|
26.1.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 24/19 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/57
tal-25 ta’ Jannar 2021
li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) rigward iċ-ċomb fil-pritkuni sparati fl-artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jistabbilixxi restrizzjonijiet fuq il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ċerti sustanzi, taħlitiet u oġġetti perikolużi. L-entrata 63 ta’ dak l-Anness tipprevedi r-restrizzjonijiet fuq iċ-ċomb (Nru CAS 7439-92-1, Nru KE 231-100-4) u fuq il-komposti taċ-ċomb. |
|
(2) |
L-Unjoni u 23 Stat Membru tagħha huma Partijiet Kontraenti tal-Ftehim dwar il-konservazzjoni tal-għasafar tal-ilma migratorji Afro-Ewroasjatiċi (2) (AEWA). Skont il-paragrafu 4.1.4 tal-Pjan ta’ Azzjoni li huwa anness mal-AEWA, il-Partijiet Kontraenti huma meħtieġa jagħmlu l-isforzi biex kemm jista’ jkun malajr jibdew ftit ftit jeliminaw l-użu taċ-ċomb mill-kaċċa fl-artijiet mistagħdra, skont skedi li imponew huma stess u li ġew ippubblikati. |
|
(3) |
L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jeżiġi li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali, fil-miżuri ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji regolari. |
|
(4) |
Fit-3 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) biex, skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, tħejji dossier bil-mira li tiġi estiża r-restrizzjoni fuq iċ-ċomb u l-komposti taċ-ċomb fl-Anness XVII ta’ dak ir-Regolament ħalli jiġi kkontrollat ir-riskju għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem mill-użu taċ-ċomb u tal-komposti taċ-ċomb fil-pritkuni li jiġu sparati fl-artijiet mistagħdra (“id-dossier tal-Anness XV”). Sadattant, il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija tibda tiġbor ukoll l-informazzjoni dwar użi oħrajn tal-munizzjon magħmul biċ-ċomb, fosthom il-kaċċa f’tipi ta’ art oħra barra l-artijiet mistagħdra, it-tir għall-bersall, u dwar l-użu taċ-ċomb biex itaqqal ix-xbieki u l-ħbula tas-sajd. |
|
(5) |
Fil-21 ta’ Ġunju 2017, l-Aġenzija ppubblikat id-dossier tal-Anness XV (4) fejn ipproponiet l-introduzzjoni ta’ restrizzjoni fuq l-użu taċ-ċomb u l-komposti taċ-ċomb fil-pritkuni li jiġu sparati mis-snieter f’artijiet mistagħdra jew f’postijiet fejn il-pritkuni sparati jaqgħu f’art mistagħdra. L-Aġenzija pproponiet ukoll l-introduzzjoni ta’ restrizzjoni fuq il-pussess tal-pritkuni li jkun fihom konċentrazzjoni ta’ ċomb ta’ 1 % jew iżjed (“pritkuni taċ-ċomb”) fl-artijiet mistagħdra biex tiġi infurzata aħjar ir-restrizzjoni fuq l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni li jiġu sparati. L-Aġenzija kkonkludiet li l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni f’artijiet mistagħdra huwa ta’ riskju għall-għasafar li jibilgħu ċ-ċombiet li jkunu waqgħu, liema riskju jkollu effetti tossikoloġiċi, fosthom il-mewt. |
|
(6) |
L-għadd stmat ta’ għasafar tal-ilma li jmutu vvelenati biċ-ċomb fl-Unjoni huwa madwar miljun fis-sena. L-użu taċ-ċomb fil-pritkuni huwa ta’ riskju wkoll għall-ispeċijiet li jieklu l-għasafar li jkunu kkontaminati bil-pritkuni taċ-ċomb u ta’ riskju għall-bnedmin li jieklu l-għasafar tal-ilma li jinqatlu biċ-ċombiet, iżda dan l-aħħar riskju ġie vvalutat biss b’mod kwalitattiv mill-Aġenzija. L-esponiment tal-bnedmin għaċ-ċomb huwa assoċjat ma’ effetti fuq l-iżvilupp newroloġiku, ma’ funzjonament insuffiċjenti tal-kliewi u ma’ nuqqas ta’ fertilità, ma’ pressjoni għolja, ma’ riżultati ħżiena fit-tqala u mal-mewt. |
|
(7) |
L-Aġenzija kkonkludiet li jeżistu l-alternattivi għall-pritkuni taċ-ċomb, bħall-pritkuni tal-azzar jew tal-bismut, li huma faċilment disponibbli u teknikament fattibbli, u li għandhom profili tar-riskju aħjar għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent minn dak taċ-ċombiet. Barra minn hekk, il-pritkuni tal-azzar, li probabbilment ikunu l-iżjed li jintużaw, jistgħu jinxtraw bi prezz simili għal dak taċ-ċombiet. |
|
(8) |
Diġà jeżistu dispożizzjonijiet li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni fl-artijiet mistagħdra fil-maġġoranza tal-Istati Membri, iżda d-diskrepanzi bejn id-dispożizzjonijiet ta’ pajjiż u ta’ ieħor qed iwasslu għal livelli differenti ta’ kemm jitnaqqas ir-riskju. Minbarra dan, ir-rotot migratorji tal-għasafar tipikament jgħaddu minn fuq għadd ta’ Stati Membri differenti, u għaldaqstant l-għasafar jistgħu jibilgħu ċ-ċombiet sparati f’dawk l-Istati Membri fejn ma hemmx miżuri fis-seħħ jew fejn il-miżuri jkunu limitati. Id-dossier tal-Anness XV juri li hija meħtieġa l-azzjoni madwar l-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati b’mod armonizzat ir-riskji li jġib miegħu l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni fl-artijiet mistagħdra. Iżda l-leġiżlazzjoni armonizzata jenħtieġ li tkun ibbażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni. Għaldaqstant, ir-riżultat tal-armonizzazzjoni ma għandux ikun li tobbliga lil dawk l-Istati Membri li għandhom dispożizzjonijiet aktar stretti dwar iċ-ċomb fil-pritkuni jabbandunaw id-dispożizzjonijiet tagħhom, għaliex dan iwassal għal tnaqqis fil-livell tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa f’dawk l-Istati Membri. |
|
(9) |
L-Aġenzija ssuġġeriet perjodu ta’ tliet snin biex tiġi introdotta r-restrizzjoni. |
|
(10) |
Fid-9 ta’ Marzu 2018, il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju (RAC) tal-Aġenzija adotta opinjoni skont l-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar id-dossier tal-Anness XV. F’dik l-opinjoni l-RAC qabel mal-konklużjoni tal-Aġenzija li l-inġestjoni mill-għasafar tal-ilma taċ-ċombiet sparati tikkawża effetti tossikoloġiċi, fosthom il-mewt. F’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa tal-bniedem, l-RAC ikkonkluda li ċ-ċomb huwa tossiku ħafna u li ma ġiex stabbilit limitu massimu la għall-effetti fuq l-iżvilupp newroloġiku tat-tfal, u lanqas fuq il-pressjoni għolja u l-effetti fuq il-kliewi fl-adulti, u b’hekk, kwalunkwe ammont ta’ esponiment għaċ-ċomb jikkostitwixxi riskju. L-RAC ikkonkluda li r-restrizzjoni proposta hija miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati. |
|
(11) |
L-RAC kien ħafna favur perjodu iqsar mit-tliet snin li pproponiet l-Aġenzija. Ir-raġuni li ta għal dan kienet li għal kull sena ta’ dewmien ir-riżultat ikun 4 000 tunnellata iżjed ta’ ċomb li jiġi rrilaxxat fiż-żoni mistagħdra, li jikkawża l-mewt ta’ madwar miljun għasfur. |
|
(12) |
Fl-14 ta’ Ġunju 2018, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika (SEAC) tal-Aġenzija adotta opinjoni skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, fejn ikkonkluda li r-restrizzjoni proposta tkun xierqa bħala miżura li tittieħed mal-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati, meta wieħed iqis li l-benefiċċji soċjoekonomiċi tagħha huma proporzjonati mal-kostijiet soċjoekonomiċi. Barra minn hekk, l-SEAC ikkonkluda li l-ispejjeż tar-restrizzjoni proposta jġarrbuhom il-kaċċaturi, u li ż-żieda fl-ispiża għall-kaċċaturi hija waħda raġonevoli. |
|
(13) |
L-SEAC kien tal-fehma li perjodu iqsar mit-tliet xhur issuġġeriti fid-dossier tal-Anness XV jista’ joħloq diffikultajiet fl-implimentazzjoni għal dawk l-Istati Membri li attwalment għandhom projbizzjoni limitata jew li ma għandhom l-ebda projbizzjoni fuq l-użu tal-pritkuni taċ-ċomb fl-artijiet mistagħdra; fl-istess ħin l-SEAC ammetta wkoll li perjodu tranżizzjonali iqsar jista’ jkun fattibbli meta wieħed iqis li l-pritkuni mingħajr ċomb huma diġà disponibbli fis-suq u li, f’termini ta’ aktar spejjeż minħabba li s-snieter ikollhom jinbidlu aktar malajr, perjodu iqsar ikollu biss impatt żgħir. |
|
(14) |
Il-Forum għall-Iskambju tal-Informazzjoni dwar l-Infurzar ġie kkonsultat waqt il-proċess tar-restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 77(4)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew ikkunsidrati. |
|
(15) |
Fis-17 ta’ Awwissu 2018, l-Aġenzija ressqet l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC (5) lill-Kummissjoni. |
|
(16) |
Meta jitqiesu d-dossier tal-Anness XV, l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC, l-impatt soċjoekonomiku u d-disponibbiltà ta’ alternattivi, il-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm riskju inaċċettabbli għall-ambjent u riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem ikkawżat mir-rilaxx ta’ ċombiet fl-artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom, u dan jeħtieġ li jiġi indirizzat mal-Unjoni kollha. Għaldaqstant jixraq li tiġi introdotta restrizzjoni fuq l-att ta’ sparar li jirrilaxxa ċ-ċomb fl-artijiet mistagħdra u fl-inħawi tagħhom. |
|
(17) |
Minħabba li huwa diffiċli li l-awtoritajiet jaqbdu lill-kaċċaturi fl-att li jisparaw, jenħtieġ li r-restrizzjoni tkun ukoll fuq il-ġarr tal-pritkuni taċ-ċomb waqt ħarġa għall-isparar. B’hekk ikun possibbli li tiġi infurzata b’ħafna aktar effikaċja r-restrizzjoni fuq l-isparar tal-pritkuni taċ-ċomb u għalhekk tkun żgurata l-effikaċja tar-restrizzjoni biex jiġu indirizzati r-riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem li ġew identifikati. Jenħtieġ li r-restrizzjoni ma tkunx marbuta mad-drittijiet tal-pussess. Għaldaqstant jenħtieġ li jintuża t-terminu “ġarr” minflok “pussess”, li kien it-terminu li ssuġġeriet l-Aġenzija. |
|
(18) |
Jenħtieġ li r-restrizzjoni fuq il-ġarr ta’ pritkuni taċ-ċomb tkun tapplika b’mod speċifiku għall-ġarr meta persuna tkun ħarġet tispara, u mhux għall-ġarr f’kuntest differenti, pereżempju waqt li dak li jkun ikun qed jittrasporta l-pritkuni f’artijiet mistagħdra biex iwassalhom xi mkien ieħor. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-restrizzjoni fuq il-ġarr jenħtieġ li tkun marbuta direttament ma’ tip ta’ sparar partikolari fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni (l-isparar f’artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom). Dan minħabba li xi osservazzjonijiet li tressqu waqt il-konsultazzjoni pubblika dwar id-dossier tal-Anness XV indikaw li f’xi Stati Membri, il-kaċċaturi li jkunu qed jieħdu sehem f’tipi oħra ta’ sparar ħafna drabi jimxu f’tipi ta’ art diversi, fosthom artijiet mistagħdra, f’ġurnata tipika meta jkunu qed jisparaw. Il-Kummissjoni hija tal-fehma wkoll li biex l-infurzar ikun iżjed effikaċi, ir-restrizzjoni fuq il-ġarr jenħtieġ li tkun tkopri mhux biss il-ġarr waqt li dak li jkun ħareġ jispara f’artijiet mistagħdra, iżda wkoll il-ġarr bħala parti minn ħarġa għall-isparar f’artijiet mistagħdra, fi kliem ieħor, meta jkun hemm rabta mill-qrib mal-att tal-isparar. B’hekk, pereżempju, ikun kopert il-ġarr anki meta dak li jkun ikun fi triqtu lejn ġurnata ta’ sparar f’artijiet mistagħdra jew ikun sejjer lura d-dar wara, u anki l-ġarr minn xi ħadd li jkun qed jgħin lill-kaċċaturi waqt ħarġa għall-isparar. |
|
(19) |
Minħabba d-diffikultajiet prattiċi biex jiġi ppruvat x’tip ta’ sparar ikun biħsiebu jagħmel xi ħadd li jinsab li jkun qed iġorr il-pritkuni taċ-ċomb, jixraq li tiġi stabbilita preżunzjoni legali li kull min jinstab bil-pritkuni taċ-ċomb f’artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom waqt ħarġa għall-isparar, jew bħala parti minn ħarġa għall-isparar f’artijiet mistagħdra, ikun preżunt li jkun qed iġorr dawk il-pritkuni waqt li jkun ħareġ jispara, jew bħala parti minn dik il-ħarġa għall-isparar. Fi kliem ieħor, ikun id-dmir ta’ dik il-persuna li tagħti l-provi li fil-fatt kellha l-intenzjoni li tikkaċċja xi mkien ieħor u li kienet biss qed taqsam l-art mistagħdra biex tasal xi mkien ieħor għall-kaċċa. |
|
(20) |
F’dak li għandu x’jaqsam mal-ambitu ġeografiku, l-Aġenzija pproponiet li r-restrizzjoni fuq l-isparar ta’ pritkuni taċ-ċomb jenħtieġ li tkun tapplika mhux biss f’artijiet mistagħdra, iżda wkoll f’żoni fejn “il-pritkuni sparati jaqgħu f’art mistagħdra”. Il-Kummissjoni tosserva li fl-RAC kien hemm min kien favur definizzjoni kwantitattiva ta’ żona ta’ lqugħ fissa madwar l-artijiet mistagħdra, flok li wieħed ikollu joqgħod fuq test ibbażat fuq fejn jaqgħu l-pritkuni sparati. Il-Kummissjoni taqbel li żona ta’ lqugħ fissa wisq probabbli tgħin biex dak li jkun jikkonforma mar-restrizzjoni u li din tiġi infurzata. Għaldaqstant jenħtieġ li r-restrizzjoni tkun tapplika għall-isparar ta’ pritkuni taċ-ċomb mhux biss f’artijiet mistagħdra iżda wkoll f’żona ta’ lqugħ fissa li tiġi ddefinita b’mod kwantitattiv. Meta wieħed iqis il-ħtieġa li tkun żgurata l-proporzjonalità, id-daqs taż-żona ta’ lqugħ jenħtieġ li tiġi ffissata għal 100 metru madwar l-artijiet mistagħdra. |
|
(21) |
Minħabba l-vantaġġi marbuta mal-infurzar u mal-effikaċja tar-restrizzjoni li jkun hemm meta l-kaċċaturi ma jridux bilfors jinqabdu fl-att reali ta’ sparar ta’ pritkuni taċ-ċomb, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jkun xieraq li r-restrizzjoni fuq il-ġarr tal-pritkuni taċ-ċomb ma tkunx ristretta biss għall-ġarr f’artijiet mistagħdra, iżda tkun ukoll fuq il-ġarr fiż-żona ta’ lqugħ fissa madwar l-artijiet mistagħdra. |
|
(22) |
Billi l-pritkuni b’mod ġenerali mhumiex maħsubin u ma jitqegħdux fis-suq biss biex jintużaw f’artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom, restrizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq taċ-ċomb fil-pritkuni taffettwa l-isparar f’kull tip ta’ art. Għalhekk, jenħtieġ li r-restrizzjoni tkun limitata għall-isparar u għall-ġarr tal-pritkuni taċ-ċomb. |
|
(23) |
Jenħtieġ li r-restrizzjoni tkun tapplika għal pritkuni taċ-ċomb li fihom konċentrazzjoni ta’ ċomb ta’ 1 % jew iżjed. Il-konċentrazzjoni ta’ 1 % hija l-limitu applikat għall-proċess tal-approvazzjoni ta’ pritkuni “mhux tossiċi” fl-Istati Uniti tal-Amerka biex jiġi evitat il-periklu ta’ tossiċità sinifikanti għall-għasafar migratorji u għal annimali selvaġġi oħra, jew għall-ħabitats tagħhom. Barra minn hekk, limitu massimu ta’ konċentrazzjoni ta’ 1 % għar-restrizzjoni jitqies li huwa biżżejjed biex jindirizza r-riskji ta’ materjal tal-isparar li fih iċ-ċomb, filwaqt li huwa faċli biex jilħquh il-produtturi ta’ pritkuni alternattivi, billi xi wħud minn dawk l-alternattivi x’aktarx ikun fihom xi ftit ċomb fil-forma ta’ impurità. |
|
(24) |
Jixraq li, għall-finijiet tar-restrizzjoni, tiġi riflessa d-definizzjoni ta’ “artijiet mistagħdra” li ntużat fil-Konvenzjoni dwar l-Artijiet Mistagħdra ta’ Importanza Internazzjonali (il-Konvenzjoni ta’ Ramsar) li ġiet iffirmata f’Ramsar fit-2 ta’ Frar 1971, kif ġie propost mill-Aġenzija u kif ġie kkonfermat fl-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC, billi dik id-definizzjoni hija komprensiva u tkopri kull tip ta’ art mistagħdra (fosthom it-torbiera, fejn jinsabu ħafna għasafar tal-ilma wkoll), u billi l-Konvenzjoni ta’ Ramsar żviluppat ukoll sistema ta’ klassifikazzjoni tat-tipi ta’ artijiet mistagħdra li tgħin għall-identifikazzjoni tal-artijiet mistagħdra. |
|
(25) |
Jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati jingħataw biżżejjed żmien biex jieħdu l-miżuri xierqa biex jikkonformaw mar-restrizzjoni, u li l-Istati Membri jingħataw biżżejjed żmien biex jitħejjew għall-infurzar tagħha. Meta jitqiesu l-fehmiet li wrew l-RAC u l-SEAC dwar il-fattibbiltà u l-pertinenza ta’ perjodu iqsar mit-tliet snin proposti mill-Aġenzija, u meta jitqies b’mod partikolari l-impatt stmat ta’ kull sena li jiddaħħal aktar ċomb fl-artijiet mistagħdra bl-użu tal-pritkuni taċ-ċomb, l-applikazzjoni tar-restrizzjoni jenħtieġ li tiġi diferita b’24 xahar. |
|
(26) |
F’Settembru tal-2018, l-Aġenzija ppubblikat ir-riżultati ta’ rapport ta’ investigazzjoni (6) li evalwat mill-ġdid l-informazzjoni disponibbli dwar l-użi diversi taċ-ċomb, fost l-oħrajn l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni f’żoni li mhumiex artijiet mistagħdra, jiġifieri f’ambjenti terrestri. Billi r-rapport tal-investigazzjoni sab, fost affarijiet oħra, li l-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li l-użu tal-pritkuni taċ-ċomb f’ambjenti terrestri kien ta’ riskju kemm għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għall-ambjent, fl-2019 il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija tħejji d-dossier tal-Anness XV bil-għan li possibbilment issir restrizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq u fuq l-użu taċ-ċomb fil-munizzjon u fit-tagħmir tas-sajd (7). |
|
(27) |
Barra minn hekk, fl-opinjonijiet tagħhom fid-dossier tal-Anness XV dwar l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni għall-isparar fl-artijiet mistagħdra, l-RAC u l-SEAC wrew li qablu mal-fehma tal-Aġenzija li projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq u fuq l-użu tal-pritkuni taċ-ċomb f’kull tip ta’ art tirriżulta f’livell ogħla ta’ protezzjoni ambjentali u tkun aktar effettiva mill-perspettiva prattika u dik tal-infurzar. |
|
(28) |
F’xi Stati Membri, ir-restrizzjoni introdotta permezz ta’ dan ir-Regolament tista’ twassal għal diffikultajiet partikolari minħabba l-kundizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi f’dawk l-Istati Membri. Fl-Istati Membri li għandhom proporzjon kbir ta’ artijiet mistagħdra fit-territorju tagħhom, projbizzjoni fuq l-isparar u fuq il-ġarr tal-pritkuni taċ-ċomb f’artijiet mistagħdra u fl-inħawi tagħhom tista’ fil-prattika jkollha effett simili għal projbizzjoni totali ta’ kull tip ta’ sparar mat-territorju kollu, billi l-kaċċaturi, huma min huma, spiss u kważi b’mod inevitabbli se jsibu ruħhom f’artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom. Barra minn hekk, ir-riżorsi li mbagħad ikunu jridu jintużaw għall-infurzar ta’ restrizzjoni li tkun immirata biss lejn żoni f’artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom jistgħu ma jkunux wisq inqas, u tabilħaqq jistgħu jkunu iktar, mir-riżorsi meħtieġa biex tiġi infurzata restrizzjoni li tkopri t-territorju kollu tagħhom. |
|
(29) |
Minħabba d-diffikultajiet deskritti, il-ħtieġa li l-miżura tkun mhux biss effettiva, iżda sempliċi u ġusta wkoll għall-komunità tal-kaċċaturi kollha, u minħabba r-riżultati tar-rapport tal-investigazzjoni tal-Aġenzija, u minħabba l-fehmiet tal-RAC u tal-SEAC, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li dawk l-Istati Membri fejn x’aktarx ikun hemm dan it-tip ta’ diffikultajiet jingħataw l-għażla li jimponu restrizzjoni differenti fit-territorju tagħhom, li tkun tipprojbixxi kemm it-tqegħid fis-suq tal-pritkuni taċ-ċomb, kif ukoll l-isparar u l-ġarr tagħhom fit-territorju kollu tagħhom, kemm fl-artijiet mistagħdra kif ukoll f’postijiet oħra, b’rabta ma’ kull tip ta’ sparar. |
|
(30) |
F’ġieħ iċ-ċertezza legali, huwa importanti li jiġu identifikati biċ-ċar l-Istati Membri li huma eliġibbli jagħmlu dik l-għażla jekk jixtiequ. Din l-għażla jenħtieġ li tingħata lil dawk l-Istati Membri li għandhom mill-inqas 20 % tat-territorju tagħhom magħmul minn artijiet mistagħdra. Limitu ta’ 20 % għandu jkun biżżejjed biex ikopri lil dawk l-Istati Membri li x’aktarx se jiltaqgħu ma’ dawk id-diffikultajiet minħabba l-kundizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi tagħhom. |
|
(31) |
Billi r-restrizzjoni li tista’ tiġi imposta minn dawk l-Istati Membri tkun iżjed strinġenti mir-restrizzjoni li tkun limitata biss għaż-żoni tal-artijiet mistagħdra u l-inħawi tagħhom, jixraq li jiġi ffissat perjodu itwal għall-introduzzjoni ta’ dik ir-restrizzjoni. Dak il-perjodu jenħtieġ li jiġi ffissat għal 36 xahar, u dan jikkorrispondi mal-perjodu tranżizzjonali li ssuġġeriet l-Aġenzija oriġinarjament fid-dossier tal-Anness XV. |
|
(32) |
Għar-raġunijiet ta’ trasparenza u ċertezza legali, jenħtieġ li l-Istati Membri li jieħdu dik l-għażla jintalbu biex, sa ċertu żmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom u jikkomunikaw il-miżuri li jkunu adottaw biex jimplimentawha, u jenħtieġ li mingħajr dewmien il-Kummissjoni tippubblika l-avviżi ta’ intenzjoni u t-testi tal-miżuri nazzjonali adottati. |
|
(33) |
Hemm għadd ta’ Stati Membri fejn iseħħu dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni biex jipproteġu l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem li huma aktar stretti minn dawk stipulati f’dan ir-Regolament. Jekk dawk l-Istati Membri jkollhom bilfors inaqqsu l-livell ta’ protezzjoni biex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament, dan jista’ jwassal biex jiżdied l-użu tal-pritkuni taċ-ċomb f’dawk l-Istati Membri. Dan ma jkunx kompatibbli mal-livell għoli ta’ protezzjoni li jitlob l-Artikolu 114(3) tat-Trattat. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw l-għażla li jżommu dawn id-dispożizzjonijiet aktar stretti. |
|
(34) |
Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġi emendat skont dan. |
|
(35) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(2) https://www.unep-aewa.org/sites/default/files/basic_page_documents/agreement_text_english_final.pdf
(3) Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).
(4) https://echa.europa.eu/documents/10162/6ef877d5-94b7-a8f8-1c49-8c07c894fff7
(5) https://echa.europa.eu/documents/10162/b092e670-3266-fb5d-6296-544eaccb5d4a
(6) https://echa.europa.eu/documents/10162/13641/lead_ammunition_investigation_report_en.pdf/efdc0ae4-c7be-ee71-48a3-bb8abe20374a
(7) https://echa.europa.eu/documents/10162/13641/rest_lead_ammunition_COM_request_en.pdf/f607c957-807a-3b7c-07ae-01151001d939
ANNESS
Fl-entrata 63 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin fit-tieni kolonna:
|
|
|