|
11.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 429/276 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fl-Ukrajna fuq l-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa taċ-ċereali u dwar l-ekwivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali prodotta fl-Ukrajna”
(COM(2020) 137 final — 2020/0053 (COD))
(2020/C 429/35)
|
Relatur uniku: |
Arnold PUECH D’ALISSAC |
|
Konsultazzjoni |
Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 17.4.2020 Parlament Ewropew, 16.4.2020 |
|
Bażi legali |
Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
|
Adottata fis-sezzjoni |
29.6.2020 |
|
Adottata fil-plenarja |
18.9.2020 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
554 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
213/1/4 |
1. Sfond u l-proposta tal-Kummissjoni
|
1.1. |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE (1) tagħti ekwivalenza lil ċerti pajjiżi terzi fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post u l-produzzjoni taż-żerriegħa ta’ ċerti speċijiet (2). |
|
1.2. |
Dawn id-dispożizzjonijiet li jirregolaw iż-żerriegħa maħsuda u kkontrollata f’dawn il-pajjiżi joffru l-istess assigurazzjonijiet, fir-rigward tal-karatteristiċi, l-eżami, l-identifikazzjoni, l-immarkar u l-kontroll taż-żerriegħa, bħall-assigurazzjonijiet li joffru d-dispożizzjonijiet applikabbli għaż-żerriegħa maħsuda u kkontrollata fl-Unjoni Ewropea. |
|
1.3. |
Fid-dawl tal-fatt li l-Ukrajna ma tagħmilx parti minn dawn il-pajjiżi terzi inklużi fil-lista tad-Deċiżjoni 2003/17/KE, bħalissa mhux possibbli li ż-żerriegħa taċ-ċereali maħsuda f’dan il-pajjiż tiġi importata lejn l-Unjoni Ewropea. L-Ukrajna ressqet talba quddiem il-Kummissjoni biex iż-żerriegħa taċ-ċereali tagħha tkun koperta mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE bħala ekwivalenti. |
|
1.4. |
Wara din it-talba, il-Kummissjoni eżaminat il-leġislazzjoni applikabbli tal-Ukrajna u wettqet awditu tal-ispezzjonijiet fuq il-post u tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni taż-żerriegħa fis-seħħ, għaż-żerriegħa taċ-ċereali fl-Ukrajna. Ġie konkluż li r-rekwiżiti tagħha u s-sistema fis-seħħ huma “ekwivalenti” għal dawk tal-Unjoni u joffru l-istess assigurazzjoni bħas-sistema tal-Unjoni. |
|
1.5. |
Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li ż-żerriegħa tal-Ukrajna tiġi rrikonoxxuta bħala ekwivalenti għaż-żerriegħa taċ-ċereali maħsuda, prodotta u kkontrollata fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ Deċiżjoni adottata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew. |
2. Kummenti u rakkomandazzjonijiet
|
2.1. |
Il-KESE jieħu nota tal-eżitu pożittiv tal-awditu mwettaq mill-Kummissjoni fl-Ukrajna skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE, sabiex tkun rikonoxxuta l-ekwivalenza tar-rekwiżiti legali u tal-kontrolli uffiċjali għaċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa u ċ-ċereali. Madankollu, il-KESE jinnota li mir-rapport tal-awditjar joħroġ li ċerti standards mhumiex allinjati għalkollox mar-rekwiżiti tal-UE, b’mod partikolari dawk relatati mad-distanza ta’ iżolament taż-żerriegħa ċċertifikata tas-sorgu, li hija inferjuri, ir-rata tal-purità varjetali tal-linji parentali użati għall-produzzjoni ta’ żerriegħa ibrida tal-qamħirrum u r-rata taż-żerriegħa ta’ speċijiet oħra għaż-żerriegħa ċertifikata tal-qamħirrum. |
|
2.2. |
Il-KESE, b’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu (3), japprova l-proposta leġislattiva li qed tiġi eżaminata, iżda jipproponi li l-applikazzjoni tagħha tiġi posposta sa meta l-UE tkun kisbet, wara verifika retrospettiva, il-garanziji meħtieġa minn qabel li jixhdu li l-limiti identifikati fir-rapport tal-awditjar ikunu ġew korretti, li l-istandards ta’ produzzjoni fl-Ukrajna issa huma strettament konformi mar-rekwiżiti Ewropej, li ma hemm l-ebda kompetizzjoni inġusta u li jiġi eskluż kwalunkwe effett negattiv fuq l-ambjent. |
|
2.3. |
Il-KESE jaqbel dwar il-fatt li r-rikonoxximent tal-ekwivalenza jista’ joħloq vantaġġi għall-kumpaniji taż-żerriegħa tal-UE li joperaw fl-Unjoni Ewropea u fl-Ukrajna, għall-importaturi potenzjali tal-UE taż-żerriegħa minn dan il-pajjiż, u għall-bdiewa tal-UE, li ormaj se jkollhom aċċess għal varjetà usa’ ta’ żerriegħa, iżda huwa tal-fehma li għandu jkun hemm sistema ta’ kontroverifiki għall-importazzjonijiet, u jeħtieġ li tiġi garantita l-istess protezzjoni tal-konsumatur trid fuq iż-żewġ naħat.
Il-kontroll tal-kompetizzjoni għandu jiġi applikat fiż-żewġ direzzjonijiet sabiex ma jkunx hemm distorsjoni fil-kundizzjonijiet tal-kummerċ għall-organizzazzjonijiet Ewropej li joperaw fl-UE. |
|
2.4. |
Madankollu, il-KESE jixtieq jenfasizza ċerti aspetti tekniċi relatati mal-metodi ta’ produzzjoni taż-żerriegħa li jvarjaw bejn l-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Tabilħaqq, il-produtturi tal-Ukrajna għandhom aċċess għal firxa usa’ ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti milli l-produtturi tal-Unjoni Ewropea u għandhom aċċess għal ċerti molekuli pprojbiti fl-UE. Dawn id-devjazzjonijiet iwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u, minħabba f’hekk, jiddaħħlu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea prodotti li ma jikkonformawx mal-istandards tal-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa u l-ambjent. L-aktar differenzi notevoli jinkludu l-aċċess għal sustanzi attivi li jintużaw għat-tneħħija tal-ħaxix ħażin mill-irqajja’ tal-art agrikola bħall-atrazine (li ilha pprojbita fl-UE sa mill-2003) u l-acetochlor (li ilha pprojbita fl-UE sa mill-2012). Minbarra l-impatti fuq is-saħħa, l-aċċess għal dawn is-sustanzi bi spettru wiesa’ ta’ azzjoni, natura persistenti, effiċjenza teknika għolja fuq il-ħaxix ħażin u spejjeż baxxi, bla dubju jagħti vantaġġ kompetittiv lill-produtturi Ukreni. Fir-rigward tal-protezzjoni fil-konfront tal-organiżmi ta’ ħsara, il-produtturi Ukreni għad għandhom aċċess għal sustanzi attivi fil-familja tan-neonikotinojdi, li xi wħud minnhom huma pprojbiti fl-UE bħall-clothianidin, it-thiamethoxam u, fil-futur qarib, it-thiacloprid. |
|
2.5. |
Skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew, jiddaħħal l-obbligu ta’ protezzjoni, preservazzjoni u rinforzar tal-kapital naturali tal-Unjoni Ewropea u li s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini jiġu protetti kontra r-riskji ambjentali; anke l-Ukrajna għandha tkun marbuta tieqaf tuża sustanzi kimiċi għall-produzzjoni ta’ żerriegħa li l-użu tagħha fit-territorju tal-UE ġie pprojbit. L-Ukrajna trid iżżomm l-istess livell ta’ rekwiżit bħall-Unjoni, li timpenja ruħha li tirrispetta strettament il-kundizzjonijiet kollha tal-Ftehim ta’ Pariġi u li tippermetti li l-ftehimiet milħuqa jiġu vvalutati fuq bażi annwali. Huwa inkonċepibbli li jkomplu jippersistu jew jiżdiedu aktar id-differenzi. Jekk dan ma jkunx il-każ, ma jkunx possibbli li tiġi awtorizzata ż-żerriegħa fis-suq tal-Unjoni. |
|
2.6. |
Il-KESE ħa nota tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li hija tal-fehma li r-rikonoxximent tal-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni għall-prodotti inkwistjoni huwa miżura teknika. Madankollu, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq u tal-fatt li l-ftuħ tas-suq tal-UE għal prodotti minn pajjiżi terzi se jkollu impatt ekonomiku u soċjali, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni, qabel ma tieħu deċiżjoni, twettaq valutazzjoni tal-impatt biex tivverifika li l-produtturi Ewropej (fit-tifsira tal-multiplikaturi u tal-kumpaniji taż-żerriegħa), u b’mod partikolari l-intrapriżi mikro u żgħar, mhux se jiġu affettwati minn din il-miżura. |
|
2.7. |
Abbażi ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt, u peress li l-ftehim ta’ kummerċ ħieles attwali mal-Ukrajna ma jiżgurax kummerċ ġust bi standards fiskali, soċjali u ambjentali komparabbli, għalhekk jeħtieġ li l-ewwel jiġi rivedut il-ftehim ta’ kummerċ ħieles, u b’mod aktar ġenerali, il-politika kummerċjali Ewropea biex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta. Din ir-reviżjoni ġiet prevista wkoll mill-Kummissjoni Ewropea fil-komunikazzjoni tagħha tas-16 ta’ Ġunju, b’analiżi komprensiva tal-politika kummerċjali tal-UE u t-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika. |
|
2.8. |
Dan huwa partikolarment rilevanti bejn l-Ukrajna u l-UE għas-settur taż-żerriegħa tal-qamħirrum, bi spiża ferm aktar baxxa tal-produzzjoni mill-fabbrika fl-Ukrajna (id-differenza mal-ispiża tal-produzzjoni Franċiż kienet stmata għal 26 % fl-2019). Il-kombinazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet twassal biex jiġu pperikolati s-setturi Ewropej tal-multiplikaturi taż-żerriegħa tal-qamħirrum. |
|
2.9. |
Aħna u nitgħallmu mill-kriżi tal-COVID-19, id-dipendenza minn pajjiżi terzi f’settur strateġiku għas-sovranità tal-ikel ma tistax tiġi aċċettata u għalhekk għandha tiġi trattata fi stadju bikri. |
Brussell, it-18 ta’ Settembru 2020.
Luca JAHIER
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(2) B’konformità mad-Direttivi tal-Kunsill 66/401/KEE (ĠU L 125, 11.7.1966, p. 2298), 66/402/KEE (ĠU L 125, 11.7.1966, p. 2309), 2002/54/KE (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 12) u 2002/57/KE (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74).