|
1.10.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 251/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1661
tal-24 ta’ Settembru 2019
dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti. |
|
(3) |
Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella. |
|
(4) |
Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.
Artikolu 2
L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2019.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President,
Stephen QUEST
Direttur Ġenerali
Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).
ANNESS
|
Deskrizzjoni tal-oġġetti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) |
Raġunijiet |
|
(1) |
(2) |
(3) |
|
Prodott likwidu ta’ lewn isfar ċar, li jikkonsisti minn 93 % ta’ esteri etiliċi tal-aċidi xaħmin kif ukoll minn 7 % ta’ oligomeri u gliċeridi parzjali. Il-prodott huwa magħmul minn żjut tal-ħut minn speċijiet ta’ ħut bħal inċova, sardin u kavalli. Il-proċess tal-produzzjoni jinkludi r-raffinar, l-idroliżi, l-esterifikazzjoni etilika u l-frazzjonament. Matul l-idroliżi u l-esterifikazzjoni etilika, it-trigliċeridi jiġu trasformati f’esteri etiliċi tal-aċidi xaħmin. Il-prodott huwa maħsub biex jiġi pproċessat aktar fl-industrija tal-ikel, l-għalf u l-farmaċewtika. Dan jiġi ppakkjat u ttrasportat f’atmosfera protettiva f’tankijiet tal-azzar b’kapaċità ta’ 190 kg. |
2106 90 92 |
Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-nota 1(b) tal-Kapitolu 38 u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 2106, 2106 90 u 2106 90 92 . Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 1516 hija eskluża peress li l-prodott jikkonsisti prinċipalment minn esteri etiliċi miksuba bl-esterifikazzjoni tal-aċidi xaħmin bl-etanol u mhux bil-gliċerol. Għalhekk, il-grad ta’ pproċessar li l-prodott għadda minnu jaqbeż dak li huwa permess taħt l-intestatura 1516 peress li t-trigliċeridi riesterifikati biss huma koperti minn dik l-intestatura (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (NSSA) tal-intestatura 1516, il-parti (B), il-punt 2). Barra minn hekk, l-esteri etiliċi tal-aċidi xaħmin mhumiex xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew veġetali (ara wkoll il-Kapitolu 15 tal-NSSA, Ġenerali, il-parti (A), it-tieni paragrafu). Il-klassifikazzjoni tal-prodott fil-Kapitolu 38 hija eskluża peress li l-prodott għandu valur nutrizzjonali u jintuża fil-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel għall-bnedmin (ara n-nota 1(b) tal-Kapitolu 38). Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 2106 90 92 bħala preparazzjonijiet tal-ikel oħrajn (ara wkoll l-opinjoni dwar il-klassifikazzjoni tas-SA 2106.90/37). |