Official Journal L 253 , 07/10/2000 P. 0015 - 0015
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2223/2000 tas-6 ta’ Ottubru 2000 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 65/82 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar it-trasferiment ta’ zokkor għas-sena tas-suq ta’ wara IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999 tat-13 Settembru ta’ 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor [1], kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1527/2000 [2], u partikolarment Artikolu 32(4) tiegħu, Billi: (1) It-tieni sub-paragrafu ta’ Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999 jippermetti impriża li tipproduċi z-zokkor li tittrasferixxi għal-sena tas-suq ta’ wara, biex jitqies bħala parti mill-produzzjoni ta’ dik is-sena, il-produzzjoni kollha jew parti minnha ta’ zokkor A u B li jkun sar zokkor Ċ wara l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis preskritt f’Artikolu 26(5) ta’ dak ir-Regolament. (2) Ir-regoli dettaljati ta’ applikazzjoni preskritti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 65/82 [3], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 260/96 [4], li jirregolaw it-trasferiment ‘il quddiem imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999. Waqt li r-regoli jkopru l-kondizzjonijiet li japplikaw għall-għażla l-ġdida għal trasferiment ‘il quddiem ta’ zokkor Ċ, xi kjarifiki huma bla dubju meħtieġa biex jitqies il-fatt li dan it-trasferiment ‘il quddiem ma jaqax taħt ir-restrizzjoni ta’ kwantità imsemmija f’Artikolu 32(4) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999. Ir-Regolament (KEE) Nru No 65/82 għandu jkun emendat f’dan is-sens. (3) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għaz-Zokkor, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KEE) Nru 65/82 hu emendat kif ġej: 1. It-tieni sub-paragrafu ta’ Artikolu 2(1) hu sostitwit bit-test li ġej: "Fil-każ tat-trasferiment ‘il quddiem imsemmi fl-ewwel sub-paragrafu ta’ Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999, din id-deċiżjoni mill-impriża tista’ tapplika biss sa kwantità massima ta’mhux aktar minn 20 % tal-kwota A tagħha applikabbli fis-sena tas-suq li matulha z-zokkor in kwistjoni ġie prodott." 2. Artikolu 4(1)(b) hu sostitwit bit-test li ġej: "(b) il-kwantità, espressa bħala zokkor abjad, ta’ zokkor B jew Ċ li għandu jiġi trasferit ‘il quddiem, allokat kif approprjat bejn: - it-trasferiment ‘il quddiem skond l-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999, - it-trasferiment ‘il quddiem skond it-tieni sub-paragrafu ta’ Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999." Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fis-6 ta’ Ottubru 2000. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 252, tal-25.9.1999, p. 1. [2] ĠU L 175, ta’ l-14.7.2000, p. 59. [3] ĠU L 9, ta’ l-14.1.1982, p. 14. [4] ĠU L 34, tat-13.2.1996, p. 16. --------------------------------------------------