|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/62 |
17.1.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/62
tat-23 ta’ Ottubru 2024
dwar l-iskemi ta’ għajnuna mill-istat SA.56908 (2023/C) (ex 2020/N) – Estensjoni u modifika tal-iskema tal-bijogass għall-fjuwil tal-magni fl-Iżvezja u SA.56125 (2023/C) (ex 2020/N) – Estensjoni u modifika tal-iskema SA.49893 (2018/N) – Eżenzjoni mit-taxxa għall-bijogass u l-bijopropan mhux ibbażati fuq l-ikel fil-ġenerazzjoni tas-sħana implimentati mill-Iżvezja
(notifikata bid-dokument C(2024) 7313)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Wara kuntatti ta’ qabel in-notifika, l-Iżvezja nnotifikat lill-Kummissjoni fl-1 ta’ April 2020, f’konformità mal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), l-estensjoni u l-modifika ta’ skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa għall-bijogass użat bħala fjuwil tal-magni (l-“iskema tal-fjuwil tal-magni”), kif ukoll l-estensjoni u l-modifika ta’ skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq fjuwils rinnovabbli għall-ġenerazzjoni tas-sħana (“l-iskema tal-fjuwil għat-tisħin”) (flimkien, l-“iskemi”). |
|
(2) |
L-iskema tal-fjuwil tal-magni ġiet approvata għall-ewwel darba mill-Kummissjoni fl-2003 (2). Imbagħad ġiet estiża ripetutament u approvata mill-Kummissjoni bħala għajnuna kompatibbli. L-aħħar deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-estensjoni fil-każ SA.43302 (2015/N) (3) kienet ibbażata fuq il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (“EEAG”, Environmental Protection and Energy Aid Guidelines) (4) u kienet valida sal-31 ta’ Diċembru 2020. (5) |
|
(3) |
L-iskema tal-fjuwil għat-tisħin ġiet approvata għall-ewwel darba mill-Kummissjoni fl-2007 (6). Imbagħad ġiet estiża ripetutament u approvata mill-Kummissjoni bħala għajnuna kompatibbli. L-aħħar deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-estensjoni fil-każ SA.49893 (2018/N) (7) kienet ibbażata fuq l-EEAG u kienet valida sal-31 ta’ Diċembru 2020. (8) |
|
(4) |
Fit-18 ta’ Ottubru 2019 u fid-19 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni rċeviet sottomissjonijiet minn Landwärme GmbH (“Landwärme”), produttur Ġermaniż tal-bijometan, dwar il-kumpens żejjed potenzjali tal-produtturi tal-bijogass Daniżi li jirriżulta mill-akkumulazzjoni tal-appoġġ Daniż lill-produtturi tal-bijogass (9) u l-eżenzjoni mit-taxxa Żvediża għall-bijogass. |
|
(5) |
Fid-29 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2020) 4487 final u d-Deċiżjoni C(2020) 4489 final li japprovaw il-modifika u l-estensjoni sal-31 ta’ Diċembru 2030 tal-iskema tal-fjuwil tal-magni (SA.56908 (2020/N)) u tal-iskema tal-fjuwil għat-tisħin (SA.56125 (2020/N)) (“id-Deċiżjonijiet tal-2020”). (10) (11) |
|
(6) |
Fit-13 ta’ Ottubru 2020, Landwärme ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni kontra r-Renju tal-Iżvezja, li fih allegat li l-akkumulazzjoni tal-għajnuna mogħtija fl-Iżvezja taħt l-iskemi ma’ għajnuna oħra, mogħtija minn Stati Membri oħra lill-produtturi tal-bijogass, wasslet għal kumpens żejjed. |
|
(7) |
Fil-21 ta’ Diċembru 2022, wara r-rikors għal annullament ta’ Landwärme, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjonijiet tal-2020 għal raġunijiet proċedurali mingħajr ma ddeċidiet dwar is-sustanza tal-kawżi. (12) |
|
(8) |
Il-Qorti Ġenerali ħadet nota li Landwärme kienet issottomettiet informazzjoni lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Ottubru 2019 u fid-19 ta’ Ġunju 2020, li kienet tikkonċerna prinċipalment l-iskemi ta’ għajnuna li jappoġġaw il-produzzjoni tal-bijogass fid-Danimarka. B’mod partikolari, Landwärme kienet ipprovdiet studju li juri forom differenti ta’ appoġġ għall-bijogass, appoġġ għall-produzzjoni kif ukoll inċentivi biex tiżdied id-domanda bħal tnaqqis fit-taxxa. Hija argumentat li dawn l-iskemi ta’ appoġġ differenti jistgħu jeżistu simultanjament fi Stati Membri differenti, u li tali akkumulazzjoni ta’ għajnuna mogħtija minn Stati Membri differenti tista’ tirriżulta f’kumpens żejjed għall-produtturi tal-bijogass fi Stati Membri oħra li kieku kellhom ibigħu l-bijogass fl-Iżvezja. Landwärme rreferiet b’mod espliċitu għall-għajnuna mogħtija mid-Danimarka u mill-Iżvezja. (13) |
|
(9) |
Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-benefiċjarji tal-iskema Żvediża huma x-xerrejja tal-bijogass fl-Iżvezja. Filwaqt li t-tnaqqis fit-taxxa ma jkollux impatt fuq il-kost tal-produzzjoni tal-bijogass, dan ukoll jibbenefika indirettament lill-produtturi tal-bijogass li jesportaw lejn l-Iżvezja, peress li, minħabba l-eżenzjonijiet mit-taxxa, ikunu jistgħu jbigħu l-bijogass bi prezz finali li jista’ jikkompeti ma’ dak tal-gass naturali. (14) |
|
(10) |
Il-Qorti Ġenerali ikkunsidrat li fil-valutazzjoni tagħha u abbażi tal-informazzjoni minn Landwärme, kien jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis l-akkumulazzjoni kkontestata fl-isfond taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-bijogass fl-Iżvezja minn ċerti Stati Membri. (15) Il-Qorti Ġenerali sostniet li fid-deċiżjonijiet annullati, il-Kummissjoni kienet madankollu vvalutat l-akkumulazzjoni minn skemi differenti fil-livell nazzjonali biss. Il-Qorti Ġenerali kkunsidratha bħala indikazzjoni tal-preżenza ta’ diffikultajiet serji, jekk il-valutazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-akkumulazzjoni kkontestata, u għalhekk dwar il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ kumpens żejjed, ma tkunx kompluta. Dan tqies li kien marbut mal-valutazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna. (16) |
|
(11) |
Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-bijogass, li l-kost addizzjonali tal-produzzjoni tiegħu meta mqabbla mal-gass naturali kien ikun kopert, ma jkunx komparabbli mal-bijogass li għalih dan kien għadu mhuwiex il-każ. (17) Barra minn hekk, jekk ikun hemm kumpens żejjed, dan jista’ jkun raġuni oġġettiva għad-divrenzjar tat-taxxi bejn il-bijogass li rċieva għajnuna għall-produzzjoni u l-bijogass li ma rċivihiex. (18) Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li la l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u lanqas l-Artikolu 110 tat-TFUE ma jipprekludu l-kunsiderazzjoni tal-akkumulazzjoni kkontestata fil-valutazzjoni tal-kumpens żejjed, li implika li l-ommissjoni tagħha mill-analiżi kienet tindika l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. (19) |
|
(12) |
Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-Artikolu 110 tat-TFUE, ippreżentat diffikultajiet serji b’rabta ma’ kumpens żejjed potenzjali li jista’ jirriżulta mill-akkumulazzjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina dawn id-diffikultajiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fil-valutazzjoni tagħha tal-kumpens żejjed, minflok ma adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari. (20) |
|
(13) |
Permezz ta’ ittra datata t-30 ta’ Jannar 2024, il-Kummissjoni infurmat lill-Iżvezja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-iskemi. |
|
(14) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura (minn hawn ’il quddiem “id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”) kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. (21) Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom. |
|
(15) |
L-Iżvezja bagħtet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ fil-5 ta’ Marzu 2024. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand sitt partijiet interessati. Hija bagħtithom lill-Iżvezja, li ngħatat l-opportunità tirreaġixxi; il-kummenti tagħha waslu permezz ta’ ittra datata s-6 ta’ Mejju 2024. |
|
(16) |
Aktar informazzjoni ġiet sottomessa mill-Iżvezja fil-31 ta’ Mejju 2024, u fit-2 u fil-11 ta’ Ottubru 2024. |
|
(17) |
L-Iżvezja taqbel b’mod eċċezzjonali li tirrinunzja għad-drittijiet tagħha li joħorġu mill-Artikolu 342 TFUE, flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament 1/1958 (22) u li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u nnotifikata bl-Ingliż. |
2. DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-ISKEMI
2.1. Bażi legali, forma tal-għajnuna u objettiv
2.1.1. Bażi legali u forma tal-għajnuna
|
(18) |
Il-bażi legali tal-iskemi hija l-Att Żvediż (1994:1776) dwar id-Dazji tas-Sisa fuq l-Enerġija. Id-dazju tas-sisa Żvediż jikkonsisti minn żewġ partijiet: taxxa fuq l-enerġija u taxxa fuq id-diossidu tal-karbonju (CO2). |
|
(19) |
L-għajnuna, kif approvata mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet SA.43302 u SA.49893, ingħatat fil-forma ta’ eżenzjoni totali mit-taxxi fuq l-enerġija u s-CO2 favur
|
2.1.2. Modifiki notifikati għall-iskemi kif approvati fid-deċiżjonijiet SA.43302 u SA.49893
|
(20) |
L-Iżvezja nnotifikat i) l-estensjoni tal-iskemi sal-31 ta’ Diċembru 2030 (fir-rigward biss tal-bijogass għall-iskema tal-fjuwil għat-tisħin), ii) l-esklużjoni tal-bijogass ibbażat fuq l-ikel; u iii) l-inklużjoni ta’ bijopropan mhux ibbażat fuq l-ikel, minbarra l-bijogass mhux ibbażat fuq l-ikel. L-Iżvezja emendat il-leġiżlazzjoni eżistenti biex tintroduċi dawn il-bidliet. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021. |
|
(21) |
Bijogass tfisser fjuwils gassużi prodotti mill-bijomassa. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-bijogass huwa l-metan prodott mill-bijomassa u l-bijopropan huwa propan jew butan prodott mill-bijomassa. Dan ifisser li jekk ma jkunx eżentat mit-taxxa, il-bijogass jiġi ntaxxat bir-rata tal-metan fossili, jiġifieri l-gass naturali, filwaqt li l-bijopropan jiġi ntaxxat bir-rata tal-propan fossili, li normalment jissejjaħ LPG (gass likwifikat miż-żejt). |
|
(22) |
L-iskema tal-fjuwil għat-tisħin kif modifikata tinkludi biss il-bijogass u l-bijopropan mhux ibbażati fuq l-ikel u ma għadhiex miftuħa għal bijofjuwils oħra. L-eżenzjoni mit-taxxa preċedenti għall-bijolikwidi taxxabbli, bħall-metanol mhux sintetiku, ix-xaħmijiet u ż-żjut tal-annimali u l-ħxejjex tneħħiet fil-leġiżlazzjoni Żvediża mill-1 ta’ Jannar 2021. |
|
(23) |
L-Iżvezja sostniet li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskemi emendati jinkludi t-teknoloġiji kollha għall-produzzjoni tal-gass minn bijomassa sostenibbli li bħalissa jinsabu f’kompetizzjoni. |
|
(24) |
Barra minn hekk, l-Iżvezja kkonfermat li se ssegwi regolarment l-iżviluppi tas-suq u, jekk ikun meħtieġ, se tirrieżamina r-regoli ta’ eliġibbiltà biex tiżgura li kwalunkwe limitazzjoni fuq l-eliġibbiltà xorta tkun tista’ tiġi ġġustifikata meta jiġu żviluppati teknoloġiji jew approċċi ġodda jew issir disponibbli aktar data. |
|
(25) |
Biex ikunu eliġibbli għall-eżenzjonijiet mit-taxxa, il-bijogass u l-bijopropan iridu jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra kif stabbiliti fl-Att Żvediż (2010:598) dwar il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijofjuwils, il-bijolikwidi u l-fjuwils tal-bijomassa. Dan l-att jimplimenta d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (“RED I”, Renewable Energy Directive I) (23), kif emendata mid-Direttiva dwar it-Tibdil Indirett fl-Użu tal-Art (24) u ġie aġġornat fl-1 ta’ Lulju 2021 biex jiġu inklużi l-bidliet fid-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli (“RED II”, Renewable Energy Directive II) (25). Huma biss il-bijogass u l-bijopropan mhux ibbażati fuq l-ikel li jikkonformaw mal-kriterji applikabbli li huma eliġibbli għall-eżenzjonijiet mit-taxxa. Il-bijogass u l-bijopropan mhux sostenibbli (kif ukoll il-bijogass u l-bijopropan ibbażati fuq l-ikel (26)) huma ntaxxati bir-rata tal-gass naturali u l-LPG rispettivament. |
|
(26) |
L-Iżvezja ma tapplikax sistema ta’ kwoti, obbligu ta’ taħlit jew kwalunkwe sistema oħra b’effetti simili għall-bijogass u l-bijopropan użati bħala fjuwil tal-magni jew użati għat-tisħin, u indikat li ma għandhiex l-intenzjoni li tapplika miżura bħal din għat-tul ta’ żmien tal-iskemi. |
|
(27) |
L-awtoritajiet Żvediżi kkonfermaw ukoll li, fil-każ ta’ taħlit tal-bijogass u l-bijopropan ma’ tipi oħra ta’ gass/fjuwil, l-eżenzjonijiet mit-taxxa huma applikabbli biss għall-parti rinnovabbli ta’ tali taħlitiet. |
2.1.3. Objettiv
|
(28) |
L-objettiv primarju tal-iskemi huwa l-protezzjoni ambjentali permezz tal-użu miżjud ta’ bijogass u bijopropan sostenibbli mhux ibbażati fuq l-ikel bħala fjuwil tal-magni u għat-tisħin. L-Iżvezja tispjega li, peress li l-użu tal-fjuwils fossili jiġġenera livelli ogħla ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, is-sostituzzjoni tal-gass naturali bil-bijogass u l-LPG bil-bijopropan se jkollhom l-effett ta’ tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet. Għalkemm l-Iżvezja qabżet il-mira nazzjonali tagħha għall-enerġija rinnovabbli għall-2020, l-awtoritajiet Żvediżi spjegaw li tnaqqis ulterjuri ta’ tali emissjonijiet ikun strumentali biex tintlaħaq il-mira tal-enerġija rinnovabbli tal-UE għall-2030 kif ukoll il-mira nazzjonali li sal-2030 l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport domestiku jitnaqqsu b’mill-inqas 70 % meta mqabbla mal-2010. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-iskemi jikkontribwixxu għall-isforzi tal-Iżvezja u tal-UE kollha biex iwettqu l-ftehim ta’ Pariġi. |
|
(29) |
Fir-rigward tal-iskema tal-fjuwil tal-magni, l-awtoritajiet Żvediżi żiedu li s-settur tat-trasport jammonta għal madwar terz tal-emissjonijiet totali tas-CO2 fl-Iżvezja. L-awtoritajiet Żvediżi spjegaw li żieda fl-użu tal-bijogass u l-introduzzjoni tal-bijopropan bħala fjuwil tal-magni jkunu strumentali biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi fit-tul tal-Iżvezja (eż. l-Iżvezja għandha l-għan li jkollha emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti fl-atmosfera sal-2045 u li tikseb emissjonijiet negattivi minn hemm ’il quddiem) u l-ambizzjoni ta’ flotta tal-vetturi mingħajr fjuwils fossili. Mod wieħed kif jitnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili fl-Iżvezja huwa permezz ta’ żieda fis-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili b’gassijiet rinnovabbli bħall-bijogass u l-bijopropan, li huwa l-objettiv tal-iskema. |
|
(30) |
Abbażi tal-istatistika dwar l-enerġija u t-tbassir tal-Aġenzija Żvediża tal-Enerġija (“SEA”, Swedish Energy Agency), fiż-żmien tan-notifika l-awtoritajiet Żvediżi wrew li l-użu tal-bijogass żdied bi ftit mill-2013 iżda li għadu baxx, jiġifieri inqas minn 2 % tal-enerġija totali użata fis-settur tat-trasport, u mhuwiex mistenni li jiżdied fis-sentejn li ġejjin. L-awtoritajiet Żvediżi spjegaw li l-kost tal-produzzjoni tal-bijogass huwa għoli wisq biex dawn il-fjuwils ikunu jistgħu jikkompetu mal-fjuwils fossili ekwivalenti tagħhom. Diġà saru ċerti investimenti fil-produzzjoni tal-bijogass, iżda hija meħtieġa domanda sinifikanti għall-bijogass biex jinżammu u jiġu abilitati investimenti fil-vetturi u fl-infrastruttura meħtieġa. |
2.2. Benefiċjarji u kontribwenti
|
(31) |
Il-benefiċjarji diretti fiż-żewġ skemi huma kif ġej. |
|
(32) |
Skont l-iskema tal-fjuwil tal-magni, il-benefiċjarji diretti tal-eżenzjonijiet mit-taxxa huma l-impriżi li huma obbligati jħallsu t-taxxi fuq l-enerġija u s-CO2 fuq il-gass u jippreżentaw dikjarazzjoni tat-taxxa (il-“kontribwenti”). Dawn huma l-fornituri tal-fjuwil u l-importaturi tal-bijogass (u l-bijopropan). Fosthom jista’ jkun hemm ukoll produtturi tal-bijogass (u tal-bijopropan), sa fejn huma l-fornituri tal-fjuwil jew il-konsumaturi finali. Fil-qosor, it-taxxa hija dovuta meta l-fjuwil tal-magni jħalli l-aħħar maħżen tal-fjuwil qabel ma jinbiegħ lill-konsumaturi finali. Il-kontribwenti huma eżentati mit-taxxi fuq l-enerġija u s-CO2 fuq il-gass u mbagħad huma mistennija jgħaddu l-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa meta jbigħu l-bijogass (jew il-bijopropan) lill-konsumaturi finali (eż., kumpanija tat-trasport jew persuna privata li tkun qed tirriforni l-vettura tagħha f’pompa). |
|
(33) |
Skont l-iskema tal-fjuwil għat-tisħin, il-benefiċjarji diretti tal-eżenzjonijiet mit-taxxa huma l-utenti finali (eż., kumpaniji attivi fis-setturi tat-tisħin, tat-tisħin distrettwali jew tal-manifattura). F’dan il-każ, l-utent finali jista’ jnaqqas it-taxxa fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħu stess (jekk ikun kontribwent tat-taxxi fuq l-enerġija u s-CO2), iżda huwa komuni wkoll li l-utent finali jakkwista l-gass li jinkludi t-taxxa u japplika għal rifużjoni. |
|
(34) |
Iż-żewġ skemi għandhom l-għan li jnaqqsu l-prezz finali tal-bijogass u tal-bijopropan għall-konsumaturi aħħarin. L-iskemi jnaqqsu wkoll il-kostijiet tal-konsum għall-produtturi li jipproduċu l-bijogass (u l-bijopropan) għall-użu tagħhom stess. |
|
(35) |
Filwaqt li l-benefiċjarji diretti tal-iskemi huma l-impriżi li jitolbu l-eżenzjonijiet mit-taxxa lill-aġenzija tat-taxxa (direttament għall-kontribwenti jew bħala rifużjoni għall-utenti finali fl-iskema tal-fjuwil għat-tisħin), l-iskemi jibbenefikaw indirettament lill-produtturi tal-bijogass u tal-bijopropan sostenibbli. Huma jibbenefikaw indirettament mill-iskemi permezz ta’ domanda akbar għall-prodotti tagħhom (bijogass jew bijopropan sostenibbli) mill-konsumaturi finali. |
|
(36) |
L-iskemi huma miftuħin kemm għall-bijogass kif ukoll għall-bijopropan prodott fl-Iżvezja u għall-bijogass u l-bijopropan importati. |
|
(37) |
L-awtoritajiet Żvediżi spjegaw li s-suq Żvediż mhuwiex suq omoġenju bl-istess karatteristiċi. Fuq il-kosta tal-Punent Żvediża, hemm grilja tal-gass li hija konnessa mad-Danimarka u għalhekk ma’ xi pajjiżi Ewropej oħra. Madankollu, dan in-network Ewropew ikopri biss parti żgħira ħafna tal-massa totali tal-art fl-Iżvezja. F’partijiet oħra tal-Iżvezja, pereżempju fi Stokkolma, hemm networks lokali. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni ma hemm l-ebda network tal-gass. F’dawk iż-żoni l-gass jitqassam mit-trakkijiet fl-istazzjonijiet tal-provvista. L-awtoritajiet Żvediżi spjegaw ukoll li l-maġġoranza tal-produtturi fl-Iżvezja huma produtturi żgħar li jipproduċu l-bijogass għall-konsum tagħhom stess (eż. bdiewa li jużaw id-demel mir-razzett tagħhom) jew għal klijent wieħed jew tnejn biss (eż. kumpanija lokali tal-iskart li tuża skart muniċipali u tipproduċi l-bijogass għat-tisħin distrettwali jew kumpanija lokali tal-karozzi tal-linja). Dawn is-“swieq lokali” huma affettwati b’mod negliġibbli mill-importazzjoni tal-bijogass, tal-gass naturali, jew mill-produzzjoni tal-bijogass f’postijiet oħra fl-Iżvezja. |
|
(38) |
Biex jibbenefika mill-eżenzjonijiet mit-taxxa, il-benefiċjarju dirett (kontribwent fl-iskema tal-fjuwil tal-magni jew utent finali fl-iskema tal-fjuwil għat-tisħin) irid jipprovdi deċiżjoni mill-SEA li turi li l-bijogass u l-bijopropan li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa huma sostenibbli u mhux ibbażati fuq l-ikel. L-Iżvezja daħħlet fis-seħħ sistema ta’ kontroll li permezz tagħha l-benefiċjarji diretti jirċievu deċiżjoni mill-SEA li tikkonferma li l-kriterji ta’ sostenibbiltà huma ssodisfati u li l-bijogass jew il-bijopropan joriġina minn sorsi mhux ibbażati fuq l-ikel. |
|
(39) |
L-Aġenzija tat-Taxxa Żvediża tamministra l-ħlas tat-taxxa mill-kontribwenti u tiżgura, billi tivverifika ex post id-dikjarazzjoni tat-taxxa ta’ kull xahar u billi twettaq awditi regolari, li l-kontribwenti qed isegwu d-dispożizzjonijiet legali dwar ir-rati tat-taxxa applikabbli, l-eżenzjonijiet u kundizzjonijiet oħra stabbiliti fl-Att Żvediż dwar id-Dazji tas-Sisa fuq l-Enerġija. F’każ ta’ talba għal rifużjoni, l-Aġenzija tat-Taxxa Żvediża twettaq miżuri simili ta’ kontroll u awditjar. |
|
(40) |
L-awtoritajiet Żvediżi kkonfermaw li l-għajnuna tingħata awtomatikament f’konformità ma’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, hija miftuħa għal kwalunkwe impriża li tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà u li ma hemm l-ebda lok għal xi miżuri diskrezzjonali mill-Aġenzija tat-Taxxa Żvediża. |
|
(41) |
Fir-rigward tal-kundizzjoni fil-punt 131(d) tal-EEAG, l-Iżvezja kkonfermat li l-ebda għajnuna ma tingħata wara li l-impjanti jiġu deprezzati kompletament skont ir-regoli kontabilistiċi normali. |
2.3. Livell ta’ għajnuna u monitoraġġ tal-kumpens żejjed
|
(42) |
L-eżenzjonijiet mit-taxxa jingħataw biex jikkumpensaw għad-differenza bejn il-kostijiet ogħla tal-bijogass u tal-bijopropan sostenibbli mhux ibbażati fuq l-ikel u l-kostijiet tal-gass naturali u tal-LPG rispettivament. |
|
(43) |
L-iskemi huma soġġetti għal monitoraġġ regolari mill-awtoritajiet Żvediżi. L-Iżvezja impenjat ruħha li tissottometti rapporti annwali tal-monitoraġġ lill-Kummissjoni u li tadatta l-livelli ta’ għajnuna, jekk ikun meħtieġ, biex tevita kwalunkwe kumpens żejjed fil-futur. |
2.3.1. Skema tal-fjuwil tal-magni
|
(44) |
Ir-rapporti tal-monitoraġġ huma bbażati fuq informazzjoni dettaljata miġbura mill-SEA mingħand il-kontribwenti, kemm fir-rigward tal-bijogass prodott domestikament kif ukoll fir-rigward tal-bijogass importat. L-SEA tiġbor id-data permezz ta’ obbligu ta’ rappurtar għall-kontribwenti li jibbenefikaw mill-iskema, jiġifieri l-fornituri tal-fjuwil, l-importaturi u l-produtturi (sal-punt li dawn tal-aħħar ikunu kontribwenti). L-informazzjoni meħtieġa tinkludi data dwar il-volumi u l-kostijiet għall-produzzjoni, l-importazzjonijiet jew ix-xiri dirett tal-bijogass. Il-produtturi jipprovdu data dwar il-kostijiet tal-produzzjoni tagħhom u entitajiet relaturi oħra jipprovdu data dwar il-prezz tax-xiri tal-bijogass. Għall-importaturi, dan il-prezz jikkorrispondi għall-prezz proprju tax-xiri inklużi spejjeż doganali u tat-trasport. |
|
(45) |
Il-kost tal-bijogass jiġi ddeterminat billi tiġi kkalkulata medja ponderata skont il-volum bejn il-kostijiet tal-produzzjoni, tal-importazzjoni u tax-xiri ddikjarati. Il-kost tal-bijogass imbagħad jitqabbel mal-kost tal-ekwivalenti fossili tiegħu (27) (inklużi t-taxxi), aġġustat għall-kontenut tal-enerġija (28). |
|
(46) |
L-awtoritajiet Żvediżi spjegaw li skemi oħra possibbli ta’ għajnuna li jnaqqsu l-kostijiet tal-produzzjoni jew il-prezzijiet tal-importazzjoni u tax-xiri jkunu riflessi fil-kalkolu. Jekk il-kontribwent ikun produttur, l-għajnuna mogħtija fil-livell tal-produzzjoni tiġi inkluża fil-kostijiet irrappurtati (pereżempju fil-kostijiet kapitali). Jekk il-kontribwent ikun fornitur jew importatur tal-fjuwil, l-għajnuna mogħtija fil-livell tal-produzzjoni x’aktarx li tkun riflessa fil-prezzijiet tax-xiri jew tal-importazzjoni rrappurtati. |
|
(47) |
L-Iżvezja ppreżentat ir-riżultati tar-rapporti tal-monitoraġġ għall-bijogass użat bħala fjuwil tal-magni għas-snin 2018 u 2019 (29), abbażi tal-metodoloġija deskritta fil-premessi (44) sa (46). It-tabella 1 turi li l-kost tal-bijogass mingħajr taxxi huwa ogħla b’mod sinifikanti mill-kost tal-gass naturali bit-taxxi. Tabella 1 Kost tal-bijogass sostenibbli fl-Iżvezja għas-snin 2018 u 2019
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(48) |
L-awtoritajiet Żvediżi jistennew li l-kost tal-bijogass sostenibbli mingħajr taxxi se jibqa’ ogħla mill-kost tal-gass naturali bit-taxxi fil-futur. |
|
(49) |
L-Iżvezja spjegat li r-rata ta’ redditu għall-bijogass fl-2019 kienet ta’ madwar 10 %. Din ir-rata hija mistennija li tibqa’ stabbli għat-tul ta’ żmien tal-iskema. |
|
(50) |
L-awtoritajiet Żvediżi pprovdew stima tal-kostijiet għall-bijogass biss, peress li l-bijopropan użat bħala fjuwil tal-magni kien għadu ma jeżistix fl-Iżvezja fiż-żmien tan-notifika inizjali fl-1 ta’ April 2020. |
|
(51) |
Għall-bijopropan, l-Iżvezja tistma li l-kostijiet tal-bijopropan li jintuża bħala fjuwil tal-magni huma ogħla b’mod sinifikanti minn dawk tal-LPG. L-awtoritajiet Żvediżi impenjaw ruħhom li, hekk kif jikber is-suq għall-bijopropan, se jsir kalkolu fir-rapport annwali tal-monitoraġġ li jsegwi metodu simili għal dak għall-bijogass. L-SEA se timmonitorja l-kostijiet tal-bijopropan, tqabbel dawn il-kostijiet mal-kostijiet tal-LPG u taġġusta l-livell ta’ għajnuna, jekk ikun meħtieġ, biex tevita kumpens żejjed. Jekk l-Iżvezja ssib li l-eżenzjoni mit-taxxa tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tkopri d-differenza bejn il-kostijiet tal-bijopropan u tal-LPG, se taġġusta l-livell ta’ għajnuna minflok ma tagħti eżenzjoni sħiħa mit-taxxa. |
2.3.2. Skema tal-fjuwil għat-tisħin
|
(52) |
Il-kost tal-bijogass użat fir-rapporti tal-monitoraġġ dwar l-iskema tal-fjuwil għat-tisħin huwa meħud mir-rapport tal-monitoraġġ tal-SEA dwar il-bijogass użat bħala fjuwil tal-magni. Peress li mhuwiex meħtieġ li l-bijogass li qed jiġi kkunsmat f’impjanti tat-tisħin jew tas-CHP (, combined heat and power, sħana u enerġija kkombinati) ikun pur, il-kost tal-aġġornamenti madankollu jitnaqqas. Il-kostijiet tal-kwoti tal-emissjonijiet jiżdiedu wkoll mal-kalkolu. |
|
(53) |
L-Iżvezja ssottomettiet ir-riżultati tar-rapporti tal-monitoraġġ għall-bijogass użat bħala fjuwil għat-tisħin għas-snin 2018 u 2019. Tabella 2 Kalkolu tal-kost għall-bijogass użat għal finijiet ta’ tisħin f’impjanti tas-sħana skont ir-rapporti tal-monitoraġġ għall-2019 u l-2018
Tabella 3 Kalkolu tal-kost għall-bijogass użat għal finijiet ta’ tisħin f’impjanti tas-CHP skont ir-rapporti tal-monitoraġġ għall-2019 u l-2018
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(54) |
It-tabella 2 u t-Tabella 3 juru li d-differenza bejn il-kostijiet totali livellati tal-produzzjoni tal-enerġija (“LCOE”) għall-bijogass u l-prezz tas-suq tal-gass naturali hija pożittiva, wara li titqies l-eżenzjoni mit-taxxa, kemm għall-bijogass użat għal finijiet ta’ tisħin fl-impjanti tas-sħana kif ukoll għall-bijogass użat fl-impjanti tas-CHP. Il-bijogass użat għal finijiet ta’ tisħin huwa aktar għali mill-gass naturali minkejja l-eżenzjonijiet mit-taxxa. |
|
(55) |
F’dak li għandu x’jaqsam mat-taxxa fuq is-CO2, l-awtoritajiet Żvediżi spjegaw li fl-1 ta’ Awwissu 2019, it-taxxa fuq il-karbonju fuq il-gass naturali żdiedet minn 11 fil-mija tal-livell ġenerali għal 91 fil-mija fl-impjanti tas-CHP li jaqgħu taħt l-EU ETS. Mill-1 ta’ Jannar 2023, it-taxxa fuq is-CO2 ma għadhiex tiġi imposta fl-ebda impjant tas-sħana li jaqa’ taħt l-EU ETS. It-taxxa aktar baxxa fuq l-enerġija żdiedet minn 30 fil-mija għal 100 fil-mija. Il-livelli tat-taxxa u għalhekk il-prezz għall-gass naturali użat għat-tisħin fis-CHP huma b’hekk l-istess bħal fl-impjanti tat-tisħin. It-tibdil fit-taxxa ma wassalx għal kumpens żejjed (kif muri fit-tabella 3 hawn fuq). |
|
(56) |
L-awtoritajiet Żvediżi jistennew li l-kost tal-bijogass sostenibbli użat għal finijiet ta’ tisħin mingħajr taxxi se jibqa’ ogħla mill-kost tal-gass naturali bit-taxxi fil-futur. |
|
(57) |
B’mod simili għall-iskema tal-fjuwil tal-magni (ara l-premessa (50)), minħabba l-preżenza skarsa ta’ bijopropan fis-suq Żvediż (43), l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhom l-ebda data suffiċjenti dwar il-kostijiet tiegħu. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn żewġ produtturi tal-bijopropan Żvediżi, l-awtoritajiet Żvediżi, madankollu, jistmaw li l-kost tal-bijopropan huwa kważi d-doppju ta’ dak tal-propan fossili. L-awtoritajiet Żvediżi impenjaw ruħhom li jinkludu l-bijopropan fir-rapporti annwali tal-monitoraġġ mid-dħul fis-seħħ tal-iskema, li jqabblu l-kostijiet tal-produzzjoni tiegħu ma’ dawk tal-propan fossili u li jaġġustaw l-għajnuna, jekk ikun meħtieġ, biex jevitaw kumpens żejjed. |
2.4. Baġit u tul ta’ żmien
|
(58) |
L-Iżvezja talbet estensjoni ta’ 10 snin tal-iskemi, mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2030. |
|
(59) |
Wara l-annullament tad-Deċiżjonijiet tal-2020, l-Aġenzija tat-Taxxa Żvediża ppubblikat dikjarazzjoni fis-7 ta’ Marzu 2023 li tiddikjara li l-aġenzija ma tistax tibqa’ tagħti eżenzjoni mit-taxxa għall-bijogass jew għall-bijopropan. (44) |
|
(60) |
L-eżenzjonijiet mit-taxxa huma ffinanzjati mill-baġit tal-Istat fil-forma ta’ dħul mit-taxxa mitluf. |
|
(61) |
L-awtoritajiet Żvediżi stmaw il-baġit għat-tul ta’ żmien kollu tal-iskema tal-fjuwil tal-magni għal madwar SEK 5,15 biljun (EUR 477 miljun (45)), b’baġit annwali ta’ madwar SEK 0,47 biljun (EUR 43 miljun). Għall-iskema tal-fjuwil għat-tisħin, l-awtoritajiet Żvediżi stmaw il-baġit totali tal-iskema bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2030 għal madwar SEK 5,94 biljun (EUR 550 miljun). |
2.5. Akkumulazzjoni
|
(62) |
B’mod ġenerali, l-eżenzjonijiet mit-taxxa jistgħu jiġu akkumulati ma’ għajnuna, u b’mod partikolari għajnuna għall-produzzjoni ta’ bijogass u bijopropan sostenibbli. |
|
(63) |
Fl-Iżvezja, l-għajnuna għall-investiment li tippromwovi l-bijogass u l-bijopropan sostenibbli tista’ tingħata minn diversi awtoritajiet Żvediżi bis-saħħa ta’ skemi ta’ għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-innovazzjoni jew għal finijiet ambjentali skont ir-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija (“GBER”, General Block Exemption Regulation). (46) |
|
(64) |
Barra minn hekk, tista’ tingħata għajnuna operatorja għall-promozzjoni ta’ bijogass u bijopropan sostenibbli skont il-GBER. |
|
(65) |
L-awtoritajiet Żvediżi spjegaw li l-ammonti ta’ għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-bijogass u tal-bijopropan huma inklużi fil-monitoraġġ, u b’hekk jitqiesu għall-valutazzjoni tal-kumpens żejjed. |
|
(66) |
B’mod aktar preċiż, l-awtoritajiet Żvediżi spjegaw li kwalunkwe għajnuna mogħtija lil produttur, fl-Iżvezja jew fi Stat Membru ieħor, titqies fil-monitoraġġ tal-kumpens żejjed direttament, meta l-entità relatriċi tkun produttur, jew indirettament, meta l-entità relatriċi tkun fornitur jew importatur tal-fjuwil (ara l-premessa (46)). |
|
(67) |
L-Iżvezja kkonfermat li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30 tar-RED II u li bħalissa qed taħdem fuq l-introduzzjoni tal-Bażi ta’ Data tal-Unjoni fl-Iżvezja msemmija fir-RED II u żviluppata aktar fir-RED III. L-Iżvezja spjegat li, peress li din is-sistema la kienet disponibbli meta l-Iżvezja fasslet u nnotifikat l-iskemi, u lanqas meta l-Kummissjoni wettqet din il-valutazzjoni, sa issa ma kienx possibbli li titqies l-informazzjoni dwar l-appoġġ li diġà rċeviet mid-dokumentazzjoni tas-sistema tal-bilanċ tal-massa. Madankollu, l-Iżvezja spjegat li meta l-Bażi ta’ Data tal-Unjoni tkun kompletament operazzjonali u l-informazzjoni fiha tkun komprensiva, dan ma jkun jeħtieġ l-ebda bidla fit-tfassil tal-iskemi. Dan minħabba li l-appoġġ mogħti lill-produtturi tal-bijogass u tal-bijopropan barra mill-pajjiż diġà jitqies indirettament permezz tal-effett tal-appoġġ fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni fil-monitoraġġ, u b’hekk jitqies għall-valutazzjoni tal-kumpens żejjed (ara l-premessi (65) u (66)). |
2.6. Trasparenza u dispożizzjonijiet oħra
|
(68) |
L-awtoritajiet Żvediżi impenjaw ruħhom li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ trasparenza skont it-Taqsima 3.2.7 tal-EEAG u t-Taqsima 3.2.1.4 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija (“CEEAG”, climate, environmental protection and energy aid guidelines) tal-2022 (47) u jippubblikaw l-informazzjoni kollha meħtieġa fuq sit web. (48) |
|
(69) |
L-awtoritajiet Żvediżi spjegaw li biex ikun eliġibbli għall-eżenzjonijiet mit-taxxa taħt l-iskemi, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikun soġġett għal ordni ta’ rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, jew ikun kumpanija f’diffikultà, kif definit mil-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar. (49) |
2.7. Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura
|
(70) |
Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Ftuħ fit-30 ta’ Jannar 2024. |
|
(71) |
Kif spjegat fit-Taqsima 3.3.1 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà tal-iskemi mas-suq intern, mill-1 ta’ Jannar 2021 sas-26 ta’ Jannar 2022, abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsimiet 3.2 u 3.3 tal-EEAG u mis-27 ta’ Jannar 2022, abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsimiet 3 u 4.1 tas-CEEAG. |
|
(72) |
Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali (ara l-premessi (7) sa (12)) li l-Kummissjoni kien jenħtieġ li jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ ċerti aspetti tal-iskema u fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mil-Landwärme lill-Kummissjoni (ara t-taqsima 2.7 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ), il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. |
|
(73) |
Kif enfasizzat mill-Qorti Ġenerali u abbażi tal-informazzjoni miġjuba għall-attenzjoni tagħha fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet annullati, il-Kummissjoni nnotat li l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra, u b’mod partikolari mid-Danimarka, dehru li żdiedu fis-snin ta’ qabel in-notifika tal-estensjoni tal-iskemi. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni staqsiet x’kienu l-fatturi determinanti taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-bijogass fl-Iżvezja u jekk dan jistax jiġi spjegat mill-miżuri Żvediżi u mill-miżuri minn ċerti Stati Membri oħra, b’mod partikolari mid-Danimarka. Il-Kummissjoni fittxet kjarifika dwar l-impatt tal-kombinazzjoni tal-għajnuna mogħtija fl-Iżvezja taħt l-iskemi u l-għajnuna mogħtija minn Stati Membri oħra lill-produtturi tal-bijogass fuq iż-żieda fl-importazzjonijiet tal-bijogass prodott fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari d-Danimarka, fl-Iżvezja. |
|
(74) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-proporzjonalità tal-iskemi fid-dawl tal-akkumulazzjoni potenzjali tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskemi inkwistjoni mal-għajnuna mogħtija mid-Danimarka lill-produtturi tal-bijogass. Il-Kummissjoni fittxet li tiċċara jekk l-allegata akkumulazzjoni kinitx għall-istess kostijiet eliġibbli u jekk dan kien il-każ, jekk dan ipprovdiex kumpens żejjed favur il-produtturi li jirċievu għajnuna għall-produzzjoni fid-Danimarka meta jbigħu l-bijogass fl-Iżvezja. Il-Kummissjoni fittxet ukoll informazzjoni mill-partijiet interessati f’każ li jaf ikollhom evidenza konkreta li fil-fehma tagħhom tissuġġerixxi kumpens żejjed mill-iskemi Żvediżi lill-produtturi f’każijiet li fihom l-għajnuna għall-produzzjoni tingħata minn Stat Membru ieħor. |
3. KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI
|
(75) |
B’kollox, sitt partijiet terzi ssottomettew kummenti dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ: Landwärme, l-Aġenzija Daniża tal-Enerġija (DEA, Danish Energy Agency), l-Assoċjazzjoni Żvediża tal-Gass, il-Federazzjoni Ewropea tal-Enerġiji Rinnovabbli (EREF, European Renewable Energies Federation), Eurogas (assoċjazzjoni tal-gass) u Green Gas Advisors (impriża ta’ konsulenza Ġermaniża). |
|
(76) |
Fis-sottomissjoni tagħha, Landwärme kkonfermat li d-Deċiżjoni tal-Ftuħ tirrifletti b’mod preċiż is-sottomissjonijiet tagħha fil-kawża tal-Qorti u l-ilment tat-13 ta’ Ottubru 2020, (50) u għalhekk irreferiet bis-sħiħ għall-argumenti preċedenti tagħha u llimitat ruħha li tipprovdi informazzjoni addizzjonali. |
|
(77) |
Il-kummenti sottomessi mill-partijiet terzi huma miġbura fil-qosor hawn taħt fil-kategoriji li ġejjin: (i) kummenti dwar il-fatturi determinanti taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-bijogass (ara t-taqsima 3.1), (ii) kummenti dwar l-allegat kumpens żejjed (ara t-taqsima 3.2) u (iii) kummenti dwar suġġetti oħra (ara t-taqsima 3.3). |
3.1. Fatturi determinanti taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-bijogass
|
(78) |
Fir-rigward tal-fatturi determinanti taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-bijogass, l-Assoċjazzjoni Żvediża tal-Gass sostniet li peress li l-bijogass huwa ntaxxat b’mod ugwali fl-Iżvezja, irrispettivament mill-oriġini tiegħu, l-eżenzjoni mit-taxxa nnifisha ma għandha l-ebda impatt fuq l-oriġini tal-bijogass ikkunsmat, iżda li l-għajnuna mogħtija fid-Danimarka seta’ kellha impatt fuq iż-żieda fl-importazzjonijiet tal-bijogass mid-Danimarka. L-assoċjazzjoni Żvediża tal-Gass argumentat li hemm ukoll fatturi oħra li seta’ kellhom impatt fuq iż-żieda fl-importazzjonijiet tal-bijogass, eż., iż-żidiet fil-livell tat-taxxa fuq is-CO2 u fuq l-enerġija fuq il-fjuwils fossili għal ċerti industriji mhux inklużi fl-EU ETS li seħħew fl-2015, l-2016, l-2018, l-2021 u l-2022 u li ħolqu żieda ġenerali fid-domanda għall-bijogass fl-Iżvezja. |
|
(79) |
Fil-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, Landwärme pprovdiet data aġġornata dwar l-iżvilupp tal-importazzjonijiet tal-bijometan Żvediżi biex turi l-effett distorsiv tal-iskemi Żvediżi. Landwärme spjegat li filwaqt li l-bijometan totali użat fl-Iżvezja żdied b’ 145 % mill-2015, il-produzzjoni żdiedet biss bi 17 % fl-istess perjodu (2015-2021), li fil-fehma tagħha juri li ż-żieda fl-użu tal-bijometan huwa għalhekk kważi esklużivament dovut għall-importazzjonijiet. Landwärme sostniet ukoll li bejn l-2016 u l-2020, l-esportazzjonijiet tal-bijometan Daniż lejn l-Iżvezja żdiedu minn 200 GWh għal 1 400 GWh u li fl-2020, dawn l-importazzjonijiet kienu jikkorrispondu għal kważi 75 % tal-importazzjonijiet totali tal-Iżvezja. Fl-aħħar nett, Landwärme sostniet li fl-2021 2 291 GWh u fl-2022 1 938 GWh ġew importati mid-Danimarka, li jikkorrispondi għal 95 % fl-2021 u 99 % fl-2022 tal-importazzjonijiet kollha tal-bijometan fl-Iżvezja (51). |
|
(80) |
Landwärme sostniet li l-produtturi tal-bijometan li akkumulaw żewġ sussidji setgħu jużaw dan il-kumpens żejjed biex joffru l-garanziji tal-Oriġini (GOs, guarantees of origin) tagħhom fl-Iżvezja bi prezzijiet aktar favorevoli mill-produtturi li ma jirċevux għajnuna għall-produzzjoni jew li jkollhom iħallsu lura l-għajnuna fil-każ ta’ esportazzjoni, u b’riżultat ta’ dan, eliminaw lill-produtturi tal-bijometan Żvediżi u lill-produtturi minn Stati Membri oħra mis-suq. Landwärme argumentat ukoll li filwaqt li l-importazzjonijiet tal-bijometan issussidjat darbtejn żdiedu b’mod konsistenti, il-produzzjoni tal-bijometan Żvediż staġnat u setgħet tiġi żgurata biss permezz ta’ aktar sussidji, u li l-produtturi minn Stati Membri oħra li ma rċevewx sussidji ġew eliminati kompletament mis-suq Żvediż. |
|
(81) |
L-EREF għamlet dikjarazzjoni ġenerali li l-produtturi li ma rċevew l-ebda sussidju ġew eliminati mis-swieq minħabba l-iżvantaġġ kompetittiv maħluq mill-kummerċ transfruntier mhux ikkontrollat bil-bijometan sussidjat. |
3.2. Allegat kumpens żejjed
|
(82) |
Id-DEA kkonfermat li l-iskema Daniża tal-bijogass rilevanti hija dik imsemmija fil-premessa (89)(b) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, jiġifieri l-iskema li tappoġġa l-aġġornament tal-bijogass sabiex ikun jista’ jiġi injettat fil-grilja tal-gass. Id-DEA indikat li din l-iskema ġiet approvata mill-Kummissjoni fl-2013 (52) u li għalqet għal applikazzjonijiet ġodda fl-2019 (53). Id-DEA kkonfermat li d-deskrizzjoni tal-iskema Daniża tal-bijogass u tat-test tal-kumpens żejjed tad-Danimarka fit-Taqsima 2.9 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ hija korretta. Huma spjegaw li skont l-iskema Daniża tal-bijogass, il-benefiċjarji: (i) jirċievu primjum uniformi minbarra l-prezz tas-suq għall-gass naturali; (ii) huma intitolati li jirċievu u jbigħu l-GOs u li dan id-dħul kollu (mill-bejgħ tal-gass (jiġifieri l-prezz tal-gass naturali), il-bejgħ tal-GOs u l-primjum) huwa inkluż fir-rapporti finanzjarji annwali tal-produtturi tal-bijogass Daniżi. Il-valutazzjoni annwali tal-kumpens żejjed hija bbażata fuq informazzjoni fir-rapporti finanzjarji tal-benefiċjarji dwar l-iskema kollha (54). Id-DEA sostniet li dan il-metodu jqis l-effetti tal-iskemi Żvediżi, peress li ż-żieda fid-domanda għall-bijogass se tiġi riflessa f’introjtu akbar irrappurtat fir-rapporti finanzjarji annwali tal-benefiċjarji. Id-DEA sostniet li l-valutazzjoni annwali tal-kumpens żejjed li tapplika hija rigoruża peress li hija bbażata fuq informazzjoni disponibbli għall-pubbliku vverifikata mill-kontabilisti. Id-DEA spjegat ukoll li d-Danimarka twettaq il-valutazzjoni ex post fuq perjodu ta’ 3 snin konsekuttivi. Jekk il-perjodu ta’ 3 snin preċedenti juri li l-benefiċjarji ġew ikkumpensati żżejjed, il-primjum jiġi aġġustat ’l isfel. Id-DEA indikat li l-valutazzjoni mwettqa fis-snin 2018-2019 u 2020-2021 ma wriet l-ebda kumpens żejjed. Id-DEA żiedet li għall-ewwel darba l-valutazzjoni tal-2023 indikat kumpens żejjed fil-perjodu 2020-2022. Dan indika li l-kumpens żejjed kien primarjament dovut għaż-żieda fil-prezzijiet tal-gass li seħħet f’dan il-perjodu. Konsegwentement, id-Danimarka naqqset il-primjum fit-3 snin ta’ wara biex tikkoreġi dan. |
|
(83) |
L-Assoċjazzjoni Żvediża tal-Gass spjegat li għal ħafna snin, l-Iżvezja kellha mekkaniżmu ta’ kontroll annwali fis-seħħ biex jidentifika l-possibbiltà ta’ kumpens żejjed fl-Iżvezja u li sa issa, ma kien hemm l-ebda kumpens żejjed għall-bijogass. L-Assoċjazzjoni Żvediża tal-Gass indikat li r-rapporti tal-monitoraġġ jirriflettu l-kostijiet għall-produzzjoni tal-bijogass fl-Iżvezja, inkluża kwalunkwe għajnuna mogħtija lill-produtturi. L-Assoċjazzjoni Żvediża tal-Gass spjegat ukoll li għall-bijogass importat ir-rapporti huma bbażati fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni, peress li l-Iżvezja ma tistax timmonitorja l-kostijiet tal-produzzjoni jew l-għajnuna mogħtija f’pajjiżi oħra u li l-għajnuna mogħtija f’pajjiżi oħra fi kwalunkwe każ titqies, peress li se taffettwa l-prezz tal-bijogass esportat lejn l-Iżvezja. |
|
(84) |
Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni Żvediża tal-Gass innotat li jekk il-kombinazzjoni tal-iskemi mal-għajnuna Daniża għall-produzzjoni twassal għal kumpens żejjed għall-produtturi Daniżi, dan jidher fil-mekkaniżmu ta’ kontroll Daniż peress li dan tal-aħħar iqis il-kostijiet u d-dħul kollu, inkluż l-introjtu relatat mal-bejgħ tal-gass u l-GOs, kif ukoll l-għajnuna Daniża. |
|
(85) |
Fil-kummenti tagħha, Landwärme issottomettiet kritika dwar il-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni biex tiddetermina l-livell massimu permissibbli ta’ għajnuna meta tivvaluta l-iskemi ta’ appoġġ għall-bijometan, inklużi l-iskemi Żvediżi, dwar żewġ aspetti. Fil-fehma ta’ Landwärme, jippermetti kumpens żejjed billi ma jqisx (1) id-dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-GOs u (2) l-għajnuna mogħtija fi Stati Membri oħra. Fir-rigward tal-ewwel punt, Landwärme spjegat li d-dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-GOs jipprovdi profitti għall-produtturi tal-bijometan. Peress li dawn il-profitti jippermettu lill-produtturi tal-bijometan jikkumpensaw (parzjalment) il-kostijiet tagħhom għall-produzzjoni tal-bijometan, iridu jitqiesu meta jiġi ddeterminat il-livell massimu permissibbli ta’ għajnuna, inkella, l-iskemi tat-taxxa jistgħu jwasslu għal kumpens żejjed. Fir-rigward tat-tieni punt, Landwärme sostniet li l-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni jqis biss iċ-ċirkostanzi nazzjonali u jinjora l-kummerċ transfruntier. Madankollu, il-bijometan li jiġi esportat lejn Stati Membri oħra jista’ jkun li diġà rċieva għajnuna fil-pajjiż tal-oriġini. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-kostijiet addizzjonali assoċjati mal-produzzjoni tal-bijometan diġà jkunu ġew ikkumpensati parzjalment jew kompletament. L-għoti ta’ għajnuna addizzjonali fl-Istati Membri importaturi jista’ għalhekk iwassal għal kumpens żejjed. |
|
(86) |
Landwärme pprovdiet kalkolu biex turi li l-akkumulazzjoni tal-għajnuna Daniża, l-eżenzjoni mit-taxxa Żvediża u l-GOs twassal għal kumpens żejjed tal-produtturi Daniżi. Landwärme qabblet il-kostijiet tal-produzzjoni tal-bijometan ta’ EUR 67,5 għal kull MWh, skont l-għarfien tas-suq ta’ Landwärme, bi dħul magħmul mill-valur fiżiku tal-gass (EUR 13,27/MWh) u ssuġġerixxiet li d-differenza diġà taqbeż l-għajnuna Daniża għall-produzzjoni (EUR 54,23/MWh vs EUR 55,27/MWh). Landwärme mbagħad żiedet l-għajnuna Svediża (EUR 29,56/MWh) u d-dħul mill-GOs (mhux ikkwantifikat). Fuq din il-bażi Landwärme sostniet li l-kumpens żejjed jammonta għall-għajnuna Svediża flimkien mal-prezz tal-GO (kif ukoll parti żgħira mill-għajnuna Daniża) (55). |
|
(87) |
Fl-aħħar nett, biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm kumpens żejjed, Landwärme rrakkomandat li l-Iżvezja teskludi mill-iskema l-bijometan importat li jkun ġie ssussidjat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. |
|
(88) |
Skont GreenGasAdvisors, id-Danimarka kkalkulat l-appoġġ għall-produtturi domestiċi bħala suffiċjenti bil-kombinazzjoni tal-appoġġ għall-injezzjoni u l-bejgħ tal-GOs, għalhekk kwalunkwe appoġġ addizzjonali lil hinn mill-bejgħ ta’ GOs barra mid-Danimarka jikkumpensa żżejjed il-kostijiet tal-produzzjoni billi jikkumpensa d-doppju tal-metan fiżiku. |
|
(89) |
L-EREF u Eurogas għamlu kummenti ġenerali dwar il-fatt li l-akkumulazzjoni ta’ skemi multipli ta’ għajnuna minn pajjiżi differenti tista’ twassal għal kumpens żejjed u distorsjoni fis-suq tal-UE u li jenħtieġ li l-Kummissjoni, fil-prattika deċiżjonali tagħha, timmonitorja l-kompatibbiltà tal-għajnuna b’attenzjoni speċifika għall-aspetti transfruntiera u l-interazzjoni bejn l-iskemi ta’ għajnuna. L-EREF esprimiet dispjaċir li s-CEEAG ma jeskludux l-esportazzjoni ta’ gass ekoloġiku sussidjat fis-suq tal-UE. |
3.3. Kummenti oħra ta’ partijiet terzi
3.3.1. Kontabbiltà tal-miri tar-RES
|
(90) |
Xi partijiet ikkonċernati allegaw ksur potenzjali tar-RED II fir-rigward tal-metodi għall-kontabbiltà tal-miri tar-RES li jistgħu japplikaw Stati Membri differenti u l-għadd doppju potenzjali tal-istess unità tal-enerġija fil-miri tar-RES marbuta mal-kummerċ transfruntier tal-bijometan sussidjat. |
3.3.2. Fattibbiltà tal-applikazzjoni ta’ rati tat-taxxa differenti
|
(91) |
L-Assoċjazzjoni Żvediża tal-Gass irreaġixxiet għall-indikazzjoni possibbli tal-Qorti Ġenerali li l-Iżvezja jenħtieġ li jew tista’ tapplika livelli tat-taxxa differenti skont l-għajnuna riċevuta fil-pajjiżi ta’ oriġini differenti (56). |
|
(92) |
L-Assoċjazzjoni Żvediża tal-Gass sostniet li d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija (57) tippermetti livelli differenti tat-taxxa bbażati fuq il-kontenut tal-bijomassa iżda mhux fuq l-oriġini u lanqas fuq il-livelli ta’ għajnuna għall-produzzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 110 tat-TFUE, l-Istati Membri mhumiex permessi jimponu xi tip ta’ tassazzjoni interna fuq prodotti importati, minbarra dik imposta fuq prodotti domestiċi simili. Għalhekk, biex il-possibbiltà tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija ta’ differenzjar bejn il-livelli tat-taxxa abbażi tal-kontenut tal-bijomassa tkun tista’ titħaddem fil-prattika, l-Istati Membri jridu jkunu jistgħu japplikaw l-istess livell ta’ tnaqqis fit-taxxa fuq il-prodotti importati u dawk prodotti domestikament anke jekk il-kostijiet tal-produzzjoni u l-livelli ta’ għajnuna għall-produzzjoni jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, li normalment ikun il-każ. L-Assoċjazzjoni Żvediża tal-Gass ikkonkludiet li huwa raġonevoli li jintuża metodu vijabbli biex jiġi identifikat u rettifikat kwalunkwe kumpens żejjed possibbli f’sitwazzjoni bħal din, filwaqt li titqies l-għajnuna għall-produzzjoni domestika kif ukoll l-għajnuna mogħtija lill-produtturi f’pajjiżi oħra. L-Assoċjazzjoni Żvediża tal-Gass argumentat li metodu bħal dan jintuża fl-Iżvezja, kif deskritt hawn fuq. |
3.3.3. Kummenti addizzjonali minn Landwärme dwar l-akkumulazzjoni ta’ miżuri Żvediżi
|
(93) |
Fil-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, Landwärme wkoll qajmet dubji dwar ir-riskju ta’ kumpens żejjed li jista’ jirriżulta mill-għajnuna għall-produzzjoni Żvediża għall-produtturi tal-bijometan Żvediżi. Fil-fehma ta’ Landwärme, din l-għajnuna qatt ma ġiet innotifikata lill-Kummissjoni minkejja li kellha impatt sinifikanti fuq il-valutazzjoni tal-iskema tat-taxxa. Landwärme sostniet li jenħtieġ li l-Iżvezja tqis din l-għajnuna għall-produzzjoni meta tiddetermina l-livell ta’ għajnuna tal-iskema tat-taxxa. Inkella, l-akkumulazzjoni taż-żewġ għajnuniet tista’ twassal għal kumpens żejjed. It-tieni, jenħtieġ li l-Iżvezja tiżgura li l-GO għall-bijometan li għaliha l-produtturi tal-bijometan ikunu rċevew għajnuna għall-produzzjoni ma tkunx tista’ tiġi esportata sakemm is-sussidju ma jitħallasx lura kompletament mill-produttur tal-bijometan lill-Iżvezja. Inkella, il-produtturi tal-bijometan Żvediżi se jiġu permessi jakkumulaw is-sussidji billi jesportaw il-GO tagħhom. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li l-Iżvezja tiżgura li l-għoti ta’ sussidju jiġi indikat fuq il-GO biex tipprekludi ċ-ċirkomvenzjoni u biex tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ sussidjar doppju f’pajjiż ieħor fil-każ li l-GO tiġi esportata. |
4. KUMMENTI TAL-IŻVEZJA
|
(94) |
Din it-taqsima tiġbor fil-qosor il-kummenti li waslu mingħand l-Iżvezja fil-5 ta’ Marzu 2024 dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ u dawk li waslu fis-6 ta’ Mejju 2024 dwar il-kummenti ta’ partijiet terzi. |
4.1. Fatturi determinanti taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-bijogass
|
(95) |
L-Iżvezja spjegat li ma għandha l-ebda data empirika dwar l-impatti tal-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-volumi tal-bijogass importat iżda temmen li ma hemm l-ebda korrelazzjoni. Peress li l-bijogass huwa ntaxxat b’mod ugwali irrispettivament mill-oriġini, l-eżenzjoni mit-taxxa nnifisha ma għandha l-ebda impatt fuq l-oriġini tal-bijogass. |
|
(96) |
L-Iżvezja rrikonoxxiet li s-sussidji fid-Danimarka seta’ kellhom impatt fuq l-importazzjonijiet fis-suq Żvediż. Madankollu, l-Iżvezja tinnota li jista’ jkun hemm fatturi oħra li jiddeterminaw iż-żieda fl-importazzjonijiet mid-Danimarka peress li s-suq tal-gass huwa internazzjonali u kumpless. |
|
(97) |
Bi tweġiba għall-kummenti ta’ Landwärme, l-Iżvezja spjegat li d-differenzi fil-prezzijiet bejn pereżempju l-bijogass Żvediż, Daniż u Ġermaniż mhumiex maħluqa, imsaħħa jew newtralizzati b’eżenzjoni mit-taxxa fuq il-konsum tal-bijogass meta l-bijogass kollu jiġi ttrattat b’mod ugwali. L-eżenzjoni mit-taxxa tista’ (u hija maħsuba biex) taffettwa l-prezz tas-suq finali tal-bijogass fir-rigward tal-gass naturali. L-eżenzjoni mit-taxxa se taffettwa l-ammonti ta’ bijogass u gass naturali kkunsmati fl-Iżvezja favur il-bijogass. Iżda sakemm l-eżenzjoni mit-taxxa tkun ugwali għall-bijogass kollu, l-eżenzjoni mit-taxxa qatt mhi se tkun raġuni għall-ammonti relattivi tal-bijogass ikkunsmat fir-rigward tal-pajjiżi ta’ oriġini differenti. Sakemm il-produtturi tal-bijogass fi Stat Membru wieħed jirċievu aktar għajnuna għall-produzzjoni minn produtturi fi Stat Membru ieħor, il-kost tal-produzzjoni tal-bijogass fl-ewwel Stat Membru dejjem se jkun aktar baxx minħabba li kostijiet oħra tal-produzzjoni huma simili. Barra minn hekk, il-kostijiet tal-produzzjoni bejn żewġ Stati Membri jew żewġ produtturi dejjem jistgħu jvarjaw, irrispettivament mill-għajnuna riċevuta. L-Iżvezja tikkonkludi li eżenzjoni mit-taxxa ugwali ma tfixkilx jew taggrava kwalunkwe distorsjoni eżistenti bejn l-atturi tal-bijogass. |
4.2. Allegat kumpens żejjed
|
(98) |
L-Iżvezja sostniet li hemm fis-seħħ mekkaniżmi ta’ kontroll għall-monitoraġġ ta’ kumpens żejjed possibbli fl-Iżvezja. Ir-rapporti tal-monitoraġġ għall-2018 u l-2019 juru li ma kien hemm l-ebda kumpens żejjed u jipprevedu li ma għandux ikun hemm fil-futur. Ir-rapporti tal-monitoraġġ jirriflettu l-kostijiet għall-produzzjoni tal-bijogass fl-Iżvezja. Fir-rigward tal-bijogass importat, il-kalkoli huma bbażati fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni, li jirriflettu l-ammonti ta’ għajnuna mogħtija lil produttur fi Stat Membru ieħor u lill-GOs. L-Iżvezja spjegat li ma tistax tqis il-kostijiet tal-produzzjoni għall-bijogass importat: la l-Iżvezja u lanqas l-importaturi ma jista’ jkollhom għarfien dwar il-kostijiet tal-produzzjoni jew l-għajnuna mogħtija lill-produtturi f’pajjiżi oħra. |
|
(99) |
Barra minn hekk, l-Iżvezja rrikonoxxiet li d-Danimarka għandha mekkaniżmu ta’ kontroll, li jinkludi fl-analiżi tad-diskrepanza fil-finanzjament id-dħul kollu, inkluż id-dħul mill-GOs. L-Iżvezja spjegat li meta l-produtturi Daniżi jbigħu l-bijogass lill-Iżvezja, il-prezzijiet tal-esportazzjoni huma riflessi fid-dħul bl-istess mod li l-prezzijiet tal-importazzjoni huma riflessi bħala kostijiet għax-xerrejja Żvediżi. Il-mekkaniżmi Daniżi u Żvediżi jikkomplementaw lil xulxin f’dan ir-rigward, u jimmonitorjaw kumpens żejjed possibbli f’kull suq. |
|
(100) |
Fir-rigward tal-kummenti speċifiċi minn Landwärme, l-Iżvezja ċċarat li:
|
|
(101) |
Fir-rigward tar-rakkomandazzjoni ta’ Landwärme li jenħtieġ li l-Iżvezja teskludi mill-iskema l-bijometan importat li jkun ġie ssussidjat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, l-Iżvezja argumentat li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma jipprojbixxux l-akkumulazzjoni tal-għajnuna u li dan is-suġġeriment ma jqisx jekk l-akkumulazzjoni tal-għajnuna fil-fatt twassalx għal kumpens żejjed. |
4.3. Kummenti oħra
4.3.1. Kontabbiltà tal-miri tar-RES
|
(102) |
L-Iżvezja ċċarat li ma hemm l-ebda għadd doppju tal-istess unità tal-enerġija fil-miri tar-RES marbuta mal-kummerċ transfruntier tal-bijometan sussidjat fl-Iżvezja. |
4.3.2. Fattibbiltà tal-applikazzjoni ta’ rati tat-taxxa differenti
|
(103) |
L-Iżvezja rreaġixxiet għall-indikazzjoni possibbli tal-Qorti Ġenerali li l-Iżvezja jenħtieġ li jew tista’ tapplika livelli tat-taxxa differenti skont l-għajnuna riċevuta fil-pajjiżi ta’ oriġini differenti (58). |
|
(104) |
L-Iżvezja sostniet li l-applikazzjoni ta’ rati tat-taxxa differenti bbażati fuq l-oriġini tal-gass mhijiex possibbli jew raġonevoli għal diversi raġunijiet. Id-dazji tas-sisa huma taxxi indiretti marbuta mal-prodotti u ma jistgħux jiġu stabbiliti individwalment iżda jenħtieġ li jkunu ugwali għall-utenti kollha tal-istess oġġetti għall-istess finijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-motivazzjoni għad-dazji tas-sisa armonizzati tal-UE ma tkunx li jitnaqqsu d-differenzi fil-kostijiet tal-produzzjoni bejn l-oġġetti minn Stati Membri differenti. Barra minn hekk, it-tnaqqis fit-taxxa jikkomplementa l-għajnuna għall-produzzjoni, peress li jaqdi finijiet differenti: rispettivament, biex jiżdiedu d-domanda u l-produzzjoni tal-bijogass. |
|
(105) |
L-Iżvezja indikat ukoll li, fil-prinċipju, skont id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, jenħtieġ li l-prodotti tal-enerġija bl-istess Kodiċijiet NM (li ma jqisux il-pajjiż tal-oriġini) jkollhom l-istess livell tat-taxxa. L-Iżvezja nnotat ukoll li ma hemmx preferenza armonizzata tal-UE ta’ kif għandu jiġi appoġġat il-bijogass: billi ssib li l-għajnuna għall-produzzjoni fi Stat Membru tagħmel eżenzjoni mit-taxxa fi Stat Membru ieħor impossibbli, il-Kummissjoni tkun qed tagħżel mezz preferut ta’ appoġġ għall-Istati Membri kollha, jiġifieri, għajnuna għall-produzzjoni. |
|
(106) |
Bħala konklużjoni, l-Iżvezja ddikjarat li jkun aktar xieraq u effiċjenti li jkun meħtieġ li l-għajnuna għall-produzzjoni ma tingħatax lil prodotti li jiġu esportati, meta mqabbla mar-rekwiżit tal-applikazzjoni ta’ rati tad-dazju tas-sisa separati bbażati fuq l-oriġini tal-bijogass. |
4.3.3. Kummenti addizzjonali minn Landwärme dwar l-akkumulazzjoni ta’ miżuri Żvediżi
|
(107) |
F’dan ir-rigward, l-Iżvezja ċċarat li l-iskemi ta’ għajnuna msemmija minn Landwärme huma implimentati f’konformità mal-GBER (ara pereżempju SA.111255 u SA.112758). L-Iżvezja kkonfermat li, f’konformità mar-rekwiżiti tal-GBER, kwalunkwe għajnuna oħra, bħall-eżenzjoni mit-taxxa, titqies meta jiġi ddeterminat il-livell proporzjonat ta’ għajnuna għall-produzzjoni fl-Iżvezja li jfisser li l-problema allegata ta’ akkumulazzjoni hija diġà kkunsidrata. Fl-aħħar nett, l-Iżvezja ċċarat li għalissa, ma nħarġet l-ebda GO lill-produtturi Żvediżi tal-bijogass. |
5. VALUTAZZJONI TAL-ISKEMI
5.1. Eżistenza tal-għajnuna
|
(108) |
L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jipprevedi li kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti għandha, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern. |
|
(109) |
Sabiex tikkonkludi jekk hemmx għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-kriterji kumulattivi tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE (jiġifieri, it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat, il-vantaġġ selettiv, it-tfixkil potenzjali tal-kompetizzjoni u l-effett fuq kummerċ intra-UE) humiex issodisfati għall-miżura li qed tiġi vvalutata. |
|
(110) |
Il-Kummissjoni diġà kkonkludiet b’mod preliminari fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ (ara l-premessi (99) sa (105) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ), li l-iskemi jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. |
5.1.1. Imputabbiltà u riżorsi tal-Istat
|
(111) |
L-eżenzjonijiet mit-taxxa huma stabbiliti fl-Att Żvediż (1994:1776) dwar id-dazji tas-sisa (ara l-premessa (18)) u jnaqqsu l-introjtu mit-taxxa tal-Istat. Għalhekk huma imputabbli lill-Istat u ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat. |
5.1.2. Vantaġġ selettiv u benefiċjarji
|
(112) |
Il-benefiċjarji diretti tal-iskemi huma l-kontribwenti fl-iskema tal-fjuwil tal-magni u l-utenti finali fl-iskema tal-fjuwil għat-tisħin (ara l-premessi (32) u (33)). Huma dawk li ma jħallsux it-taxxa li normalment titħallas lill-aġenzija tat-taxxa jew dawk li jitolbu rifużjoni tat-taxxa lill-aġenzija tat-taxxa li jkunu ħallsu fuq il-bijogass u l-bijopropan sostenibbli mhux ibbażati fuq l-ikel. |
|
(113) |
L-iskemi, madankollu, huma wkoll ta’ benefiċċju indirett għall-produtturi tal-bijogass u tal-bijopropan sostenibbli mhux ibbażati fuq l-ikel permezz ta’ domanda akbar għall-prodotti tagħhom (ara l-premessa (35)). |
|
(114) |
Il-vantaġġ huwa selettiv peress li jikkonċerna biss il-bijogass u l-bijopropan sostenibbli mhux ibbażati fuq l-ikel, li jservu bħala sostitut għall-gass naturali u l-LPG. |
5.1.3. L-effett fuq il-kummerċ u l-impatt fuq il-kompetizzjoni
|
(115) |
Peress li l-bijogass u l-bijopropan għat-trasport u għat-tisħin jiġu nnegozjati fost l-Istati Membri u jservu bħala sostitut għall-fjuwils fossili, l-eżenzjonijiet mit-taxxa x’aktarx li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni. |
|
(116) |
B’mod partikolari, il-parti tal-Lbiċ tal-Iżvezja hija konnessa man-network tal-gass Ewropew permezz tad-Danimarka. L-Iżvezja għalhekk tinnegozja l-gass u l-bijogass ma’ pajjiżi ġirien, u b’mod partikolari mad-Danimarka. Hemm ukoll network reġjonali tal-gass fi Stokkolma, li jaħdem bil-bijogass injettat lokalment u li jittrasporta l-LNG/LBG. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li għall-bqija, is-suq tal-bijogass Żvediż huwa fil-biċċa l-kbira mhux kollegat mal-grilja b’diversi grilji lokali u reġjonali jew impjanti tal-bijogass u pompi tal-fjuwil awtonomi (ara l-premessa (37)). |
5.1.4. Konklużjoni dwar il-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat
|
(117) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq (ara l-premessi (111) sa (116)) u kif intqal f’deċiżjonijiet preċedenti (59), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskemi jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. |
5.2. Legalità tal-għajnuna
|
(118) |
Għalkemm l-iskemi ġew innotifikati mill-awtoritajiet Żvediżi qabel ma daħlu fis-seħħ, id-Deċiżjonijiet tal-2020 li jawtorizzaw l-iskemi ġew annullati mill-Qorti Ġenerali. L-iskemi jridu għalhekk jitqiesu bħala illegali. (60) |
5.3. Kompatibbiltà tal-għajnuna
5.3.1. Bażi legali għall-valutazzjoni
|
(119) |
L-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE jistabbilixxi li l-Kummissjoni tista’ tiddikjara bħala kompatibbli l-“għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”. Għalhekk, l-għajnuna kompatibbli skont dik id-dispożizzjoni tat-Trattat trid tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ ċerta attività (jew żona) ekonomika. (61) Barra minn hekk, jenħtieġ li l-għajnuna ma tfixkilx il-kompetizzjoni b’mod li jmur kontra l-interess komuni. |
|
(120) |
Kif imsemmi fil-premessa (71), il-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà tal-iskemi mas-suq intern, mill-1 ta’ Jannar 2021 sas-26 ta’ Jannar 2022, abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsimiet 3.2 u 3.3 tal-EEAG u mis-27 ta’ Jannar 2022, abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsimiet 3 u 4.1 tas-CEEAG. |
5.3.2. Valutazzjoni skont l-EEAG
5.3.2.1. Kundizzjoni pożittiva: l-għajnuna trid tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika
5.3.2.1.1. Żvilupp ta’ attività ekonomika
|
(121) |
Skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, sabiex tkun tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern, il-miżura għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ ċerta attività (jew żona) ekonomika. (62) |
|
(122) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-iskemi jappoġġaw, permezz ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa, il-konsum tal-bijogass u tal-bijopropan sostenibbli użati bħala fjuwils tal-magni jew tat-tisħin u b’hekk indirettament ukoll il-produzzjoni tal-bijogass u tal-bijopropan sostenibbli (ara l-premessa (35)). L-attività ekonomika appoġġata mill-iskemi hija għalhekk il-produzzjoni sostenibbli tal-bijogass u tal-bijopropan. |
|
(123) |
L-objettiv tal-iskemi huwa li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri msemmija fil-premessa (28). |
|
(124) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskemi jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi, kif meħtieġ mill-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. |
5.3.2.1.2. Effett ta’ inċentiv
|
(125) |
Miżura ta’ għajnuna jkollha effett ta’ inċentiv jekk tinċentiva lill-benefiċjarju jibdel l-imġiba tiegħu lejn l-iżvilupp ta’ ċerta attività ekonomika segwita mill-miżura ta’ għajnuna u jekk il-bidla fl-imġiba ma sseħħx mingħajr l-għajnuna. (63) Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-kostijiet tal-enerġija rinnovabbli jaqbżu l-prezz tas-suq tal-forma tal-enerġija kkonċernata u l-għajnuna tista’ tgħin biex jitnaqqsu dawn il-kostijiet żejda ambjentali. |
|
(126) |
Kif muri fit-Tabelli 1, 2 u 3, għall-kontribwenti, il-kost unitarju tal-bijogass għall-finijiet tal-magni jew tas-sħana huwa ogħla mill-prezz tas-suq għal kull unità ta’ gass naturali. L-Iżvezja tispjega li dan huwa wkoll il-każ għall-bijopropan. Kif imsemmi fil-premessi (51) u (57), l-Iżvezja impenjat ruħha li tinkludi l-bijopropan fir-rapporti annwali tal-monitoraġġ u li tqabbel il-kost tagħha mal-prezz tal-propan fossili u taġġusta l-livell ta’ għajnuna, jekk ikun meħtieġ, sabiex jiġi evitat kumpens żejjed. Barra minn hekk, l-Iżvezja se tadatta r-rapporti annwali tal-monitoraġġ tagħha biex jitqiesu l-eżenzjonijiet tal-ETS għall-frazzjoni tal-bijogass użata fl-impjanti tat-tisħin u tas-CHP f’konformità mar-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u rappurtar meta jiġu adottati skont id-Direttiva 2003/87/KE. |
|
(127) |
Peress li l-eżenzjonijiet mit-taxxa se jinkoraġġixxu l-użu tal-bijogass u tal-bijopropan sostenibbli, dawn se jinċentivaw ukoll il-produzzjoni ta’ dawn it-tipi ta’ fjuwils rinnovabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna se jkollha effett ta’ inċentiv skont il-punt (49) tal-EEAG. |
5.3.2.1.3. Nuqqas ta’ ksur ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni
|
(128) |
L-għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern jekk l-attività appoġġata, il-miżura ta’ għajnuna, jew il-kundizzjonijiet marbuta magħha jinvolvu ksur inseparabbli tad-dritt tal-Unjoni. (64) |
|
(129) |
Kif imsemmi fil-premessa (25), l-Iżvezja se tiżgura li kwalunkwe għajnuna taħt l-iskemi tingħata biss lill-bijogass u lill-bijopropan li jissodisfaw il-kriterji applikabbli tal-UE dwar is-sostenibbiltà u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, kif stabbilit fir-RED I u fir-RED II. |
|
(130) |
F’konformità mal-punt (113) tal-EEAG, l-Iżvezja kkonfermat ukoll li mhi se tingħata l-ebda għajnuna taħt l-iskemi għall-bijofjuwils ibbażati fuq l-ikel (ara l-premessa (20)). |
|
(131) |
Peress li l-iskemi jikkonċernaw l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa għall-prodotti tal-enerġija, il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-konformità tagħhom mad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. |
|
(132) |
L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija jippermetti lill-Istati Membri japplikaw eżenzjoni jew rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-bijofjuwils. L-Artikolu 16(2) jillimita l-eżenzjoni jew it-tnaqqis fit-tassazzjoni għall-parti tal-prodott li fil-fatt tiġi mill-bijomassa, li huwa l-każ skont l-iskemi (il-premessa (27)), peress li l-eżenzjoni mit-taxxa tapplika biss għall-parti tal-bijogass u tal-bijopropan. |
|
(133) |
Barra minn hekk, l-iskemi jikkonformaw ukoll mal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija li jiddikjara li l-eżenzjoni jew it-tnaqqis fit-tassazzjoni applikati mill-Istati Membri għandhom jiġu aġġustati biex jitqiesu l-bidliet fil-prezzijiet tal-materja prima biex jiġi evitat kumpens żejjed għall-kostijiet żejda involuti fil-manifattura tal-prodotti. Il-Kummissjoni tinnota li kull sena l-Iżvezja timmonitorja l-prezzijiet tal-prodotti rilevanti u, jekk ikun meħtieġ, taġġusta l-livelli ta’ għajnuna biex tevita r-riskju ta’ kumpens żejjed fil-futur (ara l-premessa (43)). |
|
(134) |
Kif iddikjarat fil-premessa (36), l-eżenzjoni tad-dazju tas-sisa hija applikabbli irrispettivament mill-oriġini tal-bijogass jew tal-bijopropan u għalhekk hija konformi mar-regoli dwar il-moviment liberu. Is-sistema fiskali applikabbli għad-dazji tas-sisa fuq l-enerġija importata minn Stati Membri oħra għandha ssir f’konformità mad-Direttiva 2008/118/CE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li tħassar id-Direttiva 92/12/KEE. (65) |
|
(135) |
Fir-rigward tal-kumment ta’ partijiet terzi dwar il-metodoloġija kontabilistika tal-miri tar-RES (ara l-premessa (90)), il-Kummissjoni tqis li tali mistoqsijiet metodoloġiċi la jaffettwaw l-għan tal-miżura ta’ għajnuna, jiġifieri l-promozzjoni tal-bijogass jew tal-bijopropan bħala tali, u lanqas ma huma relatati mal-modalitajiet ta’ miżura ta’ għajnuna marbuta b’mod tant irrevokabbli mal-għan tal-għajnuna li jkun impossibbli li jiġu evalwati separatament. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tivvalutax dan il-punt fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. |
|
(136) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskemi ma jiksrux id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. |
5.3.2.2. Kundizzjoni negattiva: il-miżura ta’ għajnuna ma tridx taffettwa b’mod mhux xieraq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jmur kontra l-interess komuni
5.3.2.2.1. Is-suq affettwat mill-għajnuna
|
(137) |
Is-suq affettwat mill-għajnuna huwa s-suq tal-bijogass u tal-bijopropan sostenibbli fl-Iżvezja u fl-UE. |
5.3.2.2.2. L-effetti pożittivi tal-miżura ta’ għajnuna
|
(138) |
Kif indikat fit-taqsima 5.3.2.1.1, il-miżura tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ ċerta attività ekonomika, jiġifieri l-produzzjoni tal-bijogass u tal-bijopropan sostenibbli. Il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli hija waħda mill-għanijiet tal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija. |
5.3.2.2.3. L-effetti negattivi tal-miżura ta’ għajnuna fuq is-suq intern: il-miżura ta’ għajnuna timminimizza d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u l-kummerċ
5.3.2.2.3.1. Il-ħtieġa ta’ intervent mill-Istat
|
(139) |
Skont is-subtaqsima 3.2.2 tal-EEAG, l-Istat Membru jeħtieġ li juri li hemm ħtieġa għall-intervent mill-Istat u b’mod partikolari li l-għajnuna hija meħtieġa biex tirrimedja falliment tas-suq li altrimenti jibqa’ mhux indirizzat. Fil-każ tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, il-Kummissjoni tassumi li jibqa’ falliment residwu tas-suq, li jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ għajnuna għall-enerġija rinnovabbli, għar-raġunijiet stabbiliti fil-punt (115) tal-EEAG. |
|
(140) |
Mingħajr intervent mill-Istat, il-bijogass u l-bijopropan ikollhom l-istess rati tat-taxxa bħall-kontropartijiet fossili tagħhom, il-gass naturali u l-LPG rispettivament. Kif muri fit-tabelli 1 sa 3, mingħajr intervent mill-Istat, il-bijogass u l-bijopropan użati bħala fjuwils tal-magni jew tat-tisħin ikunu aktar għaljin mill-ekwivalenti fossili tagħhom. Il-Kummissjoni tqis li għalhekk dawn ma jinbigħux sal-punt meħtieġ biex jikkontribwixxu għall-għanijiet ambjentali li jikkostitwixxu l-objettiv tal-iskemi. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna hija meħtieġa. |
|
(141) |
Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-premessa (26), l-Iżvezja kkonfermat li l-bijogass u l-bijopropan appoġġati taħt l-iskemi ma jkunux soġġetti għal sistema ta’ kwoti, obbligi ta’ taħlit jew sistemi oħra b’effett simili. Għalhekk hemm konformità mal-punt (114) tal-EEAG. |
5.3.2.2.3.2. Adegwatezza
|
(142) |
Skont il-punt (40) tal-EEAG, il-miżura proposta trid tkun strument xieraq biex jiġi indirizzat l-objettiv ta’ politika kkonċernat. Skont il-punt (116) tal-EEAG, il-Kummissjoni tippreżumi l-adegwatezza u l-effetti distorsivi limitati tal-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri biex jilħqu l-miri tagħhom tat-tibdil fil-klima u tas-sostenibbiltà, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra kollha ta’ kompatibbiltà. |
|
(143) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-eżenzjonijiet mit-taxxa jinkoraġġixxu l-konsum tal-bijogass u tal-bijopropan sostenibbli u b’hekk irawmu l-produzzjoni tagħhom. L-objettiv tal-iskemi huwa li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri nazzjonali u tal-UE msemmija fil-premessa (28). |
|
(144) |
Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxa hija fil-prinċipju strument xieraq biex jiġi inċentivat il-konsum tal-enerġija rinnovabbli, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra kollha ta’ kompatibbiltà. |
5.3.2.2.3.3. Proporzjonalità (inkluża l-akkumulazzjoni)
5.3.2.2.3.3.1. Proporzjonalità
|
(145) |
Skont il-punt (131) tal-EEAG, l-għajnuna operatorja mogħtija lill-enerġija minn sorsi rinnovabbli għajr l-elettriku jeħtieġ li tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:
|
|
(146) |
Fir-rigward tal-kundizzjoni fil-punt 131 (c) tal-EEAG, il-Kummissjoni tinnota li l-iskemi huma soġġetti għal monitoraġġ regolari mill-awtoritajiet Żvediżi. L-Iżvezja kkonfermat li se tkompli timmonitorja s-suq għall-fjuwils tal-magni u tat-tisħin u li r-rapporti tal-monitoraġġ se jinġabru u jintbagħtu regolarment lill-Kummissjoni. Dawn ir-rapporti se jinkludu kalkoli tal-kost aġġornati għall-bijogass (u kalkoli għall-bijopropan jekk jiżviluppa suq bħal dan). L-Iżvezja impenjat ruħha wkoll li f’każ li l-kostijiet jevolvu sa punt li jkun hemm riskju ta’ kumpens żejjed, il-livelli ta’ għajnuna jiġu adattati kif xieraq. Il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni fil-punt 131 (c) tal-EEAG hija għalhekk issodisfata. |
|
(147) |
Kif imsemmi fil-premessa (41), l-Iżvezja kkonfermat li l-ebda għajnuna ma tingħata wara li l-impjanti jiġu deprezzati kompletament skont ir-regoli normali tal-kontabbiltà. Il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni fil-punt 131(d) tal-EEAG hija għalhekk issodisfata. |
|
(148) |
Fir-rigward tal-kundizzjoni fil-punt 131(a) tal-EEAG, l-Iżvezja spjegat li r-rapporti tal-monitoraġġ tagħha għall-2018 u l-2019 juru li ma kien hemm l-ebda kumpens żejjed għall-bijogass, u l-previżjonijiet juru li dan ma għandux iseħħ fil-futur. Ir-riżultati tar-rapporti tal-monitoraġġ ikkompilati mill-SEA pprovduti fit-Tabelli 1, 2 u 3 jindikaw li għad hemm differenza fil-prezz bejn il-gass naturali u l-bijogass għad-detriment tal-bijogass, irrispettivament mill-eżenzjoni mit-taxxa mogħtija. |
|
(149) |
F’dak li għandu x’jaqsam mal-punt 131(b) tal-EEAG, l-awtoritajiet Żvediżi sostnew li r-rata ta’ redditu għall-bijogass fl-2019 kienet ta’ madwar 10 %, li tqieset bħala rata raġonevoli ta’ redditu għall-industrija. L-Iżvezja impenjat ruħha li timmonitorja r-redditu fuq l-investiment kull sena u taġġusta l-livell ta’ għajnuna jekk ikun meħtieġ. |
|
(150) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm konformità mar-rekwiżit tal-punt (131) tal-EEAG. |
5.3.2.2.3.3.2. Akkumulazzjoni
|
(151) |
Skont it-Taqsima 3.2.5.2. tal-EEAG, l-għajnuna tista’ tingħata fl-istess ħin taħt diversi skemi ta’ għajnuna jew akkumulata ma’ għajnuna ad hoc, dment li l-ammont totali ta’ għajnuna mill-Istat għal attività jew proġett ma jaqbiżx il-limiti stabbiliti mil-limiti massimi tal-għajnuna stabbiliti fl-EEAG. |
|
(152) |
Il-Kummissjoni tinnota li mhuwiex eskluż li produttur jista’ jirċievi għajnuna għall-produzzjoni u li l-produzzjoni tiegħu tista’ mbagħad tiġi eżentata mit-taxxi fuq l-enerġija u s-CO2 fl-Iżvezja, sal-punt li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà dettaljati fit-taqsima 2.2. |
|
(153) |
Il-Kummissjoni tinnota li tali appoġġ jingħata fi stadji differenti tal-katina tal-provvista u għandu benefiċjarji diretti differenti. L-għajnuna għall-produzzjoni tintervjeni fl-ewwel stadju (il-produzzjoni) u l-iskemi Żvediżi tal-eżenzjonijiet mit-taxxa jintervjenu fl-aħħar stadju (il-konsum). L-għan tal-appoġġ għall-produzzjoni huwa li jinkoraġġixxi l-investiment fil-produzzjoni tal-bijogass billi jipprovdi lill-produtturi dħul ogħla jew aktar stabbli milli jipprovdi s-suq normalment. L-għan ta’ skema ta’ konsum huwa li jitnaqqas il-prezz tal-bijogass għall-konsumaturi finali sabiex dawn jagħżlu li jixtru l-bijogass minflok il-gass naturali. |
|
(154) |
Kif ikkunsidrat mill-Qorti Ġenerali (66), l-eżenzjonijiet mit-taxxa fl-Iżvezja ma għandhom l-ebda impatt fuq il-kost tal-produzzjoni. Dawn jistgħu jirriżultaw f’żieda fid-domanda li min-naħa tagħha tista’ tirriżulta f’żieda fid-dħul għall-produttur. Fl-istess ħin, kif ikkunsidrat ukoll il-Qorti Ġenerali (67), il-bijogass li rċieva sussidju tal-produzzjoni jippermetti lill-produttur ibigħ il-bijogass bi prezz li jista’ jikkompeti mal-gass naturali. |
5.3.2.2.3.3.2.1. Akkumulazzjoni mal-għajnuna għall-produzzjoni fil-livell nazzjonali
|
(155) |
Kif jidher fit-taqsima 2.5, l-awtoritajiet Żvediżi spjegaw li l-akkumulazzjoni bejn l-eżenzjonijiet mit-taxxa u l-miżuri li jagħtu investiment jew għajnuna operattiva lill-produtturi tal-bijogass/bijopropan hija possibbli. Huma spjegaw ukoll li l-ammonti ta’ għajnuna li setgħu ngħataw lill-produtturi tal-bijogass/tal-bijopropan fl-Iżvezja se jiġu inklużi fil-kostijiet irrappurtati u b’hekk se jitqiesu għall-monitoraġġ tal-kumpens mill-SEA. |
|
(156) |
Fir-rigward tal-kummenti minn Landwärme dwar l-akkumulazzjoni mal-iskemi Żvediżi ta’ għajnuna għall-produzzjoni (ara l-premessa (93)) u fid-dawl tat-tweġibiet ipprovduti mill-Iżvezja (ara l-premessa (107)), il-Kummissjoni ma tidentifika l-ebda kwistjoni rilevanti relatata mal-akkumulazzjoni tal-iskemi tat-taxxa u skemi Żvediżi oħra ta’ għajnuna għall-produzzjoni. Il-Kummissjoni tinnota li minn naħa waħda l-għajnuna potenzjali għall-produzzjoni hija kkunsidrata fit-test tal-kumpens żejjed imwettaq fil-kuntest tal-iskemi tat-taxxa (ara l-premessi (65) u (66)), u li min-naħa l-oħra, l-Iżvezja tiżgura li r-rekwiżiti ta’ akkumulazzjoni tal-GBER jiġu ssodisfati meta tingħata għajnuna għall-produzzjoni skont il-GBER (ara l-premessa (107)). |
|
(157) |
Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskemi huma konformi mat-Taqsima 3.2.5.2. tal-EEAG, fil-każ ta’ akkumulazzjoni ma’ dik l-għajnuna għall-produzzjoni fil-livell nazzjonali. (68) |
5.3.2.2.3.3.2.2. Akkumulazzjoni ma’ għajnuna għall-produzzjoni f’ċerti Stati Membri
|
(158) |
Kif spjegat fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni kienet irċeviet informazzjoni mingħand Landwärme li turi li l-ammont ta’ bijogass mid-Danimarka kien żdied kontinwament fl-Iżvezja bejn l-2015 u l-2019. |
|
(159) |
Wara d-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-kummenti li waslu mingħand partijiet terzi kif ukoll mingħand l-Iżvezja jindikaw li fl-Iżvezja kien hemm żieda fl-importazzjonijiet tal-bijogass mid-Danimarka fis-snin ta’ qabel in-notifika tal-estensjoni tal-iskemi u wara l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-2020. |
|
(160) |
Landwärme pprovdiet data addizzjonali dwar dan il-fatt (ara l-premessa (79)). Landwärme sostniet li l-produtturi tal-bijometan li akkumulaw żewġ sussidji kienu kkumpensati żżejjed u użaw dan il-kumpens żejjed biex jeliminaw lill-produtturi tal-bijometan Żvediżi u lill-produtturi minn Stati Membri oħra mis-suq Żvediż (ara l-premessa (80)). |
|
(161) |
L-Assoċjazzjoni Żvediża tal-Gass kif ukoll l-Iżvezja jqisu li għalkemm is-sussidji fid-Danimarka seta’ kellhom impatt fuq l-importazzjonijiet lejn is-suq Żvediż, hemm fatturi oħra li seta’ kellhom impatt (ara l-premessi (78) u (96)). |
|
(162) |
Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tqis li ma jistax jiġi eskluż li l-għajnuna mogħtija fid-Danimarka seta’ kellha impatt fuq iż-żieda fl-importazzjonijiet tal-bijogass mid-Danimarka fl-Iżvezja. Madankollu, il-Kummissjoni tqis ukoll li l-evidenza pprovduta ma tippermettix li jiġi dedott minn dan l-iżvilupp li hemm rabta kawżali ma’ kumpens żejjed. Dan l-iżvilupp seta’ sempliċiment kien l-effett ta’ aktar faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-bijogass fid-Danimarka, li huwa l-għan tal-għajnuna għall-produzzjoni fid-Danimarka, u għalhekk żieda fil-provvista. |
|
(163) |
Il-Kummissjoni tifhem ukoll li r-raġunament ta’ Landwärme huwa bbażat fuq GOs (li jippermettu li tiġi traċċata b’lura l-oriġini). Bħala regola ġenerali, il-kummerċ transfruntier tal-bijometan huwa bbażat fuq iċ-ċertifikati. Ladarba l-bijogass jiġi injettat fil-grilja tal-gass, ma jintgħarafx mill-gass naturali. Il-GOs maħruġa għall-finijiet tar-RED II għandhom il-funzjoni unika li juru lil klijent finali li sehem jew kwantità partikolari ta’ enerġija ġiet prodotta minn sorsi rinnovabbli. Il-GOs jistgħu jiġu nnegozjati. Il-GOs għandhom valur tas-suq li jenħtieġ li jitqies għall-iskemi ta’ appoġġ rilevanti. (69) |
|
(164) |
Għalhekk, il-mistoqsija rilevanti mhijiex jekk il-GOs humiex innegozjati iżda jekk dawn (kif ukoll sorsi oħra ta’ dħul) humiex inklużi fit-test(ijiet) tal-kumpens żejjed. |
|
(165) |
Il-Kummissjoni tinnota li kemm l-Iżvezja kif ukoll id-Danimarka jwettqu testijiet tal-kumpens żejjed. Il-Kummissjoni se tibda l-valutazzjoni tagħha bit-test Daniż tal-kumpens żejjed. |
|
(166) |
Kif ikkonfermat mill-awtoritajiet Daniżi (ara l-premessa (82)), għall-iskema ta’ għajnuna SA.35485 (70), id-Danimarka twettaq valutazzjoni annwali ta’ kumpens żejjed. Il-kalkolu huwa bbażat fuq ir-rapporti finanzjarji annwali tal-benefiċjarji u jqis il-kostijiet u d-dħul kollu, inkluż fost affarijiet oħra l-introjtu relatat mal-bejgħ tal-gass u tal-GOs, kif ukoll l-għajnuna Daniża. Id-Danimarka twettaq il-valutazzjoni fuq perjodu ta’ 3 snin konsekuttivi. Jekk il-perjodu preċedenti ta’ 3 snin juri li l-benefiċjarji tal-iskema ta’ appoġġ Daniża għall-bijometan ġew ikkumpensati żżejjed, il-livell ta’ għajnuna jiġi rieżaminat u adattat mill-awtoritajiet nazzjonali. Dan huwa dak li ġara wara l-valutazzjoni tal-2023 kif spjegat mid-Danimarka. L-awtoritajiet Daniżi żiedu li dan il-metodu jqis l-effetti tal-iskemi Żvediżi, peress li żieda fid-domanda għall-bijogass se tiġi riflessa f’żieda fl-introjtu rrappurtata fir-rapporti finanzjarji annwali. |
|
(167) |
Il-Kummissjoni tqis li t-test imwettaq mid-Danimarka huwa mfassal tajjeb biex jiżgura n-nuqqas ta’ kumpens żejjed fl-iskema Daniża (u biex jieħu miżuri korrettivi xierqa f’każ ta’ kumpens żejjed). Fl-2020-2022, il-Kummissjoni stess wettqet eżerċizzju ta’ monitoraġġ dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.35485 u tat ħarsa mill-qrib lejn it-test tal-kumpens żejjed imwettaq mid-Danimarka. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tikkonferma l-argumenti Daniżi. |
|
(168) |
Il-Kummissjoni tinnota li t-test Daniż tal-kumpens żejjed iqis id-dħul kollu, inkluż id-dħul potenzjali mill-bejgħ tal-GOs kif ukoll kwalunkwe impatt possibbli tal-għajnuna mogħtija fi Stati Membri oħra fuq id-dħul tal-produtturi Daniżi. Il-Kummissjoni kienet diġà indikat fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ li l-kalkolu Daniż iqis id-dħul kollu, b’mod partikolari l-introjtu relatat mal-bejgħ tal-gass u l-GOs (ara l-premessa (95) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ), għall-kuntrarju tad-dikjarazzjoni ta’ Landwärme. Bi tweġiba għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, la Landwärme u lanqas xi parti interessata oħra ma pprovdew evidenza li dan huwa fattwalment żbaljat. |
|
(169) |
Fir-rigward tal-iskemi tat-taxxa Żvediżi inkwistjoni, l-Assoċjazzjoni Żvediża tal-Gass u l-Iżvezja spjegaw li r-rapporti tal-monitoraġġ jirriflettu l-kostijiet għall-produzzjoni tal-bijogass fl-Iżvezja, inkluża kwalunkwe għajnuna mogħtija lill-produtturi. Fir-rigward tal-bijogass importat, il-kalkoli huma bbażati fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni, li jirriflettu l-ammonti ta’ għajnuna mogħtija lil produttur fi Stat Membru ieħor kif ukoll il-prezz tal-GOs. L-Iżvezja spjegat li ma tistax tqis il-kostijiet tal-produzzjoni għall-bijogass importat: la l-Iżvezja u lanqas l-importaturi ma jista’ jkollhom għarfien dwar il-kostijiet tal-produzzjoni jew l-għajnuna mogħtija lill-produtturi f’pajjiżi oħra (ara l-premessi (83) u (98)). |
|
(170) |
Il-Kummissjoni tinnota li t-test Żvediż huwa bbażat fuq il-prezz li jiffaċċja l-fornitur tal-fjuwil, minħabba li hemm tiġi imposta t-taxxa. It-test Żvediż huwa mfassal b’tali mod li l-prezz medju tal-bijogass jibqa’ ogħla mill-prezz medju tal-gass naturali fis-suq Żvediż, anke bl-eżenzjoni mit-taxxa. Meta l-bijogass jiġi importat, il-prezz tiegħu fis-suq Żvediż jikkorrispondi għall-prezz tal-importazzjoni (eż. il-prezz imħallas lill-produttur Daniż (u inkluż fit-test Daniż) u l-kostijiet imġarrba mill-importatur (eż. il-kostijiet tat-trasport)). |
|
(171) |
Landwärme tqis li l-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà għall-iskemi ta’ għajnuna għall-bijometan, inklużi l-iskemi Żvediżi, jippermetti kumpens żejjed billi ma jqisx id-dħul iġġenerat mill-bejgħ ta’ GOs u l-għajnuna mogħtija fi Stati Membri oħra (ara l-premessa (85)). |
|
(172) |
L-EREF, Eurogas u GreenGasAdvisors qajmu wkoll tħassib ġenerali dwar ir-riskju ta’ kumpens żejjed minħabba l-akkumulazzjoni potenzjali ta’ għajnuniet minn skemi multipli f’każ ta’ kummerċ transfruntier (ara l-premessi (88) u (89)). |
|
(173) |
Il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ ir-riskju ta’ kumpens żejjed huwa indirizzat b’mod xieraq permezz tal-kombinazzjoni tat-test tal-kumpens żejjed Żvediż u dak Daniż. Il-mekkaniżmi Daniżi u Żvediżi jikkomplementaw lil xulxin u jippermettu li jiġi żgurat li meħudin flimkien ma jkun hemm l-ebda kumpens żejjed meta tiġi vvalutata l-kompatibbiltà tal-miżura Żvediża. |
|
(174) |
B’mod partikolari, it-test Daniż diġà jindirizza l-kumpens żejjed tal-produtturi tal-bijometan Daniżi kif xieraq, billi jinkludi d-dħul tal-GO u kwalunkwe dħul li jirriżulta mill-kummerċ transfruntier. Min-naħa Żvediża, it-test iqis b’mod sodisfaċenti l-kummerċ transfruntier u l-għajnuna potenzjali għall-produzzjoni riċevuta fi Stati Membri oħra peress li t-test mhuwiex ibbażat biss fuq il-produzzjoni domestika iżda jinkludi wkoll il-bijogass importat. Barra minn hekk, l-għajnuna mogħtija f’pajjiżi oħra hija kkunsidrata, peress li taffettwa l-prezz tal-bijogass importat fl-Iżvezja (li jitqies fit-test Żvediż). |
|
(175) |
Fir-rigward tal-kalkolu pprovdut minn Landwärme bl-għan li jintwera l-kumpens żejjed tal-produtturi Daniżi (ara l-premessa (86)), il-Kummissjoni tinnota li l-kalkolu huwa xprunat minn suppożizzjonijiet u huwa bbażat fuq nuqqas ta’ fehim tat-test tal-kumpens żejjed li jitwettaq mid-Danimarka. Landwärme assumiet li l-għajnuna Daniża għall-produzzjoni hija d-differenza bejn il-kost tal-produzzjoni tal-bijogass u l-prezz għall-gass naturali u mbagħad żiedet ir-rifużjoni tat-taxxa Żvediża (jekk wieħed jassumi li r-rifużjoni sħiħa ġiet mgħoddija lill-produtturi Daniżi) kif ukoll il-prezz tal-GO. Għall-kuntrarju, it-test imwettaq mid-Danimarka huwa bbażat fuq data finanzjarja attwali mill-produtturi Daniżi bid-dħul u l-kostijiet kollha, kif diġà deskritt fil-premessa (95) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Dan jimplika li dħul addizzjonali potenzjali għall-produtturi Daniżi minħabba l-ħelsien mit-taxxa Żvediż (71) kif ukoll mill-bejgħ tal-GOs huwa inkluż fit-test tal-kumpens żejjed u għalhekk jitnaqqas mill-għajnuna Daniża għall-produzzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li rċeviet evidenza ta’ kumpens żejjed li jirriżulta mill-iskemi Żvediżi lill-produtturi f’każijiet fejn l-għajnuna għall-produzzjoni tingħata minn Stat Membru ieħor (ara l-premessa (231) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ). B’mod speċifiku, il-kalkolu ppreżentat minn Landwärme ma jinvalidax is-sejbiet ta’ hawn fuq li l-kumpens żejjed fid-Danimarka huwa indirizzat b’mod adegwat. |
|
(176) |
Fil-kummenti tagħhom, xi partijiet terzi, inkluża Landwärme, ipproponew li l-Iżvezja teskludi mill-iskemi l-bijometan importat li jkun ġie ssussidjat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu (ara l-premessa (87)). Bħala tweġiba għal dan is-suġġeriment, l-Iżvezja ddikjarat li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma jipprojbixxux l-akkumulazzjoni tal-għajnuna u li dan is-suġġeriment ma jqisx jekk l-akkumulazzjoni tal-għajnuna fil-fatt twassalx għal kumpens żejjed (ara l-premessa (101)). Barra minn hekk, l-Iżvezja nnotat li ma hemmx preferenza armonizzata tal-UE dwar kif għandu jiġi appoġġat il-bijogass: billi ssib li l-għajnuna għall-produzzjoni fi Stat Membru wieħed tagħmel eżenzjoni mit-taxxa f’ieħor impossibbli, il-Kummissjoni tkun qed tagħżel mezz preferut ta’ appoġġ għall-Istati Membri kollha, jiġifieri, għajnuna għall-produzzjoni (ara l-premessa (105)). F’konformità mal-punt 56 tas-CEEAG, il-Kummissjoni tinnota li l-akkumulazzjoni ta’ għajnuna fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli hija possibbli dment li l-ammont totali ta’ għajnuna għal proġett jew attività ma jwassalx għal kumpens żejjed. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-punt 93 tas-CEEAG li jiddikjara li minħabba l-iskala u l-urġenza tal-isfida tad-dekarbonizzazzjoni, jistgħu jintużaw varjetà ta’ strumenti, inklużi għotjiet diretti. Fil-każ attwali, il-Kummissjoni tifhem li dan is-suġġeriment minn Landwärme huwa propost bħala mod kif jiġi indirizzat il-kumpens żejjed. Għalhekk, il-Kummissjoni jkollha tivvaluta dan bħala punt rilevanti biss f’każ li tkun sabet evidenza ta’ kumpens żejjed. L-istess japplika dwar jekk livelli differenti ta’ tassazzjoni jistgħux jiġu applikati jew le (ara l-premessi (91) u (92) u (103) sa (106)). |
5.3.2.2.3.3.2.3. Konklużjoni dwar l-akkumulazzjoni
|
(177) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskemi jikkonformaw mat-Taqsima 3.2.5.2. tal-EEAG. |
5.3.2.2.3.3.3. Konklużjoni dwar il-proporzjonalità (inkluża l-akkumulazzjoni)
|
(178) |
Fid-dawl tal-konklużjonijiet fil-premessi (157) u (177), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskemi huma proporzjonati. |
5.3.2.2.4. L-użin tal-effetti pożittivi tal-għajnuna mal-effett negattiv fuq is-suq intern
|
(179) |
L-effetti negattivi tal-miżura fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ iridu jkunu limitati biżżejjed, sabiex il-bilanċ ġenerali tal-miżura jkun pożittiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li sabiex jiġi vvalutat jekk miżura taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni, il-Kummissjoni trid tibbilanċja l-effett pożittiv tal-għajnuna ppjanata għall-iżvilupp tal-attivitajiet li l-għajnuna hija maħsuba li tappoġġa u l-effetti negattivi li l-għajnuna jista’ jkollha fuq is-suq intern. (72) |
|
(180) |
Fuq in-naħa l-pożittiva tal-bilanċ, il-Kummissjoni tinnota li l-miżura tappoġġa l-konsum tal-bijogass u tal-bijopropan sostenibbli u b’hekk tiffaċilita l-iżvilupp ta’ produzzjoni sostenibbli tal-bijogass u tal-bijopropan. Barra minn hekk, l-għajnuna jenħtieġ li twassal għal effetti indiretti pożittivi f’termini ta’ kisbiet ambjentali. |
|
(181) |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli hija waħda mill-għanijiet tal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija skont l-Artikolu 194 tat-TFUE. Barra minn hekk, il-punt (30) tal-EEAG jirrikonoxxi li livell ogħla ta’ protezzjoni ambjentali jista’ jinkiseb permezz ta’ bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju b’sehem sinifikanti ta’ enerġija varjabbli minn sorsi rinnovabbli. |
|
(182) |
Kif spjegat fil-premessa (30), il-kost tal-produzzjoni tal-bijogass huwa għali wisq biex dawn il-fjuwils ikunu jistgħu jikkompetu mal-fjuwils fossili ekwivalenti tagħhom mingħajr għajnuna. |
|
(183) |
Fuq in-naħa n-negattiva tal-bilanċ, il-Kummissjoni tinnota li l-iskemi jipprovdu vantaġġ indirett lill-produtturi sostenibbli tal-bijogass u tal-bijopropan, bl-esklużjoni ta’ produtturi oħra tal-fjuwils. |
|
(184) |
Il-punt (116) tal-EEAG jistabbilixxi preżunzjoni li l-għajnuna għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli għandha effetti distorsivi limitati dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra kollha ta’ kompatibbiltà. |
|
(185) |
Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi dwar in-nuqqas ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
5.3.2.3. Trasparenza
|
(186) |
Skont it-Taqsima 3.2.7 tal-EEAG, l-Istati Membri huma meħtieġa jippubblikaw ċerta informazzjoni relatata mal-benefiċjarji tal-għajnuna. L-Iżvezja se tkompli tikkonforma ma’ dawn id-dispożizzjonijiet u tippubblika l-informazzjoni rilevanti fuq sit web (ara l-premessa (68)). |
5.3.2.4. Ditti f’diffikultà jew soġġetti għal ordni ta’ rkupru pendenti
|
(187) |
Kif jidher fil-premessa (69), l-awtoritajiet Żvediżi se jkomplu jiżguraw li ma tingħata l-ebda għajnuna lil ditti f’diffikultà jew lil dawk li huma soġġetti għal ordni ta’ rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara miżura ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, f’konformità mal-punti (16) u (17) tal-EEAG. |
5.3.2.5. Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà tal-iskemi
|
(188) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika u ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE u tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-EEAG. |
5.3.3. Valutazzjoni skont is-CEEAG
|
(189) |
Wara l-adozzjoni tas-CEEAG, il-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà tal-iskemi abbażi tas-CEEAG għall-perjodu mis-27 ta’ Jannar 2022. L-attivitajiet appoġġati jaqgħu taħt il-kategorija ta’ għajnuna għat-tnaqqis u t-tneħħija tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, inkluż permezz ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika (ara l-punt 16 (a) tas-CEEAG). |
|
(190) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-iskemi skont id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ kompatibbiltà fit-Taqsima 3 tas-CEEAG, kif ukoll il-kriterji speċifiċi ta’ kompatibbiltà għall-għajnuna għat-tnaqqis u t-tneħħija tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkluż permezz ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika fit-Taqsima 4.1 tas-CEEAG. |
5.3.3.1. Kundizzjoni pożittiva: l-għajnuna trid tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika
5.3.3.1.1. Identifikazzjoni tal-attività ekonomika li qed tiġi ffaċilitata mill-miżura, l-effetti pożittivi tagħha għas-soċjetà inġenerali u, fejn applikabbli, ir-rilevanza tagħha għal politiki speċifiċi tal-Unjoni
|
(191) |
F’konformità mal-punti 23 sa 25 tas-CEEAG, l-Istati Membri jridu jidentifikaw l-attivitajiet ekonomiċi li se jiġu ffaċilitati bħala riżultat tal-għajnuna u jiddeskrivu jekk u kif l-għajnuna se tikkontribwixxi għall-kisba tal-politiki u l-miri tal-Unjoni. |
|
(192) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-iskemi jappoġġaw, permezz ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa, il-konsum tal-bijogass u tal-bijopropan użati bħala fjuwils tal-magni jew tat-tisħin u b’hekk indirettament ukoll il-produzzjoni tal-bijogass u tal-bijopropan, u għalhekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ din l-attività ekonomika (ara l-premessa (35)). Kif spjegat fil-premessa (28), l-Iżvezja tqis li bil-promozzjoni tal-użu ta’ fjuwils rinnovabbli sostenibbli, l-iskemi jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri tal-UE u dawk nazzjonali msemmija. |
|
(193) |
F’konformità mal-punt 80 tas-CEEAG, l-Iżvezja kkonfermat li l-fjuwils appoġġati se jkunu konformi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fir-RED II u fl-atti ta’ implimentazzjoni jew delegati tagħha (ara l-premessa (25)). |
|
(194) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-iskemi jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-Taqsima 3.1 u tal-punt 80 tas-CEEAG. |
5.3.3.1.2. Effett ta’ inċentiv
|
(195) |
L-għajnuna mill-Istat tista’ titqies biss li tiffaċilita attività ekonomika jekk ikollha effett ta’ inċentiv. Effett ta’ inċentiv iseħħ meta l-għajnuna ġġiegħel lill-benefiċjarju jibdel l-imġiba tiegħu lejn l-iżvilupp ta’ attività ekonomika segwita mill-għajnuna, u jekk din il-bidla fl-imġiba ma sseħħx altrimenti mingħajr l-għajnuna. (73) |
|
(196) |
Sabiex tintwera l-preżenza ta’ effett ta’ inċentiv, il-punt 28 tas-CEEAG jirrikjedi li jiġu identifikati x-xenarju fattwali u x-xenarju kontrofattwali probabbli fin-nuqqas tal-għajnuna. Barra minn hekk, il-punt 28 tas-CEEAG jirrikjedi li l-effett ta’ inċentiv jintwera permezz ta’ kwantifikazzjoni msemmija fit-Taqsima 3.2.1.3 tas-CEEAG. It-Taqsima 3.2.1.3 tas-CEEAG tirreferi għall-kost addizzjonali nett (“diskrepanza fil-finanzjament”) meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tal-miżura ta’ għajnuna, meta mqabbel max-xenarju kontrofattwali fin-nuqqas tal-għajnuna. Il-punt 54 tas-CEEAG jispjega li f’ċerti ċirkostanzi, jista’ jkun diffiċli li jiġu identifikati bis-sħiħ il-benefiċċji u l-kostijiet għall-benefiċjarju u għalhekk li jiġi kkwantifikat il-valur preżenti nett fix-xenarji fattwali u kontrofattwali. Jistgħu jiġu applikati approċċi alternattivi għal dawn il-każijiet, kif inhu dettaljat fil-Kapitolu 4 għal tipi speċifiċi ta’ għajnuna. F’dan ir-rigward, il-punt 110 tas-CEEAG jiddikjara li meta tnaqqis fit-taxxa jew fl-imposta parafiskali jnaqqas il-kostijiet operatorji rikorrenti, l-ammont ta’ għajnuna ma jridx jaqbeż id-differenza bejn il-kostijiet tal-proġett jew tal-attività ekoloġika u tax-xenarju kontrofattwali inqas ekoloġiku. |
|
(197) |
Fl-iskemi, il-Kummissjoni tinnota li x-xenarju fattwali huwa l-konsum ta’ bijogass jew bijopropan sostenibbli u x-xenarju kontrofattwali huwa l-konsum ta’ fjuwil fossili ekwivalenti. |
|
(198) |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li, f’konformità mal-punt 110 tas-CEEAG, il-kwantifikazzjoni applikabbli rilevanti għall-iskemi tikkonsisti fid-differenza bejn il-kostijiet tal-attività li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent u tax-xenarju kontrofattwali li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, jiġifieri l-kostijiet tal-bijogass (jew tal-bijopropan) u l-kostijiet tal-fjuwil fossili ekwivalenti. |
|
(199) |
Kif muri fit-Tabelli 1, 2 u 3, il-kostijiet tal-bijogass sostenibbli għall-finijiet tal-magni jew tas-sħana huma ogħla mill-kostijiet tal-gass naturali. L-għajnuna tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ dawk il-kostijiet żejda. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjonijiet mit-taxxa se jinkoraġġixxu l-użu tal-bijogass sostenibbli (u l-bijopropan (74)) u, bħala konsegwenza, se jinċentivaw indirettament ukoll il-produzzjoni ta’ dawn it-tipi ta’ fjuwils rinnovabbli. |
|
(200) |
Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti fil-punti 26 sa 28 tas-CEEAG huma ssodisfati. |
|
(201) |
Il-punt 29 tas-CEEAG jistipula li l-għajnuna normalment ma tippreżentax effett ta’ inċentiv f’każijiet fejn ix-xogħlijiet fuq il-proġett ikunu bdew qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna. Madankollu, il-punt 31 tas-CEEAG jispjega li f’ċerti każijiet eċċezzjonali, l-għajnuna jista’ jkollha effett ta’ inċentiv anke għal proġetti li jkunu bdew qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna. B’mod partikolari, l-għajnuna titqies li għandha effett ta’ inċentiv jekk l-għajnuna tingħata awtomatikament skont kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji u mingħajr eżerċizzju ulterjuri ta’ diskrezzjoni mill-Istat Membru, u jekk il-miżura tkun ġiet adottata u tkun fis-seħħ qabel ma jkun beda x-xogħol fuq il-proġett jew l-attività megħjuna, ħlief fil-każ ta’ skemi fiskali suċċessivi, meta l-attività tkun diġà ġiet koperta mill-iskemi preċedenti fil-forma ta’ benefiċċji fuq it-taxxa. |
|
(202) |
Kif iddikjarat fil-premessa (40), l-għajnuna tingħata awtomatikament f’konformità ma’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji u mingħajr eżerċizzju ulterjuri ta’ diskrezzjoni mill-Istat Membru. Barra minn hekk, l-iskemi huma s-suċċessur tal-iskemi fiskali eżistenti sabiex l-attività tkun diġà ġiet koperta mill-iskemi preċedenti. Għalhekk, ir-rekwiżiti fil-punt 31 tas-CEEAG huma ssodisfati. |
|
(203) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna taħt l-iskemi għandha effett ta’ inċentiv. |
5.3.3.1.3. L-ebda ksur tal-ebda dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni
|
(204) |
L-għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern jekk l-attività appoġġata, il-miżura ta’ għajnuna, jew il-kundizzjonijiet marbuta magħha jinvolvu ksur tad-dritt rilevanti tal-Unjoni. (75) |
|
(205) |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni vvalutat, b’mod partikolari, jekk l-iskemi jiksrux xi leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni fis-settur tal-enerġija. Il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna taħt l-iskemi biex tappoġġa l-prodotti rilevanti se tingħata f’konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti fir-RED II (ara l-premessa (25)). |
|
(206) |
Peress li l-miżura tikkonċerna t-tnaqqis tad-dazju tas-sisa u l-eżenzjonijiet għall-prodotti tal-enerġija, il-Kummissjoni trid tivvaluta wkoll il-konformità tagħha mad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. |
|
(207) |
L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija jippermetti lill-Istati Membri japplikaw eżenzjoni jew rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq il-bijofjuwils. L-Artikolu 16(2) jillimita l-eżenzjoni jew it-tnaqqis fit-tassazzjoni għall-parti tal-prodott li fil-fatt hija derivata mill-bijomassa, li huwa l-każ taħt l-iskema (ara l-premessa (27)). |
|
(208) |
Barra minn hekk, il-miżura tikkonforma wkoll mal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija li jiddikjara li l-eżenzjoni jew it-tnaqqis fit-tassazzjoni applikati mill-Istati Membri għandhom jiġu aġġustati biex jitqiesu l-bidliet fil-prezzijiet tal-materja prima biex jiġi evitat kumpens żejjed għall-kostijiet żejda involuti fil-manifattura tal-prodotti. Il-Kummissjoni tinnota li kull sena l-Iżvezja timmonitorja l-prezzijiet tal-prodotti rilevanti u, jekk ikun meħtieġ, taġġusta l-livelli ta’ għajnuna biex tevita r-riskju ta’ kumpens żejjed fil-futur (ara l-premessa (43)). |
|
(209) |
Fir-rigward tal-kumment minn partijiet terzi dwar il-metodoloġija kontabilistika għall-miri tar-RES (ara l-premessa (90)), il-Kummissjoni tqis li tali mistoqsijiet metodoloġiċi la jaffettwaw l-għan tal-miżura ta’ għajnuna, jiġifieri l-promozzjoni tal-bijogass jew tal-bijopropan bħala tali, u lanqas ma huma relatati mal-modalitajiet ta’ miżura ta’ għajnuna marbuta b’mod tant irrevokabbli mal-għan tal-għajnuna li huwa impossibbli li jiġu evalwati separatament. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tivvalutax dan il-punt fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. |
|
(210) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda indikazzjoni li la l-iskemi, u lanqas il-kundizzjonijiet marbuta magħhom, ma jinvolvu ksur inseparabbli tad-dritt rilevanti tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rekwiżiti tal-punt 33 tas-CEEAG huma ssodisfati. |
5.3.3.1.4. Konklużjoni
|
(211) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskemi jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni (pożittiva) tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà, jiġifieri li l-għajnuna tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika skont ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 3.1 tas-CEEAG. |
5.3.3.2. Kundizzjoni negattiva: l-għajnuna ma tistax tfixkel bla bżomn il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kontra l-interess komuni
5.3.3.2.1. Ħtieġa tal-għajnuna
|
(212) |
Il-punt 89 tas-CEEAG jiddikjara li l-Istat Membru jrid jidentifika l-miżuri ta’ politika diġà fis-seħħ biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Sabiex tintwera l-ħtieġa tal-għajnuna, il-punti 38 u 90 tas-CEEAG jispjegaw li l-Istat Membru jrid juri li l-proġett ma jistax jitwettaq mingħajr l-għajnuna, filwaqt li jqis is-sitwazzjoni kontrofattwali, kif ukoll il-kostijiet u d-dħul rilevanti inklużi dawk marbuta mal-miżuri identifikati fil-punt 89 tas-CEEAG. Sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna tibqa’ meħtieġa għal kull kategorija eliġibbli ta’ benefiċjarji, l-Istati Membri jridu jaġġornaw l-analiżi tagħhom tal-kostijiet u tad-dħul rilevanti mill-inqas kull 3 snin għal skemi li jdumu aktar minn hekk, kif stabbilit fil-punt 92 tas-CEEAG. |
|
(213) |
L-Iżvezja kkonfermat li l-bijogass u l-bijopropan appoġġati taħt l-iskemi mhumiex soġġetti għal sistema ta’ kwoti, obbligi ta’ taħlit jew sistemi oħra b’effett simili (ara l-premessa (16)). |
|
(214) |
Mingħajr intervent mill-Istat, il-bijogass u l-bijopropan ikunu soġġetti għall-istess rati ta’ taxxa bħall-kontropartijiet fossili tagħhom, il-gass naturali u l-LPG rispettivament. Kif muri fit-tabelli 1 sa 3, mingħajr intervent mill-Istat, il-bijogass u l-bijopropan użati bħala fjuwils tal-magni jew tat-tisħin ikunu aktar għaljin mill-ekwivalenti fossili tagħhom. Il-Kummissjoni tqis li għalhekk dawn ma jinbigħux sal-punt meħtieġ biex jikkontribwixxu għall-għanijiet ambjentali li jikkostitwixxu l-objettiv tal-iskemi. |
|
(215) |
Għat-tul ta’ żmien tal-estensjoni tal-iskemi, l-Iżvezja kkonfermat li kull sena se taġġorna l-analiżi tagħha tal-kostijiet u tibgħat rapport annwali tal-monitoraġġ lill-Kummissjoni b’kalkoli tal-kostijiet aġġornati. F’konformità mal-impenji preċedenti tagħha, l-Iżvezja kkonfermat li f’każ ta’ kumpens żejjed, il-livelli ta’ għajnuna jiġu adattati biex jiġi evitat kwalunkwe kumpens żejjed fil-futur (ara l-premessa (43)). |
|
(216) |
Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna hija meħtieġa. |
5.3.3.2.2. Adegwatezza
|
(217) |
Il-punt 93 tas-CEEAG jiddikjara li l-Kummissjoni tassumi l-adegwatezza tal-għajnuna biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra kollha ta’ kompatibbiltà. Jistabbilixxi wkoll li, minħabba l-iskala u l-urġenza tal-isfida tad-dekarbonizzazzjoni, jistgħu jintużaw varjetà ta’ strumenti. |
|
(218) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-eżenzjonijiet mit-taxxa jinkoraġġixxu l-konsum tal-bijogass u tal-bijopropan sostenibbli u b’hekk irawmu l-produzzjoni tagħhom. |
|
(219) |
Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxa hija fil-prinċipju strument xieraq biex jiġi inċentivat il-konsum tal-enerġija rinnovabbli, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra kollha ta’ kompatibbiltà. |
5.3.3.2.3. Eliġibbiltà
|
(220) |
Il-punt 95 tas-CEEAG jispjega li l-miżuri ta’ dekarbonizzazzjoni mmirati lejn attivitajiet speċifiċi li jikkompetu ma’ attivitajiet oħra mhux sussidjati jistgħu jkunu mistennija li jwasslu għal distorsjonijiet akbar tal-kompetizzjoni, meta mqabbla ma’ miżuri miftuħa għall-attivitajiet kompetituri kollha. Bħala tali, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu raġunijiet għal miżuri li ma jinkludux it-teknoloġiji u l-proġetti kollha li huma f’kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri jridu jirrieżaminaw regolarment ir-regoli ta’ eliġibbiltà u kwalunkwe regola relatata magħhom biex jiżguraw li r-raġunijiet ipprovduti biex jiġġustifikaw eliġibbiltà aktar limitata jkomplu japplikaw għat-tul tal-ħajja ta’ kull skema, kif stabbilit fil-punt 97 tas-CEEAG. |
|
(221) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-iskemi huma miftuħa għall-bijogass u l-bijopropan mhux ibbażati fuq l-ikel użati bħala fjuwil tal-magni jew tat-tisħin li jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tar-RED II (ara l-premessa (25)). |
|
(222) |
Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-iskemi jinkludu t-teknoloġiji kollha li bħalissa jinsabu f’kompetizzjoni (ara l-premessa (23)). |
|
(223) |
Kif imsemmi fil-premessa (24), l-awtoritajiet Żvediżi kkonfermaw li se jsegwu regolarment l-iżvilupp tas-suq u jekk ikun meħtieġ jirrevedu r-regoli tal-eliġibbiltà u kwalunkwe regola relatata magħhom biex jiżguraw li kwalunkwe limitazzjoni fuq l-eliġibbiltà xorta tista’ tiġi ġġustifikata meta jiġu żviluppati teknoloġiji jew approċċi ġodda jew issir disponibbli aktar data. |
|
(224) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti tat-taqsima 4.1.3.3 tas-CEEAG dwar l-eliġibbiltà huma ssodisfati. |
5.3.3.2.4. Proporzjonalità (inkluża l-akkumulazzjoni)
5.3.3.2.4.1. Proporzjonalità
|
(225) |
Skont il-punt 47 tas-CEEAG, l-għajnuna mill-Istat titqies bħala proporzjonata jekk l-ammont tal-għajnuna għal kull benefiċjarju jkun limitat għall-minimu meħtieġ għat-twettiq tal-proġett jew tal-attività megħjuna. Il-punt 103 tas-CEEAG jiddikjara li l-għajnuna għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra jenħtieġ li, b’mod ġenerali, tingħata permezz ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti. Madankollu, il-punt 109 tas-CEEAG jispjega li għal skemi ta’ appoġġ immirati lejn id-dekarbonizzazzjoni fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi jew imposti parafiskali, l-applikazzjoni ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti mhijiex obbligatorja. Tali għajnuna trid tingħata, fil-prinċipju, bl-istess mod għall-impriżi eliġibbli kollha li joperaw fl-istess settur ta’ attività ekonomika li jkunu fl-istess sitwazzjoni fattwali jew f’sitwazzjoni fattwali simili fir-rigward tal-għanijiet jew l-objettivi tal-miżura ta’ għajnuna. L-Istat Membru notifikanti għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ annwali biex jivverifika li l-għajnuna tkun għadha meħtieġa. Il-punt 109 tas-CEEAG jispeċifika li t-tnaqqis tat-taxxi jew tal-imposti li jirrifletti l-kostijiet essenzjali tal-forniment tal-enerġija jew tas-servizzi relatati huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-taqsima 4.1 tas-CEEAG. |
|
(226) |
Skont il-punt 110 tas-CEEAG, meta tnaqqis fit-taxxa jew fl-imposta parafiskali jnaqqas il-kostijiet operatorji rikorrenti, l-ammont ta’ għajnuna ma jridx jaqbeż id-differenza bejn il-kostijiet tal-proġett jew tal-attività ekoloġika u tax-xenarju kontrofattwali inqas ekoloġiku. Fejn il-proġett jew l-attività li huma aktar ekoloġiċi jistgħu jirriżultaw fi ffrankar potenzjali ta’ spejjeż jew dħul addizzjonali, dawn għandhom jitqiesu meta tiġi ddeterminata l-proporzjonalità tal-għajnuna. |
|
(227) |
L-Iżvezja kkonfermat li l-għajnuna, imfassla bħala tnaqqis ġenerali fit-taxxa, hija miftuħa għal kwalunkwe impriża li tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà (ara l-premessa (40)). |
|
(228) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-iskemi ma jkoprux tnaqqis fit-taxxi li jirrifletti l-kostijiet essenzjali tal-provvista tal-enerġija jew servizzi relatati, iżda fit-taxxi li jiżdiedu mal-kostijiet tal-produzzjoni jew tax-xiri tal-bijogass/tal-bijopropan. |
|
(229) |
L-Iżvezja spjegat li l-eżenzjonijiet mit-taxxa jingħataw biex jikkumpensaw għad-differenza bejn il-kostijiet ogħla tal-bijogass u tal-bijopropan sostenibbli mhux ibbażati fuq l-ikel u l-kostijiet tal-gass naturali u tal-LPG rispettivament (ara l-premessa (42)). L-iskema hija soġġetta għal monitoraġġ regolari mill-awtoritajiet Żvediżi. L-Iżvezja impenjat ruħha li tissottometti lill-Kummissjoni rapporti annwali tal-monitoraġġ u li tadatta l-livelli ta’ għajnuna, jekk ikun meħtieġ, biex tevita kwalunkwe kumpens żejjed fil-futur (ara l-premessa (43)). Ir-rapporti tal-monitoraġġ huma bbażati fuq informazzjoni dettaljata mill-kontribwenti miġbura mis-SEA, kemm fir-rigward tal-bijogass prodott domestikament kif ukoll tal-bijogass importat (ara l-premessa (44)). |
|
(230) |
Kif muri fil-premessi (47) u (54), l-awtoritajiet Żvediżi spjegaw li t-tnaqqis fit-taxxa ma jaqbiżx id-differenza bejn il-kost tal-bijogass u tal-bijopropan sostenibbli u l-kost tal-gass naturali. |
|
(231) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-kostijiet ewlenin kollha jitqiesu fil-kalkolu. Barra minn hekk, id-dħul mill-bejgħ ta’ prodotti sekondarji huwa inkluż fil-kalkolu. Madankollu, l-Iżvezja indikat li ma hemm l-ebda sistema ta’ garanziji tal-oriġini fis-seħħ għall-bijogass fl-Iżvezja (ara t-Tabelli 1, 2 u 3). |
|
(232) |
Fl-aħħar nett, il-punt 111 tas-CEEAG jiddikjara li, meta jfasslu l-iskemi ta’ għajnuna, l-Istati Membri jridu jqisu l-informazzjoni dwar l-appoġġ li diġà rċevew mid-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ bilanċ tal-massa skont l-Artikolu 30 tar-RED II. |
|
(233) |
L-Iżvezja kkonfermat li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30 tar-RED II u li bħalissa qed taħdem fuq l-introduzzjoni fl-Iżvezja tal-Bażi ta’ Data tal-Unjoni msemmija fir-RED II u żviluppata aktar fir-RED III (ara l-premessa (67)). Il-Kummissjoni tinnota li din is-sistema la kienet disponibbli meta l-Iżvezja fasslet u nnotifikat l-iskemi, u lanqas meta l-Kummissjoni wettqet din il-valutazzjoni, u għalhekk ma kienx possibbli li titqies l-informazzjoni mid-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ bilanċ tal-massa. Madankollu, l-Iżvezja spjegat li meta l-Bażi ta’ Data tal-Unjoni tkun kompletament operazzjonali u l-informazzjoni fiha tkun komprensiva, dan ma jkun jeħtieġ l-ebda bidla fit-tfassil tal-iskemi, peress li l-appoġġ mogħti lill-produtturi tal-bijogass u tal-bijopropan barra mill-pajjiż diġà jitqies fil-monitoraġġ permezz tal-prezzijiet tal-importazzjoni, u b’hekk jitqies għall-valutazzjoni tal-kumpens żejjed. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-rekwiżiti tal-punt 111 tas-CEEAG ma għandhomx impatt fuq il-valutazzjoni tal-iskemi tagħha. |
|
(234) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rekwiżiti tat-taqsima 4.1.3.5 tas-CEEAG huma ssodisfati. |
5.3.3.2.4.2. Akkumulazzjoni
|
(235) |
Skont il-punt 56 tas-CEEAG, l-għajnuna tista’ tingħata fl-istess ħin taħt diversi skemi ta’ għajnuna jew tiġi akkumulata ma’ għajnuna ad hoc jew de minimis fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli, dment li l-ammont totali ta’ għajnuna għal proġett jew attività ma jwassalx għal kumpens żejjed jew jaqbeż l-ammont massimu ta’ għajnuna permess skont dawn il-linji gwida. Jekk l-Istat Membru jippermetti li l-għajnuna taħt miżura waħda tiġi akkumulata ma’ għajnuna taħt miżuri oħra, huwa għandu jispeċifika, għal kull miżura, il-metodu użat biex tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-punt. |
|
(236) |
Peress li l-punt dwar l-akkumulazzjoni u l-valutazzjoni fir-rigward ta’ kumpens żejjed potenzjali huwa komuni għaż-żewġ linji gwida, il-Kummissjoni hawnhekk tirreferi għall-valutazzjoni tagħha fit-taqsima 5.3.2.2.3.3.2. |
|
(237) |
B’mod simili għall-konklużjoni tagħha fil-premessa (177), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskemi jikkonformaw mat-Taqsima 3.2.1.3.1 tas-CEEAG. |
5.3.3.2.4.3. Konklużjoni dwar il-proporzjonalità (inkluża l-akkumulazzjoni)
|
(238) |
Fid-dawl tal-konklużjonijiet fil-premessi (234) u (237), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskemi huma proporzjonati. |
5.3.3.3. Trasparenza
|
(239) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-Iżvezja se tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fil-punti 58 sa 61 tas-CEEAG. Id-data rilevanti tal-miżura notifikata se tiġi ppubblikata fuq is-sit web Żvediż dwar it-trasparenza tal-għajnuna mill-Istat (ara l-premessa (68)). |
5.3.3.4. L-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ
|
(240) |
Il-punt 70 tas-CEEAG jispjega li l-Kummissjoni se tapprova miżuri skont dawn il-linji gwida għal perjodu massimu ta’ 10 snin. Kif iddikjarat fil-premessa (58), l-iskemi se joperaw taħt is-CEEAG għal 9 snin, jiġifieri mill-2022 sal-2030. |
|
(241) |
Il-punt 116 tas-CEEAG jispjega li l-għajnuna ma tridx sempliċement tispostja l-emissjonijiet minn settur għal ieħor u trid twassal għal tnaqqis ġenerali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Barra minn hekk, il-punti 127 sa 129 tas-CEEAG jirrikjedu li l-Istati Membri jispjegaw kif beħsiebhom jevitaw ir-riskju li eventwalment jistimulaw jew jestendu l-konsum ta’ fjuwils u enerġija mill-fjuwils fossili. |
|
(242) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-objettiv ġenerali tal-iskemi huwa li jissostitwixxu l-fjuwils fossili bi fjuwils tal-bijomassa sostenibbli. L-użu ta’ bijogass u bijopropan sostenibbli minflok gass naturali jew LGP, se jwassal għal tnaqqis ġenerali fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra. |
|
(243) |
Il-punt 121 tas-CEEAG jispjega li l-għajnuna li tkopri l-kostijiet l-aktar marbuta mal-operat aktar milli mal-investiment jenħtieġ li tintuża biss meta l-Istat Membru juri li dan jirriżulta f’deċiżjonijiet operattivi aktar ekoloġiċi. Il-punt 122 tas-CEEAG jiddikjara li meta l-għajnuna tkun primarjament meħtieġa biex tkopri kostijiet għal żmien qasir li jistgħu jkunu varjabbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkonfermaw li l-kostijiet tal-produzzjoni li fuqhom huwa bbażat l-ammont tal-għajnuna se jiġu mmonitorjati u li l-ammont tal-għajnuna se jiġi aġġornat mill-inqas darba fis-sena. L-għajnuna trid tkun imfassla biex tipprevjeni kwalunkwe distorsjoni bla bżonn għall-funzjonament effiċjenti tas-swieq, u tippreserva inċentivi operattivi effiċjenti u sinjali tal-prezzijiet, kif stabbilit fil-punt 123 tas-CEEAG. |
|
(244) |
F’dan il-każ, l-għajnuna għandha l-għan li tnaqqas il-livell tat-taxxa applikabbli għall-bijogass u l-bijopropan sostenibbli, sabiex isiru alternattiva kompetittiva għall-fjuwils fossili ekwivalenti tagħhom għall-konsumatur finali (ara l-premessa (42)). Għalhekk, l-għan tal-għajnuna huwa li twassal għal deċiżjoni aktar favur l-ambjent min-naħa tal-konsumaturi. L-awtoritajiet Żvediżi kkonfermaw li l-kostijiet li fuqhom huwa bbażat l-ammont tal-għajnuna se jiġu mmonitorjati kull sena u l-livell ta’ għajnuna se jiġi aġġornat jekk ikun meħtieġ (ara l-premessa (43)). |
|
(245) |
Il-punt 130 tas-CEEAG jispjega li l-Kummissjoni, fil-prinċipju, se tqis li l-għajnuna mill-Istat għall-bijofjuwils, il-bijolikwidi, il-bijogass u l-fjuwils tal-bijomassa li taqbeż il-limiti massimi li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tagħhom għall-kalkolu tal-konsum finali gross tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fl-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-Artikolu 26 tar-RED II, x’aktarx li ma tipproduċix effetti pożittivi li jistgħu jegħlbu l-effetti negattivi tal-miżura. |
|
(246) |
Kif spjegat fil-premessa (20), ma jingħata l-ebda appoġġ lill-fjuwils tal-bijomassa bbażati fuq l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf, taħt l-iskemi. |
|
(247) |
Il-punt 132 tas-CEEAG jiddikjara li għal skemi li jibbenefikaw minn għadd partikolarment limitat ta’ benefiċjarji jew benefiċjarju stabbilit, l-Istati Membri jenħtieġ li juru kif il-miżura proposta mhux se twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, pereżempju, permezz ta’ saħħa akbar fis-suq. |
|
(248) |
Il-Kummissjoni tinnota li, peress li l-għajnuna tingħata fil-forma ta’ eżenzjoni ġenerali mit-taxxa fuq il-bijogass u l-bijopropan sostenibbli, din x’aktarx mhux se tkun ta’ benefiċċju għal għadd partikolarment limitat ta’ benefiċjarji. Il-Kummissjoni tinnota li fl-2018, 16-ilkumpanija, li bbenefikaw mill-iskema tal-fjuwil tal-magni, ippreżentaw data għar-rapporti tal-monitoraġġ għall-bijogass użat bħala fjuwil tal-magni (ara l-premessa (47)). |
|
(249) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rekwiżiti rilevanti tat-taqsima 4.1.4 tas-CEEAG huma ssodisfati. |
5.3.3.5. Użin tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna
|
(250) |
Il-punt 134 tas-CEEAG jiddikjara li, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra kollha ta’ kompatibbiltà, il-Kummissjoni tipikament issib li l-bilanċ għall-miżuri ta’ dekarbonizzazzjoni jkun pożittiv (jiġifieri, id-distorsjonijiet fis-suq intern jiġu megħluba minn effetti pożittivi) fid-dawl tal-kontribut tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima, sakemm ma jkunx hemm indikazzjonijiet ovvji ta’ nuqqas ta’ konformità mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”. |
|
(251) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-iskemi se jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-enerġija u tal-klima tal-Iżvezja u tal-UE u li l-fjuwils tal-bijomassa appoġġati se jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti fir-RED II. Il-Kummissjoni ma ssib l-ebda indikazzjoni ovvja ta’ nuqqas ta’ konformità mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”. |
|
(252) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-effetti pożittivi tal-iskemi jegħlbu l-effetti negattivi fuq is-suq intern. |
5.3.3.6. Kumpaniji f’diffikultà u taħt ordni ta’ rkupru
|
(253) |
Kif stabbilit fil-premessa (69), l-Iżvezja kkonfermat li sabiex ikunu eliġibbli għall-għajnuna, il-benefiċjarji diretti ma jistgħux ikunu soġġetti għal ordni ta’ rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern u jistgħu ma jkunux impriża f’diffikultà. |
|
(254) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskemi jikkonformaw mal-punti 14 u 15 tas-CEEAG. |
5.3.3.7. Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà tal-iskemi
|
(255) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika u ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE u tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-CEEAG. |
6. KONKLUŻJONI
|
(256) |
Il-Kummissjoni ssib li l-Iżvezja implimentat l-iskemi b’mod illegali bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-Kummissjoni ssib li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-EEAG u tas-CEEAG. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iskemi ta’ għajnuna fil-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa għall-bijogass u għall-bijopropan użati bħala fjuwil tal-magni jew għall-ġenerazzjoni tas-sħana, li l-Iżvezja implimentat skont l-Att Żvediż (1994:1776) dwar id-Dazji tas-Sisa fuq l-Enerġija, huma kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Iżvezja.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Viċi President Eżekuttiv
(1) ĠU C, C/2024/1921, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1921/oj.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Novembru 2003 fil-każ N 480/02 – L-Iżvezja – Tnaqqis fid-dazju tas-sisa favur fjuwil b’livell żero ta’ emissjonijiet tal-karbonju (ĠU C 33, 6.2.2004, p.8).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2015 fil-każ SA.43302 (2015/N) – L-Iżvezja – Eżenzjonijiet mit-taxxa għall-bijogass użat bħala fjuwil tal-magni (ĠU C 241, 1.7.2016, p. 6).
(4) ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1-55.
(5) Il-Kummissjoni approvat żieda fil-baġit tal-iskema tal-fjuwil tal-magni fid-deċiżjoni tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2020 fil-każ SA.59125 (2020/N) – L-Iżvezja – Estensjoni tal-baġit għall-iskema SA.43302 (2015/N) – Eżenzjonijiet mit-taxxa għall-bijogass użat bħala fjuwil tal-magni (ĠU C 41, 5.2.2021, p. 12).
(6) Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ġunju 2007 fil-każ N 866/06 – L-Iżvezja – Eżenzjoni mit-taxxa; Ċerti sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tas-sħana (ĠU C 220, 20.9.2007, p. 2).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2018 fil-każ SA.49893 (2018/N) – L-Iżvezja – Estensjoni tal-iskema SA.35586 (2012/N) – Eżenzjonijiet mit-taxxa; Ċerti sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tas-sħana (ĠU C 127, 5.4.2019, p. 1).
(8) Il-Kummissjoni approvat żieda fil-baġit tal-iskema tal-fjuwil għat-tisħin għall-2019 u l-2020 fid-deċiżjoni tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2020 fil-każ SA.59126 (2020/N) – L-Iżvezja – Żieda fil-baġit għall-iskema SA.49893 (2018/N) – Eżenzjonijiet mit-taxxa għal ċerti sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tas-sħana (ĠU C 41, 5.2.2021, p. 12).
(9) Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Novembru 2013 fil-każ SA.35485 (2012/N) – Id-Danimarka – Għajnuna għall-forom kollha ta’ użu tal-bijogass – A (ĠU C 292, 4.9.2015, p. 3); Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2015 fil-każ SA.36659 (2013/N) – Id-Danimarka – Għajnuna għall-forom kollha ta’ użu tal-bijogass – B (ĠU C 241, 1.7.2016, p. 2).
(10) Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2020 fil-każ SA.56908 (2020/N) Estensjoni u modifika tal-iskema tal-bijogass għall-fjuwil tal-magni fl-Iżvezja (ĠU C 260, 7.8.2020, p. 4) u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2020 fil-każ SA.56125 (2020/N) Eżenzjoni mit-taxxa għall-bijogass u l-bijopropan mhux ibbażati fuq l-ikel fil-ġenerazzjoni tas-sħana (ĠU C 260, 24.7.2020, p. 2)
(11) Il-Kummissjoni approvat l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-benefiċjarji għal impriżi li ma kinux f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019 iżda li saru impriżi f’diffikultà bejn l-1 ta’ Jannar 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 fid-deċiżjoni tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2021 fil-każ SA.62941 (2021/N) – L-Iżvezja – Modifika tal-eżenzjonijiet mit-taxxa għall-bijokarburanti u l-bijogass fl-Iżvezja – SA.55695, SA.56125 u SA.56908 (ĠU C 46, 28.1.2022, p. 2).
(12) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Diċembru 2022, Landwärme GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-626/20, EU:T:2022:853.
(13) EU:T:2022:853, il-punti 31 u 71-75.
(14) EU:T:2022:853, il-punt 25.
(15) EU:T:2022:853, il-punti 97-98.
(16) EU:T:2022:853, il-punt 99.
(17) EU:T:2022:853, il-punt 105.
(18) EU:T:2022:853, il-punt 122.
(19) EU:T:2022:853, il-paragrafi 110, 112 u 126.
(20) EU:T:2022:853, il-punt 127.
(21) Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.
(22) Ir-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17,6.10.1958, p. 385).
(23) Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140 5.6.2009, p. 16).
(24) Id-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 239, 15.9.2015, p. 1).
(25) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82-209). Il-Kummissjoni tinnota li r-RED II ġiet riveduta fl-2023 u li d-Direttiva EU/2023/2413 riveduta (“RED III”, Renewable Energy Directive III) daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2023 (id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, p. 1)).
(26) Abbażi tal-Artikolu 2(40) tar-RED II, “ ‘għelejjel tal-ikel u l-għalf’ tfisser għelejjel b’kontenut għoli ta’ lamtu, għelejjel taz-zokkrijiet jew għelejjel taż-żejt prodotti fuq art agrikola bħala għelejjel ewlenin minbarra r-residwi, il-materjal skartat jew linjoċellulożiku u l-għelejjel intermedji, bħall-għelejjel tat-titwiq u l-għelejjel ta’ kopertura dment li l-użu ta’ tali għelejjel intermedji ma joħloqx domanda għal aktar art ”.
(27) Għall-kost tal-gass naturali, l-SEA tibbaża fuq medja annwali tal-prezzijiet industrijali tal-klijenti (Sors: L-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Iżvezja).
(28) Sabiex jitqabbel il-prezz tal-fjuwil rinnovabbli mal-kontroparti fossili tiegħu, jeħtieġ li jsir aġġustament għall-kontenut enerġetiku differenti. Il-gass naturali għandu kontenut enerġetiku ogħla mill-bijogass (11,05 kWh/L u 9,7 kWh/L rispettivament, abbażi tal-istimi tal-SEA).
(29) Għall-2018, 16-il kumpanija pprovdew data dwar il-bijogass. Għall-2019, 13-il kumpanija pprovdew data dwar il-bijogass.
(30) Ikkalkulat bir-rata tal-kambju uffiċjali tal-1 ta’ Ottubru 2019: 10,8043 SEK/EUR (ĠU C 331, 2.10.2019, p.5).
(31) Ikkalkulat bir-rata tal-kambju uffiċjali tal-1 ta’ Ottubru 2019: 10,8043 SEK/EUR (ĠU C 331, 2.10.2019, p.5).
(32) Ir-ringiela (A) turi l-kostijiet tal-materja prima għall-entitajiet relaturi li huma produtturi, u l-prezzijiet tal-importazzjoni jew tax-xiri li bihom xtraw il-bijogass għall-entitajiet relaturi li huma fornituri jew importaturi tal-fjuwil.
(33) Għal sigriet kummerċjali, il-marġni ta’ profitt huwa inkluż fir-ringiela (D) Kostijiet tal-ipproċessar.
(34) Bħalissa l-Iżvezja ma għandhiex sistema għall-ħruġ ta’ Garanziji tal-Oriġini għall-bijogass.
(35) Il-kostijiet netti totali għall-bijogass għall-2019 ammontaw għal 13,42 SEK/m3. Aġġustat għall-kontenut enerġetiku (f’K) li huwa (11,05/9,7) = 15,28 SEK/m3.
(36) Il-prezz ta’ referenza tal-gass naturali jinkludi l-prezz tal-gass naturali, ibbażat fuq medja tal-prezzijiet industrijali tal-klijenti għas-sena mmonitorjata prodotta mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Iżvezja, it-tariffi tan-network u t-taxxa fuq is-CO2. Ir-rata tat-taxxa applikabbli għall-gass naturali bħala fjuwil tal-magni kienet ta’ 2,516 SEK/m3 fl-2019 u 2,465 SEK/m3 fl-2018 (sors: Il-Ministeru għall-Finanzi tal-Iżvezja). Il-gass naturali użat bħala fjuwil tal-magni mhuwiex soġġett għat-taxxa fuq l-enerġija.
(37) Sors: Abbażi tar-rapport tal-monitoraġġ għall-2019 u l-2018 ikkompilat mill-Aġenzija Żvediża tal-Enerġija. Ikkalkulata bir-rata tal-kambju 10,8043 SEK/EUR skont il-Ġurnal Uffiċjali 2019/C 331/05.
(38) Peress li f’dak iż-żmien ma kienx possibbli għal impjant konness mal-grilja tal-gass naturali li jevita l-kost tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-bijogass, dan il-kost ġie inkluż.
(39) Jinkludi l-prezz tal-gass naturali (li jikkorrispondi għall-prezz annwali medju tal-gass naturali għall-klijenti industrijali fl-Iżvezja mingħajr taxxi - Eurostat), it-taxxi (it-taxxa fuq l-enerġija u t-taxxa fuq is-CO2) u l-kostijiet għall-kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS).
(40) Sors: Abbażi tar-rapport tal-monitoraġġ għall-2019 u l-2018 ikkompilat mill-Aġenzija Żvediża tal-Enerġija. Ikkalkulata bir-rata tal-kambju 10,8043 SEK/EUR skont il-Ġurnal Uffiċjali 2019/C 331/05.
(41) Peress li f’dak iż-żmien ma kienx possibbli għal impjant konness mal-grilja tal-gass naturali li jevita l-kost tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-bijogass, dan il-kost ġie inkluż.
(42) Jinkludi l-prezz tal-gass naturali (li jikkorrispondi għall-prezz medju annwali tal-gass naturali għall-klijenti industrijali fl-Iżvezja mingħajr taxxi - Eurostat), it-taxxi (it-taxxa fuq l-enerġija u t-taxxa fuq is-CO2) u l-kostijiet għall-kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS).
(43) L-awtoritajiet Żvediżi jistmaw li bħalissa madwar 10 000 tunnellata ta’ bijopropan qed jinbiegħu kull sena fis-suq Żvediż (inqas minn 10 % tal-propan kollu fis-suq).
(44) https://www.skatteverket.se/foretag/skatterochavdrag/punktskatter/nyheterinompunktskatter/2023/nyheterinompunktskatter/beslutomskattebefriadbiogasochbiogasologiltigforklarat.5.48cfd212185efbb440b47b0.html.
(45) Ikkalkulat bir-rata tal-kambju uffiċjali tal-1 ta’ Ottubru 2019: 10,8043 SEK/EUR (ĠU C 331, 2.10.2019).
(46) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187 26.6.2014, p. 1).
(48) https://www.tillvaxtanalys.se/statsstod.html u https://www.riksdagen.se/sv/Dokument-Lagar/.
(49) Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).
(50) Ara t-Taqsima 2.7 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.
(51) Abbażi ta’ rapport imħejji mill-Assoċjazzjoni Żvediża tal-Gass għall-SEA. Ir-rapport jispjega li ma hemm l-ebda statistika kompluta dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-bijogass, iżda l-użu totali tal-bijogass fl-Iżvezja sa issa ġie stmat f’dan ir-rapport bħala l-produzzjoni tal-bijogass u l-importazzjoni netta tal-bijogass permezz tan-network tal-gass tal-Punent tal-Iżvezja (l-importazzjoni bit-tnaqqis tal-esportazzjoni). Ir-rapport ma jispjegax kif huwa stmat is-sehem Daniż (possibbilment abbażi tal-GOs).
(52) Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Novembru 2013 fil-każ SA.35485 (2012/N) – id-Danimarka, Għajnuna għall-forom kollha ta’ użu tal-bijogass – A (ĠU C 292, 4.9.2015, p.3).
(53) Ara t-Taqsimiet 1 u 2 tal-att nru 1566 tas-27 ta’ Diċembru 2019 (disponibbli bid-Daniż hawnhekk: https://www.retsinformation.dk/eli/lta/2019/1566.) and section 5 Executive Order no. 547 of 28 April 2020 (available in Danish here: https://www.retsinformation.dk/eli/lta/2020/547).
(54) L-awtoritajiet Daniżi spjegaw li din il-valutazzjoni hija bbażata fuq ir-rapporti finanzjarji annwali tal-benefiċjarji rappreżentattivi, jiġifieri l-benefiċjarji li l-attività unika jew primarja tagħhom hija relatata mal-bijogass. Fl-2022, pereżempju, kien hemm total ta’ 57 kumpanija fuq l-iskema, li minnhom ġew identifikati 49 kumpanija rappreżentattiva, li jammontaw għal 96 % tal-volum appoġġat taħt l-iskema.
(55) Landwärme ma pprovdietx evidenza biex tappoġġa d-data użata. L-ammont għall-għajnuna Żvediża jirrappreżenta l-ammont totali tal-ħelsien mit-taxxa, li jassumi li l-ħelsien mit-taxxa jgħaddi kollu kemm hu għall-produttur.
(56) EU:T:2022:853, il-punt 122.
(57) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).
(58) EU:T:2022:853, il-punt 122.
(59) Ara pereżempju l-premessa (21) fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ SA.43302 (2015/N) (ĠU C 241, 1.7.2016, p. 6).
(60) Ara l-Artikolu 108(3) tat-TFUE u s-Sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, CELF, C-199/06, EU:C:2008:79, il-punti 61 sa 64.
(61) Is-Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-594/18 P, EU:C:2020:742, il-punti 20 u 24.
(62) Is-Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-594/18 P, EU:C:2020:742, il-punti 20 u 24.
(63) Ara, f’dan is-sens, il-punti 49 u 120 tal-EEAG, kif ukoll is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, Ir-Repubblika tal-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-594/18 P, EU:C:2020:742.
(64) Is-Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-594/18 P, EU:C:2020:742, il-punt 44.
(65) U mit-13 ta’ Frar 2023 bid-Direttiva (UE) 2020/262 li tissostitwixxi d-Direttiva 2008/118/CE (id-Direttiva (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (riformulazzjoni) (ĠU L 58 , 27.2.2020, p. 4)).
(66) EU:T:2022:853, il-punt 25.
(67) EU:T:2022:853, il-punt 25.
(68) EU:T:2022:853, il-punti 89-91 u 108.
(69) Ara l-Artikolu 19 tar-RED II: “ L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta produttur jirċievi appoġġ finanzjarju minn skema ta’ appoġġ, il-valur tas-suq tal-garanzija tal-oriġini għall-istess produzzjoni jitqies b’mod adatt fl-iskema ta’ appoġġ rilevanti. ”
(70) Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Novembru 2013 fil-każ SA.35485 (2012/N) – id-Danimarka, Għajnuna għall-forom kollha ta’ użu tal-bijogass – A (ĠU C 292, 4.9.2015, p.3).
(71) Kif imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, Landwärme qiegħda sempliċiment tassumi li l-produtturi Daniżi jirċievu l-valur sħiħ tal-ħelsien mit-taxxa mogħti lill-konsumaturi finali fl-Iżvezja.
(72) Is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-594/18 P, EU:C:2020:742, il-punt 101.
(73) Ara f’dan is-sens it-Taqsima 3.1.2 tas-CEEAG u s-Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-594/18 P, EU:C:2020:742, il-punti 20 u 24.
(74) Għall-bijopropan, l-Iżvezja impenjat ruħha li tipprovdi rapport tal-monitoraġġ u taġġusta l-livell ta’ għajnuna biex jiġi evitat kumpens żejjed.
(75) Il-punt 33 tas-CEEAG, u s-Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-594/18 P, EU:C:2020:742, il-punt 44.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/62/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)