuta lejn titjib fil-kwalità tal-finanzi pubbliċi u tisħiħ tal-potenzjal ta’ tkabbir ekonomiku.” Barra minn dan, ħeġġeġ lill-awtoritajiet Olandiżi biex jaraw li “t-tisħiħ finanzjarju lejn sitwazzjoni finanzjarja ta’ bilanċ, jew fejn id-dħul ikun ogħla min-nefqa, jibqa’ għaddej b’mod partikolari permezz ta’ tnaqqis fid-defiċit, aġġustat għaċ-ċikli, ta’ mill-anqas 0.5 punti perċentwali tal-PGD fis-sena, anki wara li d-defiċit eċċessiv ikun issewwa.”

Fis-6 ta’ Ottubru, 2004, il-Kummissjoni waslet għall-konklużżjoni[3] li l-gvern Olandiż wettaq azzjoni effettiva qabel it-2 ta’ Ottubru, 2004, u dan ġie irreġistrat mill-Kunsill fil-21 ta’ Ottubru[4].

2. TISWIJA TAD-DEFIċIT EċċESSIV FL-2004

Fis-16 ta' April, 2004, ftit wara li beda jidher ċar li l-valur ta’ referenza ta’ 3% tal-PGD kien inqabeż fl-2003 fl-isfond ta’ sitwazzjoni ekonomika batuta li ħadet fit-tul, il-gvern Olandiż daħħal pakkett addizzjonali ta’ miżuri ta’ tifdil għall-2004, għall-valur ta’ 0.5% tal-PGD, bil-għan li jissewwa d-defiċit eċċessiv anki fl-2004 stess. Dan il-pakkett sar b’żieda mat-tifdil li kien sar fil-baġit għall-2004[5]. Bejn wieħed u ieħor nofs il-pakkett kien jikkonsisti minn miżuri ta’ natura strutturali, b’mod partikolari premia għola għall-assikurazzjoni tas-saħħa, anqas nefqa fuq is-saħħa, u t-tneħħija ftit ftit tas-sussidji għall-ingaġġ ta’ ħaddiema bi ftit snajja’. In-nofs l-ieħor kien jikkonsisti minn miżuri ta’ darba li ħallew effett pożittiv fuq id-defiċit fl-2004 biss. L-aktar miżuri importanti ta’ darba kienu dwar tibdil fit-terminu ta’ żmien għan-nefqa fuq l-għajnuna finanzjarja għall-iżvilupp, ir-reġistrazzjoni tal-profitti tal-bank ċentrali, u nefqa anqas milli mistenni fuq investiment infrastrutturali.

In-notifika EDP ta’ Marzu, 2005 (li ġiet sottomessa fit-28 ta’ Frar, 2005 u verifikata mill-Eurostat fit-18 ta' Marzu, 2005), stmat li d-defiċit ġenerali tal-gvern fl-2004 kien ta’ 2.5% tal-PGD (tabella nru 1). Fil-31 ta’ Marzu, 2005 id-defiċit għall-2004 ġie rivedut għal 2.3% tal-PGD fir-rapport regolari li jsir lill-Eurostat dwar il-kontijiet riveduti tan-nefqa ġenerali tal-gvern, hekk kif ittieħdet f’kunsiderazzjoni informazzjoni aktar kompluta dwar il-finanzi ta’ l-amministrazzjoni lokali.

Dan ir-riżultat irid jitqabbel ma’ defiċit mistenni ta’ 3.0% tal-PGD għall-2004 fil-baġit għall-2005 u l-aġġornament ta’ Novembru, 2004 tal-programm ta’ stabbiltà, u bi projezzjoni ta’ 2.9% tal-PGD fit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni ta’ Awissu, 2004. Ir-riżultati aħjar milli mistenni meta wieħed iqabbel ma’ l-istima fil-baġit ta’ l-2005 nkisbu, fost affarijiet oħra, minħabba li lejn tmiem l-2004 id-dħul mit-taxxa fil-biċċa l-kbira tal-kategoriji ewlenin taxxabbli kien aktar qawwi milli mistenni. Prezzijiet taż-żejt għolja, u għalhekk id-dħul għola li kien hemm għall-gvern mill-bejgħ ta’ gass naturali, kompla kabbar id-dħul. Barra minn dan, iż-żieda fin-nefqa kienet anqas milli mbassar, l-aktar minħabba żidiet anqas qawwija fil-benefiċċji tal-qagħad, investiment infrastrutturali iċken milli mbassar, u anqas kontribuzzjonijiet netti lill-UE. Skond it-tbassir tar-Rebbiegħa ta’ l-2005 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit aġġustat għaċ-ċikli niżel minn 2.0% tal-PGD għal 1.2% tal-PGD fl-2004.

Fl-2004, il-proporzjon tad-dejn totali tal-gvern mal-PGD tela' għal 55.2% tal-PGD[6], minn 54.3% tal-PGD fl-2003, l-aktar minħabba l-qagħda ekonomika dgħajjfa u l-eżistenza ta’ defiċit nominali qawwi. Il-proporzjon tad-dejn għalhekk baqa’ taħt il-valur ta’ referenza fit-Trattat, ta’ 60% tal-PGD.

Tabella 1: Żviluppi finanzjarji 2002-2004 (bħala % tal-PGD) |

Riżultat | 2002 | 2003 | 2004 |

Bilanċ Ġenerali tal-gvern | -1.9 | -3.2 | -2.3 |

- Dħul totali | 45.9 | 45.8 | 45.5 |

Li minnu: taxxi kurrenti | 12.0 | 11.2 | 11.0 |

kontribuzzjonijiet soċjali | 14.9 | 15.5 | 15.1 |

- Nefqa totali | 47.8 | 49.0 | 48.0 |

Li minnha: konsum kollettiv | 11.3 | 11.4 | 11.4 |

ħlasijiet soċjali | 13.3 | 14.0 | 14.0 |

nefqa fuq interessi | 3.1 | 2.9 | 2.9 |

total ta’ investimenti fissi | 3.6 | 3.6 | 3.5 |

Bilanċ primarju | 1.1 | -0.3 | 0.4 |

Pm Taxxa totali | 40.1 | 40.0 | 39.9 |

Dejn tal-gvern | 52.6 | 54.3 | 55.7 |

Pm Bilanċ aġġustat għaċ-ċikli 1 | -2.3 | -2.0 | -1.2 |

Pm Bilanċ primarju aġġustat għaċ-ċikli 1 | 0.8 | 0.9 | 1.7 |

Pm PGD reali 1 (kambjament annwali f’%) | 0.6 | -0.9 | 1.3 |

L-ispiża fuq l-interessi, in-nefqa totali u l-bilanċi jinkludu swaps li saru b’konformità mad-definizzjonijiet użati fil-proċedura dwar id-defiċit eċċessiv. 1 Tbassir ekonomiku tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa 2005. Sors: Servizzi tal-Kummissjoni. |

3. IL-PROSPETTI FINANZJARJI GħALL-2005 U L-2006

Il-baġit għall-2005 ġie ppreżentat lill-Parlament fil-21 ta’ Settembru, 2004, u għadda b’xi tibdil relattivament żgħir ftit wara. Fih aktar miżuri biex jitnaqqas id-defiċit għall-2005, fosthom tnaqqis fin-nefqa fuq is-saħħa, żidiet fir-rati tat-taxxa fuq id-dħul, aċċess anqas għall-benefiċċji tal-qagħad, u premia ogħla fl-assikurazzjoni għad-diżabilità. Il-miżuri mħabbra fil-baġit għall-2005 (li jinkludu l-parti strutturali tal-miżuri fil-pakkett tas-16 ta’ April, 2004) kollha flimkien ifissru aġġustament ta’ nofs punt perċentwali tal-PGD għall-2005. Kollox ma’ kollox, il-miżuri korrettivi jidhru li huma fil-biċċa l-kbira tagħhom strutturali.

Skond it-tbassir tar-Rebbiegħa ta’ l-2005 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-dejn ġenerali tal-gvern għall-2005 mistenni jkun 2.0% tal-PGD (tabella 2). Dan irid jitqabbel mal-mira uffiċjali ta’ 2.1% msemmija fl-aħħar notifika EDP (Marzu, 2005)[7]. It-tkabbir reali fil-PGD għandu jbatti ftit għal 1% fl-2005, minn 1.4% fl-2004. Madanakollu, ir-rapporti tat-tbassir ta’ kull tliet xhur juru rkupru bil-mod il-mod matul il-mixja tas-sena, li għandu jwassal għal aktar dħul mit-taxxi, ġej l-aktar minn profitti ogħla minn korporazzjonijiet u persuni li jaħdmu għal rashom. Barra minn dan, id-dħul mill-bejgħ ta’ gass naturali mistenni li jagħti spinta lid-dħul totali anki fl-2005. Għal dak li għandu x’jaqsam man-nefqa, din mistennija li tinżel xi ftit fl-2005. Iż-żieda kajmana fl-infieq tal-gvern ġejja mill-impatt tal-miżuri ta’ tifdil, u n-nuqqas totali ta’ żieda fir-rati tal-pagi kontrattwali tal-ħaddiema taċ-ċivil, u fil-pagamenti tas-sigurtà soċjali.

Għall-2006, it-tbassir tar-Rebbiegha 2005 tas-servizzi tal-Kummisjoni qed jindika li t-tkabbir reali tal-PGD għandu jitla’ għal 2.0% fl-2006, biex b'hekk jitqawwa d-dħul b'konsistenza mat-titjib ekonomiku li hu mistenni. Madankollu, fuq il-bażi tal-politika li qed titwettaq bħalissa, id-defiċit mhux aġġustat għaċ-ċikli għandu jitjieb biss bi ftit, għal 1.6% tal-PGD minn 2.0% tal-PGD fl-2005, hekk kif aktar tifdil fuq is-sigurtà soċjali, is-sussidji u l-pagi fis-settur pubbliku jkunu akkumpanjati minn aktar infieq fuq it-trasport, is-sigurtà, l-ekonomija ibbażata fuq l-għarfien u l-kumpens biex jittaffa l-impatt tar-riforma fl-assikurazzjoni tas-saħħa fuq id-dħul tal-familji .

Id-defiċit aġġustat skond iċ-ċikli mistenni li jitjieb sew fl-2005, u jilħaq 0.4% tal-PGD, li jirrifletti t-tisħiħ finanzjarju li għaddej. Dan ikun ifisser titjib b’0.8% tal-PGD għat-tieni sena konsekuttiva, li hu aħjar mill-minimu ta’ l-aġġustament ta’ 0.5% tal-PGD fis-snin ta’ wara t-tiswija tad-defiċit eċċessiv kif qed iħeġġeġ il-Kunsill. Dan jimplika wkoll li l-Olanda, fl-2005, tkun diġà kisbet qagħda finanzjarja kwazi bilanċjata, f’termini aġġustati skond iċ-ċikli. Bil-politika li qed titwettaq bħalissa, it-tbassir tar-Rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni iqis li l-bilanċ aġġustat għaċ-ċikli għandu jkompli jitjieb billi jilħaq l-ekwilibriju fl-2006. Id-differenza kbira bejn id-defiċit mhux aġġustat, u dak aġġustat għaċ-ċikli tirrifletti l-qagħda ekonomika batuta li ħadet fit-tul, u t-titjib li ftit ftit mistenni jkun hemm. It-tkabbir reali fil-PGD niżel taħt ir-rata tat-tkabbir potenzjali fl-2001 u mhux mistenni li jerġa’ jilħaq il-potenzjal tiegħu qabel l-2006. Għalhekk, id-differenza fin-negattiv bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali tikber minn stima ta’ 1.9% tal-PGD fl-2003 għal madwar 2.5% tal-PGD fl-2005 u l-2006.

Skond in-notifika EDP ta’ Marzu, 2005, id-dejn ġenerali tal-gvern għandu jitla’ għal 57.4% tal-PGD fl-2005, ċifra li hija qrib ħafna l-proporzjon tad-dejn ta’ 57.6% tal-PGD, imsemmija fit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa 2005. Matul din is-sena hija affettwata mix-xiri ta' infrastruttura tat-trasport tal-gass, ħidma ta’ 0.6% tal-PGD. Kieku l-politika ta’ bħalissa kellha titkompla, il-proporzjon tad-dejn se jiżdied bi ftit ieħor fl-2006, għal 57.9% tal-PGD, skond it-tbassir tar-Rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni. Madankollu, il-proporzjon tad-dejn għandu jibqa’ taħt il-valur ta’ referenza ta’ 60% tal-PGD.

Table 2: Tbassir dwar il-finanzi ġenerali tal-gvern (bħala % tal-PGD) |

2004 | 2005 | 2006 |

SP | Comm. | SP | Comm. (1) |

Bilanċ ġenerali tal-gvern | -2.5 | -2.6 | -2.1 | -2.1 | -1.6 |

- Dħul totali | 45.5 | 44.9 | 45.8 | 44.6 | 47.6 |

Li minnu: taxxi kurrenti | 11.0 | 24.8 | 11.1 | 24.7 | 11.2 |

Kontribuzzjonijiet soċjali | 15.1 | 13.9 | 15.0 | 13.9 | 16.9 |

- Nefqa totali | 48.0 | 47.5 | 47.9 | 46.7 | 49.3 |

Li minnha: -konsum kollettiv | 11.4 | 17.5 | 11.4 | 17.2 | 11.4 |

- nefqa fuq l-interessi | 2.9 | 2.9 | 2.9 | 2.8 | 2.8 |

- total ta’ investimenti fissi | 3.5 | 3.1 | 3.5 | 3.1 | 3.4 |

Bilanċ primarju | 0.4 | 0.3 | 0.8 | 0.7 | 1.2 |

Dejn tal-gvern | 55.7 | 58.1 | 57.6 | 58.6 | 57.9 |

Pm Bilanċ aġġustat għaċ-ċikli | -1.2 | -1.2 | -0.4 | -1.3 | 0.0 |

Pm Bilanċ primarju aġġustat għaċ-ċikli | 1.7 | 0.3 | 2.5 | 0.7 | 2.9 |

Pm PGD reali (perċentwali anwali) | 1.3 | 0.75 | 1.0 | 1.5 | 2.0 |

Sorsi: Notifika EDP għall-2004 (Marzu 2005), l-aġġornament ta’ Nov. 2004 tal-programm ta’ stabbiltà (SP), il-kontijiet nazzjonali 2004 u t-tbassir tar-Rebbiegħa 2005 tas-servizzi tal-Kummisjoni (Comm.). Bilanċ aġġustati għaċ-ċikli għall-SP ikkalkulat mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ informazzjoni mogħtija fil-programm (id-differenza mal-Comm. tirrifletti kuntesti makro-ekonomiċi differenti). Ta’min wieħed jinnota li wara t-tħabbir EDP ta’ Marzu, 2005, Statistics Netherlands ippubblika u informa lil Eurostat dwar defiċit rivedut ('l isfel) għall-2004, ta’ 2.3% tal-PGD (ara tabella 1). (1) Fuq il-bażi tal-politika li qed titwettaq bħalissa. |

4. KONKLUżJONIJIET

L-awtoritajiet Olandiżi mxew mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Ġunju, 2004 maħruġa skond l-Artikolu 104(7). B’mod speċifiku, huma wettqu r-rakkomandazzjoni biex itemmu l-qagħda ta’ defiċit eċċessiv, skond l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, li f’dan il-każ kien ifisser mhux aktar tard mill-2005. Fil-fatt, huma diġà naqqsu d-defiċit għal 2.3% tal-PGD, li hu livell ferm anqas mil-limitu ta' 3%, fl-2004. Skond it-tbassir tar-rebbiegħa 2005 tas-servizzi tal-Kummissjoni, bil-politika li qed titwettaq bħalissa d-defiċit mistenni jinżel għal 2% tal-PGD fl-2005 minħabba aktar issikkar fiskali fil-baġit 2005 u jkompli jinżel għal 1.6% tal-PGD fl-2006, ħaġa li turi li l-miżuri li ttieħdu jwasslu għal tiswija soda tad-defiċit finanzjarju. Il-bilanċ aġġustat skond iċ-ċikli tjieb b’mod konsiderevoli fl-2004, b’0.8% tal-PGD, għal defiċit ta’ 1.2% tal-PGD. Għandu jkompli jonqos b'0.8% oħra tal-PGD u jkun qrib tal-bilanċ fl-2005, sitwazzjoni li tibqa’ żżomm anki fl-2006. Fl-aħħar, skond in-notifika EDP ta’ Marzu, 2005, il-proporzjon tad-dejn laħaq il-55.2% tal-PGD fl-2004, żieda minn 54.3% tal-PGD fl-2003; skond it-tbassir tar-Rebbiegħa 2005, huwa stmat li dan jibqa’ taħt il-valur ta’ referenza ta’ 60% tal-PGD fl-2005 u l-2006.

Għalhekk, minn valutazzjoni totali huwa ċar li l-awtoritajiet Olandiżi diġà fl-2004 lestew it-tiswija tal-qagħda ta’ defiċit eċċessiv skond il-kundizzjonijiet tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Ġunju, 2004. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill biex iħassar id-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Olanda.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tħassar id-deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju, 2004 dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Olanda

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 104(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

(1) Permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/136/KE tat-2 ta’ Ġunju, 2004[8] li ssegwi rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, ġie deċiż li fl-Olanda kien jeżisti defiċit eċċessiv.

(2) Skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat, il-Kunsill għamel Rakkomandazzjoni lill-Olanda bil-ħsieb li ttemm il-qagħda ta’ defiċit eċċessiv[9]. Din ir-Rakkomandazzjoni, flimkien ma’ l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju, 1997 biex l-implimentazzjoni tal-proċedura dwar defiċit eċċessiv[10] titħaffef u tkun iċċarata, stabbiliet li d-defiċit eċċessiv kellu jissewwa mhux aktar tard mill-2005.

(3) Skond l-Artikolu 104(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha titħassar meta d-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru partikolari jkun, fl-opinjoni tal-Kunsill, issewwa.

(4) It-tifsira ta’ “gvern” u “żbilanċ” huma msemmija fil-Protokoll dwar il-proċedura ta` l-iżbilanċ eċċessiv b'referenza għas-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati (ESA), it-tieni edizzjoni. L-informazzjoni għall-proċedura dwar id-defiċit eċċessiv hija pprovduta mill-Kummissjoni.

(5) Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni wara li kkomunikat ma’ l-Olanda qabel l-1 ta’ Marzu, 2005 skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta’ Novembru, 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll għall-proċedura meta jkun hemm defiċit eċċessiv mehmuż mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea[11], kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 475/2000[12], dwar il-mod kif il-kontijiet ġenerali riveduti tal-gvern ġew irrappurtati għal darb’oħra lill-Eurostat fil-31 ta’ Marzu 2005, u dwar it-tbassir tar-Rebbiegħa 2005 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużżjonijiet li ġejjin huma f’waqthom:

- Id-defiċit ġenerali tal-gvern huwa stmat li hu ta’ 2.3% tal-PGD fl-2004, meta fl-2003 kien ta’ 3.2%. Ir-riżultat miksub fl-2004 jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill maħruġa skond l-Artikolu 104(7), b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam it-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3% tal-PGD mhux aktar tard mill-2005. L-aġġustament fiskali tkompla fl-2004 billi ttieħdu miżuri sostanzjali ta’ tifdil, li uħud minnhom kienu tħabbru fil-baġit għall-2004 fil-waqt li oħrajn kienu jinsabu fil-pakkett addizzjonali ta’ tisħiħ ta’ l-16 ta’ April, 2004. Barra minn hekk, id-defiċit kompla jonqos bis-saħħa ta’ dħul aktar qawwi milli mistenni mit-taxxi, kif ukoll dħul addizzjonali mill-bejgħ tal-gass naturali minħabba prezzijiet ogħla taż-żejt.

- Il-miżuri finanzjarji li ttieħdu għandhom l-iskop aħħari li jkun hemm titjib fis-sod fil-bilanċ ġenerali tal-gvern. Għall-2005, it-tbassir tar-Rebbiegħa 2005 tas-servizzi tal-Kummissjoni qed jistenna li d-defiċit ġenerali tal-gvern ikompli jonqos għal 2.0% tal-PGD, l-aktar minħabba miżuri ta’ tifdil, l-aktar ta’ natura strutturali, li jammontaw għal 0.5% tal-PGD. Dan hu konformi mal-mira uffiċjali li d-defiċit ikun ta’ 2.1% tal-PGD. Għall-2006, it-tbassir tar-Rebbiegħa 2005 tas-servizzi tal-Kummissjoni qed jistenna li, fuq il-bażi tal-politika li qed titwettaq bħalissa, id-defiċit ikompli jonqos għal 1.6% tal-PGD, indikazzjoni li t-tiswija fid-defiċit tal-baġit hija waħda soda.

- It-tisħiħ finanzjarju se jitkompla permezz ta’ tnaqqis fid-defiċit aġġustat skond iċ-ċikli li mistenni li joqrob lejn sitwazzjoni ta’ bilanċ wara li jkun issewwa d-defiċit eċċessiv. Fl-2004, id-defiċit aġġustat għaċ-ċikli niżel b’mod konsiderevoli għal 1.2% tal-PGD, meta fl-2003 kien ta’ 2.0% tal-PGD. It-tbassir tar-Rebbiegħa 2005 tas-servizzi tal-Kummissjoni iqis li d-defiċit aġġustat għaċ-ċikli għandu jkompli nieżel ‘l isfel fl-2005 b’0.8% tal-PGD oħra, għal 0.4% tal-PGD, li huwa qrib qagħda bilanċjata, u li jinżel taħt iż-0.0% tal-PGD fl-2006.

- Skond in-notifika EDP ta' Marzu, 2005, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern inżamm taħt il-valur ta’ referenza ta’ 60% tal-PGD fl-2004. It-tbassir tar-Rebbiegħa 2004 tas-servizzi tal-Kummissjoni jistenna li dan jinżamm taħt dan il-livell fl-2005 u fl-2006.

(6) Id-Deċiżjoni 2005/136/KE għandha għalhekk titħassar.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni sħiħa jirriżulta li t-tiswija tal-qagħda ta’ defiċit eċċessiv fl-Olanda twettqet għal kollox fl-2004, skond il-kundizzjonijiet tar-rakkomandazzjoni li saret lill-Olanda fit-2 ta’ Ġunju, 2004, skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2005/136/KE hija b'dan imħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' l-Olanda

Magħmula fi Brussell,

F'isem il-Kunsill

Il-President

[1] Dan kien aġġustament ‘l fuq mid-defiċit ta’ 2.98% tal-PGD notifikat fl-1 ta’ Marzu, 2004. Dan seħħ l-aktar minħabba defiċit akbar milli mistenni għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-amministrazzjoni lokali, li dwaru kien għad ma hemmx informazzjoni preliminari għall-2003 kollha kemm hi.

[2] Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/136/KE ippubblikata fit-18.2.2005 fil-Ġurnal Uffiċjali: ĠU L047, p.26.

[3] Ara http://europa.eu.int/comm/economy_finance/about/activities/sgp/edp/comm_inf_note_en.pdf

[4] Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, stqarrija għall-istampa 13017/04 (Presse 284) tal-21 ta’ Ottubru, 2004.

[5] Fil-baġit għall-2004, il-mira għad-defiċit kienet ta’ 2.3% tal-PGD, iżda dan kien fuq il-bażi ta’ tbassir li sar fis-sajf ta’ l-2003, li malajr malajr spiċċa biex ma baqax jiswa’ aktar peress li l-ipoteżijiet dwar it-tkabbir ekonomiku kienu pożittivi wisq, u l-informazzjoni li bdiet ħierġa wara l-baġit ta’ l-2004 dwar dak li kien tabilħaqq qed iseħħ, kienet agħar milli mistenni.

[6] Dan huwa aġġustament ‘l isfel fit-tagħrif rivedut dwar il-kontijiet pubbliċi tal-31 ta’ Marzu, 2005, imqabbel mal-proporzjon tad-dejn ta’ 55.7% tal-PGD notifikat fit-28 ta’ Frar, 2005.

[7] Il-fatt li l-punt tat-tluq kien kemm kemm aktar ‘l isfel għad-defiċit ta’ l-2004, minn dak stmat fit-tbassir tal-Kummissjoni għar-Rebbiegha jista’ jħalli effett bażi favorevoli fl-2005. Madankollu, fuq il-bażi ta’ dak li hu magħruf bħalissa, mhix ħaġa ċara kemm it-titjib fil-finanzi ta’ l-amministrazzjoni lokali fl-2004 se jkun wieħed strutturali, b’impatt pożittiv anki fuq is-snin ta’ wara.

[8] Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Ġunju, 2004 ippubblikata fil-ĠU L047, 18.2.2005, p.26.

[9] Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Ġunju, 2004.

[10] ĠU L209, 2.8.1997, p.6.

[11] ĠU L332, 31.12.1993, p. 7. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 351/2002 (ĠU L55, 26.2.2002, p.23).

[12] ĠU L58, 3.3.2000, p.1