|
24.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 340/257 |
RIŻOLUZZJONIÁ (UE) 2021/1588 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tad-29 ta’ April 2021
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) (qabel it-12 ta' Diċembru 2019: Eurojust) għas-sena finanzjarja 2019
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) għas-sena finanzjarja 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0101/2021), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2019 kien ta' EUR 38 954 265, li jirrappreżenta żieda ta' 0,90 % meta mqabbel mal-2018; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa kważi esklużivament derivat mill-baġit tal-Unjoni; |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), issostni li għandha fil-pussess tagħha aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,88 %, li tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta' 0,05 % meta mqabbla mal-2018; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 90,61 %, li tirrappreżenta żieda ta' 3,70 % meta mqabbla mal-2018; |
|
2. |
Jinnota li fl-2019 il-baġit tal-Aġenzija kien ta' EUR 38 100 000, EUR 3 000 000 inqas mit-talba tal-Aġenzija għall-2019; josserva li konsegwentement, l-Aġenzija ressqet talba għal baġit emendatorju lill-Kummissjoni biex tagħmel tajjeb għan-nuqqas fir-rigward tas-salarji tal-persunal temporanju u kuntrattwali; jinnota li l-Kummissjoni approvat trasferiment ta' EUR 777 000 lill-Aġenzija f'Ottubru 2019; jissottolinja li fl-istennija tal-eżitu tat-talba, iddaħħlu fis-seħħ miżuri ta' mitigazzjoni, li dewmu għadd ta' attivitajiet; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika d-diskussjonijiet tagħha mal-Aġenzija qabel l-allokazzjonijiet baġitarji annwali futuri; |
Prestazzjoni
|
3. |
Jinnota li l-Aġenzija tuża ċerti għodod bħall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u għodod oħra biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħaż-żieda fin-numru ta' referenzi għall-Aġenzija fid-dokumenti tal-Unjoni, il-perċentwal ta' kontribuzzjonijiet formali u informali bil-miktub għall-abbozz ta' leġiżlazzjoni tal-Unjoni aċċettat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u l-implimentazzjoni tal-baġit; jinnota li l-Aġenzija ddefiniet 90 indikatur ewlieni tal-prestazzjoni fil-Programm ta' Ħidma Annwali għall-2019 li jirrappreżentaw tnaqqis ta' 24 % tal-KPIs meta mqabbla mal-KPIs definiti fil-Programm ta' Ħidma Annwali għall-2018; jinnota li r-rata ta' kisba tal-65 KPI li kienu rilevanti, li setgħu jitkejlu u ivvalutati kienet ta' 71 % u li l-29 % l-oħra ma nkisbux minħabba raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-Aġenzija u b'hekk se ssir evalwazzjoni mill-ġdid tal-użu ta' dawn l-KPIs fil-programmi ta' ħidma annwali futuri; |
|
4. |
Ifakkar lill-Aġenzija biex tirrieżamina u taġġorna regolarment is-sistema ta' kejl tal-prestazzjoni u l-KPIs tagħha biex tiżgura l-kontribut effiċjenti u l-għarfien espert tal-Aġenzija fil-livell tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tanalizza l-eżiti bir-reqqa ta' tali rieżamijiet u tużahom biex ittejjeb l-istrateġija u l-ippjanar tal-attività tagħha; |
|
5. |
Jinnota li fit-12 ta' Diċembru 2019, bl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1727 bħala l-bażi ġuridika l-ġdida tagħha, l-Aġenzija saret uffiċjalment l-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust); jinnota b'apprezzament li matul l-2019, l-Aġenzija żgurat li l-modifiki prinċipali rilevanti kollha li ġab miegħu l-qafas ġuridiku l-ġdid ġew implimentati f'waqthom; |
|
6. |
Jinnota li l-Fażi II tar-ristrutturar organizzattiv tal-Aġenzija tlestiet f'Jannar 2019 u li matul l-2019 l-Aġenzija kkonsolidat l-istruttura l-ġdida billi pprovdiet taħriġ lill-membri tal-persunal fir-rwoli l-ġodda tagħhom u ffaċilitat workshops biex tassisti lill-unitajiet il-ġodda jiddefinixxu l-istqarrijiet tal-missjoni tagħhom; |
|
7. |
Jenfasizza r-rwol importanti li għandha l-Aġenzija f'li tassisti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-prosekuzzjoni tal-kriminalità transfruntiera serja u organizzata; |
|
8. |
Jenfasizza li matul l-2019, kienet meħtieġa assistenza mill-Aġenzija f'7 804 investigazzjoni kriminali transfruntiera, żieda ta' 17 % meta mqabbla mal-2018, fejn 3 892 minn dawk l-investigazzjonijiet kienu każijiet ġodda miftuħa fl-2019, żieda ta' 9 % meta mqabbla mal-2018; ifakkar li l-każijiet tal-Aġenzija żdiedu b'mod sinifikanti matul is-snin, mhux biss fl-għadd, iżda wkoll fil-kumplessità, u li din iż-żieda mistennija li tkompli fis-snin li ġejjin; jisħaq li l-Aġenzija twettaq rwol essenzjali fil-katina ta' sigurtà tal-Unjoni u li l-baġit tagħha għandu jikkorrispondi mal-kompiti u l-prijoritajiet tagħha bil-għan li tkun tista' twettaq il-mandat tagħha; jinnota li l-ewwel proposta tal-Kummissjoni tal-baġit tal-2020 indikat nuqqas sinifikanti meta mqabbla mal-ħtiġijiet imbassra tal-Aġenzija; jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija li għandha tingħata r-riżorsi meħtieġa biex twettaq il-mandat tagħha fil-katina tas-sigurtà; |
|
9. |
Jissottolinja ż-żieda kontinwa fl-għadd totali ta' każijiet appoġġjati mill-Aġenzija f'dawn l-aħħar ħames snin u jenfasizza x-xejra reċenti ta' każijiet riferuti lill-Aġenzija li qed isiru dejjem aktar kumplessi u li jeħtieġu appoġġ fuq perjodi itwal; jenfasizza li fl-2019 l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi nazzjonali, li ħadmu flimkien permezz tal-Aġenzija, irnexxielhom iwaqqfu l-kummerċ ta' drogi illeċiti li kellhom valur ta' EUR 2,7 biljun, u madwar EUR 2 biljuni f'assi kriminali ġew sekwestrati jew iffriżati; jissottolinja li l-ammont ta' xogħol mistenni jkompli jiżdied minħabba l-mandat imsaħħaħ il-ġdid li daħal fis-seħħ fl-2019 (2); jenfasizza li l-għadd ta' ċentri ta' koordinazzjoni li kien hemm fl-2019 żdied minn 17 għal 20 (+19%), xhieda tal-popolarità u tal-utilità ta' din l-għodda operazzjonali; jenfasizza r-rwol essenzjali li għandha l-Aġenzija fl-appoġġjar u l-koordinazzjoni tal-ħidma tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità transnazzjonali; |
|
10. |
Jinnota li l-Aġenzija qed tkompli tiżviluppa kooperazzjoni operattiva b'saħħitha mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u ma' sħab oħra tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni, kif ukoll ma' pajjiżi terzi; jinnota li l-Aġenzija ħadmet id f'id ukoll mal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi u mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' każijiet attwali; jinnota li l-Aġenzija pparteċipat ukoll fi proċeduri ta' akkwist konġunt mal-Europol u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija bdiet il-ħidma preparatorja għall-implimentazzjoni tar-relazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) li għadu kif inħoloq, qabel mal-UPPE jkun operattiv; |
|
11. |
Jistieden lill-Aġenzija tkompli żżid il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki ma' aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza fl-oqsma tar-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà; |
Politika dwar il-persunal
|
12. |
Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2019, 98,08 % tat-tabella tal-persunal ġiet implimentata, b'204 aġent temporanju maħtura minn total ta' 208 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbla ma' 209 post tax-xogħol awtorizzati fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, 17-il aġent kuntrattwali u 16,5 minn 21 espert nazzjonali sekondat ekwivalenti għal full-time ħadmu għall-Aġenzija fl-2019; |
|
13. |
Jinnota bi tħassib li ċ-ċifri rrapportati għall-bilanċ tajjeb bejn il-ġeneri fl-ambitu tal-Kulleġġ għall-2018 huma 17-il membru ta' sess maskili u 10 membri ta' sess femminili; jitlob lill-Istati Membri jqisu l-importanza tal-iżgurar tal-bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-Kulleġġ tal-Aġenzija; |
|
14. |
Jieħu nota tal-miżuri eżistenti u l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tipprevjeni l-fastidju; jinnota li, matul l-2019, 12-il membru tal-persunal avviċinaw persuna ta' fiduċja għal parir u dan wassal għall-bidu ta' żewġ proċeduri informali; jinnota li żewġ każijiet ta' allegat fastidju mingħajr involviment minn qabel tal-persuni ta' fiduċja ġew irrappurtati fl-2019 u li ġiet konkluża inkjesta fl-2020; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar is-sejbiet tal-inkjesta; |
|
15. |
Jilqa' l-isforzi tal-Aġenzija biex tibni ambjent u kultura tax-xogħol aktar diversifikati u inklużivi billi tieħu azzjonijiet favur il-persuni b'diżabilità; jitlob lill-Aġenzija tivvaluta l-possibilitajiet ta' tisħiħ u integrazzjoni ulterjuri tal-prinċipji ta' opportunitajiet indaqs fir-reklutaġġ, fit-taħriġ, fl-iżvilupp tal-karriera u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll biex tqajjem sensibilizzazzjoni fost il-persunal dwar dawk l-aspetti; jitlob lill-Aġenzija tqis titjib u modifiki possibbli u raġonevoli tal-binjiet tal-Aġenzija (l-aċċess, it-tagħmir tal-uffiċċju adegwat) għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jew diżabilitajiet oħra; |
|
16. |
Jilqa' t-tlestija tal-osservazzjoni preċedenti tal-Qorti dwar il-pubblikazzjoni ta' avviżi ta' postijiet battala mhux biss fuq is-sit web tal-Aġenzija u fuq il-midja soċjali, iżda wkoll fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal; |
|
17. |
Jinkoraġġixxi lill-Aġenzija timmira li tiżviluppa qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà; |
Akkwist
|
18. |
Jinnota, fir-rigward tas-segwitu għall-konklużjonijiet tal-Qorti għas-sena preċedenti, li l-Aġenzija ffirmat kuntratt qafas tal-IT ma' kumpanija li pprovdiet l-istess servizz fl-ambitu ta' kuntratt qafas preċedenti, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt matul il-proċedura ta' akkwist innegozjata; jinnota li l-pagamenti kollha li saru fl-ambitu ta' dak il-kuntratt qafas u l-kuntratti speċifiċi relatati kollha huma irregolari u li proċedura simplifikata hija aċċettabbli biss f'ċirkostanzi speċifiċi li ma ġewx sostanzjati mill-Aġenzija; jirrikonoxxi mir-risposta tal-Aġenzija, li l-proċedura nnegozjata saret abbażi tal-Artikolu 134(f) tar-Regoli ta' Applikazzjoni tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2462 (3), li jippermetti l-użu ta' din il-proċedura meta bidla tal-fornitur tkun tirriżulta f'inkompatibbiltà jew f'diffikultajiet tekniċi sproporzjonati fit-tħaddim u l-manutenzjoni, u kien għalhekk li din is-soluzzjoni tqieset l-aktar waħda kosteffettiva; jinnota madankollu li l-Aġenzija rrikonoxxiet li d-dokumentazzjoni ta' sostenn għall-kuntratt ma ġġustifikatx b'mod adegwat l-użu ta' din il-proċedura u li hija impenjata li tiżgura li kwalunkwe proċedura futura bħal din tkun iġġustifikata b'mod aktar robust; jitlob lill-Aġenzija tiżgura konformità sħiħa mar-regoli tal-akkwist pubbliku u tikkompleta l-azzjoni relatata mal-osservazzjoni pendenti tal-Qorti; |
Prevenzjoni u ġestjoni ta' kunflitti ta' interess u trasparenza
|
19. |
Jagħraf il-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi kontinwi tagħha biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess; jinnota li l-Bord Eżekuttiv adotta d-Deċiżjoni 2020-07 tal-15 ta' Ġunju 2020 tal-istrateġija aġġornata ta' kontra l-frodi tal-Aġenzija li tissottolinja l-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar ir-regoli interni tal-Aġenzija dwar l-etika u, b'mod partikolari, dwar il-kunflitti ta' interess; jinnota li l-linji gwida tal-Aġenzija dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta ġew emendati mill-Kulleġġ tal-Aġenzija f'Jannar 2019 u li r-rieżami ta' dawk il-linji gwida għadu għaddej u kien mistenni li jiġi ffinalizzat fl-2020; jinnota li l-Kodiċi ta' Etika għall-membri tal-Kulleġġ u tal-Bord Eżekuttiv ġie adottat bid-Deċiżjoni tal-Kulleġġ 2020-09 tal-15 ta' Diċembru 2020; |
|
20. |
Jiddeplora l-fatt li, sal-aħħar ta' Frar 2021, is-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interessi tal-membri tal-Bord Eżekuttiv, il-Presidenza tal-Aġenzija u d-Direttur Amministrattiv għadhom mhumiex ippubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija, minkejja tħabbira li d-dikjarazzjonijiet ta' interess se jkunu disponibbli online mill-15 ta' Frar 2021; jappella lill-Aġenzija tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interessi u tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-miżuri meħuda f'dan ir-rigward; |
|
21. |
Jissottolinja l-fatt li l-qafas etiku attwali li japplika għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni għandu żvantaġġi konsiderevoli minħabba l-frammentazzjoni tiegħu u n-nuqqas ta' konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet eżistenti; jenfasizza li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati billi jiġi stabbilit qafas etiku komuni, li jiżgura l-applikazzjoni ta' standards etiċi għoljin għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni; |
|
22. |
Jissottolinja li ċerti uffiċjali jimlew dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess u jipprovdu awtovalutazzjonijiet fir-rigward tar-rispett tal-istandards etiċi; jenfasizza, madankollu, li tali awtodikjarazzjonijiet u awtovalutazzjonijiet mhumiex biżżejjed u li għalhekk huwa meħtieġ skrutinju addizzjonali; |
Kontrolli interni
|
23. |
Jinnota li permezz tad-Deċiżjoni tal-Kulleġġ tal-Aġenzija 2016-16 tal-10 ta' Diċembru 2019, ġie adottat il-qafas ta' kontroll intern rivedut tal-Aġenzija; jinnota li fl-2019, l-Aġenzija wettqet valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istandards ta' kontroll intern tagħha u r-riżultati inkludew sett ta' rakkomandazzjonijiet interni dwar in-nuqqasijiet identifikati, li tqiesu għall-valutazzjoni tal-istat tal-kontrolli interni fl-2019; |
|
24. |
Jinnota li s-servizz tal-awditjar intern (IAS) ħareġ seba' rakkomandazzjonijiet, li l-ebda waħda minnhom ma tqieset bħala kritika, mill-awditu dwar "Kooperazzjoni mal-Europol", u li l-pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ġie ppreżentat lill-IAS f'Lulju 2019 u ġie eżaminat kull tliet xhur; jinnota li l-Aġenzija għandha żewġ rakkomandazzjonijiet miftuħa mill-IAS fir-rigward tal-awditu dwar il-ġestjoni bbażata fuq l-attività; jinnota li l-Aġenzija ppreżentat input aġġornat dwar il-progress miksub lill-IAS, fejn immarkat 8 mid-9 rakkomandazzjoni pendenti bħala implimentati u lesti għall-valutazzjoni mill-IAS u l-għeluq finali; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar; |
Ġestjoni tal-ambjent
|
25. |
Jinnota b'apprezzament li l-bini tal-Aġenzija rċieva t-tikketta tas-sostenibbiltà "tajjeb ħafna" u l-Aġenzija timmonitorja x-xejriet tal-konsum tal-enerġija u tal-ilma bil-għan li taġġusta l-prattiki u tnaqqas il-konsum; jilqa' l-fatt li, barra minn hekk, l-Aġenzija tirriċikla oġġetti li jistgħu jerġgħu jintużaw u provvisti tal-uffiċċju, u tippromwovi l-użu ta' alternattivi elettroniċi minflok il-karta; |
Kummenti oħra
|
26. |
Jinnota li, fir-rigward tal-kooperazzjoni mar-Renju Unit wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ, l-Aġenzija ssorveljat in-negozjati u identifikat l-oqsma ta' impatt u x-xenarji possibbli; jinnota li r-Renju Unit kien il-pajjiż bil-ħames l-akbar numru ta' każijiet megħjuna mill-Aġenzija; |
|
27. |
Iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli tippromwovi l-attivitajiet tagħha biex iżżid il-viżibilità pubblika ta' tali attivitajiet; |
|
28. |
Jilqa' r-regoli ta' proċedura l-ġodda tal-Aġenzija, ir-regoli l-ġodda tagħha fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, il-kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Kummissjoni, l-istrateġija li tispeċifika l-Istati terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-ftehim ta' kooperazzjoni mad-Danimarka, l-istabbiliment ta' Bord Eżekuttiv, il-ħidma preparatorja għall-implimentazzjoni ta' kooperazzjoni effettiva bejn l-Aġenzija u l-UPPE, u l-allinjament tal-iskedi ta' żmien u tal-objettivi fl-ippjanar tal-baġit. |
|
29. |
Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f'termini ta' funzjonament intern u proċeduri ta' ġestjoni u fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tibqa' tkun proattiva f'dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji akkost ta' kollox; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata; |
|
30. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 430, 20.12.2019, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2462 tat-30 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 342, 29.12.2015, p. 7).
(4) Testi adottati, P9_TA(2021)0215.