|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1477 |
25.7.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1477
tal-21 ta’ Mejju 2025
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika r-regoli dwar l-identifikazzjoni tal-produtturi awtorizzati taż-żejt u tal-gass li huma meħtieġa jikkontribwixxu għall-objettiv li tintlaħaq il-mira tal-Unjoni għall-kapaċità tal-injezzjoni tas-CO2 disponibbli sal-2030, dwar il-kalkolu tal-kontributi rispettivi tagħhom, u dwar l-obbligi tar-rapportar tagħhom
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(12), il-punti (a) u (c), tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2024/1735 jipprevedi li l-entitajiet li jkollhom awtorizzazzjoni kif definit fl-Artikolu 1, il-punt 3, tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) iridu jikkontribwixxu għall-mira tal-Unjoni kollha dwar il-kapaċità tal-injezzjoni tas-CO2 disponibbli sal-2030 bi proporzjon mal-volumi tal-gass naturali u taż-żejt grezz li pproduċew fl-Unjoni bejn l-1 ta’ Jannar 2020 u l-31 ta’ Diċembru 2023. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (UE) 2024/1735, abbażi tal-informazzjoni kkomunikata sat-30 ta’ Settembru 2024 lill-Kummissjoni mill-Istati Membri skont l-Artikolu 23(2) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni trid tispeċifika l-kontributi individwali għall-objettiv tal-kapaċità tal-injezzjoni tas-CO2 tal-Unjoni sal-2030 mill-entitajiet li jkollhom awtorizzazzjoni. |
|
(3) |
Għal dan l-għan, l-ewwel nett meħtieġ li jiġu ssupplimentati r-regoli li abbażi tagħhom jenħtieġ li jiġu identifikati d-detenturi tal-awtorizzazzjoni soġġetti għall-obbligu tal-kontribut, u jiġu kkalkulati l-kontributi individwali tagħhom. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2024/1735, il-Kummissjoni trid tispeċifika livell limitu tal-produzzjoni li inqas minnu detentur tal-awtorizzazzjoni jiġi eskluż mill-obbligu tal-kontribut. L-għan ta’ dak il-livell limitu hu li jikkonċentra l-isforz amministrattiv għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-entitajiet obbligati fuq dawk l-entitajiet li minħabba l-attivitajiet sinifikanti tagħhom fil-produzzjoni tal-idrokarburi, għandhom il-mezzi finanzjarji u tekniċi biex jinvestu fil-varar tas-siti tal-ħżin ġeoloġiku tas-CO2. F’konformità mal-Artikolu 23(5), sabiex jiksbu l-volumi mmirati tagħhom tal-kapaċità tal-injezzjoni disponibbli, l-entitajiet obbligati jistgħu jinvestu fi proġetti tal-ħżin tas-CO2 jew jiżviluppawhom waħedhom jew f’kooperazzjoni, jistgħu jidħlu fi ftehimiet ma’ entitajiet obbligati oħra, u jistgħu jidħlu fi ftehimiet ma’ żviluppaturi jew investituri ta’ partijiet terzi ta’ proġetti tal-ħżin biex jissodisfaw il-kontribut tagħhom. |
|
(5) |
Meta jiġi speċifikat il-livell limitu tal-produzzjoni, meħtieġ ukoll li tingħata attenzjoni partikolari lill-SMEs u li tiġi żgurata d-distribuzzjoni ġusta tal-kapaċità tal-injezzjoni eskluża fost l-entitajiet obbligati. |
|
(6) |
Għalhekk jixraq li jiġu esklużi d-detenturi tal-awtorizzazzjoni li pproduċew inqas minn 610 kilotunnellati f’ekwivalenti taż-żejt ta’ gass naturali u żejt grezz mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2023, u li jirrappreżentaw produzzjoni totali ta’ gass naturali u żejt grezz li tammonta għal inqas minn 5 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ gass naturali u żejt grezz tul il-perjodu kkonċernat. |
|
(7) |
L-ammont ta’ kull kontribut jenħtieġ li jiġi kkalkulat pro rata billi l-volumi prodotti minn kull entità obbligata, jiġu diviżi bis-somma tal-produzzjoni tal-entitajiet obbligati kollha. Dan il-proporzjon imbagħad jenħtieġ li jiġi mmultiplikat bil-mira tal-Unjoni kollha għall-kapaċità tal-injezzjoni tas-CO2 sal-2030, li hija 50 miljun tunnellata fis-sena. |
|
(8) |
Xi Stati Membri jippermettu li aktar minn entità waħda jkollha l-istess awtorizzazzjoni. F’każijiet bħal dawn, l-Istat Membru kkonċernat jenħtieġ li jindika l-volumi tal-produzzjoni ta’ kull detentur tal-awtorizzazzjoni konġunta sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tidentifika jekk humiex soġġetti għall-obbligu tal-kontribut, u tispeċifika l-ammont tal-kontribut tagħhom, jew jekk għandhomx jiġu esklużi. |
|
(9) |
L-awtorizzazzjonijiet setgħu jiġu ttrasferiti minn entità legali għal oħra bejn l-1 ta’ Jannar 2020 u l-31 ta’ Diċembru 2023. Jixraq li jiġi ddeterminat il-mument rilevanti għad-diviżjoni tal-produzzjoni u l-obbligu tal-kontribut korrispondenti bejn id-detenturi tal-awtorizzazzjoni, biex il-volumi tal-produzzjoni jiġu diviżi b’mod preċiż bejn l-entità trasferenti u l-entità ċessjonarja. |
|
(10) |
Sabiex il-produzzjoni kollha fit-territorju tal-Unjoni bejn l-1 ta’ Jannar 2020 u l-31 ta’ Diċembru 2023 tissarraf f’obbligu li jsir kontribut għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-injezzjoni tas-CO2, jenħtieġ li jittieħdu miżuri fir-rigward tad-detenturi tal-awtorizzazzjoni li ma baqgħux jeżistu legalment matul dak il-perjodu kif ukoll sal-31 ta’ Diċembru 2030. |
|
(11) |
Biex jiġi mmonitorjat il-progress fl-ilħuq tal-mira tal-Unjoni kollha għall-kapaċità tal-injezzjoni tas-CO2, f’konformità mal-Artikolu 42(7) tar-Regolament (UE) 2024/1735, jeħtieġ li jiġi previst sett standard ta’ informazzjoni meħtieġa għar-rapporti msemmija fl-Artikolu 23(6) tar-Regolament (UE) 2024/1735 abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-entitajiet obbligati waħedhom jew f’kooperazzjoni, jekk jikkooperaw f’konformità mal-Artikolu 23(5) tar-Regolament (UE) 2024/1735. |
|
(12) |
F’konformità mal-Artikolu 23(4) tar-Regolament (UE) 2024/1735, sat-30 ta’ Ġunju 2025, id-detenturi tal-awtorizzazzjoni jridu jippreżentaw pjan fid-dettall lill-Kummissjoni li jispeċifika kif beħsiebhom jiksbu l-kontribut tagħhom għall-objettiv tal-kapaċità tal-injezzjoni tas-CO2 tal-Unjoni sal-2030. Sabiex id-detenturi tal-awtorizzazzjoni jkollhom iċ-ċans iħejju u jippreżentaw dak il-pjan sat-30 ta’ Ġunju 2025, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“detentur tal-awtorizzazzjoni” tfisser entità legali, notifikata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) 2024/1735 bħala detentur tal-awtorizzazzjoni kif definit fl-Artikolu 1, il-punt 3, tad-Direttiva 94/22/KE, li kellha l-awtorizzazzjoni rilevanti matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2023, jew id-detentur attwali, jekk dawn ikunu differenti; |
|
(2) |
“entità obbligata” tfisser detentur tal-awtorizzazzjoni soġġett għal kontribut individwali għall-mira tal-Unjoni kollha għall-kapaċità tal-injezzjoni tas-CO2 disponibbli stabbilita fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2024/1735; |
|
(3) |
“entità eskluża” tfisser detentur tal-awtorizzazzjoni li mhuwiex soġġett għal kontribut individwali għall-mira tal-Unjoni kollha għall-kapaċità tal-injezzjoni tas-CO2 disponibbli stabbilita fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2024/1735. |
Artikolu 2
Regoli addizzjonali għall-identifikazzjoni tal-entitajiet obbligati
1. Meta awtorizzazzjoni tinżamm b’mod konġunt bejn aktar minn entità waħda, l-Istat Membru rilevanti għandu jindika lill-Kummissjoni l-volumi tal-produzzjoni ta’ kull detentur tal-awtorizzazzjoni konġunta.
2. Meta matul il-perjodu tal-produzzjoni rilevanti, awtorizzazzjoni tkun ġiet trasferita bejn l-entitajiet obbligati, id-data tat-trasferiment għandha tkun il-mument rilevanti għad-diviżjoni tal-produzzjoni u l-obbligu tal-kontribut korrispondenti bejn id-detenturi tal-awtorizzazzjoni.
3. Meta detentur tal-awtorizzazzjoni ma jibqax jeżisti legalment sal-31 ta’ Diċembru 2030 jew jekk l-awtorizzazzjoni rilevanti tiġi trasferita lil entità legali ġdida, l-obbligu tal-kontribut korrispondenti għall-attivitajiet rilevanti tal-produzzjoni taż-żejt grezz u tal-gass naturali bejn l-1 ta’ Jannar 2020 u l-31 ta’ Diċembru 2023 jaqa’ fuq id-detentur tal-awtorizzazzjoni sussegwenti.
Artikolu 3
Identifikazzjoni tal-entitajiet esklużi
1. Id-detenturi tal-awtorizzazzjoni li pproduċew inqas minn 610 kilotunnellati f’ekwivalenti taż-żejt ta’ gass naturali u żejt grezz fl-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2023, u li jirrappreżentaw produzzjoni totali ta’ gass naturali u żejt grezz li tammonta għal inqas minn 5 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ gass naturali u żejt grezz tul il-perjodu kkonċernat, għandhom jitqiesu entitajiet esklużi.
2. Għall-fini tal-Artikolu 23(5) tar-Regolament (UE) 2024/1735, l-entitajiet esklużi li joperaw siti tal-ħżin tas-CO2 għandhom jitqiesu bħala żviluppaturi jew investituri ta’ partijiet terzi ta’ proġetti tal-ħżin f’konformità mal-Artikolu 23(5), il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 4
Kalkolu tal-metodoloġija tal-kontribut individwali pro rata tal-entitajiet obbligati
1. F’konformità mal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2024/1735 u għall-fini tal-kalkolu pro rata, il-produzzjoni taż-żejt grezz u tal-gass naturali hi normalizzata f’ekwivalenti ta’ kilotunnellati ta’ żejt.
2. Is-sehem tal-kontribut individwali pro rata ta’ kull entità obbligata jiġi kkalkulat abbażi tal-formola li ġejja f’ekwivalenti ta’ kilotunnellati ta’ żejt:
(Produzzjoni totali mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2023 tal-entità obbligata)/(produzzjoni totali mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2023 tal-entitajiet obbligati kollha) × 100 = % ta’ 50 miljun tunnellata ta’ kapaċità tal-injezzjoni tas-CO2 annwali.
Artikolu 5
Rapport dwar il-progress annwali mill-entitajiet obbligati
1. Ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 23(6) tar-Regolament (UE) 2024/1735 għandu jkollhom mill-inqas is-sett ta’ informazzjoni li ġej dwar il-proġetti tal-ħżin tas-CO2 li qed jiġu żviluppati mill-entitajiet fl-aktar dettall possibbli fl-istadju tal-iżvilupp attwali:
|
(a) |
l-obbligu/i tal-kontribut għall-kapaċità tal-injezzjoni rilevanti u l-post tas-sit(i) tal-ħżin tas-CO2 rilevanti bil-koordinati f’format tal-fajl GIS użat b’mod komuni; |
|
(b) |
l-identità tal-maniġer responsabbli għall-varar u l-informazzjoni tal-kuntatt tal-kumpanija, b’mod partikolari għall-klijenti potenzjali tal-ħżin; |
|
(c) |
il-formazzjoni ġeoloġika mmirata u l-kapaċità tal-ħżin totali mistennija (f’miljuni ta’ tunnellati ta’ CO2) għal kull sit tal-ħżin; |
|
(d) |
il-kapaċità tal-injezzjoni annwali mistennija (f’miljuni ta’ tunnellati ta’ CO2 fis-sena) għal kull sit tal-ħżin kif speċifikat fil-permess tal-ħżin rilevanti, kif ukoll id-data tat-tmiem tal-injezzjoni mistennija, u l-espansjoni potenzjali wara l-2030, jekk ikun hemm; |
|
(e) |
il-mezz(i) ppjanat(i) tat-trasport tas-CO2 u l-infrastruttura tat-trasport relatata li se tkun meħtieġa mill-punt tat-trasferiment (3) għas-sit tal-injezzjoni; |
|
(f) |
l-infrastrutturi tat-trasport tas-CO2 ppjanati li se jkunu meħtieġa biex jittrasportaw is-CO2 għall-punt tat-trasferiment, inkluż id-data mistennija tal-bidu tal-operazzjoni tagħhom, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-kwalità tas-CO2 applikabbli; |
|
(g) |
is-sorsi ppjanati tas-CO2 li jridu jinħażnu, inkluż il-fornituri tas-CO2 maqbud li magħhom ġew maqbula ftehimiet kummerċjali għall-użu tal-kapaċità tal-injezzjoni rilevanti matul l-ewwel 5 snin tal-operazzjoni; |
|
(h) |
id-dati mistennija tad-deċiżjoni finali dwar l-investiment (FID, Final Investment Decision), u l-kapaċità tal-injezzjoni mistennija li se tkun disponibbli operazzjonalment sa tmiem l-2030 jew qabel; |
|
(i) |
rapport dettaljat dwar l-attivitajiet ta’ involviment tal-partijiet ikkonċernati, inkluż speċifikament dwar l-involviment tal-komunitajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra fil-proċess tal-iżvilupp tal-proġett tal-ħżin tas-CO2; |
|
(j) |
taqsima ddedikata li tiddeskrivi l-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u klimatiċi antiċipati li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-qbid u tal-ħżin tal-karbonju fil-pajjiż jew fir-reġjun fejn se jiġi żviluppat is-sit tal-ħżin tas-CO2. |
2. L-informazzjoni mogħtija fir-rapport dwar il-progress annwali msemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun aġġornata bejn rapport annwali u ieħor, fir-rigward ta’ bdil sostanzjali li jaffettwa l-kapaċitajiet tal-ħżin operazzjonali jew l-iskeda taż-żmien tal-proġetti rilevanti. Ir-rapport dwar il-progress annwali għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni dettaljata tas-sit tal-ħżin, kif meħtieġ għall-applikazzjoni għal permess għall-ħżin f’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-iskedi taż-żmien u l-kundizzjonijiet li skonthom il-kapaċità tal-injezzjoni tas-sit tal-ħżin se tiġi introdotta fis-suq biex ikun hemm konformità mal-obbligu tal-kontribut. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi pjan direzzjonali dettaljat tal-istadji importanti ewlenin ta’ tħejjija teknika u kummerċjali u l-punti ta’ deċiżjoni, kif ukoll ir-riskji, l-inċertezzi u l-istrateġiji tal-mitigazzjoni, li klijenti kummerċjali potenzjali jkollhom bżonn ikunu jafu biex jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess dwar l-investiment.
3. Skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) 2024/1735, is-sigrieti kummerċjali u tan-negozju u informazzjoni oħra kunfidenzjali u klassifikata sensittiva rilevanti għar-rapportar skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandhom jiġu esklużi mill-verżjoni ppubblikata tar-rapport dwar il-progress annwali.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2024/1735, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1735/oj.
(2) Id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi (ĠU L 164, 30.6.1994, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1994/22/oj).
(3) Definit bħala l-limitu tal-installazzjoni tal-ETS f’konformità mad-Direttiva 2003/87/KE.
(4) Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/31/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1477/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)