24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta' Diċembru 2006

li tapprova l-pjanijiet ta' monitoraġġ għas-sejba ta' residwi jew sustanzi f'annimali ħajjin u fi prodotti ta' l-annimali skond id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE kif imressqa mill-Bulgarija u r-Rumanija

(notifikat bid-dokument numru C(2006) 6815)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/15/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta' April 1996 dwar miżuri għall-monitoraġġ ta' ċerti sustanzi u residwi tagħhom f'annimali ħajjin u fil-prodotti ta' l-annimali u li tirrevoka d-Direttivi 85/358/KEE u 86/469/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/187/KEE u 91/664/KEE (1), u b'mod partikolari r-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 96/23/KE tistipula l-miżuri għall-monitoraġġ ta' ċerti sustanzi u residwi tagħhom f'annimali ħajjin u fil-prodotti ta' l-annimali u tipprevedi li Stati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet tagħhom ta' monitoraġġ għas-sejba ta' residwi jew sustanzi) lill-Kummissjoni għal approvazzjoni (’pjanijiet ta' monitoraġġ’).

(2)

Minħabba li l-Bulgarija u r-Rumanija huma skedati li jingħaqdu mal-Komunità fl-1 ta' Jannar 2007, huma ppreżentaw pjanijiet ta' monitoraġġ lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

(3)

Dawn il-pjanijiet ta' monitoraġġ jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 96/23/KE u għalhekk għandhom jiġu approvati.

(4)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pjan ta' monitoraġġ għas-sejba ta' residwi jew sustanzi, kif previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 96/23/KE, ippreżentat mill-Bulgarija lill-Kummissjoni fil-25 ta' April 2006 huwa approvat.

Artikolu 2

Il-pjan ta' monitoraġġ għas-sejba ta' residwi jew sustanzi, kif previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 96/23/KE, ippreżentat mir-Rumanija lill-Kummissjoni fl-20 ta' Marzu 2006 huwa approvat.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika bil-kundizzjoni u minn dak in-nhar tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 22 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1).