Brussell, 4.6.2025

COM(2025) 221 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Polonja

{SWD(2025) 221 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Polonja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta’ governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir u reżiljenza sostenibbli u inklużivi permezz ta’ riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stabbiliti fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-enfasi tagħha fuq terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru jrid jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment tiegħu, fuq erba’(4) jew ħames(5) snin, skont it-tul tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 2 f’dawn il-pjanijiet għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG kif stabbilit mit-Trattat, fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti f’dak ir-Regolament, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn tliet snin.

(2)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(3)Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Il-Polonja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(4)Fit-3 ta' Mejju 2021, il-Polonja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fis-17 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja 5 , li ġiet emendata skont l-Artikolu 18(2) fit-8 ta’ Diċembru 2023 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 6 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li l-Polonja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.

(5)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tal-Polonja 7 . Il-pjan ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 11 l-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta firxa ta’ aġġustament fiskali fuq erba’ snin.

(6)Fis-26 ta’ Novembru 2024, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2025, li fih hija ma identifikatx lill-Polonja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru jkun meħtieġ rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro fit-13 ta' Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta' Marzu 2025.

(7)Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tan-negozji ġodda permezz ta’ inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Fi sforz għal ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni fasslet Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-Enerġija Affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa’ kosteffettiva, tiffavorixxi l-kompetittività, b’mod partikolari għal setturi intensivi fl-enerġija, u tkun mutur għat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tiżgura l-aċċess għal materja prima kritika u sorsi ta’ enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività kif ukoll Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta’ kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(8)Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Dawn il-pjanijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu relevanti ugwalment għall-valutazzjoni tal-pjanijiet emendati tal-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(9)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019-2024.

(10)Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għall-Polonja. Huwa vvaluta l-progress tal-Polonja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-Polonja tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja l-Polonja. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Polonja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

Valutazzjoni tar-Rapport ta’ Progress Annwali

(11)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta’ tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għall-Polonja: 6,3 % fl-2025, 4.4 % fl-2026, 4.0 % fl-2027, u 3.5 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta’ tkabbir kumulattivi kkalkulati b’referenza għall-2023 ta’ 19.6 % fl-2025, 24.9 % fl-2026, 29.9 % fl-2027, u 34.4 % fl-2028. Fl-2025–2028, dawn ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta jikkoinċidu mal-perkors korrettiv f’konformità mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament 1467/97, kif irrakkomandat mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv 8 . Fit-30 ta’ April 2025, il-Polonja ppreżentat ir-Rapport ta’ Progress Annwali tagħha 9 , dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv, u l-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-rapport ta’ Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Polonja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(12)Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet biex tattiva l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod koordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq għad-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Wara t-talba tal-Polonja fit-30 ta’ April 2025, fi [data] il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Polonja tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta u taqbeż dawn ir-rati 10 .

(13)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 11 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Polonja żdied minn 5,3 % tal-PDG fl-2023 għal 6,6 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 49,5 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 55,3 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta’ tkabbir fin-nefqa netta ta’ 12.7 % fl-2024. Fir-rapport Annwali ta’ Progress tal-2025, il-Polonja tistma li t-tkabbir nett fin-nefqa fl-2024 huwa wkoll ta’ 12.7 %. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 12 , li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet espansjonarja, b’1.8 % tal-PDG, fl-2024.

(14)Skont ir-Rapport ta’ Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji mill-Polonja jistenna tkabbir tal-PDG reali ta’ 3.7 % fl-2025, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP hija pproġettata għal 4.5 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber bi 3,3 % fl-2025 u 3,0 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 3,6 % fl-2025 u 2,8 % fl-2026.

(15)Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 6.3 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 57.8 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir nett fin-nefqa ta’ 5.8 % fl-2025. It-tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6.4 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment l-impatt tal-miżuri diskrezzjonali tad-dħul inklużi ż-żidiet fid-dazju tas-sisa u n-nuqqas ta’ indiċjar tal-kategoriji tat-taxxa fuq l-introjtu personali. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 6.2 % fl-2025. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pproġettata li tkun espansjonarja b’0.3 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni jiżdied għal 58,0 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment id-defiċit tal-gvern għoli previst u l-aġġustamenti tal-fluss tal-istokk relatati mal-investimenti fid-difiża.

(16)In-nefqa tal-Gvern estiż li tammonta għal 1,2 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta mqabbla ma’ 0,3 % tal-PDG fl-2024, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tal-Polonja.

(17)In-nefqa għad-difiża tal-amministrazzjoni pubblika fil-Polonja ammontat għal 1.6 % tal-PDG fl-2021, 1.6 % tal-PDG fl-2022 u 2.0 % tal-PDG fl-2023 13 . Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fuq id-difiża hija pproġettata li tkun 2.7 % tal-PDG fl-2024 u 2.8 % tal-PDG fl-2025. Dan jikkorrispondi għal żieda ta’ 1.2 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021. Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025–2028) jippermetti lill-Polonja tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa għad-difiża li tkun ogħla b’mod dejjiemi ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(18)Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Polonja hija pproġettata li tikber b’6.2 % fl-2025 u b’19.7 % b’mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta tal-Polonja fl-2025 huwa pproġettat li jkun taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata stabbilita mill-perkors korrettiv. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta’ tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta hija pproġettata li tkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni 14 ta’ inqas minn 0.1 % tal-PDG. Id-devjazzjoni pproġettata hija fi ħdan il-flessibbiltà tal-klawżola liberatorja nazzjonali bbażata fuq il-projezzjonijiet attwali għall-infiq fuq id-difiża. Għalhekk, il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv għall-Polonja qed tiġi sospiża.

(19)Ir-rapport ta’ Progress Annwali tal-2025 ma jinkludix projezzjonijiet baġitarji wara l-2025. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6.1 % tal-PDG fl-2026. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2026 jirrifletti prinċipalment l-impatt tal-miżuri diskrezzjonali tad-dħul, inklużi ż-żidiet fid-dazju tas-sisa u n-nuqqas ta’ indiċjar tal-kategoriji tat-taxxa fuq l-introjtu personali. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir nett fin-nefqa ta’ 5.4 % fl-2026. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pproġettata li tkun ġeneralment newtrali fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa pproġettat mill-Kummissjoni li jiżdied għal 65.3 % sa tmiem l-2026. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 tirrifletti prinċipalment id-defiċit għoli proġettat tal-gvern u l-aġġustamenti tal-fluss tal-istokk relatati ma’ investimenti fid-difiża u trasferimenti ta’ darba relatati ma’ investimenti ffinanzjati mis-self tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2026.

Sfidi ewlenin tal-politika

(20)Il-benefiċċji soċjali fil-Polonja fil-biċċa l-kbira mhumiex immirati u mhumiex ittestjati bil-mezzi fil-livell tal-unitajiet domestiċi. Dan jirriżulta f'sistema ta' protezzjoni soċjali b'potenza ridistributtiva limitata. Fid-dokumenti baġitarji, it-trasparenza rigward l-investimenti li għaddejjin u dawk ippjanati tista' titjieb. Bħalissa ma hemm l-ebda ħarsa ġenerali integrata u komprensiva lejn l-investimenti li għaddejjin u s-sorsi ta’ finanzjament tagħhom, inkluż fir-rigward ta’ fondi extra baġitarji u intrapriżi tal-istat. Filwaqt li hija disponibbli fi gradi differenti, tali informazzjoni hija mifruxa ma’ dokumenti differenti, bħal programmi ta’ investiment pluriennali u pjanijiet finanzjarji ta’ intrapriżi tal-istat jew ta’ fondi ekstrabaġitarji. Il-proċeduri għall-valutazzjoni u għall-għażla ta' proġetti ta' investiment pubbliku u t-twettiq ta' rieżamijiet ex post huma dgħajfa. Metodoloġiji standardizzati ta’ valutazzjoni tal-proġetti huma fis-seħħ biss għal investimenti ffinanzjati mill-UE, iżda dawn jistgħu jiġu applikati għall-investimenti ewlenin kollha ffinanzjati mill-gvern. Il-proċeduri tal-għażla tal-proġetti jvarjaw bejn il-ministeri u huma bbażati fuq it-tip ta' proġett u s-sors ta' finanzjament. Ma hemm l-ebda kriterju standard għall-għażla jew għall-prijoritizzazzjoni tal-proġetti fil-livell tal-gvern ċentrali.

(21)Il-Polonja hija wieħed mill-aktar pajjiżi li qed jixjieħu malajr fl-UE u x-xejriet demografiċi fit-tul se jaffettwaw is-sistema tal-pensjonijiet tagħha. L-età statutorja tal-irtirar tippermetti lin-nisa jirtiraw fl-età ta’ 60 sena, li għandu impatt fuq l-għadd ta’ nisa li jaħdmu jew li qed ifittxu xogħol meta mqabbla mal-irġiel li l-età statutorja tal-irtirar tagħhom hija ta’ 65 sena. Sabiex iżżid l-età effettiva tal-irtirar, il-Polonja implimentat miżura mmirata fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha biex tippromwovi x-xogħol lil hinn mill-età statutorja tal-irtirar, iżda jkunu meħtieġa aktar sforzi biex tiġi indirizzata l-isfida relatata mal-iżgurar li l-pensjonijiet futuri jkunu adegwati u biex tiġi ssalvagwardjata s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet. Jeżistu benefiċċji speċjali tal-pensjoni għal diversi gruppi fil-Polonja li mhux dejjem huma marbuta mar-riskji tal-professjoni u jeħtieġu rieżami bir-reqqa biex tiġi żgurata l-ġustizzja tas-sistema.

(22)F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Polonja permezz tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Polonja taċċellera l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti billi tindirizza l-isfidi rilevanti. B’mod partikolari, jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni mill-qrib bejn il-korpi pubbliċi, inkluża l-amministrazzjoni reġjonali u lokali, li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(23)L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE +) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), aċċellerat fil-Polonja. Huwa importanti li jitkomplew l-isforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida ta’ dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Il-Polonja diġà qed tieħu azzjoni taħt il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Fl-istess ħin, il-Polonja għadha qed tiffaċċja sfidi, inklużi dawk relatati mal-ħtieġa li tingħata spinta lill-kompetittività tar-reġjuni tal-Lvant li jmissu mar-Russja u mal-Belarussja, li titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija fir-reġjuni tal-Lbiċ li jiddependu fuq l-industriji tal-faħam u dawk peżanti u ċ-ċentru industrijalizzat, li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u l-ispariġġi fil-ħiliet u li tiġi indirizzata d-domanda għolja għall-akkomodazzjoni. F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Polonja hija meħtieġa — bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni — tirrieżamina kull programm filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposta tal-Kummissjoni adottata fl-1 ta’ April 2025 15 testendi l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ valutazzjoni — għal kull programm — tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu lil hinn mill-31 ta’ Marzu 2025. Tipprovdi wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu jħaffu l-implimentazzjoni tal-programm u inċentivi għall-Istati Membri biex jallokaw riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni għal ħames oqsma strateġiċi ta’ prijorità tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività fit-teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija.

(24)Il-pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) tipprovdi l-opportunità li jsir investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP tiġi mgħoddija permezz ta’ 11-il fond eżistenti tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU li jappoġġa investimenti f’oqsma ta’ prijorità. Il-Polonja tista’ tuża dawn l-inizjattivi biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, inklużi teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

(25)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Polonja qed tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mas-simplifikazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-enerġija, il-ġestjoni tal-ilma, il-ħiliet u l-edukazzjoni, u l-inklużjoni ta’ gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol.

(26)Kif stabbilit fil-Kumpass tal-Kompetittività, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, nazzjonali u lokali jridu jagħmlu sforz kbir biex jipproduċu regoli aktar sempliċi u biex jaċċelleraw il-ħeffa tal-proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni stabbiliet għanijiet ambizzjużi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv: b’mill-inqas 25 % u b’mill-inqas 35 % għall-SMEs; u ħolqot għodod ġodda biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, inkluż test tal-istress sistematiku tal-istokk tal-leġiżlazzjoni tal-UE u djalogu msaħħaħ mal-partijiet ikkonċernati. Biex taqbel ma’ din l-ambizzjoni, il-Polonja jeħtieġ ukoll li tieħu azzjoni. 66 % tan-negozji jqisu l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi bħala problema għall-kumpanija tagħhom meta jagħmlu negozju fil-Polonja 16 . Filwaqt li għandha qafas regolatorju ġeneralment favur il-kompetizzjoni, il-Polonja għadha qed tiffaċċja xi sfidi dwar il-kumplessità leġiżlattiva u l-iżgurar ta’ qafas istituzzjonali effettiv. Dawn huma relatati mal-volatilità dejjem tikber tal-liġi u t-tnaqqis fiż-żmien disponibbli għall-kumpaniji biex iħejju għal bidliet leġiżlattivi. B’riżultat ta’ dan, il-piż amministrattiv fuq id-ditti huwa għoli, pereżempju, fir-rigward tal-liġijiet tat-taxxa, u l-kostijiet li l-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, jiffaċċjaw biex jikkonformaw mas-sistemi tax-xogħol u tat-taxxa huma komparattivament għoljin. Skont l-Istħarriġ dwar l-Investiment tal-BEI, 25 % tad-ditti fil-Polonja jallokaw aktar minn 10 % tal-persunal tagħhom għar-rekwiżiti regolatorji. Minkejja ż-żieda reċenti, ir-rata ta’ negozji ġodda li qed jibdew għadha baxxa, b’mod partikolari għall-kumpaniji b’impjegati. Is-sistema tal-akkwist pubbliku għadha tbati mill-għadd baxx ta’ kumpaniji li jissottomettu offerti, kif ukoll minn proċeduri twal u kumplessi. It-tisħiħ ulterjuri tad-diġitalizzazzjoni tal-proċess tal-akkwist pubbliku u l-iżvilupp tal-offerta ta’ taħriġ għall-SMEs jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.

(27)It-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività futuri tal-Polonja jiddependu dejjem aktar fuq il-kapaċità tagħha li tisfrutta s-setgħa tax-xjenza u l-innovazzjoni. Minkejja żidiet kostanti fl-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp tan-negozju, l-eżiti tal-innovazzjoni tal-Polonja għadhom limitati, bil-prestazzjoni tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp tilħaq biss 65.9 % tal-medja tal-UE fl-2024 – titjib ta’ 3.3 punti perċentwali mill-2023. Il-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u n-negozju hija limitata, u dan inaqqas il-kapaċità tal-Polonja li tikkummerċjalizza r-riċerka tagħha. Din il-kwistjoni hija amplifikata aktar minn bażi ta’ riċerka sottożviluppata u programmi mhux immirati biżżejjed li jippromwovu r-riċerka applikata u s-sħubijiet akkademiċi u privati. It-tisħiħ tar-rabtiet bejn ix-xjenza u n-negozju u li l-karrieri fir-riċerka jsiru aktar attraenti se jkunu essenzjali. Ir-rieżami u t-titjib tal-istrumenti ta’ appoġġ attwali u l-ħolqien ta’ inċentivi għar-riċerkaturi biex jaħdmu mal-industrija huma fost il-passi ewlenin lejn il-kisba ta’ ekosistema tal-innovazzjoni u tax-xjenza bi prestazzjoni għolja. Aktar progress jiddependi wkoll fuq żidiet sostnuti fin-nefqa pubblika fuq ir-riċerka u l-iżvilupp u riformi biex jittejbu l-kompetittività u l-internazzjonalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet xjentifiċi.

(28)Il-kostijiet għoljin tal-enerġija huma ta’ piż fuq il-kompetittività tan-negozji fil-Polonja. Il-pajjiż jenħtieġ li jippromwovi sinjali tal-prezzijiet għall-elettriku li jappoġġaw l-investiment fil-ġenerazzjoni tal-elettriku nadif u jikkontribwixxu għal prezzijiet tal-enerġija affordabbli. Dan jista’ jsir, pereżempju, billi jitħeġġeġ l-ipprezzar dinamiku u jiġu aġġustati t-taxxi u l-imposti fuq l-elettriku kemm għall-unitajiet domestiċi kif ukoll għall-industrija permezz taċ-ċaqliq tal-piż tat-taxxa mill-elettriku għall-fjuwils fossili. Iż-żieda fil-flessibbiltà tal-grilja u l-interkonnessjonijiet transfruntiera jistgħu jgħinu wkoll biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-elettriku. Hemm bżonn li jiġi deskritt perkors ta’ dekarbonizzazzjoni li jipprijoritizza l-effiċjenza enerġetika, is-sorsi ta’ sħana rinnovabbli sostenibbli u l-użu tas-sħana mormija. Il-Polonja tirreġistra sussidji mdaqqsa għall-fjuwils fossili mingħajr eliminazzjoni gradwali ppjanata qabel l-2030. B’mod partikolari, is-sussidji għall-fjuwils fossili li la jindirizzaw il-faqar enerġetiku b’mod immirat u lanqas it-tħassib ġenwin dwar is-sigurtà tal-enerġija, ifixklu l-elettrifikazzjoni u mhumiex kruċjali għall-kompetittività industrijali jistgħu jitqiesu bħala prijorità ta’ eliminazzjoni gradwali. Fil-Polonja, is-sussidji għall-fjuwils fossili bħas-sussidji kontinwi mogħtija lill-industrija tal-estrazzjoni tal-faħam u l-eżenzjonijiet mit-taxxa għall-faħam u ż-żejt tal-fjuwil huma ekonomikament ineffiċjenti u jtawlu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, b’mod partikolari l-faħam. Il-Polonja nediet sett ta’ politiki nazzjonali biex tippromwovi r-rinnovazzjonijiet ta’ bini residenzjali, inklużi skemi kbar ta’ sussidju ffinanzjati skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Dawn il-politiki jeħtieġ li jissaħħu u jiġu allinjati aktar mal-objettivi klimatiċi tal-UE għall-2030. Għalhekk, hija meħtieġa azzjoni mmirata biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju mill-bini, b’enfasi partikolari fuq it-titjib tal-effiċjenza enerġetika u d-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin distrettwali.

(29)Il-Polonja qed tiffaċċja sfidi relatati mal-adattament għat-tibdil fil-klima, pereżempju, riskji ta’ nixfa u għargħar. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi miżuri biex tittejjeb iż-żamma tal-ilma fiż-żoni rurali. Il-pajjiż jista’ jikseb koerenza politika aħjar permezz ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet differenti inkarigati mill-politiki rilevanti. Dan jista’ jgħin biex jiġu implimentati soluzzjonijiet sostenibbli bħal soluzzjonijiet ta’ adattament ibbażati fuq in-natura biex jiżdiedu l-provvisti tal-ilma u jadattaw għat-tibdil fil-klima filwaqt li jkunu ta’ benefiċċju għas-sostenibbiltà fit-tul tal-agrikoltura u setturi oħra li jiddependu fuq is-servizzi tal-ekosistema.

(30)In-nuqqas persistenti ta’ ħiliet, inklużi dawk għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, huwa ta’ piż fuq il-kompetittività Pollakka u jfixkel l-attività ta’ investiment. B’mod partikolari, il-Polonja qed tiffaċċja reġistrazzjoni baxxa b’mod persistenti fil-programmi ta’ studju tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u għadha lura fis-sehem ta’ gradwati f’dawk l-oqsma, li jillimita l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-pajjiż. Sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, huwa essenzjali li jittejjeb il-mod kif is-suġġetti STEM jiġu mgħallma fl-iskejjel, li tiġi pprovduta gwida aħjar għall-karriera għall-istudenti, u li l-gruppi sottorappreżentati jiġu mħeġġa jkomplu l-istudji STEM, b’mod partikolari n-nisa. Jeħtieġ li jissaħħu l-politiki rilevanti biex jissaħħu l-kompetenzi u l-ħiliet ekoloġiċi permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Ir-rata baxxa ta’ parteċipazzjoni fl-apprendiment għall-adulti taggrava wkoll in-nuqqas ta’ persunal tas-sengħa. Abbażi tal-aktar stħarriġ reċenti dwar l-edukazzjoni għall-adulti (AES) ippubblikat fl-2024, ir-rata ta’ parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim kienet ta’ 20.3 %, ferm taħt il-medja tal-UE ta’ 39.5 % u l-mira tal-2030 ta’ 51.7 %. Huwa meħtieġ ukoll aktar appoġġ mill-impjegaturi biex tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti. L-indirizzar tat-tnaqqis fil-livelli tal-ħiliet bażiċi huwa kruċjali biex in-nies jingħataw opportunitajiet ta’ tagħlim, titjib tal-ħiliet u impjieg aktar tard fil-ħajja. Is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tal-Polonja hija nieqsa mill-effettività, u ddgħajjef b’mod sinifikanti l-provvista tal-ħiliet li hemm domanda għalihom, tnaqqas l-impjegabbiltà tal-gradwati u tpoġġihom f’riskju akbar ta’ qgħad u esklużjoni soċjali.

(31)Għad hemm tħassib fir-rigward tal-integrazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, inklużi n-nisa, il-persuni b’diżabilità jew il-persuni li kisbu livell aktar baxx ta’ edukazzjoni. Filwaqt li d-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi (20–64 sena) naqset minn 14.8 pp fl-2020 għal 11.6 pp fl-2024, din għadha ogħla mill-medja tal-UE ta’ 10 pp. Id-differenza fl-impjiegi għall-persuni b’diżabbiltà kienet ta’ 33.9 pp fl-2023, ferm ogħla mill-medja tal-UE ta’ 21.5 pp. Dan jissuġġerixxi li hemm spazju biex tiżdied l-effettività tal-politiki ta’ attivazzjoni, b’mod partikolari permezz ta’: i) miżuri mmirati aħjar biex jgħinu l-integrazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol; ii) it-titjib tal-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi; u iii) tkomplija tat-titjib tal-kwalità tal-kura fit-tul formali bbażata fid-dar u fil-komunità u l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-aċċess għalihom. Filwaqt li dawn l-oqsma huma koperti fir-riformi u l-investiment skont il-pjan Pollakk għall-irkupru u r-reżiljenza, se jkunu meħtieġa aktar sforzi fil-futur. Flimkien mal-politiki dwar it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, iż-żieda fil-gruppi ta’ parteċipazzjoni bl-inqas rati ta’ impjieg, inklużi l-persuni b’diżabilità, jista’ jkollha effett pożittiv fuq il-kompetittività Pollakka fit-tul. Id-distakk fl-edukazzjoni tal-persuni b’diżabilità huwa wkoll ta’ tħassib. Ir-rata ta’ kisba edukattiva postsekondarja tagħhom kienet ta’ 32 % 2021/2022, u d-differenza medja fl-edukazzjoni postsekondarja f’dawk is-snin kienet ta’ 18.4 pp (UE 11.3 pp). Barra minn hekk, il-proporzjon ta’ żgħażagħ b’diżabilità barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) (40 %) huwa wieħed mill-ogħla fl-UE. Sabiex tittejjeb l-inklużività tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ, huwa meħtieġ approċċ strateġiku komprensiv, li jinkludi t-titjib tal-ħiliet tal-għalliema u l-appoġġ ipprovdut lilhom.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Polonja tieħu azzjoni fl-2025 u l-2026 biex:

1.Issaħħaħ l-infiq u l-istat ta’ tħejjija ġenerali għad-difiża f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Taderixxi mar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025, bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv filwaqt li jsir użu mill-allowance skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għal nefqa ogħla għad-difiża. Ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku, inkluż permezz ta’ mmirar aħjar tal-benefiċċji soċjali, titjib tal-proċess baġitarju, u l-għoti ta’ aktar trasparenza fl-ippjanar tal-investiment u tuża proċeduri standardizzati għall-valutazzjoni u l-għażla tal-proġetti b’mod aktar estensiv. Tantiċipa proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex ikompli l-irkupru ekonomiku. Tiżgura l-adegwatezza tal-benefiċċji tal-pensjoni futuri u t-tisħiħ tas-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet, inkluż billi tieħu miżuri dwar l-età effettiva tal-irtirar u r-riforma tal-iskemi tal-pensjoni preferenzjali.

2.Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f’waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, taċċellera l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni (il-FEŻR, il-JTF, il-FSE+, il-FK), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Tagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti tal-UE, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni pprovdut mill-InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex ittejjeb il-kompetittività. 

3.Tissimplifika r-regolamentazzjoni, ittejjeb l-għodod regolatorji u tiżgura li l-qafas legali jkun stabbli u ċar għas-settur tan-negozju. Tintroduċi miżuri biex jitnaqqas il-piż amministrattiv imqiegħed fuq il-kumpaniji. Tinkoraġġixxi l-kompetizzjoni fil-proċessi tal-akkwist pubbliku, u tagħmilhom aktar effiċjenti u inqas ikkumplikati, speċjalment għall-SMEs. Issaħħaħ ir-rabtiet bejn ix-xjenza u n-negozju billi ttejjeb l-istrutturi ta’ appoġġ, timplimenta skemi ta’ finanzjament immirati, u toħloq inċentivi għar-riċerkaturi biex jinvolvu ruħhom mas-settur privat. Ittejjeb u timmodernizza s-sistema tar-riċerka pubblika billi tagħmel il-karrieri fir-riċerka aktar attraenti, iżżid l-investiment pubbliku fir-R&I, u tappoġġa lill-istituzzjonijiet tar-riċerka. Tiffoka l-politika ekonomika relatata mal-investiment fuq l-innovazzjoni.

4.Tippromwovi sinjali bbilanċjati tal-prezzijiet tal-elettriku li jappoġġaw l-investimenti fil-ġenerazzjoni tal-elettriku nadif billi taġġusta t-taxxi u l-imposti fuq l-elettriku għall-unitajiet domestiċi u għall-industrija meta mqabbla ma’ dawk fuq il-fjuwils fossili. Tagħti spinta lill-kapaċità u l-flessibbiltà tal-grilja, iżżid il-kummerċ transfruntier tal-elettriku, u tillimita r-restrizzjonijiet għal każijiet ġustifikati skont ir-regoli tas-suq tal-enerġija tal-UE, b’mod partikolari f’każijiet li jinvolvu restrizzjonijiet fl-allokazzjoni tal-kapaċità nazzjonali. Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili billi taċċellera t-tneħħija gradwali tal-faħam fis-settur tat-tisħin billi tagħmel tranżizzjoni lejn sistemi dekarbonizzati li jintegraw l-enerġija rinnovabbli, itejbu l-effiċjenza enerġetika, u jeliminaw gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili, speċjalment dawk relatati mal-estrazzjoni tal-faħam. Ittejjeb il-governanza tal-adattament għat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari l-politiki ffukati fuq il-ġestjoni, il-protezzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma, filwaqt li tinkorpora l-valutazzjonijiet attwali tal-impatti tat-tibdil fil-klima biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tas-setturi u l-attivitajiet dipendenti fuq is-servizzi tal-ekosistema tal-ilma.

5.Trawwem edukazzjoni u ħiliet ta’ kwalità u inklużivi rilevanti għas-suq tax-xogħol, inkluż ħiliet ekoloġiċi u diġitali, iżżid il-parteċipazzjoni fl-oqsma STEM fl-edukazzjoni għolja, u jtejbu l-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema u tkompli ssaħħaħ l-effiċjenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Tiffaċilita u żżid il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim, inkluż fit-tagħlim mhux formali u f’oqsma ewlenin għall-kompetittività tal-Polonja. Tieħu passi biex iżżid il-parteċipazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta’ edukazzjoni effettiva għat-tranżizzjonijiet tal-impjiegi.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj .
(2)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax; (ii) miżuri diskrezzjonali ta’ dħul; (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni; (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji.
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj ).
(4)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj ).
(5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja (11805/2022).
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja (15835/2023).
(7)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju tal-Polonja, ĠU C/2025/642, 10.2.2025.
(8)    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fil-Polonja, C/2025/5037.
(9)    Ir-rapporti ta’ Progress Annwali tal-2025 huma disponibbli fuq: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en
(10)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tippermetti lill-Polonja tiddevja minn, u taqbeż, il-perkors tan-nefqa netta rakkomandat (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali), ĠU C/2025/xxx, x.x.2025.
(11)    Il-Eurostat, Indikaturi tal-Euro, 22.4.2025.
(12)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.
(13)    Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG).
(14)    Mill-2026 dawn iċ-ċifri se jidhru fil-kont ta’ kontroll li huwa stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(15)    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu — COM (2025) 123 final.
(16)    “L-attitudnijiet tan-negozji lejn il-korruzzjoni fl-UE” Rapport Flash, Rapport tal-Ewrobarometru (April 2024) EIB Investment Survey 2024 Country Overview: Poland .