Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BIONDI

ippreżentati fit‑2 ta’ Lulju 2026 (1)

Kawża C‑530/25 P

German Khan

vs

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea

“Appell – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Kriterju ta’ inklużjoni – Negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja – Negozjanti involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa – Kunċett ta’ ‘influwenza’ – Kunċett ta’ ‘settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul’ – Bażi legali – Artikolu 29 TUE – Artikolu 215(2) TFUE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Tiġdid tal-miżuri – Kundizzjonijiet – Oneru tal-prova”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża, is-sentenza appellata, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

III. Fuq l-appell

A. Fuq is-seba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kriterju (g) emendat

1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet

2. Evalwazzjoni

a) Fuq il-kunċett ta’ “influwenza” fis-sens tal-kriterju (g) inizjali

b) Fuq l-interpretazzjoni letterali, kuntestwali, storika u teleoloġika tal-kunċett ta’ “influwenza” fis-sens tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat

c) Konklużjoni tal-analiżi dwar il-kunċett ta’ “influwenza” fis-sens tal-kriterju (g) emendat

d) Fuq l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali tal-kriterju (g) emendat

B. Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq żnaturament tal-provi u fuq ksur tal-kriterju (g) inizjali inkwantu l-Qorti Ġenerali qieset suffiċjentement stabbilita l-allegazzjoni li G. Khan kien attiv f’settur li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa

1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet

2. Evalwazzjoni

a) Fuq l-ammissibbiltà tas-sitt aggravju b’mod ġenerali u tal-ilment ibbażat fuq żnaturament b’mod partikolari

b) Fuq il-mertu

1) Fuq il-klassifikazzjoni ta’ Alfa Bank bħala l-ikbar kontribwenti tar-Russja u l-kundizzjoni dwar is-“settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa” fis-sens tal-kriterju (g) inizjali

2) Fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali

3) Fuq in-natura sostanzjali tad-dħul ipprovdut lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa mis-settur bankarju

4) Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura mhux attwali tad-data dwar id-dħul annwali tas-settur bankarju

C. Fuq l-għaxar aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żball ta’ liġi bbażat fuq ksur tal-kriterju (g) emendat

1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet

2. Tfakkiriet dwar l-evoluzzjoni tal-motivi li jikkonċernaw lil G. Khan u dwar is-sistema legali tal-atti ta’ żamma

3. Evalwazzjoni

a) Fuq l-atti ta’ Settembru 2023 u l-ilment ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill kienx ipproduċa l-prova li G. Khan kompla jamministra l-assi ta’ żewġ kumpanniji bbażati fir-Russja

1) Fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stricto sensu

2) Fuq qari arrikkit tal-allegazzjoni tan-natura insuffiċjentement motivata tas-sentenza appellata

b) Fuq l-atti ta’ Marzu 2024 u l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tiżgura li l-motiv li jgħid li G. Khan kompla jiġġestixxi assi fir-Russja kien sostnut minn provi

1) Fuq l-ammissibbiltà

2) Fuq il-mertu

c) Fuq l-atti ta’ Settembru 2024 u l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika li l-motiv li jgħid li G. Khan kompla jiġġestixxi l-assi ta’ Alfa Group kien sostnut minn provi

1) Fuq l-ammissibbiltà

2) Fuq il-mertu

4. Konklużjoni fuq l-għaxar aggravju

IV. Konklużjoni


I.      Introduzzjoni

1.        Fit-tfittxija kontinwa tiegħu li jiżgura li l-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea jkunu effettivi kemm jista’ jkun, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b’mod kostanti jirfina l-kriterji li jistgħu jkunu l-bażi tal-adozzjoni ta’ tali miżuri kontra individwi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet. Fil-kuntest li issa huwa magħruf sew tas-sistema ta’ miżuri restrittivi implimentati b’reazzjoni għall-aggressjoni Russa fl-Ukraina, il-Kunsill, għall-ewwel darba, adotta l-kriterju mmirat lejn negozjanti ewlenin li joperaw f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, komunement imsejjaħ bħala l-“kriterju (g)”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar dan il-kriterju fis-sentenza tagħha Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (2) mogħtija f’Marzu ta’ din is-sena.

2.        L-appellant, G. Khan, kien wieħed min-negozjanti ewlenin inklużi skont il-kriterju (g) li ħa sehem fil-proċedura li tat lok għas-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill.

3.        Dan l-appell tiegħu tal-lum huwa dirett kontra s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2025, Khan vs Il‑Kunsill (3), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar il-legalità ta’ atti li jżommu l-inklużjoni tiegħu taħt il-kriterju (g) inizjali (4) u taħt il-kriterju (g) emendat (5). Fil-fatt, f’Ġunju 2023, il-Kunsill emenda l-kriterju (g) (6) u minn dan jirriżulta, essenzjalment, li issa jkopri tliet kategoriji a priori distinti, jiġifieri, l-ewwel nett, in-negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja, it-tieni nett, il-membri tal-familja ta’ dawn in-negozjanti ewlenin u, t-tielet nett, in-negozjanti li joperaw f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa.

4.        Fil-kuntest tal-istħarriġ li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna twettaq ta’ din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, hija tista’, b’mod partikolari, tippreċiża b’mod utli l-interpretazzjoni tal-kriterju (g) emendat kif ukoll ir-rabta eventwali tiegħu mal-kriterju (g) inizjali (is-seba’ aggravju), li huwa meħtieġ mill-Kunsill sabiex jistabbilixxi li settur ekonomiku jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu (is-sitt aggravju) kif ukoll l-intensità mistennija tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ żamma fir-rigward tal-eżami tal-provi li jsostnu r-raġunijiet għall-inklużjoni u, b’mod partikolari, tan-natura rationetemporis rilevanti tagħhom (l-għaxar aggravju).

5.        Għalhekk, permezz ta’ dan l-appell, l-appellant, G. Khan, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament tiegħu ppreżentat kontra l-atti li ġejjin, sa fejn dawn jikkonċernawh:

–         id-Deċiżjoni (PESK) 2023/572 (7) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/571 (8) (iktar ’il quddiem, l-“atti ta’ Marzu 2023”);

–         id-Deċiżjoni (PESK) 2023/1767 (9) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1765 (10) (iktar ’il quddiem, l-“atti ta’ Settembru 2023”);

–         id-Deċiżjoni (PESK) 2024/847 (11) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/849 (12) (iktar ’il quddiem, l-“atti ta’ Marzu 2024”);

–         id-Deċiżjoni (PESK) 2024/2456 (13) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2455 (14) (iktar ’il quddiem, l-“atti ta’ Settembru 2024”).

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża, is-sentenza appellata, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

6.        F’dak li jirrigwarda l-fatti li wasslu għall-kawża u l-kuntest ġuridiku rilevanti, nagħmel riferiment għall-punti 1 sa 35 tas-sentenza appellata.

7.        Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nillimita ruħi li nfakkar dan li ġej.

8.        G. Khan kien suġġett, għall-ewwel darba, għal miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni fil-kuntest tal-aggressjoni Russa fl-Ukraina fil‑15 ta’ Marzu 2022. Dawk il-miżuri ġew estiżi sal‑15 ta’ Marzu 2023. L-atti li abbażi tagħhom l-imsemmija miżuri ġew adottati, u sussegwentement miżmuma, kienu s-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, u sussegwentement ta’ appell, li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdithom (15).

9.        Fit‑13 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill adotta l-atti ta’ Marzu 2023 li bihom il-miżuri ġew estiżi sal‑15 ta’ Settembru 2023. Ir-raġunijiet għall-inklużjoni tiegħu, ibbażati b’mod partikolari fuq l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK (16), kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329 (17)(18), kienu għalhekk redatti kif ġej:

“[L-appellant] huwa negozjant Russu li jżomm relazzjoni mill-qrib mal-President Vladimir Putin, b’mod simili għas-sħab fin-negozju tiegħu, Mikhail Fridman u Petr Aven. Għal bosta snin, kien wieħed mill-azzjonisti ewlenin ta’ ABH Financial Limited, li tinkludi bank ewlieni Russu, Alfa Bank. Kien ukoll azzjonist tad-ditta tal-investiment LetterOne. Fl‑2022, quddiem sanzjonijiet tal-Punent kontrih, huwa ttrasferixxa s-sjieda tal-ishma tiegħu f’ABH Financial Limited u LetterOne lis-sieħeb fin-negozju tiegħu għal żmien twil Andrei Kosogov. Huwa kompla jimmaniġġja l-assi bbażati fir-Russja ta’ dawn il-kumpaniji. Huwa maħsub li huwa wieħed mill-iktar persuni influwenti fir-Russja. Huwa għamel skambju ta’ favuri ma’ Vladimir Putin li bih irċieva appoġġ politiku għan-negozju u l-qligħ finanzjarju tiegħu. It-tifla l-kbira ta’ Vladimir Putin, Maria, mexxiet proġett ta’ karità, Alfa-Endo, li kien iffinanzjat minn Alfa Bank. Vladimir Putin ippremja l-lealtà ta’ Alfa Group Consortium lejn l-awtoritajiet Russi billi pprovda għajnuna politika lill-pjanijiet ta’ investimenti barranin ta’ Alfa Group Consortium.

Għalhekk huwa appoġġa attivament materjalment jew finanzjarjament, u bbenefika minn persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Huwa wkoll wieħed min-negozjanti Russi ewlenin involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”

10.      Mill‑5 ta’ Ġunju 2023, l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145 ġie ssostitwit bit-test li ġej (19):

“1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:

[…]

(g) negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja u l-membri tal-familja immedjati tagħhom, jew persuni fiżiċi oħra, li jibbenefikaw minnhom, jew negozjanti, persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna […] għandhom jiġu ffriżati”.

11.      Fit‑13 ta’ Settembru 2023, il-Kunsill adotta l-atti ta’ Settembru 2023, li kellhom l-effett li jġeddu l-miżuri fil-konfront tal-appellant sal‑15 ta’ Marzu 2024. Ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi ġew emendati kif ġej:

“[L-appellant] huwa negozjant Russu li jżomm relazzjoni mill-qrib mal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin, simili għal sħabu fin-negozju Mikhail Fridman u Petr Aven. Għal bosta snin kien wieħed mill-azzjonisti ewlenin ta’ ABH Financial Limited, li tinkludi bank ewlieni Russu, Alfa Bank. Kien ukoll azzjonist tad-ditta tal-investiment LetterOne. Fl‑2022, fid-dawl tas-sanzjonijiet tal-Punent kontrih, trasferixxa s-sjieda tal-ishma tiegħu f’ABH Financial Limited u f’LetterOne lil sieħbu fin-negozju għal żmien twil Andrei Kosogov. Kompla jimmaniġġja l-assi bbażati fir-Russja ta’ dawn il-kumpaniji. Huwa maħsub li huwa wieħed mill-aktar persuni influwenti fir-Russja. Skambja xi pjaċiri mal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin biex ikollu appoġġ politiku għan-negozju tiegħu u għal qligħ finanzjarju. Il-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin ippremja l-lealtà ta’ Alfa Group Consortium lejn l-awtoritajiet Russi billi ta għajnuna politika lill-pjanijiet ta’ investiment barrani ta’ Alfa Group Consortium. Barra minn hekk kien fost in-negozjanti Russi ewlenin li pparteċipaw fil-kungress tal-Unjoni Russa ta’ Industrijalisti u Imprendituri f’Marzu 2023, fejn il-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin għamel diskors u ħeġġeġ lill-biljunarji jipprijoritizzaw il-‘patrijottiżmu qabel il-profitt’.

Il-kumpanija tal-assigurazzjoni AlfaStrakhovanie, sussidjarja ta’ Alfa Group Consortium, tipprovdi assigurazzjoni lill-vetturi tas-Servizz Federali tal-Gwardja Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa (Rosgvardia), li l-unitajiet tiegħu joperaw fir-reġjuni okkupati tal-Ukrajna taħt il-kontroll tar-Russja, kif ukoll il-vetturi tal-gwardja personali tal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin. Barra minn hekk, X5 Retail Group, sussidjarja oħra tal-konsorzju Alfa Group, tikkoopera ma’ JSC Voentorg, entità soġġetta għal miżuri restrittivi li tipprovdi servizzi ta’ forniment tal-ikel u ħasil tal-ħwejjeġ, kif ukoll uniformijiet militari lill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa u li s-sussidjarja tagħha tbigħ t-shirts bis-simbolu militari ‘Z’ li jintuża mill-propagandisti Russi biex jippromwovu l-gwerra tar-Russja ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Għalhekk [l-appellant] b’mod attiv kien u għadu qed jappoġġa materjalment jew finanzjarjament lil persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna, u jibbenefika minnhom. Huwa wkoll negozjant ewlieni li jopera fir-Russja u negozjant involut f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”

12.      Fit‑12 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill adotta l-atti ta’ Marzu 2024, li kellhom l-effett li jġeddu l-miżuri fil-konfront tal-appellant sal‑15 ta’ Settembru 2024 għal raġunijiet li ma nbidlux minn dawk stabbiliti fl-atti ta’ Settembru 2023.

13.      Fit‑12 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill adotta l-atti ta’ Settembru 2024 li r-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ G. Khan fihom kienu redatti kif ġej:

“[L-appellant] huwa negozjant Russu li għandu relazzjoni mill-qrib mal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin, simili għal sħabu fin-negozju Mikhail Fridman, Petr Aven u Alexey Kuzmichev. F’Marzu 2022, ittrasferixxa l-ishma tiegħu f’ABH Holdings, li tikkontrolla bank Russu ewlieni, Alfa Bank, lil Andrei Kosogov li ilu snin twal sieħbu fin-negozju. Dan it-trasferiment ġie ddikjarat null u bla effett mill-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna.

Barra minn hekk, it-trasferiment tal-ishma tiegħu f’A1, li huwa parti mill-Alfa Group, jista’ jitqies bħala fittizju.

Kien ukoll azzjonist tad-ditta tal-investiment LetterOne.

Kompla jimmaniġġa l-assi bbażati fir-Russja ta’ Alfa Group. Huwa maħsub li huwa wieħed mill-aktar persuni influwenti fir-Russja. Skambja xi pjaċiri mal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin biex jingħata appoġġ politiku għan-negozju tiegħu u għal qligħ finanzjarju. Vladimir Putin ippremja l-lealtà ta’ Alfa Group Consortium lejn l-awtoritajiet Russi billi ta għajnuna politika lill-pjanijiet ta’ investiment barrani ta’ Alfa Group Consortium. Barra minn hekk kien fost in-negozjanti Russi ewlenin li pparteċipaw fil-kungress tal-Unjoni Russa ta’ Industrijalisti u Imprendituri f’Marzu 2023, fejn il-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin għamel diskors u ħeġġeġ lill-biljunarji jipprijoritizzaw il-‘patrijottiżmu qabel il-profitt’.

Il-kumpanija tal-assigurazzjoni AlfaStrakhovanie, sussidjarja ta’ Alfa Group Consortium, tipprovdi assigurazzjoni lill-vetturi tas-Servizz Federali tal-Gwardja Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa (Rosgvardia), li l-unitajiet tiegħu joperaw fir-reġjuni okkupati tal-Ukrajna taħt il-kontroll tar-Russja, kif ukoll il-vetturi tal-gwardja personali tal-President tal-Federazzjoni Russa, Vladimir Putin. Barra minn hekk, X5 Retail Group, sussidjarja oħra ta’ Alfa Group Consortium, tikkoopera ma’ JSC Voentorg, entità soġġetta għal miżuri restrittivi li tipprovdi servizzi ta’ catering u ta’ ħasil tal-ħwejjeġ, kif ukoll uniformijiet militari, lill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa u li s-sussidjarja tagħha tbigħ T-shirts bis-simbolu militari ‘Z’ użat mill-propagandisti Russi biex jippromwovu l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Għalhekk [l-appellant] kien u għadu qed jappoġġa materjalment jew finanzjarjament lil persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna, u jibbenefika minnhom.

[L-appellant] għandu wkoll sehem importanti fi Rosvodokanal, kumpanija oħra ta’ Alfa Group u waħda mill-operaturi privati ewlenin tal-utilitajiet tal-ilma fir-Russja.

Huwa wkoll negozjant ewlieni li jopera fir-Russja u negozjant involut f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”

14.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fl‑24 ta’ Mejju 2023 fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, l-appellant ippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jikseb l-annullament tal-atti kontenzjużi sa fejn dawn jikkonċernawh. Insostenn ta’ dan ir-rikors, huwa invoka ħames motivi li huwa ssupplimenta bi tnax-il motiv addizzjonali permezz tan-nota ta’ adattament tiegħu dwar l-atti ta’ Settembru 2023, b’motiv addizzjonali ieħor permezz tan-nota ta’ adattament tiegħu dwar l-atti ta’ Marzu 2024 u, fl-aħħar nett, b’ħames motivi addizzjonali oħra permezz tan-nota ta’ adattament tiegħu dwar l-atti ta’ Settembru 2024, u biex b’hekk it-total tal-motivi tiegħu tela’ għal 24.

15.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu ppreżentat minn G. Khan u kkundannat lil dan tal-aħħar għall-ispejjeż.

16.      Permezz tal-appell tiegħu ppreżentat fit‑3 ta’ Awwissu 2025, G. Khan talab lill-Qorti tal-Ġustizzja: tannulla s-sentenza appellata; tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu u tannulla l-atti kontenzjużi; sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tikkundanna, fi kwalunkwe każ, lill-Kunsill għall-ispejjeż.

17.      Il-Kunsill talab lill-Qorti tal-Ġustizzja: tiċħad l-appell; sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi l-kawża fuq l-mertu u tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

III. Fuq l-appell

18.      Permezz ta’ dan l-appell, G. Khan jinvoka għaxar aggravji.

19.      Essenzjalment, l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fuq żnaturament tal-provi li rriżultaw mir-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tordna lill-Kunsill jipproduċi d-dokumenti mitluba minn G. Khan.

20.      It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ eżami mill-ġdid perijodiku li jirriżulta mill-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 2014/145 u mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 269/2014.

21.      It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 2014/145 u tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 269/2014, u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali qalet li l-Kunsill kien wettaq l-obbligu tiegħu li jwettaq valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri mmirati lejn G. Khan.

22.      Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jirriżulta mir-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni r-rikonoxximent, mill-Kunsill, tal-assenza ta’ impatt tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lil G. Khan.

23.      Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 29 TUE u 215(2) TFUE sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-kriterju (g) inizjali huwa legali minkejja l-fatt li jippermetti li jiġu ssanzjonati persuni li ma għandhomx rabta suffiċjenti mar-reġim jew mas-sitwazzjoni li l-Unjoni għandha l-intenzjoni li tagħmel pressjoni fuqhom.

24.      Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq żnaturament tal-provi u fuq ksur tal-kriterju (g) inizjali minħabba l-kundizzjonijiet li fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien stabbilit li s-settur bankarju Russu kien jipprovdi, fl‑2023, dħul sostanzjali lill-Gvern Russu.

25.      Is-seba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat (20) u, sussidjarjament, fuq ksur tal-Artikolu 29 TUE u tal-Artikolu 215(2) TFUE u fuq nuqqas ta’ bażi legali sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kriterju (g) emendat kellu jiġi interpretat, fir-rigward tal-kunċett ta’ “negozjanti ewlenin”, bl-istess mod bħall-kriterju (g) inizjali.

26.      It-tmien aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fuq żnaturament tat-tnax-il motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali.

27.      Id-disa’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kriterju (g) inizjali u tal-kriterju (g) emendat u tal-kunċett ta’ “negozjanti” kif ukoll fuq ksur tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandha twettaq il-Qorti Ġenerali.

28.      L-għaxar aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, sussidjarjament, fuq ksur tal-kriterju (g) emendat peress li l-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika li l-allegazzjoni li G. Khan kompla jamministra assi bbażati fir-Russja fil-mumenti taż-żamma tal-inklużjoni tiegħu f’Settembru 2023, f’Marzu 2024 u f’Settembru 2024 kienet issostanzjata.

29.      Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq is-sitt, is-seba’ u l-għaxar aggravju.

30.      Peress li l-eżami tas-seba’ aggravju ta’ G. Khan jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-legalità tal-kriterju (g) emendat, ser nibda l-analiżi permezz ta’ dan l-aggravju, qabel ma neżamina rispettivament is-sitt u l-għaxar aggravji li, min-naħa tagħhom, jirrigwardaw il-fondatezza tal-miżuri adottati kontra G. Khan.

A.      Fuq is-seba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kriterju (g) emendat

31.      Għall-kumplament tal-analiżi, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat xi tfisser kull waħda mit-tliet partijiet tal-kriterju (g) emendat. Għalhekk, qabelxejn, il-kriterju (g) emendat jirreferi għan-negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja (l-ewwel parti). Imbagħad, huwa jkopri l-membri tal-familja immedjati tagħhom jew persuni fiżiċi oħra li jibbenefikaw minnhom (it-tieni parti). Fl-aħħar nett, u alternattivament (21), huwa jkopri n-negozjanti li joperaw f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa (it-tielet parti) (22).

1.      Sunt tal-argumenti tal-partijiet

32.      G. Khan jikkontesta l-interpretazzjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat, it-terminu “ewlenin” kellu jinftiehem bl-istess mod bħal fil-kuntest tal-kriterju (g) inizjali.

33.      G. Khan isostni li, peress li l-kriterju (g) ġie emendat, din l-emenda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ dan il-kriterju. Il-bidla fit-test tal-kriterju (g) biddlet it-tifsira u l-portata tal-kunċett ta’ “negozjanti ewlenin”.

34.      L-ewwel nett, il-kriterju (g) emendat neħħa r-rabta bejn l-influwenza ta’ dawn in-negozjanti mas-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu. Il-kunċett ta’ “influwenza” għalhekk ġie iżolat.

35.      It-tieni nett, it-tieni parti tal-kriterju (g) emendat tapplika biss għal qraba ta’ negozjanti ewlenin, li għandha t-tendenza li ssaħħaħ il-konklużjoni li n-negozjanti ewlenin jikkostitwixxu kategorija distinta ta’ persuni li fuqhom il-Kunsill għandu l-intenzjoni li jeżerċita pressjoni partikolari.

36.      It-tielet nett, it-tifsira l-ġdida tal-kriterju (g) emendat, b’mod partikolari tal-ewwel parti tiegħu, hija ċċarata mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/1094. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà użat din il-premessa sabiex tfittex l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni (23).

37.      Sussidjarjament, jekk l-interpretazzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat kellha tkun l-istess bħal dik tal-kriterju (g) inizjali, G. Khan jirreferi għat-talbiet tiegħu taħt il-ħames aggravju ta’ dan l-appell sabiex isostni li tali interpretazzjoni tikser l-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215(2) TFUE u ċċaħħad l-imsemmi kriterju minn bażi ġuridika legali.

38.      Il-Kunsill jitlob li s-seba’ aggravju jiġi miċħud.

2.      Evalwazzjoni

39.      G. Khan sostna, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-kriterju (g) emendat kien illegali minħabba nuqqas ta’ bażi legali, ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali u ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-libertà ta’ intrapriża. Dan l-aggravju huwa dirett kontra l-parti tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali ddedikata għall-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

40.      Peress li G. Khan jikkritika lill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “influwenza”, fis-sens tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, il-bidla li saret fil-formulazzjoni tal-imsemmi kriterju, dan l-aggravju huwa dirett biss kontra l-interpretazzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat adottata mill-Qorti Ġenerali.

41.      Sabiex tingħata tweġiba għal dan l-aggravju, jeħtieġ, wara li titfakkar il-portata tal-kriterju (g) inizjali, li ssir analiżi ta’ din l-ewwel parti sabiex jiġi vverifikat li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 89 tas-sentenza appellata hija korretta.

a)      Fuq il-kunċett ta’ “influwenza” fis-sens tal-kriterju (g) inizjali

42.      Fir-rigward tal-kriterju (g) inizjali, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni 2022/329 u mir-Regolament (UE) 2023/1089, għandu jiġi nnutat dan li ġej:

43.      Il-kriterju (g) inizjali kien ikopri kategorija waħda ta’ persuni fiżiċi li kellhom jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, dawn kellhom ikunu negozjanti ewlenin. It-tieni nett, dawn in-negozjanti ewlenin kellhom ikunu joperaw f’wieħed mis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern.

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-kriterju fis-sentenza Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill.

45.      Għalhekk, wara li eżaminat il-verżjonijiet lingwistiċi differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-termini użati biex jiddefinixxu l-kriterju (g) emendat ma jimplikawx, minnhom infushom u mingħajr ebda kuntest, rabta ma’ kwalunkwe qasam, bħall-oqsma ekonomiċi jew politiċi, jew ma’ persuni jew entitajiet speċifiċi (24). It-terminu “ewlenin” [fil-Franċiż “influent”], għandu għalhekk jinftiehem bħala li jirreferi għall-“importanza li n-negozjant ikkonċernat għandu jkollu fis-settur ta’ attività tiegħu, indipendentement mir-rabtiet li dan in-negozjant jista’ barra minn hekk ikollu, jekk ikun il-każ, [mal-gvern tal-Federazzjoni Russa]” (25). Għalkemm il-kriterju (g) inizjali jistabbilixxi rabta ma’ dan il-gvern, din ma hijiex meħtieġa min-negozjanti ewlenin, iżda mis-settur tal-attività li joperaw fiha, peress li dan is-settur għandu jipprovdi lill-gvern imsemmi b’sors sostanzjali ta’ dħul (26). Għaldaqstant, il-kriterju (g) inizjali “jimplika biss li jintwera li n-negozjanti għandhom importanza sinjifikattiva f’settur ekonomiku ta’ lukru għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa, indipendentement mir-rabtiet li dawn in-negozjanti jista’ jkollhom ma’ dan il-gvern, mill-importanza konkreta tagħhom għalih jew mill-kapaċità effettiva tagħhom ta’ influwenza fir-rigward tiegħu” (27).

46.      Minn dan jirriżulta li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett “influwenza”, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali, jirrigwarda s-settur ekonomiku li fih joperaw dawn in-negozjanti u għandu għalhekk jinftiehem “fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li fih huma joperaw, skont kriterji bħalma huma l-istatus professjonali tagħhom jew il-funzjonijiet tagħhom, l-importanza tal-attività ekonomika tagħhom, il-portata tal-assi kapitali tagħhom jew tal-investimenti tagħhom, il-funzjonijiet tagħhom fi ħdan l-impriża li fiha huma jeżerċitaw dawn il-funzjonijiet jew ukoll kull kriterju ieħor ta’ natura ekonomika rilevanti” (28).

47.      In-negozjanti ewlenin, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali, għandhom għalhekk jinftiehmu bħala dawk li għandhom importanza sinjifikattiva f’setturi ekonomiċi bi qligħ għall-gvern tal-Federazzjoni Russa, jiġifieri li jistgħu jiffavorixxu indirettament il-finanzjament tal-azzjonijiet ta’ destabbilizzazzjoni mwettqa fl-Ukraina sa fejn jikkontribwixxu għaż-żamma tal-profittabbiltà tal-imsemmija setturi, jew għall-prosperità tagħhom (29).

48.      Fl-aħħar nett, l-influwenza ma hijiex limitata biss għan-negozjanti li, minħabba l-funzjonijiet tagħhom fi ħdan kumpannija jew permezz tal-azzjonijiet li huma għandhom, jeżerċitaw kontroll reali u effettiv fuq din il-kumpannija, peress li l-importanza sinjifikattiva fis-settur ekonomiku kkonċernat tista’ tiġi stabbilita abbażi ta’ elementi oġġettivi oħra minbarra dak tal-kontroll (30).

49.      Il-Qorti tal-Ġustizzja żgurat li tali interpretazzjoni kienet sostnuta mill-għanijiet imfittxija, li kienu jikkonsistu fl-eżerċizzju ta’ pressjoni addizzjonali fuq il-Federazzjoni Russa u fit-tkabbir tal-ispiża għal din tal-aħħar tal-azzjonijiet tagħha intiżi li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, sabiex din ittemm l-aggressjoni militari tagħha u, b’mod iktar ġenerali, l-azzjonijiet u l-politiki tagħha li jiddestabbilizzaw lill-Ukrajna (31). Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, “[b]illi tostakola l-funzjonament tas-setturi ekonomiċi kkonċernati, l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ [negozjanti ewlenin], indipendentement mir-rabtiet li jista’ jkollhom, jekk ikun il-każ, mal-[Gvern tal-Federazzjoni tar-Russja], tista’ għalhekk tkabbar l-ispiża ta’ dawn l-azzjonijiet u teżerċita pressjoni fuq dan tal-aħħar sabiex dan itemm l-imsemmija azzjonijiet” (32).

b)      Fuq l-interpretazzjoni letterali, kuntestwali, storika u teleoloġika tal-kunċett ta’ “influwenza” fis-sens tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat

50.      Għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tinsab f’att li jistabbilixxi miżuri restrittivi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, inkluż dak storiku, u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (33).

51.      Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-kriterju (g) emendat, jirriżulta fenomenu doppju li jikkonsisti, minn naħa, f’diviżjoni tal-kriterju (g) inizjali (l-ewwel u t-tielet parti) u, min-naħa l-oħra, f’żieda ma’ dan il-kriterju (it-tieni parti). Għalhekk, l-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat ma għadhiex teżiġi, b’differenza minn dak li kien jipprevedi l-kriterju (g) inizjali, li n-negozjant ewlieni jeżerċita l-attività tiegħu f’wieħed mis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern (34).

52.      Dejjem minn perspettiva letterali, l-aġġettiv “ewlenin” jirreferi għal “negozjanti”, jiġifieri, nies li huma attivi fis-settur tan-negozju (35). L-influwenza għalhekk neċessarjament tidher li hija marbuta mal-kwalità ta’ negozjant u mal-importanza tiegħu f’dan il-qasam. In-natura ewlenija marbuta ma’ din il-kwalità jidhirli li hija intrinsikament marbuta mas-suċċess tagħhom u mas-saħħa ekonomika tagħhom (36).

53.      Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni letterali tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat hija kkonfermata mill-analiżi tal-kuntest. Għalhekk, il-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2023/1094 tiċċara r-raġunament tal-kriterju (g) emendat. Minn din jirriżulta li l-Kunsill, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tiegħu (37), ikkonstata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ interessi u ta’ sostenn reċiproċi bejn il-Gvern Russu u n-negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja. Fil-fatt, skont l-evalwazzjoni tal-Kunsill, l-akkumulazzjoni tal-ġid minn dawn in-negozjanti ma hijiex possibbli mingħajr il-kunsens tal-Gvern Russu u l-importanza tagħhom fis-settur ekonomiku kkonċernat hija manifestazzjoni tal-interdipendenza eżistenti bejn in-negozjanti u l-Gvern Russu. Din hija preċiżament ir-raġuni li għaliha l-Kunsill iddedika l-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat (38).

54.      Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni ssuġġerita hija kkorroborata mill-analiżi storika u teleoloġika tal-kriterju (g).

55.      Is-sistemi ta’ miżuri restrittivi adottati b’reazzjoni għall-abbużi Russi mwettqa fl-Ukraina huma kkaratterizzati minn żieda progressiva tal-intensità tagħhom, skont l-effettività tagħhom, sabiex jeżerċitaw pressjoni massima fuq il-Federazzjoni Russa billi jżidu l-ispiża tal-azzjonijiet tagħha intiżi li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u l-adozzjoni, mill-Kunsill, tal-kriterju (g) inizjali tikkostitwixxi illustrazzjoni ta’ din l-intensifikazzjoni (39).

56.      Billi ma għadux jeħtieġ rabta ma’ settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu, l-estensjoni tal-kriterju ta’ inklużjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat hija konsistenti ma’ din it-tfittxija permanenti għall-effettività massima tal-miżuri restrittivi filwaqt li l-ksur flagranti tad-dritt internazzjonali u tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li jirriżulta mill-invażjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa għadu għaddej.

c)      Konklużjoni tal-analiżi dwar il-kunċett ta’ “influwenza” fis-sens tal-kriterju (g) emendat

57.      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argument żviluppat minn G. Khan fil-kuntest tas-seba’ motiv ma jistax jintlaqa’.

58.      Il-konklużjoni tiegħi hija li, għalkemm saret emenda fit-test tal-kriterju (g), ma hemm xejn fil-formulazzjoni, fil-kuntest jew fl-għan ta’ din l-emenda li jindika li l-Kunsill kellu l-intenzjoni li jattribwixxi lit-terminu “ewlenin” tifsira differenti minn dik li kienet ingħatatlu preċedentement fil-kuntest tal-kriterju (g) inizjali. Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrent ma jippermettux li tiġi stabbilita interpretazzjoni alternattiva li tista’ tiġġustifika l-eżistenza ta’ tali differenza fis-sens.

59.      L-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat tirrigwarda l-influwenza tan-negozjanti minn perspettiva ekonomika, peress li s-suċċess ekonomiku tagħhom huwa bbażat fuq ir-relazzjoni ta’ interdipendenza mal-Gvern Russu.

60.      Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “influwenza”, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali kif ukoll tal-kriterju (g) emendat, għandu neċessarjament jiġi evalwat fid-dawl tas-settur ekonomiku li fih joperaw in-negozjanti kkonċernati, mingħajr madankollu ma jkun mitlub li dan is-settur ikollu importanza ekonomika partikolari għall-Gvern tal-Federazzjoni tar-Russja, u għalhekk għandu jinftiehem fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li joperaw fih, skont kriterji bħal dawk imsemmija fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

61.      Għalhekk, u b’analoġija ma’ dak li ġie deċiż fir-rigward tal-kriterju (g) inizjali, mill-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat jirriżulta li t-terminu “ewlenin” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-importanza li n-negozjant ikkonċernat għandu jkollu fis-settur ta’ attività tiegħu, indipendentement kemm mir-rabtiet li dan in-negozjant jista’ eventwalment ikollu mal-Gvern tal-Federazzjoni Russa kif ukoll mill-kwistjoni dwar jekk is-settur li fih huwa attiv jipprovdix sors sostanzjali ta’ dħul lil dan il-gvern.

62.      Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li t-terminu “ewlenin” għandu jiġi interpretat bl-istess mod fil-kuntest tal-ewwel parti tal-kriterju (g) inizjali u fil-kuntest tal-kriterju (g) emendat, peress li l-influwenza hija intiża għall-importanza tan-negozjanti fid-dawl ta’ kriterji bħalma huma l-istatus professjonali tagħhom jew il-funzjonijiet tagħhom, l-importanza tal-attività ekonomika tagħhom, l-estent tal-proprjetà kapitalistika tagħhom jew tal-investimenti tagħhom, il-funzjonijiet tagħhom fi ħdan l-impriża li fiha jeżerċitaw dawn il-funzjonijiet (40).

63.      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi kkonstatat żball ta’ liġi fuq dan il-punt, niddubita li G. Khan jista’ jikseb xi benefiċċju minnu fl-istadju tal-appell (41).

d)      Fuq l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali tal-kriterju (g) emendat

64.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda tirrispondi għall-argumenti żviluppati b’mod sussidjarju minn G. Khan (42), ser nillimita ruħi sabiex nirrileva dan li ġej.

65.      L-appellant għandu l-intenzjoni li jikkontesta l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tal-kriterju (g) emendat billi jirreferi għall-konklużjonijiet tagħha taħt il-ħames aggravju li, min-naħa tiegħu, huwa intiż li jikkontesta l-analiżi fl-ewwel istanza tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tal-kriterju (g) inizjali (43). Essenzjalment, G. Khan jikkontesta li l-Artikolu 215 TFUE, li jipprevedi l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu adottati miżuri li għandhom l-għan li jinterrompu jew inaqqsu r-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz, jista’ jipprovdi bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri mingħajr rabta suffiċjenti bejn il-persuni kkonċernati u l-pajjiż terz fil-mira tal-miżuri msemmija u mingħajr ma l-persuni fiżiċi jkunu suġġetti għal tali miżuri irrispettivament mill-imġiba personali tagħhom. Sabiex juri dan, huwa invoka b’mod partikolari s-sentenza Tay Za vs Il‑Kunsill (44).

66.      B’dan il-mod, nikkonstata li G. Khan jindirizza l-istess kritika bħal dik magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra l-legalità tal-kriterju (g) inizjali fil-kuntest tal-Kawża C‑111/24 P (45).

67.      Issa, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża (46) jirriżulta, essenzjalment, li, fir-rigward tal-miżuri li huwa jippermetti l-adozzjoni tagħhom, l-Artikolu 215(2) TFUE jeżiġi li tkun teżisti rabta oġġettiva bejn il-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi u l-pajjiż terz ikkonċernat sabiex l-imsemmija miżuri jkunu jistgħu jitqiesu li jistgħu jilħqu, b’mod mhux manifestament mhux xieraq, l-għan ta’ pressjoni li l-Unjoni tixtieq teżerċita fuq dan il-pajjiż (47).

68.      B’paragun, il-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-punt 70 tas-sentenza appellata, li tgħid li “l-Artikolu 215(2) TFUE jawtorizza lill-Kunsill jadotta, permezz ta’ att previst mill-Artikolu 288 TFUE, miżuri restrittivi kontra kwalunkwe ‘persuna fiżika jew ġuridika’, ‘entità mhux Statali’ jew kwalunkwe ‘grupp’ bil-kundizzjoni unika li deċiżjoni adottata konformement mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE tipprevedi tali miżuri” (48), ma hijiex nieqsa minn kull ambigwità peress li tagħti x’tifhem li ma hija meħtieġa ebda rabta.

69.      Issa, fir-rigward ta’ formulazzjoni ekwivalenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Qorti Ġenerali kienet f’dawn it-termini “essenzjalment fakkret, ġustament, li l-adozzjoni ta’ tali miżuri restrittivi hija possibbli biss jekk ikun hemm deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 29 TUE” (49), suġġetta għall-verifika ulterjuri mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet dwar l-eżistenza ta’ rabta.

70.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Qorti Ġenerali kienet enfasizzat li, “fir-rigward tal-kriterju (g) [inizjali], kienet teżisti rabta, tal-inqas indiretta, bejn in-negozjanti koperti minn dan il-kriterju u l-pajjiż terz ikkonċernat […] peress li l-imsemmi kriterju jkopri, fost oħrajn, kategorija ta’ persuni fiżiċi li għandhom attività f’ċerti setturi ekonomiċi li jikkostitwixxu, għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa, sors sostanzjali ta’ dħul li jippermettilu jkompli l-politika tiegħu ta’ destabbilizzazzjoni u ta’ aggressjoni tal-Ukraina” (50).

71.      Issa, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jidher li huwa nieqes mhux biss minn kull riferiment għar-rabta oġġettiva jew, tal-inqas, indiretta, meħtieġa bejn il-miżuri restrittivi u l-pajjiż ikkonċernat, iżda wkoll minn kull verifika dwar l-eżistenza tagħha f’dan il-każ.

72.      Din l-ommissjoni tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, żball ta’ liġi.

73.      Peress li dan l-iżball ta’ liġi jaffettwa l-parti tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali ddedikata għall-istħarriġ tal-legalità tal-kriterju (g) inizjali, dan jaffettwa, indirettament, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ bażi legali tal-kriterju (g) emendat, peress li dan il-punt kien jirreferi għal din il-parti.

74.      Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita li jekk mill-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fir-rigward ta’ motivi oħra tad-dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi (51). Għalhekk huwa importanti li jiġi vverifikat li r-rifjut tal-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali tal-kriterju (g) inizjali jidher li huwa bbażat fuq raġunijiet ta’ liġi għajr dawk ivverifikati mill-iżball li għadni kif identifikajt sabiex jiġi żgurat li r-rifjut tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali tal-kriterju (g) emendat jista’ jkun ibbażat fuq raġunijiet legali oħra.

75.      F’dan ir-rigward, għal darba oħra, l-eżitu għandu jinstab fis-sentenza Pumpyanskiy et vs IlKunsillperess li, f’din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li mill-kriterju (g) inizjali kien jirriżulta li l-Kunsill kien ifformula kriterju intiż għal persuni li għandhom rabta oġġettiva mal-pajjiż terz ikkonċernat (52) u li, mutatismutandis, tali konklużjoni tapplika għall-kriterju (g) emendat li fir-rigward tiegħu G. Khan jinvoka l-istess argumenti (53).

76.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja l-iżball ta’ liġi identifikat fil-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan ma jaffettwax il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 72 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-kriterju (g) inizjali. Għaldaqstant, huwa wkoll irrilevanti għall-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 86 tas-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda, din id-darba, l-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ bażi legali tal-kriterju (g) emendat minħabba rabta insuffiċjenti bejn il-persuni kkonċernati u l-pajjiż terz inkwistjoni.

B.      Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq żnaturament tal-provi u fuq ksur tal-kriterju (g) inizjali inkwantu l-Qorti Ġenerali qieset suffiċjentement stabbilita l-allegazzjoni li G. Khan kien attiv f’settur li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa

1.      Sunt tal-argumenti tal-partijiet

77.      L-appellant ifakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li huwa l-Kunsill li għandu jipproduċi l-prova li l-persuna inkluża tissodisfa l-kriterju li abbażi tiegħu l-Kunsill ipproċeda bl-inklużjoni u li tgħid li l-Kunsill ma jistax jibbaża ruħu fuq preżunzjoni jekk din ma tkunx prevista mil-leġiżlazzjoni rilevanti.

78.      Fir-rigward tal-inklużjoni skont il-kriterju (g) inizjali, G. Khan isostni li l-Kunsill kellu juri li kien attiv f’settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Il-kunċett ta’ “dħul sostanzjali” huwa kunċett relattiv li jeħtieġ analiżi tas-sorsi tal-baġit tal-Gvern Russu.

79.      Issa, fil-punti 189 u 190 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha, minn naħa, bl-affermazzjoni li Alfa Bank kienet tagħmel parti mill-ikbar erbgħa u għoxrin kontribwent fir-Russja fl‑2020 u, min-naħa l-oħra, bid-dikjarazzjoni li d-dħul annwali tas-settur bankarju fir-Russja fl‑2021 laħaq 2.3 triljun rubil Russu (RUB) (jiġifieri madwar 25.8 biljun euro).

80.      Dawn l-elementi ma humiex biżżejjed. G. Khan jallega li l-fatt li impriża hija kontribwent sinjifikattiv fir-Russja ma jippermettix li tinsilet ebda konklużjoni rilevanti dwar jekk il-kriterju (g) inizjali kienx issodisfatt peress li minn dan ma jistax jiġi konkluż li s-settur tal-attività, b’mod ġenerali, jipprovdi dħul sostanzjali lill-Gvern Russu. Il-kriterju (g) inizjali jirrikjedi li jintwera li settur ekonomiku jikkostitwixxi sors sostanzjali ta’ dħul għal dak il-gvern (54). Dan id-dħul għandu jitqies ukoll b’rabta mal-politika tat-taxxa tal-gvern Russu, ħaġa li l-Qorti Ġenerali ma jidhirx li għamlitha, minkejja li l-appellant kien argumenta quddiemha li l-gvern Russu jikseb dħul negliġibbli mit-taxxi diretti u indiretti ġġenerati mis-settur bankarju Russu (55). B’dan il-mod għalhekk dan affettwa l-motivazzjoni tas-sentenza. G. Khan jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tivverifika li l-allegat dħul iġġenerat mis-settur bankarju Russu kien jikkostitwixxi sors sostanzjali ta’ dħul għall-gvern Russu. Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li d-dħul tas-settur bankarju Russu huwa rilevanti sabiex jiġu stabbiliti li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-kriterju (g) inizjali kienu ssodisfatti, G. Khan jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli bbażat ruħha fuq provi mhux aġġornati sabiex tiġġustifika l-inklużjoni fl‑2023.

81.      Il-Kunsill jitlob li s-sitt aggravju li huwa jqis inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat jiġi miċħud.

2.      Evalwazzjoni

82.      Il-parti tas-sentenza appellata msemmija f’dan is-sitt aggravju hija dik iddedikata għall-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-fondatezza tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lil G. Khan adottati abbażi tal-kriterju (g) inizjali. B’mod iktar partikolari, G. Khan sostna, fir-rigward tal-atti ta’ Marzu 2023, li l-Kunsill ma kienx stabbilixxa li s-settur bankarju kien jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu (56).

83.      Min-naħa tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien ċar mill-motivi tal-atti ta’ Marzu 2023 li G. Khan kien attiv fis-settur bankarju, minħabba l-istatus tiegħu bħala azzjonist tal-konglomerat Alfa Group li jinkludi b’mod partikolari Alfa Bank (57). Filwaqt li rreferiet għall-punti 106 sa 108 tas-sentenza tagħha Khan vs Il‑Kunsill (58), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan is-settur kien jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul għall-Gvern Russu. Hija fakkret ukoll li preċedentement kienet iddeċidiet li Alfa Bank kienet waħda mill-ikbar kontribwenti tar-Russja (59). Il-Qorti Ġenerali mbagħad iddikjarat li l-importanza tas-settur bankarju fir-Russja kienet ikkonfermata mid-Dokument Nru 28 tat-tieni fajl ta’ provi, li jistabbilixxi d-dħul annwali ta’ dan is-settur mill‑2014 sal‑2021 u li juri li dan id-dħul kien laħaq, fl‑2021, RUB 2.3 triljun (jiġifieri madwar 25,8 biljun euro) (60). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali mbagħad ikkonkludiet li l-Kunsill kien ipprovda, konformement ma’ dak meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (61), sensiela ta’ indizji konkreti, preċiżi u konsistenti biżżejjed biex isostni l-fatt li G. Khan kien, fid-data tal-atti ta’ Marzu 2023, negozjant ewlieni li jopera f’settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-gvern Russu, skont it-tifsira tal-kriterju (g) inizjali (62).

a)      Fuq l-ammissibbiltà tas-sitt aggravju b’mod ġenerali u tal-ilment ibbażat fuq żnaturament b’mod partikolari

84.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ammissibbiltà tas-sitt motiv, jiena nqis, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, li G. Khan ma huwiex qiegħed ifittex li jikseb, quddiem il-Qorti, valutazzjoni ġdida tal-fatti, li tradizzjonalment hija l-kompetenza unika tal-Qorti Ġenerali (63). Tabilħaqq, l-argument tal-appellant żviluppat fil-kuntest tas-sitt aggravju jistieden lill-Qorti Ġenerali twettaq stħarriġ tal-klassifikazzjoni legali tal-fatti msemmija b’mod partikolari fil-motivi tal-atti tal‑2023 sabiex tiddetermina jekk il-kundizzjoni relatata mas-settur ekonomiku li dan jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu, skont it-tifsira tal-kriterju (g) inizjali, ġietx issodisfatta. Dan l-argument huwa intiż, essenzjalment, sabiex isostni li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex taċċetta li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq il-kwalità ta’ Alfa Bank bħala l-ikbar kontribwenti fir-Russja, flimkien mad-data dwar id-dħul annwali ġġenerat mis-settur bankarju, sabiex jistabbilixxi li G. Khan kien jopera f’settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu fis-sens tal-kriterju (g) inizjali. Konsegwentement, dan is-sitt aggravju jidher li huwa ammissibbli.

85.      It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq żnaturament tal-provi, nirrileva li l-uniku riferiment għal tali żnaturament jinstab fit-titolu tas-sitt aggravju, mingħajr ma G. Khan jagħmel argumenti speċifiċi. Issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja normalment teżiġi li, meta appellant jinvoka żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, ta’ fatti jew ta’ provi, huwa għandu jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati u juri l-iżbalji ta’ analiżi li wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (64). Peress li G. Khan ma laħaqx dan l-istandard, l-ilment ibbażat fuq żnaturament tal-provi jidher li huwa inammissibbli.

b)      Fuq il-mertu

1)      Fuq il-klassifikazzjoni ta’ Alfa Bank bħala l-ikbar kontribwenti tar-Russja u l-kundizzjoni dwar is-“settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa” fis-sens tal-kriterju (g) inizjali

86.      Essenzjalment, G. Khan jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli bbażat ruħha fuq il-kwalità ta’ Alfa Bank bħala l-ikbar kontribwenti Russu sabiex tqis li l-kundizzjoni dwar is-settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu, kif meħtieġa mill-kriterju (g) inizjali, kienet issodisfatta.

87.      Ma huwiex ikkontestat li s-settur rilevanti għal G. Khan huwa s-settur bankarju. Barra minn hekk, mill-motivi tal-atti ta’ Marzu 2023 (65) jista’ jiġi dedott li huwa fil-kwalità tiegħu bħala ex azzjonist tal-konglomerat Alfa Group, li jinkludi Alfa Bank, li G. Khan kien is-suġġett ta’ miżuri restrittivi skont il-kriterju (g) inizjali. Il-motivi jsemmu l-fatt li Alfa Bank hija “waħda mill-ikbar kontribwenti fir-Russja”.

88.      G. Khan isostni li l-fatt li Alfa Bank hija waħda mill-ikbar kontribwenti Russi ma jippermettix li s-settur bankarju nnifsu jiġi kklassifikat bħala settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.

89.      Madankollu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet li “huwa possibbli li jiġi kkunsidrat, f’ċerti ċirkustanzi, li settur ekonomiku ta’ Stat jikkostitwixxi sors sostanzjali ta’ dħul għall-gvern tiegħu meta jkun hemm sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li juru li waħda mill-iktar kumpanniji importanti f’dan is-settur diġà tipprovdi, waħedha, dħul sostanzjali lil dan il-gvern” (66).

90.      Għalhekk, għalkemm mill-formulazzjoni tal-kriterju (g) inizjali jirriżulta li, fil-prinċipju, huwa s-settur ekonomiku, u mhux persuna fiżika jew impriża partikolari, li għandu jikkostitwixxi sors ta’ dħul sostanzjali għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa (67), il-Kunsill huwa awtorizzat, f’ċerti ċirkustanzi, jiffoka fuq id-dħul sostanzjali pprovdut lill-Gvern Russu minn kumpannija waħda biss fost dawk l-iktar sinjifikattivi ta’ dan is-settur.

91.      Għaldaqstant, kienet il-Qorti Ġenerali li kellha tiżgura li l-Kunsill kien issostanzja l-inklużjoni ta’ G. Khan billi rrikorra għal sensiela ta’ indizji konkreti, preċiżi u konsistenti li jistabbilixxu li Alfa Bank kienet tipprovdi, waħedha, dħul sostanzjali lill-Gvern Russu sabiex ikun jista’ jitqies li, indirettament, is-settur ekonomiku li fih jopera G. Khan jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu u, għaldaqstant, li t-tieni kundizzjoni kumulattiva tal-kriterju (g) inizjali kienet issodisfatta (68).

92.      Kuntrarjament għal dak li jsostni G. Khan, tali sensiela ta’ provi ma teħtieġx prova kontabilistika, min-naħa tal-Kunsill, tan-natura sostanzjali tad-dħul ipprovdut minn Alfa Bank b’mod partikolari, jew mis-settur bankarju b’mod ġenerali, lill-Gvern Russu.

93.      Fi kwalunkwe każ, infakkar li mill-punt 189 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, wara li fakkret li Alfa Bank hija waħda mill-ikbar banek kummerċjali u privati Russi (69), ibbażat ruħha, sabiex tistabbilixxi n-natura sostanzjali tad-dħul ipprovdut minn Alfa Bank lill-imsemmi gvern, fuq il-klassifikazzjoni ta’ dan il-bank bħala “wieħed mill-ikbar kontribwenti” Russi, kif sostnut mid-Dokument Nru 2 tal-ewwel fajl ta’ provi. G. Khan ma jikkontestax din il-klassifikazzjoni.

94.      Huwa ċar minn dan id-dokument, li l-Qorti Ġenerali neċessarjament eżaminat (70), li hija l-awtorità tat-taxxa Russa nnifisha li tagħti dan l-istatus lil ċerti kontribwenti Russi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet u l-kriterji ddeterminati minnha (71). Dan l-istatus jidher li huwa riżervat għal kumpanniji li d-dħul annwali tagħhom huwa bejn RUB 10 u 35 biljun (jiġifieri bejn wieħed u ieħor bejn 112 u 394 miljun euro). Alfa Bank hija indikata, f’dan id-dokument, bħala li fl‑2020 kienet, fost l-ikbar kontribwenti Russi, jiġifieri bħala waħda mill-impriżi li kkontribwixxew l-ikbar kontribuzzjoni fiskali għall-baġit tal-Istat matul is-sena kkonċernata (72). Il-kontribuzzjoni konsegwenti (73) ta’ Alfa Bank għall-baġit Russu, mingħajr ma tiġi kkwantifikata, hija madankollu espliċitament invokata.

95.      Issa, għall-finijiet tal-kwalifika ta’ sors ta’ dħul bħala “sostanzjali”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-kunċett ikopri d-dħul kollu ġġenerat mis-settur ekonomiku kkonċernat, li jimplika li jitqiesu, fost affarijiet oħra, it-taxxi mħallsa minn kumpanniji li joperaw f’dan is-settur (74). Bħala l-ikbar bank kummerċjali u tan-negozju privat fir-Russja, Alfa Bank kien fuq nett fis-settur bankarju. Barra minn hekk, dan is-settur ta’ attività, tradizzjonalment deskritt bħala l-pedament ta’ kull ekonomija nazzjonali, huwa partikolarment strateġiku peress li, kif jingħad, “il-flus huma l-mutur tal-gwerra”.

96.      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li kien mingħajr ebda żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi li l-Kunsill kien ipproduċa sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konsistenti li jistabbilixxu li s-settur li fih kien jopera G. Khan kien jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.

2)      Fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali

97.      Sussegwentement, G. Khan jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma weġbitx għall-argumenti tiegħu bbażati fuq ir-rata ta’ tassazzjoni tas-settur bankarju, li Alfa Bank tagħmel parti minnu, li hija negliġibbli.

98.      Minbarra li l-argument tal-appellant huwa bbażat mill-ġdid fuq kunċett eċċessivament restrittiv tal-kunċett ta’ “dħul”, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali (75), għandu jitfakkar dan li ġej.

99.      Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, peress li l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jobbligax lil din tal-aħħar tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita iżda għandha dejjem tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħatx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (76).

100. Issa, mill-punt 189 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li r-rabta li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet bejn G. Khan u d-dħul sostanzjali pprovdut lill-Gvern Russu kienet ibbażata fuq il-pożizzjoni partikolari ta’ Alfa Bank, kif irrikonoxxuta mill-awtorità tat-taxxa Russa stess, murija mid-Dokument Nru 2 tal-ewwel fajl ta’ provi. Il-Qorti Ġenerali kienet obbligata tivverifika li s-settur ekonomiku li fih G. Khan kellu l-attivitajiet tiegħu jikkostitwixxi sors ta’ dħul sostanzjali għall-Gvern Russu, ħaġa li għaliha hija bbażat ruħha fuq il-klassifikazzjoni ta’ Alfa Bank bħala waħda mill-ikbar persuni taxxabbli fir-Russja, klassifikazzjoni li, intrinsikament, kienet tikkontradixxi l-argument ta’ G. Khan.

101. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li G. Khan tqiegħed f’pożizzjoni li jkun jaf ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħatx l-argumenti tiegħu. L-ilment ibbażat fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

3)      Fuq in-natura sostanzjali tad-dħul ipprovdut lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa mis-settur bankarju

102. Dan l-ilment huwa dirett kontra l-punt 190 tas-sentenza appellata li fih il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk is-settur bankarju fir-Russja setax jitqies li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.

103. Peress li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja (77) għandha tiddeċiedi li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punt 189 tas-sentenza appellata huwa nieqes minn kull żball ta’ liġi u li għalhekk seta’ jitqies li t-tieni kundizzjoni kumulattiva tal-kriterju (g) inizjali kienet issodisfatta fid-dawl tar-rwol u tal-pożizzjoni ta’ Alfa Bank fis-settur bankarju Russu kif muri mill-istatus tagħha ta’ kontribwenti kbira Russa, il-punt 190 tas-sentenza appellata jidher li jinkludi raġunament li sar biss għal finijiet ta’ kompletezza. Għaldaqstant, huwa biss sussidjarjament li ser neżamina dan l-ilment.

104. Għalhekk, fir-rigward tal-argument ta’ G. Khan li l-fatt li settur jiġġenera dħul ma jippermettix li jiġi stabbilit li dan is-settur jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu, peress li dan jiddependi mill-politika fiskali tal-imsemmi gvern, infakkar, minn naħa, li G. Khan ma jikkontestax li dan id-dħul jiġġenera taxxi u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “għalkemm huwa minnu li n-natura sostanzjali ta’ kwantità tista’ tiġi evalwata b’mod relattiv, jiġifieri fir-rigward ta’ kwantità ta’ referenza, tali natura tista’ tiġi evalwata wkoll b’mod assolut. Dan jista’ jkun il-każ ta’ dħul ipprovdut lill-gvern ta’ Stat minn settur tal-ekonomija tiegħu. Fil-fatt, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li settur ekonomiku jipprovdi lil tali gvern dħul fi kwantità sostanzjali, indipendentement mill-perċentwali li dan id-dħul jirrappreżenta meta mqabbel mad-dħul globali ta’ dan il-gvern” (78).

105. Barra minn hekk, infakkar li l-kunċett ta’ “dħul”, fis-sens tat-tieni kundizzjoni kumulattiva tal-kriterju (g) inizjali, jinkludi r-riżorsi finanzjarji kollha li s-settur ekonomiku kkonċernat jipprovdi lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa (79).

106. Issa, peress li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet, billi eżaminat id-Dokument Nru 28 tat-tieni fajl ta’ provi, li d-dħul annwali tas-settur bankarju Russu fl-2021 kien jammonta għal iktar minn RUB 2.3 triljun (jiġifieri madwar 25.8 biljun euro), hija, impliċitament iżda neċessarjament, stabbilixxiet korrelazzjoni bejn dan id-dħul annwali u d-dħul li jirriżulta minnu għall-Gvern Russu sabiex tikkonkludi b’mod leġittimu li dan is-settur kien jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa mingħajr ma kienet obbligata tqabbel dan id-dħul annwali mad-dħul globali ta’ dan il-gvern.

107. Għaldaqstant, dan l-ilment, jekk jiġi eżaminat, għandu jiġi miċħud.

4)      Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura mhux attwali tad-data dwar id-dħul annwali tas-settur bankarju

108. G. Khan isostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha li tiżgura ruħha li l-miżuri restrittivi li jikkonċernawh kienu bbażati fuq bażi fattwali suffiċjentement soda, billi bbażat l-analiżi tagħha fuq data antika, u għalhekk mhux attwali, li tinsab fid-Dokument Nru 28 tat-tieni fajl ta’ provi (80).

109. Nikkonstata li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, fis-sentenza appellata, fuq il-kwistjoni dwar jekk dan id-dokument kienx ratione temporis rilevanti sabiex isostni l-fatt li s-settur li fih kien jopera G. Khan kien jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu fis-sens tat-tieni kundizzjoni kumulattiva tal-kriterju (g) inizjali.

110. Dan is-silenzju huwa spjegat mill-fatt li G. Khan ma jidhirx li qajjem dan l-ilment quddiem il-Qorti Ġenerali (81).

111. Issa, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravju u argumenti li hija ma tkunx invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, dik il-parti tkun qiegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fejn jidħol appell hija limitata, tilwima iktar estiża minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat lill-motivi u lill-argumenti li jkunu ġew diskussi quddiem l-ewwel qrati (82).

112. Dan l-ilment għalhekk jidher li huwa inammissibbli.

113. Jidhirli li jista’ jitqies bħala tali mill-ġdid.

114. Fil-fatt, kif jirrileva l-Kunsill, peress li l-provi eżaminati mill-Qorti Ġenerali nkisbu b’mod regolari, li r-regoli u l-prinċipji ġenerali tad-dritt fil-qasam tal-oneru tal-prova kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura fil-qasam tal-produzzjoni tal-provi ġew osservati, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex, fil-prinċipju, kompetenti sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat insostenn tal-fatti li hija kkonstatat, li għandha esklużivament tevalwa l-valur tagħhom (83).

115. Issa, l-argument ta’ G. Khan ma jidentifika ebda regola u ebda prinċipju ta’ din in-natura li ġew miksura mill-Qorti Ġenerali fl-istħarriġ tad-Dokument Nru 28 tat-tieni fajl ta’ provi.

116. Fl-aħħar nett, kif diġà ntqal, G. Khan ma għamel ebda sforz sabiex juri l-allegat żnaturament invokat (84).

117. Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-natura inammissibbli tal-ilment ibbażat fuq in-natura mhux attwali tad-data dwar id-dħul annwali tas-settur bankarju kif muri mid-Dokument Nru 28 tat-tieni fajl ta’ provi.

118. Fi kwalunkwe każ, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tkompli bl-istħarriġ tad-Dokument Nru 28 tat-tieni fajl ta’ provi, għandu jiġi kkonstatat dan li ġej.

119. Dan id-dokument (85), silta minn sit fuq l-internet, deher li ġie ppubblikat f’Mejju 2022 u kkonsultat mill-Kunsill f’Novembru tal-istess sena sabiex isostni l-inklużjoni ta’ G. Khan fl-atti ta’ Marzu 2023. Dan jikkonsisti f’tabella statistika li turi l-evoluzzjoni tad-dħul annwali tas-settur bankarju fir-Russja, wara t-taxxa, mill‑2014 sal‑2021.

120. Hija minnha l-konstatazzjoni li d-data l-iktar reċenti ta’ din it-tabella tikkonċerna s-sena 2021.

121. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “l-Kunsill […] jista’ jieħu inkunsiderazzjoni, sabiex jevalwa jekk persuna tissodisfax kriterju ta’ inklużjoni […] informazzjoni jew provi relatati ma’ ċirkustanzi preċedenti għad-data ta’ adozzjoni tal-att li jimponi jew iżomm miżuri restrittivi, sa fejn din l-informazzjoni jew provi jsostnu l-motivi li jsostnu dan l-att u jikkontribwixxu sabiex jiġi stabbilit li, minkejja li għadda ż-żmien u fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha speċifiċi għal kull każ, il-persuna kkonċernata tissodisfa l-kriterju ta’ inklużjoni inkwistjoni […]. B’mod partikolari, ma jistax jiġi eskluż li tali informazzjoni u provi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita, fid-dawl tal-kriterju ta’ inklużjoni kkonċernat, kontinwità bejn, minn naħa, is-sitwazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni attwali tagħha” (86).

122. Għalhekk, kif diġà kelli l-okkażjoni nfakkar f’ċirkustanzi oħra, is-sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konsistenti li jippermettu li tiġi stabbilita rabta suffiċjenti bejn il-persuna fil-mira tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u r-reġim li kontrih tkun qiegħda tittieħed azzjoni li jista’ jipproduċi l-Kunsill tista’, ċertament, tkun ibbażata fuq provi antiki, li jippreċedu d-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ inklużjoni kemm‑il darba, fi kwalunkwe każ, tkun stabbilita wkoll kontinwità bejn dawn il-provi u s-sitwazzjoni dakinhar tal-inklużjoni (87).

123. Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiżgura kontinwità bejn il-fatti meqjusa sostnuti mid-Dokument Nru 28 tat-tieni fajl ta’ provi u s-sitwazzjoni ta’ G. Khan f’Marzu 2023.

124. Madankollu, għandu jitfakkar li l-eżami ta’ dan id-dokument twettaq mill-Qorti Ġenerali f’parti mir-raġunament iddedikat għall-verifika tat-tieni kundizzjoni kumulattiva tal-kriterju (g) inizjali. Għalhekk, kien il-Kunsill li kellu jistabbilixxi li s-settur bankarju kien jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul għall-Gvern Russu. Fir-rigward tal-kontribuzzjoni ta’ settur sħiħ għall-ekonomija nazzjonali, mifhuma b’mod wiesa’, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li l-provi li jikkonċernawh jaqgħu f’perijodu differenti, u itwal, minn dawk li jirrigwardaw iktar direttament il-persuna inkluża nnifisha.

125. Fi kwalunkwe każ, peress li s-sit tal-internet inkwistjoni ġie kkonsultat fl-2022, id-data dwar id-dħul annwali tas-settur bankarju Russu għas-sena finanzjarja 2022 ma kinitx disponibbli, peress li s-sena 2022 ma kinitx għaddiet. Għaldaqstant, mid-Dokument Nru 28 tat-tieni fajl ta’ provi jirriżulta li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq l-iktar ċifri rilevanti reċenti disponibbli sabiex isostni s-saħħa ekonomika tal-imsemmi settur u sabiex minn dan jiddeduċi l-kontribuzzjoni sostanzjali tiegħu għad-dħul tal-Gvern Russu fl-atti ta’ Marzu 2023. Inżid li l‑2022 kienet notevoli, kif jaf kulħadd, minħabba l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja u t-taqlib profond tal-ordni internazzjonali sussegwenti, b’tali mod li ċ-ċifri li jikkonċernaw is-sena 2022 ma humiex neċessarjament l-iktar rappreżentattivi tar-realtà tal-importanza tas-settur bankarju Russu f’dan il-perijodu ta’ tfixkil.

126. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud minħabba n-natura infondata tiegħu.

C.      Fuq l-għaxar aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żball ta’ liġi bbażat fuq ksur tal-kriterju (g) emendat

1.      Sunt tal-argumenti tal-partijiet

127. Essenzjalment, G. Khan isostni li kienet il-Qorti Ġenerali li kellha tiżgura li l-Kunsill kien ipproduċa l-prova, fil-mument tat-tiġdid f’Settembru 2023, f’Marzu 2024 u f’Settembru 2024, li huwa kien għadu negozjant ewlieni fis-sens tal-kriterju (g) emendat. L-allegazzjoni li G. Khan kien imexxi kumpanniji fir-Russja kienet ibbażata fuq provi li jmorru lura għall‑2022 u G. Khan isostni li l-Kunsill ma pproduċiex provi li jistabbilixxu l-perpetwazzjoni ta’ din l-allegazzjoni fit-tiġdid imsemmi iktar ’il fuq.

128. Fir-rigward tat-tiġdid ta’ Settembru 2023, il-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha fuq il-parteċipazzjoni ta’ G. Khan fil-kungress tal-Unjoni Russa ta’ Industrijalisti u Imprendituri f’Marzu 2023, li minnu l-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-appellant kien marbut ma’ Alfa Group, mingħajr ma żgurat li l-motiv ibbażat fuq il-fatt li huwa kompla jamministra assi bbażati fir-Russja kien stabbilit. Minkejja li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li din il-parteċipazzjoni hija suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza ta’ dan il-motiv, G. Khan isostni li, minn naħa, il-Qorti Ġenerali b’hekk issostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha stess għall-motivi tal-Kunsill u, min-naħa l-oħra, hija kisret il-kriterju (g) emendat billi interpretatu li huwa mmirat mhux biss lejn in-negozjanti iżda lejn kull persuna li żammet rabtiet ma’ kumpanniji fir-Russja.

129. Fir-rigward tat-tiġdid f’Marzu 2024 u f’Settembru 2024, G. Khan isostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika li l-allegazzjoni li l-appellant kompla jiġġestixxi l-assi kienet stabbilita.

130. Il-Kunsill isostni li l-għaxar aggravju huwa inammissibbli. Sussidjarjament, il-Kunsill jitlob li dan il-motiv jiġi kkonstatat bħala infondat.

2.      Tfakkiriet dwar l-evoluzzjoni tal-motivi li jikkonċernaw lil G. Khan u dwar is-sistema legali tal-atti ta’ żamma

131. F’dak li jirrigwarda l-atti ta’ Settembru 2023, infakkar li dawn huma l-ewwel atti bbażati fuq il-kriterju (g) emendat li ġew adottati kontra G. Khan.

132. Il-motivi ta’ dawn l-atti huma essenzjalment dawk tal-atti ta’ Marzu 2023 u, b’mod partikolari, il-fatt li G. Khan kompla jiġġestixxi l-assi ta’ żewġ kumpaniji (ABH Financial Limited u LetterOne) ibbażati fir-Russja msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dawn il-motivi (88). L-imsemmija motivi jiżvelaw ukoll l-indikazzjoni li G. Khan kien ipparteċipa fil-kungress tal-Unjoni Russa ta’ Industrijalisti u Imprendituri f’Marzu 2023.

133. Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali (89), il-motivi tal-atti ta’ Marzu 2024 huma identiċi għal dawk ta’ Settembru 2023.

134. Fir-rigward tal-atti ta’ Settembru 2024, dawn jirriproduċu l-essenza tal-motivi tal-atti ta’ Settembru 2023 u ta’ Marzu 2024, inkluż ir-riferiment għall-parteċipazzjoni ta’ G. Khan fil-Kungress tal-Unjoni Russa ta’ Industrijalisti u Imprendituri f’Marzu 2023. Jiżdiedu l-indikazzjonijiet li t-trasferiment tal-ishma ta’ G. Khan f’ABH Holdings lis-sieħeb kummerċjali tiegħu ġie ddikjarat null u bla effett mill-Bank Nazzjonali tal-Ukraina u li t-trasferiment tal-ishma tiegħu fil-grupp A1 jista’ jitqies bħala fittizju. Il-motivi tal-atti ta’ Settembru 2024 jagħmlu riferiment ukoll għall-fatt li G. Khan kien azzjonist tal-kumpannija ta’ investiment LetterOne, li huwa kompla jamministra l-assi ta’ Alfa Group ibbażati fir-Russja u li huwa azzjonist importanti ta’ Rosvokanal, deskritta bħala impriża tal-grupp Alfa u wieħed mill-operaturi privati prinċipali ta’ servizzi ta’ distribuzzjoni tal-ilma fir-Russja.

135. Fir-rigward tal-atti ta’ żamma, għandhom jitfakkru l-obbligi imposti fuq il-Kunsill fid-dawl u fil-mument tal-adozzjoni tagħhom.

136. Għalhekk, iż-żamma hija dejjem ippreċeduta minn fażi amministrattiva li tippermetti lill-persuna kkonċernata tesprimi l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-intenzjoni tal-Kunsill kif ukoll, jekk ikun il-każ, fid-dawl tar-raġunijiet ġodda, jew il-kriterji, li jsostnu ż-żamma. Għal raġunijiet stabbiliti, dawn l-atti jinvolvu l-verifika ta’ jekk, wara l-inklużjoni inizjali jew l-eżami mill-ġdid preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali nbidlitx b’tali mod li ma jkunx iktar possibbli li wieħed jasal għall-istess konklużjoni dwar jekk il-persuna kkonċernata għadhiex tissodisfa l-kriterju li fuqu kienet ibbażata l-inklużjoni tagħha (90). Il-validità tal-atti ta’ żamma hija għalhekk suġġetta għall-perpetwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali u legali li wasslu għall-adozzjoni tagħhom kif ukoll għall-ħtieġa taż-żamma tagħhom bil-ħsieb li jintlaħaq l-għan assoċjat magħhom (91). Meta jiżdiedu motivi ġodda, il-valutazzjoni tal-fondatezza tagħhom għandha titwettaq billi jiġu eżaminati, b’mod pjuttost konvenzjonali, il-provi u l-informazzjoni pprovduti mill-Kunsill li jissodisfaw l-oneru tal-prova li jaqa’ fuqu jekk jippreżenta sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konsistenti li jagħmluha possibbli li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna kkonċernata u s-sitwazzjonijiet miġġielda (92). Rabta bħal din issegwi, fil-prinċipju, mill-fatt li l-imsemmija persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti mill-kriterju tal-inklużjoni, sakemm il-legalità tal-imsemmi kriterju ma tkunx f’dubju.

137. Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi eskluż li l-Kunsill jista’ jieħu inkunsiderazzjoni, sabiex jevalwa jekk persuna tissodisfax kriterju ta’ inklużjoni, informazzjoni jew provi relatati ma’ ċirkustanzi preċedenti għad-data ta’ adozzjoni tal-att li jimponi jew iżomm miżuri restrittivi, sa fejn dawn l-informazzjoni jew provi jsostnu l-motivi li jsostnu dan l-att u jikkontribwixxu sabiex jiġi stabbilit li, minkejja li għadda ż-żmien u fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha speċifiċi għal kull każ, il-persuna kkonċernata tissodisfa l-kriterju ta’ inklużjoni inkwistjoni (93). B’mod partikolari, ma jistax jiġi eskluż li tali informazzjoni u provi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita, fid-dawl tal-kriterju ta’ inklużjoni kkonċernat, kontinwità bejn, minn naħa, is-sitwazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni attwali tagħha (94).

138. Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti ġurisprudenzjali li l-argument ta’ G. Khan issa għandu jiġi eżaminat.

3.      Evalwazzjoni

a)      Fuq l-atti ta’ Settembru 2023 u l-ilment ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill kienx ipproduċa l-prova li G. Khan kompla jamministra l-assi ta’ żewġ kumpanniji bbażati fir-Russja

139. Fil-punt 205 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv ibbażat fuq il-parteċipazzjoni ta’ G. Khan fil-Kungress tal-Unjoni Russa ta’ Industrijalisti u Imprendituri fl‑2023, kif sostnut mid-Dokument Nru 7 tat-tielet fajl ta’ provi. Dan id-dokument, li kien jelenka l-parteċipanti għall-imsemmi kungress, jistabbilixxi, skont l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, il-permanenza tar-rabta bejn G. Khan u Alfa Group anki wara li huwa kien biegħ l-ishma tiegħu f’ABH Financial Limited u “[kien] jikkorrabora l-kwalità tiegħu bħala negozjant ewlieni fis-sens tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat” (95).

140. G. Khan isostni li l-fatt li dokument jista’ jappoġġja r-rabta bejnu u Alfa Group ma jappoġġjax l-allegazzjoni li huwa kompla jiġġestixxi assi ta’ ABH Financial Limited u ta’ LetterOne (96). Fi kliem ieħor, l-argument tiegħu jitlaq mill-punt tal-kontestazzjoni tal-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali, li minnha jidher li l-Qorti Ġenerali ddeduċiet, minn fatt irrapportat f’dokument ta’ prova, fatt ieħor li jinsab fl-espożizzjoni tal-motivi.

141. Madankollu, bl-iskuża ta’ lment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jidhirli li G. Khan, fir-realtà, iqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx b’mod korrett l-istħarriġ li hija kellha twettaq f’sitwazzjoni ta’ atti ta’ żamma.

142. Għalhekk, l-argument tal-appellant żviluppat fil-kuntest ta’ dan l-għaxar motiv jista’ jwassal għal żewġ interpretazzjonijiet differenti.

143. Minn naħa, huwa possibbli li tingħata tweġiba għalih billi jiġi eżaminat biss mill-perspettiva tan-natura suffiċjentement motivata tas-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill kienx stabbilixxa li G. Khan kien negozjant ewlieni, fis-sens tal-kriterju (g) emendat, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023.

144. Min-naħa l-oħra, huwa wkoll possibbli li jiġi adottat qari kemxejn arrikkit ta’ dan l-aggravju peress li jista’ jitqies li l-appellant jikkritika, fir-realtà, lill-Qorti Ġenerali talli ma żguratx li l-motiv ibbażat fuq li huwa kompla jiġġestixxi l-assi ta’ żewġ kumpanniji bbażati fir-Russja kien sostnut.

145. Jidhirli li, tkun xi tkun it-triq magħżula sabiex tingħata tweġiba għal dan l-ilment, dan għandu jiġi miċħud.

1)      Fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stricto sensu

146. L-ammissibbiltà ta’ tali allegazzjoni ma tqajjimx diffikultà (97).

147. F’dak li jirrigwarda l-eżami tal-mertu tagħha, inqis li, anki jekk l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 205 tas-sentenza appellata hija, minn perspettiva fattwali, żbaljata sa fejn tiddeduċi minn prova n-natura sostnuta ta’ fatt ieħor li ma hijiex relatata miegħu, din ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

148. F’dan ir-rigward, infakkar li l-ġurisprudenza (98) teżiġi li l-motivazzjoni ta’ sentenza turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali u għandha dejjem tippermetti li l-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħatx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (99).

149. G. Khan tqiegħed f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-atti ta’ Settembru 2023 kienu suffiċjentement issostanzjati.

150. Mill-qari tal-punti 204 sa 206 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li l-fatt, sostnut mill-prova msemmija fil-punt 205 ta’ din is-sentenza, li G. Khan kien ipparteċipa fil-kungress tal-Unjoni Russa ta’ Industrijalisti f’Marzu 2023 “jikkonferma l-kontinwità tar-rabtiet tiegħu mal-konsorzju Alfa Group […] u jikkorrobora l-kwalità tiegħu bħala negozjant ewlieni” u li huwa żamm, anki wara l-allegat bejgħ tal-ishma tiegħu f’ABH Financial Limited, rabtiet ma’ Alfa Group fir-Russja. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali bbażat il-pożizzjoni tagħha fuq riferiment għall-konklużjoni bbażata fuq l-eżami tal-atti ta’ Marzu 2023 li skontha l-Kunsill kien ipproduċa sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konsistenti li jistgħu juru l-fatt li l-appellant kien, fid-data tal-atti ta’ Marzu 2023, negozjant ewlieni, fis-sens tal-kriterju (g) inizjali. Barra minn hekk, hija esprimiet ir-raġunijiet li għalihom kienet qieset li kienet teżisti ċerta kontinwità mal-kriterju (g) emendat (100).

151. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza appellata tidher li hija mmotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt, peress li l-kwistjoni tas-suffiċjenza tal-motivazzjoni għandha tiġi distinta minn dik tal-fondatezza tagħha.

2)      Fuq qari arrikkit tal-allegazzjoni tan-natura insuffiċjentement motivata tas-sentenza appellata

152. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tipproċedi b’qari arrikkit ta’ dan l-ilment, hija jkollha tistaqsi jekk, fir-rigward tal-atti ta’ Settembru 2023, il-Qorti Ġenerali żguratx ruħha, b’mod suffiċjenti fil-liġi, li G. Khan kien għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jaqa’ taħt il-kriterju (g) emendat.

153. Għal dan l-għan, irridu nerġgħu lura għall-atti ta’ Marzu 2023.

154. Mill-analiżi tal-fondatezza tal-inklużjoni ta’ G. Khan skont il-kriterju (g) inizjali, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-motivi tal-atti ta’ Marzu 2023 kinux ta’ natura li jistabbilixxu li G. Khan kien jissodisfa l-kriterju li abbażi tiegħu ġie inkluż. Filwaqt li kkonstatat li l-Kunsill kien biħsiebu jibbaża fuq funzjonijiet jew attivitajiet tal-passat, il-Qorti Ġenerali, abbażi tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 137 ta’ dawn il-konklużjonijiet, eżaminat jekk il-Kunsill kienx ippreżenta indizji partikolarment konvinċenti u konsistenti li jagħmluha raġonevoli li wieħed jemmen li G. Khan kien żamm rabtiet ma’ dawn il-kumpaniji anki wara l-allegat bejgħ tal-ishma tiegħu (101). Il-Qorti Ġenerali indikat li l-motiv ibbażat fuq li G. Khan kien kompla jiġġestixxi l-assi “huwa parti minn kuntest ta’ kontinwità fir-rigward tal-istatus tiegħu bħala azzjonist tal-imsemmija kumpanniji u huwa intiż li juri li l-istatus tiegħu bħala negozjant ewlieni jippersisti, peress li żamm rabtiet ma’ dawn il-kumpaniji” (102).

155. Il-Qorti Ġenerali eżaminat erba’ dokumenti li jsostnu dawn l-allegazzjonijiet fil-punt 178 tas-sentenza appellata, datati Settembru 2022 u Novembru 2022, u li jikkonsistu f’artikli tal-gazzetti ppubblikati online jew siltiet minn siti fuq l-internet. Dawn id-dokumenti juru l-fatt li G. Khan reġa’ mar jgħix ir-Russja u jiġġestixxi l-assi ta’ Alfa Group. Wara li eżaminat dawn id-dokumenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “l-fatt li diversi sorsi kredibbli jikkorroboraw din l-informazzjoni li [l-appellant] jiġġestixxi jew jissorvelja l-assi ta’ Alfa Group juri li baqa’ involut fil-konsorzju ta’ Alfa Group fir-Russja anki wara l-allegat bejgħ tal-ishma tiegħu, billi jimmaniġġja l-assi fir-Russja tal-imsemmi grupp” (103). Hija kkonkludiet li l-Kunsill kien ippreżenta indizji partikolarment konvinċenti u konsistenti li G. Khan kien żamm rabtiet ma’ Alfa Group minħabba l-ġestjoni tal-assi ta’ dak il-grupp (104).

156. G. Khan ma jidhirx li jikkontesta din il-konklużjoni (105).

157. Peress li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-fondatezza tal-atti ta’ Marzu 2023, il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet li r-riferiment, fil-motivi, għall-fatt li G. Khan kien kompla jiġġestixxi assi fir-Russja kien intiż sabiex jistabbilixxi li huwa kien żamm rabtiet ma’ Alfa Group, hija vverifikat li din ir-rabta kienet ser tkompli fir-rigward tal-motivi tal-atti ta’ Settembru 2023, li l-evalwazzjoni tal-fondatezza tagħhom hija konformi mal-evalwazzjoni mfakkra fil-punt 154 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Issa, dawn ir-rabtiet dehrulha li kienu sostnuti permezz tad-dokument il-ġdid eżaminat fil-punt 205 tas-sentenza appellata u li jirrigwarda, kif tfakkar iktar ’il fuq, il-parteċipazzjoni ta’ G. Khan fil-Kungress tal-Unjoni Russa ta’ Industrijalisti u Imprendituri f’Marzu 2023.

158. B’dan il-mod, inqis li l-Qorti Ġenerali żgurat ruħha, kif kellha tagħmel (106), dwar il-perpetwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li wasslu għall-inklużjoni ta’ G. Khan.

159. Għaldaqstant, l-argument ta’ G. Khan ma jistax jintlaqa’.

b)      Fuq l-atti ta’ Marzu 2024 u l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tiżgura li l-motiv li jgħid li G. Khan kompla jiġġestixxi assi fir-Russja kien sostnut minn provi

1)      Fuq l-ammissibbiltà

160. G. Khan jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma żguratx li ċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li wasslu għaż-żamma tal-miżuri adottati kontrih baqgħu jippersistu, u tali ommissjoni tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħu, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Tali kritika taqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell (107) b’tali mod li dan l-ilment jidher ammissibbli.

2)      Fuq il-mertu

161. Il-Qorti Ġenerali eżaminat il-fondatezza tal-atti ta’ Marzu 2024 b’mod konġunt ma’ dik tal-atti ta’ Settembru 2023. Fil-fatt, hija kkonstatat li, “peress li r-raġunijiet għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi baqgħu l-istess, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-atti ta’ Settembru 2023 u, min-naħa l-oħra, l-atti ta’ Marzu 2024, peress li l-verifika tal-informazzjoni allegata fl-espożizzjoni tal-motivi kif ukoll fil-provi [...] tirrigwarda, essenzjalment, l-istess ċirkustanzi fattwali” (108) .

162. Formalment, is-sentenza appellata spjegat ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali kienet ser twettaq eżami konġunt tal-atti ta’ Settembru 2023 u ta’ Marzu 2024. Peress li l-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni hija distinta minn dik tal-eżistenza tagħha jew tan-natura suffiċjenti tagħha, din il-konstatazzjoni tidher suffiċjenti sabiex dan l-ilment jiġi miċħud.

163. Madankollu, hawnhekk ukoll, huwa possibbli li l-argument ta’ G. Khan jiġi interpretat fis-sens li jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma żguratx ruħha mill-validità taż-żamma permezz tal-atti ta’ Marzu 2024 fir-rigward tal-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li wasslu għall-adozzjoni tagħhom (109).

164. F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-prossimità ratione temporis bejn l-atti ta’ Settembru 2023 u dawk ta’ Marzu 2024, jiena tal-fehma li l-istess konklużjonijiet misluta mill-analiżi tal-fatti u tal-provi għall-atti ta’ Settembru 2023 setgħu japplikaw għall-atti ta’ Marzu 2024, peress li G. Khan kellu l-okkażjoni jesprimi ruħu qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2024 (110) u għalhekk kien f’pożizzjoni li jsostni kull bidla rilevanti fis-sitwazzjoni tiegħu li tista’ tqiegħed f’dubju ż-żamma tiegħu. Nikkonstata, f’dan ir-rigward, li għalkemm, fil-kuntest tal-argument tiegħu ddedikat għal dan l-ilment, G. Khan jikkontesta l-ġestjoni tal-kumpanniji fir-Russja, huwa ma weriex li ma għadx għandu rabtiet magħhom.

165. Dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

c)      Fuq l-atti ta’ Settembru 2024 u l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika li l-motiv li jgħid li G. Khan kompla jiġġestixxi l-assi ta’ Alfa Group kien sostnut minn provi

1)      Fuq l-ammissibbiltà

166. G. Khan jikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli ma żguratx, kif kellha tagħmel, li ż-żamma tal-inklużjoni tiegħu f’dawn l-atti ta’ Settembru 2024, skont l-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat, kienet ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement attwali u soda. B’mod iktar preċiż, billi ma vverifikatx li huwa seta’ dejjem jitqies bħala amministratur tal-assi ta’ Alfa Group fir-Russja fid-data tal-imsemmija atti, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha. Għaldaqstant, dan l-ilment jidher ammissibbli.

2)      Fuq il-mertu

167. Għalkemm ammissibbli, ma jidhirlix li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għal dan l-ilment fuq il-mertu, peress li l-argument ta’ G. Khan żviluppat fir-rigward tal-atti ta’ Settembru 2024 jidher li huwa ineffettiv.

168. Fil-fatt, G. Khan jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma vverifikatx li l-Kunsill kien ipproduċa l-prova li huwa kien kompla jiġġestixxi l-assi ta’ Alfa Group ibbażati fir-Russja fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2024.

169. Issa, minkejja li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħmel dan, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali vverifikat li motivi oħra msemmija fl-atti ta’ Settembru 2024 kienu suffiċjentement issostanzjati sabiex isostnu ż-żamma tal-inklużjoni ta’ G. Khan abbażi tal-kriterju (g) emendat f’din id-data.

170. Fil-fatt, mill-punt 217 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-allegazzjoni li G. Khan kompla jiġġestixxi l-attiv ta’ Alfa Group “fl-ewwel lok”.

171. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali eżaminat, “fit-tieni lok”, l-allegazzjoni li G. Khan kien azzjonist importanti ta’ Rosvodokanal u vverifikat jekk din il-parti tal-motivi tal-atti ta’ Settembru 2024, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tirrigwarda l-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, kinitx suffiċjentement issostanzjata (111).

172. Wara li kkonstatat li mis-seba’ fajl ta’ provi kien jirriżulta li G. Khan kellu 27.58 % ta’ din il-kumpannija, li hija l-ikbar operatur privat ta’ sistemi ta’ purifikazzjoni u ta’ provvista tal-ilma fir-Russja, li l-importanza u d-dinamiżmu ekonomiku tagħha wkoll kienu sostnuti mill-provi ta’ dan il-proċess, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kunsill kien ipproduċa “sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konsistenti li jistgħu juru l-fatt li r-rikorrent kien, fid-data tal-atti ta’ Settembru 2024, negozjant ewlieni li jeżerċita attivitajiet fir-Russja fis-sens tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat” (112).

173. G. Khan ma jikkontestax, fl-istadju tal-appell, din il-konklużjoni.

174. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni tal-Unjoni li tadotta miżuri restrittivi, fid-dawl tan-natura preventiva tagħhom, jekk il-qorti tal-Unjoni tqis li, tal-inqas, wieħed mill-motivi msemmija huwa suffiċjentement preċiż u konkret, li huwa sostnut u li jikkostitwixxi fih innifsu bażi suffiċjenti sabiex isostni din id-deċiżjoni, il-fatt li dan ma jkunx il-każ għal motivi oħrajn ma jistax jiġġustifika l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni (113).

175. Konsegwentement, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-atti ta’ Settembru 2024 kienu jistabbilixxu b’mod suffiċjenti fid-dritt li G. Khan kien jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet meħtieġa mill-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat (114) fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq il-kwalità tiegħu ta’ azzjonist importanti ta’ Rosvodokanal, G. Khan ma jikseb ebda benefiċċju fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fl-eżami tal-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-appellant kompla jiġġestixxi l-assi ta’ Alfa Group ibbażati fir-Russja.

176. Peress li l-ilment ibbażat fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni fl-okkażjoni tal-eżami tagħha ta’ dan il-motiv huwa dirett kontra motivi superfluwi tas-sentenza appellata, dan ma jistax iwassal għall-annullament tiegħu u għalhekk għandu jiġi deċiż bħala ineffettiv (115).

4.      Konklużjoni fuq l-għaxar aggravju

177. Fi tmiem l-analiżi li għadni kif temmejt, huwa l-għaxar aggravju kollu kemm hu li għandu jiġi miċħud.

IV.    Konklużjoni

178. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad is-sitt, is-seba’ u l-għaxar aggravji ta’ dan l-appell.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026 (C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill”, EU:C:2026:245).


3      Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2025, Khan vs Il‑Kunsill (T‑289/23, EU:T:2025:560, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).


4      Ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet għal referenzi għall-atti hekk indikati.


5      Għar-referenzi għall-atti li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni ta’ G. Khan skont il-kriterju (g) emendat (jiġifieri l-atti ta’ Settembru 2023, Marzu 2024 u Settembru 2024), ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


6      Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


7      Deċiżjoni tal-Kunsill (CFSP) 2023/572 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 134).


8      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/571 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddul-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 1).


9      Deċiżjoni tal-Kunsill (CFSP) 2023/1767 tat‑13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226 I, p. 104).


10      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat‑13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 3).


11      Deċiżjoni tal-Kunsill (CFSP) 2024/847 tat‑12 ta’ Marzu 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2024/847, rettifika fil-ĠU L, 2026/90505).


12      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/849 tat‑12 ta’ Marzu 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2024/849, rettifika fil-ĠU L, 2026/90506).


13      Deċiżjoni tal-Kunsill (CFSP) 2024/2456 tat‑12 ta’ Settembru 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2024/2456, rettifika fil-ĠU L, 2025/90125).


14      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2455 tat‑12 ta’ Settembru 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2024/2455, rettifika fil-ĠU L, 2025/90123).


15      Ara s-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill.


16      Deċiżjoni tal-Kunsill tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16).


17      Deċiżjoni tal-Kunsill tal‑25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 50, p. 1).


18      Dak li se jsir riferiment għalih, għall-kumplament tal-analiżi, bħala l-“kriterju (g) inizjali”, kien ifformulat kif ġej:


      “Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:


      […]


(g)      negozjanti ewlenin jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna […] għandhom jiġu ffriżati”.


19      Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1089 tal‑5 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023 L 146, p. 1) emenda r-Regolament Nru 269/2014 b’mod simili. Għall-kumplament tal-analiżi, ser nirreferi għal dan bħala l-“kriterju (g) emendat”.


20      Dwar id-diviżjoni tal-kriterju (g) emendat fi tliet partijiet distinti, ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21      Peress li din ir-raġuni hija introdotta bil-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew”.


22      Għalkemm l-interpretazzjoni ta’ din it-tielet parti ma hijiex diskussa fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju, għandi dubji dwar il-valur miżjud tagħha. Fil-fatt, interpretata letteralment, l-assenza tal-aġġettiv “ewlenin” twassal sabiex wieħed jemmen li din it-tielet parti għandha tinqara fis-sens li n-negozjanti kollha li joperaw fir-Russja f’settur li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu jistgħu jkunu suġġetti għal miżuri restrittivi. Jekk din it-tielet parti kellha, għall-kuntrarju, tinqara fid-dawl tal-premessa 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1094 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 146, p. 20), li minnha jirriżulta li din tirrigwarda, fir-realtà, lin-negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja f’settur li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu, mela din tidher superfluwa, peress li din il-kategorija diġà hija koperta mill-formulazzjoni wiesgħa tal-ewwel parti.


23      G. Khan jiċċita hawnhekk is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2024, Rashevsky vs Il‑Kunsill (T‑309/22 u T‑739/22, EU:T:2024:455, punt 82).


24      Ara s-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 173 u 174).


25      Sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 175).


26      Ara s-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 176).


27      Sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 177).


28      Sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 178).


29      Ara s-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 181).


30      Ara s-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 184).


31      Ara s-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 179).


32      Sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 180).


33      Ara s-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Huwa biss fil-kuntest tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat li hija meħtieġa rabta bejn in-negozjant, li ma għadux speċifikat b’mod espliċitu li għandu jkun ewlieni, u settur li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.


35      Kif diġà ġie rrilevat mill-Avukata Ġenerali Medina (ara l-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Pumpyanskiy vs Il‑Kunsill (C‑696/23 P, EU:C:2025:409, punt 31).


36      F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina fil-kawża Pumpyanskiy vs Il‑Kunsill (C‑696/23 P, EU:C:2025:409, punt 32).


37      Kif tradizzjonalment rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja: ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2026, Belaruskali et vs Il‑Kunsill (C‑816/24 P sa C‑818/24 P, EU:C:2026:500, punti 158 u 159 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


38      Għalhekk, “[i]l-Kunsill iqis, fid-dawl ta’ din ir-relazzjoni ta’ interdipendenza bejn negozjanti ewlenin u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li l-kriterji ta’ deżinjazzjoni jenħtieġ li jkopru negozjanti ewlenin li joperaw fi kwalunkwe settur ekonomiku tar-Russja” (ara l-premessa 4 tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/1094).


39      Ara s-sentenza Pumpyanskiy et vs IlKunsill (punti 117 sa 121).


40      Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ma’ din il-lista kull kriterju ekonomiku ieħor: ara Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punt 178).


41      Fil-fatt, infakkar li l-parti tas-sentenza appellata fil-kuntest ta’ dan l-aggravju tirrigwarda l-analiżi, mill-Qorti Ġenerali, tal-allegata illegalità tal-kriterju (g) emendat minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Issa, l-argument kollu ta’ G. Khan huwa intiż li juri żball fl-interpretazzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat. Madankollu, anki kieku l-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat kellha tiġi interpretata b’mod differenti mill-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, dan ma jfissirx neċessarjament li l-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju taċ-ċertezza legali kif imfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fil-kawża Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punt 188 u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li ma jistax jingħad li l-prinċipju taċ-ċertezza legali jiġi ppreġudikat għas-sempliċi raġuni li l-qorti tal-Unjoni jkollha tirrikorri għal metodi ta’ interpretazzjoni differenti mill-interpretazzjoni letterali ta’ regola ta’ portata ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punt 189)).


42      Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Ara l-punti 66 sa 72 tas-sentenza appellata.


44      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2012 (C‑376/10 P, EU:C:2012:138).


45      Ara s-sentenza f’Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 265 et seq.).


46      Jiġifieri s-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill.


47      Ara s-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 273 u 274).


48      Enfasi miżjuda minni.


49      Sentenza Pumpyanskiy et vs IlKunsill (punti 275).


50      Sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punt 276). Enfasi miżjuda minni.


51      Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2025, Glonatech vs REA (C‑114/24 P, EU:C:2025:520, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punt 210 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      Sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 289 sa 292).


53      Peress li d-differenza fir-redazzjoni bejn il-kriterju (g) inizjali u l-kriterju (g) emendat ma hijiex ta’ natura li tbiddel din il-konklużjoni u li għalhekk, fil-fehma tiegħi, huma t-tliet partijiet tal-kriterju (g) emendat li għandhom tali rabta, kif meħtieġ mill-Artikolu 215(2) TFUE.


54      L-appellant jiċċita hawnhekk is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2023, Mazepin vs IlKunsill (T‑282/22, EU:T:2023:701, punt 80).


55      L-appellant hawnhekk jibbaża ruħu rispettivament fuq il-punti 155 et seq. tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali u fuq il-punti 124 et seq. tar-replika tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali.


56      Ara l-punt 166 tas-sentenza appellata.


57      Ara l-punt 189 tas-sentenza appellata.


58      Sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2023 (T‑333/22, EU:T:2023:758).


59      Ara l-punt 189 tas-sentenza appellata, li jsemmi l-prova Nru 2 tal-ewwel fajl ta’ provi kif ukoll fil-punt 97 tas-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2023, Khan vs IlKunsill (T‑333/22, EU:T:2023:758).


60      Ara l-punt 190 tas-sentenza appellata.


61      Imfakkra fil-punti 157 et seq. tas-sentenza appellata.


62      Ara l-punt 190 tas-sentenza appellata.


63      Ara, fost il-ħafna ġurisprudenza, is-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punt 158 u l-ġurisprudenza msemmija fih).


64      Ara, fost il-ħafna ġurisprudenza, is-sentenzi Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punt 378 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas‑7 ta’ Mejju 2026, Makhlouf vs Il‑Kunsill (C‑635/24 P, EU:C:2026:377, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).


65      Riprodotti fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66      Sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 382). Enfasi miżjuda minni.


67      Ara wkoll il-punt 80 tas-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2023, Mazepin vs Il‑Kunsill (T‑282/22, EU:T:2023:701), iċċitata minn G. Khan fil-punt 38 tar-rikors fl-appell.


68      Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


69      Dan jirriżulta mill-punt 106 tas-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2023, Khan vs Il‑Kunsill (T‑333/22, EU:T:2023:758), li għalih jirreferi l-punt 189 tas-sentenza appellata.


70      Kif jirriżulta espressament mill-punt 189 tas-sentenza appellata.


71      Ara s-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 379).


72      Bl-Ingliż fit-test: “The table shows a list of Russia’s largest taxpayers who made the largest tax contribution to the country’s budget over the past year”: ara d-dokument intitolat “Evidence 2” tal-Anness A3 tar-rikors fil-kawża T‑289/23 li jirriproduċi d-Dokument Nru 2 tal-ewwel fajl ta’ provi.


73      Mhux negliġibbli jew sinjifikattiva: ara s-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punt 135).


74      Ara s-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 356). Ara wkoll il-punt 140 ta’ din is-sentenza.


75      Ara l-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


76      Ara, fost il-ħafna ġurisprudenza, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2025, Stadtwerke Hameln Weserbergland vs Il‑Kummissjoni (C‑466/23 P, EU:C:2025:480, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


77      Ara l-punt 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


78      Ara s-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 138).


79      Ara s-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punti 140).


80      Mir-rikors fl-appell jirriżulta li għalkemm l-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ natura attwali tal-provi tidher qabelxejn li hija ġenerali, G. Khan sussegwentement jirreferi biss għad-data dwar id-dħul annwali tas-settur bankarju. Għalhekk, ninterpreta dan l-ilment sa fejn jirrigwarda biss il-kontestazzjoni tan-natura suffiċjentement attwali tad-Dokument Nru 28 tat-tieni fajl ta’ provi.


81      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, G. Khan illimita ruħu li jsostni li d-Dokument Nru 28 kien “mingħajr rilevanza għas-suġġett” (ara l-punt 146 tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali).


82      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ April 2026, Colombani vs SEAE (Fastidju passiv jew kollettiv) (C‑343/23 P, EU:C:2026:294, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).


83      Ara d-digriet tat‑3 ta’ Frar 2009, Giannini vs Il‑Kummissjoni (C‑231/08 P, EU:C:2009:50, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).


84      Ara l-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


85      Riprodott fil-paġni 111 u 112 tal-parti 2 tal-annessi tar-rikors ta’ G. Khan quddiem il-Qorti Ġenerali.


86      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, Shuvalov vs Il‑Kunsill (C‑271/24 P, EU:C:2025:180, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


87      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi konġunti Il‑Latvja vs Aven u Fridman (C‑440/24 P u C‑441/24 P, EU:C:2025:854, punt 114).


88      Jiġifieri ABH Financial Limited, u, permezz tagħha, Alfa Bank kif ukoll LetterOne.


89      Ara l-punt 196 tas-sentenza appellata.


90      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, PKK vs Il‑Kunsill (C‑72/23 P, EU:C:2000:182, punt 106).


91      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, Boshab vs Il‑Kunsill (C‑708/21 P, EU:C:2023:84, punt 56). Ara wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali mfakkra fil-punt 162 tas-sentenza appellata.


92      Ara l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 159 tas-sentenza appellata, li toriġina minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2026, NSD vs IlKunsill (C‑801/24 P, EU:C:2026:472, punt 89)).


93      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, Shuvalov vs Il‑Kunsill (C‑271/24 P, EU:C:2025:180, punt 40).


94      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, Shuvalov vs Il‑Kunsill (C‑271/24 P, EU:C:2025:180, punt 40).


95      Ara wkoll il-punt 206 tas-sentenza appellata.


96      Ara l-punt 66 tal-appell.


97      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sigma Alimentos Exterior vs Il‑Kummissjoni, (C‑50/19 P, EU:C:2021:792, punti 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


98      Kif imfakkar fil-punt 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


99      Ara, fost il-ħafna ġurisprudenza, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2025, Stadtwerke Hameln Weserbergland vs Il‑Kummissjoni (C‑466/23 P, EU:C:2025:480, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


100      Ara l-punt 204 tas-sentenza appellata.


101      Ara l-punt 176 tas-sentenza appellata.


102      Ara l-punt 177 tas-sentenza appellata.


103      Punt 179 tas-sentenza appellata.


104      Ara l-punt 180 tas-sentenza appellata. Ara wkoll il-punt 191 ta’ dik is-sentenza.


105      Fil-kuntest tad-disa’ aggravju ta’ dan l-appell, l-appellant donnu jikkontesta biss il-punt 177 tas-sentenza appellata.


106      Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 136 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


107      Ara s-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punt 392 u l-ġurisprudenza ċċitata).


108      Punt 196 tas-sentenza appellata.


109      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2026, NSD vs Il‑Kunsill (C‑801/24 P, EU:C:2025:472, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).


110      Kif jirriżulta mill-punti 26 et seq. tas-sentenza appellata.


111      Ara l-punti 223 et seq. tas-sentenza appellata.


112      Ara l-punt 228 tas-sentenza appellata. Ara wkoll il-punt 226 ta’ din is-sentenza.


113      Ara s-sentenza Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punt 430 u l-ġurisprudenza msemmija). Ara wkoll il-punt 192 tas-sentenza appellata.


114      Kif imfakkra fil-punt 227 tas-sentenza appellata.


115      Ara, f’dan is-sens, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (punt 240).