|
24.2.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 51/1 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/288
tas-17 ta' Diċembru 2014
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward tal-perjodu ta' żmien u d-dati għall-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-kisba tal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) ma għandhiex tiddgħajjef mill-operaturi li jiksru r-regoli tal-PKS. Skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-għajnuna finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (“FEMS”) tingħata jekk l-operaturi jikkonformaw mar-regoli tal-PKS. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 1380/2013, il-ksur serju mill-operaturi tar-regoli tal-PKS għandu jirriżulta fi projbizzjonijiet temporanji jew permanenti fuq l-aċċess għall-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni. Dawn il-miżuri għandhom ikunu dissważivi, effettivi u proporzjonati. |
|
(3) |
Sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-kontribwenti tagħha, l-operaturi li, fi żmien partikolari qabel ressqu applikazzjoni għal għajnuna finanzjarja, ikunu wettqu xi ksur serju, reat jew frodi, kif stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 ma għandhomx jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja mill-FEMS. |
|
(4) |
L-operaturi li japplikaw għall-appoġġ tal-FEMS għandhom ikunu identifikabbli b'mod ċar sabiex tiġi vverifikata l-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet tagħhom. Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-kundizzjonalità tal-appoġġ tal-FEMS, huwa xieraq li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet neċessarji li jiżguraw li dawn l-operaturi jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ta' ammissibbiltà għall-appoġġ tal-FEMS fir-rigward tal-bastimenti kollha tas-sajd taħt il-kontroll effettiv tagħhom. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, it-tul tal-perjodu ta' inammissibbiltà għandu jkun proporzjonat man-natura, il-gravità, it-tul ta' żmien u r-repetizzjoni tal-ksur serju, ir-reat jew il-frodi. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti r-regoli għall-kalkolu tat-tul ta' żmien tal-inammissibbiltà u jiġu identifikati d-dati rilevanti tal-bidu u tat-tmiem tal-perjodu ta' inammissibbiltà. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 42(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-Artikolu 10(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, jekk awtorità kompetenti tistabbilixxi li operatur ikun wettaq ksur serju, l-applikazzjoni ta' dak l-operatur għandha tkun inammissibbli għall-appoġġ tal-FEMS għal perjodu ta' mill-inqas 12-il xahar. Peress li r-Regolament (UE) Nru 508/2014 japplika mill-1 ta' Jannar 2014, biex tiġi żgurata l-proporzjonalità u ċ-ċertezza legali, għall-kalkolu tal-perjodu ta' inammissibbiltà għandu jitqies biss il-ksur serju ddeterminat b'deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-1 ta' Jannar 2013. |
|
(7) |
Madankollu, l-applikazzjoni immedjata u awtomatika tal-inammissibbiltà għall-appoġġ tal-FEMS tkun sproporzjonata f'każijiet ta' ksur li, filwaqt li jżommu n-natura serja tagħhom kif stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti, mhux bilfors jikkawżaw, b'mod dirett, preġudizzju serju għar-riżorsi tas-sajd u għall-ambjent tal-baħar imsemmija fl-Artikolu 90(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (3). Dawn il-każijiet jinkludu, pereżempju, każijiet minuri ta' rappurtar ħażin tal-qabdiet li ma għandhomx jirriżultaw fl-inammissibbiltà immedjata tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ tal-FEMS. |
|
(8) |
Il-ksur serju relatat mat-teħid abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta' ħut żgħir wisq, għandu jiġi evalwat fir-rigward tad-dħul fis-seħħ gradwali tal-eliminazzjoni tal-iskartar kif previst mill-PKS. Jidher li la hija neċessarja u lanqas xierqa li jsiru immedjatament inammissibbli l-applikazzjonijiet għall-appoġġ tal-FEMS mill-operaturi li jkunu wettqu dan il-ksur. |
|
(9) |
F'dawk il-każijiet eċċezzjonali msemmija fil-premessi (7) u (8), biex tiġi żgurata li l-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet mill-operaturi għall-appoġġ tal-FEMS tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità, huwa xieraq li l-kalkolu jkun ibbażat fuq il-perjodu ta' inammissibbiltà tas-sistema eżistenti ta' għoti ta' punti għal ċertu ksur serju kif stabbilit fl-Artikolu 92 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 126 u l-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (4). F'dawk il-każijiet eċċezzjonali mniżżla fil-punti 1, 2 u 5 tal-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011, id-data tal-bidu tal-applikazzjoni u l-kalkolu tal-perjodu ta' inammissibbiltà għandhom jiġu ddefiniti fir-rigward tal-Artikolu 126(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011. |
|
(10) |
Skont l-Artikolu 92(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, jekk id-detentur ta' liċenzja tas-sajd ma jwettaqx ksur serju ieħor fi żmien tliet snin mid-data tal-aħħar ksur serju, il-punti kollha fuq il-liċenzja tas-sajd tiegħu għandhom jitħassru. B'konsegwenza ta' dan, il-punti fuq il-liċenzja tas-sajd jibqgħu validi għal mill-inqas tliet snin. Peress li d-dispożizzjonijiet tal-FEMS japplikaw mill-1 ta' Jannar 2014, biex tiġi żgurata l-proporzjonalità u ċ-ċertezza legali, il-punti għall-ksur serju mniżżla fil-punti 1, 2 u 5 tal-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 għandhom jitqiesu biss għall-kalkolu tal-perjodu ta' inammissibiltà jekk jiġu assenjati mill-1 ta' Jannar 2013. |
|
(11) |
Is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) jikkostitwixxi waħda mit-theddidiet l-aktar serji għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin u jdgħajjef b'mod qawwi l-ksib tal-objettivi tal-PKS. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ tal-FEMS mill-operaturi tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' pajjiżi inklużi fil-lista tal-Unjoni ta' bastimenti involuti fis-sajd IUU jew ta' bastimenti li jtajru l-bandiera ta' pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. |
|
(12) |
L-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 jistipula li l-applikazzjonijiet ippreżentati mill-operaturi li wettqu frodi fil-kuntest tal-Fond Ewropew għas-Sajd (“FES”) jew tal-FEMS se jkunu inammissibbli għal ċertu perjodu ta' żmien. Peress li l-frodi tikkostitwixxi waħda mill-akbar theddidiet għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni u għall-kontribwenti tagħha, u biex jiġi provdut trattament armonizzat u ugwali għall-operaturi fl-Istati Membri kollha, għandhom jiġu definiti regoli adattati għall-gravità ta' din it-theddida fir-rigward tal-perjodu li fih l-applikazzjonijiet ippreżentati mill-operaturi li wettqu din il-frodi se jkunu inammissibbli. |
|
(13) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni proporzjonata u effettiva tar-regoli dwar l-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet mill-operaturi għall-appoġġ tal-FEMS, huwa xieraq li jiġu stabbiliti r-regoli għall-kalkolu tal-perjodi ta' inammissibbiltà f'każijiet fejn operatur wieħed għandu aktar minn bastiment wieħed tas-sajd. Dawn ir-regoli għandhom jiżguraw li l-appoġġ tal-FEMS ma jkunx ta' benefiċċju għall-bastimenti tas-sajd li ntużaw biex iwettqu ksur serju u li b'hekk l-applikazzjonijiet minn dawk l-operaturi jirriżultaw inammissibbli. Huwa wkoll xieraq li jiġu stabbiliti regoli għar-reviżjoni tal-perjodu ta' inammissibbiltà f'każijiet fejn l-operatur iwettaq ksur serju matul dan il-perjodu. |
|
(14) |
Għandhom jiġu stabbiliti regoli biex jiġi żgurat it-trattament ġust tal-operaturi li saru proprjetarji ġodda ta' bastimenti tas-sajd wara li jkun sar bejgħ jew kull tip ieħor ta' trasferiment tas-sjieda, filwaqt li fl-istess ħin ma tiddgħajjifx is-sistema tal-Unjoni għall-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 li hija neċessarja biex jinkisbu l-objettivi tal-PKS. |
|
(15) |
Jekk liċenzja tas-sajd ta' operatur tiġi rtirata b'mod permanenti minħabba l-frekwenza u l-gravità għolja ta' ksur li jitwettaq, l-introduzzjoni ta' projbizzjoni fuq l-aċċess għall-appoġġ tal-FEMS sal-aħħar tal-perjodu ta' eliġibbiltà stabbilit fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) hija ġustifikata bil-ħtieġa li jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-kontribwenti tagħha. Il-projbizzjoni tkun iġġustifikata wkoll anke jekk skont il-metodu tal-kalkolu stabbilit f'dan ir-Regolament, il-perjodu ta' inammissibbiltà jispiċċa qabel tmiem il-perjodu ta' eliġibbiltà. |
|
(16) |
Skont l-Artikolu 10(5) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-operaturi jippreżentaw applikazzjoni skont il-FEMS biex jipprovdu dikjarazzjoni ffirmata lill-awtorità maniġerjali li tikkonferma li dawn jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 u ma wettqu l-ebda frodi skont il-FES jew il-FEMS kif imsemmi fl-Artikolu 10(3) ta' dak ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw ukoll il-veraċità ta' dik id-dikjarazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar l-effetti ta' sospensjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni ma tirriżultax fl-ineffettività tar-regoli dwar l-istabbiliment tal-perjodu ta' inammissibbiltà. |
|
(17) |
Fir-rigward tal-każijiet ta' ksur u r-reati serji msemmija fl-Artikolu 10(1)(c) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, jeħtieġ li dawk il-każijiet jiġu vvalutati u analizzati aktar biex jiġi żgurat li t-tul ta' żmien tal-perjodu ta' inammissibbiltà jkun proporzjonat man-natura, il-gravità, it-tul ta' żmien u r-repetizzjoni ta' dak il-ksur u r-reati serji. Dan ir-Regolament għandu jiġi emendat wara li ssir dik l-analiżi. |
|
(18) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament u minħabba l-importanza li jiġi żgurat it-trattament armonizzat u ugwali tal-operaturi fl-Istati Membri kollha mill-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu u japplika mill-ewwel jum tal-perjodu ta' eliġibbiltà tal-FEMS, jiġifieri l-1 ta' Jannar 2014, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament japplika għall-applikazzjonijiet ta' appoġġ mill-FEMS u jidentifika l-perjodu li matulu dawn l-applikazzjonijiet ippreżentati mill-operaturi li wettqu azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1)(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, jew fl-Artikolu 10(3) ta' dak ir-Regolament, għandhom ikunu inammissibbli (“il-perjodu ta' inammissibbiltà”).
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:
|
1. |
“punti ta' ksur” tfisser il-punti mogħtija lill-operatur għal bastiment tas-sajd fil-kuntest tas-sistema ta' punti għall-ksur serju stabbilita fl-Artikolu 92 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. |
|
2. |
“operatur” tfisser operatur kif iddefinit fl-Artikolu 4(30) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li jippreżenta applikazzjoni għall-appoġġ tal-FEMS. |
KAPITOLU II
TUL TA' ŻMIEN U DATA TAL-BIDU TAL-PERJODU TA' INAMMISSIBBILTÀ
Artikolu 3
Inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet minn operaturi li wettqu ksur serju skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (6) jew l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009
1. Jekk awtorità kompetenti tistabbilixxi li operatur ikun wettaq ksur serju skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolamnent (KE) Nru 1005/2008 jew l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-applikazzjonijiet ta' dak l-operatur għall-appoġġ tal-FEMS għandhom ikunu inammissibbli għal perjodu ta' 12-il xahar.
2. B'deroga mill-paragrafu 1, jekk skont l-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 Stat Membru jagħti punti ta' ksur għall-ksur serju mniżżel fil-punti 1, 2 u 5 tal-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:
|
(a) |
jekk il-punti ta' ksur akkumulati minn operatur fir-rigward ta' bastiment tas-sajd jibqgħu inqas minn 9, l-applikazzjonijiet ta' dak l-operatur għall-appoġġ mill-FEMS għandhom ikunu ammissibbli; |
|
(b) |
jekk l-għadd ta' punti ta' ksur akkumulati minn operatur fir-rigward ta' bastiment tas-sajd huwa ta' 9 punti, il-perjodu tal-inammissibbiltà għandu jkun ta' 12-il xahar; |
|
(c) |
kull punt ta' ksur mogħti lil operatur fir-rigward ta' bastiment tas-sajd flimkien mal-punti akkumulati msemmija fil-punt (b), għandu jirriżulta f'perjodu addizzjonali ta' inammissibbiltà ta' xahar. |
3. Id-data tal-bidu tal-perjodu ta' inammissibbiltà għandha tkun id-data tal-ewwel deċiżjoni uffiċjali minn awtorità kompetenti li tistabbilixxi li jkun twettaq ksur serju skont it-tifsira tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jew l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
Bil-għan li jiġi kkalkulat il-perjodu ta' inammissibbiltà, għandu jitqies biss dak il-ksur serju li jitwettaq mill-1 ta' Jannar 2013 u li għalih minn dik id-data tittieħed deċiżjoni skont it-tifsira tas-subparagrafu ta' hawn fuq.
4. Madankollu, għall-finijiet speċifiċi tal-paragrafu 2, id-data tal-bidu tal-perjodu ta' innammissibbiltà għandha tkun id-data tal-ewwel deċiżjoni uffiċjali minn awtorità kompetenti li tagħti punti ta' ksur lil operatur skont l-Artikolu 126(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 u li b'hekk l-operatur jingħata total ta' 9 punti ta' ksur jew aktar fir-rigward ta' bastiment tas-sajd.
Bil-għan li jiġi kkalkulat il-perjodu ta' inammissibbiltà, għandhom jitqiesu biss il-punti ta' ksur li jitwettqu mill-1 ta' Jannar 2013 u li jingħataw permezz ta' deċiżjoni uffiċjali adottata minn dak il-jum.
Artikolu 4
Inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet mill-operaturi inklużi fil-lista tal-bastimenti IUU tal-Unjoni jew li l-bastiment tagħhom itajjar il-bandiera ta' pajjiż identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax
1. Il-perjodu ta' inammissibbiltà għal operatur li l-bastiment tas-sajd tiegħu jiġi inkluż fil-lista tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni involuti f'sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) kif imsemmi fl-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, għandu jkun il-perjodu kollu li fih il-bastiment tas-sajd jibqa' inkluż f'dik il-lista u, f'kull każ, ma jkunx inqas minn 24 xahar mid-data li fiha ġie elenkat fil-lista.
2. L-operaturi li l-bastiment tas-sajd tagħhom itajjar il-bandiera ta' pajjiż identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax, kif previst fl-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, għandu jkun inammissibbli għall-perjodu kollu li fih ikun elenkat dak il-pajjiż u, f'kull każ, għal perjodu minimu ta' 12-il xahar.
3. Id-data tal-bidu tal-perjodu ta' innammissibbiltà għandha tkun id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 468/2010 (7) li jistabbilixxi l-lista tal-bastimenti IUU tal-Unjoni jew tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2004/170/UE (8) li tistabbilixxi l-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx jew id-data ta' xi emenda ta' tali Regolament jew Deċiżjoni li permezz tagħha bastiment tas-sajd jew pajjiż jiżdied f'din il-lista.
Artikolu 5
Inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet mill-operaturi li wettqu frodi fil-kuntest tal-FES jew tal-FEMS
1. Meta awtorità kompetenti tistabbilixxi li operatur wettaq frodi fil-kuntest tal-FES jew tal-FEMS, l-applikazzjonijiet kollha għall-appoġġ tal-FEMS minn dak l-operatur għandhom ikunu inammissibbli mid-data tal-ewwel deċiżjoni uffiċjali li tistabbilixxi l-frodi, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (9).
2. Il-perjodu ta' inammissibbiltà għandu jibqa' fis-seħħ sa tmiem il-perjodu ta' eliġibbiltà tal-FEMS kif stabbilit fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI
Artikolu 6
Kalkolu tal-perjodu ta' inammissibbiltà jekk l-operatur għandu aktar minn bastiment wieħed tas-sajd
1. Meta operatur jkun proprjetarju jew jikkontrolla aktar minn bastiment wieħed tas-sajd, il-perjodu ta' innammissibbiltà ta' applikazzjoni minn dak l-operatur għandu jiġi stabbilit b'mod separat rigward kull bastiment individwali tas-sajd, skont l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4.
2. Madankollu, l-applikazzjonijiet ta' dak l-operatur għall-appoġġ tal-FEMS għandhom ikunu ammissibbli wkoll:
|
(a) |
jekk l-applikazzjonijiet għal aktar minn nofs il-bastimenti tas-sajd ta' proprjetà jew ikkontrollati minn dak l-operatur ikunu inammissibbli għall-appoġġ tal-FEMS skont l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4, jew |
|
(b) |
jekk, f'każ ta' ksur serju skont l-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 elenkat fil-punti 1, 2 u 5 tal-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011, il-medja ta' punti ta' ksur mogħtija għal kull bastiment tas-sajd ta' proprjetà jew ikkontrollat mill-operatur tkun ta' 7 jew aktar. |
3. B'deroga mill-paragrafi 1 u 2, jekk ksur serju li jitwettaq minn operatur ma jkunx relatat ma' xi bastiment tas-sajd ta' proprjetà jew ikkontrollat minn dak l-operatur, l-applikazzjonijiet kollha għall-appoġġ tal-FEMS minn dak l-operatur għandhom ikunu inammissibbli.
Artikolu 7
Trasferiment tas-sjieda
1. F'każ ta' bejgħ jew kull tip ieħor ta' trasferiment tas-sjieda ta' bastiment tas-sajd, il-perjodu ta' inammissibbiltà li fih l-operatur jittrasferixxi l-bastiment tas-sajd u marbut ma' ksur serju li jitwettaq qabel il-bidla fis-sjieda ma għandux jiġi trasferit għall-operatur il-ġdid. L-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet mill-operatur il-ġdid jistgħu jirriżultaw minn ksur serju ġdid imwettaq mill-operatur il-ġdid.
2. Madankollu, jekk il-punti ta' ksur jingħataw għall-ksur serju skont it-tifsira tal-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 elenkat fil-punti 1, 2 u 5 tal-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 u mwettqa qabel il-bidla fis-sjieda tal-bastiment tas-sajd, dawk il-punti għandhom jitqiesu għall-kalkolu tal-perjodu ta' innammissibbiltà tal-operatur il-ġdid skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6(2)(b) jekk dak l-operatur iwettaq ksur serju ġdid skont l-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 elenkati fil-punti 1, 2 u 5 tal-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011.
Artikolu 8
Irtirar permanenti tal-liċenzja tas-sajd
B'deroga mill-Artikolu 6, jekk liċenzja tas-sajd ta' operatur tiġi rtirata b'mod permanenti għal xi wieħed mill-bastimenti tas-sajd ta' proprjetà jew ikkontrollati minn dak l-operatur:
|
(a) |
skont l-Artikolu 129(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011; jew fejn japplika, |
|
(b) |
bħala riżultat tas-sanzjonijiet għal ksur serju imposti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, |
l-applikazzjonijiet kollha minn dak l-operatur għandhom ikunu inammissibbli għall-appoġġ mill-FEMS mid-data tal-irtirar sa tmiem il-perjodu ta' eliġibbiltà, kif stabbilit fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
Artikolu 9
Reviżjoni tal-perjodu ta' inammissibbiltà
Dejjem jekk il-perjodu ta' inammissibbiltà jdum total ta' mill-inqas 12-il xahar:
|
(a) |
għandu jitnaqqas b'xahrejn f'każ ta' ksur serju skont l-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 elenkat fil-punti 1, 2 u 5 tal-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 jekk jitħassru 2 punti ta' ksur skont l-Artikolu 133(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 għal dan il-ksur serju; |
|
(b) |
għandu jiġi estiż bi 12-il xahar għal kull ksur serju addizzjonali li jitwettaq mill-operatur matul il-perjodu ta' inammissibbiltà skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jew l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009; jew |
|
(c) |
b'deroga mill-paragrafu (b), għandu jiġi estiż skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(c) għal kull ksur serju addizzjonali li jitwettaq mill-operatur matul il-perjodu ta' inammissibbiltà skont l-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 elenkat fil-punti 1, 2 u 5 tal-Anness XXX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011; |
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).
(7) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 468/2010 tat-28 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi l-lista tal-UE ta' bastimenti involuti f'sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (ĠU L 131, 29.5.2010, p. 22).
(8) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2004/170/UE tal-24 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 43).
(9) L-Att tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 1995 li jfassal il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 316, 27.11.1995, p. 48).