IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.7.2021
COM(2021) 384 final
2021/0192(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru r-reżiljenza għas-Slovenja
{SWD(2021) 184 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.7.2021
COM(2021) 384 final
2021/0192(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru r-reżiljenza għas-Slovenja
{SWD(2021) 184 final}
2021/0192 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru r-reżiljenza għas-Slovenja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 1 , u b’mod partikulari l-Artikolu 20 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)It-tifqigħa tal-COVID-19 kellha impatt ta’ tfixkil fuq l-ekonomija tas-Slovenja. Fl-2019, il-prodott domestiku gross per capita (PDG per capita) tas-Slovenja kien ta’ 74 % tal-medja tal-UE. Skont il-previżjoni tar-Rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, il-PDG reali tas-Slovenja naqas b’ 5,5 % fl-2020 u huwa mistenni li jonqos b’ 0,9 % b’mod kumulattiv fl-2020 u l-2021. Aspetti aktar fit-tul b’impatt fuq il-prestazzjoni ekonomika fuq terminu medju jinkludu b’mod partikolari proporzjon baxx ta’ investiment għall-PDG u livell relattivament baxx ta’ produttività, kif ukoll sfidi marbuta ma’ soċjetà li qed tixjieħ malajr u s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi tal-pensjoni u tas-saħħa.
(2)Fid-9 ta’ Lulju 2019 u fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill indirizza r-rakkomandazzjonijiet lis-Slovenja fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. B’mod partikolari, il-Kunsill irrakkomanda li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex il-pandemija tiġi indirizzata effettivament, tiġi sostnuta l-ekonomija u jiġi appoġġat l-irkupru sussegwenti u jittaffa l-impatt soċjali u fuq l-impjiegi tal-kriżi tal-COVID-19. Irrakkomanda wkoll li tittejjeb ir-reżiljenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul u li jiġu implimentati riformi li jiżguraw il-kwalità, l-aċċessibbiltà u s-sostenibbiltà fiskali fit-tul tagħhom. Huwa rrakkomanda li tiġi żgurata s-sostenibbiltà u l-adegwatezza fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet u li tiżdied l-impjegabbiltà ta’ ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u ħaddiema akbar fl-età u li l-edukazzjoni u t-taħriġ isiru aktar rilevanti għas-suq tax-xogħol. Fl-aħħar nett, huwa rrakkomanda li jingħataw il-likwidità u l-finanzjament lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi, biex jittejjeb l-ambjent tan-negozju, kif ukoll biex isir investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, fit-tranżizzjoni ekoloġika u fit-tranżizzjoni diġitali. Wara li vvalutat il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-rakkomandazzjoni rigward il-miżuri meħtieġa biex il-pandemija tal-COVID-19 tiġi indirizzata effettivament, tiġi sostnuta l-ekonomija u jiġi appoġġat l-irkupru li jirriżulta ġiet indirizzata.
(3)[Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro rrakkomandat lill-Istati Membri taż-żona tal-euro biex jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex, fost l-oħrajn, jiżguraw pożizzjoni ta’ politika li tappoġġa l-irkupru u biex ikomplu jtejbu l-konverġenza, ir-reżiljenza u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill irrakkomandat ukoll li jissaħħu l-oqfsa istituzzjonali nazzjonali, li tiġi żgurata l-istabbiltà makrofinanzjarja u li tiġi kompluta l-UEM u li jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro.] [Jekk ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ma tiġix adottata sa meta tiġi adottata d-DIK, jekk jogħġbok neħħi l-premessa]
(4)Fit-30 ta’ April 2021, is-Slovenja ssottomettiet il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Din is-sottomissjoni segwiet proċess ta’ konsultazzjoni, imwettaq f’konformità mal-qafas legali nazzjonali, mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u partijiet ikkonċernati oħrajn. Is-sjieda nazzjonali tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza qed tirfed l-implimentazzjoni b’suċċess tagħhom u l-impatt dejjiemi tagħhom fil-livell nazzjonali u l-kredibbiltà fil-livell Ewropew. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament.
(5)Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jenħtieġ li jsegwu l-objettivi ġenerali tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 u tal-Istrument ta’ Rkupru tal-UE stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 2 sabiex jiġi appoġġat l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19. Jenħtieġ li jippromwovu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jikkontribwixxu għas-sitt pilastri msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(6)Jenħtieġ li l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri tikkostitwixxi sforz koordinat ta’ investiment u riformi madwar l-Unjoni. Permezz tal-implimentazzjoni kkoordinata u simultanja ta’ dawn ir-riformi u l-investimenti, u l-implimentazzjoni ta’ proġetti transfruntiera, dawn ir-riformi u l-investimenti mistennija jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku u jiġġeneraw effetti konsegwenzjali pożittivi madwar l-Unjoni kollha. Għalhekk, huwa mistenni li madwar terz tal-impatt tal-Faċilità fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tal-Istati Membri jiġi minn effetti konsegwenzjali minn Stati Membri oħra.
Rispons bilanċjat li jikkontribwixxi għas-sitt pilastri
(7)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (a) u t-Taqsima 2.1 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jirrappreżenta fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) rispons komprensiv u adegwatament ibbilanċjat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, u b’hekk jikkontribwixxi b’mod xieraq għas-sitt pilastri kollha kemm huma msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241, filwaqt li jqis l-isfidi speċifiċi u l-allokazzjoni finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat.
(8)Il-pjan jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali ewlenin u jwitti t-triq għat-tranżizzjoni doppja lejn ekonomija ekoloġika u diġitali. Huwa strutturat madwar erba’ raggruppamenti: “tranżizzjoni ekoloġika”, “trasformazzjoni diġitali”, “tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”, u “saħħa u welfare”. Riformi komprensivi fl-oqsma tal-kura fit-tul, tal-kura tas-saħħa, tas-suq tax-xogħol u tal-pensjonijiet huma previsti u mistennija li jkollhom impatt dejjiemi, u se jagħmlu s-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż aktar reżiljenti u sostenibbli. Fil-qalba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja hemm miżuri ekoloġiċi. Fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika, il-pjan jinkludi miżuri bl-għan li jiġi liberat il-potenzjal tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli filwaqt li jiġi żgurat il-ħarsien tal-ambjent, tiġi appoġġata r-rinnovazzjoni enerġetika tal-bini, jiġu mmitigati r-riskji tat-tibdil fil-klima, tittejjeb il-ġestjoni tal-ilma, tiġi promossa l-mobbiltà sostenibbli, u jiġi adottat ippjanar baġitarju ekoloġiku u titrawwem l-ekonomija ċirkolari. Fil-pjan kollu kemm hu hemm ippjanati investimenti sinifikanti biex tiġi promossa t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, inkluż dwar akkomodazzjoni turistika sostenibbli, il-promozzjoni tal-akkwist pubbliku ekoloġiku kif ukoll il-ħiliet ekoloġiċi. Fir-rigward tat-trasformazzjoni diġitali, miżuri mmirati huma mistennija li jikkontribwixxu għad-diġitalizzazzjoni kemm tas-settur privat kif ukoll dak pubbliku. Dawn jinkludu d-diġitalizzazzjoni ulterjuri tas-settur pubbliku, b’mod partikolari l-ġustizzja u s-servizzi elettroniċi tas-saħħa, u miżuri li jrawmu l-litteriżmu diġitali fis-sistema edukattiva, l-introduzzjoni ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni elettronika għaċ-ċittadini u l-kumpaniji, u xi investimenti fil-konnettività u l-ħiliet diġitali, li għandhom l-għan li jnaqqsu d-distakk diġitali.
(9)Il-miżuri li primarjament jindirizzaw il-pilastru tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv jinludu riformi fis-suq tax-xogħol u l-pensjonijiet li mistennija jikkontribwixxu biex tiżdied ir-rata tal-impjiegi għal ħaddiema akbar fl-età u għat-tkabbir tal-PDG potenzjali, u biex jindirizzaw is-sostenibbiltà fiskali u adegwatezza fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet. Il-leġiżlazzjoni li tintroduċi skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar se żżid ir-reżiljenza tas-suq tax-xogħol għax-xokkijiet. Riformi u investimenti ddedikati flimkien mistennija jagħtu spinta lill-produttività u s-sostenibbiltà ambjentali fil-kumpaniji, inkluż fis-setturi tat-turiżmu u l-kultura, filwaqt li r-riformi tal-istituzzjonijiet pubbliċi huma mistennija jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. It-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv huwa appoġġat minn miżuri ulterjuri, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp, u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, u mill-investimenti b’appoġġ għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Biex jappoġġa l-koeżjoni soċjali u territorjali fis-Slovenja, il-pjan jinkludi miżuri biex tiġi offruta l-akkomodazzjoni soċjali biex jittaffa l-impatt tal-kriżi fuq il-familji żgħażagħ u l-persuni emarġinati, miżuri biex jitnaqqas id-distakk diġitali bejn iż-żoni rurali u urbani, ir-riformi tas-suq tax-xogħol, ir-riformi tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul u l-investimenti fit-tagħlim tul il-ħajja.
(10)Il-miżuri li jikkontribwixxu primarjament għall-pilastru tas-saħħa, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali jinkludu riformi u investimenti li għandhom l-għan li jsaħħu l-aċċessibbiltà, l-effettività u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tas-saħħa u tal-kura fit-tul. Huma mistennija jipprovdu d-definizzjoni tad-drittijiet statutorji tal-assigurazzjoni tas-saħħa, jirristrutturaw is-sistema tal-assigurazzjoni tas-saħħa komplementari, jirriformaw is-sistema ta’ remunerazzjoni għall-professjonijiet tas-saħħa, u jiżguraw is-sostenibbiltà finanzjarja tagħha. L-investimenti fil-ħiliet tal-persunal tal-kura primarja, it-titjib tal-infrastruttura għall-kura ta’ emerġenza u għat-trattament tal-mard infettiv huma mistennija li jżidu l-aċċessibbiltà, ir-reżiljenza u t-tħejjija tas-sistema tas-saħħa. L-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni komprensiva li tirregola s-sistema tal-kura fit-tul mistennija li tintegra flimkien is-servizzi tas-saħħa u tal-kura soċjali, filwaqt li l-investimenti fid-djar tal-kura mistennija li jtejbu l-aċċess u l-kwalità tal-kura. Il-pjan jinkludi wkoll miżuri importanti biex jittejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż permezz tat-trasformazzjoni diġitali tagħha. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja jinkludi wkoll politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss bħal riformi u investimenti biex tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni, biex l-iskejjel jiġu mgħammra b’infrastruttura u kompetenzi ewlenin għat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, u biex jiġi sostnut l-impjieg taż-żgħażagħ.
L-indirizzar tal-isfidi kollha jew ta’ subsett sinifikanti ta’ sfidi identifikati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi
(11)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u t-Taqsima 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni li jikkontribwixxi biex jindirizza b’ mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom (Klassifikazzjoni A) identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevant, inklużi l-aspetti fiskali tagħhom indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat jew l-isfidi identifikati f’dokumenti rilevanti oħra adottati uffiċjalment mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.
(12)Il-pjan jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu ’l xulxin reċiprokament li jikkontribwixxu biex jindirizzaw effettivament l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha, jew subsett sinifikanti tagħhom, indikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lis-Slovenja mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u l-2020, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kura fit-tul, il-kura tas-saħħa, il-pensjonijiet u s-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka u żvilupp, u l-innovazzjoni, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, l-ambjent tan-negozju, u l-akkwist pubbliku.
(13)Il-pjan jinkludi riformi strutturali ewlenin tas-sistemi tal-kura fit-tul, tal-kura tas-saħħa, u tal-pensjonijiet, f’konformità ma’ rakkomandazzjonijiet li ilhom li saru. Ladarba jiġu implimentati, dawn ir-riformi huma mistennija li (i) itejbu b’mod sinifikanti r-reżiljenza tas-sistema tas-sigurtà soċjali tas-Slovenja; (ii) itejbu l-kwalità u l-aċċess għall-kura fit-tul u l-kura tas-saħħa, kif ukoll l-adegwatezza tal-pensjonijiet; u (iii) jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fiskali fit-tul quddiem sfidi demografiċi importanti. L-att dwar il-kura fit-tul previst, l-ewwel att leġiżlattiv komprensiv f’dan il-qasam fis-Slovenja, ilu jiġi diskuss għal aktar minn deċennju. Ir-riforma se tistabbilixxi pilastru ġdid tas-sigurtà soċjali ffukat fuq il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawk li jeħtieġu l-kura fit-tul, filwaqt li jiġi żgurat aċċess ugwali irrispettivament mill-istatus soċjo-ekonomiku. Liġi speċjali hija mistennija li tiżgura li jkun hemm aktar diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament, b’mod partikolari bl-introduzzjoni ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall-kura fit-tul. Għall-kura tas-saħħa, ir-riforma hija mistennija li tiżgura ġabra wiesgħa ta’ drittijiet taħt l-iskema obbligatorja tal-assigurazzjoni tas-saħħa, tiżgura s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema tal-kura tas-saħħa, u ttejjeb il-ġestjoni u l-prestazzjoni tagħha, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ korp indipendenti li jimmonitorja l-aspetti tal-kwalità u s-sikurezza. Fir-rigward tas-suq tax-xogħol, ir-riformi se jżidu l-parteċipazzjoni fix-xogħol u jiffaċilitaw ir-riallokazzjoni tal-ħaddiema — speċjalment permezz ta’ taħriġ u politiki attivi tas-suq tax-xogħol — li hija kruċjali fi żminijiet ta’ trasformazzjoni ekonomika. Ir-riforma tal-pensjonijiet se tindirizza s-sostenibbiltà fiskali tas-sistema filwaqt li tiżgura l-ġustizzja interġenerazzjonali u l-adegwatezza tal-pensjonijiet.
(14)Il-pjan huwa mistenni jikkontribwixxi biex jittaffa l-impatt soċjali u fuq l-impjiegi tal-kriżi, inkluż permezz ta’ riforma tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, il-promozzjoni ta’ arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli, u miżuri għall-espansjoni tal-akkomodazzjoni affordabbli. Barra minn hekk, il-miżuri tas-suq tax-xogħol u tal-edukazzjoni inklużi fil-pjan mistennija jżidu l-impjegabbiltà ta’ ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u ħaddiema akbar fl-età, itejbu r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja u l-miżuri ta’ attivazzjoni, inkluż permezz ta’ litteriżmu diġitali aħjar.
(15)Il-pjan jinkludi wkoll riformi strutturali mmirati lejn it-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali nazzjonali. Dan jinkludi riformi biex itejbu l-kompetizzjoni u l-professjonalizzazzjoni fl-akkwist pubbliku. Jinkludi wkoll riformi li jtejbu l-aċċess għall-finanzjament u l-ambjent tan-negozju, b’mod partikolari billi jsaħħaħ is-swieq kapitali, inaqqas il-piż amministrattiv, u jtejjeb is-servizzi pubbliċi diġitali.
(16)Il-pjan mistenni li jikkontribwixxi għall-frontloading ta’ proġetti ta’ investiment pubbliku maturi u l-promozzjoni tal-investiment privat biex jiġi appoġġat l-irkupru ekonomiku. Jiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika fil-bini pubbliku, il-protezzjoni kontra l-għargħar, it-trasport ferrovjarju, il-broadband u l-ħiliet diġitali, u fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Il-pjan jikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni tal-kapaċitajiet diġitali tan-negozji, il-kummerċ elettroniku u s-servizzi elettroniċi tas-saħħa.
(17)Ir-rakkomandazzjonijiet relatati mar-rispons immedjat tal-politika fiskali għall-pandemija jistgħu jitqiesu li jaqgħu barra mill-ambitu tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja minkejja l-fatt li s-Slovenja ġeneralment wieġbet b’mod adegwat u suffiċjenti għall-ħtieġa immedjata li tappoġġa l-ekonomija permezz ta’ mezzi fiskali fl-2020 u l-2021, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Klawżola Liberatorja Ġenerali. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni biex jintlaħaq l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2020 ma għadhiex rilevanti, kemm minħabba l-iskadenza tal-perjodu baġitarju korrispondenti kif ukoll minħabba l-attivazzjoni f’Marzu 2020 tal-Klawżola Liberatorja Ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fil-kuntest tal-kriżi pandemika.
Kontribuzzjoni għall-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali
(18)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (c) u t-Taqsima 2.3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni li jkollu impatt qawwi (Klassifikazzjoni A) fuq it-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali tal-Istat Membru, filwaqt li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ politiki għat-tfal u ż-żgħażagħ, u fuq it-taffija tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19, u b’hekk isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-konverġenza fl-Unjoni.
(19)Is-simulazzjonijiet mis-servizzi tal-Kummissjoni juru li l-pjan għandu l-potenzjal li jżid il-PDG tas-Slovejna b’bejn 1,1 % u 1,7 % sal-2026. Wara 20 snin, il-PDG jista’ jkun 0,5 % ogħla 3 . L-ispinta ekonomika pprovduta mill-pjan hija wkoll mistennija li tappoġġa l-finanzi pubbliċi.
(20)Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja huwa mistenni li jtejjeb il-prestazzjoni makroekonomika tal-pajjiż, b’mod partikolari permezz ta’ żieda fil-produttività tal-ekonomija u t-tkabbir fit-tul, u l-ħolqien ta’ ekosistemi innovattivi ta’ infrastruttura ekonomika u kummerċjali. Jinkludi wkoll miżuri biex jitjieb l-aċċess għall-kapital għal kumpaniji ġodda u innovattivi, biex jiġi appoġġat l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni u biex titjieb il-koordinazzjoni bejn l-istituti tar-riċerka u l-kumpaniji u fost ir-riċerkaturi. Bil-ħolqien ta’ suq għal fondi ta’ investiment alternattivi, is-Slovenja għandha l-għan li tidderieġi aktar riżorsi lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni minn negozji ġodda u kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju. Miżuri oħrajn mistennija li jżidu l-produttività fl-ekonomija kollha billi tiġi pprovduta infrastruttura diġitali u fiżika aktar effiċjenti u l-investiment fil-kapital uman, inkluż f’setturi speċifiċi bħall-ekonomija ċirkolari, sistemi tal-ikel sostenibbli, it-turiżmu u l-kultura.
(21)Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja jindirizza l-isfidi soċjali u tal-impjiegi rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Skema li tappoġġa liż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni tagħhom għas-suq tax-xogħol mistennija trawwem opportunitajiet u aċċess għas-suq tax-xogħol indaqs. L-adattament tal-ambjenti tax-xogħol għall-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità għandu jippromwovi l-inklużjoni. Diversi elementi tar-riforma tal-kura fit-tul u tal-kura tas-saħħa mistennija li jtejbu l-aċċessibbiltà u r-reżiljenza. L-investimenti u r-riformi fl-akkomodazzjoni soċjali wkoll mistennija li jikkontribwixxu għall-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar. Il-pjan jipprevedi l-investiment fil-ħiliet u l-kapital uman, fil-promozzjoni tat-taħriġ tul il-ħajja, u f’li l-istudenti jiġu mgħammra bil-ħiliet għall-futur, pereżempju dawk meħtieġa għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
La tagħmilx ħsara sinifikanti
(22)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (d) u t-Taqsima 2.4 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni jiżgura li l-ebda miżura (Klassifikazzjoni A) għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment inkluża fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ma tagħmel ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 (il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”).
(23)Is-Slovenja ipprovdiet valutazzjoni dettaljata għal kull miżura inkluża fil-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-gwida teknika tal-Kummissjoni (2021/C 58/01) “la tagħmilx ħsara sinifikanti”. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja huwa mistenni li jiżgura li ma ssir l-ebda ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali billi jagħżel miżuri li jew jikkontribwixxu sostanzjalment għal objettiv ambjentali, jew li ma jkollhom l-ebda jew ftit li xejn impatt prevedibbli fuq l-objettivi ambjentali. Miżuri oħra, inklużi skemi ta’ appoġġ wesgħin, huma mfassla biex jiżguraw konformità mal-prinċipju fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni, inkluż matul il-proċess tal-offerti fejn applikabbli, u fil-każijiet kollha fl-outputs finali. Għal miżuri li jeħtieġu valutazzjoni sostantiva f’konformità mal-gwida tal-KUmmissjoni, bħal produzzjoni tal-enerġija u t-tisħin distrettwali minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, il-gestjoni tal-ilma, il-mobbiltà sostenibbli, id-diġitalizzazzjoni, l-investimenti fit-turiżmu, u l-bini ġdid, is-Slovenja impenjat ruħha permezz tal-pjan u l-objettivi intermedji u l-miri speċifiċi tagħha li ma tagħmel l-ebda ħsara sinifikanti lil ebda wieħed mis-sitt objettivi ambjentali. Bħala tali, il-kriterji “la tagħmilx ħsara sinifikanti” huma integrati fl-objettivi intermedji relatati mal-proċess tal-għażla għall-proġetti rilevanti u, fejn applikabbli, referenzi għal lista ta’ esklużjoni fl-objettivi intermedji rilevanti.
Kontribut għat-tranżizzjoni ekoloġika inkluża l-bijodiversità
(24)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (e) u t-Taqsima 2.5 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi miżuri li fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jirrappreżentaw ammont li jirrappreżenta 42,4 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan ikkalkulata skont il-metodoloġija tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241. F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa konsistenti mal-informazzjoni inkluża fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima għall-2030.
(25)F’termini tal-kontribuzzjoni għall-miri tal-Unjoni marbutin mal-klima u l-enerġija għall-2030-2050, u l-objettiv tal-Unjoni għan-newtralità klimatika sal-2050, il-pjan jindirizza xi wħud mill-isfidi ta’ politika ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni 5 għall-Pjan Nazzjonali Sloven għall-Klima u l-Enerġija. Il-pjan jinkludi riformi u investimenti ewlenin biex tiġi promossa l-enerġija rinnovabbli billi jitneħħew l-ostakli regolatorji u tiġi żviluppata kapaċità rinnovabbli ġdida u tiġi aġġornata l-grilja tad-distribuzzjoni tal-elettriku, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-ħarsien tan-natura. Il-pjan jipprevedi wkoll investimenti fl-effiċjenza enerġetika b’enfasi fuq il-bini pubbliku u jippromwovi investimenti fl-effiċjenza enerġetika fl-industrija. Il-pjan ikompli jippromwovi l-użu tat-trasport pubbliku, it-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri u tal-merkanzija, l-użu ta’ karburanti alternattivi fit-trasport, u t-trasformazzjoni diġitali tat-trasport ferrovjarju u bit-triq. Il-pjan għandu l-għan li jżid ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, b’enfasi speċifika fuq ir-riskji tal-għargħar. L-effett ikkombinat ta’ dawk il-miżuri huwa mistenni li jikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, li jistimula impjiegi ekoloġiċi ġodda, u li jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija, u b’hekk jiżgura ambjent tal-ħajja aħjar għall-popolazzjoni u kundizzjonijiet operattivi aħjar għall-atturi ekonomiċi.
(26)Il-pjan jikkontribwixxi wkoll għall-objettivi ulterjuri tal-politika ambjentali tal-Unjoni. Il-pjan huwa mistenni li jżid l-effiċjenza tas-sistema tal-ġestjoni tal-ilma u jaċċellera t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, b’mod partikolari billi jintegra l-prinċipji tal-akkwist pubbliku ċirkolari u jintroduċi ppjanar baġitarju ekoloġiku. Il-pjan ma fih l-ebda miżura li għandha l-bijodiversità bħala l-objettiv tagħha. Madankollu, uħud mill-miżuri għall-mitigazzjoni u l-adattament għall-klima jistgħu jkunu wkoll ta’ benefiċċju għall-preservazzjoni tal-bijodiversità, peress li t-tibdil fil-klima huwa wieħed mit-theddidiet ewlenin għall-bijodiversità. Il-pjan huwa mistenni jappoġġa wkoll il-bijodiversità indirettament b’riforma ewlenija dwar il-konservazzjoni u l-iżvilupp tal-foresti, billi jippromwovi soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, u billi jipprijoritizza l-aġġornamenti tas-sistemi tal-ilma mormi b’impatti pożittivi fuq iż-żoni tan-Natura 2000. Is-Slovenja wettqet valutazzjoni sistematika ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” li indikat li l-ebda waħda mill-miżuri proposti ma toħloq ħsara għall-bijodiversità.
Kontribuzzjoni għat-tranżizzjoni diġitali
(27)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (f) u t-Taqsima 2.6 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza fih miżuri li fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi jirrappreżentaw ammont li jirrappreżenta 21,4 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan ikkalkulata skont il-metodoloġija tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241.
(28)Il-pjan jiffoka ħafna fuq id-diġitalizzati tal-amministrazzjoni pubblika, u jipproponi pakkett komprensiv ta’ riformi u investimenti biex jaċċelleraw it-trasformazzjoni diġitali tal-pajjiż u biex jiġu pprovduti servizzi ċċentrati fuq l-utent, interoperabbli u siguri. Il-pjan jinkludi l-adozzjoni ta’ Pjan għall-Broadband bl-għan li tiġi żgurata kopertura fis-Slovenja kollha sal-2025, titjib fil-kapaċità ta’ rispons għal inċidenti taċ-ċibersigurtà, l-introduzzjoni ta’ identità elettronika nazzjonali, u s-simplifikazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-utent għall-użu ta’ servizzi elettroniċi pubbliċi. Il-pjan jappoġġa l-iżvilupp ta’ infrastruttura diġitali u soluzzjonijiet u servizzi diġitali avvanzati u faċli għall-utent f’bosta oqsma tal-amministrazzjoni pubblika, bħas-sigurtà interna, l-edukazzjoni, ix-xjenza u l-isport, il-ġestjoni tat-territorju u l-ambjent, l-agrikoltura, l-ikel u l-forestrija, il-kultura, il-ġustizzja u s-servizzi elettroniċi tas-saħħa. Fir-rigward tas-settur privat, il-pjan jinkludi strateġija għat-trasformazzjoni diġitali tal-kumpaniji, l-introduzzjoni ta’ karta tal-identità diġitali unika għall-kumpaniji, u l-adozzjoni ta’ linji gwida għall-akkwist pubbliku innovattiv biex jissaħħaħ il-potenzjal tal-innovazzjoni b’teknoloġija avvanzata tal-intrapriżi żgħar u medji. Tali miżuri huma mirfuda minn investimenti immirati biex jittrasformaw il-proċessi tan-negozju u biex jingħalaq id-distakk diġitali għal kumpaniji aktar tradizzjonali.
(29)Il-pjan jadotta approċċ olistiku minħabba li r-riformi u l-investimenti proposti għad-diġitalizzazzjoni huma appoġġati minn żewġ elementi strutturali ewlenin: l-għoti ta’ konnettività aħjar għall-unitajiet domestiċi u l-iskejjel u ż-żieda tal-ħiliet diġitali tal-ħaddiema, tal-ħaddiema taċ-ċivil, tal-għalliema u tal-istudenti. It-taħriġ fuq skala kbira u ċentru ta’ kompetenza mistennija li jappoġġaw it-titjib tal-ħiliet diġitali fis-settur pubbliku. Il-ħiliet tal-kompjuter u l-kompetenzi diġitali jenħtieġ li jiġu integrati fil-kurrikuli tal-iskejjel u l-investimenti fl-istituzzjonijiet edukattivi jenħtieġ li jadattaw il-proċess ta’ tagħlim fid-dawl tat-tranżizzjoni diġitali. L-effetti ta’ dawn il-miżuri huma mistennija li jżidu l-kompetittività tas-Slovenja, inaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq, jissimplifikaw il-proċeduri u l-interazzjoni mas-servizzi pubbliċi, jipprovdu aċċess għall-konnettività għal aktar unitajiet domestiċi u stabbilimenti edukattivi, u jikkontribwixxu biex jimmassimizzaw il-potenzjal tas-settur diġitali għas-Slovenja.
Impatt fit-tul
(30)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (g) u t-Taqsima 2.7 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni li jkollu impatt kbir (Klassifikazzjoni A) fit-tul fuq is-Slovenja.
(31)Ir-riformi previsti tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, tal-kura fit-tul u tal-pensjonijiet huma mistennija li jtejbu b’mod dejjiemi s-sistema tas-sigurtà soċjali fis-Slovenja, f’termini ta’ forniment ta’ servizzi liċ-ċittadini kollha, l-effiċjenza, l-adegwatezza u s-sostenibbiltà finanzjarja. Dawn ir-riformi huma mistennija li jkunu ta’ kontribut dejjiemi biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjo-ekonomiċi ta’ soċjetà li l-età medja tagħha qed tikber b’rata mgħaġġla. Ir-riforma tal-kura tas-saħħa fit-tul hija mistennija li tistabbilixxi reġim ġdid li jintegra is-servizzi tal-kura tas-saħħa kif ukoll tal-kura soċjali. Ir-riforma tal-kura tas-saħħa mistennija li tikkontribwixxi għall-aċċessibbiltà, il-kwalità u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema. L-investimenti relatati għandhom itejbu l-kapaċità u l-kwalità tal-kura fit-tul u s-servizzi tal-kura tas-saħħa fis-Slovenja, inkluż l-aċċessibbiltà u r-rispons tas-sistema tas-saħħa. Ir-riformi fis-sistema tal-pensjonijiet u r-regolamenti tas-suq tax-xogħol, flimkien ma’ politika attiva tas-suq tax-xogħol aktar effettiva u investimenti mmirati fit-taħriġ, għandhom jippromwovu ħajja tax-xogħol itwal u jiżguraw is-sostenibbiltà fuq terminu medju u twil u l-adegwatezza tas-sistema tal-pensjonijiet, u b’hekk iżidu t-tkabbir fit-tul.
(32)L-implimentazzjoni tar-riformi previsti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija mistennija li twassal għal bidliet strutturali sinifikanti fl-amministrazzjoni pubblika, li jtejbu l-effettività u l-effiċjenza tagħha. L-adozzjoni ta’ strateġija tal-ġestjoni taċ-ċivil, l-istabbiliment ta’ ċentru tal-kompetenzi, u r-riforma tal-leġiżlazzjoni taċ-ċivil huma previsti li se jimmodernizzaw is-sistema tal-ġestjoni tar-riżorsi umani fl-amministrazzjoni pubblika Slovena. Barra minn hekk, il-pjan għandu l-mira li jaġġorna l-ħiliet, inkluż dawk fil-qasam diġitali, tal-ħaddiema taċ-ċivil filwaqt li l-introduzzjoni ta’ sistema tal-pagi ġdida għas-settur pubbliku hija mistennija li ttejjeb l-inċentivi u l-prestazzjoni. Miżuri ulterjuri mmirati lejn is-simplifikazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti eżistenti huma mistennija li jiġu adottati bħala parti mill-pakketti leġiżlattivi mmirati lejn it-tnaqqis tal-burokrazija. L-isforzi għar-riforma għandhom jiffukaw ukoll fuq l-istabbiliment ta’ ġestjoni aktar effiċjenti tal-ġestjoni tat-territorju nazzjonali u muniċipali u fuq l-immodernizzar tas-sistema tal-akkwist pubbliku fis-Slovenja, f’konformità mar-rekwiżiti rispettivi tal-UE. Barra minn hekk, il-forniment ta’ servizzi elettroniċi pubbliċi għaċ-ċittadini u n-negozji jenħtieġ li jiġi aġġornat u l-governanza tiegħu ser tissaħħaħ bl-istabbiliment tal-Kunsill għall-Iżvilupp tal-Informatika, li għandu jiżgura l-koerenza u l-kosteffiċjenza tal-attivitajiet ta’ żvilupp tal-IT fl-amministrazzjoni pubblika. Punt importanti fil-pjan huwa li għandu l-għan li jżid il-livell ta’ ċibersigurtà, u li l-infrastruttura diġitali tal-pajjiż issir aktar reżiljenti.
(33)Fil-qasam tal-investiment, hija mistennija bidla strutturali dejjiema mill-miżuri biex tingħata spinta lill-produttività u l-investimenti tal-kumpaniji, inklużi dawk fis-settur turistiku. L-investiment ulterjuri mistenni li jaċċellera t-trasformazzjoni diġitali tas-settur pubbliku u tal-kumpaniji. L-akbar investiment fil-pjan għandu jikkontribwixxi għall-adattament għat-tibdil fil-klima b’enfasi fuq il-protezzjoni ċivili u l-prevenzjoni tal-għargħar, filwaqt li ħafna oħrajn mistennija jikkontribwixxu direttament għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. L-investimenti fit-trasport sostenibbli huma mistennija li jikkontribwixxu għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-tniġġis tal-arja mit-trasport, u b’hekk jiżguraw ambjent tal-ħajja aħjar għall-popolazzjoni u kundizzjonijiet tal-operat aħjar għall-operaturi ekonomiċi. Miżuri ulterjuri mistennija jappoġġaw l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-ekonomija. Il-miżuri li jżidu l-konservazzjoni tal-foresti għandhom jappoġġaw ekonomija aktar reżiljenti fiż-żoni rurali. L-investimenti ewlenin fil-kura tas-saħħa għandhom jagħtu spinta lis-servizzi elettroniċi tas-saħħa u jtejbu l-infrastruttura u t-trattament ta’ mard infettiv u li jittieħed, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tħejjija u r-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa.
(34)L-impatt dejjiemi tal-pjan jista’ jissaħħaħ ukoll permezz ta’ sinerġiji bejn il-pjan u programmi oħra ffinanzjati mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari billi jiġu indirizzati b’mod sostantiv l-isfidi territorjali b’għeruq fondi u jiġi promoss żvilupp ibbilanċjat.
Monitoraġġ tal-implimentazzjoni
(35)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (h) u t-Taqsima 2.8 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huma adegwati (Klassifikazzjoni A) biex jiżguraw monitoraġġ u implimentazzjoni effettivi tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż l-iskeda ta’ żmien prevista, l-istadji importanti u l-miri, u l-indikaturi relatati.
(36)L-objettivi intermedji, il-miri, u l-indikaturi għall-implimentazzjoni huma ta’ kwalità biżżejjed biex jiżguraw il-monitoraġġ effettiv tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. It-talba għal self hija akkumpanjata minn objettivi intermedji u miri ulterjuri biex jitkejjel il-progress fir-riformi addizzjonali u l-investimenti appoġġati. L-istadji importanti u l-miri huma dettaljati u ċari biżżejjed, u jiffukaw fuq l-indikaturi tal-output u l-passi ewlenin fil-proċess ta’ riforma jew investiment. Jilħqu bilanċ xieraq bejn ir-realiżmu u l-ambizzjoni fil-kronoloġija tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Is-sekwenzjar tal-objettivi intermedji u l-miri huwa regolari biżżejjed biex jippermetti l-monitoraġġ tal-progress u huwa proporzjonat mal-importanza tar-riforma jew l-investiment partikolari. L-arranġamenti u l-mekkaniżmi għall-ġbir, il-ħżin u r-rappurtar tad-data dwar l-istadji importanti u l-miri huma deskritti u jidhru adegwati. L-Awtorità ta’ Koordinazzjoni jenħtieġ li jkollha r-responsabbiltà ġenerali għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-pjan kollu kemm hu u jenħtieġ li tkun responsabbli għat-tfassil u l-iffirmar tad-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni.
(37)Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju taħt il-Faċilità jiġi kkomunikat u rikonoxxut f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2021/241. L-appoġġ tekniku jista’ jintalab taħt l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku biex jassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-pjan tagħhom.
Estimi tal-kostijiet
(38)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (i) u t-Taqsima 2.9 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-ġustifikazzjoni mogħtija fil-pjan dwar l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija moderatament (Klassifikazzjoni B) raġonevoli u plawżibbli, hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u hija proporzjonata għall-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.
(39)Is-Slovenja pprovdiet estimi tal-kostijiet għall-investimenti u r-riformi kollha b’kost assoċjat inkluż fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Il-pjan jinkludi deskrizzjonijiet adegwati tal-metodi użati fil-kalkolu tal-ispejjeż u l-ġustifikazzjonijiet meħtieġa. Il-kalkoli jiddependu fuq kostijiet unitarji ġeneralment raġonevoli jew fuq l-esperjenza miġbura fi proġetti reċenti, għalkemm f’xi każijiet is-suppożizzjonijiet sottostanti jistgħu jkunu ġġustifikati aħjar. Normalment dawn ikunu sostnuti minn evidenza ta’ kostijiet komparabbli, bl-aġġustamenti meħtieġa, li jippermettu valutazzjoni tal-plawżibbiltà għall-maġġoranza l-kbira tal-miżuri. F’xi każijiet, filwaqt li l-istimi tal-ispejjeż jibqgħu plawżibbli, dawn huma fil-medda ogħla ta’ kostijiet komparabbli oħrajn. Għal għadd limitat ħafna ta’ miżuri, ir-rabta bejn id-dokumenti pprovduti u l-istimi tal-kostijiet mhijiex ċara biżżejjed. Sistema solida ta’ kontroll u verifika li għandha tiġi stabbilita u l-qafas tal-akkwist pubbliku għandhom jiżguraw aktar il-kosteffiċjenza fil-livell tal-pjan. Finalment, il-kost totali stmat tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa raġonevoli u plawżibbli u huwa konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u huwa proporzjonat mal-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.
Ħarsien tal-interessi finanzjarji
(40)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (j) u t-Taqsima 2.10 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-miżuri addizzjonali li jinsabu f’din id-Deċiżjoni huma adegwati (Klassifikazzjoni A) biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess meta jintużaw il-fondi previsti skont dak ir-Regolament, u l-arranġamenti huma mistennija li effettivament jevitaw il-finanzjament doppju minn dak ir-Regolament u minn programmi oħra tal-Unjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ strumenti u għodod oħra li jippromwovu u jinfurzaw il-konformità mad-dritt tal-UE, inkluż għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess, u għall-protezzjoni tal-finanzi tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(41)Il-pjan jidentifika b’mod ċar l-entitajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu u jistabbilixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għat-twettiq tal-kompiti ta’ kontroll intern. Il-funzjonijiet rilevanti huma segregati kif xieraq. Is-sistema ta’ kontroll u arranġamenti rilevanti oħra, inkluż il-ġbir u d-disseminazzjoni ta’ data lir-riċevituri finali, huma adegwati fl-indirizzar tal-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-indirizzar tal-korruzzjoni, il-frodi, il-kunflitt ta’ interess u l-prevenzjoni ta’ finanzjament doppju mill-Faċilità u programmi oħra tal-Unjoni. L-atturi responsabbli għall-kontrolli jenħtieġ li jkollhom is-setgħa legali u l-kapaċità amministrattiva neċessarji biex jeżerċitaw ir-rwoli u l-kompiti ppjanati tagħhom. Impenji bħal dawn huma parti minn objettiv intermedju speċifiku dwar is-sistemi ta’ kontroll u awditjar.
(42)L-istabbiliment tal-Korp ta’ Koordinazzjoni, l-adozzjoni ta’ Digriet Nazzjonali u Linji Gwida tal-Korp ta’ Koordinazzjoni li jistabbilixxu l-proċeduri għat-twettiq ta’ awditi u kontrolli f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni nazzjonali u l-aġġornament tas-sistema tal-IT nazzjonali huma inklużi bħala objettiv intermedju li hemm bżonn li jitlesta qabel l-ewwel żborż tal-finanzjament.
Koerenza tal-pjan
(43)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (k) u t-Taqsima 2.11 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan jinkludi ħafna miżuri (Klassifikazzjoni A) għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment pubbliku li jirrappreżentaw azzjonijiet koerenti.
(44)Il-pjan huwa strutturat madwar erba’ raggruppamenti koerenti, li huma mistennija jikkontribwixxu għall-objettivi tar-Regolament (UE) 2021/241. Il-firxa wiesgħa ta’ miżuri tiżgura bilanċ xieraq bejn riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin reċiprokament. B’mod partikolari, id-dħul fis-seħħ tar-riformi kmieni fl-iskeda ta’ żmien tal-pjan jiżgura ambjent ta’ appoġġ għat-twettiq tal-investimenti, li min-naħa tagħhom jikkontribwixxu għall-objettivi tar-riforma. Il-pjan jinkludi elementi importanti ta’ riforma biex jingħalaq id-distakk ġenerazzjonali, jiġu żgurati l-aċċessibbiltà, il-kwalità u s-sostenibbiltà tal-kura tas-saħħa, u titkompla t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, li huma kkomplementati minn investimenti mmirati li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi ta’ riforma. Kull raggruppament huwa mibni madwar komponenti inklużi pakketti konsistenti ta’ riformi kif ukoll kif ukoll ta’ investimenti, li jsegwu għanijiet komplementari u miżuri li jsaħħu lil xulxin. Fil-livell ġenerali tal-pjan, ir-raggruppamenti kollha għandhom objettivi komplementari u jirrappreżentaw azzjonijiet koerenti.
Ugwaljanza
(45)Il-pjan fih miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw jew jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, bħal investimenti f’akkomodazzjoni affordabbli u miżuri tas-suq tax-xogħol għall-inklużjoni ta’ persuni b’diżabbiltà. Il-kunsiderazzjonijiet tal-ugwaljanza huma integrati fid-diversi komponenti, bħal pereżempju fl-iżgurar tal-aċċessibbiltà f’bini pubbliku rinnovat. Fil-pjan, is-Slovenja timpenja ruħha li tiżgura li r-rispett għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ugwaljanza għal kulħadd jiġi salvagwardjat fl-istadji kollha tat-tħejjija u l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti previsti.
Awtovalutazzjoni tas-sigurtà
(46)F’konformità mal-Artikolu 18(4), il-punt (g) tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan jinkludi awtovalutazzjoni tas-sigurtà. Fir-rigward tal-investimenti fil-konnettività, fejn is-soluzzjonijiet diġitali jkunu bbażati fuq l-użu ta’ networks tal-5G tal-ġenerazzjoni l-ġdida, l-investimenti tal-5G se jkunu soġġetti għal-leġiżlazzjoni li timplimenta l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-29 ta’ Jannar 2020 Introduzzjoni sigura tal-5G fl-UE - Implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod tal-UE 6 . Fil-pjan, diversi komponenti jinkludu taqsima li tispjega l-kontribut tal-miżuri għall-awtonomija strateġika miftuħa u l-kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-Unjoni.
Proġetti transfruntiera u li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed
(47)Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja jinkludi erba’ proġetti multinazzjonali. L-infrastruttura u s-servizzi tad-data komuni Ewropej u l-Proċessuri b’Konsum Baxx tal-Enerġija u Ċipep Semikondutturi tal-Enerġija jistgħu jieħdu l-forma ta’ Proġett Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI) ippjanati. L-objettivi tal-ewwel proġett (Infrastruttura u Servizzi tal-Cloud tal-Ġenerazzjoni li Jmiss) jinkludu l-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ infrastruttura u servizzi li jiffrankaw l-enerġija mill-edge sal-cloud biex fl-aħħar mill-aħħar l-Unjoni tiġi mgħammra b’kapaċitajiet ta’ pproċessar ta’ data industrijali globali, li jħarsu ’l quddiem, ultrasiguri u ekoloġiċi, filwaqt li l-proġett tal-aħħar għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-ippjanar u jżid l-innovazzjoni u r-reżiljenza tal-ktajjen tal-valur tas-semikondutturi fl-Unjoni. Barra minn hekk, proġetti b’bosta pajjiżi relatat mal-Infrastruttura Ewropea tas-Servizzi tal-Blockchain u l-infrastruttura Ewropea tal-komunikazzjoni kwantistika għandhom l-għan li jintegraw ma’ sensiela ta’ infrastrutturi nazzjonali u jistabbilixxu network nazzjonali tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni kwantistika mqabbda man-networks nazzjonali tal-pajjiżi ġirien.
Proċess ta’ Konsultazzjoni
(48)Għat-tħejjija tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, is-Slovenja wettqet konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.
(49)Għall-implimentazzjoni tal-pjan, huma previsti aktar konsultazzjonijiet mas-sħab soċjali jew mal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar riformi relatati mas-sistema tal-pensjonijiet, is-sistema tas-saħħa, forom flessibbli ta’ xogħol, sistema ta’ ħlas tas-settur pubbliku, u sorsi ta’ enerġija rinnovabbli qabel l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti. Sabiex tiġi żgurata s-sjieda mill-atturi rilevanti, huwa kruċjali li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati kollha kkonċernati, inklużi s-sħab soċjali, matul l-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi inklużi fil-pjan.
Valutazzjoni pożittiva
(50)Wara l-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni dwar il-pjan Sloven għall-irkupru u r-reżiljenza bil-konstatazzjoni li l-pjan jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 20(2) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan, l-objettivi intermedji, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-pjan fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju u ta’ self li ma jitħallasx lura.
Kontribuzzjoni finanzjarja
(51)L-ispiża totali stmata tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja hija ta’ EUR 2 482 687 549. Billi l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE)2021/241 u, barra minn hekk, billi l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima disponibbli għas-Slovenja, jenħtieġ li l-kontribuzzjoni finanzjarja allokata għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja tkun ugwali għall-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli għas-Slovenja.
(52)F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għas-Slovenja jrid jiġi aġġornat sat-30 ta’ Ġunju 2022. Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 23(1) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li issa jkun hemm ammont disponibbli għas-Slovenja għal impenn legali sal-31 ta’ Diċembru 2022. Jekk meħtieġ wara l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata, jenħtieġ li l-Kunsill, bi proposta mill-Kummissjoni, jemenda din id-Deċiżjoni biex jinkludi l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata mingħajr dewmien żejjed.
(53)Barra minn hekk, sabiex jiġu appoġġati riformi u investimenti addizzjonali, is-Slovenja talbet appoġġ fil-forma ta’ self. Il-volum massimu tas-self mitlub mis-Slovenja huwa inqas minn 6,8 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-2019 tagħha fi prezzijiet kurrenti. L-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja kkombinata disponibbli għas-Slovenja u l-appoġġ mitlub fil-forma ta’ self.
(54)L-appoġġ li għandu jingħata għandu jiġi ffinanzjat mit-teħid b’self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni abbażi tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom)2020/2053 7 . L-appoġġ jenħtieġ li jitħallas f’pagamenti parzjali ladarba s-Slovenja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-objettivi intermedji rilevanti u l-miri identifikati b’rabta mal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(55)Is-Slovenja talbet prefinanzjament ta’ 13 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Jenħtieġ li dan l-ammont ikun disponibbli għas-Slovenja soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità mal-Ftehim ta’ Finanzjament previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/241.
(56)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura marbuta mal-għoti ta’ fondi tal-Unjoni skont kull programm ieħor tal-Unjoni ħlief ir-Regolament (UE) 2021/241 jew għal proċeduri marbuta ma’ distorsjonijiet tal-operazzjoni tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza
Il-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja fuq il-bażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata. Ir-riformi u l-proġetti ta’ investiment skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż l-objettivi intermedji u l-miri rilevanti u l-objettivi intermedji u l-miri addizzjonali relatati mal-pagament tas-self, l-indikaturi rilevanti marbuta mal-issodisfar tal-objettivi intermedji u l-miri previsti, u l-arranġamenti biex il-Kummissjoni tagħti aċċess sħiħ għad-data rilevanti sottostanti huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Kontribuzzjoni finanzjarja
1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tas-Slovenja kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ appoġġ mhux ripagabbli li jammonta għal EUR 1 776 927 281 8 . L-ammont ta’ EUR 1 280 114 102 għandu jkun disponibbli li jkun impenjat legalment sal-31 ta’ Diċembru 2022. Soġġett għall-aġġornament previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 li jikkalkola ammont għas-Slovenja li jkun ugwali għal dan l-ammont jew ogħla minnu, ammont ulterjuri ta’ EUR 496 813 179 għandu jkun disponibbli biex jiġi impenjat legalment mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.
2.Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni disponibbli għas-Slovenja fi ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. L-ammont ta’ EUR 231 000 547 għandu jsir disponibbli bħala pagament ta’ prefinanzjament, ugwali għal 13 fil-mija tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni tista’ tiżborża l-prefinanzjament u ħlasijiet parzjali f’segment wieħed jew f’diversi segmenti. Id-daqs tas-segmenti għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament.
3.Il-prefinanzjament għandu jkun rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità mal-Ftehim ta’ Finanzjament previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Il-prefinanzjament għandu jitħallas billi jitnaqqas proporzjonalment mill-pagament tal-ħlasijiet parzjali.
4.Ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Ftehim ta’ Finanzjament għandu jkun kondizzjonali għall-finanzjament disponibbli u deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/241, li s-Slovenja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-objettivi intermedji u l-miri rilevanti identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-impenji legali msemmija fil-paragrafu 1, sabiex wieħed ikun eliġibbli għal pagament, l-objettivi intermedji u l-miri għandhom jitlestew sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2026.
Artikolu 3
Appoġġ fil-forma ta’ self
1.L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli self lis-Slovenja li jammonta għal massimu ta’ EUR 705 370 000.
2.Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-appoġġ fil-forma ta’ self disponibbli għas-Slovenja fi ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Il-ħlasijiet parzjali jistgħu jiġu żborżati mill-Kummissjoni f’segment wieħed jew aktar. Id-daqs tas-segmenti għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament.
3.Ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Ftehim ta’ Self għandu jkun kondizzjonali għall-finanzjament disponibbli u deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/241, li s-Slovenja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri addizzjonali koperti bis-self u identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Għall-eliġibbiltà għall-pagament, l-objettivi intermedji u l-miri addizzjonali koperti mis-self għandhom jitlestew sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2026.
Artikolu 4
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President