|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/259 |
11.2.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/259
tal-10 ta’ Frar 2025
li jemenda l-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tal-entrata għall-Ġappun fil-listi tal-pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni tal-kunsinni tal-laħam frisk tal-ungulati
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 230(1) u 232(1) tiegħu.
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li biex jidħlu fl-Unjoni, il-kunsinni tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali jridu jkunu ġejjin minn pajjiż terz jew territorju, jew minn żona jew kompartiment tiegħu, elenkati f’konformità mal-Artikolu 230(1) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li l-konsenji ta’ ċerti speċijiet u kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali, li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jew territorji, jew minn żoni tagħhom, jew minn kompartimenti tagħhom fil-każ tal-annimali tal-akkwakultura, iridu jkunu konformi magħhom sabiex jidħlu fl-Unjoni. |
|
(3) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (3) jistabbilixxi l-listi tal-pajjiżi terzi, jew territorji, jew żoni tagħhom, li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. Dawk il-listi u ċerti regoli ġenerali li jikkonċernaw dawk il-listi huma stabbiliti fl-Annessi II sa XXII, u fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, rispettivament. |
|
(4) |
L-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxi l-listi tal-pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa awtorizzat id-dħul fl-Unjoni tal-kunsinni tal-laħam frisk tal-ungulati, inkluż tal-annimali bovini. F’konformità mal-Artikolu 2(43) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692, id-definizzjoni tal-laħam frisk tinkludi l-ġewwieni. L-istandards internazzjonali, bħall-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri (4) tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH, World Organisation for Animal Health) ma jqisux il-ġewwieni bħala komodità sikura fil-każ ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda (LSD, Lumpy Skin Disease). Barra minn hekk, l-Anness VII tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (5) jipprevedi t-trattament ta’ mitigazzjoni tar-riskji għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali miż-żona ristretta u għal-laħam, fil-każ ta’ tifqigħa tal-LSD, għat-tneħħija tal-ġewwieni. |
|
(5) |
Il-Ġappun għarraf lill-Kummissjoni dwar it-tifqigħat ikkonfermati tal-LSD fl-annimali bovini fit-territorju tiegħu. Għaldaqstant, jenħtieġ li tiddaħħal il-kundizzjoni speċifika “Mingħajr ġewwieni” fl-entrata għall-Ġappun fil-Parti 1, fit-tabella, fil-kolonna 5 tal-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 biex jiġi sospiż id-dħul fl-Unjoni tal-ġewwieni mill-annimali bovini li joriġinaw minn dak il-pajjiż terz. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/692/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali skont ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/404/oj).
(4) Il-Kodiċi Terrestri tad-WOAH, il-31 Edizzjoni, 2023. Il-volumi I u II ISBN 978-92-95121-74-4 https://www.woah.org/en/what-we-do/standards/codes-and-manuals/terrestrial-code-online-access/.
(5) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).
ANNESS
Fl-Anness XIII, il-Parti 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, l-entrata għall-Ġappun hija sostitwita b’dan li ġej:
|
“JP Il-Ġappun |
JP-0 |
Annimali bovini |
BOV, RUM-MSM |
Mingħajr ġewwieni |
|
|
28.3.2013”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/259/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)