|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2553 |
18.11.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2553
tad-9 ta’ Novembru 2026
dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar emenda tal-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE (EMIR CCP)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’, fost l-oħrajn, jemenda l-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2019/2099 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jenħtieġ li jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE. |
|
(4) |
L-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE għalhekk jenħtieġ jiġi emendat kif xieraq. |
|
(5) |
Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Anness IX (Servizzi finanzjarji) għall-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
S. HARRIS
(1) ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1994/2894/oj.
(2) ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1994/1/oj.
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/2099 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi (ĠU L 322, 12.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2099/oj).
ABBOZZ
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …/…
ta’ …
li temenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2019/2099 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE. |
|
(2) |
Il-qafas tal-kontropartijiet ċentrali (CCPs) ta’ pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistabbilixxi mekkaniżmu li bih l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ekwivalenza mill-Kummissjoni Ewropea, tingħata s-setgħa li tirrikonoxxi CCPs ta’ pajjiż terz biex tali CCPs ikunu jistgħu jipprovdu servizzi lil entitajiet tal-Unjoni. Wara r-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiż terz, l-ESMA tibqa’ responsabbli biex tiżgura l-konformità kontinwa ta’ dawk is-CCPs ta’ pajjiżi terzi mar-rekwiżiti tal-Unjoni. Fost affarijiet oħra, l-ESMA għandha s-setgħa li timmonitorja l-oqfsa regolatorji ta’ pajjiżi terzi, twettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post, u timponi multi u penali. B’dan il-qafas inkorporat fil-Ftehim ŻEE, CCP ta’ pajjiż terz ma tistax tiġi stabbilita fi Stat tal-EFTA b’mod awtomatiku. Madankollu, CCP ta’ pajjiż terz jista’ jkollha art jew bini tan-negozju li jkun jinsab fi Stat tal-EFTA jew li testernalizza ċerti servizzi jew attivitajiet lil parti terza stabbilita fi Stat tal-EFTA. Irrispettivament minn fejn tkun tali art, bini tan-negozju, jew partijiet terzi, huwa importanti għall-integrità u l-konsistenza tal-qafas tas-CCP ta’ pajjiż terz skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 li l-awtorità tal-ESMA ma tiġix imminata anke meta l-oġġett tal-attivitajiet jew tad-dmirijiet tagħha jinvolvi entità stabbilita fi Stat tal-EFTA. Sabiex iżżomm l-awtorità tal-ESMA fir-rigward ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi, filwaqt li tirrispetta wkoll l-approċċ ibbilanċjat stabbilit fil-Ftehim ŻEE, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jenħtieġ li twettaq biss id-dmirijiet u l-attivitajiet tagħha fl-Istati tal-EFTA f’kooperazzjoni sħiħa mal-ESMA. Kwalunkwe deċiżjoni li jenħtieġ tittieħed fir-rigward ta’ dan il-qafas meta l-oġġett ikun entità stabbilita jew li tinsab fi Stat tal-EFTA jenħtieġ li tittieħed mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA abbażi ta’ abbozz ta’ deċiżjoni tal-ESMA. |
|
(3) |
Jenħtieġ għalhekk, li l-Anness IX tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat kif xieraq, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-punt 31bc (ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness IX tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jiġi emendat kif ġej:
|
(1) |
Jiżdied l-inċiż li ġej:
|
|
(2) |
It-test tal-adattament (d) huwa sostitwit b’dan li ġej: “Id-deċiżjonijiet, id-deċiżjonijiet interim, in-notifiki, is-sempliċi talbiet, ir-revoki ta’ deċiżjonijiet, valutazzjonijiet tar-riskju u miżuri oħra mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA skont l-Artikoli 25f(1), 25h(4), 25k(1a), 49, 56(2), 58(1), 61(1), 62(3), 63(4), 64(5), 65(1), 66(1), 71 u 73(1), mingħajr dewmien bla bżonn, għandhom jiġu adottati fuq il-bażi ta’ abbozzi mħejjija mill-ESMA fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.” |
|
(3) |
It-test tal-adattament (j) huwa sostitwit b’dan li ġej: “Fl-Artikoli 18, 24a u 25, ir-referenzi għall-muniti tal-Unjoni għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-muniti uffiċjali tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE.” |
|
(4) |
L-adattamenti li ġejjin jiżdiedu wara l-adattament (j):
|
Artikolu 2
It-test tar-Regolament (UE) 2019/2099 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġi ppubblikat fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.
Artikolu 3
Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi …, dment li jsiru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (2).
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.
Magħmul fi …, ….
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President
Is-Segretarji
Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
(1) ĠU L 322, 12.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2099/oj.
(2) [L-ebda rekwiżit kostituzzjonali mhu indikat.] [Rekwiżiti kostituzzjonali indikati.]
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2553/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)