14.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 187/19


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1209

tal-5 ta’ Mejju 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-proċedura għall-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi u l-metodi għall-kalkolu u l-ġbir tagħhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 85(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-deċiżjoni li tiġi imposta multa amministrattiva fuq operatur ekonomiku b’appoġġ għal miżuri korrettivi u restrittivi f’konformità mal-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) 2018/858 jenħtieġ li tittieħed mill-Kummissjoni bħala riżultat tal-konsultazzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati u tal-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti skont l-Artikolu 53(6) tar-Regolament (UE) 2018/858 u jenħtieġ li tiġi riflessa fid-deċiżjoni li jiġu imposti miżuri korrettivi u restrittivi.

(2)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti passi proċedurali meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li timponi multi amministrattivi b’appoġġ għal miżuri korrettivi u restrittivi, abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 53(6) tar-Regolament (UE) 2018/858. Huwa partikolarment importanti li jiġi ggarantit id-dritt li wieħed jinstema’ u d-dritt li wieħed ikollu aċċess għall-fajl billi l-operatur ekonomiku jingħata aċċess għall-informazzjoni rilevanti u d-dritt li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu flimkien mal-evidenza meħtieġa biex isostni dawn l-osservazzjonijiet fir-rigward tal-impożizzjoni maħsuba ta’ multa amministrattiva. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jiżguraw protezzjoni xierqa tad-data li l-operaturi ekonomiċi jqisu kunfidenzjali.

(3)

Jeħtieġ li jiġi stabbilit metodu għall-kalkolu tal-multi amministrattivi skont il-gravità tan-nuqqas ta’ konformità. Dan il-metodu jenħtieġ li jkun magħruf minn qabel mill-operaturi ekonomiċi. Il-multi amministrattivi jenħtieġ li jkunu dissważivi biex jiskoraġġixxu lill-operaturi ekonomiċi milli jiksru r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2018/858 u li jkunu proporzjonati skont is-serjetà tal-ksur. Peress li l-multi amministrattivi jridu jiġu imposti għal kull vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata mhux konformi, il-kriterji għall-kalkolu tal-multa jenħtieġ li jiġu kkunsidrati kif xieraq. Il-kalkolu tal-multi amministrattivi jenħtieġ li jqis kwalunkwe vantaġġ ekonomiku mhux dovut miksub permezz tal-bejgħ jew id-distribuzzjoni ta’ vettura mhux konformi li jista’ jfixkel il-kompetizzjoni vis-à-vis operaturi ekonomiċi oħra li jirrispettaw ir-regoli. Kwalunkwe telf imġarrab mill-konsumaturi, inkluż it-tibdil tal-prestazzjoni tal-vettura, li jirriżulta minn nuqqas ta’ konformità jenħtieġ li jitqies ukoll fil-valutazzjoni tas-serjetà tal-ksur peress li tali nuqqas ta’ konformità jista’ jdgħajjef il-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi li jrid jikseb dak ir-Regolament. Barra minn hekk, l-ammont tal-multi amministrattivi jenħtieġ li jkun proporzjonat mal-għadd ta’ vetturi mhux konformi rreġistrati fl-Unjoni, jew mal-għadd ta’ sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati mhux konformi mqiegħda għad-disponibbiltà fis-suq tal-Unjoni.

(4)

Jenħtieġ li jitqiesu b’mod xieraq is-serjetà u l-effetti tal-ksur, kif ukoll kwalunkwe fattur aggravanti u ta’ mitigazzjoni, fil-kalkolu tal-multi amministrattivi, li jenħtieġ li jitqiesu bħala deterrenti, proporzjonati u ta’ tpaċija tal-benefiċċji tan-nuqqas ta’ konformità. Il-fatturi aggravanti jenħtieġ li jinkludu l-impatt fuq is-sikurezza, is-saħħa u l-ambjent peress li l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ sikurezza u ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent huma determinati bħala objettiv tar-Regolament (UE) 2018/858. L-istabbiliment ta’ skema ta’ penali robusta fil-livell tal-Unjoni li taġixxi bħala deterrent permezz ta’ sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ konformità li jaffettwa b’mod negattiv is-sikurezza tal-okkupanti tal-vettura u ta’ utenti oħra tat-triq u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jintlaħqu dawk l-objettivi. Il-grad ta’ kooperazzjoni tal-operatur ekonomiku inklużi l-azzjonijiet korrettivi meħuda mill-operatur ekonomiku jridu jitqiesu bħala elementi ta’ mitigazzjoni meta tiġi kkalkulata l-multa amministrattiva.

(5)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-ħlas tal-multi amministrattivi, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit metodu għall-ġbir tagħhom. Il-ġbir ta’ dawk il-multi jenħtieġ li jsir f’konformità mar-regoli għall-irkupru ta’ multi, penali oħra jew sanzjonijiet imposti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Proċedura

1.   Qabel ma timponi multa amministrattiva skont l-Artikolu 85(1) flimkien mal-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) 2018/858 fuq operatur ekonomiku, il-Kummissjoni għandha tinnotifika bil-miktub lill-operatur ekonomiku u lill-Istati Membri kkonċernati bl-intenzjoni tagħha li timponi multa amministrattiva, u tiddikjara r-raġunijiet għaliex biħsiebha tagħmel dan.

2.   L-operatur ekonomiku u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jingħataw perjodu ta’ mhux inqas minn 30 jum wara n-notifika skont il-paragrafu 1 biex jipprovdu l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni bil-miktub. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-osservazzjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-perjodu ma għandhomx jitqiesu.

3.   L-operatur ekonomiku u l-Istati Membri kkonċernati jistgħu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom lill-Kummissjoni, jehmżu kwalunkwe evidenza biex isostnu l-osservazzjonijiet tagħhom.

4.   Wara l-osservazzjonijiet bil-miktub mill-operatur ekonomiku u mill-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba motivata, titlob aktar informazzjoni f’limitu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit fit-talba ta’ mhux inqas minn 15-il jum.

5.   F’każijiet eċċezzjonali, fejn il-Kummissjoni teħtieġ aktar informazzjoni, tista’ tistieden lill-operatur ekonomiku u lill-Istati Membri kkonċernati biex jesprimu l-pożizzjoni tagħhom bil-fomm f’laqgħa wara t-tlestija tal-fażi bil-miktub tal-proċedura skont il-paragrafi 1 sa 4.

Artikolu 2

Kunfidenzjalità

1.   L-operaturi ekonomiċi li jippreżentaw informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 1 għandhom jidentifikaw kwalunkwe informazzjoni ppreżentata minnhom li huma jqisu kunfidenzjali, filwaqt li jagħtu raġunijiet, u, fejn meħtieġ, jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali separata tad-dokument li jkun fiha dik l-informazzjoni sad-data stabbilita mill-Kummissjoni.

2.   Fejn l-operatur ekonomiku ma jkun identifika l-ebda informazzjoni bħala kunfidenzjali, il-Kummissjoni tista’ tassumi li l-informazzjoni sottomessa ma fihiex informazzjoni kunfidenzjali.

3.   Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tuża l-informazzjoni sottomessa bħala prova tan-nuqqas ta’ konformità.

Artikolu 3

Metodu għall-kalkolu tal-multi amministrattivi

1.   Għall-fini tal-kalkolu tal-ammont tal-multi amministrattivi, il-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-ammonti li ġejjin:

(a)

il-vantaġġ ekonomiku jew vantaġġ ieħor miksub mill-operatur bħala riżultat tan-nuqqas ta’ konformità;

(b)

fejn possibbli, it-telf għall-konsumaturi bħala riżultat tan-nuqqas ta’ konformità.

Il-vantaġġi u t-telf ivvalutati b’dan il-mod għandhom jiffurmaw il-bażi għall-kalkolu tal-multi amministrattivi. Fejn vantaġġ għall-operatur ekonomiku jikkostitwixxi wkoll telf għall-konsumaturi, dan għandu jitqies darba biss.

Abbażi tal-ammonti msemmija fil-punti (a) u (b), il-multi amministrattivi għandhom jiġu kkalkulati wara li jiġi kkunsidrat l-għadd ta’ vetturi mhux konformi rreġistrati fis-suq tal-Unjoni jew l-għadd ta’ sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati mhux konformi rilevanti mqiegħda għad-disponibbiltà fis-suq tal-Unjoni.

2.   Meta tikkalkula l-ammont tal-multi amministrattivi, il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe fattur aggravanti jew ta’ mitigazzjoni u fatturi oħra.

3.   Il-fatturi aggravanti msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin:

(a)

l-impatt fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-persuni jew l-impatt negattiv fuq l-ambjent minħabba t-tnaqqis tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni ta’ vettura;

(b)

il-grad ta’ negliġenza jew intenzjoni tal-operatur ekonomiku inkluż kwalunkwe tentattiv mill-operatur ekonomiku li jaħbi jew jostor informazzjoni rilevanti għall-istabbiliment tan-nuqqas ta’ konformità;

(c)

kwalunkwe rifjut mhux ġustifikat mill-operatur ekonomiku li jipprovdi informazzjoni jew evidenza mitluba mill-Kummissjoni.

4.   Il-fatturi ta’ mitigazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin:

(a)

l-isforzi u l-kooperazzjoni tal-operatur ekonomiku fl-identifikazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità;

(b)

kwalunkwe azzjoni korrettiva mibdija mill-operatur ekonomiku stess inkluża l-prontezza tagħhom;

(c)

kwalunkwe fattur ta’ mitigazzjoni raġonevoli u rilevanti ieħor muri b’evidenza xierqa mill-operatur ekonomiku.

5.   Il-fatturi l-oħra msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jinkludu r-ripetizzjoni, il-frekwenza jew id-durata tan-nuqqas ta’ konformità, u sanzjonijiet oħra imposti fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali għan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE matul l-10 snin qabel l-istabbiliment tan-nuqqas ta’ konformità.

6.   Il-multa amministrattiva finali espressa f’EUR għandha tiġi stabbilita f’livell li jiżgura l-effettività, il-proporzjonalità u d-dissważività tagħha.

Artikolu 4

Metodi għall-ġbir tal-multi amministrattivi

Il-multi amministrattivi jridu jitħallsu fi żmien tliet xhur mid-data li fiha d-debitur ikun ġie nnotifikat bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li jibdew jgħoddu mid-data tal-wasla tal-ittra ta’ notifika. Dawn il-multi jinġabru f’konformità mal-Artikoli 107 u 108 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Jista’ jingħata żmien addizzjonali għall-ħlas f’konformità mal-Artikolu 104 ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).