Brussell, 22.10.2026

COM(2026) 564 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi

{SWD(2026) 318 final}


1.INTRODUZZJONI

1.1. In-Network tal-PES matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni

Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) huma l-awtoritajiet ewlenin li jimplimentaw politiki dwar l-impjiegi biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ dawk li qegħdin ifittxu impjieg, u b’hekk jgħinu biex il-provvista titqabbel mad-domanda fis-suq tax-xogħol. Il-kwalità tas-servizzi tagħhom għandha konsegwenzi diretti fuq l-impatt tal-politiki dwar l-impjiegi fil-prattika u fuq l-impjegabbiltà tal-individwi li jkunu qegħdin ifittxu jew li jkunu qegħdin jagħmlu użu mis-servizzi tagħhom. Il-PES huma atturi ewlenin fl-iżgurar tal-implimentazzjoni b’suċċess tal-inizjattivi ta’ politika rilevanti tal-UE fil-qasam tal-impjiegi u, konsegwentement, fit-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE.

Id-Deċiżjoni 573/2014/UE 1 dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) (“id-Deċiżjoni dwar il-PES”) stabbiliet formalment in-Network Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (“in-Network tal-PES”). In-Network tal-PES għandu l-għan li jrawwem kollaborazzjoni effettiva u effiċjenti bejn il-PES u jipprovdi pjattaforma biex titqabbel il-prestazzjoni tagħhom fil-livell tal-UE, biex jiġu identifikati prattiki tajbin u biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ politiki innovattivi u bbażati fuq l-evidenza dwar l-impjiegi f’konformità mal-prijoritajiet fil-livell tal-UE.

Fl-2020, id-Deċiżjoni dwar il-PES ġiet emendata bid-Deċiżjoni (UE) 2020/1782, li ġeddet il-mandat tan-Network tal-PES sa tmiem l-2027 u introduċiet l-objettivi ewlenin li ġejjin: enfasi akbar fuq l-inklużjoni u l-appoġġ għall-gruppi vulnerabbli; it-trawwim ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv; u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn in-Network tal-PES u l-komunità usa’ tal-partijiet ikkonċernati tas-suq tax-xogħol. Id-Deċiżjoni emendata Nru 573/2014/UE tirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta sat-30 ta’ Settembru 2026 rapport ta’ evalwazzjoni dwar kif ġiet implimentata d-Deċiżjoni. Fl-2023, in-Network għadda għal programm ta’ ħidma pluriennali (aġġornat kull sena) biex jissimplifika l-attivitajiet u biex jirrazzjonalizza l-ippjanar, filwaqt li jikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni. Bħala parti mill-isforzi kontinwi biex jiġu ssimplifikati u razzjonalizzati l-proċessi tal-ġbir tad-data, in-Network saħħaħ ukoll is-sinerġiji bejn il-ġbir tad-data għall-valutazzjoni komparattiva tal-PES u l-bażi tad-data tal-Politiki tas-Suq tax-Xogħol tal-Kummissjoni Ewropea.

In-Network ilaqqa’ flimkien il-PES tal-Istati Membri tal-UE, tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein u tan-Norveġja, u l-Kummissjoni Ewropea. L-istrutturi tal-PES ivarjaw skont il-pajjiż, b’differenzi fl-istatus legali, fl-istruttura organizzazzjonali, fil-grad ta’ indipendenza mill-gvern u fid-distribuzzjoni tal-kompiti fil-livelli amministrattivi.



Il-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) għandu rwol ta’ osservatur fin-Network tal-PES. L-attivitajiet tan-Network huma ffinanzjati taħt il-fergħa tal-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) tal-Fond Soċjali Ewropew+ (FSE+); is-segretarjat tiegħu huwa bbażat fil-Kummissjoni Ewropea.

Filwaqt li r-responsabbiltajiet ewlenin ftit li xejn inbidlu bejn l-2021 u l-2025 2 , il-PES adattaw is-servizzi tagħhom b’rispons għal suq tax-xogħol b’disponibbiltà aktar limitata ta’ ħaddiema meta mqabbla mad-domanda. Fost affarijiet oħra, il-PES iffokaw dejjem aktar fuq sfidi fit-tul u inugwaljanzi strutturali, b’servizzi mmirati lejn gruppi vulnerabbli (eż. persuni qiegħda fit-tul, persuni b’diżabbiltà, żgħażagħ, ħaddiema li għandhom aktar minn 55 sena, persuni spostati mill-Ukrajna u migranti), jew li jkopru dawn il-gruppi taħt objettivi speċifiċi 3 . Barra minn hekk, filwaqt li l-persuni rreġistrati li qegħdin ifittxu impjieg jibqgħu l-gruppi fil-mira ewlenin tagħhom, il-PES żiedu l-isforzi tagħhom biex jipprovdu servizzi għal individwi impjegati f’riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom 4   u biex jappoġġaw persuni barra mill-forza tax-xogħol, inkluż permezz ta’ attivitajiet biex jintlaħqu dawn il-persuni 5 .



1.2. Ħarsa ġenerali lejn il-metodoloġija tal-evalwazzjoni

L-evalwazzjoni vvalutat l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-PES matul il-perjodu 2021-2025 fis-27 Stat Membru tal-UE (EU-27) u fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja.

Dan involva sensiela ta’ kompiti ta’ riċerka biex tinġabar evidenza robusta, inklużi:

·riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni (li tinkludi aktar minn 650 dokument fil-livell tal-UE);

·intervisti fil-livell tal-UE ma’ 38 parti kkonċernata, inklużi sħab soċjali, NGOs, networks rilevanti u organizzazzjonijiet internazzjonali, aġenziji tal-UE u rappreżentanti tal-Kummissjoni;

·żewġ stħarriġiet immirati lejn Konsulenti għall-affarijiet tal-PES Ewropej (AFEPAs) (31 tweġiba), rappreżentanti mill-EMCO u ministeri nazzjonali tal-impjiegi (22 tweġiba);

·żewġ sessjonijiet ta’ ħidma, u sitt studji tal-każijiet tal-pajjiżi (BG, DE, ES, FI, LT, SI) 6 .

Sejħa għal evidenza mnedija f’Novembru 2025 baqgħet għaddejja sal-aħħar ta’ Diċembru 2025.

2.SEJBIET EWLENIN U KONKLUŻJONIJIET

Bejn l-2021 u l-2025, in-Network tal-PES wettaq firxa wiesgħa ta’ attivitajiet u pproduċa firxa estensiva ta’ outputs, biex jappoġġa lill-PES f’suq tax-xogħol li qiegħed jinbidel.

Dawn inkludew: (i) attivitajiet ta’ governanza (bil-parteċipazzjoni attiva tal-maniġment superjuri tal-PES, appoġġat mill-AFEPAs); (ii) apprendiment reċiproku (avvenimenti, attivitajiet analitiċi u ta’ komunikazzjoni); (iii) “Apprendiment Komparattiv”, proċess imfassal biex jgħin lill-PES madwar l-Ewropa jtejbu l-prestazzjoni tagħhom billi jqabblu lilhom infushom mal-PES pari tagħhom permezz ta’ valutazzjonijiet kwalitattivi u kwantitattivi; (iv) u l-kontributi għall-politiki ewlenin tal-UE.

Din it-taqsima tiġbor fil-qosor is-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-PES, f’konformità mal-ħames kriterji stabbiliti fil-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar: l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, il-valur miżjud tal-UE, u r-rilevanza.

2.1. Effettività

Filwaqt li tibni fuq is-suċċess tal-perjodu 2014-2020, l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni emendata dwar il-PES kompliet issaħħaħ il-kooperazzjoni u l-apprendiment reċiproku, u tappoġġa l-modernizzazzjoni tal-PES u trasparenza akbar fil-mod kif jaħdmu, filwaqt li tikkontribwixxi għat-tfassil tal-politika fil-livell tal-UE billi tipprovdi l-għarfien espert kollettiv tal-PES Ewropej.

L-Apprendiment Komparattiv irnexxielu b’mod ġenerali jżid it-trasparenza tal-prestazzjoni tal-PES u jħeġġeġ bidla organizzazzjonali, minħabba l-approċċ trażversali u ta’ rieżami bejn il-pari tiegħu, filwaqt li jrawwem kultura ta’ awtoriflessjoni fil-PES kollha. Il-valutazzjonijiet tal-Apprendiment Komparattiv servew dejjem aktar ta’ xprun għal azzjonijiet ta’ segwitu permezz ta’ attivitajiet ta’ apprendiment reċiproku, filwaqt li saħħew ir-rabta bejn id-dijanjożi u l-implimentazzjoni. It-tixrid kurrentament limitat tal-eżiti tal-valutazzjonijiet tal-Apprendiment Komparattiv, filwaqt li jsaħħaħ il-fiduċja fost il-PES parteċipanti, affettwa parzjalment il-viżibbiltà tal-prestazzjoni tal-PES fost il-partijiet ikkonċernati barra min-Network.

In-Network tal-PES jaġixxi bħala komunità ta’ prattika, filwaqt li jrawwem l-iskambju tal-għarfien u l-kooperazzjoni operazzjonali dwar sfidi komuni, li jwassal għall-adozzjoni ta’ prattiki tajbin. Id-disponibbiltà ta’ formati differenti għall-parteċipazzjoni u l-involviment ta’ esperti tematiċi huma fatturi ewlenin ta’ suċċess, bi djalogi tematiċi ta’ apprendiment, gruppi ta’ ħidma, u sessjonijiet ta’ ħidma ta’ rieżami tematiku li jispikkaw bħala partikolarment favorevoli għall-apprendiment bejn il-pari. Il-proġetti ta’ assistenza reċiproka taw ukoll benefiċċji tanġibbli, u għenu lill-PES jindirizzaw direttament oqsma għal titjib li ġew identifikati permezz tal-Apprendiment Komparattiv u tal-proċess tas-Semestru Ewropew.

L-involviment fl-attivitajiet tan-Network wassal għal titjib fil-PES f’diversi oqsma ewlenin, inkluża ġestjoni aħjar tal-prestazzjoni, tal-kwalità u tal-bidla, u approċċi aktar strateġiċi għar-riżorsi umani. L-għoti ta’ servizzi tjieb ukoll, b’mod partikolari fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni, tal-appoġġ għal gruppi vulnerabbli (inklużi persuni b’diżabbiltà), u tas-servizzi mfassla apposta għall-impjegaturi. Diversi eżempji ta’ apprendiment mill-attivitajiet tan-Network tal-PES irriżultaw f’azzjonijiet konkreti f’PES individwali, irrispettivament mid-daqs tagħhom jew mil-livell ta’ maturità tagħhom. Madankollu, il-limitazzjonijiet finanzjarji u ta’ kapaċità (eż. f’PES iżgħar), strutturi differenti (eż. PES ċentralizzati kontra dawk deċentralizzati), u prijoritajiet politiċi nazzjonali kunfliġġenti jkomplu jinfluwenzaw il-ħeffa u l-iskala tal-implimentazzjoni ta’ prattiki tajbin mxerrda permezz tan-Network.

In-Network tal-PES saħħaħ il-kontribut tiegħu għall-iżvilupp, għall-monitoraġġ u għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE. Meta jsir tqabbil mal-perjodu ta’ qabel l-2020, in-Network tal-PES żied il-frekwenza u wessa’ l-ambitu tal-kontributi tiegħu għat-tfassil u għall-monitoraġġ tal-politika tal-UE, permezz ta’ rwoli formali stabbiliti f’Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill (eż. il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-qgħad fit-tul, l-introjtu minimu) u kontributi ad hoc (eż. konsultazzjonijiet immirati, dokumenti ta’ opinjoni). Il-kontributi għall-implimentazzjoni tal-politika twessgħu wkoll permezz tal-iskambju tal-għarfien u ta’ involviment aktar mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-UE. Filwaqt li l-kontributi tan-Network tal-PES għadhom fil-biċċa l-kbira ffukati fuq il-politiki dwar l-impjiegi, ġew identifikati diversi eżempji ta’ kontribut dwar l-aspetti tal-impjiegi ta’ oqsma ta’ politika usa’ (eż. il-migrazzjoni tal-ħaddiema, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, l-edukazzjoni u l-ħiliet). Madankollu, il-viżibbiltà tan-Network fix-xenarju tal-politika tal-UE tibqa’ qasam għal titjib potenzjali, biex jiġi żgurat li l-għarfien espert tiegħu jkun jista’ jintuża ulterjorment.

F’konformità mal-enfasi aktar qawwija fuq il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tas-suq tax-xogħol fid-Deċiżjoni emendata dwar il-PES, il-kollaborazzjoni bejn in-Network u l-atturi ewlenin żdiedet (eż. istituzzjonijiet fil-livell tal-UE u internazzjonali, sħab soċjali, networks u kumitati). Il-partijiet ikkonċernati esterni għan-Network iqisu l-kooperazzjoni bħala qasam li għandu jiġi żviluppat ulterjorment fis-snin li ġejjin.



2.2. Effiċjenza

L-implimentazzjoni tal-attivitajiet tad-Deċiżjoni dwar il-PES kienet kosteffettiva. Il-kost annwali totali tal-appoġġ għan-Network tal-PES u għall-programm ta’ attivitajiet tiegħu huwa stmat għal EUR 2,2 miljun - inqas mill-kost annwali għall-perjodu preċedenti (EUR 3,12 miljun jew EUR 3,99 miljun abbażi tal-prezzijiet tal-2024), primarjament minħabba dipendenza akbar fuq l-għodod diġitali, inkluż għadd akbar ta’ avvenimenti online, li jippermettu li l-attivitajiet isiru b’mod aktar effiċjenti filwaqt li l-kostijiet jinżammu baxxi.

Il-biċċa l-kbira tal-PES ma jimmonitorjawx b’mod sistematiku l-ammont ta’ ħin jew ta’ riżorsi finanzjarji li jiddedikaw għall-parteċipazzjoni tagħhom fin-Network. Fejn ikunu disponibbli, l-istimi jindikaw varjazzjoni konsiderevoli bejn il-pajjiżi, minn 10-30 jum FTE għal 500-1 000 jum fis-sena. Il-kostijiet addizzjonali (eż. l-ivvjaġġar, it-traduzzjoni) kienu ġeneralment baxxi, b’għadd żgħir biss li rrappurtaw livell ogħla ta’ nefqa. Dawn l-investimenti ta’ ħin u flus ġeneralment jitqiesu bħala raġonevoli u proporzjonati għall-benefiċċji miksuba, peress li n-Network jaġixxi bħala katalist għall-modernizzazzjoni tal-PES, għall-iffrankar tar-riżorsi u għar-reżiljenza istituzzjonali.

B’mod partikolari, l-attivitajiet ta’ Apprendiment Komparattiv u ta’ apprendiment reċiproku, filwaqt li jirrikjedu kostijiet bil-quddiem f’termini ta’ ħin tal-persunal, joffru valur partikolarment għoli għall-flus billi jaċċelleraw il-proċessi ta’ riforma, inaqqsu d-duplikazzjoni tal-isforzi, u jappoġġaw użu aktar effiċjenti tar-riżorsi nazzjonali. Dawn l-attivitajiet jiġġeneraw effiċjenzi sinifikanti għall-PES individwali, li jippermettulhom jibbenefikaw minn intelligence dwar żviluppi internazzjonali, pariri dwar il-modernizzazzjoni, u valutazzjoni tal-prestazzjoni.

2.3. Koerenza

Id-Deċiżjoni emendata dwar il-PES hija konsistenti u komplementari mal-politiki tal-UE dwar l-impjiegi u mal-istrumenti ta’ finanzjament relatati (eż. il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-FSE+, is-Semestru Ewropew). Diversi inizjattivi (eż. il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Garanzija Ewropea tal-Ħiliet) jirreferu b’mod espliċitu għan-Network jew għar-rwol ewlieni tal-PES fil-monitoraġġ u fl-implimentazzjoni tagħhom.

Id-Deċiżjoni dwar il-PES hija koerenti wkoll mal-aspetti tal-impjiegi tal-istrumenti leġiżlattivi u ta’ politika li jindirizzaw oqsma ta’ politika usa’ (eż. il-migrazzjoni, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u l-kompetittività) u tikkomplementahom. Bejn l-2021 u l-2025, żdiedu l-isforzi biex jittejbu s-sinerġiji mal-proċessi ta’ politika marbuta mat-tkabbir tal-UE u mal-mobbiltà tal-ħaddiema, kif ukoll mal-aġenziji tal-UE taħt id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (is-Cedefop, l-Eurofound, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ u l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol), b’aktar lok għal titjib.

Id-Deċiżjoni dwar il-PES hija koerenti mal-politiki nazzjonali dwar l-impjiegi u tikkomplementahom, b’attivitajiet tan-Network li spiss jappoġġaw ir-risponsi nazzjonali għall-isfidi komuni tas-suq tax-xogħol.

Id-Deċiżjoni dwar il-PES turi koerenza interna tajba, b’attivitajiet u kontributi xierqa biex jintlaħqu l-objettivi tagħha. Ir-rwol ċentrali ta’ koordinazzjoni tas-segretarjat tan-Network tal-PES huwa essenzjali biex jiġu żgurati l-konsistenza, is-sinerġiji u l-implimentazzjoni effettiva tal-attivitajiet tiegħu.

2.4. Valur miżjud tal-UE

Id-Deċiżjoni emendata dwar il-PES iġġenerat valur miżjud tal-UE, filwaqt li ssottolinjat l-importanza li d-Deċiżjoni tiġi estiża lil hinn mill-2027. Eżempji ewlenin tal-valur miżjud iġġenerat jinkludu: (i) l-aċċellerazzjoni tar-riforma tal-PES permezz ta’ evidenza komparattiva; (ii) apprendiment bejn il-pari u rakkomandazzjonijiet ta’ Apprendiment Komparattiv li jistgħu jiġu implimentati; (iii) id-disponibbiltà ta’ data komparabbli dwar il-prestazzjoni tal-PES fir-rigward ta’ kwistjonijiet differenti tas-suq tax-xogħol; (iv) tixrid aktar rapidu u aktar kosteffettiv ta’ prattiki tajbin; (v) żieda fir-reżiljenza u fil-kapaċità ta’ rispons għall-kriżijiet; (vi) vuċi kollettiva aktar b’saħħitha għall-PES fil-proċessi ta’ politika tal-UE; u (vii) kollaborazzjoni msaħħa fi ħdan l-ekosistema tal-impjiegi.

It-twaqqif tad-Deċiżjoni dwar il-PES ikollu konsegwenzi negattivi sinifikanti, inklużi t-telf ta’ kooperazzjoni strutturata fil-livell tal-UE, innovazzjoni u riforma aktar bil-mod, it-twessigħ tad-disparitajiet bejn il-PES, it-tnaqqis fil-koerenza tal-politika, u kapaċità kollettiva aktar dgħajfa biex ikun hemm rispons għal xokkijiet futuri tas-suq tax-xogħol. Dan ikollu impatt partikolari fuq oqsma fejn l-attivitajiet tan-Network tal-PES kienu aċċelleratur ewlieni tar-riforma - bħad-diġitalizzazzjoni, bħall-integrazzjoni tal-IA, bħas-servizzi għall-impjegaturi u bħall-ġestjoni tal-prestazzjoni.

2.5. Rilevanza

L-objettivi tad-Deċiżjoni emendata dwar il-PES baqgħu rilevanti u flessibbli biex jadattaw għal ħtiġijiet u sfidi ġodda matul il-perjodu 2021–2025. F’dan il-kuntest, in-Network tal-PES wera kapaċità qawwija li jadatta għal kuntesti li qegħdin jinbidlu, filwaqt li jaġġusta l-attivitajiet tiegħu biex jirrispondi għal sfidi ġodda bħall-pandemija tal-COVID-19 u bħall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni emendata dwar il-PES kompliet tirrispondi għall-isfidi persistenti u emerġenti tas-suq tax-xogħol, inkluż in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet, kif ukoll id-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika. Ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tad-Deċiżjoni relatati mal-kooperazzjoni u mal-apprendiment reċiproku ġiet żgurata permezz ta’: (i) l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet li jiffukaw direttament fuq dawn l-isfidi; (ii) l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ewlenin f’attivitajiet usa’; u (iii) it-trawwim ta’ approċċi parteċipattivi għall-iżvilupp ta’ programmi ta’ ħidma u dokumenti strateġiċi li jippermettu l-introduzzjoni ta’ prijoritajiet tematiċi ġodda fejn ikun rilevanti.



3.TAGĦLIMIET MEĦUDA

B’mod ġenerali, is-sejbiet jikkonfermaw livell għoli ta’ kontinwità mar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-2019, filwaqt li jindikaw titjib ċar fil-kooperazzjoni, fil-koerenza u fil-maturità tan-Network. In-Network tal-PES ikkonsolida r-rwol tiegħu, żied ir-rilevanza u l-impatt tiegħu maż-żmien, u huwa apprezzat ħafna kemm mill-membri kif ukoll mill-partijiet ikkonċernati esterni.

L-evalwazzjoni tal-attivitajiet tan-Network tal-PES tipprovdi diversi tagħlimiet importanti li jistgħu jiggwidaw id-direzzjoni strateġika futura tiegħu.

-Żieda fil-parteċipazzjoni permezz ta’ soluzzjonijiet kosteffettivi. In-Network tal-PES jipprovdi firxa dinamika ta’ attivitajiet interkonnessi strateġikament li jappoġġaw il-modernizzazzjoni tal-PES u l-adattament għal xejriet u sfidi ġodda. Teknoloġiji ġodda jistgħu jipprovdu dejjem aktar soluzzjonijiet kosteffettivi għat-twettiq ta’ attivitajiet (laqgħat online) u għat-tixrid ta’ riżultati (eż. permezz ta’ funzjonijiet dinamiċi ta’ tiftix fuq pjattaformi ta’ kondiviżjoni tal-għarfien, jew traduzzjoni awtomatika).

-Tisħiħ tal-viżibbiltà tal-eżiti tal-Apprendiment Komparattiv. Hemm lok biex tiżdied il-viżibbiltà tal-eżiti tal-Apprendiment Komparattiv billi jinxterdu lil hinn min-Network. Aċċess akbar għall-eżiti tal-Apprendiment Komparattiv jista’ jżid is-sinerġiji bejn il-ħidma tan-Network, dik ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn tas-suq tax-xogħol, u l-politiki tal-UE. Madankollu, l-isforzi ta’ tixrid għandhom iqisu l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Apprendiment Komparattiv jibqa’ spazju sigur għall-PES biex jikkondividu informazzjoni sensittiva.

-Tisħiħ tal-kooperazzjoni operazzjonali dwar il-prijoritajiet strateġiċi. In-Network tal-PES wettaq ħidma estensiva biex irawwem l-adozzjoni ta’ approċċi u għodod strateġiċi komuni. Hemm lok biex tkompli tiġi appoġġata kooperazzjoni operazzjonali ulterjuri bejn il-PES dwar prijoritajiet strateġiċi, bħad-diġitalizzazzjoni u bħall-oqfsa tal-kejl tal-prestazzjoni. Dan jista’ jinvolvi li jsir użu minn metodi ppruvati u li jinġabru flimkien ir-riżorsi għall-proġetti pilota u għall-innovazzjoni, billi jittieħdu bħala bażi eżempji ta’ ħolqien ta’ definizzjonijiet u approċċi komuni, pereżempju dwar il-ħiliet u l-impjiegi ekoloġiċi u dwar il-kejl tan-nuqqas ta’ ħaddiema 7 . Għalkemm dan it-tip ta’ kooperazzjoni ma huwiex imsemmi b’mod espliċitu fid-Deċiżjoni dwar il-PES, huwa kompletament konformi mal-objettivi tan-Network u jkun pass ’il quddiem fl-isforzi tan-Network li ilhom għaddejjin għaxar snin biex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-apprendiment reċiproku fost il-PES.

-Tisħiħ u prijoritizzazzjoni tal-kontributi għat-tfassil tal-politika tal-UE. In-Network tal-PES żied l-isforzi tiegħu biex jikkontribwixxi għat-tfassil tal-politika tal-UE, bil-possibbiltà li jwessa’ ulterjorment l-isfera tal-kontributi tiegħu. In-Network jiġi kkonsultat dwar diversi politiki tal-UE dwar l-impjiegi jew l-aspetti tal-impjiegi ta’ oqsma ta’ politika usa’, inkluż billi jikkollabora ma’ strutturi eżistenti (eż. l-EMCO). Jistgħu jitfittxu opportunitajiet ulterjuri biex jingħata kontribut għall-proċessi ta’ politika u biex tissaħħaħ il-viżibbiltà tan-Network bħala attur tal-politika b’għarfien espert sinifikanti dwar l-implimentazzjoni, inkluż fir-rigward tal-kontribut tiegħu għas-Semestru Ewropew u tal-attivazzjoni ta’ dawk li qegħdin jiffaċċjaw ostakli sinifikanti biex jidħlu fil-forza tax-xogħol. Madankollu, dan għandu jiġi vvalutat fid-dawl tar-riżorsi disponibbli kif ukoll tal-prijoritajiet ta’ politika, u jiġi ddeterminat f’konsultazzjoni mal-PES.

-Trawwim ta’ sinerġiji ulterjuri ma’ inizjattivi tal-UE fil-qasam tal-mobbiltà tal-ħaddiema. In-Network tal-PES żied l-isforzi tiegħu biex jikkontribwixxi għal firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, bil-possibbiltà li jibni ulterjorment fuq ir-rwol tiegħu bħala punt ta’ kuntatt ewlieni u spazju għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-politiki tal-UE dwar l-impjiegi. Hekk kif in-Network immatura ulterjorment u tfaċċaw sfidi ġodda, hemm lok għal sinerġiji ulterjuri fil-qasam tal-mobbiltà tal-ħaddiema – pereżempju mal-atturi tal-mobbiltà tal-ħaddiema f’oqsma ta’ rilevanza diretta għall-PES. Dan jikkonċerna, pereżempju, l-appoġġ għall-ħaddiema mobbli permezz tal-EURES, l-iskambju ta’ data u informazzjoni f’każ ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad, fil-kuntest tal-Iskambju Ewropew ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI), u l-gwida għall-karriera u l-valutazzjoni tal-ħiliet ipprovduti permezz tal-Europass.

-Żvilupp ta’ qafas ta’ monitoraġġ sistematiku u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. Sal-lum, l-isforzi ta’ monitoraġġ iffukaw primarjament fuq il-ġbir ta’ feedback dwar attivitajiet individwali u l-ġbir ta’ data dwar l-involviment u l-ilħuq fir-rigward tal-outputs tal-komunikazzjoni. Il-monitoraġġ tal-impatt tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma varja maż-żmien. Bħalissa hemm nuqqas ta’ proċess jew qafas intern aktar sistematiku, ibbażat fuq indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, biex tiġi mmonitorjata b’mod sistematiku l-prestazzjoni tan-Network innifsu. Qafas bħal dan jista’ jiġi żviluppat min-Network u mill-membri tiegħu biex jitkejlu b’mod aktar sistematiku r-riżultati tal-attivitajiet tan-Network tal-PES maż-żmien, filwaqt li jiġu appoġġati l-aġġustamenti neċessarji għal impatt u kosteffettività kontinwi. Filwaqt li jibni fuq l-attivitajiet ta’ monitoraġġ żviluppati sa issa, dan jipprovdi approċċ aktar konsistenti u konsolidat, filwaqt li jżomm il-piż amministrattiv u ta’ rapportar għall-minimu neċessarju.

-Kondiviżjoni tal-għarfien aktar sistematika u inizjattivi konġunti mas-sħab. Maż-żmien, in-Network tal-PES żied il-kooperazzjoni tiegħu ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn tas-suq tax-xogħol u l-isforzi tiegħu biex jilħaqhom, b’ambitu biex tissaħħaħ ulterjorment il-kollaborazzjoni. Dan jista’ jinvolvi l-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet komuni, kondiviżjoni aktar sistematika tal-għarfien, l-iżvilupp ta’ inizjattivi konġunti u ż-żieda fil-parteċipazzjoni f’kumitati u avvenimenti rilevanti, abbażi tad-disponibbiltà ta’ riżorsi umani u finanzjarji.

-Potenzjal għal titjib ulterjuri fl-effiċjenza. In-Network tal-PES huwa kosteffettiv, u jipprovdi firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ appoġġ b’kost relattivament modest. Madankollu, hemm ambitu limitat għal effiċjenzi ulterjuri, pereżempju billi jiżdied l-użu ta’ għodod diġitali u jiġi żviluppat ċentru ta’ għarfien unifikat (billi jiġu ssimplifikati l-pjattaformi differenti użati għall-kondiviżjoni tad-dokumenti, għall-kokreazzjoni u għar-repożitorji), tiżdied il-kooperazzjoni operazzjonali jew jiġu ssimplifikati l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Jistgħu jinkisbu effiċjenzi ulterjuri billi jitrawmu sinerġiji aktar b’saħħithom mal-aġenziji rilevanti tal-UE (eż. l-Eurofound, is-Cedefop, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ) u billi jingħata kontribut għall-ħidma tagħhom, u b’hekk jitnaqqas l-għadd ta’ studji u pubblikazzjonijiet tan-Network tal-PES u jittaffa r-riskju ta’ duplikazzjoni. Barra minn hekk, l-aġġustament tal-frekwenza tar-rapportar min-Network jissimplifika l-proċessi ta’ rapportar u jnaqqas il-piż amministrattiv relatat mar-rapportar.

-Bini tal-kapaċità tal-PES u l-aħjar użu tal-finanzjament tal-UE. In-Network tal-PES jippromwovi sinerġiji mal-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-UE (eż. il-Fond Soċjali Ewropew+, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta). Hemm lok għal appoġġ ulterjuri lill-PES fil-bini tal-kapaċità tagħhom u fl-implimentazzjoni tar-riformi tal-PES, b’mod partikolari billi jsir l-aħjar użu possibbli mill-finanzjament disponibbli tal-UE, inkluż fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali ta’ wara l-2027.

-Żgurar tal-kontinwità. Dawk kollha kkonsultati kkonfermaw il-ħtieġa kontinwa tan-Network tal-PES. Wara żewġ evalwazzjonijiet pożittivi konsekuttivi, il-waqfien tad-Deċiżjoni dwar il-PES jirrappreżenta telf sinifikanti għall-kooperazzjoni fil-livell tal-UE, li jwassal għal innovazzjoni u riformi aktar bil-mod, it-twessigħ tad-disparitajiet bejn il-PES, u tnaqqis fil-koerenza tal-politika. Id-Deċiżjoni dwar il-PES tipprovdi qafas robust u flessibbli biex tappoġġa lill-PES fl-indirizzar tal-isfidi kurrenti u futuri u tat-trasformazzjonijiet fis-suq tax-xogħol, filwaqt li tallinja mal-prijoritajiet ta’ politika usa’ u emerġenti tal-UE. Minħabba l-baġit limitat tan-Network u r-rwol stabbilit sew tal-PES bħala atturi ewlenin tas-suq tax-xogħol, l-iżgurar ta’ stabbiltà akbar fit-tul tan-Network jikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni amministrattiva, billi titneħħa l-ħtieġa ta’ tiġdid perjodiku ta’ struttura stabbilita u li tiffunzjona tajjeb. Fl-istess ħin, kif miġbur fil-qosor hawn fuq, hemm lok għal titjib ulterjuri tad-Deċiżjoni permezz ta’ emendi mmirati.

(1)   EUR-Lex - 02014D0573-20210101 - MT - EUR-Lex .
(2) Ir-Rapport dwar il-Kapaċità tal-PES tal-2021 p. 13 u r-Rapport dwar il-Kapaċità tal-PES tal-2025 (inkluż l-Anness 10).
(3)   Trends in PES – Assessment report on PES Capacity - 2025 .
(4)   Early intervention and job-to-job transitions - The evolving role of PES .
(5)   Hidden potential - Publications Office of the EU , Trends in PES – Assessment report on PES Capacity - 2025 .
(6)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Evalwazzjoni li takkumpanja l-proposta għal Deċiżjoni riveduta dwar in-Network tal-PES tippreżenta l-metodoloġija f’aktar dettall.

(7)

Għal aktar informazzjoni, ara l-Kaxxa 4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.